Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0144

Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ April 2011 dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku (2010/2289(INI))

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 51–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/51


L-Erbgħa 6 ta’ April 2011
Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku

P7_TA(2011)0144

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku (2010/2289(INI))

2012/C 296 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Suq uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Is-Suq Uniku: rieżami tal-kisbiet” (SEC(2007)1521),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar ir-rieżami tas-Suq Uniku (1) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Ir-rieżami tas-Suq Uniku: sena wara” (SEC(2008)3064),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea” (COM(2010)0543),

wara li kkunsidra s-27 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tal-Liġi tal-UE u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Is-sitwazzjoni fis-setturi differenti” (SEC(2010)1143),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib tal-funzjonament tas-suq uniku (2),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Att dwar is-Suq Uniku,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Professur Mario Monti lill-Kummissjoni dwar l-għoti tal-ħajja mill-ġdid lis-suq uniku,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini (3),

wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 21 (2010), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 (4) u tat-23 ta’ Settembru 2008 (5) dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Ewropa li Tikseb ir-Riżultati - L-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja” (COM(2007)0502),

wara li kkunsidra l-Artikoli 258 sa 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 10 u 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0083/2011),

A.

billi l-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku jirrikjedi l-appoġġ attiv taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha,

B.

billi sabiex jinkiseb mill-ġdid l-appoġġ attiv mill-partijiet interessati kollha, huwa essenzjali li matul il-konsultazzjonijiet u d-djalogu mal-Kummissjoni kif ukoll fi gruppi ta’ esperti, għandha tiġi żgurata r-rappreżentanza effettiva tas-soċjetà ċivili u tal-SMEs,

C.

billi t-tixrid, l-artikulazzjoni u l-ġestjoni kif suppost tad-diversi konsultazzjonijiet u rapporti tal-istituzzjonijiet tal-UE (UE 2010, ir-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza, il-Politika Industrijali Integrata, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ir-Rapport Monti, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar “ir-realizzazzjoni ta’ suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini”, ir-Rapporti Gonzales u IMCO, eċċ.) huma ta’ importanza partikolari għall-varar mill-ġdid b’suċċess tas-Suq Uniku,

D.

billi għadha tippersisti lakuna sostanzjali bejn ir-regoli tas-suq uniku u l-benefiċċji li ċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jisiltu minnhom fil-prattika,

E.

billi d-defiċit medju tat-traspożizzjonijiet tal-UE jammonta għal 1,7 % meta jitqiesu l-każijiet li fihom iż-żmien tat-traspożizzjoni ta’ direttiva jeċċedi l-iskadenza u li fihom tkun inbdiet proċedura ta’ ksur mill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ konformità,

Introduzzjoni

1.

Jilqa’ b’interess il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, speċjalment it-tielet kapitolu tagħha u l-approċċ globali li din tipproponi sabiex jiġi bbilanċjat mill-ġdid is-suq uniku bejn l-impriżi u ċ-ċittadini u biex jittejbu d-demokrazija u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jenfasizza li dan l-approċċ għandu l-għan li jiggarantixxi l-aħjar bilanċ bejn il-proposti tat-tliet partijiet tal-komunikazzjoni;

2.

Iqis li t-tliet kapitli tal-Komunikazzjoni huma importanti ndaqs u interkonnessi, u għandhom ikunu ttrattati b’approċċ konsistenti mingħajr ma jiġu iżolati minn xulxin il-kwistjonijiet differenti li hemm involuti;

3.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-approċċ olistiku lejn il-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku, filwaqt li jintegraw il-prijoritajiet tas-Suq Uniku fl-oqsma kollha ta’ politika li huma kruċjali biex jiġi realizzat is-Suq Uniku għall-ġid taċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji Ewropej;

4.

Jemmen li t-titjib tal-governanza ekonomika Ewropea, l-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 u l-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku huma importanti ndaqs biex l-ekonomija Ewropea tingħata l-ħajja mill-ġdid u għandhom jitqiesu flimkien;

5.

Iqis li għandu jiġi kkompletat suq uniku mingħajr ostakoli u kompetittiv biex iġib vantaġġi konkreti għall-ħaddiema, studenti, pensjonanti u ċittadini inġenerali, u għan-negozji, l-aktar l-SMEs, fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tindika l-kalendarju għat-tlestija tal-Att dwar is-Suq Uniku u tippubblika aġġornamenti regolari dwar il-progress tanġibbli sabiex tqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadin Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Att u biex tenfasizza l-benefiċċji tiegħu;

Evalwazzjoni ġenerali

It-tisħiħ tat-tmexxija politika u s-sħubija

7.

