EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0284

L-Aġenda urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni (2010/2158(INI))

ĠU C 390E, 18.12.2012, p. 10–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 390/10


Il-Ħamis 23 ta’ Ġunju 2011
L-Aġenda urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni

P7_TA(2011)0284

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta’ Koeżjoni (2010/2158(INI))

2012/C 390 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (2),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-effiċjenza fl-enerġija u l-investimenti fl-enerġija rinovabbli fid-djar (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Frar 2008 dwar is-segwitu tal-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig: Lejn Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp tal-Ispazju u l-Koeżjoni Territorjali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar id-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu l-ġdid tal-ipprogrammar (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-ksib tal-objettivi ta’ Lisbona u tal-UE2020 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013 (11),

wara li kkunsidra n-nota ad hoc ippubblikata mill-Parlament Ewropew intitolata “Is-segwitu tal-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig: lejn Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-iżvilupp tal-ispazju u l-koeżjoni territorjali”,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 dwar “EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni', tad-9 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 dwar “Il-konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni” (COM(2010)0642),

wara li kkunsidra r-rapport ta’ sintesi tal-Kummissjoni ta’ April 2010 dwar “L-evalwazzjoni ex-post tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2000-2006 kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) (Objettiv 1 u 2)”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2010 dwar “L-evalwazzjoni ex-post tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2000-2006: l-Inizjattiva Urbana tal-Komunità”,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) dwar “Il-ħtieġa li jiġi applikat approċċ integrat għar-riġenerazzjoni urbana” tas-26 ta’ Mejju 2010 (12),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tar-riġenerazzjoni urbana fil-ġejjieni tal-iżvilupp urban fl-Ewropa” tad-9 ta’ Ġunju 2010 (13),

wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-UE – Lejn Ewropa ta’ Reġjuni Differenti Aktar Kompetittiva u Sostenibbli (“l-Aġenda Territorjali”) u l-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli (“il-Karta ta’ Leipzig”), li t-tnejn kienu adottati fil-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli mill-ippjanar tal-ispazju u l-iżvilupp urban li sar f'Leipzig fl-24 u fil-25 ta’ Mejju 2007,

wara li kkunsidra d-“Dikjarazzjoni ta’ Toledo” adottata fil-Kunsill Informali tal-Ministri dwar l-iżvilupp urban li sar f'Toledo fit-22 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni tad-Diretturi Ġenerali għall-Iżvilupp Urban dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni (COM(2010)0642/3),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tas-Samit Ewropew tal-Gvernijiet Lokali li sar f'Barċellona, mit-22 sal-24 ta’ Frar 2010, intitolat ‘Il-gvernijiet lokali, il-protagonisti fl-Ewropa l-ġdida’,

wara li kkunsidra l-Ftehim tas-Sindki, kif inbeda u ġie appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-rapport indipendenti, imħejji fuq talba tal-Kummissjoni, intitolat “Aġenda għal Riformi fil-Politika ta’ Koeżjoni” (rapport ta’ Fabrizio Barca) (2009).

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0218/2011),

A.

billi l-UE tista' tkun karatterizzata mill-iżvilupp poliċentriku tagħha u minn varjetà ta’ żoni urbani u bliet ta’ daqs differenti li għandhom kompetenzi u riżorsi eteroġeniċi; jesprimi l-opinjoni tiegħu li ma jkunx xieraq u saħansitra jkun anke problematiku li tiġi adottata definizzjoni komuni ta’ “żoni urbani” u tat-terminu ‘urban’ għax huwa diffiċli li jitpoġġew fl-istess keffa id-diversi sitwazzjonijiet li jeżistu fl-Istati Membri u fir-reġjuni u għaldaqstant hu tal-fehma li kwalunkwe definizzjoni u denominazzjoni obbligatorja ta’ żoni urbani għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà msejjes fuq indikaturi komuni Ewropej; billi għandha tingħata titwila għal kif approċċ funzjonali jista' jwassal għal definizzjoni standard ta’ “urban” u b'hekk tinħoloq il-bażi għal definizzjoni ċar fil-liġi tad-dimensjoni urbana tal-politiki tal-Unjoni; billi, madankollu, ikun siewi l-aktar fil-kuntest tal-Politika ta’ Koeżjoni u politiki Komunitarji oħra li jkun hemm definizzjoni tad-dimensjoni urbana li tkun legalment ċara u bbażata fuq il-funzjonalità,

B.

billi l-UE tikkontribwixxi permezz tal-politiki tagħha għall-iżvilupp sostenibbli ta’ zoni urbani, għandu jiġi kkunsidrat li flimkien mal-politiki urbani nazzjonali, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-politika urbana Ewropea għandha tiġi ddefinita,

