Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0156

Rapport annwali tal-BEI għall-2009 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta’ April 2011 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2009 (2010/2248 (INI))

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 130–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/130


Il-Ħamis 7 ta’ April 2011
Rapport annwali tal-BEI għall-2009

P7_TA(2011)0156

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ April 2011 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2009 (2010/2248 (INI))

2012/C 296 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BEI għall-2009 (Rapport dwar l-Attività u r-Responsabilità Korporattiva, Rapport Finanzjarju, Rapport Statistiku),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rapport annwali tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2008 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti Annwali għall-2007 tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar l-UE 2020 (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0073/2011),

L-istatut il-ġdid tal-BEI

1.

Jilqa’ l-bidliet introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona, li jippermettu iktar flessibilità fil-finanzjament mill-BEI, inkluż: parteċipazzjonijiet fl-ekwità bħala komplement għall-attivitajiet ordinarji tal-Bank; il-possibilità ta’ twaqqif ta’ sussidjarji u entitajiet oħra, għar-regolament tal-hekk imsejħa attivitajiet speċjali u biex jipprovdu servizzi ta’ assistenza teknika iktar wiesgħa; u t-tisħiħ tal-Kumitat tal-Verifika;

2.

Ifakkar fil-bidliet li saru bħala riżultat tat-Trattat ta’ Lisbona, li jiċċaraw l-objettivi tal-finanzjament mill-BEI f'pajjiżi terzi, li jridu jappoġġaw il-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-interazzjoni tal-UE mal-bqija tad-dinja kif iddikjarat fl-Artikolu 3(5) TUE u kif ukoll jiggarantixxu l-appoġġ għall-għanijiet tal-azzjonijiet esterni tal-UE stipulati fl-Artikolu 21 TUE;

3.

Huwa konxju tat-talba minn xi Stati Membri li l-BEI jieħu aktar riskju fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament tiegħu, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan m'għandux jipperikola l-klassifikazzjoni AAA tal-BEI, fattur ewlieni li jippermettilu jipprovdi s-self tiegħu bl-aħjar kundizzjonijiet;

4.

Ifakkar li l-għan tal-BEI huwa li jappoġġa għanijiet tal-politika tal-UE u li huwa responsabbli quddiem il-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF u l-Istati Membri tal-UE, kif ukoll, fuq bażi volontarja, quddiem il-Parlament Ewropew;

5.

Jirrakkomanda, madanakollu, li jitqies is-suġġeriment li għandha tiġi introdotta superviżjoni regolatorja prudenzjali dwar il-kwalità tal-qagħda finanzjarja tal-BEI, il-kejl preċiż tar-riżultati tiegħu u l-konformità li jżomm mar-regoli ta’ prattika kummerċjali tajba;

6.

Jipproponi li din is-superviżjoni regolatorja:

tkun eżerċitata mill-Bank Ċentrali Ewropew fuq il-bażi tal-Artikolu 127(6) TFUE;

jew, jekk dan ma jkunx possibbli u fuq il-bażi ta’ approċċ volontarju mill-BEI, issir mill-Awtorità Bankarja Ewropea bil-parteċipazzjoni jew mingħajrha ta’ regolatur nazzjonali jew iktar minn wieħed, jew minn awditur indipendenti;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament, sat-30 ta’ Novembru 2011, b'analiżi ġuridika dwar l-għażliet possibbli għal superviżjoni prudenzjali tal-BEI;

8.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-BEI (fid-dawl tal-kwalita tar-riżorsi umani tiegħu u tal-esperjenza tiegħu fil-finanzjament ta’ infrastrutturi kbar), tibda twettaq proċess ta’ analiżi strateġika tal-fondi tal-investimenti, li ma teskludi l-ebda ipoteżi possibbli, inklużi s-sussidji, il-liberazzjoni ta’ somom sottoskritti mill-Istati Membri għall-kapital tal-BEI, sottoskrizzjonijiet mill-UE għall-kapital, is-self, l-istrumenti innovattivi, l-inġinerija finanzjarja adattata għall-proġetti fit-tul li ma jħallux profitt immedjat, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ garanzija, il-ħolqien ta’ sezzjoni ta’ investiment fi ħdan il-baġit tal-Unjoni, konsorzji finanzjarji bejn awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali u sħubijiet pubbliċi-privati tal-BEI;

9.

