Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0942

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online

    /* COM/2011/0942 final */

    52011DC0942

    /* COM/2011/0942 final - 2012/ () */ KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online


    [pic]

    INTRODUZZJONI

    L-internet diġà ttrasforma għalkollox il-ħajja ta' kuljum tal-Ewropej b'tali mod li jista' jitqabbel mar-revoluzjonijiet tal-aħħar sekli. Il-kummerċ elettroniku u b'mod ġenerali is-servizzi online[1] issa jinsabu fiċ-ċentru tal-ħajja tal-konsumaturi, tal-impriżi – mill-kbar saż-żgħar – u taċ-ċittadini inġenerali. Il-mod kif jipparagunaw, kif jixtru jew ibiegħu il-prodotti u s-servizzi, kif ifittxu għall-informazzjoni jew jippreżentawha, kif jamministraw il-pagamenti jew id-dejta tagħhom, kif jinfurmaw irwieħhom, kif jidħlu f'kuntatt, kif jiskambjaw u kif jaqsmu mhuwiex l-istess bħal ma kien għoxrin, għaxar jew saħansitra ħames snin ilu.

    L-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali – u l-liġijiet amministrattivi li jirregolawhom – qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi minħabba evoluzzjonijiet li jċajpru l-linja ta’ diviżjoni, pereżempju bejn il-bejgħ fil-ħwienet u dak li jsir online jew bejn il-mezzi tradizzjonali tal-midja u l-komunikazzjoni bl-Internet. Dawn it-tipi ta' konverġenza jistgħu jwasslu għal ċirki pożittivi ta' kompetizzjoni u ta' innovazzjoni għall-benefiċċju ta' kulħadd. Bl-istess mod dan jista’ jirrikjedi l-eżami mill-ġdid ta' ċerti regoli li r-relevanza jew l-effikaċja tagħhom qed tkun sfidata minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi, jew li se jirrikjedu politiki ġodda ta’ akkumpanjament.

    Suq Uniku Diġitali ġenwin għandu jiġġenera tipi ġodda ta’ tkabbir. Il-potenzjal li għadu ma ġiex realizzat huwa enormi u għandu jkun ta’ benefiċċju għat-territorji u għas-setturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni. Fil-pajjiżi tal-G8, fil-Korea t'Isfel u fl-Isvezja l-ekonomija tal-internet[2] wasslet għal tkabbir ta' 21 % tal-PDG fl-aħħar 5 snin[3]. Din tiġġenera wkoll 2,6 impjieg għal kull tnaqqis fl-impjieg u ximinndaqqiet twassal għal 25 % tal-ħolqien nett tal-impjieg[4]. Is-servizzi online huma minnhom infushom ta’ natura transkonfinali u jistgħu iħaffu l-integrazzjoni Ewropea u l-ħolqien tas-Suq Uniku li ilna nfittxu dawn l-aħħar 50 sena.

    Madankollu, is-sehem tal-ekonomija tal-internet fil-PDG Ewropew għadu wieħed żgħir. Fl-2010 ma qabiżx it-3 %. Għalkemm ir-rata ta’ tkabbir tal-kummerċ elettroniku[5] fil-livell nazzjonali hija għolja, din id-direzzjoni ġdida għadha waħda marġinali u tlaħħaq biss 3,4 % tal-kummerċ Ewropew bl-imnut.[6]. Hija anqas żviluppata milli fl-Istati Uniti jew fl-Asja tal-Paċifiku u hemm ix-xejra li ma tmurx lil hinn mill-fruntieri nazzjonali; l-attività transkonfinali għadha baxxa[7].

    "L-Ewropa tal-Internet” għadha geġwiġija ta’ liġijiet, regoli, standards u prassi differenti, ta’ sikwit bi ftit interoperabbiltà jew xejn. Din il-qagħda tostakola l-iżvilupp tas-servizzi online u ddgħajjef il-fiduċja tal-utenti reali jew potenzjali, kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll fuq in-naħa tal-provvista. In-nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet kkonferiti, dwar ir-regoli applikabbli u dwar l-opportunitajiet li l-ekonomija diġitali toffri jżid l-eżitazzjoni tagħhom. Id-diffikultajiet prattiċi relatati mat-tranżazzjonijiet transkonfinali (pagamenti, fornimenti, is-soluzzjoni ta’ tilwin, ir-riskju ta’ abbuż) jiskoraġġixxu ln-nies milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-internet biex jixtru jew jipprovdu l-oġġetti u s-servizzi tagħhom.

    Is-Suq Uniku Diġitali jinsab ‘il bogħod milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu u huwa stmat li f'każ li ma jitlestiex, dan se jsarraf fi spiża ta’ mill-anqas 4,1 % tal-PDG minn issa sal-2020, jiġifieri EUR 500 miljun jew EUR 1 000 kull ċittadin[8]. L-Unjoni Ewropea ma tistax sempliċement terħi ruħha u taċċetta li ġġarrab l-ispiża ta’ suq diġitali frammentat wara li kienet stabbilixxiet għanijiet ambizzjużi għal tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklussiv sal-2020[9]. Għall-kuntrarju hija għandha tistabbilixxi għanjiet li huma tal-istess livell tal-potenzjal għat-tkabbir tal-kummerċ u tas-servizzi online, potenzjal li jista’ jilħaq bejn 15 sa 20 % tal-PDG sal-2015 bħal pereżempju fil-pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit[10]. L-istabbiliment tal-mira biex sal-2015 jirdoppjaw il-bejgħ online u s-sehem tal-ekonomija tal-internet fil-PDG tal-Unjoni Ewropea juri d-determinazzjoni tagħha li tisfrutta l-potenzjal tal-ekonomija diġitali bis-sħiħ.

    L-istimolu tal-kummerċ u tas-servizzi online fil-livell Ewropew jirrikjedi azzjoni soda u kkoordinata f’konformità mal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[11]. Il-Kummissjoni tinsab impenjata li taħdem mal-partijiet involuti kollha sabiex tikseb dan il-għan. Ħafna mill-inizjattivi mħabbra fl-istrateġija diġitali diġà ġew adottati jew se jkunu adottati[12]. Din il-Komunikazzjoni ssegwi wkoll dik tal-2009[13] li l-analiżijiet tagħha għadhom validi. Tirrappreżenta kontribut ġdid lejn l-implimentazzjoni tal-aġenda diġitali peress li tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp tas-servizzi online, u bis-saħħa tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[14] toffri tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew għall-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ miżuri għall-kisba ta’ suq diġitali intern sal-2015.

    TISSAħħAħ IL-FIDUċJA FIS-SUQ UNIKU DIġITALI

    B enefiċċji mistennija

    Servizzi online innovattivi u bi prestazzjoni għolja bbażati fuq netwerks ta’ komunikazzjoni b’veloċità għolja jirrikjedu kapaċità unika biex jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Ma teżisti l-ebda evoluzzjoni oħra teknoloġika, ekonomika jew tas-soċjetà bħalissa li tista’ simultanjament toffri l-istess livell ta’ potenzjal f’termini ta’ żieda fl-effiċjenza, fl-aċċess għal firxa sħiħa ta’ għażliet, fl-aċċessibbiltà, fil-prattikalità u fl-innovazzjoni. Is-servizzi online u n-netwerks ta’ komunikazzjoni b’veloċità għolja jistgħu wkoll jikkontribwixxu lejn produttività u innovazzjoni msaħħa fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul-il-ħajja u jipprovdu mezzi aħjar kif l-isfidi l-kbar tas-soċjetà bħall-koeżjoni soċjali u territorjali jew bħall-adattament għat-tixjieħ demografiku u għat-tibdil fil-klima.

    Ir-realizzazzjoni ta’ dan il-potenzjal se tirrikjedi fiduċja msaħħa fis-Suq Uniku Diġitali li minnu għandha tibbenefika s-soċjetà kollha kemm hi:

    - Aktar kummerċ elettroniku se jiġġenera benefiċċji tanġibbli għall- konsumaturi bħalma huma prezzijiet orħos, aktar għażla u kwalità aħjar fil-prodotti u fis-servizzi, minħabba l-kummerċ transkonfinali u t-tqabbil faċli tal-offerti[15]. Fil-każ li l-kummerċ elettroniku jilħaq 15 % tal-bejgħ bl-imnut u jekk jitwarrbu l-ostakli għas-Suq Uniku l-qligħ kumplessiv għall-konsumaturi se jkun ta' madwar EUR 204 miljun (1,7 % tal-PDG Ewropew)[16]. Il-persuni vulnerabbli (ix-xjuħ, dawk b’mobbiltà mnaqqsa, dawk li jinsabu iżolati f’żoni rurali, dawk b’kapaċità dgħajfa għax-xiri) se jibbenefikaw b’mod partikolari u għalhekk l-Ewropa se tkun ippożizzjonata aħjar biex tilqa’ għall-isfidi demografiċi tal-lum.