C.

billi l-bliet jikkontribwixxu b'mod attiv għall-formulazzjoni tal-politiki tal-UE u għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija UE2020; u billi jekk ma tiġix ikkunsidrata d-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE u l-aktar dik tal-politika ta’ koeżjoni, dan jipperikola l-ksib tal-objettivi tal-UE2020,

D.

billi l-bliet għandhom potenzjal arkitettoniku u kulturali uniku, kif ukoll possibilitajiet konsiderevoli ta’ integrazzjoni soċjali u billi jikkontribwixxu għall-bilanċ soċjali għax jikkonservaw id-diversità kulturali u jżommu rabta permaneni bejn iċ-ċentru u z-zoni mbiegħda,

E.

billi fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba permezz tal-inizjattivi URBAN, azzjonijiet urbani ġew integrati (‘mainstreamed’) fil-qafas regolatorju tal-objettivi tal-Konverġenza u tal-kompetittività reġjonali u tal-impjiegi fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013; billi din l-integrazzjoni kabbret biċ-ċar il-fondi disponibbli għall-ibliet; billi l-objettivi għall-iżvilupp urban għandhom jiġu definiti b'mod ċar fi ħdan il-programmi operattivi sabiex jgħinu l-konċentrazzjoni tar-riżorsi,

F.

billi s-sussidjarjetà fil-forma msaħħa u mwessgħa tagħha kif iddefinita fit-TFUE, kif ukoll il-governanza f'diversi livelli u prinċipju definit aħjar tas-sħubija huma elementi essenzjali għall-implimentazzjoni korretta tal-politiki kollha tal-UE, u billi l-użu ta’ riżorsi u kompentenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu msaħħa kif jixraq,

G.

billi l-kriżi ekonomika ta’ dawn l-aħħar snin żiedet id-differenzi u l-esklużjoni soċjali f'zoni metropolitani periferali vasti; billi, meta jħabbtu wiċċhom mal-kriżi, l-awtoritajiet lokali jridu jkunu f'pożizzjoni li jimplimentaw miżuri prattiċi biex jikkumbattu l-faqar u jappoġġaw il-koeżjoni soċjali u l-impjiegi,

H.

billi politika ta’ poli tal-iżvilupp imsejsa fuq l-istimular tal-attività ekonomika fl-ibliet ħafna drabi naqset milli tiġġenera fattur ta’ attrazzjoni biżżejjed u għaldaqstant kellha impatt limitat fuq iż-żona tal-madwar u ma tatx kontribut għal żvilupp integrat,

I.

billi huwa żgħir ħafna l-għadd ta’ distretti tal-ibliet fejn, minkejja l-ġid jew is-saħħa ekonomika tagħhom, jista' jkun hemm problemi speċifiċi bħall-inugwaljanza soċjali estrema, il-faqar, il-marġinalizzazzjoni u livelli għolja ta’ qgħad li jistgħu jittaffew jew jiġu eliminati permezz tal-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni,

J.

billi s-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politiki, fosthom tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u verifika, jgħinu sabiex titjieb l-effiċjenza, jonqsu r-rati tal-iżbalji, tinħoloq struttura tal-politiki aktar faċli biex tintuża u tiżdied il-viżibilità; u billi l-isforzi ta’ simplifikazzjoni għandhom ikomplu u għandhom jiġu akkumpanjati mis-simplifikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali u reġjonali biex ir-rappreżentanti ta’ żoni urbani ikunu jistgħu jorjentaw u jiġġestixxu aħjar l-użu tal-fondi Ewropej,

Il-Kuntest tad-Dimensjoni Urbana

1.

Jinnota li l-Aġenda Urbana Ewropea tikkonsisti, min-naħa l-waħda, mid-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE, b'mod partikolari l-politika ta’ koeżjoni, u min-naħa l-oħra, mill-komponent intergovernattiv tal-isforzi fuq livell Ewropew sabiex ikunu kkoordinati l-politiki urbani tal-Istati Membri, b'dawn tal-aħħar jiġu implimentati permezz ta’ laqgħat ministerjali informali bil-koordinazzjoni ta’ Presidenzi tal-Kunsill suċċessivi u bil-kontribut attiv tal-Kummissjoni; huwa tal-fehma li f'dan il-kuntest li l-gvernijiet lokali għandhom ikunu infurmati aħjar dwar l-attivitajiet fuq livell intergovernattiv u jkunu involuti aktar bis-sħiħ fihom; jirrakkomanda koperazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ livelli u involviment eqreb tal-gvern lokali; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali;

2.