Jinsab konvint li waħda mill-isfidi prinċipali fil-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku hija l-iżgurar tat-tmexxija politika, l-impenn u l-koordinament; jemmen li gwida komprensiva mill-ogħla livell politiku hija kruċjali għat-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku;

8.

Jissuġġerixxi li l-President tal-Kummissjoni għandu jingħata l-mandat li jikkoordina u jissorvelja l-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kunsill Ewropew u mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew biex jikkoordinaw mill-qrib l-azzjonijiet rispettivi tagħhom intiżi li jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, l-ekonomija soċjali tas-suq u s-sostenibilità fl-Unjoni;

9.

Jenfasizza r-rwol imsaħħaħ tal-PE u tal-parlamenti nazzjonali skont it-Trattat ta’ Lisbona; iħeġġeġ it-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament fil-proċess tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku; jinkoraġġixxi lill-parlamenti nazzjonali jagħmlu sforz ħalli jittrattaw ir-regoli tas-Suq Uniku matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu u jipparteċipaw f’attivitajiet konġunti mal-Parlament Ewropew, sabiex ikun hemm sinerġija aħjar bejn iż-żewġ livelli parlamentari;

10.

Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li jqiegħed id-djalogu u s-sħubija fil-qalba tas-suq uniku mġedded, u jitlob li jkun hemm sforzi isħaħ mill-partijiet interessati kollha biex jiżguraw li dan l-approċċ jitqiegħed fil-prattika ħalli s-suq uniku jkun jista' jiżvolġi r-rwol sħiħ tiegħu fil-promozzjoni tat-tkabbir u ta’ ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna;

11.

Jisteden lill-Kummissjoni flimkien mal-Presidenza torganizza Forum dwar is-Suq Uniku fuq bażi annwali li jinvolvi partijiet interessati mill-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tan-negozjanti biex jevalwaw il-progress fil-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku, jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet ewlenin taċ-ċittadini Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-eżerċizzju tal-identifikazzjoni tal-ewwel 20 sors ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon u frustrazzjoni relatati mas-suq uniku li jġarrbu ċ-ċittadini; jipproponi li l-Forum dwar is-Suq Uniku jkun jista' jintuża mill-Kummissjoni biex tippreżenta dawn il-problemi u s-soluzzjonijiet rispettivi tagħhom;

12.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri jieħdu s-sjieda tal-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku; jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi li ħadu l-Istati Membri biex jottimizzaw il-mod li bih jittrattaw id-direttivi tas-Suq Uniku f'dawk li huma t-titjib tal-koordinament, il-ħolqien ta’ strutturi ta’ inċentivi u ż-żieda tal-importanza politika mogħtija lit-traspożizzjoni; iqis li hu kruċjali, meta jiddiskuti prijoritajiet għal leġiżlazzjoni ġdida, it-tisħiħ tal-inċentivi u l-għoti ta’ importanza ikbar għat-traspożizzjoni korretta u fil-ħin, l-applikazzjoni korretta u l-infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku;

13.

Jinnota li r-regoli tas-Suq Uniku spiss jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar involviment min-naħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-bini tas-suq uniku, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-sħubija, fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jipproponi, sabiex jiġi enfasizzat dan l-approċċ deċentralizzat, it-twaqqif ta’ “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali dwar l-Istrateġija tal-Ewropa 2020” f’kull Stat Membru biex tinħoloq sjieda qawwija fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 tal-UE;

14.

Jemmen li l-“governanza tajba” tas-suq uniku għandha tirrispetta r-rwol taż-żewġ istituzzjonijiet konsultattivi li jeżistu fil-livell Ewropew – il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – kif ukoll dak tas-sħab soċjali;

15.

Jisħaq li d-djalogu mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili huwa essenzjali biex tinġieb lura l-fiduċja fis-suq uniku; jistenna ideat ġodda u kuraġġużi mill-Kummissjoni dwar kif dan id-djalogu jista' fil-fatt jittejjeb; jitlob li s-sħab soċjali jkunu involuti u kkonsultati fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tas-suq uniku li taffettwa s-suq tax-xogħol;

16.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Ktiba Ħadra dwar linji gwida għal konsultazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili, u tiżgura li dawn il-konsultazzjonijiet ikunu wiesgħa, interattivi u jżidu l-valur tal-politiki proposti;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta d-djalogu u l-komunikazzjoni dwar il-bżonnijiet taċ-ċittadini ordinarji, bl-aqwa mod possibbli, pereżempju billi l-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha tagħha jsiru disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE jew billi l-lingwa tintuża b’tali mod li tkun tista’ tiftiehem miċ-ċittadin ordinarju;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tvara kampanja ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar l-essenza tas-suq uniku u l-objettivi stabbiliti sabiex iżżid id-dinamiżmu tiegħu filwaqt li jiġu inkorporati d-dimensjonijiet ta’ koeżjoni soċjali u reġjonali; jenfasizza li din il-kampanja ta’ komunikazzjoni hi importanti billi tiffavurixxi aktar parteċipazzjoni min-naħa ta’ kull ċittadin, ħaddiem u konsumatur u biex ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar f’suq kompetittiv, ġust u bbilanċjat;

20.

