EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0142

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta’ April 2011 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2009 (2010/2247(INI))

ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 40–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 296/40


L-Erbgħa 6 ta’ April 2011
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea - Ġlieda kontra l-frodi

P7_TA(2011)0142

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2009 (2010/2247(INI))

2012/C 296 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

wara li kkunsidra r-rapport tal-14 ta’ Lulju 2010 tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2009” (COM(2010)0382), inkluż l-annessi (SEC(2010)0897 u SEC(2010)0898) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Għaxar Rapport ta’ Attività tal-OLAF – Rapport Annwali 2010 (1),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-Tmien, id-Disa' u l-Għaxar Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni (3),

wara li kkunsidra l-Artikoli 319(3) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni (5), bl-għan li jiżgura li l-fondi tal-UE ma jkunux suġġetti għall-korruzzjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0050/2011),

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jiddispjaċih li, b’mod ġenerali, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi – Rapport Annwali 2009 (COM(2010)0382) (“ir-Rapport PIF 2009”), imressaq skont l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ma jipprovdi l-ebda informazzjoni dwar il-livell stmat ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi fl-Istati Membri individwali billi dan jikkonċentra fuq il-livell ta’ rappurtar, u għalhekk mhuwiex possibbli li wieħed ikollu ħarsa ġenerali tal-livell effettivi ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi fl-Istati Membri u li jidentika u jieħu passi kontra dawk bl-ogħla livell ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi;

2.

Jenfasizza li l-frodi hija eżempju ta’ għemil ħażin intenzjonat u hija reat kriminali, u li irregolarità hija nuqqas ta’ konformità ma’ regola; jiddispjaċih li r-rapport tal-Kummissjoni jonqos li jqis il-frodi fid-dettall u jittratta l-irregolaritajiet b’mod wiesa’ ħafna; jirrimarka li l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa relatat mal-frodi, mhux mal-irregolaritajiet, u jitlob li ssir distinzjoni bejn il-frodi u l-iżbalji jew l-irregolaritajiet;

3.

Jirrimarka li matul l-aħħar snin ġew żviluppati tekniki għall-kejl tal-frodi bħala parti minn tentattiv usa' biex tkun miġġielda l-korruzzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti spinta lil dawn l-isforzi ta’ riċerka u biex timplimenta, inizjalment bħala proġetti pilota, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-metodoloġiji ġodda u adegwati li qed jiġu żviluppati biex ikejlu l-fenomeni tal-irregolaritajiet u l-frodi;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni teżerċita r-responsabilità tagħha sabiex tiżgura l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tagħhom ta’ rappurtar, bl-għan li tiġi pprovduta data affidabbli u paragunabbli f'dak li jikkonċerna l-irregolaritajiet u l-frodi anke jekk dan jirrikjedi li l-Kummissjoni timmodifika s-sistema ta’ penali għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi ta’ rappurtar;

5.

Jiddeplora l-fatt li ammonti kbar ta’ fondi tal-UE għadhom qed jintefqu ħażin u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa għall-irkupru fil-pront ta’ dawn il-fondi;

6.

Huwa mħasseb dwar il-livell ta’ irregolaritajiet li għadhom mhux irkuprati jew iddikjarati mhux irkuprabbli fl-Italja fl-aħħar tas-sena fiskali tal-2009;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-Istati Membri iktar responsabbli għall-ammont ta’ irregolaritajiet li għad iridu jkunu rkuprati;

8.

Jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw kull irregolarità mhux aktar tard minn xahrejn wara t-tmiem tat-trimestru li fih din tkun ġiet suġġetta għall-ewwel att ta’ aċċertament amministrattiv jew ġudizzjarju u/jew tkun inkixfet informazzjoni ġdida dwar l-irregolarità rrappurtata; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa, inkluża r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali, biex jintlaħqu l-iskadenzi meħtieġa u jitnaqqas il-perjodu ta’ żmien bejn l-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ dik l-irregolarità; jistieden lill-Istati Membri biex, fl-impenn tagħhom kontra l-frodi, jaġixxu l-ewwel nett biex iħarsu l-flus tal-kontribwenti;

9.

Jistaqsi x’passi ħadet il-Kummissjoni biex tikkumbatti ż-żieda fil-frodi ssuspettata, fin-numru ta’ każijiet u l-ammonti meta mqabbla man-numru totali ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet fl-Istati Membri tal-Polonja, ir-Rumanija u l-Bulgarija;

10.