Jinnota l-approvazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Toledo u tad-Dokument ta’ Referenza ta’ Toledo dwar ir-riġenerazzjoni urbana; jaqbel mal-ħtieġa ta’ aktar kontinwità u koordinazzjoni fil-mixja lejn programm ta’ ħidma konġunt jew ‘Aġenda Urbana Ewropea’; jilqa' l-fatt li l-Ministri enfasizzaw il-ħtieġa li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinament mal-Parlament Ewropew kif ukoll l-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni urbana fil-politika ta’ koeżjoni u li jkun promoss l-iżvilupp urban sostenibbli u approċċi integrati billi jiġu msaħħa u żviluppati strumenti li jimplimentaw il-Karta ta’ Leipzig fil-livelli kollha; jifraħ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni għall-isforzi tagħhom li jkomplu bil-proċess ta’ Marsilja u jimplimentaw qafas ta’ referenza għal bliet sostenibbli Ewropej; isegwi b'interess it-tnedija tal-fażi ta’ ttestjar tal-qafas ta’ referenza; jiddispjaċih madankollu, li l-ibliet mhumiex involuti biżżejjed f'dawn il-proċessi; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw fluss aqwa ta’ informazzjoni dwar dan il-proċess għal bliet li mhux qed jipparteċipaw u sabiex iżommu lill-Parlament infurmat dwar żviluppi ulterjuri;

3.

Jenfasizza, barra mill-kontribut sinifikanti ta’ interventi tal-politika ta’ koeżjoni għall-iżvilupp ta’ żoni urbani, firxa ta’ politiki u programmi oħra tal-UE (bħall-ambjent, it-trasport, u l-enerġija) li għandhom impatt kbir fuq l-iżvilupp urban; jenfasizza l-ħtieġa ta’ fehim aħjar tal-impatt territorjali tal-politiki u jitlob għat-tisħiħ tal-Aġenda Urbana fil-politiki tal-UE; itenni l-istedina tiegħu fil-konfront tal-Kummissjoni li tipproċedi b'evalwazzjoni tal-impatt territorjali tal-politiki settorjali, u li testendi l-mekkaniżmi eżistenti ta’ evalwazzjoni tal-impatt; jilqa' f'dan il-kuntest l-ideat imsemmija fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u x-xogħol imwettaq mill-ESPON;

Il-ħtiġijiet lokali u/versu l-Prijoritajiet Ewropej

4.

Jenfasizza l-fatt li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iz-zoni urbani huma dawk li jwasslu għall-implimentazzjoni effettiva tal-politiki Ewropej; jenfasizza li z-zoni urbani li għandhom 73 % tal-popolazzjoni tal-Ewropa, jiġġeneraw madwar 80 % tal-PDG u jikkunsmaw sa 70 % tal-enerġija fl-Unjoni u huma ċ-ċentri maġġuri tal-innovazzjoni, l-għarfien u l-kultura, grazzi għall-preżenza tal-SMEs, u għaldaqstant jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa; jindika li huma biss l-ibliet f'servizzi ta’ kwalità għolja u infrastruttura adegwata li jistgħu jattiraw u jippromwovi l-attivitajiet li jħarsu 'l quddiem b'valur miżjud għoli; jinnota li, min-naħa l-oħra, dawn isofru wkoll il-kostijiet tal-produttività ekonomika (tixrid urban, konġestjonijiet, tniġġis, użu tal-art, bidla fil-klima, insigurtà enerġetika, kriżi fil-qasam tad-djar, segregazzjoni spazjali, kriminalità, migrazzjoni) u jintlaqtu minn skwilibriji soċjali kbar (qgħad kbir, insigurtà u esklużjoni soċjali, polarizzazzjoni soċjali, eċċ) li jqiegħdu f'riskju r-rwol tagħhom ta’ “muturi tat-tkabbir”; jisħaq li mhux biss l-iżviluppi ekonomiċi, imma wkoll dawk soċjali u ekoloġiċi li għandhom impatt qawwi fuq iz-zoni ċirkostanti, u huwa tal-fehma li l-aġenda urbana għandha tipprova tiżviluppa l-investimenti sostenibbli, intelliġenti, u inklussivi ħalli jissaħħaħ ir-rwol tal-ibliet; għaldaqstant, jikkunsidra li hemm ġustifikazzjoni ċara għal impenn komuni lejn iz-zoni urbani tal-UE bil-għan li tnaqqas l-effetti ġenerali tat-tkabbir u tal-iżvilupp u fl-istess ħin, jiġu trattati l-kwestjonijiet marbutin mas-sostenibilità ambjentali u l-koeżjoni soċjali;

5.

Jirrimarka li s-servizzi tat-trasport urban huma koperti mill-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza, madankollu, li l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-finanzjament Ewropej ikunu jippermettu lill-awtoritajiet lokali jiffaċċjaw l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom, l-aktar fir-rigward tat-trasport;

6.

