Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0859

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS)

    /* KUMM/2011/0859 finali */

    52011DC0859

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS) /* KUMM/2011/0859 finali */


    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS)

    INTRODUZZJONI

    Skont it-termini tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1297/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar Programm għall-Modernizzazzjoni tal-Istatistika Ewropea tal-Intrapriża u l-Kummerċ (MEETS), (minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala d-Deċiżjoni MEETS), il-Kummissjoni għandha "sal-31 ta’ Diċembru 2010, u mbagħad kull sena sal-2013, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm MEETS".

    Dan ir-rapport huwa t-tieni rapport bħal dan biex jipprovdi ħarsa ġenerali tal-progress li sar mill-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat) fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet skont il-Programm MEETS mill-perjodu ta' rappurtar ta' qabel. Fl-ewwel rapport l-enfasi kienet dwar l-azzjonijiet li nbdew u/jew tkomplew fil-programmi annwali ta' xogħol għall-2009 u l-2010. Għal dawn l-ewwel sentejn, il-livell ta' implimentazzjoni tal-krediti operazzjonali tal-MEETS kien kważi 80 %[1]. L-ispegazzjoni prinċipali għal din iċ-ċifra hija t-tnaqqis tal-abilità tal-Istati Membri biex jieħdu sehem fi proġetti tal-UE wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008.

    Dan it-tieni rapport ikopri r-riżultati inizjali miksuba sa issa, kif ukoll l-inizjattivi ewlenin koperti mill-programm annwali ta' ħidma għall-2011, li ġie adottat fl-2010.

    L-attivitajiet kollha tal-MEETS huma konformi mal-istrateġija stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-10 ta' Awwissu 2009 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-metodu ta' produzzjoni tal-istatistika tal-UE. viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin[2].

    OBJETTIVI, AZZJONIJIET ANNWALI U PRIJORITAJIET

    Minkejja li l-programm MEETS jibqa' għaddej sal-aħħar tal-2013, l-ewwel evalwazzjoni globali saret fl-aħħar tal-2010. Wara din l-evalwazzjoni, ġie aġġustat il-programm annwali ta' ħidma tal-MEETS għall-2011. Sar titjib tal-programm, li r-riżultat tiegħu kien reviżjoni tan-numru ta' proġetti MEETS u azzjonijiet annwali, u sar ċaqliq lejn inqas orjentazzjonijiet strateġiċi.

    Il-pilastri ewlenin tal-programm MEETS ikomplu jiġu organizzati madwar in-networks kollaborattivi fis-Sistema Statistika Ewropea (SSE), magħrufa bħalha "netsSSE". In-netsSSE kollha ppjanati issa qegħdin jaħdmu, bl-aħħar wieħed jitniedi fil-bidu tal-2011. B'riżultat tal-eżerċizzju ta' titjib, il-programm ta' ħidma tal-2011 jipprovdi perjodu itwal ta' appoġġ għal numru minn dawn in-netsSSE fil-forma ta' għotjiet multiannwali, flok għotjiet annwali.

    L-iffinanzjar ġie provdut ukoll għall-ftehimiet ta' għotjiet individwali konklużi mal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs), u sar kuntratt dwar numru ta' studji esterni. Bħalissa hemm għaddejjin proġetti oħra li ma għandhomx implikazzjonijiet finanzjarji jew li huma integrati f'attivitajiet oħra.

    B'kollox, il-baġit tal-UE għall-programmi ta' ħidma tal-2011 huwa stipulat għal ftit aktar minn EUR 11-il miljun, u jkopri 19-il azzjoni annwali kif ukoll l-appoġġ tekniku u amministrattiv meħtieġ biex jimplimenta l-programm. L-għotjiet, jew permezz tan-netsSSE jew f'forma ta' għotjiet individwali, jibqgħu l-aktar strument komuni għall-finanzjament tal-azzjonijiet (b'madwar 90 %).