Ifakkar, madankollu, fit-twissjijiet u fit-tħassib tiegħu rigward il-fatt li parti mill-ġestjoni mill-BEI ta’ programmi u fondi Ewropej ġiet eskluża mill-proċedura tal-kwittanza, u dan joħloq rekwiżiti speċifiċi ta’ koordinament bejn il-Kummissjoni u l-BEI u minħabba f’hekk hu diffiċli li wieħed jikseb viżjoni kompleta tar-riżultati miksuba; jibqa' jinsisti fuq it-talba tiegħu li l-BEI jippreżenta informazzjoni sħiħa fuq ir-riżultati li jikseb: għanijiet stabbiliti u miksuba, raġunijiet għal nuqqas ta’ suċċess u riżultati tal-valutazzjonijiet magħmula; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri ta’ koordinament mal-BEI u l-effikaċja tagħhom;

10.

Jitlob lill-Kummissjoni tikseb dikjarazzjoni mill-BEI dwar attivitajiet b'effett multiplikatur sinifikanti li huma ggarantiti mill-baġit tal-UE;

11.

Jisħaq fuq il-fatt li, fl-aħħar tal-2009, il-garanziji mill-baġit tal-UE għas-self mogħti mill-BEI ammontaw għal EUR 19,2 biljun; jenfasizza li dan huwa ammont sinifikanti għall-Baġit tal-UE, u jistenna spjegazzjoni dettaljata tar-riskji involuti; hu tal-fehma li l-BEI għandu jispjega wkoll kif jintużaw l-interessi fuq is-self iġġenerat permezz ta’ dawn il-garanziji sostanzjali;

12.

Jitlob spjegazzjoni ddettaljata tal-ispejjeż ta’ amministrazzjoni li l-BEI rċieva mill-baġit tal-UE;

13.

Itenni l-proposta tiegħu biex l-Unjoni Ewropea tkun tista' ssir membru tal-BEI;

Il-finazjament mill-BEI fl-UE

Il-kriżi finanzjarja globali u l-implikazzjonijiet tagħha għall-BEI

14.

Jilqa' l-enfasi tal-Bank fuq it-tliet oqsma fejn il-kriżi laqtet lill-Ewropa bl-agħar mod, jiġifieri l-intrapriżi żgħar u medji, ir-reġjuni ta’ konverġenza u l-azzjoni favur il-klima;

15.

Jirrikonoxxi r-rwol kritiku li għandu l-BEI fl-appoġġ għall-SMEs, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi finanzjarja u ta’ diffikultajiet ekonomiċi, u jistiednu jiffaċilita l-interazzjoni tal-iskema tas-self globali tiegħu mal-għotjiet tal-Fondi Strutturali;

16.

Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-SMEs fl-ekonomija Ewropea u għalhekk jilqa’ ż-żieda fil-finanzjament tal-BEI lill-SMEs tul l-2008 u l-2010, għal total ta’ EUR 30,8 biljun, u jirrikonoxxi li dan l-ammont jaqbeż l-ammont tal-mira annwali li hu ta’ EUR 7,5 biljun għal dan il-perjodu; jilqa’ t-twaqqif tal-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress f’Marzu 2010 b’finanzjament ta’ madwar EUR 200 miljun mill-Kummissjoni u mill-Bank; jenfasizza, madankollu, id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs meta jippruvaw jiksbu l-kreditu u, f’dan ir-rigward, jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta’ intermedjarji finanzjarji; għal dan il-għan, jitlob li jkunu stabbiliti kundizzjonijiet ċari għall-finanzjament u kriterji iktar stretti dwar l-effikaċja tas-self għall-intermedjarji finanzjarji tiegħu; jitlob li l-BEI jkun obbligat li jirrapporta kull sena dwar is-self tiegħu lill-SMEs, u jinkludi evalwazzjoni tal-aċċessibilità u l-effikaċja ta’ dan is-self u tal-miżuri diretti lejn l-ilħuq ta’ rata ta’ penetrazzjoni akbar;

17.