Jemmen li l-massimizzazzjoni tal-kontribut taz-zoni urbani għat-tkabbir ekonomiku tal-UE filwaqt li jiġu sostnuti jew imtejbin il-parametri tagħhom bħala ‘postijiet tajbin biex tgħammar fihom’ hija objettiv kondiviż tal-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-gvern; jisħaq li filwaqt li dan l-objettiv huwa kondiviż, il-miżuri speċifiċ għall-persegwiment tiegħu jistgħu jvarjaw minn post għall-ieħor; jinnota li b'konsegwenza tal-iżvilupp storiku fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin, xi reġjuni u bliet se jibqgħu b'mod ġenerali jsegwi gamma usa' ta’ prijoritajiet inkluża dik tal-konverġenza, li għalhekk iqis li għandha tkun żgurata flessibilità suffiċjenti li tippermetti li zoni urbani partikolari jsibu s-soluzzjonijiet li l-aktar joqogħdu għal ħtiġiethom, il-kuntest makro- u mikro-ambjentali u ta’ żvilupp;

7.

Jirrakkomanda li d-dimensjoni urbana tal-Politika ta’ Koeżjoni, li għandha bħala linja-gwida l-kunċett starteġiku tal-qadi ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, għandha tiffoka fuq tlitt objettivi: l-ewwel, li tgħin l-iżvilupp taz-zoni urbani fl-infrastruttura fiżika bażika tagħhom bħala prekondizzjoni għat-tkabbir ħalli jiġi sfruttat għall-massimu l-kontribut potenzjali tagħhom għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, id-diversifikazjzoni tal-bażi ekonomika u s-sostenibilità enerġetika u ambjentali, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam maż-żamma u t-titjib tal-kwalità tal-arja fiċ-ċentri urbani; mingħajr detriment għax-xmajjar; it-tieni, li tgħin iz-zoni urbani jimmodernizzaw il-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom permezz tal-investiment intelliġenti fl-infrastruttura u s-servizzi msejsin fuq il-kisbiet teknoloġiċi u marbutin mill-qrib ma’ rekwiżiti reġjonali, lokali u nazzjonali speċifiċi; it-tieni, li tirriġenera z-zoni urbani bir-reklamazzjoni ta’ siti industrijali u art ikkontimata, filwaqt li ma jingħatax il-ġenb il-bżonn tal-konnessjonijiet bejn iz-zoni urbani u rurali bl-iskop li jkun promoss l-iżvilupp inklussiv, skont l-Istrateġija Ewropa 2020;

8.

Jenfasizza l-potenzjal kbir tal-modernizzazzjoni tal-investimenti infrastrutturali permezz ta’ teknoloġiji intelliġenti li jittrattaw problemi persistenti fl-iggvernar tal-bliet, l-enerġija, il-ġestjoni tal-provvista u tal-użu tal-ilma, it-transport, it-turiżmu, id-djar, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kura soċjali, is-sikurezza pubblika eċċ. permezz tal-konċett ta’ “żvilupp urban aktar intelliġenti’; emmen li dawn l-investimenti infrastrutturali tat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT) jistgħu jiġu perċepiti bħala forza motriċi espliċita għat-tkabbir ekonomiku u l-attività ekonomika bbażata fuq l-innovazzjoni, filwaqt li jiġbru flimkien l-elementi li ġejjin ta’ investiment pubbliku u privat li jista' jkollhom l-għan li jiġġeneraw intraprenditoriji ġodda, impjiegi sostenibbli u tkabbir intelliġenti skont l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u, b'mod partikolari, is-sħubija Smart Cities għall-innovazzjoni;

9.

Jenfasizza li l-applikazzjoni ta’ sistemi intelliġenti tagħti kontribut sinifikanti biex jittejbu l-effiċjenza enerġetika, is-sikurezza u s-sigurtà fis-settur tat-trasport, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm diffużjoni kkoordinata u effettiva tas-sistemi intelliġenti fl-Unjoni kollha kemm hi, u l-aktar fiz-zoni urbani; jindika li l-bliet, b'mod partikolari, jistgħu jagħtu kontribut kbir fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta', pereżempju, sistemi ta’ trasport pubbliku intelliġenti, modernizzazzjoni enerġetika tal-binjiet, ippjanar sostenibbli tad-distretti tal-bliet li jimminimizza d-distanzi lejn il-postijiet tax-xogħol u lejn faċilitajiet urbani, eċċ.; f'dan il-kuntest, jappoġġja l-inizjattiva Civitas u l-Akkordju tas-Sindki; jisħaq fuq l-importanza tal-użu tal-finanzjamenti disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-isfruttament tal-potenzjal enerġetiku rinnovabbli lokali, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ż-żewġ inizjattivi li huma jiġu aġġornati fil-futur;

10.