    Objettiv 1: Ir-reviżjoni tal-prijoritajiet u l-iżvilupp ta' ġabriet ta' indikaturi fil-mira għal oqsma ġodda

    L-identifikazzjoni ta’ oqsma ta' inqas importanza

    Sa mill-adozzjoni ta' approċċ ġdid mill-KESE bbażat fuq l-istrateġija f'Novembru 2010, l-oqsma b'inqas importanza fin-negozju jew l-istatistika tal-kummerċ huma identifikati fil-qafas tar-reviżjoni strateġika annwali tal-prijoritajiet tal-Eurostat . Ir-reviżjoni fl-2010 rriżultat fit-titjib tal-programm MEETS u l-identifikazzjoni ta' numru ta' prijoritajiet negattivi li jeħtieġu jiġu żviluppati aktar fi proposti konkreti biex jemendaw l-atti legali eżistenti. Dawn jikkonċernaw l-istatistika/is-serje dwar l-Unità dwar it-Tip ta' Attività fl-Annessi 2 u 4 tar-Regolament dwar l-Istatistika Strutturali tan-Negozju (SBS)[3] u l-ordnijiet industrijali l-ġodda varjabbli tal-Anness A għar-Regolament dwar Statistika għal Żmien Qasir (STS)[4]. Barra minn hekk, ikompli x-xogħol dwar it-tnaqqis tal-ħtiġijiet għall-Intrastat u dwar it-tfassil mill-ġdid tal-istatistika internazzjonali tal-kummerċ għal oġġetti u servizzi favur is-servizzi.

    L-iżvilupp ta' oqsma ġodda (gruppi ta' intrapriżi, globalizzazzjoni, intraprenditorija, innovazzjoni)

    Fl-aħħar tal-2010, u skont ir-riżultat ta' studju inizjali, ġie mniedi xogħol metodoloġiku dwar l-iżvilupp ta' statistika dwar il-gruppi ta' intrapriża f'żewġ oqsma ta' prijorità, jiġifieri: "kummerċ fil-grupp" u "riċerka u żvilupp u innovazzjoni". Saret konsultazzjoni mal-Ewropa kollha ta' intrapriżi multinazzjonali dwar il-vijabilità tar-rappurtar ċentrali ta' din id-dejta mill-kumpanija ewlenija. Barra minn hekk, wara studju bir-reqqa tat-tagħrif attwali disponibbli fuq livell nazzjonali u Ewropew, ġie żviluppat inventarju tal-bosta modi possibbli ta' ġbir ta' dejta dwar iż-żewġ oqsma ewlenin marbuta ma' gruppi tal-intrapriża. Iż-żewġ attivitajiet irriżultaw f'rakkomandazzjonijiet dwar kif ikun l-aħjar biex tinġabar id-dejta fiż-żewġ oqsma kkonċernati u pprovdew bażi metodoloġika għall-ġbir tad-dejta tal-SSE dwar il-gruppi ta' intrapriża permezz tal-kumpaniji ewlenin. Valutazzjoni inizjali ta' dan ix-xogħol metodoloġiku se tiġi integrata fl-attivitajiet tan-netSSE dwar il-Profilar ta' gruppi ta' Intrapriżi Multinazzjonali Kbar u Kumplessi qabel ma jibdew kwalunkwe testijiet piloti (ara l-objettiv 2).

    L-istudju dwar id-disponibilità fi ħdan l-SSE u l-kalkolu ta' indikaturi proposti fil-Gwida tal-OECD dwar l-Indikaturi tal-Globalizzazzjoni Ekonomika ġie ffinalizzat fil-bidu tal-2011. Wara t-titjib tal-programm MEETS, aktar xogħol metodoloġiku u l-organizzazzjoni ta' testijiet piloti se jseħħu fi ħdan il-qafas tan-netSSE dwar Il-Kejl tal-Katini tal-Valur Globali (ara l-objettiv 3).

    Rigward il-monitoraġġ ta' politiki marbuta mal-intraprenditorija , ix-xogħol qed ikompli dwar l-iżvilupp tal-qafas legali għall-ġbir ta' dejta armonizzata dwar id-demografija tan-negozji ta' min iħaddem. Barra minn hekk, l-ewwel ġabra volontarja ta' dejta madwar l-Ewropa tnediet fl-2011 għall-indikaturi proposti ta' tkabbir għoli ta' kumpaniji innovattivi, li jagħtu servizz lill-"indikatur innovattiv ewlieni tal-Unjoni" li għadu kif ġie stabbilit fil-kuntest tal-Ewropa 2020. Il-kooperazzjoni mal-OECD kompliet ukoll bl-elaborazzjoni tal-Programm konġunt tal-Indikaturi tal-Intraprenditorija EIP u l-iżvilupp tad-determinanti tal-intraprenditorija, li jinkorporaw ir-riżultati tas-sessjoni ta' ħidma li saret fl-aħħar tal-2010.