Iqis li l-użu ta’ għodod kollaborattivi ġodda u approċċi tal-Web 2.0 joffri opportunità biex tinkiseb governanza tas-Suq Uniku li tkun aktar miftuħa, responsabbli, tirreaġixxi malajr u effikaċi;

Regolamentazzjoni tas-Suq Uniku

21.

Huwa tal-fehma li l-inizjattivi minn Stati Membri individwali ma jistgħux ikunu effikaċi mingħajr azzjoni koordinata fil-livell tal-UE, u għalhekk huwa ta’ importanza fundamentali li l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda u soda u timplimenta azzjonijiet komuni; iqis li s-solidarjetà, li fuqha hu bbażat il-mudell ekonomiku soċjali Ewropew, u l-koordinament tar-rispons nazzjonali kienu kruċjali biex jiġu evitati miżuri ta’ protezzjoni għal perjodu qasir ta’ żmien mill-Istati Membri individwali; jesprimi t-tħassib tiegħu li jekk il-protezzjoniżmu ekonomiku jerġa’ jitfaċċa fil-livell nazzjonali dan x’aktarx iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern u għal tnaqqis fil-kompetittività, u għalhekk jeħtieġ li jiġi evitat; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali tista’ tintuża biex tiġġustifika li jerġgħu jiddaħħlu miżuri ta’ protezzjoniżmu f’diversi Stati Membri, filwaqt li, minflok hekk, it-tnaqqis fl-attività ekonomika jitlob mekkaniżmi ta’ salvagwardja komuni;

22.

Hu tal-fehma li l-progress fis-suq intern m’għandux ikun ibbażat fuq id-denominatur komuni l-aktar baxx; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u tressaq proposti kuraġġużi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-metodu ta’ kooperazzjoni msaħħa f’oqsma fejn il-proċess li jintlaħaq ftehim bejn 27 mhuwiex possibbli; jinnota li pajjiżi oħra jkunu ħielsa li jingħaqdu f’dawn l-inizjattivi avvanzati fi stadju aktar tard;

23.

Jemmen li l-effiċjenza ġenerali u l-leġittimità tas-Suq Uniku jbatu minħabba l-kumplessità tal-governanza tas-Suq Uniku;

24.

Iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-kwalità u ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku mill-Istati Membri;

25.

Jidhirlu li l-użu tar-regolamenti minflok id-direttivi fejn adatt jikkontribwixxi għal ambjent regolatorju aktar ċar u jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjoni assoċjati mat-traspożizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ aktar speċifikament immirat f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-istrumenti leġiżlattivi, skont il-karatteristiċi legali u sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jridu jiġu implimentati, waqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-istrateġija ta’ Regolamentazzjoni Intelliġenti biex tkompli titjieb il-kwalità tar-regolamentazzjoni, waqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità;

27.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli evalwazzjoni indipendenti ex-ante u ex-post tal-leġiżlazzjoni bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati sabiex titjieb l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

28.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tissistematizza u tirfina t-test tal-SMEs, filwaqt li tqis id-diversità tas-sitwazzjonijiet tagħhom, biex tevalwa l-konsegwenzi ta’ proposti leġiżlattivi fuq dawn in-negozji;

29.

Jemmen li t-tabelli ta’ korrelazzjoni jikkontribwixxu għal traspożizzjoni aħjar u jiffaċilitaw b'mod sinifikanti l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku; iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu u jippubblikaw tabelli ta’ korrelazzjoni fil-leġiżlazzjoni kollha tas-suq uniku; jirrimarka li fil-futur il-Parlament jista' ma jikkonkludix rapporti dwar testi ta’ kompromess miftiehma mal-Kunsill fl-aġenda tal-plenarja jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni għad-dispożizzjonijiet tat-tabelli tal-korrelazzjoni;

Koordinament amministrattiv, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tal-problemi u informazzjoni

30.

