This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0743
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS The Global Approach to Migration and Mobility
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità
/* KUMM/2011/0743 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità /* KUMM/2011/0743 finali */
Daħla Il-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u
t-trasformazzjoni tas-soċjetà qed jaffettwaw lill-Unjoni Ewropea,
lill-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi madwar id-dinja. Skont
evalwazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, madwar id-dinja hemm 214-il miljun
migrant internazzjonali, u 740 miljun migrant intern ieħor. Hemm 44 miljun
persuna spostata minħabba ċ-ċirkostanzi. Huwa stmat li 50 miljun
persuna qed jgħixu u jaħdmu barra mill-pajjiż bi status
irregolari[1].
Id-djalogu fil-livell globali jista’ jindirizza xi wħud
mill-isfidi u t-tħassib kondiviżi. Madankollu, huwa fil-livell reġjonali,
nazzjonali u lokali, li kull individwu u kull parti interessata se
taħtaf l-opportunitajiet maħluqa mill-migrazzjoni, u mill-mobilità. Fil-preżent il-migrazzjoni qiegħda
fil-quċċata tal-aġenda politika tal-Unjoni Ewropea.
Ir-Rebbiegħa Għarbija u l-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran
fl-2011 enfasizzaw iżjed il-ħtieġa għal politika ta’
migrazzjoni koerenti u komprensiva għall-UE. Il-Kummissjoni
diġà ppreżentat firxa ta’ proposti ta’ politika u miżuri
operattivi dwar il-migrazzjoni, il-mobilità, l-integrazzjoni u l-protezzjoni
internazzjonali fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal-4 u l-24 ta’ Mejju 2011[2]. Dawk il-proposti kienu
approvati kompletament mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju ta’ din is-sena[3] u minn dak iż-żmien
’l hawn l-UE ħadet azzjoni immedjata kmieni f’Ottubru billi nediet
djalogi dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mat-Tuniżija u
l-Marokk, u billi wettqet il-preparazzjonijiet meħtieġa sabiex
tibda d-djalogu mal-Eġittu. Se jsegwu djalogi simili ma'
pajjiżi oħra fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran,
prinċipalment mal-Libja, hekk kif is-sitwazzjoni politika
tippermetti dan. Id-djalogi jippermettu lill-UE u l-pajjiżi msieħba
li jiddiskutu b’mod komprensiv l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni possibbli
tagħhom fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u
ċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni bil-ħsieb li jitwaqqfu Sħubijiet
ta' Mobilità. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta'
Mejju, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għall-UE li ssaħħaħ
il-politika ta' migrazzjoni esterna tagħha billi twaqqaf
sħubijiet ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE biex jindirizzaw
kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u l-mobilità b'mod li l-kooperazzjoni
tkun ta' benefiċċju reċiproku. Għal dan l-għan u b'mod
li jirrifletti l-Programm ta' Stokkolma u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Programm ta'
Stokkolma[4],
il-Konklużjonijiet ta' Ġunju tal-Kunsill Ewropew stiednu
lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni tal-Approċċ
Globali tal-Migrazzjoni u biex tiġi stabbilita triq lejn qafas ta'
politika aktar konsistenti, sistematiku u strateġiku
għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi kollha relevanti li mhumiex
tal-UE. Dan għandu jinkludi proposti speċifiċi
għall-iżvilupp tal-partenarjati ewlenin tal-Unjoni, bil-prijorità
tingħata lill-viċinat tal-Unjoni kollu kemm hu. Barra minn hekk, minkejja l-kriżi
ekonomika u r-rati tal-qgħad li hawn bħalissa, il-pajjiżi
Ewropej qed jiffaċċjaw nuqqasijiet u postijiet vakanti fis-suq
tax-xogħol li ma jistgħux jimtlew b’ħaddiema domestiċi,
pereżempju fl-oqsma tas-saħħa, ix-xjenza u t-teknoloġija.
It-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq perjodu twil fl-Ewropa huwa mistenni li
jnaqqas b’nofs il-proporzjon bejn il-persuni tal-età tax-xogħol (20-64) u
l-persuni ta’ 65 sena u iżjed fil-ħamsin sena li ġejjin. L-imigrazzjoni
hi diġà ta' importanza ewlenija fl-UE, bil-migrazzjoni netta li tikkontribwixxi
0.9 miljun ruħ jew 62% tat-tkabbir totali tal-popolazzjoni fl-2010.
L-indikaturi kollha juru li uħud mill-ħiliet addizzjonali u
speċifiċi meħtieġa fil-ġejjieni se jkunu jistgħu
jinstabu biss 'il barra mill-UE[5]. Dan huwa l-kuntest
li fih evolva l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni sa minn
meta ġie adottat fl-2005. Huwa tfassal sabiex jindirizza l-aspetti kollha
rilevanti tal-migrazzjoni b’mod ibbilanċjat u komprensiv, bi
sħubija mal-pajjiżi mhux tal-UE. L-Approċċ Globali ġie
evalwat fl-ewwel nofs tal-2011 permezz ta’ konsultazzjoni pubblika onlajn u
ħafna laqgħat konsultattivi dedikati[6].
Il-konsultazzjonijiet ikkonfermaw il-valur miżjud tal-Approċc Globali
u r-riżultati prezzjużi li huwa kiseb. Indikaw ukoll ħtieġa
għal koerenza politka msaħħa ma’ oqsma oħra ta’ politika,
kif ukoll bilanċ tematiku u ġeografiku aħjar. Għalhekk
l-Approċċ Globali għandu jirrifletti aħjar l-għanijiet
strateġiċi tal-Unjoni u jittraduċihom fi proposti konkreti
għal djalogu u kooperazzjoni, prinċipalment mal-Viċinat ta’
Nofsinhar u tal-Lvant, l-Afrika, il-pajjiżi tat-tkabbir u ma’ msieħba
strateġiċi oħra. Sabiex
wieħed jaħsad il-frott li jistgħu iħallu
l-benefiċċji ta' migrazzjoni mmaniġjata tajjeb u biex
twieġeb għall-isfidi tat-tibdil fix-xejriet tal-migrazzjoni, l-UE se
jkollha bżonn li tadatta l-qafas tagħha ta' politika. Din
il-Komunikazzjoni qiegħda tressaq Approċċ Globali
għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) imġedded.
1.
Għanijiet ewlenin
L-Approċċ
Globali għandu jsir iżjed strateġiku u iżjed
effiċjenti, b’konnessjonijiet iżjed b’saħħithom u
konformità bejn l-oqsma ta’ politika rilevanti tal-UE u bejn id-dimensjonijet
esterni u interni ta’ dawk il-politki. Il-mobbiltà ta'
ċittaini minn pajjiżi terzi li jgħaddu
mill-fruntieri esterni tal-UE hi ta' importanza strateġika f'dan
ir-rigward. Hija tapplika għal firxa wiesgħa ta’ persuni,
pereżempju viżitaturi fuq perjodu qasir, turisti, studenti,
riċerkaturi, persuni fil-qasam tan-negozju jew membri tal-familja li jkunu
fuq żjara. Għalhekk hu kunċett ferma aktar wiesa'
mill-migrazzjoni. Il-mobilità u l-politika tal-visa huma interkonnessi u
fl-2009 ingħataw madwar 11-il miljun visa mill-Istati Membri li
joħorġu visas ta’ Schengen. Il-politika tal-visa hija strument
influwenti għal politika li tħares 'il quddiem dwar il-mobilità, kif
iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2011[7]. Għalhekk, issa huwa
meħtieġ wieħed jieħu kont komplet tal-konnessjonijiet
diretti bejn il-politika komuni tal-visa għal soġġorni qosra,
il-politiki nazzjonali tal-Istati Membri li jikkonċernaw
soġġorni twal, u l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni.
Din hija raġuni ewlenija sabiex jitwessa’ l-ambitu ta’ dan il-qafas ta’
politika sabiex tiġi inkluża l-mobilità, li b’hekk issir
l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM). Għalhekk,
id-djalogi dwar il-visa eżistenti (u dawk possibbli tal-futur)
imnedija mill-UE għandhom jiġu evalwati bis-sħiħ fil-qafas
usa’ tal-GAMM. Il-mira hija li jiġi żgurat li qabel ma
l-obbligi tal-visa jiġu faċilitati jew imneħħija,
jintlaħaq numru speċifiku ta' punti ta’ referenza mill-pajjiżi
msieħba inkluż f’oqsma bħall-ażil, il-ġestjoni
tal-fruntieri u l-immigrazzjoni irregolari. Dan il-proċess jista’
jiżgura l-mobilità f’ambjent sigur. L-Approċċ
Globali għandu jkun iżjed konness u integrat mal-politiki esterni
tal-UE. L-Approċċ Globali għandu jiġi definit fil-kuntest
l-iżjed wiesgħa possibbli bħala l-qafas sovrastanti
tal-politka tal-migrazzjoni esterna tal-UE, kumplementari ma’
għanijiet differenti u usa’, li jiġu serviti mill-politika estera u
l-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-UE[8].
Sar progress kbir f’din id-direzzjoni sa mill-2005, iżda huma
meħtieġa iżjed sforzi sabiex jintużaw fis-sħiħ
is-sinerġiji potenzjali bejn dawn il-politiki u mal-politika
kummerċjali. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom
jiżviluppaw strateġiji u programmi li jindirizzaw il-migrazzjoni u
l-mobilità, il-politika estera u għanijiet ta’ żvilupp b’mod koerenti
u integrat. Il-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
(SEAE) għandu jiffaċilita l-użu tal-varjetà ta’ politiki u
strumenti fid-dispożizzjoni tal-UE b’mod koerenti. Id-Djalogi dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità
huma l-elementi ewlenin li jmexxu l-GAMM u għandhom jiġu
standardizzati kemm jista’ jkun. Se jitwettqu bħala parti mill-oqsma usa’
għal relazzjonijiet bilaterali u djalogu (pereżempju Sħubijiet
Strateġiċi, Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jew Ftehimiet ta’
Sħubija u ta’ Kooperazzjoni, Kunsilli ta’ Kooperazzjoni Konġunta jew
Sottokumitati ĠLS). Għandu jkun hemm l-għan li jsiru djalogi
kemm minn proċessi reġjonali kif ukoll fuq livell
bilaterali/nazzjonali ma' pajjiżi msieħba ewlenin. Fejn huwa
rilevanti, għandhom isiru skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.
Id-djalogi għandhom ikomplu jibnu fuq tmexxija politika regolari,
permezz ta’ laqgħat bejn uffiċjali ta’ livell għoli u superjuri,
pjanijiet ta’ azzjoni, strumenti ta’ kooperazzjoni u mekkaniżmi ta’
monitoraġġ, fejn rilevanti. Barra dan, għandu jkun hemm
l-għan ukoll li jsiru fuq livell lokali, prinċipalment fil-qafas ta'
politika/djalogu politiku, permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE. L-għan tal-migrazzjoni u l-mobilità
fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li jikkontribwixxu
għall-vitalità u l-kompetittività tal-UE. Il-fatt li jkun hemm
garanzija ta’ ħaddiema adattabbli bis-snajja' meħtieġa li jkunu
jistgħu jlaħħqu mat-tibdil demografiku u ekonomiku li qed
jevolvi tirrappreżenta prijorità strateġika għall-Ewropa.