    - L-impriżi, partikolarment l-SMEs u l-kumpaniji mikro, se jkollhom aktar opportunitajiet. Se jkollhom aċċess għal swieq ġodda li jmorru lil hinn mill-konfini nazzjonali u saħansitra dawk Ewropej. L-użu aktar intensiv ta' servizzi onlajn u l-aċċess għall-"cloud computing" se jtejbu l-produttività tal-kumpaniji. Se jinbdew ħafna aktar negozji u l-kumpaniji eżistenti se jiffjorixxu billi jsibu segmenti tas-suq speċjalizzati ġodda bis-saħħa tal-effett “long tail”[17]. Suq diġitali Ewropew bi prestazzjoni għolja għandu jrendi lill-Ewropa iktar kapaċi biex tikkompeti mal-bqija tad-dinja billi jagħtiha vantaġġ kompetittiv li huwa bbażat fuq l-għarfien, forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja u mudelli ekonomiċi u soċjali innovattivi.

    - B’mod aktar ġenerali, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jmorru online, ukoll biex iwettqu attivitajiet transkonfinali, f'ambjent sikur, responsabbli u affidabbli. Fl-Ewropa, l-internet se jipprovdi qafas għal attivitajiet aktar effiċjenti, aktar sikur u aktar responsabbli, billi jippermetti lil kulħadd jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Se jirrifletti l-valuri Ewropej u jirrispetta d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għall-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta personali u nondiskriminazzjoni. Se jkunu ffaċilitati l-iskambji kulturali u soċjali.

    - Il-ħaddiema wkoll se jibbenefikaw minn Suq Uniku Diġitali. Is-servizzi online se joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja, kemm bħala impjegati kif ukoll fuq il-bażi ta’ ħaddiema għal rashom, f'żoni iżolati kif ukoll f’dawk rurali. Dawn se joffru firxa aktar wiesgħa ta’ arranġamenti tax-xogħol (pereżempju it-“teleworking”), se jiffaċilitaw it-tiftix għall-impjieg ’il barra mill-pajjiż, u se jinkoraġġixxu l-inizjattiva personali.

    - Fl-aħħar nett, l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku għandu jkun ta’ benefiċċju għall -ambjent . It-tkabbir li jiġi ġġenerat b’dan il-mod se jkun aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli, għaliex il-kunsinna fid-domiċilju fil-qafas tal-loġistika ottimizzata tuża anqas enerġija milli meta l-konsumaturi jagħmlu bosta vjaġġi individwali[18]. Se jkun hemm aktar iffrankar fl-enerġija fil-manifattura proprja ta’ oġġetti li issa jistgħu jitniżżlu bħala kontenut diġitali[19].

    Strateġija biex sal-2015 tintlaħaq din il-mira

    Din il-komunikazzjoni tidentifika ħames ostakoli prinċipali għas-Suq Uniku Diġitali u tipproponi pjan ta 'azzjoni biex jitneħħew:

    - il-provvista ta’ servizzi legali, transkonfinali online għadha insuffiċjenti;

    - ma hemmx biżżejjed tagħrif online għall-operaturi tas-servizzi online u protezzjoni għall-utenti tal-internet;

    - Is-sistemi ta’ pagament u ta’ kunsinna għadhom inadegwati;

    - hemm wisq każijiet ta' abbuż u tilwim diffiċli li huma biex jiġu solvuti;

    - ma jsirx użu biżżejjed tan-netwerks tal-komunikazzjoni b’veloċità għolja u ta’ soluzzjonijiet ta’ teknoloġija għolja.

    Dawn il-ħames ostakoli u soluzzjonijiet proposti fil-pjan ta’azzjoni mhumiex eżawrjenti. Il-pjan iqiegħed enfasi fuq it-tisħiħ ta’ qafas uniku armonizzat għall-kummerċ elettroniku u għal servizzi kummerċjali online oħra. Il-pjan jiftaħ kapitolu ġdid dwar dan is-suġġett fl-approċċ diġitali għall-Ewropa, ikompli fuq il-loġika tal-Att dwar is-Suq Uniku[20], u huwa parti minn impenn usa’ min-naħa tal-Unjoni Ewropea immirat biex jagħti spinta lill-ekonomija u lis-soċjetà tal-informazzjoni, li tvarja mill-promozzjoni tal-amministrazzjoni online u tal-litteriżmu diġitali sal-istandardizzazzjoni u s-sigurtà online[21].

    Il-konklużjonijiet ta’ din il-Komunikazzjoni ttieħdu minn bosta konsultazzjonijiet, minn studji u rapporti bħal dawk mill-Parlament Ewropew, u minn konsultazzjoni pubblika. Din hija akkumpanjata minn żewġ dokumenti ta’ ħidma tal-persunal. L-ewwel wieħed, intitolat “Is-servizzi online, inkluż il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Uniku”, janalizza l-ostakli għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku flimkien mal-valutazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku[22]. It-tieni, intitolat “Giving consumers the benefits of e-commerce” [Il-konsumaturi jingħataw il-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku], jippreżenta analiżi dettaljata tal-ostakli li huma aktar speċifiċi għall-kummerċ elettroniku fl-oġġetti.

    ĦAMES PRIJORITAJIET

    L-iżvilupp tal-offerta legali u transkonfinali ta’ prodotti u servizzi online

    Sabiex jibbenefikaw kompletament minn suq uniku għas-servizzi online, il-konsumaturi fl-Istati Membri kollha għandhom ikollhom aċċess legali għal firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi, offruti fl-akbar żona ġeografika possibli.

    Id- Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku neħħiet sensiela ta’ ostakli għas-servizzi transkonfinali online. Id-Direttiva hija element kruċjali għaċ-ċertezza legali u għall-fiduċja kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji . Il-klawżola tagħha dwar is-suq intern, li tiddikjara li l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà li jipprovdu servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor, hija l-pedament ta’ Suq Uniku Diġitali. Il-konsultazzjonijiet u l-analiżi li twettqu jindikaw li reviżjoni tad-Direttiva mhix meħtieġa f'dan l-istadju. Madankollu, jeħtieġ li tittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva (b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni amministrattiva aħjar mal-Istati Membri u ta’ evalwazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tad-Direttiva), li tingħata kjarifika, pereżempju dwar ir-responsabbilità ta' intermedjarji li jipprovdu servizzi tal-internet, u li jittieħdu l-miżuri addizzjonali meħtieġa sabiex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva, kif identifikat fil-pjan ta' azzjoni attwali. Ir-rikors għas-sistema tal-IMI[23], li hemm diġà fis-seħħ għal strumenti leġiżlattivi Ewropej oħrajn, jista’ jiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri meta d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku teħtieġ li tkun infurzata.

    Barra minn hekk, għad hemm bosta ostakli li qed ixekklu l-iżvilupp tas-servizzi online u l-aċċess għalihom għall-akbar għadd possibbli ta’ persuni:

    In-negozji jżommu lura milli jimpenjaw ruħhom f'dawn l-attivitajiet innovattivi minħabba l-ispejjeż u r-riskji li jirriżultaw mill-frammentazzjoni kkawżata mill-koeżistenza ta' 27 sistema legali nazzjonali , partikolarment fir-rigward tal-liġi tal-konsumaturi. Jeħtieġ sforz imsaħħaħ fil-livell Ewropew sabiex tinħeles l-inizjattiva mingħajr ma jinħolqu ostakli ġodda. Ir-Regolament propost dan l-aħħar dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-bejgħ, li għandha tkun applikata fuq bażi volontarja soġġett għal ftehim espliċitu tal-partijiet f'kuntratt transkonfinali, se jnaqqas l-ispejjeż għan-negozji tat-tranżazzjonijiet transkonfinali. Din il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se teżisti flimkien mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, fl-interessi tal-klijenti, id-diskriminazzjoni mhux ġustifikata bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq il-post tar-residenza fil-ħin tax-xiri għandha tieqaf. Għal dak il-għan il-Kummissjoni se tippreżenta linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li jipprojbixxi b’mod espliċitu diskriminazzjoni bħal din[24].