Jenfasizza r-relevanza tal-politika ta’ koeżjoni għall-promozzjoni tal-innovazzjoni soċjali f'żoni urbani, u b'mod partikolari fi kwartieri żvantaġġati, bl-għan li jitjiebu l-koeżjoni interna u l-kapital uman permezz ta’ approċċ inklużiv u parteċipatorju, kemm mil-lat ta’ taħriġ u edukazzjoni (b'mod partikolari għaż-żgħażagħ), kif ukoll mil-lat ta’ aċċess għall-mikrokrediti u għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali;

Il-Governanza Multilivell u l-Prinċipju tas-Sħubija

11.

Itenni l-fehma tiegħu li wieħed min-nuqqasijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona kienet in-nuqqas ta’ governanza li tiffunzjona sewwa f'diversi livelli u l-fatt li l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili ma kinux involuti biżżejjed fl-istadji tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija; jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema ta’ governanza mtejba għall-Istrateġija UE 2020 b'integrazzjoni iktar b'saħħitha tal-partijiet konċernati fl-istadji kollha;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fir-regolamenti li ġejjin l-Istati Membri jikkoinvolġu formalment lill-mexxejja politiċi taz-zoni urbani ewlenin u l-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Politika ta’ Koeżjoni (l-ippjanar strateġiku, id-definizzjoni tal-‘kuntratti ta’ sħubija ta’ żvilupp u investiment' proposti, u n-negozjazzjoni tagħhom), ngħidu aħna permezz tal-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ partnerarjat bħalma huma l-Patti Territorjali mfasslin għal kull Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-taħriġ tal-amministrazzjonijiet urbani u lokali bl-iskop li tingħata informazzjoni dwar programmi u inizjattivi ta’ politika urbana, u jistieden lill-awtoritajiet lokali ħalli b’konsegwenza ta’ hekk jirrediġu programmi konkreti ta’ azzjoni skont l-istrateġiċi speċifiċi tagħhom ta’ żvilupp; hu tal-fehma li dan hu l-uniku mod sabiex jiġu riflessi l-ħtiġijiet lokali filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta’ għanijiet u soluzzjonijiet strateġiċi;

13.

Jemmen li l-konnessjoni bejn il-pjanijiet ta’ azzjoni lokali u l-programmi ġenerali reġjoanli/nazzjonali għandha tissaħħaħ; jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi msaħħa l-pożizzjoni tal-approċċ tal-iżvilupp lokali fil-politika ta’ koeżjoni permezz ta’ gruppi ta’ appoġġ u pjanijiet ta’ azzjoni tat-tip 'Leader';

14.

Jenfasizza li z-zoni urbani mhumiex elementi iżolati fir-reġjuni tagħhom u l-iżvilupp tagħhom, għaldaqstant, għandu jkun marbut mill-qrib maz-zoni funzjonali jew rurali tal-madwar; jixtieq aktar kjarifika għal sitwazzjonijiet speċifiċi bħal dawk ta’ żoni metropolitani, reġjuni u agglomerazzjonijiet urbani, fejn il-funzjonijiet huma marbuta ma’ xulxin; jikkunsidra li l-governanza fuq ħafna livelli, l-ippjanar reġjonali u l-prinċipju ta’ sħubija huma l-aktar għodod effettivi sabiex ikunu prevenuti s-settorjalizzazzjoni u l-frammentazzjoni tal-politiki dwar l-iżvilupp; ifakkar, iżda, li s-sinerġiji interni mhux dejjem ikunu garantiti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri ħalli jippromwovu b'mod speċifiku l-kuntatti u l-iskambju ta’ prattiki tajbin dwar strateġiji rurali-urbani u li jfasslu d-dimensjonijiet urbani-rurali fid-dokumenti tal-ippjanar ħalli jiżguraw konnessjonijiet tajbin rurali-urbani;

15.

Jenfasizza r-rwol pożittiv tal-kooperazzjoni transkonfinali, il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-inizjattiva URBACT għan-netwerking tal-bliet, il-qsim tal-aħjar prattiki u sabiex jiġu ġġenerati soluzzjonijiet innovattivi; jinnota li l-kooperazzjoni bejn il-bliet Ewropej hi totalment kompatibbli mal-Objettiv 3 (kooperazzjoni territorjali Ewropej); iqis li tul il-perjodu 2014-2020, id-dimensjoni urbana tal-objettiv ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropej għandu jiġi mtejjeb; iħeġġeġ l-involviment tal-ibliet fin-netwerks ta’ koperazzjoni inter-reġjonali u ta’ bejn il-fruntieri; jemmen li netwerks appoġġati għandhom ikunu marbuta ma’ proġetti tal-iżvilupp reali u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-pjattaformi biex jingħata lok għal approċċ sperimentali għar-riġenerazzjoni urbana u l-iżvilupp urban; jemmen li l-esperimentazzjoni tista' tkun utli fil-kuntest tal-ESF b'mod partikolari, fejn strateġija territorjali globali tikkomplementa approċċ immirat lejn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni;

16.