Hemm ukoll ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effikaċja
tal-politiki li l-mira tagħhom tkun l-integrazzjoni tal-migranti
fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li l-politiki eżistenti
jiġu riveduti u msaħħa billi l-Unjoni qiegħda tħabbat
wiċċha ma’ sfidi urġenti tas-suq tax-xogħol, partikolarment
nuqqasijiet fil-livelli tas-snajja' u nuqqas serju ta’ tqabbil fil-qasam
tax-xogħol. L-istrateġiji tas-suq tax-xogħol
għall-ilħuq ta' ħtiġijiet u l-promozzjoni tal-integrazzjoni
tal-migranti legali, għandhom jiġu diskussi mal-Istati Membri u riflessi
fid-djalogu mal-pajjiżi msieħba fejn jista' jkun hemm interess
reċiproku. Għandu jkun hemm ukoll djalogu mas-settur privat u dawk
li jħaddmu sabiex jinstab għaliex huwa diffiċli li jimtlew
ċerti postijiet vakanti u jiġi esplorat il-potenzjal għal
politika ta' immigrazzjoni legali li tkun ibbażata iżjed fuq
id-domanda. Il-portabbiltà tad-drittijiet soċjali u tal-pensjoni
tista’ wkoll tkun faċilitatur għal mobilità u l-migrazzjoni
ċirkolari, kif ukoll bħala diżinċentiv
għax-xogħol irregolari u għalhekk għandha tittejjeb.
Kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri dwar il-koordinazzjoni
tas-sigurtà soċjali ma’ pajjiżi mhux tal-UE tippromwovi l-progress
f’dan il-qasam. Fl-2012, il-Kummissjoni fi ħsiebha tipproduċi Green
Paper dwar il-politiki meħtieġa biex id-dimensjoni tal-migrazzjoni
ekonomika tiġi integrata effettivament fil-ħsieb strateġiku
tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir. L-edukazzjoni
u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali
sabiex jintegraw b’suċċess il-migranti fis-soċjetà u s-suq
tax-xogħol. Għalhekk il-politiki tat-tagħlim matul il-ħajja
għandhom jiġu kkunsidrati aktar bis-sħiħ fil-kuntest
tal-migrazzjoni u l-mobilità. Rakkomandazzjonijiet ·
L-Approċċ Globali
għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) għandu jiġi kkunsidrat
u promoss bħala l-qafas sovrastanti tal-Politika tal-Migrazzjoni
Esterna tal-UE, fuq bażi ta' sħubija ġenwina ma'
pajjiżi mhux tal-UE u l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' migrazzjoni u
mobilità b'mod komprensiv u bbilanċjat. Il-GAMM għandu
jwieġeb għall-opportunitajiet u l-isfidi li tħabbat
wiċċha magħhom il-politika ta’ migrazzjoni tal-UE, waqt li
fl-istess ħin jappoġġja lill-imsieħba sabiex
jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ migrazzjoni u mobilità tagħhom stess,
fil-kuntest reġjonali u fil-qafas xieraq tagħhom. ·
Il-GAMM għandu jistabbilixxi qafas komprensiv
sabiex jiġġestixxi l-migrazzjoni u l-mobilità ma’ pajjiżi
msieħba b’mod koerenti u ta’ benefiċċju reċiproku permezz
ta’ djalogu ta’ politika u kooperazzjoni prattika mill-qrib. Għandu jkun
inkorporat fil-qafas tal-politika estera ġenerali tal-UE,
inkluża l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, u allinjat tajjeb mal-prijoritajiet
tal-politika interna tal-UE. ·
Il-GAMM għandu jitmexxa mid-Djalogi ta'
Migrazzjoni u Mobilità. Huma jikkostitwixxu l-proċess fundamentali li
bih il-politika ta’ migrazzjoni tal-UE tiġi trasposta fir-relazzjonijiet
esterni tal-UE. L-għan tagħhom huwa l-iskambju ta’ informazzjoni,
l-identifikazzjoni ta’ interessi kondiviżi u l-bini ta’ fiduċja
bħala bażi għal kooperazzjoni operattiva
għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u l-imsieħeb/imsieħba
tagħha. ·
Il-GAMM għandu jiġi implimentat b’mod
konġunt mill-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni
Esterna (SEAE), inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, u l-Istati Membri
tal-UE, skont il-kompetenzi istituzzjonali rispettivi.
2.
Prijoritajiet tematiċi
Il-kuntatti bejn il-persuni permezz tal-edukazzjoni
u t-taħriġ, il-kummerċ u n-negozju, l-iskambji kulturali,
it-turiżmu jew il-membri ta’ familji fuq żjara minn fruntiera
għall-oħra, jiffurmaw parti essenzjali mid-dinja tal-lum.
Il-governanza tajba tal-migrazzjoni u l-mobilità ta' ċittadini ta'
pajjiżi terzi tista’ toħloq valur fuq bażi ta' kuljum
għall-iżvilupp ta' miljuni ta' persuni, iżżid
il-kompetittività tal-UE u tarrikkixxi s-soċjetajiet Ewropej. Dan
jagħmel l-Approċċ Globali interess strateġiku ewlieni
tal-UE u l-Istati Membri tagħha. B’suq tax-xogħol dejjem iżjed
globali għal dawk tas-sengħa, diġà teżisti kompetizzjoni
b'saħħitha għat-talenti. Id-djalogu u l-kooperazzjoni
mal-pajjiżi mhux tal-UE għandhom ukoll ipoġġu l-migrazzjoni
u l-mobilità fil-perspettiva tal-ħtieġa taż-żamma ta’
movimenti ordnati. Mingħajr kontrolli li jaħdmu tajjeb fuq
il-fruntieri u livelli mnaqqsa ta’ migrazzjoni irregolari u politika ta'
ritorn effettiv, ma jkunx possibbli għall-UE li toffri iżjed
opportunitajiet għal migrazzjoni u mobilità legali. Il-leġittimazzjoni
ta’ kwalunkwe qafas ta’ politika tiddependi fuq dawn. Il-benesseri tal-migranti
u l-integrazzjoni li tirnexxi jiddependu l-aktar fuqhom. L-UE se
ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipprevjeni u tnaqqas
it-traffikar tal-bnedmin. Se tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-fruntieri
esterni tagħha fuq il-bażi ta’ responsabbiltà komuni, is-solidarjetà
u iżjed kooperazzjoni prattika. Se ssaħħaħ ukoll
il-kooperazzjoni operattiva tagħha li għandha l-mira li tibni l-kapaċitajiet
mal-pajjiżi msieħba tagħha. L-UE u l-Istati Membri tagħha
għandhom ukoll ikunu fost dawk minn ta’ quddiem fil-promozzjoni
tal-kondiviżjoni tar-responsabilità globali bbażata fuq
il-Konvenzjoni tar-Refuġjati ta’ Ġinevra, u b’kooperazzjoni mill-qrib
mal-UNHCR, aġenziji rilevanti oħra u pajjiżi mhux tal-UE. L-UE
diġà hija impenjata b’mod attiv fl-appoġġ tal-protezzjoni
internazzjonali iżda d-dimensjoni esterna tal-ażil
għandha tingħata viżibilita ogħla fl-interazzjoni
mal-imsieħba tagħha. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill
issottolinejaw ukoll l-impenn għat-tisħiħ tad-dimensjoni esterna
tal-politika tal-ażil tal-UE, u enfasizzaw l-importanza tal-Programmi ta’
Protezzjoni Reġjonali (RPPs) f’dan ir-rigward[9]. Il-governanza tajba tal-migrazzjoni se
ġġib ukoll benefiċċji kbar ta’ żvilupp.
L-evidenza turi li l-familji tal-migranti jistgħu jżidu l-benesseri
tagħhom grazzi għal opportunitajiet barra mill-pajjiż sabiex
jakkwistaw ħiliet ġodda u esperjenza tax-xogħol. Il-migrazzjoni
u l-mobilità jistgħu jħeġġu wkoll iżjed investiment
dirett barrani u konnessjonijiet kummerċjali, b’mod speċjali meta
wieħed jikkunsidra r-rwol tal-komunitajiet tad-dijaspora. Huwa
għalhekk fl-interess tal-pajjiżi sorsi tal-migranti, kif ukoll
il-pajjiżi tad-destinazzjoni, li jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw
benefiċċji massimi ta’ żvilupp mit-trasferiment tar-rimessi,
l-għarfien u l-innovazzjonijiet. Waqt li l-potenzjal tal-migranti li
jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-pajjiż tal-oriġini
tagħhom għandu jiġi rikonoxxut bis-sħiħ u assistit
b’medda wiesgħa ta’ miżuri, għandhom isiru sforzi kontra
l-eżodu ta' mħuħ, il-ħela ta' mħuħ u
l-promozzjoni ta' ċirkolazzjoni ta' mħuħ. Dawn l-erba' temi
il-migrazzjoni u l-mobilità legali, l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar
tal-bnedmin, il-protezzjoni internazzjonali u l-politika tal-ażil, u l-massimizzazzjoni
tal-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u l-mobilità
għandhom ikunu koperti taħt l-eba' pilastri tal-GAMM. Jekk
l-UE se timpenja ruħha b’mod iżjed sistematiku
fil-faċilitazzjoni u l-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità,
dan l-aspett tal-aħħar għandu jkun viżibbli fil-pilastri
dwar il-migrazzjoni legali u dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp.