Huwa mħasseb bir-rati suspettużament baxxi tal-frodi fi Spanja u Franza, speċjalment meta wieħed iqis id-daqs tagħhom u l-appoġġ finanzjarju li jirċievu, kif deskritti mill-Kummissjoni fir-rapport PIF 2009, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-metodoloġija ta’ rappurtar applikata u l-kapaċità li tiskopri l-frodi f’dawn l-istati;

11.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (6) jew il-protokolli tagħha (7) (l-istrumenti PIF), jiġifieri r-Repubblika Ċeka, Malta u l-Estonja, biex jipproċedu bir-ratifika ta’ dawn l-istrumenti ġuridiċi mingħajr dewmien; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li rratifikaw l-istrumenti PIF jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-qasam kriminali biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti żvelati fit-tieni rapport tal-Kummissjoni għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u l-protokolli tagħha (COM(2008)0077);

12.

Jilqa’ l-introduzzjoni, fl-2009, tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), li hija applikazzjoni żviluppata u operata mill-OLAF, u l-iżviluppi pożittivi li din ġabet magħha; huwa mħasseb li l-Kummissjoni tispjega ż-żieda fin-numru ta’ każijiet irrappurtati u l-impatt finanzjarju bl-użu tar-rappurtar teknoloġiku l-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b’metodoloġija dettaljata tar-rappurtar teknoloġiku implimentat reċentement u biex tinkludiha fir-rapport li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-IMS u jtejbu ulterjorment il-konformità tagħhom mal-obbligi ta’ rappurtar;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport tagħha tas-sena d-dieħla l-ammont ta’ irregolaritajiet irrappurtati bl-użu tar-rappurtar teknoloġiku l-ġdid imqabbel mal-metodi tradizzjonali ta’ rappurtar; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ħeffa li biha jiġu rrappurtati l-irregolaritajiet;

14.

Itenni d-dispjaċir tiegħu – meta jitqiesu d-dubji serji dwar il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati membri – li l-Kummissjoni tagħmel iktar sforzi biex tikkonvinċi lill-Parlament Ewropew dwar il-bżonn ta’ introduzzjoni ta’ “riskju tollerabbli ta’ żball” milli biex tikkonvinċi lill-Istati Membri dwar il-bżonn ta’ dikjarazzjonijiet obbligatorji ta’ ġestjoni nazzjonali, li jiġu verifikati kif xieraq mill-uffiċċju nazzjonali ta’ verifika u kkonsolidati mill-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u billi tfassal rapport xieraq skont it-Trattat, tipprovdi lill-Parlament assigurazzjoni raġonevoli li dan l-għan intlaħaq u li l-azzjoni sabiex tikkumbatti l-frodi qed titwettaq kif suppost;

Dħul: Riżorsi proprji

15.

Jinsab imħasseb dwar l-ammont ta’ frodi meta mqabbla ma’ irregolaritajiet fis-settur tar-Riżorsi Proprji għall-Istati Membri tal-Awstrija, Spanja, l-Italja, ir-Rumanija u s-Slovakkja, ladarba l-frodi tikkostitwixxi aktar minn nofs l-ammont totali ta’ irregolaritajiet f'kull wieħed mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluża l-kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej, biex jindirizzaw il-kawżi kollha tal-frodi relatata mal-fondi tal-UE;

16.

Jiddeplora n-nuqqasijiet fis-sorveljanza doganali nazzjonali żvelati mill-Qorti tal-Awdituri – b’mod partikolari fir-rigward tal-prestazzjoni tal-analiżi tar-riskju għall-għażla ta’ kummerċjanti u importazzjonijiet li għandhom ikunu soġġetti għall-kontrolli doganali – li jżidu r-riskju ta’ irregolaritajiet li jibqgħu ma jinkixfux u jistgħu jwasslu għal telf ta’ Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TOR); jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi tagħhom ta’ sorveljanza doganali u lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-appoġġ rilevanti f’dan ir-rigward;

17.

