Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0286

    Effikaċja akbar bejn il-FEŻR u fondi strutturali oħra Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra (2010/2160(INI))

    ĠU C 390E, 18.12.2012, p. 27–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 390/27


    Il-Ħamis 23 ta’ Ġunju 2011
    Effikaċja akbar bejn il-FEŻR u fondi strutturali oħra

    P7_TA(2011)0286

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra (2010/2160(INI))

    2012/C 390 E/04

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 174, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 175, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-Politika ta’ Koeżjoni: Investiment fl-ekonomija reali (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar il-kumplimentarjetà u l-koordinazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u tal-miżuri għall-iżvilupp rurali (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji tal-fondi assenjati għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fl-Istati Membri u fl-Unjoni (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta’ Lisbona (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013 (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta1-14 ta’ Diċembru 2010 dwar governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE (11),

    wara li kkunsidra l-20 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2008) tal-21 ta’ Diċembru 2009 (COM(2009)0617/2),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 dwar "EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar "Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013" (COM(2010)0110),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 dwar "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM (2010)0553),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE" (COM(2010)0700),

    wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni ("il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni), ta’ Novembru 2010,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 dwar il-konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni (COM(2010)0642),

    wara li kkunsidra l-ittra indirizzata lill-President tal-Kummissjoni mill-Kummissarji għall-Politika Reġjonali, għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0141/2011),

    A.

    billi l-Artikolu 174 TFUE jipprevedi li l-Unjoni, sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha,

    B.

    billi l-premessa 40 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tiddikjara li l-programmazzjoni għandha tiżgura l-koordinazzjoni tal-Fondi bejniethom u mal-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra, mal-BEI u mal-Fond Ewropew ta’ l-Investment (FEI). u li din il-koordinazzjoni għandha tkopri wkoll it-tħejjija ta’ skemi finanzjarji kumplessi u sħubiji pubbliċi privati,

    C.

    billi l-Kummissjoni, fl-istrateġija Ewropa 2020, wegħdet li se timmobilizza l-istrumenti finanzjarji tal-UE – speċifikament, il-fondi għall-iżvilupp rurali u l-fondi strutturali, il-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, in-Netwerks Trans-Ewropej (TENs), il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-BEI, fost l-oħrajn – bħala parti minn strateġija ta’ finanzjament konsistenti, li tiġbor flimkien il-finanzjament tal-UE u dak pubbliku u privat, fil-kuntest tal-inizjattiva emblematika intitolata "Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi", biex b'hekk tiġi riflessa l-ħtieġa għal koerenza bejn il-politiki u l-istrumenti,

    D.

    billi l-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni jirrikonoxxi b'mod ċar li biex wieħed ifittex li jkun hemm żvilupp reġjonali effikaċi, hemm bżonn ta’ koordinament mill-qrib tal-politiki pubbliċi f'kull livell,

    E.

    billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2010 dwar ir-Rapport Strateġiku 2010 tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, saħaq fuq "il-ħtieġa għal titjib ulterjuri tal-koordinazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u ta’ linja politika tal-UE u nazzjonali oħra, fejn meħtieġ, sabiex tiżdied l-effettività fit-twettiq ta’ objettivi komuni b'mod aktar ikkoordinat" kif ukoll "il-valur reali miżjud iġġenerat minn approċċ strateġiku wieħed u minn regoli ta’ implimentazzjoni komuni għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew, fil-qafas ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni",

    F.

    billi, fl-ittra li indirizzaw lill-President tal-Kummissjoni Barroso, il-Kummissarji għall-Politika Reġjonali, għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, għall-Impjieg, għall-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali rrikonoxxew "il-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-politiki differenti tal-UE sabiex jintlaħaq l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklussiv li trid tikseb l-UE", waqt li pproponew "it-tfassil ta’ qafas strateġiku komuni fil-livell tal-UE għall-BERŻ, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR, u l-FES, għall-perjodu wara l-2013",

    G.

    billi r-riforma tal-politika strutturali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 wasslet għall-firda tal-iżvilupp rurali mill-qafas ġenerali tal-fondi strutturali.