    Objettiv 2: Sabiex jinkiseb qafas issimplifikat ta’ statistika marbuta man-negozju

    Integrazzjoni tal-kunċetti u l-metodi fi ħdan il-qafas ġuridiku

    In-netSSE dwar il-Konsistenza tal-kunċetti u l-metodi tan-negozju marbuta mal-istatistika , li twaqqaf fl-2010, beda x-xogħol fuq l-inventarju tal-implimentazzjoni tal-unitajiet tal-istatistika u d-definizzjoni tagħhom fl-Istati Membri. Fil-bidu tal-2011 kienu organizzati sessjonijiet ta' ħidma ma' esperti mill-Eurostat u l-NSIs u ġie mħejji u ttestjat kwestjonarju biex jiġbor aktar tagħrif. Barra minn hekk, ġie abbozzat rapport li enfasizza l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu investigati u l-metodi u l-proċeduri ppjanati. Barra minn hekk, sar xogħol preparatorju sabiex jitnieda x-xogħol fil-bidu tal-2012 dwar il-populazzjoni fil-mira, oqsfa, perjodi ta' referenza, klassifikazzjonijiet u l-applikazzjonijiet tagħhom (analiżi, aggregati speċifiċi), kif ukoll il-karatteristiċi u d-definizzjonijiet tagħhom.

    Il-proġett " It-titjib fil-konsistenza bejn il-bilanċ tal-ħlasijiet u l-istatistika tat-tranżazzjonijiet internazzjonali " intemm. Ir-riżultati ta' dan il-proġett, inklużi rakkomandazzjonijiet u tabella ta' rikonċiljazzjoni sħiħa, ikkontribwixxew għall-ħidma tat-Task Force dwar il-konsistenza bejn l-istatistika dwar il-Bilanċ tal-Ħlasijiet u l-istatistika dwar il-kummerċ.

    Żvilupp ta’ statistika dwar il-gruppi ta' intrapriża

    Kien hemm ħafna progress x'jiġi rrappurtat fil-kuntest tar-Reġistru tal-GruppiEwro [5] (EGR), li għandu l-għan li jipprovdi oqsfa ta' stħarriġ konsistenti u koordinati għal statistika ta' kwalità għolja dwar il-globalizzazzjoni.

    In-netSSE dwar il-Metodoloġija tal-EGR żviluppa fuq il-metodoloġija tal-proċessi tal-EGR fuq livell ċentrali u nazzjonali u l-mudell ta' dejta pass 'il quddiem (verżjoni 2 tal-EGR). Il-popolazzjoni tal-EGR ta' 5 000 Grupp ta' Intrapriżi Multinazzjonali (MNEs) ġie finalizzat u beda x-xogħol fuq l-estensjoni tal-popolazzjoni tal-EGR, li wassal għal total ta' 10 000 MNEs. Il-linji gwida dwar il-metodoloġija tal-EGR tqassmu lill-Istati Membri. Bħalissa għaddejja l-analiżi tal-kopertura sħiħa tal-popolazzjoni tal-EGR għall-Istatistika tal-Affiljati Barranin (FATS) u l-istatistika dwar l-Investiment Barrani Dirett (FDI).

    Barra minn hekk, in-numru ta' għotjiet mgħoti fl-2009 (16) u fl-2010 (8)) appoġġa d-definizzjoni tal-proċessi u l-metodi tal-EGR fil-livell nazzjonali għall-importazzjoni, il-validazzjoni, it-tgħaqqid u l-esportazzjoni tad-dejta tal-EGR fl-ambjenti tar-reġistru nazzjonali. L-għotjiet koprew ukoll id-definizzjoni u l-ewwel fażi tal-kostruzzjoni ta' għodod biex jawtomatizzaw, meta possibbli, il-proċessi tal-EGR fuq livell nazzjonali u biex isaħħu l-kwalità tad-dejta tal-EGR. L-Istati Membri kollha għandhom aċċess għar-riżultati kollha ta' dawn l-azzjonijiet ta' għotjiet u għaldaqstant jistgħu jibbenefikaw minn tali aċċess sabiex iħejju u jiżviluppaw l-implimentazzjoni nazzjonali tal-EGR.