L-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin huwa ta’ importanza ewlenija u
għandu jkun dimensjoni viżibbli tal-pilastru dwar il-migrazzjoni
irregolari. L-għan tat-tnedija ta’ approċċ komprensiv
taħt il-GAMM jiġġustifika ż-żieda tal-profil tal-protezzjoni
internazzjonali u l-ażil bħala waħda mill-pilastri. Il-GAMM għandu wkoll ikun
iċċentrat fuq il-migranti. Fil-qosor, il-governanza
tal-migrazzjoni mhijiex dwar 'flussi', 'stokkijiet' u 'rotot', hija dwar
il-persuni. Sabiex ikunu rilevanti, effikaċi u sostenibbli, il-politiki
għandhom jiġu mfassla sabiex iwieġbu għall-aspirazzjonijiet
u l-problemi tal-persuni kkonċernati. Ghalhekk, il-migranti għandhom
jingħataw is-setgħa billi jiksbu l-informazzjoni kollha
meħtieġa dwar l-opportunitajiet, id-drittijiet u l-obbligi
tagħhom. Il-Kummissjoni waqqfet il-Portal tal-UE
għall-Immigrazzjoni sabiex tipprovdi informazzjoni bħal din
flimkien ma’ miżuri oħra. Id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti
hija dimensjoni trażversali, ta' rilevanza għall-erbgħa pilastri
fil-GAMM. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-protezzjoni
u l-għoti ta’ setgħat lill-migranti vulnerabbli,
bħall-minuri mhux akkumpanjati, dawk li jfittxu l-ażil, persuni
mingħajr stat u vittmi tat-traffikar. Ħafna drabi din hija wkoll
prijorità għall-pajjiżi ta’ sors ta’ migranti. Ir-rispett
għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija komponent ewlieni
tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni. L-impatt fuq id-drittijiet
fundamentali ta’ inizjattivi meħuda fil-kuntest tal-GAMM għandhom
jiġu evalwati b'mod eżawrjenti. Jeħtieġ li jsir iżjed
sabiex jiġi spjegat il-qafas legali tal-UE, inkluża d-Direttiva
l-ġdida dwar il-Permess Uniku, lill-imsieħba tal-UE u l-migranti. L-approċċ iċċentrat fuq
il-migranti għandu jiġi artikolat u implimentat permezz ta’ djalogu
msaħħaħ mad-dijaspora, gruppi ta’ migranti u
organizzazzjonijiet rilevanti. Dan id-djalogu għandu jinkludi
kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem relatati mal-migranti fl-UE u, b'mod
partikolari, fil-pajjiżi mhux tal-UE. Fejn xieraq, il-kooperazzjoni dwar
din it-tema għandha tiġi semplifikata bid-djalogu u l-kooperazzjoni
dwar l-erba’ pilastri kollha tal-GAMM. Finalment, il-Programm ta’ Stokkolma
rrikonoxxa t-tibdil fil-klima bħala sfida globali li dejjem
iżjed qiegħda toħloq migrazzjoni u spostament u stieden
lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta analiżi ta’ dan il-fenomenu, lil
hinn mill-effetti potenzjali tiegħu fuq l-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea
biss. L-indirizzar tal-migrazzjoni maħluqa mill-ambjent, inkluż
b’mezzi ta’ adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil
fil-klima, għandu jiġi kkunsidrat bħala parti
mill-Approċċ Globali. Rakkomandazzjonijiet ·
Il-GAMM għandu jkun ibbażat fuq erba’
pilastri tal-istess importanza: (1) l-organizzazzjoni
u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità legali; (2) il-prevenzjoni
u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin; (3) il-promozzjoni
tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika
tal-ażil; (4) il-massimizzazzjoni
tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità. ·
Il-GAMM għandu jkun iċċentrat fuq
il-migrazzjoni. Għandu jintuża fuq il-prinċipju li l-migrant
huwa fiċ-ċentru tal-analiżi u l-azzjoni kollha u għandu
jingħata s-setgħa li jikseb aċċess għal mobilità
sigura. ·
Id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti huma
kwistjoni trażversali fil-GAMM, billi din id-dimensjoni hija rilevanti
għall-erba’ pilastri kollha. Il-GAMM għandu jsaħħaħ
ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem
tal-migranti fil-pajjiżi tas-sors, it-tranżitu u d-destinazzjoni
bl-istess mod.
3.
Prijoritajiet ġeografiċi
L-Approċċ Globali m’għandux
jiġi ristrett ġeografikament. Huwa approċċ ġenerali
u metodu. Dak li se jkun differenti madwar ir-reġjuni hija
l-intensità u l-grad li fihom jiġi applikat l-approċċ u
t-taħlita ta’ strumenti użati. L-UE għandha tiżgura
approċċ koerenti fl-użu ta’ dawk l-istrumenti skont l-għanijiet
tagħha u b’konsistenza mad-djalogu politiku ġenerali tagħha
mal-pajjiżi mhux tal-UE. Il-prinċipju tad-differenzjazzjoni
jfisser li l-UE se tfittex kooperazzjoni eqreb ma’ dawk l-imsieħba li
għandhom l-istess interessi ma’ u huma lesti li jieħdu impenji
reċiproċi mal-UE u l-Istati Membri tagħha. L-inizjattivi ġodda
se jiġu evalwati fid-dawl tal-prijoritajiet reġjonali u bilaterali
attwali tal-UE. Djalogi
reġjonali Maż-żmien, tfaċċa numru
kbir ta’ djalogi reġjonali u subreġjonali u proċessi
ta’ kooperazzjoni. Xi wħud minnhom bdew mingħajr
konnessjoni diretta mal-UE iżda gradwalment kibru sabiex kisbu dimensjoni
tal-UE. Oħrajn jinvolvu biss numru limitat ħafna ta’ Stati Membri
tal-UE. Hemm sovrappożizzjoni bejn xi wħud minn dawn
il-proċessi. Dan mhuwiex sostenibbli, minn perspettiva politika,
finanzjarja u dik tar-riżorsi umani. Hemm ħtieġa għal definizzjoni
aħjar tal-prijoritajiet ġeografiċi, b’konformità
mal-politika estera ġenerali tal-UE u mar-realtà tat-tendenzi migratorji
lejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. L-ewwel prijorità għandha tkun il-Viċinat
tal-UE, prinċipalment in-Nofsinhar tal-Mediterran[10] u s-Sħubija
tal-Lvant (EAP)[11],
fejn id-dimensjonijiet tal-migrazzjoni u l-mobilità huma minsuġa mill-qrib
mal-kooperazzjoni politika, ekonomika, soċjali u ta’ sigurtà iżjed
wiesgħa, fejn saru djalogi kemm fil-kuntest reġjonali kif ukoll fuq
il-livell bilaterali. L-għan għandu jkun li b’mod sistematiku jsir
progress lejn sħubijiet b’saħħithom u mill-qrib
mibnija fuq il-fiduċja reċiproka u interessi kondiviżi, sabiex
iwittu t-triq għal iżjed integrazzjoni reġjonali. It-tieni nett, meta wieħed iħares
lejn proċessi ta’ djalogi dwar il-migrazzjoni b'miri iżjed
speċifiċi, b'ambitu ġeografiku usa', fin-nofsinhar tal-UE
l-prijorità għandha tingħata lis-Sħubija Strateġika
EU-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Impjiegi[12]. Lejn il-Lvant il-prijorità
ewlenija għandha tkun il-proċess ta’ Praga[13]. Jeħtieġ li dawn
iż-żewġ proċessi jiġu kkonsolidati iżjed
bħala l-oqfsa reġjonali ewlenija għad-djalogu tal-GAMM.
Dan għandu jiġi faċilitat permezz ta’ programmi xierqa ta’
appoġġ. It-tielt, dawn il-proċessi reġjonali
se jiġu ssupplimentati bi proċessi subreġjonali
eżistenti u speċifiċi li għandhom jiġu allinjati
kemm jista’ jkun mal-oqfsa globali. Fin-Nofsinhar, dan jikkonċerna l-proċess
ta’ Rabat[14]
(għall-Afrika tal-Punent) u qafas subreġjonali possibbli fil-Qarn
tal-Afrika/l-Afrika tal-Lvant (għandu jiġi esplorat iżjed).
Fil-Lvant, hemm ħtieġa li tiġi indirizzata
s-sovrappożizzjoni bejn il-Proċessi ta' Praga u Budapest[15], sabiex isiru
ġeografikament iżjed komplementari. Wara l-inizjattiva tal-2010
tal-Presidenza Turka li tinkludi l-pajjiżi tar-Rotot tal-Ħarir
fil-Proċess ta’ Budapest, din kisbet iżjed rilevanza għall-UE
bħala pjattaforma unika għal djalogu informali mal-pajjiżi
ewlenin ta’ oriġini u tranżitu. Iffukar mill-ġdid li jiġi ppjanat
tajjeb tal-attivitajiet kollha taħt dan il-proċess lejn ir-Rotot
tal-Ħarir u possibilment pajjiżi Asjatiċi oħra għandu
jkun opportun. Finalment, id-djalogu dwar il-migrazzjoni bejn
l-UE u l-pajjiżi tal-grupp Afrikan, tal-Karibew u l-Paċifiku (id-djalogu
AKP-UE) se jiġi intensifikat, b'iffukar fuq it-tisħiħ
tal-aspetti operattivi tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tal-Ftehim ta'
Kooperazzjoni ta' Cotonou. Id-djalogu dwar il-migrazzjoni bejn l-UE u l-Amerika
Latina u r-reġjun tal-Karibew (id-djalogu UE-ALK) huwa proċess
iżjed reċenti li jeħtieġ li jitkompla sabiex jipprovdi
għal reġjun li dejjem qed isir iżjed importanti. Il-modi kif
jitwaqqaf forum ibbażat fi Brussell għandhom jiġu esplorati bl-għan
li d-djalogu dwar il-migrazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi Asjatiċi
rilevanti isir iżjed effettiv u komprensiv billi d-djalogu UE-Asja fuq
il-migrazzjoni mistenni li jsir dejjem iżjed importanti. Djalogi
bilaterali It-tkabbir tal-UE għadu mogħdija
separata, fejn proċess impenjat jgħin pajjiżi kandidati u pajjiżi
kandidati potenzjali sabiex jadattaw il-politiki nazzjonali u l-oqfsa
leġiżlattivi tagħhom għall-acquis tal-UE. It-Turkija
u l-Balkani tal-Punent qegħdin jiżviluppaw sħubijiet
mill-qrib u kooperazzjoni mal-UE dwar il-migrazzjoni u l-mobilità . Id-djalogi
dwar il-migrazzjoni u kwistjonijiet ta’ mobilità ma’ dawn il-pajjiżi
diġà huma intensi u se jibqgħu hekk saż-żmien effettiv
tal-adeżjoni. Ir-Russja hi
imsieħba ewlenija għall-UE. Dan l-aħħar sar progress kbir
fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità billi ġiet stabbilit id-Djalogu
dwar il-Migrazzjoni UE-Russja u l-identifikazzjoni tal-Passi Komuni fil-qafas
tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li
ssaħħaħ id-djalogu dwar il-migrazzjoni u l-mobilità u
l-kooperazzjoni operattiva ma' ekonomiji globali/reġjonali kbar fil-Lvant
(l-Indja u ċ-Ċina) u fin-nofsinhar (in-Niġerja u
l-Afrika t’Isfel), kif ukoll ma' pajjiżi oħra
fil-fażi ta' żvilupp li magħhom l-UE taqsam interess
reċiproku, meta dan jiġi kkunsiddrat fattibbli. Id-djalogu ma’ pajjiżi industrijali,
bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja, se jkompli jiffoka fuq
skambji ta’ informazzjoni dwar prijoritajiet u strateġiji komuni relatati
mal-governanza globali tal-migrazzjoni u l-mobilità. L-Approċċ Globali għandu wkoll
ikabbar iżjed l-ambitu u l-pertinenza ġeografika tiegħu.
Għalhekk, għandu jiffoka mhux biss fuq il-migrazzjoni fl-UE,
iżda għandu jindirizza wkoll il-migrazzjoni u l-mobilità interreġjonali
u intrareġjonali f’partijiet oħra tad-dinja fejn rilevanti.
Waqt li mhux neċessarjament qiegħed ikollha impatt fuq l-UE, din
id-dimensjoni madankollu tista' tkun rilevanti ħafna għal xi
wħud mill-imsieħba tal-UE u, għalhekk, għad-djalogu
politiku ġenerali u l-kooperazzjoni tagħna ma’ pajjiżi bħal
dawn. L-Approċċ Globali jipprovdi wkoll
qafas xieraq sabiex jiġi indirizzat ir-rwol tal-UE fil-governanza
globali tal-migrazzjoni u l-mobilità. L-Approċċ Globali
jippermetti lill-UE li jkollha vuċi waħda dwar kwistjonijiet ta'
migrazzjoni u mobilità fuq livell globali, b’mod partikolari fil-Forum Globali
dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (GFDM), waqt li qed jibda jibni alleanzi
wiesgħin lejn id-Djalogu ta’ Livell Għoli tan-NU fl-2013 u iktar
tard. Rakkomandazzjonijiet ·
Il-GAMM għandu jkun tassew globali.