    H.

    billi r-razzjonalizzazzjoni tal-infiq tirrikjedi aktar effikaċità u effiċjenza tal-politiki fil-livell tal-UE, kif ukoll fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u billi l-koordinament mill-qrib u l-komplementarjetà huma elementi essenzjali fil-modernizzazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-ġejjieni,

    I.

    billi, mingħajr qafas politiku li jappoġġahom, is-sinerġiji nnifishom jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq il-kapaċità organizzattiva u strateġika tal-benefiċjarji biex jgħaqqdu l-appoġġ minn strumenti differenti tal-UE,

    J.

    billi approċċ ibbażat fuq l-iżvilupp lokali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għall-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni, u billi l-politika ta’ koeżjoni tibqa' l-istrument fundamentali biex jiġu affrontati l-isfidi partikulari għal kwalunkwe territorju, waqt li l-attenzjoni għad-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni li tkun tirrifletti oqsma funzjonali aktar estensivi trid tiġi akkumpanjata minn kundizzjonijiet ibbilanċjati għall-iżvilupp sinerġiku tal-inħawi urbani, suburbani u rurali,

    K.

    billi hemm ħtieġa akuta, kif ukoll pressjoni, għall-konsolidament tal-baġits pubbliċi, u din tirrikjedi aktar azzjonijiet innovattivi għat-tisħiħ tal-impatt ta’ kwalunkwe finanzjament disponibbli, u billi l-koordinament effikaċi tal-politiki u l-istrumenti se jippermetti li jiġu ffrankati l-ħin u r-riżorsi u li jkun hemm kisbiet reali fir-rigward tal-effiċjenza u l-effikaċità,

    L.

    billi wieħed irid jaħdem favur il-koordinament u s-sinerġiji kemm orizzontalment (b'konsistenza bejn il-politiki differenti), kif ukoll vertikalment (b'koperazzjoni u koordinament bejn id-diversi livelli ta’ governanza),

    M.

    billi approċċ frammentat jista' jwassal għal nuqqasijiet fil-politika, politiki doppji jew anke konfliġġenti, azzjonijiet pubbliċi kontradittorji u duplikazzjoni tar-riżorsi, b'konsegwenzi kemm għall-effikaċità reġjonali tal-politiki pubbliċi, kif ukoll għall-impatt nazzjonali tagħhom, u billi l-kunċett ta’ approċċ integrat ma jidhirx li ġie enfasizzat biżżejjed fl-aħħar dokumenti politiċi tal-Kummissjoni,

    N.

    billi politika ta’ koeżjoni aktar integrata, konsistenti, effikaċi u effiċjenti tirrikjedi sforz akbar biex il-politiki tal-UE jiġu adattati għall-ħtiġijiet u l-assi speċifiċi tad-diversi territorji u reġjuni tal-Unjoni,

    O.

    billi l-Linji Gwida Strateġiċi – fil-kuntest tal-linja gwida ġenerali ta’ titjib ta’ aċċess għall-finanzi – jirrikjedu koordinament aħjar bejn il-fondi,

    P.

    billi l-Linji Gwida Strateġiċi jitolbu speċifikament it-tħeġġiġ ta’ sinerġiji bejn il-politiki strutturali, dwar l-impjiegi u dwar l-iżvilupp rurali, waqt li jenfasizzaw li, f'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw sinerġija u konsistenza bejn l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati f'territorju partikulari, u f'qasam ta’ attività partikulari mill-BERŻ, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FSE, il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); u billi jipprevedu wkoll li l-prinċipji ta’ gwida ewlenin fir-rigward tal-linja ta’ demarkazzjoni u l-mekkaniżmi għall-koordinament bejn l-azzjonijiet appoġġati mid-diversi fondi għandhom ikunu definiti fl-oqfsa ta’ referenza strateġiċi nazzjonali/fil-pjanijiet ta’ strateġija nazzjonali,

    Q.

    billi, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Frar 2011 dwar il-Ħames Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li twaqqaf programmi li jinkludu diversi fondi,

    R.

    billi xi reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandhom fruntieri ma’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), u billi għandu jkun possibbli li s-sinerġiji ta’ finanzjament ta’ xi proġetti jiġu speċifikament enfasizzati, biex b'hekk il-potenzjal għall-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej f'din il-qagħda jkun jista' jiżdied,

    S.