    In-netSSE dwar il-Profilar ta' Gruppi ta' Intrapriżi Multinazzjonali Kbar u Kumplessi huwa parti mill-qafas tal-EGR. Il-mira tiegħu hija li jikseb strutturi tal-unità tal-istatistika li huma koordinati u li jagħmlu sens u ftehim dwar ir-rappurtar tal-istatistika għal gruppi tal-intrapriża. Fl-2010 sar studju ta' probabilità dwar il-profilar internazzjonali u studju dwar l-unitajiet tal-istatistika marbuta mal-MNE. Ir-riżultat tax-xogħol metodoloġiku se jiġi żviluppat aktar, billi jikkunsidra l-ittestjar propja. Il-probabilità tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar id-definizzjoni tal-intrapriża se tkun valutata fil-qafas tal-attivitajiet tan-netSSE dwar il-Konsistenza.

    It-twettiq ta' stħarriġiet Komunitarji biex jitnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi

    Qed jitħejja studju dwar il-kwistjonijiet ta' metodoloġija marbuta mal-użu tal-iskemi tal-UE marbuta mal-ikkampjunar fil-ġbir tad-dejta.

    Objettiv 3: Sabiex tkun appoġġata l-implimentazzjoni ta’ mod iktar effiċjenti għall-produzzjoni ta' statistika dwar l-intrapriżi u l-kummerċ

    Isir użu aħjar mid-dejta li diġà teżisti fis-sistema tal-istatistika, inkluża l-possibilità tal-estimi

    Ix-xogħol dwar "il-ħażna tad-dejta u t-tagħqid tad-dejta fil-produzzjoni tal-istatistika tan-negozju" qed issir minn netSSE li ġie stabbilit fit-tieni nofs tal-2010. Bħala l-ewwel pass, in-netSSR beda inventarju tal-approċċi tat-tagħqid u l-ħżin tad-dejta eżistenti. Ġie żviluppat kwestjonarju u ntbagħat lill-Istati Membri tal-SSE u l-Isvizzera sabiex jinħoloq inventarju dwar l-aqwa prattiki attwali fis-sistemi integrati tad-dejta tan-negozju u sabiex tinkiseb ħarsa ġenerali tal-problemi li ltqagħu magħhom u tas-soluzzjonijiet mixtieqa. Ir-riżlultati ġew preżentati u diskussi f'sessjoni ta' ħidma li saret f'April 2011. L-istħarriġ u d-diskussjonijiet urew il-ħtieġa li jiġu analizzati numru ta' suġġetti vasti fir-rigward tal-istabbiliment u l-operazzjoni ta' ħażna ta' dejta. Dawn inkludew definizzjoni eżatta/kamp ta' applikazzjoni tal-ħażna tad-dejta dwar l-istatistika f'dan in-netSSE, il-metadejta, il-pożizzjoni/l-irwol tar-reġistru kummerċjali, il-kunfidenzjalità l-inkonsistenza, u l-kwalità tad-dejta. In-netSSE se jaqdi r-rwol ta' grupp ta' esperti, billi jibni bażi ta' għarfien u jiddefinixxi u jipprovdi linji gwida kif ukoll jipprovdi servizzi fil-forma ta' reviżjonijiet tal-pari u konsultazzjoni.

    Barra minn hekk, inkiseb progress sostanzjali fit-tliet proġetti li jkopru r -rabta bejn mikrodejta għal statistika individwali .

    - Ġie implimentat eżerċizzju li jinvolvi statistika strutturali dwar in-negozju, il-kummerċ barrani, u sors internazzjonali tar-rabta tal-mikrodejta u ġiet żviluppata metodoloġija għal din l-estrazzjoni tad-dejta u rabta ta' mikrodejta. Ir-riżultati huma kkunsidrati f'azzjoni maġġuri oħra li bdiet kmieni fl-2011 bit-tnedija tan-netSSE dwar il-Kejl tal-Katini tal-Valur Globali . Dan in-netSSE se jindirizza wieħed mill-inizjattivi ewlenin imressqa fl-Istrateġija Ewropa 2020 u l-għan tagħha huwa li tiġbor dejta dwar attività u organizzazzjoni tan-negozju li kull ma tmur qed issir dejjem aktar globalizzata u l-impatt tagħha fuq il-ħolqien tal-impjiegi u tkabbir sostenibbli. Il-proġett għandu wkoll l-għan li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika biex jagħmlu deċiżjonijiet aktar infurmati u biex jimmonitorjaw il-globalizzazzjoni/l-internazzjonalizzazzjoni tal-ekonomiji billi jiżviluppaw u jipprovdu indikaturi dwar il-globalizzazzjoni ekonomika.