Jappoġġa l-proposti tal-Att dwar is-Suq Uniku li jimmiraw li jiżviluppaw aktar kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, inkluża l-estensjoni tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern (IMI) lejn oqsma leġiżlattivi relevanti oħra waqt li jqisu s-sigurtà tas-sistema u kif din tista’ tintuża; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri billi tipprovdi taħriġ u pariri;

31.

Iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu involuti fl-iżvilupp u l-espansjoni tas-Sistema ta’ Tagħrif tas-Suq Intern wara evalwazzjoni bir-reqqa tal-benefiċċji u l-problemi li l-espansjoni tas-sistema tista’ ġġib magħha;

32.

Jenfasizza l-importanza ta’ komunikazzjoni aħjar u estensjoni tas-sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern peress li hija essenzjali biex l-SMEs jingħataw informazzjoni ċara dwar is-suq intern;

33.

Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkoopera ma’ Stati Membri għall-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tal-għodod informali għas-soluzzjoni tal-problemi bħal SOLVIT, il-proġett pilota tal-UE u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ bi pjan direzzjonali dwar l-iżvilupp u l-interkonnessjoni ta’ għodod differenti għas-soluzzjoni tal-problemi biex tiżgura effiċjenza u faċilità tal-użu mill-utenti u biex tevita duplikazzjonijiet bla bżonn; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jipprovdu lil dawn l-għodod għas-soluzzjoni tal-problemi b’riżorsi adegwati;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa u tippromwovi l-websajt L-Ewropa Tiegħek sabiex toffri aċċess uniku għall-informazzjoni kollha u s-servizzi ta’ għajnuna kollha li ċ-ċittadini u n-negozji jeħtieġu biex jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom fis-suq uniku;

35.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw punti ta’ kuntatt uniku taħt id-Direttiva tas-Servizzi f’ċentri ta’ e-Gvern ħfief biex jintużaw mill-utent u faċilment aċċessibbli fejn in-negozji jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-lingwi relevanti tal-UE, jagħmlu l-formalitajiet kollha u jlestu l-passi meħtieġa b'mezzi elettroniċi sabiex jipprovdu servizzi fl-Istat Membru rispettiv;

36.

Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-EURES fil-faċilitazzjoni tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Unjoni u fl-iżgurar ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi nazzjonali tal-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien pubbliku ta’ dan is-servizz utli biex aktar ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ minn opportunitajiet ta’ impjiegi fl-UE kollha;

37.

Jistieden lill-Parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-sħab soċjali jieħdu parti attiva fil-komunikazzjoni tal-benefiċċji tas-Suq Uniku;

Traspożizzjoni u infurzar

38.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat kollha skont it-Trattati biex ittejjeb it-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku għall-benefiċċju taċ-ċittadini, konsumaturi u negozji Ewropej; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw b’mod sħiħ u korrett ir-regoli tas-Suq Uniku;

39.

Jemmen li l-proċedura ta’ ksur tibqa’ għodda ewlenija biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq uniku, iżda jenfasizza li għandhom jitqiesu l-istrumenti addizzjonali li jieħdu anqas ħin u li huma anqas ingombranti;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tirreżisti kull indħil politiku u fejn ifallu l-mekkaniżmi tas-soluzzjoni ta’ problemi qabel il-litigazzjoni tibda minnufih il-proċeduri ta’ ksur;

41.

Jinnota li l-każistika ta’ dan l-aħħar tal-Qorti tal-Ġustizzja tiftaħ xenarji ġodda biex il-Kummissjoni ssegwi “każijiet ta’ ksur ġenerali u strutturali” tar-regoli tas-Suq Uniku mill-Istati Membri;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tat-tibdiliet li ddaħħlu mill-Artikolu 260 tat-TFUE li huma maħsuba biex jissimplifikaw u jħaffu l-impożizzjoni tal-pieni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur;

43.

Jemmen li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar attiv fl-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku, billi tagħmel iktar monitoraġġ sistematiku u indipendenti sabiex jitħaffu l-proċeduri ta’ ksur;

44.

Jiddispjaċih li wisq proċeduri ta’ ksur jieħdu ħafna żmien qabel ma jingħalqu jew jinġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi punt ta’ referenza ta’ 12-il xahar għaż-żmien medju massimu li jieħdu l-proċeduri ta’ ksur, minn meta jinfetaħ il-fajl sa meta tintbagħat l-applikazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja; jiddispjaċih ħafna li proċeduri bħal dawn ma jkollhom l-ebda effett dirett fuq iċ-ċittadini jew ir-residenti tal-UE li kienu vittmi ta’ nuqqas ta’ infurzar tal-liġi tal-UE;

45.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni aħjar, b’mod trasparenti, dwar il-proċeduri ta’ ksur li għaddejjin;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi punt ta’ referenza għall-konformità tal-Istati Membri mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;

47.