Id-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni għandhom
jiġu segwiti madwar id-dinja mal-imsieħba interessati u rilevanti
kollha fuq il-bażi tal-prijoritajiet rispettivi tal-UE. ·
Il-GAMM għandu jibqa’ ffukat
bis-sħiħ fuq il-proċessi ta’ djalogu reġjonali.
Huma għandhom l-għan li jtejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn
il-pajjiżi tal-oriġini, it-tranżitu u d-destinazzjoni, billi
jkopru l-kwistjonijiet u t-temi kollha rilevanti b’mod reċiproku fil-qasam
tal-migrazzjoni u l-mobilità. Waqt li l-Viċinat tal-UE għadha
prijorità ewlenija u usa’, il-qafas reġjonali kumplessiv lejn in-Nofsinhar
għandu jkun is-sħubija Afrika-UE. Lejn il-Lvant għandu
jkun il-proċess ta’ Praga. Proċessi subreġjonali
oħra għandhom jiġu allinjati u semplifikati skont il-każ. ·
Fuq livell bilaterali, il-GAMM għandu jiffoka
fuq numru relattivament limitat ta’ msieħba ewlenin. Dawn id-djalogi
bilaterali jikkumplimentaw il-proċessi reġjonali u, fejn
possibbli, għandhom ikunu konnessi ma’ ftehimiet li jkopru l-ispettru
kollu ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiż ikkonċernat. ·
Il-GAMM huwa miftuħ ukoll
għall-possibbiltà li jindirizza l-migrazzjoni u l-mobilità
intrareġjonali f’partijiet oħra tad-dinja meta jiġi
identifikat fid-djalogu bħala rilevanti għall-ksib tal-għanijiet
stabbiliti. Il-GAMM għandu jippermetti wkoll li l-UE timxi lejn rwol
iżjed attiv fil-governanza globali tal-migrazzjoni.
4.
Mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni
Sa mill-2005
ġew iffinanzjati madwar 300 proġett relatati mal-migrazzjoni
f’pajjiżi mhux tal-UE taħt diversi strumenti finanzjarji
tematiċi u ġeografiċi tal-Kummissjoni Ewropea, li jammontaw
għal valur ta’ EUR 800 miljun. Dawn il-proġetti jinkludu
inizjattivi konġunti kbar bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji
tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni
(OIM) jew iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp ta'
Politika tal-Migrazzjoni (ICMPD) li jindirizzaw medda wiesgħa ta'
kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni internazzjonali. Xi eżempji jinkludu
ċ-Ċentri ta' Servizz u Riżorsi għall-Migranti fil-Balkani tal-Punent
u l-Asja, l-Osservatorju tal-AKP dwar il-Migrazzjoni, il-Programmi ta’
Protezzjoni Reġjonali (RPPs) fl-Afrika u l-Ewropa tal-Lvant, kif ukoll
ħafna proġetti li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta'
Sħubijiet ta' Mobilità fl-Ewropa tal-Lvant (il-Moldova u
l-Ġeorġja) u l-Afrika (il-Kap Verde). Fl-imgħoddi, l-Approċċ Globali
kien jistrieħ prinċipalment għal xi ftit għodod
speċifiċi: a) profili ta’ migrazzjoni, li issa jiġu applikati
mad-dinja kollha f’iżjed minn 70 pajjiż, b) missjonijiet ta'
migrazzjoni, li saru għal 17-il pajjiż mhux tal-UE, c) pjattaformi
ta' kooperazzjoni, stabbiliti għal perjodu limitat fl-Etjopja, u d)
Sħubijiet ta’ Mobilità, li tnedew mal-Moldova, il-Kap Verde, u
l-Ġeorġja u iżjed reċentement mal-Armenja. Dawn ġew
żviluppati gradwalment, iżda r-rilevanza u l-importanza tagħhom
mhijiex uniformi u ma għandhom l-ebda interrelazzjoni loġika
ċara. Madankollu,
il-politika ta’ migrazzjoni esterna tal-UE tibni wkoll fuq
leġiżlazzjoni u strumenti legali tal-UE (sa issa, disa’
faċilitazzjonijiet ta’ visa u tlettax-il ftehim ta’ ammissjoni
mill-ġdid fl-UE u seba’ Direttivi dwar il-migrazzjoni legali u
irregolari), strumenti politiċi (numru kbir ta’ djalogi ta’
politika, ħafna drabi sostnuti minn pjanijiet ta’ azzjoni), appoġġ
operattiv u bini ta’ kapaċitajiet (inkluż permezz
tal-aġenziji tal-UE bħal FRONTEX, EASO u ETF u faċilitajiet ta’
assistenza teknika bħall-MIEUX u TAIEX)[16]
u l-medda wiesgħa ta’ appoġġ ta programmi u proġetti
li hija magħmula disponibbli għal ħafna partijiet interessati,
inklużi s-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet u
l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-GAMM huwa
bbażat fuq dan l-ispettru sħiħ ta’
għodod u strumenti, li għandhom jiġu applikati b’mod
strutturat u sistematiku. Dan se jsir permezz ta’ oqfsa ta’ sħubija bilaterali
mfassla apposta li se jiġu negozjati bejn l-UE u kull wieħed
mill-pajjiżi prijoritarji kkonċernati. L-ewwel wieħed minn dawn l-oqfsa huwa l-Isħubija
għall-Mobilità (MP). L-MP qiegħda lil hinn mill-fażi pilota
tagħha u għandha tiġi aġġornata u promossa bħala
l-qafas ewlieni għal kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità
bejn l-UE u l-imsieħba tagħha, b’iffukar primarju fuq il-pajjiżi
fil-Viċinat tal-UE. Il-proposta li tiġi negozjata MP
għandha tiġi ppreżentata ladarba jkun intlaħaq ċertu livell
ta’ progress fid-djalogi dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, b’kunsiderazzjoni
wkoll tal-kuntest ekonomiku, politiku u ta’ sigurtà usa’. L-MP
jipprovdi l-qafas komprensiv sabiex jiżgura li l-movimenti ta’ persuni
bejn l-UE u pajjiż imsieħeb jiġu amministrati tajjeb. L-MP
jlaqqa’ flimkien il-miżuri kollha sabiex jiżgura li l-migrazzjoni u
l-mobilità jkunu ta’ benefiċċju reċiproku għall-UE u
l-imsieħba tagħha, inklużi opportunitajiet għal iżjed
mobilità fil-qasam tax-xogħol. L-MP
hija mfassla apposta għall-interessi u t-tħassib kondiviżi
tal-pajjiż imsieħeb u l-parteċipanti tal-UE. L-MP imġedda
toffri faċilitazzjoni ta’ visa bbażata fuq ftehim ta’ ammissjoni
mill-ġdid negozjat b’mod simultanju. Approċċ ta’ ‘iżjed
għal iżjed’, li jimplika element ta’ kundizzjonalità, għandu
jkompli jiġi applikat bħala mod kif tiżdied it-trasparenza u
jitħaffef il-progress lejn il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet.
Pakkett ta’ appoġġ ta’ daqs proporzjonali mmirat lejn il-bini ta'
kapaċitajiet, l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni fl-oqsma
kollha ta' interess kondiviż għandu jiġi offrut mill-UE u
mill-Istati Membri fuq bażi volontarja. L-MP
se jgħin sabiex jiġi żgurat li jkunu twaqqfu l-kundizzjonijiet
meħtieġa għal migrazzjoni u mobilità ġestiti
tajjeb. Bil-kundizzjoni li jiġu implimentati b'mod effikaċi
strumenti legali (ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-visa u l-ammissjoni
mill-ġdid) u strumenti politiċi (djalogu dwar il-politika u pjanijiet
ta' azzjoni), l-UE għandha tkun kapaċi li tikkunsidra t-teħid
ta’ passi gradwali u kundizzjonali li jwasslu għal-liberalizzazzjoni
tal-visa għal pajjiżi msieħba individwali fuq bażi ta'
każ b'każ, billi tikkunsidra r-relazzjoni ġenerali
mal-pajjiż imsieħeb ikkonċernat. It-tieni qafas alternattiv jista’ jkun
l-Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM). Il-CAMM
hija opzjoni vijabbli għall-pajiżi msieħba u għall-UE u
l-Istati Membri tagħha f’każijiet fejn iż-żewġ
naħat iridu jistabbilixxu livell avvanzat ta’ kooperazzjoni, iżda
fejn naħa jew oħra ma tkunx lesta li tidħol fil-grupp
sħiħ ta’ obbligi u impenji. Bħall-MP, il-CAMM għandha
tistabbilixxi numru ta' rakkomandazzjonijiet, miri u impenji komuni għal
djalogu u kooperazzjoni u għandha tinkludi pakkett ta' miżuri
speċifiċi ta’ appoġġ offruti mill-UE u l-Istati Membri interessati.
Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, l-Aġenda Komuni tista'
tiġi aġġornata għal Sħubija għall-Mobilità fi
stadju iktar tard. Iż-żewġ oqfsa għandhom
jiġu stabbiliti permezz ta’ dikjarazzjoni politika konġunta bejn, fuq
naħa waħda, l-UE u l-Istati Membri interessati, u fuq in-naħa
l-oħra l-pajjiż imsieħeb. It-tnejn li huma huma bbażati fuq
impenji reċiproċi, waqt li formalment jibqgħu ma jorbtux. Rakkomandazzjonijiet ·
Il-GAMM għandu jiġi appoġġjat
minn grupp estensiv ta’ għodod u żewġ oqfsa ta’
sħubija, applikati b’mod flessibbli u mfassla apposta
skont id-djalogu ġenerali bejn l-UE u l-pajjiż mhux tal-UE u fuq
l-interessi tal-UE kif ukoll fuq l-interessi u l-ħtiġijiet
tal-imsieħeb tagħha. ·
Is-Sħubija għall-Mobilità (MP) għandha tinbena b’mod ibbilanċjat madwar l-erba’ pilastri
kollha tal-GAMM, prinċipalment b’impenji għal ftehimiet dwar
il-mobilità, il-faċilitazzjoni tal-visa u l-ammissjoni mill-ġdid.