Jenfasizza l-fatt li madwar 70 % tal-proċeduri doganali għall-importazzjonijiet kollha huma semplifikati, u dan ifisser li kellhom impatt sostanzjali fuq il-ġbir ta’ TOR u fuq l-effikaċja tal-politika kummerċjali komuni; iqis li, f’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ kontrolli effikaċi fuq il-proċeduri semplifikati għall-importazzjonijiet fl-Istati Membri, kif żvelat fir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 1/2010, huwa inaċċettabbli u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga ulterjorment dwar l-effikaċja ta’ kontrolli għal proċeduri semplifikati fl-Istati Membri, u b’mod partikolari tinvestiga l-progress fit-twettiq min-naħa tal-Istati Membri ta’ verifiki ex-post, u biex tippreżenta r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ lill-Parlament sa tmiem l-2011;

18.

Jinnota r-riżultat pożittiv tal-istħarriġ li sar mill-OLAF fil-qasam tar-riżorsi proprji; jinsab ferm inkwetat dwar l-ammont ta’ frodi li jinvolvi merkanzija importata miċ-Ċina u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirkupraw l-ammonti kkonċernati mingħajr dewmien;

19.

Jilqa’ r-riżultat pożittiv tal-operazzjoni doganali konġunta Diabolo II, li kienet tinvolvi uffiċjali tad-dwana minn 13-il pajjiż Asjatiku u s-27 Stat Membru tal-UE, u li kienet ikkoordinata mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ OLAF;

20.

Jilqa’ l-ftehimiet li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kkonkludew mal-produtturi tat-tabakk biex jingħeleb il-kummerċ illegali tat-tabakk; huwa tal-fehma li huwa fl-interess finanzjarju tal-UE li tkompli tiġġieled il-kuntrabandu tas-sigaretti, li t-telf annwali tad-dħul minnu għall-baġit tal-UE huwa stmat li hu ta’ madwar biljun euro; iħeġġeġ lill-OLAF ikompli jieħu rwol ewlieni fin-negozjati internazzjonali għal Protokoll dwar l-Eliminazzjoni tal-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li jkun ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fl-Unjoni; huwa tal-fehma li l-EUR 500 miljun li jridu jitħallsu miż-żewġ kumpaniji kkonċernati, jiġifieri l-British American Tobacco u l-Imperial Tobacco, għandhom jintużaw mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għat-tisħiħ tal-miżuri kontra l-frodi;

Nefqa: Agrikoltura

21.

Jilqa’ l-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-dixxiplina ġenerali ta’ rappurtar f’dan il-qasam politiku tjiebet u li l-konformità issa laħqet il-95 %; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma jirrappurtawx f’waqtu (l-Awstrija, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja u r-Renju Unit) biex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni mill-aktar fis;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fi Spanja u fl-Italja, li rispettivament irrappurtaw l-ogħla numru ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet u l-ogħla ammonti involuti, u biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar miżuri speċifiċi li jkunu ttieħdu sabiex jiġu indirizzati l-problemi f’dawn iż-żewġ Stati Membri;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk id-disparità bejn iktar infiq u rata minima ta’ irregolaritajiet irrappurtati, u l-varjazzjoni sinifikanti fir-rati ta’ irregolaritajiet irrappurtati (l-Estonja 88,25 %; Ċipru, l-Ungerija, il-Latvja, Malta, is-Slovenja u s-Slovakkja 0,00 %), hix relatata mal-effikaċja tas-sistemi ta’ kontroll, bil-ħsieb li twettaq reviżjoni ta’ dawk is-sistemi;

24.

Jinsab ferm inkwetat dwar is-sejba li għamlet il-Qorti tal-Awdituri li l-ħlasijiet għas-sena 2009 f’dan il-grupp ta’ politika ġew affettwati minn żbalji materjali u li s-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll kienu biss parzjalment effikaċi, b’mod ġenerali, fl-iżgurar tar-regolarità tal-ħlasijiet; jiddeplora s-sejba tal-Qorti tal-Awdituri li, għalkemm is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (IACS), fil-prinċipju, hija mfassla sew, l-effikaċja tagħha qed tiġi affettwata ħazin minn data mhux preċiża fil-bażijiet tad-data, minn verifiki mhux kompluti jew inkorretti jew minn segwitu mhux mitmum lill-anomaliji; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-effikaċja tas-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll stabbiliti fl-Istati Membri biex tiżgura li l-informazzjoni dwar ir-rata ta’ irregolarità għal kull Stat Membru tkun tirrappreżenta ħarsa reali u ġusta tas-sitwazzjoni effettiva; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-dgħufijiet fl-effikaċja tal-IACS;

25.