Jappoġġa l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb l-użu tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess rapidu u effiċjenti għal soluzzjoni tat-tilwim barra l-qrati li tkun sempliċi u mingħajr spejjeż kbar għall-konsumaturi u l-impriżi f’tilwim nazzjonali u transkonfinali li jinvolvi kemm xiri online kif ukoll offline; jilqa' l-konsultazzjoni mnedija mill-Kummissjoni; jinsisti dwar il-ħtieġa li ċ-ċittadini jingħataw informazzjoni aħjar dwar l-eżistenza tal-ADR;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka wkoll fuq il-prevenzjoni tat-tilwim, pereżempju permezz ta’ miżuri iktar b’saħħithom li jevitaw prattiki kummerċjali inġusti;

49.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika dwar approċċ Ewropew għar-rimedju kollettiv u jopponi l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ibbażati fuq il-mudell tal-Istati Uniti tal-Amerika, li fih inċentivi ekonomiċi qawwija għat-tressiq ta’ lmenti infondati quddiem il-qorti;

50.

Jinnota li kwalunkwe proposta dwar ir-rimedju kollettiv għall-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni għandha tirrispetta l-fehma li l-Parlament esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar azzjonijiet ta’ riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust; jinsisti li l-Parlament għandu jkun involut fl-adozzjoni ta’ kwalunkwe att bħal dawn permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-każ għal standards minimi fir-rigward tad-dritt għal kumpens għad-dannu li jirriżultaw minn ksur tal-liġi tal-UE b'mod aktar ġenerali;

Monitoraġġ, evalwazzjoni u modernizzazzjoni

51.

Jappoġġa approċċ iffukat u bbażat fuq l-evidenza fejn jidħlu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-suq; jistieden il-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-għodod tagħha għall-monitoraġġ tas-suq, bħal pereżempju l-mekkaniżmu ta’ twissija fid-Direttiva dwar is-Servizzi, billi ttejjeb il-metodoloġija, l-indikaturi u l-ġbir tad-data, filwaqt li tosserva l-prinċipji tal-prattiċità u l-kosteffikaċja;

52.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-istat tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha dwar is-Suq Uniku b’mod iktar rapidu u ċar;

53.

Jenfasizza l-evalwazzjoni reċiproka prevista fid-Direttiva dwar is-Servizzi bħala mod innovattiv kif tintuża l-pressjoni tal-pari biex tittejjeb il-kwalità tat-traspożizzjoni; jappoġġa fejn hu xieraq l-użu tal-evalwazzjoni reċiproka f’oqsma oħra, eż. fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija;

54.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrieżminaw regolarment ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali li għandhom impatt fuq iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi u l-merkanzija bil-għan li jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-regoli nazzjonali u jneħħu d-duplikazzjonijiet; iqis li l-proċess ta’ monitoraġġ tal-liġi nazzjonali użat għall-implimentazzjoni tad-direttivi dwar is-servizzi, jista’ jkun għodda effikaċi f’oqsma oħra biex jiġi evitat xogħol doppju u jitneħħew ostakli nazzjonali mhux ġustifikati għall-moviment liberu;

55.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-isforzi tas-settur pubbliku biex jadotta approċċi innovattivi, filwaqt li tisfrutta t-teknoloġiji u l-proċeduri ġodda u xxerred l-aħjar prassi fl-amministrazzjoni pubblika, ħaġa li tnaqqas il-burokrazija u tħaddan politiki ċċentrati fuq iċ-ċittadin;

Prijoritajiet ewlenin

56.

Jitlob li kull sessjoni tar-rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew għandha tkun iddedikata għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali tas-Suq Uniku, bl-appoġġ ta’ proċess ta’ monitoraġġ;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Ktiba Ħadra dwar linji gwida għal konsultazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili, u tiżgura li dawn il-konsultazzjonijiet ikunu wiesgħa, interattivi, trasparenti u jżidu l-valur tal-politiki proposti;

58.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu u jippubblikaw tabelli ta’ korrelazzjoni fil-leġiżlazzjoni kollha tas-suq uniku;

59.

Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu d-defiċit ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi tas-Suq Uniku għal 0,5 % għal-leġiżlazzjoni pendenti u 0,5 % għal-leġiżlazzjoni trasposta b'mod inkorrett sal-aħħar tal-2012;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu ta’ riżoluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim fl-UE sa tmiem l-2011 u tenfasizza l-importanza tal-adozzjoni rapida tagħha;

*

* *

61.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 80.

(2)  ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2010)0186.

(4)  ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 25.

(5)  ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 7.


Top