    - L-istudju li sar għall-proġett, "indikaturi ġodda tal-istatistika dwar kummerċ estern minn karatteristiċi tan-negozju ", irriżulta fi gwida tal-kumpilaturi għall-produzzjoni ta' statistika dwar kummerċ internazzjonali minn karatteristiċi tal-intrapriża bbażati fuq ir-rabta bejn id-dejta tal-kummerċ u tagħrif dwar ir-Reġistru Kummerċjali. L-istudju pprovda wkoll tagħrif dwar kwistjonijiet metodoloġiċi għall-ġbir ta' statistika magħquda dwar il-kummerċ estern u l-istatistika tan-negozju. B'riżultat ta' dan, ġiet inkluża l-ħtieġa biex tinġabar din l-istatistika fuq bażi annwali fir-Regolamenti riveduti tal-Intrastat u Extrastat. Il-produzzjonijiet regolari bdew fl-2011, bis-sena 2009 bħala l-ewwel sena ta' referenza. Bosta studji pilota li għalihom ingħataw għotjiet lill-Istati Membri għadhom għaddejjin sabiex jidentifikaw u jiżviluppaw indikaturi ġodda tal-istatistika li jagħqdu l-istatistika tal-kummerċ u n-negozju. Għan ieħor ta' dawn l-istudji huwa li jtejjeb il-kwistjonijiet kwalitattivi u metodoloġiċi madwar il-ġbir ta' dawn l-indikaturi l-ġodda.

    - In-netSSE dwar ir-Rabta ta' mikrodejta dwar l-użu tal-ICT bħalissa qed tistudja l-vijabilità ta' strateġiji alternattivi ta' stħarriġ biex itejjeb ir-rappreżentattività tad-dejta f'settijiet ta' dejta marbuta, inkluż l-analiżi spiża-benefiċċju tagħhom.

    Bħala parti mill-proġett " Metodoloġija għal statistika moderna tan-negozju (kampjunar ottimali, stima bbażata fuq il-mudell, integrazzjoni tad-dejta) " għaddej xogħol dwar ir-reviżjoni tal-Gwida dwar metodi għal statistika Ewropea tan-negozju u dwar żviluppi metodoloġiċi f'oqsma ewlenin bħall-integrazzjoni tal-istħarriġ, metodi moderni tal-ġbir tad-dejta u teknika avvanzata dwar l-istima.

    Użu aħjar mid-dejta li teżisti diġà fl-ekonomija

    Sabiex jgħin lill-Istati Membri jużaw dejta amministrattiva għal skopijiet tal-istatistika b'mod l-aktar effiċjenti, il-programm MEETS jipprovdi lill-NSIs b'appoġġ finanzjarju biex jiżviluppa s-sistema tagħhom għall-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta. Il-ftehimiet ta' għotja ffirmati ma' 16-il NSI fl-2009 rriżultaw fl-implimentazzjoni ta' modi ġodda ta' aġġornament tar-Reġistri Kummerċjali għal skopijiet ta' statistika, metodi innovattivi għall-istima tad-dejta għall-kumpaniji mikro u żgħar, il-ħolqien ta' għodod għal verifiki ta' kwalità, korrezzjoni jew żbalji u ħażna tad-dejta. Dan se jwassal għal tnaqqis fil-piż tal-irrappurtar fuq il-kumpaniji u se jtejjeb il-kwalità ta' tagħrif dwar l-istatistika.

    In-netSSE dwar l-użu ta' dejta amministrattiva u ta' kontabilità, li tnieda fl-2009, ikompli jinvestiga l-kwistjonijiet prattiċi marbuta mal-użu ta' din id-dejta sabiex jipproduċi statistika li hija komuni għall-NSIs kollha. Ir-riżultati tar-riċerka u x-xogħol analitiku saru fl-ewwel sentejn tal-attività se jiġu żviluppati aktar f'rakkomandazzjonijiet u tixrid ta' prattiki tajbin. Ir-riżultati ewlenin miksuba sa issa jikkonċernaw it-tħejjija tal-ħarsa ġenerali ta' prattiki nazzjonali dwar l-użu ta' dejta amministrattiva, id-deskrizzjoni tal-prattiki nazzjonali dwar l-użu ta' metodi differenti biex jagħtu stima ta' dejta mhux kompluta meta jużaw dejta amministrattiva għall-STS, u l-produzzjoni ta' lista ta' indikaturi għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-istatistika tan-negozju bbażata fuq dejta amministrattiva.