Jinnota li ċ-ċifri finali jistgħu jiġu stabbiliti biss għal dawk is-snin finanzjarji li jistgħu jitqiesu bħala finalizzati, u fid-dawl ta’ dan, s'issa, l-aktar sena finanzjarja reċenti li tista’ titqies bħala finalizzata hija l-2004;

26.

Jiddeplora l-qagħda katastrofika fir-rigward tar-rata ġenerali ta’ rkupru f’dan il-grupp ta’ politika, li fl-2009 kienet ta’ 42 % mill-EUR 1 266 miljun li kienu għadhom pendenti fi tmiem is-sena finanzjarja 2006; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-EUR 121 miljun rkuprati fis-snin 2007-2009 mill-benefiċjarji jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-irkupri totali; jidhirlu li s-sitwazzjoni hija inaċċettabbli u jistieden lill-Istati Membri jindirizzawha urġentement; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tistabbilixxi sistema effikaċi ta’ rkupru u biex tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar fir-rapport tagħha tas-sena d-dieħla dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

Nefqa: Politika ta’ Koeżjoni

27.

Jiddeplora l-fatt li d-data misjuba fir-rapport PIF 2009 ma tipprovdix informazzjoni affidabbli dwar l-għadd ta’ irregolaritajiet u frodi f’dan il-grupp ta’ politika, peress li rata għolja ta’ irregolaritajiet u/jew frodi tista’ sempliċement tindika rappurtar u/jew sistemi kontra l-frodi effikaċi;

28.

Jinsab ferm inkwetat dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri skopriet li l-ħlasijiet għas-sena 2009 ġew affettwati minn żbalji materjali kbar (‘il fuq minn 5 %);

29.

Jinnota li sors importanti tal-iżbalji fl-infiq b’rabta mal-politika ta’ koeżjoni kien ikkawżat min-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr dewmien leġiżlazzjoni ġdida biex tissemplifika u timmodernizza dawn ir-regoli;

30.

Jinsab imħasseb dwar is-sejba tal-Qorti tal-Awdituri li mill-inqas 30 % tal-iżbalji misjuba mill-Qorti fil-kampjun tal-2009 ġew identifikati u korretti mill-Istati Membri qabel iċ-ċertifikazzjoni tal-infiq lill-Kummissjoni abbażi ta’ informazzjoni li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom; jitlob lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni u ta’ korrezzjoni tagħhom;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew b’informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu fir-rigward tal-irregolaritajiet rappurtati mill-Istati Membri u identifikati mill-Kummissjoni f’dan il-grupp ta’ politika;

32.

Mhuwiex sodisfatt b’rata ta’ rkupru ta’ ‘l fuq minn 50 % għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu iktar sforzi għall-irkupru ta’ ammonti irregolari u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex tiżgura rata ogħla ta’ rkupru, ladarba l-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq responsabilità tagħha stess, kif iddikjarat fl-Artikolu 317 TFUE;

Nefqa: Fondi ta’ qabel l-adeżjoni

33.

Jinsab ferm imħasseb dwar ir-rata ssuspettata estremament għolja ta’ frodi fil-Bulgarija għall-Programm Speċjali tal-Adeżjoni għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (SAPARD) fl-2009, li – għall-perjodu ta’ programmazzjoni kollu – hija ta’ 20 % u tirrappreżenta l-ogħla rata fost il-fondi kollha li ġew analizzati (Koeżjoni u Agrikoltura); jinnota li ġew imnedija iktar każijiet suspettati ta’ frodi minn kontrolli/interventi esterni milli minn dawk interni; jinnota li l-Kummissjoni eżerċitat kif xieraq l-obbligi tagħha li tissospendi l-ħlasijiet mis-SAPARD fl-2008 u neħħiet din is-sospensjoni wara verifiki bir-reqqa fl-14 ta’ Settembru 2009; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-awtoritajiet Bulgari sabiex tkompli titjieb din is-sitwazzjoni;

34.