Tista’ tinkludi wkoll, fejn xieraq, konnessjonijiet ma’ tħassib usa' dwar
is-sigurtà. Il-kooperazzjoni se tiġi appoġġjata minn pakkett ta’
appoġġ immirat sabiex jibni l-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni
fl-oqsma kollha ta’ interess kondiviż. ·
L-Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u
l-Mobilità (CAMM) għandha tiġi introdotta bħala qafas
alternattiv sabiex jintlaħaq qbil dwar rakkomandazzjonijiet, miri u
impenji komuni ma’ msieħba f’kull waħda mill-pilastri tematiċi
tal-GAMM. Id-differenza fundamentali mill-MP hija li dan il-qafas ma
għandux neċessarjament jeħtieġ li jinnegozja ftehimiet ta’
faċilitazzjoni tal-visa u ammissjoni mill-ġdid. Jekk
iż-żewġ partijiet jaqblu, l-Aġenda Komuni tista' tiġi
aġġornata għal Sħubija għall-Mobilità fi stadju iktar
tard. ·
L-għodod li ġejjin jistgħu jiġu
applikati fl-istadji differenti ta’ djalogu u kooperazzjoni operattiva
mal-imsieħba tal-UE, u se jsibu posthom fl-oqfsa MP/CAMM: (1) Għodod
ta’ għarfien, inklużi profili dwar il-migrazzjoni,
strumenti ta’ immappjar, studji, rapporti statistiċi, evalwazzjonijiet
tal-impatt u missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti; (2) Għodod
ta’ djalogu, inklużi missjonijiet, seminars u konferenzi dwar
il-migrazzjoni; (3) Għodod
ta’ kooperazzjoni, inklużi bini ta’ kapaċitajiet,
pjattaformi ta’ kooperazzjoni, skambji ta’ esperti, ġemellaġġ,
kooperazzjoni operattiva u proġetti u programmi mmirati.
5.
Prijoritajiet operattivi
L-għan tad-djalogu u l-kooperazzjoni
tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi mhux tal-UE għandu jkun immirat lejn
l-implimentazzjoni ta’ serje ta’ azzjonijiet ta' prijorità f’kull waħda
mill-erba’ pilastri tal-GAMM. Kull waħda mill-attivitajiet operattivi
għandha tkun konformi mal-prijoritajiet ġeografiċi tal-UE u
sakemm rilevanti tagħti prijorità lill-pajjiżi msieħba ewlenin
tal-UE. L-ewwel pilastru: L-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni legali u
l-mobilità Il-politika Ewropea dwar l-organizzazzjoni u
l-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità legali fi ħdan il-GAMM
hi bbażata fuq il-premess li l-impjegaturi jiġu offruti
opportunitajiet usa' biex isibu l-aħjar individwi għall-postijiet
vakanti fis-suq tax-xogħol globali. Bl-istess mod tfittex li torrfi
possibilitajiet Ewropej ta' xogħol għal nies mogħnijiet b'talent
minn madwar id-dinja, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ
il-kompetenza tal-Istati Membri biex jimmaniġġjaw is-swieq
tax-xogħol tagħhom. Id-djalogu u l-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea
mal-pajjiżi mhux tal-UE għandhom jirriflettu
l-leġiżlazzjoni li qiegħda tevolvi tal-UE dwar il-migrazzjoni
legali bl-għan li jiġi pprovdut aċċess akbar għal
informazzjoni dwar drittijiet u opportunitajiet. Għandhom jiġu
kkunsidrati l-opinjonijiet u t-tħassib tal-pajjiżi msieħba u
jiġu identifikati interessi kondiviżi. Id-domanda għal
ħiliet fl-UE għandha tkun qasam fejn ikunu jistgħu jiġu
esplorati kumplementaritajiet possibbli ma’ pajjiżi msieħba
prijoritarji. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar
ir-residenti għal perjodu twil, ir-riunifikazzjoni ta’ familji,
l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persuni bi kwalifiki għolja
armonizzat kundizzjonijiet għal ammissjoni u d-drittijiet tal-migranti
f’ċerti oqsma ewlenin, waqt li l-Istati Membri jżommu d-dritt li
jiddeċiedu fuq in-numri ta’ migranti li huma jaħtru
għax-xogħol. Id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE hija
l-ewwel tweġiba diretta tal-UE għal nuqqasijiet ta’ ħaddiema
tas-sengħa. Id-Direttivi dwar il-ħaddiema
staġjonali u dwar it-trasferimenti intrakorporattivi, it-tnejn
li huma ta’ rilevanza diretta għas-suq tax-xogħol, qed jiġu
nnegozjati mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Huma għandhom
jintroduċu proċedura komuni, semplifikata u iżjed rapida.
Il-proposta dwar il-ħaddiema staġjunali tinkludi wkoll il-protezzjoni
minn sfruttament u hija ta’ rilevanza għal ħafna pajjiżi
msieħba, b’mod speċjali fl-agrikoltura u t-turiżmu. Il-mira
tat-tieni proposta hija li, taħt ċerti kundizzjonijiet, tippermetti
lill-kumpaniji stabbiliti barra mill-UE li jittrasferixxu temporanjament
maniġers, speċjalisti u l-gradwati li jkunu qegħdin
jitħarġu minn pajjiżi mhux tal-UE lejn l-entitajiet u
impriżi konnessi tagħhom fl-Istati Membri. Id-Direttiva dwar il-Permess Uniku, li
mistennija tiġi adottata dalwaqt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, se
ġġib semplifikazzjoni billi twaqqaf proċedura unika u permess
uniku. Hija tiddefinixxi lista ta’ oqsma fejn, irrispettivament mir-raġuni
tal-bidu tagħhom għal ammissjoni, iċ-ċittadini kollha mhux
tal-UE li jkunu residenti u qegħdin jaħdmu legalment se
jingħataw l-istes trattament taċ-ċittadini. Xi
reviżjonijiet possibbli tad-Direttivi dwar ir-riċerkaturi u
l-istudenti jistgħu jiffaċilitaw iżjed l-ammissjoni,
ir-residenza u l-mobilità intra-UE ta’ dawn il-gruppi għall-preservazzjoni
tal-kapiċità ta' innovazzjoni u l-kompetittività tal-UE tal-ġejjieni. Permezz tad-djalogu mal-imsieħba
tagħha, l-UE se tispjega dan il-qafas legali bl-għan li
tiffaċilita l-applikazzjoni. Barra dan, il-Portal tal-UE
għall-Immigrazzjoni tnieda bħala għodda onlajn
għaċ-ċittadini mhux tal-UE interessati li jitgħallmu dwar
opportunitajiet u l-proċeduri meħtieġa sabiex jittrasferixxu
ruħhom fl-UE u għal dawk li diġà qegħdin fl-UE li jkunu
jixtiequ jittrasferixxu ruħhom minn Stat Membru wieħed
għall-ieħor. Fejn ikun rilevanti, dan is-sors ta’ informazzjoni
għandu jiġi kkombinat ma’ miżuri ta’ qabel it-tluq
li jiffokaw fuq l-aġġornament tal-ħiliet u l-kapaċità
fil-lingwi tal-UE. L-integrazzjoni effikaċi, b’mod
partikolari fis-suq tax-xogħol, hija l-muftieħ sabiex jiġi
żgurat li kemm is-soċjetà tal-migranti kif ukoll dik riċeventi
jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-potenzjal tal-migrazzjoni, inkluż
permezz ta’ komunitajiet ta’ dijaspora u imprendituri migranti.
Il-Komunikazzjoni dwar l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni
taċ-Ċittadini tal-Pajjiżi Terzi [17]tissuġġerixxi
approċċi u oqsma ġodda għal azzjoni. Id-djalogu
mal-imsieħba tal-UE għandu jesplora iżjed ir-rwol
tal-komunitajiet ta’ dijaspora u n-netwerk transnazzjonali f’dan il-kuntest,
pereżempju fil-preparazzjoni aħjar tal-migranti għal residenza
fl-Istati Membri. L-Istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza
l-ħtieġa għal sforzi speċjali sabiex tattira migranti
tas-sengħa fil-kompetizzjoni globali għal talent, kif ukoll sabiex
iżżid l-integrazzjoni ta’ persuni b’passat ta’ migranti
fis-soċjetajiet Ewropej. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi
jappellaw lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-attenzjoni meħtieġa
lill-integrazzjoni tal-migranti fis-swieq tax-xogħol tal-UE, billi
jipprovdu qafas għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u
l-koordinazzjoni ta' politiki dwar l-impjiegi. Waqt li n-netwerk EURES
tipprovdi informazzjoni fuq il-postijiet vakanti, is-Servizz Pubbliku
tal-Impjiegi ukoll għandhom rwol importanti billi jiffaċilitaw
l-aċċess għall-impjiegi għall-ħaddiema mobbli u
dawk migranti. Il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) jipprovdi
appoġġ u għajnuna finanzjarji sabiex iżid
il-parteċipazzjoni tal-migranti fl-impjiegi. Barra dan, qiegħda ssir enfażi
partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tantiċipa
s-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa. Il-Monitoraġġ
tal-Postijiet Vakanti fl-Ewropa se jiġi ssuplimentat fl-2012 mill-Panorama
tal-Ħiliet tal-UE, billi jipprovdi l-previżjonijiet
aġġornati tal-provvista tal-ħiliet u l-ħtiġijiet
tas-suq tax-xogħol sal-2020. Fil-qasam tal-validazzjoni tad-diplomi,
il-kwalifiki u l-ħiliet, id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali hija
strument ewlieni għall-mobilità intra-UE, li tapplika wkoll għal
diplomi li mhumiex tal-UE. Sadanittant, il-kwalifiki żejda jew
il-“ħela tal-imħuħ” hija problema mxerrda u serja fost
il-ħaddiema migranti mhux tal-UE li jeħtieġ jiġu
infirizzati. Għal dak li jirrigwarda l-portabilità
tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, ir-regoli tal-UE dwar
il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jneħħu
l-iżvantaġġi għall-persuni u jipproteġu d-drittijiet
akkwiżiti għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu qegħdin
jiċċaqalqu fl-UE kif ukoll għaċ-ċittadini kollha mhux
tal-UE li jkunu residenti b'mod legali b'dimensjoni transkonfinali. Ġew
adottatti sitt deċiżjonijiet tal-Kunsill f’Ottubru tal-2010 rigward
il-pożizzjoni tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali
mal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Kroazja, dik li kienet
ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Iżrael. Ladarba
d-deċiżjonijiet jiġu adottati b’mod formali, mill-Kunsill
tal-Assoċjazzjoni, l-UE tkun ħolqot sistema esterna limitata ta’
koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, li tapplika għal persuni – kemm
iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll iċ-ċittadini ta’ dawn is-sitt
pajjiżi – li jidħlu u joħorġu mill-UE. Barra dan,
id-Direttiva dwar il-Permess Uniku, ladarba jiġi adottat, se tiżgura
d-dritt għall-ħaddiema migranti kollha koperti minnu li jesportaw
il-pensjonijiet akkwiżiti tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet
u bl-istess rati taċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati
meta jmorru f’pajjiż mhux tal-UE. Billi l-mobilità ta' ċittadini ta'
pajjiżi terzi hija interkonnessa mill-qrib mal-politika komuni
dwar il-visa tal-UE għal soġġorni qosra, il-possibbiltajiet
kollha taħt il-Kodiċi tal-Visa għandhom jintużaw
għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri u ż-żieda tat-trasparenza.