    billi r-rieżami ta’ nofs it-terminu jirrikonoxxi li l-flessibilità baġitarja hi limitata u li jeżistu ostakli għar-riprijoritizzazzjoni anke bejn il-programmi, waqt li jinnota wkoll li l-inkonsistenzi bejn il-programmi u l-piżijiet amministrattivi onerużi jxekklu l-effikaċità,

    T.

    billi, fis-sitwazzjoni attwali ta’ wara kriżi, hu aktar importanti minn qatt qabel li wieħed jifhem il-proċessi fl-ekonomiji tal-Istati Membri u r-riżultati miksubin permezz tal-użu tar-riżorsi tal-UE,

    U.

    billi hu importanti li jiġu żgurati l-viżibilità u "l-valur miżjud Ewropew" tal-kontribut tal-UE,

    Il-ħin u l-post għal koordinament u sinerġiji akbar

    1.

    Jitlob li jiġi propost qafas strateġiku uniku, mill-perjodu ta’ programmazzjoni finanzjarja li jmiss għal wara l-2013, biex jiġi żgurat approċċ komuni u ssir kapitalizzazzjoni fuq is-sinerġiji bejn l-azzjonijiet kollha li jservu fuq il-post biex ikomplu jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni kif definiti mit-Trattati u kif iffinanzjati mill-BERŻ, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FSE, il-FAEŻR u l-FES;

    2.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fini tal-politika ta’ koeżjoni għandha tkun tkabbir ekonomiku sostenibbli, intelliġenti u inklużiv imqassam territorjalment u soċjalment b'mod uniformi, it-tnaqqis tad-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, il-ħolqien ta’ impjiegi, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, it-taħriġ għall-ħaddiema għal impjiegi ġodda, fosthom fil-qasam tal-ekonomija sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u territorjali u l-implimentazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew li jikkostitwixxi element ta’ koeżjoni u kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

    3.

    Jafferma li l-politika ta’ koeżjoni għandha tintuża għall-ksib ta’ tkabbir sostenibbli madwar l-UE kollha u distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-benesseri, permezz tat-trawwim tal-kompetizzjoni u l-immirar lejn it-tnaqqis tad-disparitajiet soċjoekonomiċi bejn ir-reġjuni tal-UE;

    4.

    Iqis li l-politika ta’ koeżjoni hi wieħed mill-pilastri ta’ politika ekonomika tal-UE li tiffavorixxi l-istrateġija tal-investimenti fit-tul u l-inklużjoni soċjali; iqis li l-politika ta’ koeżjoni tiggarantixxi l-appoġġ għar-reġjuni l-anqas żviluppati u l-kategoriji żvantaġġati, biex twassal għal żvilupp bilanċjat u armonjuż għall-Unjoni Ewropea; jinnota li l-valur miżjud Ewropew jinsab fil-fatt li kulħadd jista' jibbenefika mis-suċċessi ekonomiċi tal-UE; jirrakkomanda għalhekk li l-politika ta’ koeżjoni tinżamm fuq bażi indipendenti b'finanzjament sostanzjali;

    5.

    Jilqa' l-proposta stipulata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Baġit biex il-Kummissjoni tadotta Qafas Strateġiku Komuni sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-politiki tal-UE għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020; jappella f'dan il-kuntest għal azzjoni għat-trawwim ta’ sinerġiji bejn il-metodi ta’ finanzjament tal-inizjattivi emblematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jirrimarka, madankollu, li aktar sinerġiji bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-ħames fondi msemmijin hawn fuq fi ħdan Qafas Strateġiku Komuni għandhom rwol pivotali mhux biss biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, imma anke u prinċipalment biex jinkisbu l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni kif stabbiliti mit-Trattat;

    6.

    Jilqa' l-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni li, għalkemm fil-biċċa l-kbira tiegħu jiffoka fuq l-evidenzjar tal-kontribut li jistgħu jagħtu r-reġjuni u l-politika ta’ koeżjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, jinkludi madankollu għadd ta’ konklużjonijiet li huma xhieda tar-rwol kruċjali ta’ aktar sinerġiji fost il-fondi strutturali, inkluż il-Fond ta’ Koeżjoni;

    7.