Jirrakkomanda li r-rwol tal-BEI fl-iżvilupp ikun aktar iffokat, selettiv u effikaċi, u orjentat lejn ir-riżultat; hu tal-fehma li biex jilħaq l-impriżi żgħar u medji, huwa għandu jissieħeb b'mod partikolari ma’ intermedjarji finanzjarji li jaġixxu b'mod trasparenti u responsabbli u li huma marbuta mal-ekonomija lokali; iqis li fir-rigward ta’ self lill-SMEs, il-BEI għandu jiżvela b'mod attiv l-informazzjoni fil-websajt tiegħu, b'mod partikolari l-ammont mogħti, in-numru ta’ allokazzjonijiet magħmula s'issa, u r-reġjuni u s-setturi tal-industrija li ngħataw fondi; huwa tal-opinjoni li għandha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li l-intermedjarju finanzjarju għandu jissodisfa;

18.

Jilqa’ l-fatt li kien miftiehem l-aċċess mill-BEI għal-likwidità tal-BĊE permezz tal-Bank Ċentrali tal-Lussemburgu bl-għan tal-faċilitazzjoni tal-programmi ta’ self u tal-ġestjoni tal-likwidità tal-BEI;

19.

Jinnota li l-objettiv tal-konverġenza tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE huwa għan ewlieni tal-BEI; jenfasizza l-valur miżjud tal-azzjonijiet konġunti bejn il-BEI u l-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna teknika (JASPERS), li jipprovdu appoġġ addizzjonali u jservu ta’ lieva għall-intervent tal-Fondi Strutturali;

20.

Iħeġġeġ lill-BEI biex ikompli jipprovdi lir-reġjuni koperti mill-Objettiv ta’ Konverġenza bl-assistenza teknika u l-kofinanzjament li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jieħdu porzjon akbar mill-fondi li qiegħdin għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari għal proġetti fis-setturi ta’ prijorità, bħas-settur tal-infrastruttura għat-trasport, u proġetti oħra li jtejbu t-tkabbir u l-impjiegi u proġetti li jagħmlu parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, skont standards soċjali, ta’ trasparenza u ambjentali għoljin;

21.

Jistieden lill-BEI jikkonforma l-operazzjonijiet tiegħu bis-sħiħ mal-għan tal-UE ta’ tranżizzjoni rapida lejn ekonomija b'użu baxx ta’ karbonju u jadotta pjan għat-tneħħija gradwali ta’ self għall-karburanti fossili, inkluż is-self tiegħu għall-impjanti mħaddma bil-faħam, u biex jirdoppja l-isforzi tiegħu biex iżid it-trasferiment ta’ teknoloġiji dwar l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija effiċjenti;

22.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas persistenti ta’ trasparenza fil-mod kif is-“self globali” jiġi allokat u mmonitorjat f’termini ta’ goveranza tat-taxxa, u għalhekk iqis li hu neċessarju li jkun żgurat li min jirċievi s-self ma jużax rifuġji fiskali jew prattiki oħra ta’ evażjoni tat-taxxa;

23.