    Għandha titħeġġeġ ukoll il-kompetizzjoni msaħħa bejn l-oġġetti u s-servizzi . L-SMEs esprimew tħassib dwar il-każijiet fejn id- distribuzzjoni selettiva ġiet applikata b’mod skorrett fuq prodotti. Il-Kummissjoni se tiżgura li r-regoli dwar id-distribuzzjoni selettiva[25] huma applikati b’mod rigoruż. Bħala parti minn inizjattiva futura dwar il-prattiki kummerċjali inġusti bejn in-negozji, il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-problemi kkawżati mill-partijiet involuti fil-kummerċ tradizzjonali li jabbużaw il-poter tagħhom biex jippruvaw ifixklu l-attività ta’ operaturi online ġodda. Fl-aħħar nett, hi se tiżgura li n-negozji ma jabbużawx mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fl-ambjent diġitali u li n-newtralità netta tkun ippriżervata. Se ssir enfasi speċjali biex l-utenti finali jkunu jistgħu jaċċessaw u jxerrdu l-informazzjoni u jużaw applikazzjonijiet u servizzi legali skont l-għażla tagħhom[26].

    Fil-qasam tal-kontenut diġitali, l- offerti legali jevolvu b'rati differenti fl-Istati Membri u mhux dejjem jilħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi. Fil-każ tal-mużika, pereżempju, ir-residenti ta’ ċerti Stati Membri jibbenefikaw minn għażla ħafna iktar wiesgħa minn dawk f'pajjiżi oħra tal-UE. Kumplessivament, il-konsum online tal-mużika żviluppa aktar malajr fl-Istati Uniti milli fl-Ewropa[27], fejn l-offerti transnazzjonali jew pan-Ewropej għadhom limitati. L-istess jista’ jingħad dwar is-settur awdjoviżiv, għaliex in-netwerks ta' distribuzzjoni għal kontenut awdjoviżiv u d-drittijiet tax-xandir f'ċerti Stati Membri għadhom limitati u l-firxa tagħhom hija ta' sikwit fil-livell nazzjonali. Għandu jkun possibbli li l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur jsir aktar Ewropew fl-istruttura tiegħu, sabiex b'hekk ikun iffaċilitat il-ħruġ tal-liċenzji li jkopru għadd ta' reġjuni. Iċ-ċittadini Ewropej li jittrasferixxu ruħhom temporanjament jew b’mod permanenti fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu jistgħu jkomplu jaraw il-programmi favoriti tagħhom. L-implimentazzjoni ambizzjuża tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali[28] għandha trawwem l-iżvilupp ta’offerta aktar rikka u aktar xierqa fuq skala Ewropea. Fl-2012, il-Kummissjoni se tippreżenta proposti biex toħloq qafas legali għall-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, bil-għan li tippermetti l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali u pan-Ewropej.

    Offerti ġodda oħra li saru possibbli minħabba żviluppi teknoloġiċi, bħall- kotba diġitali, li fl-Istati Uniti ssuperaw il-paperbacks, għadhom fil-bidu fl-Ewropa. Ir-rata tal-VAT applikabbli tista’ taffettwa b’mod negattiv l-evoluzzjoni tal-provvista meta jkun hemm differenzi sinifikanti fir-rati applikabbli fuq il-prodotti komparabbli u dawn id-differenzi jiġu riflessi fil-prezz tal-bejgħ lill-konsumatur. Dan hu l-każ, pereżempju, tal-pubblikazzjonijiet diġitali li jikkorrispondu għall-prodotti ekwivalenti fiżiċi. Fil-Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT adottata fis-6 ta’Diċembru 2011[29], il-Kummissjoni tindika li waħda mill-prinċipji bażiċi li għandhom jiġu rispettati hija li oġġetti u servizzi simili għandhom ikunu soġġetti għall-istess rata tal-VAT u li f’dan ir-rigward għandu jitqies il-progress fit-teknoloġija, sabiex l-isfida tal-konverġenza bejn l-ambjent online u dak fiżiku tkun indirizzata. Sa tmiem l-2013 il-Kummissjoni għandha tressaq proposti skont dan. Se tidħol ukoll f'diskussjonijiet aktar ġenerali mal-Istati Membri u l-partijiet involuti dwar ix-xejra fis-suq uniku tal-iżvilupp tal-kotba diġitali u l-ostakli għal dan.

    Il-kumplessità tas- sistema tal-VAT tista’ wkoll tiskoraġġixxi n-negozji milli jbiegħu onlajn fi Stat Membru ieħor[30]. Kumplessivament, is-simplifikazzjoni tal-piż amministrattiv fuq in-negozji skont is-sistema attwali tal-VAT, u b'mod partikolari l-istabbiliment ta’ punti ta' waqfa waħda, għandha tħeġġeġ u tiffaċilita l-kummerċ elettroniku transkonfinali. Il-Kummissjoni tiddikjara fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq li waħda mill-aktar prijoritajiet importanti tagħha hija l-introduzzjoni armonjuża ta’ punt mini ta’ waqfa waħda [mini one-stop shop] fl-2015 għall-fornituri tat-telekomunikazzjonijiet, tax-xandir bit-televiżjoni u tas-servizzi elettroniċi pprovduti lill-konsumaturi finali u li qed isserraħħ fuq l-Istati Membri biex huma jagħmlu disponibbli r-riżorsi meħtieġa. Qed tippjana wkoll li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt ta’ waqfa waħda sabiex wara l-2015 jiddaħħlu oġġetti u servizzi oħrajn. Il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern jiddependi wkoll fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-imposti fuq l-ikkupjar privat mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-oġġetti, jiġifieri li jitħalla l-kummerċ transkonfinali fl-oġġetti soġġett għall-imposti fuq l-ikkupjar privat.

    L-informazzjoni soċjali, ekonomika, ġeografika, meteoroloġika jew għat-turisti pprovduta mis-settur pubbliku qed tintuża dejjem aktar biex jiġu żviluppati applikazzjonijiet kummerċjali onlajn innovattivi. Madankollu, għad jeżistu differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, pereżempju rigward il-prezz jew il-kondizzjonijiet għall-użu ta’ tali informazzjoni. Il-Kummissjoni riċentement adottat proposta għar-reviżjoni tal-qafas legali attwali sabiex tistimola l-użu ta’ informazzjoni pubblika għall-applikazzjonijiet fl-ambjent diġitali.

    L-AZZJONIJIET EWLENIN

    Il-Kummissjoni se:

    1. tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u tad-Direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi online permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba mal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tal-estensjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), tan-Netwerk għall-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (Consumer Protection Cooperation - CPC) u ta’ studju ta’ evalwazzjoni fid-dettall tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva (2012);

    2. tiżgura l-implimentazzjoni mħaffa u ambizzjuża tal-Istrateġija Ewropea dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, partikolarment permezz ta' inizjattiva leġiżlattiva dwar l-ikkupjar privat (2013) u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni (2012). Il-Kummissjoni se tirrapporta wkoll dwar ir-riżultat tal-konsultazzjoni online dwar id-distribuzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi u dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza dwar il-"Premier League"[31];

    3. tiżgura applikazzjoni rigoruża tar-regoli applikabbli għad-distribuzzjoni selettiva u tiġġieled kontra l-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi. B'mod parallel għal dan, tiżgura li l-aċċess taċ-ċittadini għas-servizzi online ma jkunx mhedded minn prattiki antikompetittivi.

    Jittejbu l-informazzjoni għall-operaturi u l-protezzjoni tal-konsumaturi

    Kemm il-fornituri u l-utenti tas-servizzi online għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw jew jirċievu informazzjoni suffiċjentement kompleta u affidabbli dwar l-attivitajiet tagħhom. B’mod partikolari, għandu jkun żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-użu xieraq tad-dejta personali tagħhom.

    L-operaturi ma għandhomx biżżejjed għarfien u informazzjoni dwar, ir-regoli li jirregolaw il-kummerċ elettroniku , u l-konsumaturi lanqas huma infurmati biżżejjed dwar id-drittijiet tagħhom, partikolarment f’kuntest transkonfinali[32]. Ħafna negozji jaħsbu li huwa wisq ikkumplikat jew riskjuż biex ibiegħu online jew biex jespandu l-qasam tal-attività tagħhom għall-bejgħ transkonfinali. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi politika aktar attiva billi tuża n-netwerks eżistenti, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew tal-Impriżi, biex jipprovdu lill-bejjiegħa onlajn bl-informazzjoni dwar l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-bejgħ transkonfinali u dwar l-opportunitajiet offruti permezz tal-bejgħ fil-pajjiżi tal-UE. Din l-azzjoni favur il-kummerċjanti se tittieħed flimkien mal-pubblikazzjoni ta’ gwida dwar id-drittijiet tal-konsumaturi Ewropej online. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tiżviluppa pjattaforma online interattiva għall-edukazzjoni tal-konsumaturi, inkluż kontenut dwar teknoloġiji diġitali ġodda.