    Jemmen li n-nefqa fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni trid tiġi razzjonalizzata billi titnaqqas il-frammentazzjoni tal-istrumenti u l-kanali ta’ finanzjament u titrawwem komplementarjetà aħjar bejn l-istrumenti ta’ finanzjament differenti; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal prijoritizzazzjoni aħjar u konċentrazzjoni tematika tar-riżorsi tal-UE u dawk nazzjonali fuq għadd ta’ prijoritajiet sabiex ikun hemm koordinament imsaħħaħ bejn il-fondi, bil-possibilità li tissaħħaħ in-natura strateġika ta’ din il-politika; jenfasizza, madankollu, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri, dawk reġjonali u dawk lokali għadhom jeħtieġu biżżejjed flessibilità biex jadattaw il-prijoritajiet għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp speċifiċi tagħhom;

    8.

    Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment immirati lejn it-titjib tal-koordinament bejn il-fondi komunitarji u l-finanzjament nazzjonali għall-objettivi u l-programmi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-kuntratti; jappella sabiex dawn il-kuntratti jiġu kkoordinati mar-riformi nazzjonali tal-politiki settorjali li għandhom impatti territorjali (eż. it-trasport u l-infrastrutturi għar-riċerka u l-iżvilupp);

    9.

    Jenfasizza li ħafna mill-inizjattivi tal-iżvilupp ekonomiku fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni ma joħolqux sempliċiment opportunitajiet li jkun mixtieq li jittieħdu, imma attwalment is-suċċess tagħhom jiddependi fuq il-fatt li l-fatturi kemm umani kif ukoll fiżiċi jiġu indirizzati (it-titjib fl-infrastruttura, pereżempju, ma jwassalx awtomatikament għal aktar tkabbir jekk ma jkunx marbut mal-investiment fl-edukazzjoni, l-imprenditorjat, u l-innovazzjoni); għalhekk jemmen li l-effett tal-iżvilupp ta’ dawn il-fondi se jkun massimizzat mis-sinerġiji miżjuda bejn il-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni;

    10.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li jiżvolġi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fl-użu effikaċi tal-Fond Soċjali Ewropew, billi l-FEŻR huwa responsabbli għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet bħal infrastruttura xierqa u aċċessibilità adegwata li mingħajrhom l-investimenti relatati mal-impjiegi ma jistgħux ikunu effiċjenti;

    11.

    Jenfasizza kif il-kriżi ekonomika żiedet aktar u aktar il-ħtieġa urġenti għal miżuri fis-setturi koperti mill-Fond Soċjali Ewropew, li jkunu jippromwovu b'mod partikolari l-impjiegi, ir-riorjentament professjonali, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar;

    12.

    Jenfasizza li l-FSE, bħala strument ta’ appoġġ għat-taħriġ kontinwu, il-ksib tal-kwalifiki u r-riorjentament professjonali, għandu jitqies bħala riżorsa essenzjali – li fil-fatt mhuwiex qed tiġi kompletament sfruttata – għall-promozzjoni tat-tkabbir komprensiv u effiċjenti u l-kompetittività bbażata fuq l-għarfien għall-Ewropa;

    13.

    Jisħaq fuq il-fatt li tfassil politiku ffukat u kkoordinat jiggrantixxi l-prijoritizzazzjoni ta’ dawk l-investiment bl-akbar impatt fuq il-kompetittività u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni;

    14.

    Huwa tal-opinjoni li l-azzjonijiet tal-iżvilupp rurali taħt il-FAEŻR u l-azzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli għaż-żoni tas-sajd taħt il-FES għandhom jiġu integrati f'qafas wieħed mal-fondi strutturali l-oħrajn, b'mod partikolari l-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa sa liema punt jista' approċċ komprensiv għall-iżvilupp tal-komunitajiet rurali u tas-sajd, f'konformità mal-objettiv tal-koeżjoni territorjali, jiġi ggarantit permezz ta’ ċaqliq tal-azzjonijiet tal-iżvilupp lokali taħt iż-żewġ fondi msemmija lejn l-“umbrella tal-koeżjoni”, jew, għall-inqas, permezz ta’ sinerġiji aktar ċari fost il-fondi kollha; jemmen li approċċ ta’ dan it-tip iqis il-kuntest tal-politiki fundamentali b'impatt territorjali, u jippermetti li dawk involuti attivament fi proċessi ta’ żvilupp fil-livell reġjonali u lokali jmexxu politika effikaċi bbażata fuq il-post adattata tajjeb għall-bżonnijiet territorjali taż-żoni rurali u tas-sajd jew tal-gżejjer żgħar;

    15.