Il-kooperazzjoni Schengen lokali u kopertura konsolari mtejba fil-pajjiżi
mhux tal-UE għandhom iżidu fil-kwalità tas-servizzi. Iżjed
reviżjonijiet tal-politika dwar il-visa għandhom jikkunsidraw
progress viżibbli fid-djalogi tal-UE. Barra dan, għandhom
jissaħħu l-isforzi sabiex ikun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib
tal-konċessjoni ta’ għotjiet għal riċerka u
boroż ta' studju u programmi ta' apprendistat u l-ħruġ tal-visa
meħtieġa u/jew permessi ta' residenza għar-riċerkaturi
kkonċernati. L-iskambju ta’ informazzjoni
prattika fuq is-suġġett tar-reklutaġġ, ir-rikonoxximent
ta’ kwalifiki mhux tal-UE, it-tqabbil tal-ħiliet u l-intermedjazzjoni
tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu faċilitati
bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi
fl-Istati Membri u tkun imġeġġa l-kooperazzjoni bejniethom u
ma' servizzi oħra ta’ impjieg bħal aġenziji privati u
oraganizzazzjonijiet settorjali fl-Istati Membri tal-UE. Ix-xogħol li sar
diġà dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki barranin, immexxi mill-Fondazzjoni
Ewropea għat-Taħriġ (ETF) u min-netwerk ENIC-NARIC bl-għan
li tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent
tal-Kwalifiki, għandu jiġu kkunsidrat f'dal-kuntest. Iżjed mobilità għall-istudenti u
r-riċerkaturi minn pajjiżi terzi tista’
wkoll tkun triq promettenti lejn il-provvista għall-ħtiġijiet
tas-suq tax-xogħol fl-Ewropa jekk ċerti studenti jkunu jistgħu
jaħdmu wara li jkunu spiċċaw l-istudji tagħhom. Din
il-kwistjoni tista’ tiġi esplorata iżjed, billi tiġi kkunsidrata
l-kompetenza tal-Istat Membru u l-miżuri għall-ġlieda kontra
l-esodu tal-imħuħ, pereżempju permezz ta’ migrazzjoni
ċirkolari. Dan jista’ jsir b’mod partikolari permezz ta’ użu
aħjar ta’ Sħubijiet eżistenti ta’ Mobilità sabiex jittejbu u
jiġu faċilitati l-iskambji, il-programmi internazzjonali attwali ta'
mobilità u, mill-2014 'l quddiem, tal-programm uniku tal-ġejjieni
għall-edukazzjoni, it-taħriġ u
ż-żgħażagħ u Orizzont 2020 (il-Programm Qafas
tal-ġejjieni għar-riċerka u l-innovazzjoni). It-twaqqif ta’ netwerks
istituzzjonali u l-ġemellaġġ ta’ universitajiet
fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi msieħba prijoritarji għandu
jiġi appoġġjat, sabiex b’hekk il-kurrikula u l-proċessi
ta' ċertifikazzjoni jiġu adatti aħjar
għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fiż-żewġ
postijiet. L-UE għandha tappoġġja lill-Istati Membri sabiex
jestendu l-medda tagħhom ta’ ftehimiet dwar il-mobilità
taż-żgħażagħ u toffrihom ukoll lill-pajjiżi
tas-Sħubija għall-Mobilità. Fil-qafas kemm tas-Sħubija
għall-Mobilità kif ukoll tal-Aġendi Komuni, għandhom jitwaqqfu Ċentri
dedikati ta’ Riżorsi għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (MMRC)
fil-pajjiżi msieħba. Dawn għandhom jiġu integrati
fl-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jew aġenziji ta’ impjiegi, bħala
żvilupp ulterjuri fuq l-esperjenza miksuba mis-Sħubija għall-Mobilità
UE-Moldova u CIGEM fil-Mali[18].
Billi jiffukaw fuq il-ħtiġijiet tal-migranti huma għandhom 1)
iservu bħala one stop shop għall-individwi li qegħdin ifittxu
informazzjoni u appoġġ fuq il-validazzjoni tal-kwalifiki
tagħhom, l-aġġornament tal-ħiliet, il-ħtiġijiet
ta’ ħiliet fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew fl-UE u 2)
jipprovdu miżuri ta’ qabel it-tluq, tar-ritorn u tal-integrazzjoni
mill-ġdid. Il-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni għandu jkun
ukoll għodda utili ta' informazzjoni għal dan il-għan. L-MMRCs
għandhom jassistu lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi
msieħba u l-Istati Membri tal-UE, inklużi s-Servizz Pubbliku
tal-Impjiegi bl-għan li jittejjeb it-tqabbil tal-impjieg, u jiġu
appoġġjati r-riżultati pożittivi ta’ żvilupp. Fuq
perjodu medju, dawn iċ-ċentri għandhom ikunu konnessi wkoll
maċ-Ċentri Komuni ta’ Applikazzjoni għal Visa, kif ukoll
mad-Delegazzjonijiet tal-UE, sabiex jiġu żgurati u ffaċilitati
l-proċeduri tal-visa għal kategoriji speċifiċi ta'
ċittadini tal-pajjiżi terzi. In-netwerk tal-Uffiċjali
għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni (ILOs) għandha
tiġi supplimentata b’esperti dwar il-migrazzjoni, inklużi esperti
nazzjonali sekondati minn Stati Membri fid-Delegazzjonijiet tal-UE, li
jistgħu jsegwu kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni minn perspettiva ta’
politika usa’ u iżjed komprensiva milli normalment isir mis-servizzi
konsolari. Rakkomandazzjonijiet Taħt l-ewwel pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq
il-prijoritajiet li ġejjin: ·
Offerti dedikati ta’ mobilità
għaż-żgħażagħ, l-istudenti, l-artisti u
l-ħaddiema fil-qasam kulturali, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi
fil-forma ta’ boroż ta’ studju addizzjonali, programmi ta’
fellowships u ta' appremdistat u ftehimiet ta’ mobilità
taż-żgħażagħ. Impenji sabiex id-Direttivi dwar
l-istudenti u r-riċerkaturi jiġu applikati u possibilment
emendati bis-sħiħ. ·
L-applikazzjoni kompleta tal-Kodiċi
tal-Visa u l-emendi possibbli sabiex titjieb il-kooperazzjoni lokali ta’
Schengen u biex itjieb il-kopertura konsolari, fejn relevanti bit-twaqqif
ta’ Ċentri Komuni ta’ Applikazzjoni għal Visa. ·
Il-ġemellaġġ bejn l-edukazzjoni
għolja u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ, sabiex
tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni transkonfinali u l-iskambju
tal-allinjament ta’ kurrikula, ċertifikazzjoni u kwalifiki u
jiġi żgurat ir-rikonoxximent effiċjenti tagħħom
(permezz ta’ garanzija effikaċi tal-kwalità, l-użu kumparabbli u
konsistenti ta’ għodod tat-trasparenza tal-UE u permezz tal-ħolqien
ta’ konnessjoni ta’ kwalifiki mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) bl-għan li
tittejjeb il-kumplimentarjetà tas-suq tax-xogħol fuq perjodu twil. ·
It-tħeġġiġ tas-Servizz Pubbliku
tal-Impjiegi f'livell ta' UE sabiex jiġu monitorjati l-proċeduri ta'
reklutaġġ u tiġi skambjata l-prattika tajba dwar it-tqabbil
tal-impjieg u x-xogħol fost l-Istati Membri u l-ekwivalenti
tal-pajjiż imsieħeb u partijiet interessati oħra. ·
Fil-qafas kemm tas-Sħubijiet tal-Mobilità kif
ukoll tal-Aġendi Komuni, għandhom jitwaqqfu Ċentri ta’
Riżorsi għall-Migrazzjoni u l-Mobilità fil-pajjiżi
msieħba. Billi jibnu fuq l-informazzjoni aċċessibbli permezz
tal-Portal tal-UE għall-Immigrazzjoni, huma għandhom
jiffaċilitaw il-miżuri ta’ qabel it-tluq billi jiffukaw fuq
it-tqabbil tal-ħiliet, l-aġġornament tal-ħiliet u
l-kapaċità fil-lingwi tal-UE b'kooperazzjoni mas-Servizz Pubbliku
tal-Impjiegi, l-aġenziji tal-UE u partijiet interessati oħra. It-tieni pilastru: Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar
tal-bnedmin Il-leġittimità ta’ kwalunkwe qafas
għall-migrazzjoni u l-mobilità tiddependi fuq l-indirizzar effettiv tal-migrazzjoni
irregolari. Migrazzjoni sikura u fiż-żgur hija imminata minn dawk li
joperaw 'il barra mill-qafas legali. Il-kooperazzjoni intra-UE hija essenzjali,
kif inhuwa wkoll l-għan li jissaħħu s-sħubijiet ma’ pajjiżi
mhux tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-migrazzjoni u l-mobilità jkunu
jistgħu jiġu organizzati b’mod ordnat. Il-migrazzjoni u l-mobilità huma inkorporati
fil-kuntest politiku, ekonomiku, soċjali u ta’ sigurtà usa’. Fehim
wiesgħa tas-sigurtà jfisser li l-migrazzjoni irregolari
teħtieġ ukoll titqies f’konnessjoni mal-kriminalità organizzata u
n-nuqqas tal-istat tad-dritt u l-ġustizzja, l-alimentazzjoni
mill-korruzzjoni u regolamentazzjoni mhux adegwata. L-UE għandha tkompli tagħti
prijorità lit-trasferimenti tal-ħiliet, il-kapaċitajiet u r–riżorsi
lill-imsieħba tagħha sabiex tevita u tnaqqas it-traffikar,
il-kuntrabandu u l-migrazzjoni rregolari, u ssaħħaħ il-ġestjoni
integrata tal-fruntieri. Fi ħdan l-UE, l-implimentazzjoni tad-Direttivi
dwar ir-Ritorn u s-Sanzjonijiet ta’ Min Iħaddem għandha tiġi
żgurata u kkombinata ma’ miżuri rilevanti oħra b’interazzjoni
iżjed mill-qrib ma’ msieħba mhux tal-UE. Id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-imsieħba
għandu jkollhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem
tal-migranti kollha matul il-proċess kollu tal-migrazzjoni tagħhom.