Jissottolinja li l-proċess ta''riġenerazzjoni urbana' u ‘integrazzjoni (mainstreaming)’ jista' jwassal għal ‘alleanza urbana’ ġdida li tgħaqqad lill-partijiet konċernati kollha involuti fil-proċess tal-‘bini tal-bliet’; l-alleanza għandha tkompli tkun imsejsa fuq il-kunsens u stabbilita formalment b'forom ġodda ta’ governanza li fihom in-netwerks soċjali u ċiviċi jkollhom parti importanti, fejn l-objettiv komuni jkun it-titjib, ir-riġenerazzjoni u r-reinvenzjoni tal-belt eżistenti, filwaqt li jsir l-aħjar użu tar-riżorsi umani, soċjali, materjali, kulturali u ekonomiċi żviluppati tul is-snin u li jużawhom sabiex joħolqu bliet li jkunu effiċjenti, innovattivi, intelliġenti, aktar sostenibbli u soċjalment integrati;

17.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li jinħoloq programm ta’ skambji ‘Erasmus għar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali’ sabiex iħeġġeġ it-trasferiment tal-prattika tajba fl-iżvilupp strateġiku lokali u urban;

Sottodelega ta’ responsabilitajiet

18.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali eletti għandhom responsabilità politika diretta f'termini tat-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi u tal-investiment tar-riżorsi pubbliċi; għaldaqstant, hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jiżguraw riżorsi baġitarji biżżejjed għal dawn l-awtoritajiet; iqis, għaldaqstant, li biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika ta’ Koeżjoni u tal-Istrateġija UE 2020 iridu jkunu involuti b'mod obbligatorju l-korpi lokali eletti fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi, involviment mill-qrib fit-tfassil ta’ programmi operattivi u trid tintuża b'mod wiesa' l-għażla ta’ responsabilitajiet sottodelegati fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni, mingħajr ħsara għar-responsabilità finanzjarja tal-awtoritajiet ġestriċi u l-Istati Membri; jenfasizza li l-prijorità tal-awtoritajiet lokali hi l-benessri u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li, flimkien mal-partijiet konċernati kollha, jridu jkunu involuti fl-istrateġiji tal-iżvilupp lokali;

19.

Jirrakkomanda li fil-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss, waħda mill-għażliet li ġejjin għandha tintuża fl-implimentazzjoni tad-dimensjoni urbana fuq livell nazzjonali: programmi operattivi indipendenti mmaniġġjati minn żoni urbani partikolari, programmi operattivi konġunti li jkopru z-zoni urbani ta’ Stati Membri partikolari, għotjiet globali jew id-delimitazzjoni ta’ miżuri u riżorsi urbani fi ħdan programmi operattivi reġjonali speċifiċi; jirrikonoxxi l-importanza tat-tfassil ta’ programmi operattivi speċifiċi fil-ġejjieni għal ċerti żoni urbani li qed ifittxu li jirrealizzaw il-potenzjal tal-iżvilupp tagħhom;

20.

Iwissi li, minħabba li l-iskala u l-predominanza tal-urbanizzazzjoni hija differenti fil-partijiet differenti tal-UE, b'mod partikolari fejn reġjun ikun b'mod predominanti rurali jew urbanizzat ftit, is-sehem tar-riżorsi attribwit lill-azzjonijiet urbani, bħall-kontenut ġenerali u l-prijoritajiet tal-Programmi Operattivi, irid jitħalla fid-diskrezzjoni ta’ dawk li jfasslu l-programmmi, li joperaw f'isem ir-reġjun konċernat;

Ippjanar strateġiku integrat

21.

Jappoġġja l-prinċipji tal-ippjanar strateġiku integrat billi dawn jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet lokali sabiex ma jibqgħux jaħsbu f'termini ta’ “proġetti individwali” iżda jibdew jaħsbu b'mod aktar strateġiku u intersettorjali sabiex jużaw il-potenzjal ta’ żvilupp endoġeniku tagħhom; jenfasizza l-valur miżjud u n-natura innovattiva – b'mod partikolari għal kwartieri żvantaġġati – ta’ dan l-approċċ ‘minn isfel għal fuq (bottom-up)’, li filwaqt li jiżgura l-parteċipazzjoni tal-partijiet konċernati lokali kollha, jagħmel possibbli risġons aħjar għall-ħtiġijiet u r-riżorsi reali tat-territorju; fl-istess ħin, jiddispjaċih dwar id-definizzjoni komuni vaga li tirriżulta biss fl-applikazzjoni formali f'xi każijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jiżguraw appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet amministrattivi lokali għall-iskop ta’ ppjanar strateġiku integrat;

22.