    Jenfasizza li l-koordinazzjoni għandha tiġi msaħħa ulterjorment mhux biss fost l-istrumenti ta’ politika ta’ koeżjoni bħala tali (l-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni) iżda wkoll fost azzjonijiet iffinanzjati minn dawn l-istrumenti u attivitajiet imwettqa taħt it-TENs, is-Seba' Programm ta’ Qafas u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (is-CIP);

    16.

    Jikkunsidra li s-sinerġiji jistgħu jkunu rilevanti għall-objettiv tal-koperazzjoni territorjali bejn il-BERŻ u l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni u tal-viċinat fil-kuntest tal-proġetti transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni teżamina f'liema każi jista' jitfittex wkoll koordinament mal-istrumenti tal-aspetti esterni tal-politiki tal-UE bħall-FEŻ;

    17.

    Jemmen li dan it-tisħiħ u koordinament reċiproċi tal-politiki tal-UE jistgħu mingħajr ebda dubju jiżguraw l-aħjar riżultati possibbli mill-baġit tal-UE; jitlob li jiġu żviluppati inizjattivi ta’ inġinerija finanzjarja, bħal ma huma l-istrumenti ffinanzjati mill-BEI, u li dawn l-istrumenti jintużaw aktar;

    18.

    Jenfasizza l-fatt, madankollu, li bosta Stati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fil-koordinament ta’ bosta fondi u apparentement esprimew l-ansjetà tagħhom dwar in-nuqqas ta’ sinerġija, u anki f'xi każijiet sovrapożizzjoni, bejn il-fondi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-regoli kumplessi ta’ immaniġġjar tal-fondi jeħtieġu livell għoli wisq ta’ kapaċità istituzzjonali sabiex jingħelbu l-ostakli u tiġi kkoordinata b'mod sodisfaċenti l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-kofinanzjament u tas-semplifikazzjoni meħtieġa tar-regoli biex ikun jista' jseħħ it-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-fondi strutturali;

    19.

    Jenfasizza li s-semplifikazzjoni, li hija kruċjali għal politika ta’ koeżjoni ta’ suċċess, għandha ssir kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll reġjonali, biex b'hekk jitjiebu r-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi struttura iktar sempliċi għall-politika fil-ġejjieni, abbażi ta’ iktar flessibilità, proporzjonalità u viżibilità fl-użu tal-fondi, sabiex jiġi ffaċilitat l-assorbiment iktar sħiħ u mgħaġġel tagħhom;

    20.

    Ifakkar li waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn il-BERŻ u l-fondi strutturali l-oħra batew biex jindirizzaw b'mod effikaċi l-flus lejn proġetti b'possibilità aktar li jiġġeneraw l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi kienet enfasi eċċessiva fuq il-kapaċità ta’ assorbiment aktar mir-riżultati;

    21.

    Jargumenta favur politika ta’ koeżjoni iktar orjentata lejn ir-riżultati, li tkun inqas iffukata fuq ir-regolarità tal-infiq u tal-proċeduri iżda li tistabbilixxi bilanċ effikaċi bejn il-kwalità tal-interventi u l-kontroll finanzjarju u amministrattiv; jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni adegwati biex jitjiebu l-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi tal-korpi inkarigati mill-ġestjoni tal-programmi, li jikkontribwixxu għall-kwalità tal-infiq u għat-tnaqqis tal-livell ta’ żbalji;

    22.

    Jemmen li l-istruttura għall-politika ta’ koeżjoni futura għandha tkun aktar sempliċi, aktar flessibbli u kapaċi li tiffaċilita assorbiment u effikaċja ottimali tal-fondi;

    23.

    Jisħaq li l-valur miżjud Ewropew jista' u jrid jinkiseb permezz ta’ sinerġija akbar bejn l-istrumenti għall-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni u koordinament aħjar bejn dawn u l-istrumenti l-oħra ta’ finanzjament;

    Għan wieħed: il-koeżjoni; sett wieħed ta’ strumenti biex tinkiseb

    24.