    L-iżvilupp ta’ għodod għall-estrazzjoni, it-trażmissjoni u t-trattament aktar effiċjenti tad-dejta.

    Fi ħdan il-proġett "Nagħmlu użu aħjar mid-dejta doganali fl-istatistika tal-kummerċ estern (Extrastat)”, ġew iffirmati bosta ftehimiet ta' għotja ma' Stati Membri fl-aħħar tal-2010. L-għan huwa li jipprovdi appoġġ għall-adattazzjoni tas-sistema tagħhom tal-ġbir ta' dejta għall-istatistika tal-Extrastat għas-sistemi doganali l-ġodda introdotti mill-Kodiċi Doganali Modernizzat[6]. L-ewwel riżultati huma mistennija fil-bidu tal-2012.

    Għall-proġett "l-iffaċilitar tal-użu tan-Nomenklatura Magħquda", l-għotjiet individwali stipulati għall-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika rriżultaw fid-disponibilità ta' għajnuniet ta' klassifikazzjoni għal dikjaranti tal-Intrastat. Ġew żviluppati għodod li jinsabu fuq il-web u materjali oħra li jagħmluha aktar faċli biex jiġu identifikati l-kodiċi korretti ta' komodità. Dan se jtejjeb il-kwalità tad-dejta u jnaqqas il-piż ta' dawk li wieġbu.

    F'April 2011, l-Istati Membru kienu mistiedna biex jipparteċipaw fil-proġett "l-iffaċilitar tat-trasferiment tad-dejta minn intrapriżi għal istituti nazzjonali tal-istatistika”. Se jiġi provdut appoġġ għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT għall-ġbir ta' dejta dwar l-istatistika minn intrapriżi, l-iżvilupp ta' tassonomiji nazzjonali tal-istatistika u l-ħolqien ta' tassonomiji nazzjonali XBRL tal-istatistika.

    Objettiv 4: Il-modernizzazzjoni tal-Intrastat

    L-armonizzazzjoni ta’ metodi għat-titjib tal-kwalità taħt Intrastat issimplifikata

    B'riżultat tal-eżerċizzju ta' simplifikazzjoni, iż-żewġ proġetti "It-titjib tal-kwalità tad-dejta taħt sistema tal-Intrastat issimplifikata" u "It-tnaqqis tal-assimetriji fl-Intrastat" li tnedew fil-bidu tal-programm MEETS ingħaqdu f'wieħed fl-aħħar tal-2010 taħt it-titlu "L-armonizzazzjoni tal-metodi sabiex titjieb il-kwalità fl-istatistika interna tal-kummerċ tal-UE".

    Taħt dan il-proġett il-ġdid, l-Istati Membri jkomplu jirċievu appoġġ fir-rikonċiljazzjoni tal-assimetriji u l-miżuri ta' żvilupp u implimentazzjoni biex itejbu l-kwalità, billi japplikaw il-linji gwida metodoloġiċi żviluppati skont kuntratt ta' servizz fl-2010. Iż-żewġ sensiliet ta' rikonċiljazzjoni madwar l-UE organizzati fl-2009 u l-2010 wasslu għall-korrezzjoni u/jew għall-prevenzjoni ta' numru ta' assimetriji sinifikanti, filwaqt li għal xi oġġetti speċifiċi (il-gass, l-elettriku, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru) ġiet identifikata l-ħtieġa għal aktar titjib fl-istruzzjonijiet metodoloġiċi. - Ġew pprovduti għotjiet lill-Istati Membri għall-eżerċizzji ta' rikonċiljazzjoni.

    L-użu aħjar ta’ dejta amministrattiva

    Fl-2010, ingħataw għotjiet sabiex jitjieb l-użu ta' dejta amministrattiva mill-Istati Membri fil-produzzjoni tal-istatistika tal-Intrastat. . Il-proġetti għadhom għaddejjin. Dawn jikkonċernaw l-użu ta' dejta amministrattiva għall-validazzjoni ta' dejta miġbura fis-sistema tal-Intrastat u (aktar) żvilupp fis-sistema ta' ġbir ta' dejta konġunta f'numru ta' Stati Membri għall-Intrastat, il-VAT u l-Iskambju ta' Informazzjoni tal-VAT (VIES).