Iqis li z-zoni urbani għandhom rwol essenzjali fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali u t-twaqqif ta’ entitajiet ġeografiċi funzjonali;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji studju li jqabbel il-prattika sal-lum il-ġurnata ta’ Stati Membri individwali dwar l-ippjanar strateġiku integrat u, abbażi tal-eżitu tal-istudju, jirrediġi linji gwida speċifiċi tal-UE dwar il-prattika tal-ippjanar tal-iżvilupp urban integrat u li jiċċara r-relazzjonijiet bejn dawn il-pjanijiet u dokumenti oħra tal-ippjanar u wkoll jippromwovi sħubijiet effiċjenti u regolati bil-liġi, inklużi sħubijiet urbani bejn il-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel l-ippjanar urban integrat legalment vinkolanti jekk il-fondi tal-UE jintużaw għall-kofinanzjament ta’ proġetti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri jagħtu bidu għal sħubiji pubbliċi-privati ġodda u strateġiji tal-iżvilupp infrastrutturali urban innovattivi biex jattiraw l-investiment u jistimulaw il-kummerċ; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, sabiex ikunu faċilitati sħubiji ġodda bejn żoni urbani u dawk rurali min-naħa l-waħda u bejn bliet żgħar, ta’ daqs medju u kbar min-naħa l-oħra, bl-għan li jkun żgurat żvilupp reġjonali bbilanċjat; fl-istess waqt jistieden lill-Kummissjoni żżid l-assistenza teknika għal ippjanar għall-iżvilupp integrat aqwa, tfassil tal-politiki parteċipatorju u żvilupp urban strateġiku;

24.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Strateġiku Komuni futur kif iddelineat fil-Konklużjonijiet tal-5es Rapport ta’ Koeżjoni li għandu l-potenzjal li jagħti spinta lis-sinerġiji bejn il-fondi, particularly with a view to rethinking links from urban areas to rural and peri-urban areas b'mod partikolari bl-għan ta’ naħsbu mill-ġdid dwar ir-rabtiet bejn iz-zoni urbani u z-zoni rurali u peri-urbani; jenfasizza l-valur miżjud Ewropew tal-approċċ orizzontali u integrat għall-politika ta’ koeżjoni u, għal dan l-għan, jinkoraġġixxi aktar sinerġiji mal-politiki tal-enerġija, ambjent u trasport, li jkunu siewja ħafna għal żoni urbani u peri-urbani fejn jeżistu sfidi kbar f'dan ir-rigward;

25.

Itenni t-twemmin tiegħu li huwa biss jekk ikun hemm riżorsi biżżejjed għal azzjonijiet urbani speċifiċi will it be efficient to draw up integrated urban development plans u għaldaqstant jirrakkomanda li r-riżorsi disponibbli jkunu konċentrati fuq azzjonijiet speċifiċi; jipproponi l-għemil ta’ livell minimu ta’ intensità ta’ għajnuna għall-perijodu ta’ programmar għal inħawi foqra taz-zoni urbani;

Pjanar finanzjarju komprensiv

26.

Jisħaq li miżuri ta’ awsterità li ma jistgħux jiġu evitati fil-livelli kollha tal-gvern fl-Unjoni Ewropea joħolqu stress bla preċedent fuq kull tip ta’ nfiq pubbliku inklużi investimenti strateġiċi għall-iżvilupp ekonomiku; hu tal-fehma li fl-interess ta’ effiċjenza mtejba tal-investimenti, jinħtieġ koordinament aħjar u allokazzjoni aktar strateġika tar-riżorsi pubbliċi kollha disponibbli (Ewropej, nazzjonali, reġjonali, lokali, privati);

27.

F'dan ir-rigward jiffavorixxi l-ippjanar finanzjarju komprensiv fil-livell lokali bħala element indiviżibbli tal-iżvilupp urban integrat u jistieden lil kull utent tar-riżorsi pubbliċi biex skont il-kunċett ta’ orjentazzjoni lejn ir-riżultati b'mod strett isegwu l-prinċipju ta’ ‘flus għall-proġetti, minflok proġetti għall-flus’;

28.