    Iqis li regoli komuni dwar il-ġestjoni, l-eliġibilità, il-verifika u r-rappurtar ta’ proġetti ffinanzjati mill-FEŻR, l-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR u l-FES (speċjalment fir-rigward ta’ miżuri li jappoġġaw d-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali u tas-sajd) mhux biss jiżvolġu rwol fundamentali fit-tisħiħ u l-iffaċilitar ta’ implimentazzjoni aktar effikaċi tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni iżda jgħinu wkoll b'mod kruċjali l-isforzi ta’ semplifikazzjoni; iqis, barra minn hekk, li dan jista' jissemplifika kemm l-użu tal-fondi mill-benefiċjarji kif ukoll l-immaniġġjar tal-fondi mill-awtoritajiet nazzjonali, jitnaqqas ir-riskju ta’ żball filwaqt li jipprovdi differenzjazzjoni, kif meħtieġ, biex jirrifletti l-ispeċifiċitajiet ta’ politiki, strumenti u benefiċjarji, u jiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni fi programmi tal-politika ta’ koeżjoni minn partijiet interessati iżgħar, kif ukoll l-assorbiment aktar faċli tal-fondi disponibbli, bil-kundizzjoni li din is-semplifikazzjoni tkun appoġġata minn biżżejjed finanzjament għall-assistenza teknika;

    25.

    Jinsisti li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jibqa' fil-qafas tar-regolament dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jinżamm u jissaħħaħ il-mudell ta’ regolament ġenerali uniku, li jkopri r-regoli dwar l-immaniġġjar, l-eliġibilità, il-verifika, il-kontroll u r-rappurtar, flimkien ma’ regolamenti qosra u ffukati speċifiċi għall-fondi li jirriflettu l-għanijiet politiċi partikolari ta’ kull fond; jenfasizza, barra minn hekk, li l-koordinament għandu jseħħ fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politiki, mill-ippjanar strateġiku permezz tal-forniment u l-ħlasijiet sal-għeluq, il-verifika, il-kontroll u l-evalwazzjoni;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-modi l-aktar effikaċi biex jiżdiedu s-sinerġiji fuq il-post; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li tingħata konsiderazzjoni lill-possibbiltà li l-Istati Membri jitħallew jagħżlu li jkollhom programm operattiv wieħed għal kull reġjun, jew programm operattiv li jkopri diversi reġjuni fil-qafas ta’ strateġiji makroreġjonali li jħaddnu fondi differenti (il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR u il-FES) b'awtorità ta’ mmaniġġjar waħda, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-kontributi tar-reġjuni għal approċċ iddeċentralizzat kif ukoll lill-għoti ta’ aktar awtonomija u flessibilità lir-reġjuni fir-rigward tal-parteċipazzjoni fl-istrateġiji proprji tagħhom u fit-titjib tal-livelli amministrattivi reġjonali u lokali; jipproponi li l-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar nazzjonali tal-Istati Membri jfasslu programmi operattivi futuri indirizzati kemm jista' jkun lejn l-objettivi lokali u reġjonali;

    27.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis programmi li jinkludu fondi differenti għall-Istati Membri u r-reġjuni li jixtiequ jużawhom; iqis li dan jikkontribwixxi biex il-ħidma ssir b'mod aktar integrat u flessibbli u jżid l-effikaċja tal-fondi differenti (il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR, il-FEŻ u s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka);

    28.

    Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għar-rieżami tad-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament transversali u t-tnaqqis tal-ostakoli għall-applikazzjoni tagħhom, fid-dawl ta’ data affidabbli u komprensiva dwar l-użu u l-impatt tagħhom, sabiex tiġi żgurata aktar semplifikazzjoni u ċertezza legali fl-applikazzjoni tagħhom meta mqabbla mas-sitwazzjoni osservata fil-preżent;

    29.

    Jitlob li jiġi ċċarat l-ambitu territorjali u jiġu armonizzati r-regoli dwar l-eliġibilità bejn il-FEŻR u l-FAEŻR fiż-żoni rurali u suburbani bl-għan li tiġi evitata sovrapożizzjoni bla bżonn bejniethom; jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ koperazzjoni mill-qrib għall-għażla u l-monitoraġġ tal-proġetti ffinanzjati minn dawn iż-żewġ fondi f'territorju partikolari;

    30.