    Nofs l-Ewropej jużaw l-internet għaliex iridu jfittxu informazzjoni, eż. biex iqabblu l-prezz, il-kwalità, il-prestazzjoni ambjentali jew tal-enerġija eċċ., qabel ma jixtru online jew offline[33]. Huwa għalhekk importanti li s- siti ta’ paragun jissodisfaw il-kriterji dwar l-affidabbiltà, l-indipendenza u t-trasparenza. Fil-preżent, dawn il-kriterji mhux dejjem qed jintlaħqu. Barra minn hekk, dawn is-siti għandhom joffru liċ-ċittadini għażla usa’ permezz tal-informazzjoni transkonfinali multilingwa, u b’hekk jistimolaw il-kompetizzjoni domestika u jgħinu biex jinbena s-Suq Uniku. Il-logos ta’ fiduċja huma mod ieħor kif tittejjeb l-informazzjoni għall-konsumatur.

    Iċ-ċittadini Ewropej jilmentaw regolarment li ma għandhomx mezzi diretti biex jikkomunikaw b'ħeffa u effiċjenza ma’ fornitur tas-servizzi online bħal eżempju kumpanija tal-linja tal-ajru. Kif ġie ikkonfermat minn studju ta’ “klijent misterjuż”[34]", wieħed għandu biss jibbrawżja għal żmien qasir biex jinduna li l-konformità mar-rekwiżiti tat-trasparenza u tal-informazzjoni lill-konsumatur huma insuffiċjenti meta jsiru l-ordnijiet fuq l-internet[35]. Sa mill-2007, in- network għall-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi ( CPC ) kien strument effettiv li jiggarantixxi li l-kummerċjanti online japplikaw ir-regoli Ewropej dwar it-trasparenza u l-prattiki kummerċjali inġusti. Ġew żviluppati għodod, bħal testijiet ta’ “tindif", li għamluha possibbli li jitnaqqsu l-prattiki illegali fil-bejgħ ta' biljetti tal-ajru, ta’ ringtones għat-telefowns ċellulari, ta’ prodotti elettroniċi, eċċ. Il-Kummissjoni se tkompli toffri l-għajnuna tagħha sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tan-Netwerk KPK (pereżempju, bl-inkoraġġiment tal-iżvilupp tal-ħiliet għar-riċerkaturi li jaħdmu fuqu, it-taħriġ u l-iskambju ta’ prassi tajba).

    Id-Direttiva adottata dan l-aħħar dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur [36] issa hija l-istrument ewlieni għall-protezzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi online. Hemm il-ħtieġi li din tkun implimentata malajr u b'mod effiċjenti. Fl-2012 il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur, li se tkun ibbażata fuq approċċ integrat u wieħed mill-pedamenti tagħha se jkun l-impatt tar-rivoluzzjoni diġitali fuq l-imġiba tal-konsumaturi[37]. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' din l-Istrateġija se jkun li tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi meta jixtru prodotti u servizzi, kemm online kif ukoll offline. B'mod partikolari, din se tiffoka fuq is-settur tal-kontenut diġitali sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi b'rabta ma’ tali xiri.

    Barra minn hekk, iċ-ċittadini jirrikjedu garanziji li d- dejta personali tagħhom mhux se tintuża mingħajr il-kunsens tagħhom, u l-operaturi għandhom ikunu kapaċi jiżviluppaw mudelli ekonomiċi innovattivi. L-iżvilupp ta' servizzi online ġodda bħar-reklamar li jagħraf l-imġiba tal-konsumatur jiġġenera biża’ dwar l-użu u l-istandard ta’ protezzjoni tad-dejta personali. Il-persuni affettwati minn kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali tagħhom għandhom jingħataw informazzjoni ċara, komprensibbli skont id-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta[38]. Ir-reviżjoni tal-acquis tal-protezzjoni tad-dejta se tippermetti li jinkiseb bilanċ tajjeb bejn l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u l-istabbiliment ta’ livell għoli ta' protezzjoni tal-utenti.

    Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi wkoll leġiżlazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi u dwar firem elettroniċi, li għandhom rwol vitali fl-iffaċilitar ta’ tranżazzjonijiet elettroniċi u fit-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fihom.

    Il-logħob tal-azzard online u tal-imħatri jippreżentaw ukoll sfidi konsiderevoli[39]. L-implimentazzjoni rapida tal-internet u ż-żieda fil-forniment ta’ servizzi bħal dawn jagħmluha diffiċli għar-reġimi nazzjonali diverġenti biex jaħdmu flimkien. Barra minn hekk, is-suq tal-azzard illegali baqa’ jinfirex[40]. Il-konformità mar-regoli nazzjonali hija sfida tassew u tqajjem il-mistoqsija jekk għandhiex tkun possibbli azzjoni fil-livell Ewropew li tiggarantixxi protezzjoni adegwata u tiżgura aktar miżuri effettivi kontra l-frodi. Illum, l-ebda Stat Membru waħdu ma jista’ jiġġieled kontra l-logħob tal-azzard online illegali b'suċċess. Madankollu, il-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali għadha fi stadju bikri. Fl-2012 il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta’ azzjoni li jimmira fost affarijiet oħra lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u lejn il-ħarsien tal-konsumaturi u taċ-ċittadini b’mod effettiv.

    Ix-xiri online tal-prodotti mediċinali jagħti lok għal għadd ta’ problemi b’rabta mal-protezzjoni tal-konsumaturi. Ġiet adottata reċentement Direttiva dwar mediċini ffalsifikati[41] u din se tikkontribwixxi għas-sikurezza ta’ offerti legali online , b'mod partikolari billi tintroduċi logo Ewropew ta’ fiduċja għal siti legali fil-kuntest ta' riflessjonijiet iktar ġenerali dwar il-logos ta’ fiduċja għall-ħwienet online li tħabbru fl-aġenda diġitali.

    Bil-għan li tkun iggarantita protezzjoni suffiċjenti għall-pazjenti madwar l-UE kollha, kwalunkwe riskju speċifiku marbut mal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali għandu jkompli jiġu analizzat fil-kuntest u fl-isfond tal-implimentazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri. Barra minn hekk, ir-rapport li għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kontribut tad-Direttiva għall-prevenzjoni tad-dħul fil-katina legali tal-provvista ta’ prodotti mediċinali ffalsifikati se jinkludi informazzjoni dwar żviluppi fil-falsifikazzjoni tal-prodotti mediċinali fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti mediċinali konċernati u l-kanali tad-distribuzzjoni, inkluż il-bejgħ online.

    Barra minn hekk, l-offerta illegali tal-prodotti mediċinali tista’ tikkostitwixxi attività kriminali u minħabba dan il-Konvenzjoni Medicrime[42] tal-Kunsill tal-Ewropa tipprovdi qafas internazzjonali għal azzjoni legali. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011[43] jistiednu lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-prodotti mediċinali ffalsifikati, u li tipprovdi għall-identifikazzjoni ta’ siti elettroniċi li jirreklamaw offerti illegali ta' prodotti mediċinali.

    L-AZZJONIJIET EWLENIN

    Il-Kummissjoni se:

    4. ttejjeb it-taħriġ għall-kummerċjanti online dwar l-obbligi tagħhom u dwar l-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku Diġitali, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Intrapriżi bl-għajnuna tan-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumaturi (European Consumer Centres Network - ECC-Net) rigward kwistjonijiet relatati mal-konsumaturi, u permezz tal-pubblikazzjoni ta’ gwida speċjali (2012);

    5. permezz ta' djalogu mal-partijiet involuti, se tiżviluppa kodiċi ta' kondotta tajba, gwidi għall-prassi tajba u linji gwida sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni trasparenti u affidabbli li tippermettilhom iqabblu l-prezz, il-kwalità u t-tul tal-ħajja tal-prodott u tas-servizzi b’mod aħjar (2013-2014);

    6. tistimola l-kapaċità tan-netwerk KPK, billi tipprovdieh bl-istrumenti li jistgħu jiżguraw li l-leġiżlazzjoni relevanti tkun implimentata f'ambjent diġitali fil-livell Ewropew, b'mod partikolari billi tiffinanzja proġetti konġunti mmirati sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-ħiliet għar-riċerkaturi li jaħdmu fuq in-netwerk, it-taħriġ u l-iskambju ta’ prassi tajba (2012-2014);

    7. tadotta “Aġenda Ewropea dwar il-konsumatur” li tipproponi strateġija u azzjonijiet li jqiegħdu lill-konsumaturi fil-qalba tas-Suq Uniku, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet diġitali, b’mod partikolari permezz tat-titjib tal-kapaċità tal-konsumaturi għall-azzjoni u permezz tal-ħarsien xieraq tad-drittijiet tagħhom (2012);

    8. tippreżenta pjan ta’ azzjoni Ewropew għal-logħob tal-azzard online li se jiffoka fuq il-kooperazzjoni amministrattiva, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-iżvilupp ta’ suq legali (2012);

    9. permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-prodotti mediċinali ffalsifikati, tiżgura protezzjoni adegwata għall-pazjenti li jixtru prodotti mediċinali online, i) billi tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ logos ta’ fiduċja li jidentifikaw siti li jipprovdu offerti legali lill-pubbliku tal-prodotti mediċinali permezz ta’ bejgħ mill-bogħod (2013-2014) u, notevolment fil-qafas ta’ rapport li l-Kummissjoni se tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ii) billi tissorvelja l-iżviluppi fil-problema tal-falsifikazzjoni ta’ prodotti mediċinali permezz tal-kanali tad-distribuzzjoni u iii) billi teżamina kwalunkwe riskju speċifiku marbut mal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali.