Jitlob għal koerenza akbar bejn l-attivitajiet tal-BEI u l-FEI, notevolment sabiex l-orjentazzjoni tal-FEI toqrob iktar lejn l-objettivi tal-Ewropa 2020, u jitlob, f'dan ir-rigward, għall-qsim tax-xogħol bejn l-entitajiet u l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-karti tal-bilanċi rispettivi tagħhom;

24.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Grupp tal-BEI biex jikkopera aktar mill-qrib mal-Kummissjoni fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tat-tliet inizjattivi konġunti JESSICA, JEREMIE u JASMINE, li għandhom l-għan ta’ politika ta’ koeżjoni aktar effiċjenti u effikaċi kif ukoll it-tisħiħ tal-funzjoni ta’ lieva tal-Fondi Strutturali; jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni msemmija hawn fuq uriet li hi utli u ta’ benefiċċju, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika;

Il-finanzjament tal-BEI wara l-2013

25.

Huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li jiżdied sostanzjalment l-investiment strateġiku fit-tul fl-Ewropa, b'enfasi partikolari fuq oqsma ewlenin tal-infrastruttura u l-koeżjoni Ewropej; jitlob, f’dan ir-rigward, li:

l-attivitajiet tal-Bank ikunu iktar trasparenti fil-konfront tal-Parlament,

il-BEI jkun b’mod ċar responsabbli quddiem il-Parlament,

l-istrumenti finanzjarji jintużaw b’mod immirat;

26.

Jinkoraġixxi lill-BEI biex jiżviluppa l-Istrateġija Operattiva tiegħu post 2013 skont l-Istrateġija Ewropa 2020;

27.

Jemmen li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha approċċ interessanti u pożittiv għall-istrumenti finanzjarji; sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tagħhom, jitlob lill-BEI u lill-Kummissjoni jżommu f'moħħhom l-objettivi li ġejjin: is-simplifikazzjoni tal-proċeduri u l-massimizzazzjoni tal-fatturi multiplikaturi u tal-effett katalittiku tal-Grupp tal-BEI sabiex ikunu attirati investituri pubbliċi u mis-settur privat;

28.

Jistieden lill-BEI biex ikompli jagħti rwol ewlieni lill-inizjattivi konġunti mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni; jirrikonoxxi r-rwol li dawn l-inizjattivi għandhom bħala katalisti għall-iżvilupp ulterjuri, inter alia fir-rigward tal-preparazzjoni tal-perjodu ta’ programmar post 2013;

29.

Iħeġġeġ lill-BEI biex jiddikjara klassifika ta’ prijoritajiet fil-proġetti ta’ investiment tiegħu, bl-użu ta’ metodoloġiji bħall-analiżi tal-benefiċċju meta mqabbel mal-ispiża biex jintlaħaq l-ogħla effett possibbli ta’ multiplikazzjoni tal-PGD;

30.

Jappoġġja l-partijiet interessati f’investiment ta’ kwalità għolja bħall-BEI, partikolarment fid-dawl tal-għarfien espert tiegħu fl-użu ta’ strumenti innovattivi bħalma huma l-Faċilità ta’ Finanzjament Strutturat, il-Faċilità Finanzjarja b’Kondiviżjoni tar-Riskju (MFPR) u l-Faċilità Ewropea għal Trasport Nadif (ECTF);

31.

Jinkoraġġixxi l-estensjoni tal-prattika tat-taħlit tal-għotjiet tal-UE mas-self mill-BEI bħala mezz sabiex jiżdied l-effett ta’ lieva fuq ir-riżorsi disponibbli, dment li l-istrumenti finanzjarji l-ġodda jkunu intelliġenti, integrati u flessibbli;

32.

Iqis li l-esperjenza estensiva fil-ħolqien u l-użu ta’ strumenti finanzjarji matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali għandha tippermetti kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-BEI li jmorru lil hinn mill-ambitu u l-użu attwali ta’ dawn l-istrumenti u biex ikunu innovattivi billi jestendu l-firxa ta’ prodotti offruti;

33.