Jinnota li r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja rrappurtaw rata ta’ frodi ta’ 0 % għal SAPARD u jesprimi dubji dwar l-affidabilità tal-informazzjoni rrappurtata jew tal-kapaċità ta’ identifikazzjoni tal-frodi f’dawn l-Istati; jenfasizza li livell simili ta’ rata ta’ frodi żero jew baxxa tista’ tfisser nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontroll u viċi versa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u biex timplimenta flimkien mal-OLAF kontrolli aktar stretti fuq kif jintefqu l-flus tal-UE;

35.

Iqis bħala inaċċettabbli r-rata ta’ rkupru ferm baxxa għal frodi sospettata fil-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, li hija biss ta’ 4,6 % għall-perjodu ta’ programmazzjoni kollu, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema effikaċi li tindirizza din is-sitwazzjoni;

L-akkwist pubbliku, iktar trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

36.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri u jipprovdu riżorsi sabiex jiżguraw li fondi tal-UE ma jkunux suġġetti għall-korruzzjoni, jadottaw sanzjonijiet dissważivi fejn jinstab li kien hemm korruzzjoni u frodi, iżidu l-konfiska ta’ assi kriminali involuti fil-frodi, fl-evażjoni fiskali u f’reati relatati mal-ħasil tal-flus;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu, jimplimentaw u perjodikament jevalwaw is-sistemi uniformi ta’ akkwist, biex tkun evitata l-frodi u l-korruzzjoni, biex jiddefinixxu u jimplimentaw kundizzjonijiet ċari għall-parteċipazzjoni f’akkwist pubbliku kif ukoll il-kriterji li bihom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-akkwist pubbliku, u wkoll jadottaw u jimplimentaw sistemi li jirrevedu deċiżjonijiet tal-akkwist pubbliku fil-livell nazzjonali, biex tkun żgurata t-trasparenza u r-responsabilità fil-finanzi pubbliċi, u biex jiġu applikati u implimentati sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern;

38.

Jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku “Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti”; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiffinalizzaw l-adozzjoni tar-riforma tar-regoli bażiċi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE) mhux aktar tard minn tmiem l-2012;

39.

Wara t-talba tiegħu fir-rapport tas-sena l-oħra tiegħu dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, iħeġġeġ lill-OLAF jippreżenta fir-rapport annwali li jmiss tiegħu, analiżi dettaljata tal-istrateġiji u l-miżuri stabbiliti minn kull Stat Membru fil-ġlieda kontra l-frodi u għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet fin-nefqa tal-fondi Ewropej, inkluż fejn dawn huma kkawżati mill-korruzzjoni; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-fondi agrikoli u strutturali; hu tal-fehma li r-rapport, bil-profili ta’ 27 pajjiż, għandu janalizza l-approċċ segwit mill-entitajiet ġudizzjarji u investigattivi nazzjonali u l-kwantità u l-kwalità tal-kontrolli mwettqa, kif ukoll l-istatistika u l-motivazzjonijiet fil-każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali ma ħarġux att ta’ akkuża wara rapporti mill-OLAF;

40.

Wara t-talba tiegħu fir-rapport tas-sena l-oħra dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, iħeġġeġ lill-Kunsill ilesti l-konklużjoni tal-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni mal-Liechtenstein fl-iqsar żmien possibbli u jħeġġeġ lill-Kunsill tagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet kontra l-frodi ma’ Andorra, Monako, San Marino u l-Isvizzera;

41.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura permezz ta’ sors uniku t-trasparenza rigward il-benefiċarji ta’ fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tfassal miżuri biex tiżdied it-trasparenza ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi kif ukoll sistema fejn il-benefiċarji kollha tal-fondi tal-UE jiġu ppubblikati fuq l-istess websajt, b’mod indipendenti mill-amministratur tal-fondi u li tkun ibbażata fuq kategoriji standard ta’ informazzjoni li l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu, b’mill-inqas waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni u jipprovduha b’informazzjoni sħiħa u affidabbli dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE mmaniġġjati mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa s-sistema ta’ “ġestjoni konġunta” u tipprovdi lill-Parlament b’rapport dwarha bħala kwistjoni ta’ prijorità;

*

* *

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropej, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Kumitat ta’ Kontroll tal-OLAF u lill-OLAF.


(1)  http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/olaf/2009/en.pdf

(2)  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 243.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0176.

(6)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48.

(7)  ĠU C 313, 23.10.1996, p. 1, ĠU C 151, 20.5.1997, p. 1 u ĠU C 221, 19.7.1997, p. 11.


Top