    Sistemi affidabbli u effiċjenti ta’ pagament u ta’ kunsinna

    Għall-kuntrarju tal-kummerċ tradizzjonali, li jinvolvi ħlas wiċċ imb wiċċ, il-kummerċ elettroniku huwa bbażat fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq pagamenti elettroniċi mill-bogħod . Għalhekk il-konsumaturi online għandhom ikunu kapaċi jagħżlu bejn metodi varji li jiggarantixxu ħlas veloċi, sikuri u bi prezzijiet kompetittivi. Madankollu, ta’ sikwit nuqqas ta’ fiduċja u għażla limitata ta' metodu tal-pagament jostakolaw jew jiskoraġġixxu lill-konsumanturi milli jħallsu online u għalhekk milli jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kummerċ elettroniku[44].

    Kważi 35 % mill-utenti tal-internet ma jixtrux onlajn għax ikollhom id-dubji rigward is-sigurtà tal-pagament[45]. Il-kards tad-debitu mhumiex aċċettati fuq firxa wiesgħa biżżejjed għall-pagamenti online, u mhux iċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom kards tal-kreditu. Miżiet addizzjonali, xi drabi għoljin, jistgħu wkoll jiskoraġġixxu lill-konsumaturi. Barra minn hekk, in-negozji jqisu l-ispiża tal-pagament bħala waħda eċċessiva, b’mod partikolari għall-mikropagamenti, li mistennija li jesperjenzaw żvilupp rapidu (l-istampa, il-mużika, il-films online, eċċ) Din il-qagħda hija kkawżata minħabba għadd ta’ ostakli u ta’ nuqqasijiet li jimblokkaw l-iżvilupp tas-suq ta’ pagamenti onlajn fl-Ewropa, speċjalment fil-kummerċ transkonfinali[46]. Dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati għalihom, il-frammentazzjoni għolja tas-suq, l-ostakli għad-dħul fis-suq, l-istandardizzazzjoni insuffiċjenti, il-problemi tal-interoperabbiltà bejn il-fornituri tas-servizzi, sigurtà ta’ pagament u protezzjoni tad-dejta personali inadegwati, sistema ta’ pprezzar li mhix libera u trasparenza insuffiċjenti għal ċerti strumenti tal-pagament.

    Dawn il-kwistjonijiet kollha għandhom ikunu solvuti fl-interess tal-integrazzjoni aħjar fis-suq. Iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (Single Euro Payments Area - SEPA), li toffri trasferimenti u debiti madwar l-Ewropa kollha, hija l-fondazzjoni li fuqha għandhom jiġu żviluppati servizzi ġodda ta’ pagamenti pan-Ewropej li tirrispetta d-dritt għall-ħarsien tad-dejta[47] u tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali. Il-konsumaturi u l-kummerċjanti għandhom jibbenefikaw direttament minn spazju uniku iktar integrat li jinkludi kards ta’ pagament, pagamenti bl-internet u pagamenti bil-mowbajl. Għalkemm is-suq miexi f’din id-direzzjoni, il-pass tal-progress huwa ġeneralment bil-mod wisq u mhux qed jinħass fl-Unjoni Ewropea kollha.

    Rigward il- kunsinna ta’ xiri online , il-konsumaturi għandu jkollhom il-fiduċja li se jirċievu l-ordni tagħhom faċilment u bi spiża raġonevoli, mingħajr dewmien eċċessiv u f'kondizzjoni sodisfaċenti.

    Għaldaqstant 10 % tal-persuni bħalissa ma jixtrux online[48] għaliex huma mħassba dwar l-ispejjeż tas-servizzi tal-kunsinna, partikolarment fir-rigward tal-kunsinna transkonfinali, u dwar il-kwalità tas-servizz. Il-kwalità ta’ servizz tal-kunsinna unika [package delivery] ma tistax titkejjel skont iż-żmien li tieħu l-kunsinna bħala l-uniku indikatur. Is-sigurtà huwa parametru importanti li għandu jitqies ukoll. Għandha tiġi żviluppata l-għażla bejn il-varji alternattivi għall-konsumaturi, filwaqt li għandhom jiġu disseminati u implimentati l-aħjar prassi Ewropej bħall-kunsinna fid-domiċilju, il-ġbir f’ħanut imsieħeb jew f’sistemi awtomatizzati li għandhom sigħat twal tal-ftuħ, eċċ. fl-Istati Membri varji. Mill-perspettiva kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, il-kwistjoni tar-responsabbiltà għal pakketti danneġġati, misruqa jew mitlufa għandhom jiġu ċċarati. Għandha tingħata attenzjoni wkoll sabiex ikun żgurat li s-servizzi tal-kunsinna jkunu wkoll effiċjenti u tajbin għall-but f’żoni rurali jew dawk imbiegħda u fir-reġjuni ultraperiferali tal-UE, sabiex il-kummerċ elettroniku jnaqqas minflok jenfasizza l-inugwaljanzi f'termini ta’ koeżjoni territorjali.

    L-AZZJONIJIET EWLENIN

    Il-Kummissjoni se:

    10. tiżviluppa strateġija għall-integrazzjoni tas-swieq għall-pagamenti bil-kards, bl-internet jew bil-mowbajl, fuq il-bażi ta’ Green Paper adottata simultanjament ma’ din il-Komunikazzjoni bil-għan li jkun hemm i) valutazzjoni tal-ostakli għad-dħul u l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq u proposta għal azzjoni leġiżlattiva fejn meħtieġ, ii) żgurar li dawn is-servizzi tal-pagament jkunu trasparenti għall-konsumaturi u għall-bejjiegħa, iii) titjib u aċċelerazzjoni fl-istandardizzazzjoni u fl-interoperabbiltà ta’ pagamenti bil-kards, bl-internet jew bil-mowbajl u, iv) żieda fil-livell tas-sigurtà tal-pagamenti u tal-protezzjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-konklużjonijiet ta’ dan l-eżerċizzju u l-istadji li jmiss sa nofs l-2012;

    11. abbażi ta’ Green Paper, tniedi konsultazzjoni fl-2012 dwar il-kunsinna ta’ pakketti, b’mod partikolari l-kunsinna transkonfinali, billi tibni fuq ir-riżultati tal-istudju dwar l-ispejjeż tas-servizzi postali transkonfinali, bil-ħsieb li tidentifika soluzzjonijiet possibbli għall-problemi li jiltaqgħu magħhom in-negozji u l-konsumaturi. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-konklużjonijiet ta’ dan l-eżerċizzju u l-passi li jmiss sa tmiem l-2012.

    Il-ġlieda kontra l-abbuż u s-soluzzjoni tat-tilwim isiru aktar effettivi

    Is-servizzi online għandhom ikomplu joffru lill-konsumaturi Ewropej din l-opportunità eċċezzjonali biex jikkomunikaw u jmexxu attivitajiet ekonomiċi aktar faċilment, skont il-liġi. In-netwerks u l-pjattaformi soċjali għall-bejgħ onlajn jew għall-iskambju tal-vidjos issa għandhom rwol ewlieni fis-soċjetà u n-negozju tal-Ewropa. Dawn jippermettu liċ-ċittadini biex ikunu aktar attivi, biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-oġġetti jew is-servizzi, biex jiksbu l-informazzjoni u biex jesprimu ruħhom. Iżda l-konfini legali xi drabi jiġu injorati: agħar minn hekk, dan iseħħ f'oqsma sensittivi bħall-pornografija tat-tfal, il-vjolenza b’mod ġenerali, l-inċitament għall-mibiegħda razzjali, il-libell, it-terroriżmu jew il-logħob tal-azzard illegali u l-prattiki kriminali li jistgħu jkunu assoċjati miegħu. Il-ksur tal-proprjetà intellettwali huma wkoll sors ta’ tħassib.

    Minkejja l-garanziji pprovduti mid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku lin-negozji li jospitaw jew li jġorru b’mod passiv kontenut illegali, il-fornituri intermedjarji tas-servizzi tal-internet iħabbtu wiċċhom ma’ inċertezza legali marbuta mal-frammentazzjoni fl-Unjoni Ewropea tar-regoli applikabbli u tal-prattiki li huma possibbli, meħtieġa jew mistennija minnhom meta jsiru konxji mill-kontenut illegali fis-siti elettroniċi tagħhom. Din il-frammentazzjoni tiskoraġġixxi dawk li jixtiequ jwettqu negozju online, u xxekkel l-iżvilupp tiegħu.