    Jenfasizza l-valur miżjud mill-finanzjament trasversali bejn il-BERŻ u l-FES f'dak li jirrigwarda l-flessibilità għall-proġetti ta’ inklużjoni soċjali u l-istrateġiji għall-iżvilupp integrat; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta’ "one-stop shop" biex tipprovdi gwida prattika, informazzjoni u konsulenza għal dawk ikkonċernati, sabiex jiġi assigurat li l-pubbliku jinżamm aġġornat sewwa fir-rigward kemm tal-finanzjament trasversali, kif ukoll tas-sinerġiji bejn il-fondi b'mod ġenerali; iħeġġeġ li din il-bidla lejn is-semplifikazzjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-pubbliku, bl-iskop li jitnaqqas l-ammont ta’ informazzjoni mitluba għal minimu meħtieġ.

    31.

    Jemmen li l-iżvilupp tar-riżorsi umani u tixrid aħjar tal-informazzjoni huma prekundizzjonijiet għall-assorbiment b'suċċess tal-fondi u t-twettiq preċiż tad-diversi proġetti;

    32.

    Jisħaq, fl-istess ħin, fuq l-importanza li tiżdied il-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri, fil-livell reġjonali u lokali kif ukoll fost il-partijiet interessati, sabiex jingħelbu l-ostakli għal sinerġiji effikaċi bejn il-fondi strutturali u fondi oħra u jiġu appoġġati tfassil u implimentazzjoni effikaċi tal-politiki; jinsisti fuq ir-rwol essenzjali li l-Kummissjoni għandha tiżvolġi f'dan ir-rigward;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ kemm l-assistenza teknika u kemm it-taħriġ għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex iżżid il-kapaċitajiet u l-għarfien tar-regoli dwar il-problemi relatati mal-implimentazzjoni;

    34.

    Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità għall-investiment fil-kapaċità istituzzjonali u jissemplifikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv u jżidu l-kapaċità ta’ assorbiment tagħhom;

    35.

    Ifakkar f'dan ir-rigward, il-kontribut importanti li jagħtu r-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipju tal-governanza fuq diversi livelli għat-trawwim tal-koordinament bejn id-diversi korpi għat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn id-diversi strumenti ta’ finanzjament;

    36.

    Iqis ta’ importanza kruċjali, għal użu aħjar tal-fondi, il-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali permezz ta’ djalogu soċjali u territorjali bla interruzzjonijiet;

    37.

    Jirrikonoxxi l-impatt inugwali tal-kriżi ekonomika fuq it-territorju u fuq il-popolazzjoni tal-UE; jemmen li l-istrateġija l-ġdida għall-użu tal-fondi se tkun aktar effikaċi jekk tinvolvi l-livelli reġjonali u lokali tal-governanza, li huma kapaċi japplikaw l-objettivi strateġiċi għall-ispeċifiċitajiet lokali anki permezz ta’ djalogu strutturat mal-partijiet interessati kollha, mal-organizzazzjonijiet li jippromwovu d-drittijiet tal-ġeneri, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, iżda wkoll l-istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji; jisħaq fuq il-bżonn li jitħalla biżżejjed marġini għar-rekwiżiti reġjonali u lokali fit-tfassil tal-objettivi politiċi;

    38.

    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal gwida Ewropew dwar il-governanza fuq diversi livelli, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentawha f'konformità mal-objettivi lokali u reġjonali speċifiċi u jestendu l-mekkaniżmi ta’ governanza tal-politika ta’ koeżjoni (jiġifieri l-ipprogrammar, il-finanzjament u l-implimentazzjoni fi sħubija bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali) lil dawk il-fondi koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni ppjanat, sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq pubbliku;

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, meta tkun qed tistabbilixxi l-Qafas Strateġiku Komuni l-ġdid u tressaq proposti għal regolamenti, disposizzjonijiet li jippermettu sħubiji lokali u reġjonali (bliet, irħula, reġjuni funzjonali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali) biex tinkorpora d-diversi flussi ta’ finanzjament tal-UE f'qafas konsistenti u integrat fit-territorji rispettivi tagħhom;

    *

    * *

    40.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

    (2)  ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.

    (3)  ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 10.

    (4)  ĠU C 87 E, 1.4.2010. p. 113.

    (5)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 46.

    (6)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 65.

    (7)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 104.

    (8)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.

    (9)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 84.

    (10)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0356.

    (11)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0468.


    Top