Jenfasizza l-valur miżjud Ewropew ta’ finanzjament transversali bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew f'termini ta’ flessibilità għal proġetti għall-inklużjoni soċjali u pjanijiet/strateġiji għall-iżvilupp urban integrat; jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħloq kondizzjonijiet aktar flessibbli għall-finanzjament trasversali ta’ dan it-tip sabiex tħeġġeġ l-użu tiegħu u sabiex dawn ir-regoli ma joħolqux ostakli meta jitfasslu u jiġu implimentati dawn il-pjanijiet/strateġiji; jiġbed l-attenzjoni dwar in-natura komplimentarja ta’ dawn il-fondi; jinnota li, b'mod partikolari f'żoni urbani li jbatu minn esklużjoni soċjali jew tniġġis ambjentali, il-finanzjament tal-FSE jista' jintuża biex iservi ta’ appoġġ għal proġetti lokali konġunti tal-ibliet, tas-settur ċiviku u tas-settur privat għall-prevenzjoni tal-esklużjoni; jindika li l-ġbir flimkien (pooling) ta’ fondi Ewropej eżistenti jista' b'mod sostanzjali jżid il-finanzjament disponibbli;

29.

Jemmen li d-dinamiżmu ta’ zoni urbani jista' jiġi stimulat permezz ta’ sinerġiji effettivi bejn id-diversi strumenti Ewropej ta’ finanzjament, b'partikolari fir-rigward tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

30.

Jenfasizza r-rwol promettenti ta’ strumenti ġodda tal-inġinerija finanzjarja skont il-prinċipji ta’ ‘proġetti għall-flus’ u ta’ ‘flus għall-proġetti’, li tqiegħdu fis-seħħ matul il-perjodu attwali tal-ipprogrammar; jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu strumenti tal-inġinerija finazjarja li jistgħu jitkabbru jew jiċċekknu u li jkunu vijabbli u fattibbli għal żoni urbani ħafna iżgħar; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-esperjenza b'dawn l-għodod u tadattahom fejn ikun meħtieġ sabiex ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq finanzjarju meta mqabbla mal-prodotti kummerċjali komuni sabiex tagħmilhom aktar faċli biex jintużaw, prattiċi, attraenti u għaldaqstant aktar effettivi; jemmen li r-rata tal-imgħax tal-għodda finanzjarji tal-BEI għandhom ikun aktar baxxi meta mqabbla ma’ self kummerċjali f'dan ir-rigward; jitlob lill-Istati Membri, fid-dawl tar-riżultati pożittivi miksuba mill-użu ta’ strumenti eżistenti tal-inġinerija finanzjarja, jiżguraw dejjem li jsir l-aktar użu effettiv tal-benefiċċji potenzjali li jista' joħroġ minn dawn l-istrumenti finanzjarji;

31.

Jemmen li b'mod partikolari l-inizjattiva “Jessica” tista' tilħaq l-akbar effikaċja tagħha meta din tiġi implimentata fil-livell ta’ bliet u, għaldaqstant, josserva b'xi riżervi li xi Stati Membri għandhom it-tendenza li jiċċentralizzaw l-implimentazzjoni tagħha;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-flussi finanzjarji bejn il-livell Ewropew, il-livell nazzjonali u dak subnazzjonali jkunu organizzata bl-iktar mod effiċjenti u flessibbli fil-ġejjieni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livell baxx eżistenti ta’ finanzjarjament bil-quddiem għall-proġetti, u jemmen li fil-ġejjieni għandu jkun żgurat permezz tar-regolamenti li l-Istati Membri jkunu obbligati b'mod aktar ċar li jużaw il-finanzjarjament bil-quddiem għal pagamenti għal benefiċjarji pubbliċi bħall-awtoritajiet urbani;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni timmira għall-aqwa armonizzazzjoni possibbli ta’ regoli għal fondi u programmi partikolari tal-UE li fl-ambitu tagħhom proġetti tal-iżvilupp urbani u lokali jkunu eleġibbli għal kofinanzjament sabiex ikun tkun minimizzata l-burokrazija u l-iżbalji potenzjali fl-implimentazzjoni;

34.

Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni jelabora fuq l-ideat ta’ kif tista' tingħata sura aħjar lid-dimensjoni urbana tal-politika ta’ koeżjoni ġejjiena;

*

* *

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.


(1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.

(4)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 3.

(5)  ĠU L 346, 30.12.2010, p. 5.

(6)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 95.

(7)  ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 10.

(8)  ĠU C 117 E, 06.5.2010, p. 73.

(9)  ĠU C 117 E, 06.5.2010, p. 65.

(10)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.

(11)  Testi adottati, P7_TA(2010)0356.

(12)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 1.

(13)  ĠU C 267, 1.10.2010, p. 25.


Top