    Barra minn hekk, l-internet huwa użat bħala mezz ta’ disseminazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi li huma ffalsifikati jew piratati jew li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu difiżi fl-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien, u l-Unjoni Ewropea qed tiġġieled b’mod attiv kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija.

    Wisq spiss u b’mod ġenerali, jiġri li l-attivitajiet illegali ma jitwaqqfux b’mod effettiv u li l-kontenut illegali ma jitneħħiex jew ma jitneħħiex malajr biżżejjed. Xi drabi ċ-ċittadini jiddejqu pereżempju meta t-tneħħija ta’ saħansitra l-kontenut li huwa manifestament ta’ natura kriminali bħall-pedopornografija, u li l-apparenza ta’ tali kontenut fis-siti elettroniċi hija tant serja, kultant iddum wisq fit-tul. Dan idgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fl-internet, li mbagħad tirrefletti fuq is-servizzi online bħall-pjattaformi tal-bejgħ. B'mod parallel għal dan, iċ-ċittadini kultant jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ trasparenza minħabba iniżjattivi skorretti (bħat-tneħħija ta’ kontenut legali), sproporzjonati jew li jittieħdu mingħajr ma jitħares il-prinċipju tad-dritt li ċerti fornituri tas-servizzi online jiddefendu ruħhom.

    Il-mekkaniżmi biex jitwaqqfu l-abbuż u l-informazzjoni illegali għandhom għalhekk isiru aktar effiċjenti, fi ħdan qafas li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, il-proporzjonalità tar-regoli li jirregolaw in-negozji u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Fl-Anness, il-Kummissjoni Ewropea tiddeskrivi fid-dettall l-interpretazzjonijiet differenti li huma l-għerq tal-problemi msemmija hawn fuq. Minħabba l-volum u l-każistika statutorja dejjem jiżdiedu fl-Istati Membri, issa jidher li jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas orizzontali Ewropew għall-proċeduri ta’ notifika u ta’ azzjoni[49].

    B’mod parallel għal dan, fl-2012 il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[50] sabiex tiġġieled kontra l-kontenut illegali b’mod aktar effettiv u b’mod li jħares is-suq intern u d-drittijiet fundamentali billi ttejjeb il-qafas għall-proċeduri tal-liġi ċivili. Il-ħolqien ta’ qafas Ewropew ta’ notifika u azzjoni se jkun bla ħsara għal din l-inizjattiva. Il-kooperazzjoni bejn il-partijiet involuti, partikolarment il-fornituri tal-internet, id-detenturi tad-drittijiet u s-servizzi ta’ pagament, fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti, tista’ tgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali.

    Jeħtieġ ukoll li jiġu ttrattati l-prattiki kummerċjali inġusti, b’mod partikolari fl-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali dubjużi jew ipprojbiti.

    Minbarra dan, fil-każ ta’ problema fir-rigward ta’ xiri online, il-konsumaturi għandhom ikunu kapaċi jsibu soluzzjoni rapida u faċli. L-inċertezzi dwar x'għandu jsir f’każ ta’ problema għadhom ostakli fundamentali għall-fiduċja tal-konsumaturi fis-servizzi online. Il-qrati għadhom mhux qed joffru soluzzjoni sodisfaċenti għas-soluzzjoni tat-tilwim ikkawżat minn tranżazzjonijiet kummerċjali online, minħabba li l-mekkaniżmi tradizzjonali u legali għas-soluzzjoni huma twal wisq u jġibu magħhom spiża konsiderevoli[51]. Jeħtieġ għalhekk li tissaħħaħ l-effettività tal-infurzar tal-liġi b'mod ġenerali u, b' mod partikolari, li tkun iffaċilitata s-soluzzjoni tat-tilwim online . Sistemi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim[52] huma mezzi aktar mgħaġġla u inqas onerużi kif ikun żgurat l-aħjar żvilupp tas-servizzi online. Madankollu, għadhom mhumiex disponibbli onlajn faċilment, ftit huma magħrufa jew xejn, u ma jkoprux is-setturi kollha. Sabiex tirrimedja għal din is-sitwazzjoni, u skont l-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għat-tilwim tal-konsumaturi u Regolament dwar soluzzjoni tat-tilwim online barra l-qorti għat-tilwim tal-konsumaturi[53]. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkunu mħeġġa jadottaw dawn il-proposti mingħajr dewmien[54]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni dalwaqt se tadotta inizjattiva leġiżlattiva dwar is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-impriżi[55].

    Fl-aħħar nett, it-tisħiħ tas-sigurtà huwa essenzjali għall-fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali. F’dinja diġitali li hija interkonnessa u interdipendenti, l-attakki ċibernetiċi u n-nuqqasijiet tekniki jistgħu jaffettwaw l-infrastruttura malajr ħafna u jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-ekonomija u fuq is-soċjetà tal-Ewropa kif ukoll fuq iċ-ċittadini nfushom. Għal din ir-raġuni għandha tiddaħħal fil-prattika politika effettiva u immirata madwar l-UE kollha. Għalhekk, fl-2012 il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija Ewropea dwar is-sigurtà tal-Internet. L-għanijiet ewlenin tagħha se jkunu l-iżgurar li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi tas-sigurtà tal-internet kapaċi li jindirizzaw b'mod effettiv l-attakki ċibernetiċi u n-nuqqasijiet tekniċi; l-ittestjar regolari tal-kapaċità tagħhom ta’ reazzjoni; l-iskambju tal-informazzjoni; l-ippjanar minn quddiem ta’ proċeduri ta’ operat; u l-iżgurar li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta’ notifika lill-awtoriajiet kompetenti.

    L-AZZJONIJIET EWLENIN

    Il-Kummissjoni se:

    12. tadotta inizjattiva orizzontali dwar proċeduri ta’notifika u ta’ azzjoni (2012)[56];

    13. tipproponi, fl-2012, strateġija kumpessiva dwar is-sigurtà tal-internet fl-Ewropa bil-għan li sal-2015 tistabbilixxi protezzjoni aħjar kontra l-attakki ċibernetiċi fl-UE. F’dan il-kuntest l-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità sal-2013 se jkun ta’ importanza partikolari.

    L-introduzzjoni ta’ netwerks b’veloċità għolja u ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati

    L-introduzzjoni ta 'netwerks ta' komunikazzjoni b'veloċità għolja hija sine qua non għall-iżvilupp tas-servizzi online. Madankollu, meta mqabbel mal-kompetituri tagħha, l-UE, li stabbiliet għaliha nnifisha miri ambizzjużi fl-aġenda diġitali[57], għadha lura f’termini ta’ investiment fl-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet tal-ġenerazzjoni l-ġdida li hi teħtieġ b’mod urġenti.

    L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l- investimenti fl-internet b’veloċità għolja fil-qalba tal-istrateġija tagħhom tat-tkabbir[58], b’mod partikolari billi jimplimentaw fil-prattika l-pjanijiet operazzjonali f'dan il-qasam, billi jittrasponu rapidament l-qafas regolatorju Ewropew rivedut għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-liġi nazzjonali, billi jadattaw il-liġijiet tal-ippjanar tal-ibliet biex jillimitaw l-ispejjeż tal-iskjerament, billi jużaw il-fondi tal-politika reġjonali disponibbli jew l-istrumenti previsti fil-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa proposta mill-Kummissjoni (pereżempju s-self obbligatorju)[59]. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-ekonomija u s-soċjetà diġitali, u biex jiżguraw l-integrazzjoni taż-żoni rurali, remoti u ultraperiferali fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika.

    Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' mezzi ġodda ta' konsum online bħall-użu tal-internet mobbli (eż. smartphones u tablets) jitlob għal aktar disponibbiltà tal-ispettru tar-radju . L-ambizzjonijiet tal-Ewropa għat-tkabbir għandhom ikunu tradotti f’azzjoni xierqa. B’mod partikolari, b’segwitu għall-ftehim ta’ politika li ġie konkluż dan l-aħħar, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju[60] għandu jiġi implimentat malajr wara l-adozzjoni tiegħu mil-leġiżlatur Ewropew. Tabilħaqq, hija ta’ importanza partikolari li ċ-ċittadini u n-negozji ikollhom il-garanzija ta’ konnessjonijiet wireless broadband aħjar permezz ta' użu aktar effiċjenti tal-ispettru, u b’mod partikolari permezz tal-qsim tal-ispettru.