Il-persuni li jħaddmu mingħajr skrupli għandhom
jitpoġġew fil-mira, u għandhom jiġu żgurati
l-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-atti kriminali u l-ksur tad-drittijiet
tal-bniedem kontra l-migranti. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex
jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ ħajja deċenti
għall-migranti fiċ-ċentri tal-ilqugħ u sabiex tiġi
evitata d-detenzjoni arbitrarja jew indefinita. Għandha tingħata
attenzjoni speċjali lill-minuri mhux akkumpanjati fil-kuntest
tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni adottat fl-2010. Il-kapaċità ta’ FRONTEX li
taħdem bi sħubija mal-awtoritajiet ta' pajjiżi mhux tal-UE
għandha tintuża bis-sħiħ. L-Uffiċjali
għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni (ILOs) għandhom jespandu
l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom għal iżjed pajjiżi
msieħba. Hemm ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib
bejn l-aġenziji rilevanti tal-UE[19]
li għandha tippermetti skambju aħjar ta’ informazzjoni fl-oqsma
tal-migrazzjoni u l-kriminalità organizzata. Qed isir dejjem iżjed ċar li s-sigurtà
tad-dokumenti u s-serq tal-identità huma oqsma fejn kooperazzjoni
iżjed mill-qrib tista’ ġġib benefiċċji
reċiproċi. Il-vjaġġaturi frekwenti (il-persuni tan-negozju,
l-uffiċjali tal-gvern, l-istudenti u r-riċerkaturi) minn pajjiżi
imsieħba mhux tal-UE li għandhom dokumenti tal-ivvjaġġar
bijometriċi u sigurtà mtejba tad-dokumenti diġà stabbilita
jistgħu jiġu offruti aċċess iżjed faċli
għall-UE. Il-proposti li se tressaq il-Kummissjoni dwar il-fruntieri intelliġenti,
inkluża sistema ta' dħul/ħruġ u programm irreġistrat
ta' dawk li jivvjaġġaw, għandhom iwittu t-triq għal
żviluppi bħal dawn. Il-konnessjoni tal-ftehimiet dwar
l-ammissjoni mill-ġdid mal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-visa
bħala parti mill-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna tista’ tkun
ta’ benefiċċju għall-pajjiżi mhux tal-UE billi tipermetti
opportunitajiet ta’ mobilità waqt li tissalvagwardja s-sigurtà u
tibbilanċja r-riskji ta’ migrazzjoni irregolari. L-ammissjoni
mill-ġdid u r-ritorn għandhom ikunu ankrati fis-sod fil-qafas usa’
tal-Approċċ Globali. Il-Kummissjoni se tiffaċilita inizjattivi
speċifiċi għall-pajjiżi sabiex timmonitorja xi wħud
mir-ritorni. Il-politika tal-UE dwar it-traffikar
tal-bnedmin (THB) tadotta approċċ ħolistiku li jiffoka fuq
il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni tal-kriminali u l-protezzjoni tal-vittmi. Din
il-viżjoni integrata hija konsistenti ma’ approċċ
iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-vittmi b’kunsiderazzjoni
tal-perspettiva tal-ġeneru. Hija għandha l-għan li tipprevjeni
din il-kriminalità u tagħti opportunità lill-persuni li jkunu ġew
ridotti għal kundizzjoni simili għal dik ta’ skjav li jirkupraw u
jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà. Billi jikkunsidraw
ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill[20],
il-THB se tkompli tiġi inkluża b’mod sistematiku fi ftehimiet
rilevanti tal-UE u sħubijiet strateġiċi ma’ pajjiżi mhux
tal-UE kif ukoll fid-djalogi politiċi kollha dwar il-migrazzjoni u
l-mobilità. Se ssir enfażi fuq approċċ ibbażat fuq
ħafna partijiet interessati matul oqsma ta’ politika rilevanti. Il-bini
ta’ kapaċitajiet se jkun komponent ċentrali, hekk kif se jkun
komponent importanti l-konformità ma’ standards internazzjonali f’dan il-qasam,
b’mod partikolari r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU
dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha dwar
il-THB u l-kuntrabandu ta’ migranti. L-istrateġija integrata l-ġdida
dwar il-THB (ippjanata għall-2012) se tipprovdi koordinazzjoni aktar
mill-qrib u iżjed kooerenza fost l-imsieħba interessati. Rakkomandazzjonijiet Taħt it-tieni pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq
il-prijoritajiet li ġejjin: ·
It-trasferiment ta’
ħiliet, kapaċitajiet u riżorsi lil imsieħba
għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-traffikar, il-kuntrabandu u
l-migrazzjoni irregolari, l-iżgurar ta' ritorn u riammissjoni, u
għat-tisħiħ tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri. ·
Il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tad-dokumenti,
li twitti t-triq għall-faċilitazzjoni tal-visa għal dawk li
jivvjaġġaw ta’ spiss minn pajjiżi msieħba prijoritarji. ·
Inizjattivi sabiex il-vittmi tat-traffikar
tal-bnedmin jiġu protetti aħjar u tingħatalhom
is-setgħa. ·
- Monitoraġġ preċiż
tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tal-UE tad-Direttivi
dwar ir-ritorni u s-sanzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu, f’kooperazzjoni
mill-qrib mal-imsieħba. ·
Iżjed skambji tematiċi komprensivi ta’
informazzjoni bejn l-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar
l-Immigrazzjoni (ILOs) u kontrapartijiet f'iżjed pajjiżi
msieħba. It-tielet pilastru: Il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib
tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-ażil L-UE teħtieġ li ttejjeb is-solidarjetà mar-refuġjati
u l-persuni spustati u sforzi bħal dawn għandhom isiru parti
integrali tal-GAMM. Hija għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni
ma’ pajjiżi rilevanti mhux tall-UE sabiex issaħħaħ
is-sistemi ta’ ażil u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar
l-ażil tagħhom, u tiżgura l-konformità mal-istandards
internazzjonali. Dan jista’ jippermetti li dawn il-pajjiżi joffru standard
ogħla ta’ protezzjoni internazzjonali għall-dawk li jfittxu ażil
u l-persuni spustati li jibqgħu fir-reġjun tal-oriġini ta’
konflitti jew persekuzzjoni. L-UE għandha tħeġġeġ
lill-pajjiżi msieħba tagħha li jinkorporaw din id-dimensjoni
fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom tat-tnaqqis tal-faqar fejn xieraq.
Dawn l-istrateġiji għandhom iħarsu wkoll lejn ir-relazzjonijiet
bejn ir-refuġjati u l-persuni spustati u l-popolazzjonijiet lokali u, fejn
relevanti, b'konformità mal-Programm ta’ Stokkolma tal-2009 li enfasizza li
għandha tinbena d-dimensjoni esterna tal-ażil sabiex tikkontribwixxi
b’mod iżjed effikaċi għas-soluzzjoni tas-sitwazzjonijiet
tar-refuġjati li jdumu aktar mis-soltu. L-UE għandha tħeġġeġ
ukoll lill-pajjiżi mhux tal-UE sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-persuni
apolidi, li huma grupp partikolarment vulnerabbli, billi tieħu miżuri
għat-tnaqqis tal-apolidija. L-UE għandha tippromwovi aktar
l-iżvilupp ta' qafaz legali internazzjonali għall-persuni spustati
internament (IDP), grupp ieħor partikolarment vulnerabbli. L-UE għandha taħdem mal-imsieħba tagħha sabiex
tartikola aħjar il-konnessjonijiet bejn il-protezzjoni u l-iżvilupp
internazzjonali. Barra dan, għandhom jiġu żviluppati iktar
il-kunċetti u l-istrumenti għat-titjib tat-tranżizzjoni bejn
l-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp. L-oqfsa ta’ politika tal-ażil u l-kapaċità ta’ protezzjoni
fil-pajjiżi mhux tal-UE għandhom jissaħħu. Dan għandu
jintlaħaq permezz ta’ kooperazzjoni iżjed estensiva ma’ pajjiżi
mhux tal-UE, inter alia taħt Programmi ta’ Protezzjoni
Reġjonali (RPPs). RPP fl-Afrika ta’ Fuq li jinkludi l-Eġittu,
it-Tuneżija u l-Libja huwa eżempju notevoli wieħed f'dan
ir-rigward. Gradwalment, l-EASO għandu jiġi iżjed involut
fil-bini tal-kapaċità ta' ażil fil-pajjiżi mhux tal-UE,
inkluż l-appoġġ għal attivitajiet ta’ risistemazzjoni. L-RPPs għandhom jittejbu bħala l-istrument ewlieni għal
din il-pilastru l-ġdida, billi sa issa ġew sottoutilizzati. L-RPPs
eżistenti għandhom jissaħħu u, fejn rilevanti,
għandhom jiġu proposti RPPs addizzjonali inkluż bħala parti
mid-djalogi tal-UE dwar il-migrazzjoni mar-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati.
L-RPPs għandhom ikomplu jiffukaw fuq il-bini ta’ kapaċitajiet ta’
protezzjoni u sistemi ta’ ażil fil-pajjiżi u r-reġjuni
msieħba. Il-programmi ta’ żvilupp għar-refuġjati u
l-persuni spustati internament (IDPs) u l-programmi għat-tnaqqis tar-riskji
ta’ diżastri f’dawn ir-reġjuni għandhom jitkomplew, u fejn ikun
meħtieġ jittejbu, b’konsistenza ma’ u l-kumplimentarjetà
għall-RPPs. Għandu jiżdied komponent imtejjeb ta’
risistemazzjoni ma’ kull RPP bħala sinjal ta’ solidarjetà internazzjonali
u strument ewlieni sabiex jinkiseb aċċess ordnat għal
soluzzjonijiet dewwiema fl-UE. Għal ħafna mir-refuġjati
l-iżjed vulnerabbli, ir-risistemazzjoni tibqa’ l-unika soluzzjoni dewwiema
vijabbli. B’dan l-isfond, l-UE ppreparat ‘Programm Konġunt tal-UE dwar
ir-Risistemazzjoni’ bl-għan li tiżdied ir-risistemazzjoni
fl-Ewropa, waqt li jsir użu iktar strateġiku minnu. Fl-UE
għandhom jiġu offruti iżjed postijiet ta’ risistemazzjoni,
flimkien ma’ garanziji proċedurali għal iżjed każijiet ta’
risistemazzjoni li għandhom jiġu pproċessati fil-pajjiżi
tal-ewwel ażil. Dan jeħtieġ iżjed finanzjament,
identifikazzjoni ta’ proċeduri u kapaċità loġistika u teknika
mtejba. Rakkomandazzjonijiet Taħt
it-tielet pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet li
ġejjin: ·
Programmi ta’
Protezzjoni Reġjonali (RPPs) għat-tisħiħ
tal-kapaċitajiet ta’ protezzjoni u s-sistemi ta’ ażil
tal-pajjiżi u r-reġjuni msieħba. ·
Appoġġ mill-EASO għall-bini
ta’ kapaċitajiet ta’ ażil fil-pajjiżi mhux tal-UE, inkluż
fil-forma ta’ appoġġ għal attivitajiet ta’ risistemazzjoni. ·
Risistemazzjoni mtejba
fl-UE b’kooperazzjoni mal-imsieħba. ·
Sforzi aktar f'saħħithom sabiex jiġu
riżolti sitwazzjonijiet ta’ refuġjati li jdumu iżjed
mis-soltu, inkluża assistenza mmirata lill-persuni spustati. Ir-raba’ pilastru: Il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp tal-migrazzjoni u
l-mobilità L-UE u l-komunità internazzjonali għamlu
passi kbar fil-promozzjoni tar-riżultati tal-iżvulupp benefiku
tal-migrazzjoni. Sar ħafna progress fil-faċilitazzjoni tal-impatt
pożittiv tar-rimessi u l-inizjattivi volontarju mid-dijaspora. Madankollu,
jeħtieġ ukoll li l-lati negattivi, bħall-esodu
tal-imħuħ, l-ispejjeż soċjali u d-dipendenza fuq is-swieq
barranin tax-xogħol, jiġu ttrattati b’mod konġunt
fl-isħubijiet. Il-proċeduri għal aċċess għan-numru
limitat ta’ opportunitajiet għal migrazzjoni legali ħafna drabi
mhumiex trasparenti u huma burokratiċi wisq. Bħala konsegwenza,
ħafna migranti jfittxu għajnuna mingħand intermedjarji
informali, ħafna drabi b’konnessjoniiet mal-kriminalità organizzata.