Huwa tal-fehma li objettivi u oqfsa legali ċari u separati huma meħtieġa għal bonds maħruġa mill-BEI għall-finanzjament tiegħu stess, kif ukoll għal “bonds tal-proġetti” fil-futur;

34.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-BEI qed jiffinanzja lilu nnifsu b'suċċess billi joħroġ bonds komuni appoġġjati mill-Istati Membri tal-UE kollha;

35.

Jilqa’ l-idea ta’ “bonds għall-proġetti” bl-għan tat-tisħiħ tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ bonds maħruġa mill-kumpaniji nfushom fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jintużaw biex jiffinanzjaw it-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi tal-IT Ewropej u biex ikollna ekonomija li tirrispetta iktar lill-ambjent; jemmen li tali ħruġ ta’ bonds għall-proġetti se jkollu impatt pożittiv fuq id-disponibilità tal-kapital għall-investiment sostenibbli għat-tkabbir u għat-titjib fil-qasam tal-impjiegi li jikkomplementaw l-investiment nazzjonali u tal-Fond ta’ Koeżjoni; iqis li dan l-istrument għandu jtejjeb il-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ proġetti magħżula u jattira finanzjament privat biex jikkomplementa l-investiment nazzjonali u tal-Fond ta’ Koeżjoni;

36.

Jitlob lill-Kummissjoni u għalhekk lill-BEI, biex jippreżentaw proposti konkreti biex joħolqu “bonds għall-proġetti”; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun involut bis-sħiħ fit-twaqqif ta’ tali strumenti u jitlob li jitqies l-użu tal-baġit tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss bħala l-ewwel strument ta’ koperatura tar-riskju b'limitu massimu, bil-BEI bħala finanzier subordinat;

37.

Jemmen li hemm ħtieġa ċara għall-appoġġ addizzjonali mill-BEI fl-oqsma li ġejjin: SMEs, kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u infrastruttura u proġetti oħra ta’ tkabbir u tat-titjib tal-impjiegi bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020;

38.

Iħeġġeġ lill-BEI biex jinvesti fit-trasport tal-merkanzija fis-settur ferrovjarju Ewropew kif ukoll f’Netwerks Trans-Ewropej oħra tat-trasport tal-merkanzija b'enfasi fuq il-portijiet tal-Mediterran, tal-Baħar l-Iswed u tal-Baħar Baltiku, sabiex jgħaqqadhom definittivament mas-swieq Ewropej;

39.

Iħeġġeġ lill-BEI biex jipprovdi aktar appoġġ għall-bini tan-netwerk TEN-T, bl-għan li jiġi ġġenerat effett ta’ lieva għal aktar investiment, kemm mis-settur pubbliku u kemm minn dak privat; iqis li, hawnhekk ukoll, il-“bonds għall-proġetti” jistgħu jaġixxu bħala strument ta’ investiment komplementari flimkien mal-baġit fil-fond tat-TEN-T; iħeġġeġ biex l-investiment futur ikun ikkonċentrat fuq sezzjonijiet transkonfinali tan-netwerk TEN-T biex jiġi ottimizzat il-valur miżjud Ewropew iġġenerat;

40.

Iħeġġeġ lill-BEI biex jinvesti fil-pajplajn tal-gass Nabucco u proġetti TEN-E importanti oħra li ser jippermettu li tkun issodisfata d-domanda futura għall-enerġija, li jkunu ddiversifikati l-pajjiżi fornituri tal-Ewropa, li tittejjeb it-taħlita tal-politiki tal-UE u li jkunu ssodisfati l-impenji ambjentali tal-Unjoni;

Il-finazjament mill-BEI barra l-UE

Ir-rwol tal-BEI fil-pajjiżi li se jissieħbu mal-UE

41.

Huwa tal-fehma li, bħala parti mill-attivitajiet tiegħu fil-pajjiżi ta’ adeżjoni, il-BEI għandu jiffoka iktar fuq miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija, enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura ambjentali, TENs u TEN-Es, u l-PPPs, skont standards soċjali, ta’ trasparenza u ambjentali għoljin, u li, skont l-objettivi tal-UE għall-klima, għandu jagħti prijorità lill-modi sostenibbli ta’ trasport, b'mod partikolari l-ferroviji;

42.

Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi li se jissieħbu mal-UE, kif previst fl-Artikolu 18 il-ġdid tal-Istatut tal-Bank;

Ir-rwol tal-BEI fl-iżvilupp

43.

Jilqa' l-bidliet introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona taħt l-Artikolu 209 KE (moqri flimkien mal-Artikolu 208 tal-imsemmi trattat), li jistipula li l-BEI għandu jikkontribwixxi, skont it-termini stipulati fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Komunità;

44.

Ifakkar li l-istrateġija u t-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 21 tat-TUE, għall-objettiv tal-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, għall-objettiv tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u għar-rispett tal-ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent li għalihom aderew l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha; ifakkar li l-BEI għandu jiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, fl-istadji rilevanti kollha ta’ kull proġett;

45.

Jilqa’ l-konklużjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Persuni Għorrief (SCWP) li għandu jitqies l-iżvilupp ta’ “Pjattaform tal-UE għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Esterni”; madankollu, iħeġġeġ lill-BEI u lil istituzzjonijiet oħra Ewropej biex jindirizzaw bir-reqqa l-fattibilità ta’ dan l-approċċ il-ġdid u l-implikazzjonijiet tiegħu fit-tul għall-effettività globali tal-azzjoni esterni tal-UE biex ikun evitat li l-politiki ġenerali u l-għanijiet għall-iżvilupp jiddgħajfu bit-twaqqif ta’ strumenti li jsir bla ebda valutazzjoni preliminari tal-għanijiet u l-prijoritajiet li dawn se jservu;

46.

Jilqa’ d-deċiżjoni l-ġdida proposta għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-BEI ta’ appoġġ għall-għanijiet tal-iżvilupp tal-UE, għas-sostituzzjoni tal-għanijiet reġjonali bl-għanijiet orizzontali ta’ livell għoli u għall-iżvilupp ta’ linji gwida operazzjonali għal kull reġjun skont il-mandat estern; ifakkar fil-ħtieġa li jkunu stabbiliti prijoritajiet ċari, inkluża l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura urbana, l-iżvilupp tal-muniċipalitajiet, u l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma propjetà lokali;

47.

Jirrakkomanda l-passi li ġejjin għat-tisħiħ tar-rwol tal-BEI fl-iżvilupp:

l-allokazzjoni ta’ numru akbar ta’ persunal iddedikat u speċjalizzat b’għarfien espert fi kwistjonijiet ta’ żvilupp u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll żieda fil-preżenza lokali tal-persunal fil-pajjiżi terzi;

żieda fil-livell ta’ parteċipazzjoni tal-atturi lokali fil-proġetti,

kapital addizzjonali dedikat fil-qasam ta’ proġetti bl-għan tal-iżvilupp,

l-allokazzjoni ta’ iktar għotjiet,

l-esplorazzjoni tal-possibilità tar-raggruppar tal-attivitajiet tal-BEI f’pajjiżi terzi flimkien taħt entità waħda separata;

48.

Jirrakkomanda li l-BEI jiffoka fuq l-investiment fi proġetti ta’ enerġija rinnovabbli f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'attenzjoni partikolari fuq l-Afrika sub-Saħarjana;

Il-kooperazzjoni bejn il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, reġjonali u nazzjonali

49.

Jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-banek multilaterali tal-iżvilupp, il-banek reġjonali tal-iżvilupp, l-aġenziji Ewropej tal-iżvilupp bilaterali u l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati finanzjarji minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandha tiżdied b’appoġġ għall-politiki tal-UE;

50.