    Minbarra l-isfidi tal-infrastruttura, l-Unjoni Ewropea għandha tilqa’ l-isfidi li jinħolqu minn teknoloġiji avvanzati. Il- cloud computing joffri potenzjal partikolarment għoli f’termini ta’ impjiegi, produttività (fuq kollox għall-SMEs), u l-iffrankar għas-setturi kollha. Fl-2012, il-Kummissjoni se tadotta strateġija Ewropea globali dwar il-cloud computing li se tkopri dimensjonijiet legali, tekniċi u ta' standardizzazzjoni, u se tinkludi miżuri li jinkoraġġixxu r-riċerka u l-innovazzjoni.

    L-AZZJONIJIET EWLENIN

    Il-Kummissjoni se:

    14. ssaħħaħ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ strutturi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni fl-2012 billi i) fil-kuntest tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, tħejji linji gwida għall-preparazzjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura broadband; ii) fil-kuntest tal-Fond ta’ Koeżjoni Ewropew, tabbozza linji gwida għal strateġiji għall-ispeċjalizzazjoni intelliġenti li għandhom ikunu implimentati sabiex tibbenefika mill-finanzjament reġjonali, iii) fil-kuntest tal-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonjiet elettroniċi, tadotta rakkomandazzjoni dwar skemi tal-ipprezzar tal-aċċess fis-suq tal-operaturi sabiex tistimola l-investiment fl-introduzzjoni tat-teknoloġija tal-fibra, u tadotta reviżjoni tal-linji gwida tal-2009 dwar l-għajnuna mill-Istat għan-netwerks b’veloċità għolja[61], u, iv) tadotta gwida dwar it-tekniki għat-tnaqqis fl-ispejjeż tal-kostruzzjoni bil-għan li jonqsu bin-nofs;

    15. tadotta strateġija kumplessiva dwar cloud computing sabiex tistimola dak is-settur u tipprovdi ċ-ċertezza legali li jeħtieġu l-operaturi ekonomiċi (2012);

    16. tadotta Komunikazzjoni dwar il-qsim tal-ispettri inkluża strateġija għall-promozzjoni ta' aċċess kondiviż tal-ispettru fis-suq uniku u tippermetti dibattitu politiku strutturat dwar kwistjonijiet ekonomiċi, tekniċi u regolatorji dwar il-metodi varji ta' qsim tal-ispettru (2012).

    KONKLUżJONI

    L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online fid-deċennji riċenti kien ta’ vantaġġ kbir għaċ-ċittadini u għall-konsumaturi Ewropej. Dawn għandhom potenzjal ekonomiku u soċjali eċċezzjonali li baqagħlu biex jinkiseb.

    Strateġija Ewropea soda għandha takkumpanja u tħaffef it-tlestija tas-soċjetà u tal-ekonomija diġitali, b’hekk tkun qed tilqa’ l-antiċipazzjonijiet taċ-ċittadini u tiġġenera tkabbir ġdid, bil-għan li sal-2015 jirdoppjaw l-ishma tal-ekonomija tal-internet fil-PDG Ewropew u tal-bejgħ online fil-kummerċ Ewropew bl-imnut. Minbarra l-monitoraġġ tal-miżuri hawn proposti għall-kisba ta' dawn l-għanijiet, għandha tingħata attenzjoni li l-koerenza u l-konverġenza tal-inizjattivi jkunu assigurati. B'mod partikolari, għandu jkun hemm riflessjoni bir-reqqa qabel kwalunkwe proposta ġdida sabiex ikun żgurat li miżuri ġodda meħuda fil-livell Ewropew ma joħolqux xkiel ulterjuri għall-iżvilupp ta' servizzi online.

    Minħabba d-dimensjoni globali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online, l-azzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandha timxi id f’id ma’ parteċipazzjoni aktar attiva fil-ħidma tal-korpi internazzjonali eżistenti u ma’ koordinazzjoni sufficjenti, sabiex ikun żgurat li n-negozji Ewropej li joperaw barra l-Unjoni Ewropea u n-negozji minn pajjiżi terzi stabbiliti fl-UE ma jiffaċċjawx diffikultajiet ikkawżati minn frammentazzjoni leġislattiva.

    Il-Kummissjoni Ewropea se ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-servizzi online u se tirrapporta dwar il-progress miksub bl-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni billi tippubblika rapporti annwali u rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, u f'koordinazzjoni mal-monitoraġġ tal-Att dwar is-Suq Uniku u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Fl-2013 se torganizza konferenza għall-partijiet involuti. Fl-okkażjoni tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-aġenda diġitali, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-progress miksub fl-azzjonijiet deskritti f'din l-istrateġija u, fejn xieraq, se tikkunsidra azzjonijiet ġodda biex jagħtu aktar spinta lis-soċjetà diġitali u lill-ekonomija diġitali.

    [1] It-terminu “servizzi online” jirreferi għas-servizzi pprovduti mill-bogħod, b'mod elettroniku, fuq talba tal-persuna li tirċievi s-servizzi, bi ħlas. Il-kummerċ elettroniku fl-oġġetti (inklużi l-oġġetti kulturali, il-mediċini) u f'servizzi (inkluż il-logħob elettroniku) huwa għalhekk inkluż iżda wkoll in-netwerks soċjali, it-taħriġ professjonali mill-bogħod eċċ. Min-naħa l-oħra, is-servizzi online tal-amministrazzjonijiet pubbliċi mhumiex inklużi f’din l-analiżi. Għal raġunijiet ta' sempliċità, wieħed jirreferi dejjem għal "servizzi online", għajr fil-każ ta' referenza espliċitia għall-kummerċ elettroniku.

    [2] L-attivitajiet kollha marbuta mal-ħolqien u l-użu tan-netwerks tal-aċċess għall-internet kif ukoll is-servizzi offruti fuq l-internet (it-telekomunikazzjonijiet, il-manifuttura u l-manutenzjoni tal-materjal IP intenzjonat għall-Web, l-attivitajiet ta’ servizzi bbażati fuq l-Internet, u l-attivitajiet kollha li jużaw l-internet bħala mezz ta’ komunikazzjoni, mill-kummerċ elettroniku sar-riklamar online).

    [3] “Internet matters, the net’s sweeping impact on growth, jobs, and prosperity” [Kwistjonijiet dwar l-Internet, l-impatt fenominali tan-net fuq it-tkabbir, l-impjiegi, u l-prosperità], McKinsey Global Institute, Mejju 2011, studju li jagħti ħarsa lejn dawn il-pajjiżi kif ukoll il-Brażil, iċ-Ċina u l-Indja.

    [4] Dan ilu japplika għal Franza mill-2000. “The impact of the Internet on the French Economy” [L-impatt tal-Internet fuq l-Ekonomija Franċiża], McKinsey. Marzu 2011

    [5] Il-bejgħ u x-xiri li jsir fuq is-siti tal-internet jew peremzz tas-sistemi elettroniċ, eskluż l-ordnijiet li jiġu ttajpjati manwalment (skont id-definizzjoni tal-Eurostat u tal-OECD).

    [6] Euromonitor

    [7] 5th Consumer Scoreboard, Internal Market [Il-Ħames (5) Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Konsumaturi fis-Suq Uniku], il-Kummissjoni Ewropea, Marzu 2011, http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/editions/cms6_en.htm

    [8] Copenhagen Economics, The Economic Impact of a European Digital Single Market, Marzu 2010 [L-Impatt Ekonomiku tas-Suq Uniku Diġitali Ewropew], Marzu 2010

    [9] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", COM(2010) 2020 finali.

    [10] “Turning local: from Madrid to Moscow, the Internet is going native” [Insiru lokali: minn Madrid sa Moska, l-Internet se jindiġena ruħu]”, Boston Consulting Group, Settembru 2011

    [11] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġendi Diġitali għall-Ewropa” COM(2010) 245

    [12] Pereżempju, il-proposti għal regolament dwar liġi Ewropea komuni dwar il-bejgħ, għal direttiva dwar soluzzjoni tat-tilwim alternattivi jew għal reviżjoni tad-direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. F’dan ir-rigward ara r-Rapport Annwali dwar il-Progress tat-22 ta’ Diċembru 2011 http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/documents/dae_annual_report_2011.pdf

    [13] COM (2009) 557 finali.

    [14] COM (2011) 815 finali.

    [15] Huwa stmat li l-konsumaturi li jixtru online fis-suq domestiku għandhom għażla għal darbtejn aktar minn dawk li ma jixtrux online. Jekk jixtru online fl-Unjoni Ewropea kollha għandhom 16-il darba aktar għażla.

    [16] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, "Bringing e-commerce benefits to consumers", l-Anness 2 għal din il-Komunikazzjoni.