    Titjib u faċilitazzjoni tal-iskambju tad-dejta fl-Intrastat

    L-istudji li saru u l-appoġġ provdut lill-Istati Membri rriżulta f'aktar użu ta' mezzi elettroniċi u teknoloġiji għall-validazzjoni tad-dejta permezz ta' proċessi awtomatizzati u l-applikazzjoni ta' kunċetti avvanzati tal-istatistika għas-sejbien ta' żbalji u l-korrezzjoni awtomatika.

    KONKLUŻJONI

    Id-Deċiżjoni MEETS tagħti dettalji dwar l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati matul il-perjodu kopert mill-programm. Dan jiġġustifika l-għadd relattivament kbir ta' inizjattivi li saru fl-ewwel sentejn tal-programm. Madankollu, wieħed mir-riżultati tal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 kien "saturazzjoni" tal-possibilitajiet ta' finanzjament fl-NSIs minħabba nuqqas ta' riżorsi umani. Għaldaqstant, kien hemm il-ħtieġa li l-programm jiġi simplifikat billi jiġu integrati ċerti inizjattivi u/jew jiġu ffukati lejn is-sitt oqsma ewlenin permezz tan-netSSE: il-konsistenza tal-kunċetti u l-metodi, l-EGR, il-profil ta' gruppi ta' intrapriżi nazzjonali kbar u kumplessi, ir-rabta tal-mikrodejta u l-ħażna tad-dejta fil-produzzjoni tal-istatistika, il-metodoloġija għall-istatistika tan-negozju, u l-użu ta' dejta amministrattiva u ta' kontabilità.

    In-netsSSE li bdew fl-2009 jew kmieni fl-2010 wettqu ħafna xogħol, b'mod partikolari fuq il-metodoloġija tal-EGR, il-Profil u l-Użu ta' dejta amministrattiva. Għall-pilastri l-oħra ewlenin tal-programm MEETS (il-konsistenza tal-atti legali, il-ħżin tad-dejta u l-inizjattivi dwar ir-rabtiet tad-dejta), l-attivitajiet li jikkonċernaw ix-xogħol ta' tħejjija, l-istabbiliment tal-infrastruttura bażika f'postha (it-tnedija tan-netsSSE, il-ftehimiet multibenefiċjarji tal-għotjiet, eċċ.) u l-ħolqien ta' netwerks ta' esperti nazzjonali.

    Barra minn hekk, il-finanzjament permezz ta' għotjiet individwali, prinċipalment sabiex jakkumpanjaw il-progress fil-metodoloġija u biex jittestjaw ċerti rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi, iżda wkoll biex jiżviluppaw għodod għal estrazzjoni aktar effiċjenti, trażmissjoni u pproċessar ta' dejta. Numru ta' riżultati diġà huma disponibbli, iżda ħafna mill-azzjonijiet għadhom għaddejjin.

    Huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-azzjonijiet kollha bħala inizjattivi interkonnessi, sabiex il-proċeduri nazzjonali għall-ġbir ta' statistika tal-intrapriżi u tal-kummerċ ikunu aktar effiċjenti. Dan jeħtieġ impenn fuq medda ta' żmien twil u monitoraġġ kostanti. Għaldaqstant se jiġu provduti aktar rapporti ta' progress fl-2012 u l-2013. L-evalwazzjoni finali se ssir fil-bidu tal-2014.

    [1] Il-Eurostat indikat fir-Rapport Annwali ta' Attività 2010 eċċezzjoni fir-rigward tal-użu tal-krediti tal-MEETS dwar il-baġit tal-2010. Din l-eċċezzjoni kienet ġiet ikkunsidrata fil-kalkolu tal-livell ta' eżekuzzjoni tal-krediti operazzjonali tal-MEETS għall-ewwel sentejn.

    [2] COM(2009) 404.

    [3] Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar statistika strutturali kummerċjali (formulazzjoni mill-ġdid). ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13.

    [4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 tad-19 ta' Mejju 1998 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir. ĠU L 162, 5.6.1998, p. 1.

    [5] Il-bażi legali ġiet stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet tal-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 ĠU L 61, 5.3.2008, p.6.

    [6] Ir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat). ĠU L 145, 4.6.2008, p.1.

    Top