Jemmen li kooperazzjoni akbar taħt l-istess kondizzjonijiet u bbażata fuq ir-reċiproċità ma’ istituzzjonijiet finanzjarji reġjonali u nazzjonali hija meħtieġa sabiex ikun żgurat użu aktar effettiv tar-riżorsi u li jkunu fil-mira l-ħtiġijiet lokali speċifiċi;

51.

Jinkoraġġixxi l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Ftehim li bħalissa qed jiġi nnegozjat bejn il-BEI, il-BERŻ u l-Kummissjoni bil-ħsieb li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-pajjiżi komuni kollha ta’ operazzjoni barra l-UE bl-għan doppju li s-self tagħhom ikun koerenti bejniethom u mal-għanijiet tal-politika tal-UE bħall-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni ambjentali;

Ċentri finanzjarji offshore

52.

Jistieden lill-BEI jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ finanzjament ċari għall-intermedjarji finanzjarji u jirrapporta dwar il-progress li seħħ fir-rigward tat-trasparenza u r-responsabilità miżjuda, b'mod partikolari fil-każ ta’ self permezz ta’ intermedjarji finanzjarji; iqis li l-BEI għandu jaġġorna u jagħmel aktar stretta l-politika tiegħu dwar iċ-ċentri finanzjarji offshore, u jmur lil hinn mill-parità tal-kundizzjonijiet attwali tal-listi tal-OKŻE u jqis il-ġurisdizzjonijiet kollha li jistgħu jippermettu l-iskansament u l-evażjoni fiskali;

53.

Huwa tal-fehma li mhux biżżejjed li wieħed joqgħod fuq il-lista tal-OKŻE ta’ ċentri finanzjarji offshore u li l-listi rikonoxxuti internazzjonalment għandhom japplikaw sakemm l-UE tkun stabbiliet il-lista tagħha stess; iqis, madankollu, li l-BEI għandu jagħmel hu stess l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ indipendenti ta’ ġurisdizzjonijiet rilevanti li ma jikkooperawx, u jippubblika regolarment ir-riżultati li jkollu, biex b’hekk jikkomplementa l-analiżi mil-Listi ta’ Referenza internazzjonali u tal-UE;

54.

Huwa tal-fehma li l-BEI ma jistax jieħu sehem f’operazzjonijiet implimentati permezz ta’ ġurisdizzjoni li ma tikkooperax, kif identifikata mill-OKŻE, il-FATF u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra, kif ukoll mill-evalwazzjoni u l-monitoraġġ indipendenti tiegħu stess;

55.

Huwa tal-fehma li l-BEI għandu japplika l-politika aġġornata u ppubblikata tiegħu dwar il-pajjiżi u t-territorji li ma jikkoperawx u ċ-ċentri finanzjarji offshore biex jiżgura li l-operazzjonijiet tiegħu ma jikkontribwixxux għal xi forma ta’ evażjoni tat-taxxa jew ħasil tal-flus;

56.

Jitlob lill-BEI biex jinkludi fir-Rapport Annwali tiegħu lill-PE d-dettalji relatati mal-implimentazzjoni tal-politika tiegħu dwar iċ-ċentri finanzjarji offshore, b’mod partikolari billi jirrapporta n-numru ta’ applikazzjonijiet irrifjutati minħabba nuqqas ta’ konformità u n-numru ta’ rilokazzjonijiet li ġew mitluba u implimentati għal skopijiet ta’ konformità;

57.

Jistieden lill-BEI biex itejjeb aktar l-iżvelar proattiv u f'waqtu ta’ informazzjoni dwar il-proġetti, inklużi l-evalwazzjonijiet tiegħu tal-impatti soċjali, ambjentali, fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-iżvilupp tal-proġett, rapporti ta’ monitoraġġ u rapporti ta’ evalwazzjoni ex-post;

*

* *

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Grupp tal-Bank Dinji, lill-banek reġjonali tal-iżvilupp kollha, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 135.

(2)  ĠU C 117E, 6.5.2010, p. 147.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0223.


Top