    [17] Li kieku l-bejjiegħa jkunu jistgħu joffru għażla usa' l-bejgħ totali tal-prodotti li għalihom id-domanda hi baxxa jew li l-volum tal-bejgħ tagħhom huwa baxx jista’ jkun ugwali għal jew saħansitra jissupera l-ishma tas-suq tal-prodotti li jinbiegħu l-aktar.

    [18] L’impact environnemental de l’achat sur internet [L-impatt ambjentali tax-xiri online], Estia and Médiamétrie//NetRatings for FEVAD [Il-Federazzjoni għall-kummerċ elettroniku u l-bejgħ mill-bogħod], Ġunju 2009.

    [19] Weber, Koomey, Matthews: "The energy and climate change impact of different music delivery methods"[L-impatt tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima fuq il-metodi differenti tal-kunsinna tal-mużika], ir-rapport finali lil Microsoft Corporation u Intel Corporation.

    [20] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja; Flimkien għal tkabbir ġdid”, COM (2011) 206 finali.

    [21] Il-Kummissjoni se tiżgura li kwalunkwe azzjoni meħuda fil-kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni hija f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    [22] Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku. ĠU L 178/1, 17.7.2000. L-iskop tagħha huwa biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' dawn is-servizzi, b'mod partikolari bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward il-pajjiż tal-oriġini, dwar l-obbligi li l-konsumatur jinżamm infurmat, ir-regolazzjoni ta' komunikazzjonijiet kummerċjali online u d-dispożizzjonijiet dwar kuntratti elettroniċi u r-responsabbilità ta' intermedjarji li jipprovdu servizzi tal-internet.

    [23] Din hija applikazzjoni online multilingwa sikura li tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

    [24] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, 27.12.2006.

    [25] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma [Il-Ġurnal Uffiċjali L 102/1 tat-23 ta' April 2010].

    [26] COM (2011) 222 finali.

    [27] Il-mużika diġitali tirrappreżenta 19 % mill-bejgħ totali tal-mużika fl-Ewropa, meta mqabbla ma’ 50 % fl-Istati Uniti u 25 % fil-Ġappun (IFPI Recording Industry in Numbers, 2011).

    [28] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjeta Intellettwali li jagħti spinta lill-kreattivita u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta' kwalita għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa", KUMM [COM](2011) 287 finali.

    [29] COM (2011) 851 finali.

    [30] Pereżempju, għas-servizzi, in-negozji għandhom ikunu jafu dwar il-limiti nazzjonali u li jekk huma jissuperaw dawn il-limiti għandhom jirreġistraw fl-Istat Membru tal-bejgħ, u li mbagħad ikollhom jiffaċċjaw il-piż amministrattiv li jirriżulta.

    [31] Is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, il-Kawżi Konġunti C-403/08 u C-429/08. Il-Qorti ddeċidiet illi l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu transkonfinali ta’ sottoskrizzjonjiet għas-servizzi tat-televiżjoni bis-satellita ma jistgħux ikunu pprojbiti skont il-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi.

    [32] Per eżempju, huma biss 29 % tal-kummerċjanti li jafu fejn għandhom ifittxu għal tagħrif jew għal parir dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumaturi fis-seħħ f’pajjiżi Ewropej oħra. 72% tal-bejjiegħa mill-bogħod ma jafux eżatt it-tul tal-perjodu tal-irtirar għal bejgħ mill-bogħod fil-pajjiż tagħhom stess. Sors: Flash Eurobarometer 300, retailers' attitudes towards cross-border trade and consumer protection [l-attitudnijiet tal-bejjiegħa bl-imnut lejn il-kummerċ transkonfinali u l-ħarsien tal-konsumaturi], 2011.

    [33] Consumer market study on the functioning of e-commerce and internet market and selling techniques in the retail of goods [Studju tas-suq tal-konsumaturi dwar il-funzjonament tal-kummerċ elettroniku u s-suq tal-internet tas-suq u t-tekniki tal-bejgħ bl-imnut ta' oġġetti], Civic Consulting, 2011.

    [34] Cross-border online shopping: (Ix-xiri online transkonfinali: kemm hu sigur u faċli?] ECC-Net, Ottubru 2011.

    [35] Pereżempju fir-rigward tal-aċċettazzjoni espliċita tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, tal-konferma tal-ordni kemm fuq l-iskrin u bil-posta elettronika eċċ.

    [36] Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar id-drittijiet tal-konsumatur ĠU L 304, 22.11.2011.

    [37] L-Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur, miżura 17, L-Anness tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali U Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat Tar-Reġjuni Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 COM(2011) 777 finali/2.

    [38] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta]. ĠU L 281, 2311.1995.

    [39] Green Paper dwar l-azzard online fis-Suq Intern, COM (2011) 128 finali.

    [40] Minn kważi 15 000 siti tal-azzard li kien qed joperaw fl-Ewropa ftit snin ilu, aktar minn 85 % ma kellhomx liċenzja. Sors: Cybercriminalité dans le jeu en ligne [iċ-Ċiberkriminalità fuq l-internet fil-logħob tal-azzard online], White Paper minn CERT-LEXSI, (IT security survey laboratory),

    Lulju 2006.

    [41] Id-Direttiva 2011/62/UE tat-8 ta’ Ġunju 2011 li temenda d-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, rigward il-prevenzjoni tad-dħul fil-katina legali tal-provvista ta’ prodotti mediċinali falsifikati. ĠU L 174, 01.07.2011.

    [42] Il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Ottubru 2011 dwar il-falsifikazzjoni ta' prodotti mediċinali u reati simili li jinvolvu theddidiet għas-saħħa pubblika.

    [43] Il-Kunsill tal-ĠAI tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011.

    [44] L-istrateġija diġitali għall-Ewropa msemmija hawn fuq tidentifika sistema ta' pagment b’sigurtà, fiduċja, rispett għad-dritt għall-privatezza u aċċess insuffiċjenti bħala t-tħassib ewlieni għall-konsumaturi li jixtiequ jixtru onlajn.

    [45] Eurostat Household Survey 2009.

    [46] Il-pagamenti fuq l-internet huma spiss magħmula bil-kards tad-debitu jew tal-kreditu, permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ pagamenti elettroniċi jew bit-telefown (pagamenti bil-mowbail).

    [47] Il-prinċipju ta’ “privacy by design” [privatezza permezz tad-disinn].

    [48] Eurostat Household Survey 2009.

    [49] In-notifika u l-proċeduri ta’ azzjoni huma dawk segwiti mill-fornituri intermedjarji tas-servizzi tal-internet għall-finijiet tal-ġlieda kontra kontenut illegali mal-wasla tan-notifika. L-intermedjarju jista’, pereżempju, ineħħi l-kontenut illegali, jimblukkah, jew jitlob li dan jitneħħa volontarjament mill-persuni li jkunu daħħluh onlajn. Din l-inizjattiva għandha tinkoraġġixxi aktar milli tiskoraġġixxi inizjattivi aktar dettaljati f’ċerti oqsma. Pereżempju, il-Protokoll Ewropew iffirmat f’Mejju 2011 bejn id-detenturi prinċipali tad-drittijiet u l-pjattaformi tal-internet dwar il-bejgħ online ta’prodotti foloz jirrikjedi, minbarra proċedura ta’ notifika u ta’ tneħħija, azzjoni kontra ksur ripetut kif ukoll miżuri proattivi u preventivi.

    Ara http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/docs/memorandum_04052011_en.pdf

    [50] Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. ĠU L 195, 2.6.2004.

    [51] Dan minkejja l-eżistenza ta’ Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ara r-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199/1, 31.7.2007.

    [52] Magħrufa bħala “Alternative dispute resolution (ADR)/On line dispute resolution (ODR)”.

    [53] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) COM (2011) 793 u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi), KUMM [COM](2011) 794.

    [54] Il-proposti ADR-ODR huma parti mit-12-il azzjoni ewlenin identifikati mill-Att dwar is-Suq Uniku, li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill diġà ftiehmu għal proċedura mħaffa (Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, KUMM [COM] (2011) 815 finali).

    [55] Proposta dwar is-soluzzjoni tat-tilwim online bejn in-negozji hija ppjanata għall-2012.

    [56] Valutazzjoni tal-impatt se tiddetermina minn qabel it-tip ta’ inizjattiva.

    [57] Aċċess għal veloċitajiet ta’ konnessjoni ta’aktar minn 30 Mbps għall-Ewropej kollha u mill-inqas 50 % ta' unitajiet domestiċi b'veloċità ta’ konnessjoni ta' aktar minn 100Mbps fl-2020.

    [58] Kif ukoll għall-inizjattivi kollha msemmija f’din il-Komunikazzjoni, bla ħsara għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    [59] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tad-19 ta' Ottubru 2011 COM (2011) 665 finali.

    [60] COM/2010/0471 finali.

    [61] Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa' [broadband]. ĠU C 235, 30.9.2009.

    Top