Il-migranti jiġu esposti mhux biss għal iżjed riskji, abbuż
u sfruttament, iżda t-tfaddil potenzjali tagħhom jitnaqqas. Il-migrazzjoni interreġjonali u
intrareġjonali fir-reġjuni fil-fażi ta’
żvilupp tisboq b’numru kbir il-migrazzjoni lejn l-UE. Din l-hekk
imsejħa migrazzjoni min-nofsinhar għan-nofsinhar ħafna drabi
ġġib benefiċċji lill-migranti fil-forma ta’ opportunitajiet
itjeb ta’ xogħol u dħul ogħla minn dak disponibbli f’darhom.
Hawnhekk ukoll, ħafna migranti huma soġġetti għal
sfruttament, abbuż u qerq. Dawk li jirreklutaw, l-intermedjarji, dawk li
jħaddmu jew ċirki kriminali organizzati kollha jistgħu
jisfruttaw il-migranti li ma jkunux konxji minn dawn ir-riskji. Għalhekk
li informazzjoni u appoġġ isiru disponibbli għall-protezzjoni
tad-drittijiet tal-migranti huwa ta’ importanza ewlenija. L-UE tista’
tgħin lil-migranti sabiex jimxu b’mod ordnat u jieħdu lura lejn
darhom ir-riżorsi u l-ħiliet li ħafna drabi jkunu
meħtieġa fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom[21]. Inkisbu ħafna riżultati mill-UE u
l-pajjiżi msieħba tagħha għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis
tal-ispejjeż tas-servizzi ta' rimessa u sabiex dawn isiru
iżjed trasparenti, iżjed kompetittivi u iżjed affidabbli.
Ir-rapporti ta’ kull sentejn dwar il-koerenza ta’ poitika
għall-iżvilupp tejbu approċċ ibbażat fuq gvern
sħiħ fl-UE. Il-ħatra ta’ assoċjazzjonijiet ta’ dijaspora
fl-iżvilupp ta' pajjiżhom ġiet faċilitatat reċentement
ħafna bl-appoġġ tat-twaqqif ta' pjattaforma ta' dijaspora mal-UE
kollha. L-involviment iżjed b’saħħtu ta’ gruppi ta’
dijaspora u migranti jista’ jgħin ukoll fl-ilħuq tal-għan
tal-Approċċ Globali mġedded sabiex jiġu indirizzati, b’mod
sistematiku, id-drittijiet tal-migranti u l-għoti tas-setgħat
lill-migranti. Sar avvanz fl-isforzi sabiex jitnaqqas l-esodu
tal-imħuħ permezz tal-appoġġ tal-Kodiċi ta’
prattika ta’ WHO dwar ir-reklutaġġ internazzjonali tal-persunal
tas-saħħa. L-UE għandha tippromwovi l-Istati Membri fl-isforzi
tagħhom sabiex jiffaċilitaw il-migrazzjoni ċirkolari
tal-persunal tas-saħħa, sabiex b’hekk il-ħiliet u
l-għarfien ikunu jistgħu jinkisbu għall-benefiċċju
kemm tal-pajjiżi sors kif ukoll ta’ dawk destinatarji. Id-Direttiva dwar
il-Karta Blu tal-UE tippermetti lill-Istati Membri li jiċħdu
applikazzjonijiet sabiex jiżguraw reklutaġġ etiku u tippermetti
lill-Kummissjoni li timmonitorja l-applikazzjoni tad-Direttiva bl-għan li
jitnaqqas l-esodu tal-imħuħ. L-UE għandha ssaħħaħ
l-appoġġ tagħha ta’ bini ta’ kapaċitajiet
fil-pajjiżi msieħba. Għandhom jissaħħu
l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn il-migrazzjoni nazzjonali u l-politiki ta’
żvilupp u konnessjonijiet mal-ħolqien ta’ impjiegi u politiki dwar
l-edukazzjoni, is-saħħa u d-djar. Jeħtieġ li d-dibattitu li
xi drabi jaħraq wisq dwar il-‘potenzjal ta’ rebħ assolut’ ikun
iżjed ibbilanċjat billi l-lati negattivi tal-migrazzjoni
jiettieħdu bis-serjetà, b’mod partikolari l-kosti soċjali
tagħha u r-riskji li familji jsiru dipendenti fuq dħul minn rimessi.
Il-gvernijiet imsieħba jistgħu jirċievu assistenza mingħand
l-UE sabiex iwaqqfu oqfsa nazzjonali għat-trasferiment u l-portabbiltà ta’
pensjonijiet minn barra l-pajjiż, billi jikkunsidraw kif xieraq
il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam. L-integrazzjoni b’suċċess
tal-migrazzjoni fil-ħsieb ta’ żvilupp teħtieġ li
tkun parti integrata minn medda sħiħa ta’ politiki settorjali (dwar
l-agrikoltura, is-saħħa, l-edukazzjoni, eċċ). B’mod
parallel, għandhom jiġu promossi inizjattivi relatati
mal-migrazzjoni. L-għarfien li ħafna drabi għadu limitat
tar-rilevanza tal-kwistjonijiet ta' migrazzjoni għall-iżvilupp fost
il-prattikanti għandu jiġi indirizzat, kemm fl-UE kif ukoll
fil-pajjiżi msieħba tagħha. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li
l-isfidi relatati ma’ migrazzjoni intrareġjonali jiġu integrati
bħala waħda mill-kwistjonijiet taħt il-GAMM, sabiex b’hekk
ir-rwol potenzjalment benefiku tal-migrazzjoni fil-kooperazzjoni u
l-iżvilupp reġjonali jkun jista’ jiġi identifikat u promoss
tajjeb. Il-pajjiżi msieħba għandhom isiru konxji wkoll
tal-possibbiltajiet tagħhom li jissenjalaw finanzjament għal
żvilupp għal inizjattivi relatati mal-migrazzjoni fil-Programmi
Indikattivi Nazzjonali li jiddefinixxu l-kooperazzjoni ta’ żvilupp
tagħhom mal-UE. Din il-konnessjoni għandha ssir iżjed profonda
fil-qafas tal-politika ta’ żvilupp. Il-koerenza
tal-politika tista’ tiġi faċilitata wkoll bil-Profili ta’
Migrazzjoni Estiża, li qegħdin jintużaw dejjem iżjed
sabiex tiġi prodotta bażi ta' evidenza itjeb u iżjed sostenibbli
dwar il-konnessjoni bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp. Huma jlaqqgħu
il-partijiet interessati kollha fi proċess speċifiku għal
pajjiż sabiex jidentifikaw u jindirizzaw nuqqasijiet u ħtiġijiet
fid-dejta dwar mudelli attwali ta' migrazzjoni, tendenzi tas-suq
tax-xogħol, oqfsa leġiżlattivi u politiċi, informazzjoni
dwar il-flussi ta' rimessi, dijaspori u dejta oħra relatata
mal-iżvilupp. Is-sjieda għandha tkun tal-pajjiż imsieħeb, u
s-sostenibbiltà għandha tiġi żgurata permezz ta’ bini ta’
kapaċitajiet adegwati. Rakkomandazzjonijiet Taħt
ir-raba’ pilastru, il-GAMM għandu jiffoka fuq il-prijoritajiet li
ġejjin: ·
Il-promozzjoni tal-Kodiċi tal-WHO ta'
prattika dwar ir-reklutaġġ internazzjonali tal-persunal
tas-saħħa, u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Direttiva
dwar il-Karta Blu tal-UE sabiex jitnaqqas l-esodu tal-imħuħ. ·
L-esplorazzjoni tat-twaqqif ta’ vetturi ta’
investiment għad-dijaspora li jistgħu jinkanalaw il-kontributi
volontarji tad-dijaspora u ż-żieda tar-riżorsi tal-UE sabiex
jiżdiedu l-inizjattivi u l-investimenti orjentati lejn l-iżvilupp
fil-pajjiżi prijoritarji, bħal ma hemm fin-Nofsinhar tal-Mediterran. ·
Sħubijiet privati-pubbliċi sabiex jinħatru imprendituri u SMEs migranti
fit-trasferiment tal-kummerċ, l-investiment u l-ħiliet bejn l-Istati
Membri u l-pajjiżi msieħba. ·
L-esplorazzjoni tal-utilità ta’ forum annwali
dwar ir-rimessi u rakkomandazzjonijiet sal-aħħar tal-2012 fuq
il-bażi ta’ studju dwar il-fattibbiltà ta’ portal komuni tal-UE
dwar ir-rimessi. ·
Assistenza lill-pajjiżi msieħba sabiex jidentifikaw
u jimmonitorjaw persuni bona fide li jirreklutaw sabiex
tingħata s-setgħa lill-migranti, prinċipalment bl-għan li
tiġi faċilitata l-migrazzjoni ċirkolari.
6.
Finanzjament u monitoraġġ
L-implimentazzjoni b’suċċess
tal-Approċċ Globali jiddependi fuq finanzjament adegwat. L-istrumenti
finanzjarji ġeografiċi u tematiċi għadhom ta’
importanza ewlenija għall-kooperazzjoni esterna, u jkollhom jintużaw
b’mod komprensiv u koerenti, billi jsir progress fuq it-tagħlimiet
meħuda pereżempju mill-Programm Tematiku dwar il-Migrazzjoni u
l-Ażil (2007-2013). Il-programmazzjoni u l-modalitajiet
tal-allokazzjonijiet futuri tal-istrumenti esterni tal-UE għandhom ikomplu
jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Approċċ
Globali, waqt li jiġu rispettati l-għanjiet ġenerali ta’ dawn
l-istrumenti u b’konformità mar-regoli tagħhom. Minbarra dawn l-istrumenti esterni u
b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-kumplimentarjetà, il-Fond
tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Ażil tal-ġejjieni kif ukoll il-Fond
tas-Sigurtà (prinċipalment dwar il-ġestjoni tal-fruntieri)
għandhom ukoll ikunu kapaċi li jipprovdu finanzjament
għall-GAMM. Dawn il-fondi se jkunu ta’ rilevanza partikolari għal
attivitajiet li primarjament iservu l-interessi tal-UE, iżda qegħdin
jiġu implimentati f’pajjiż mhux tal-UE. Għalhekk, huma
għandhom jintużaw għal attivitajiet speċifiċi li jikkumplimentaw
dawk iffinanzjati taħt strumenti ġeografiċi jew strumenti
oħra sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u b’konsistenza u koerenza
ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ politika estera u/jew għanijiet ta’ politika
ta’ żvilupp. L-Istati Membri għandhom ikomplu
jikkontribwixxu direttament għall-finanzjament tal-Approċċ
Globali, pereżempju meta japplikaw l-Approċċ Globali
fil-kooperazzjoni bilaterlali tagħhom, meta jinvolvu ruħhom fi
proċessi reġjonali u meta jipparteċipaw fi Sħubijiet ta’
Mobilità u Aġendi Komuni ma’ msieħba prijoritarji. Waqt li
r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba huma
fil-qalba tal-GAMM, ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa importanti
wkoll sabiex jiżgura l-implimentazzjoni ta' inizjattivi konkreti. Ir-rwol
tagħhom għandu jiġi rifless fl-arranġamenti finanzjarji u
kuntrattwali. Finalment, jeħtieġ li
l-implimentazzjoni tal-GAMM tkun effiċjenti u għandha tinkludi
proċess ta’ monitoraġġ. Rapport dwar il-GAMM għandu
jiġi adottat darna kull sentejn minn Ġunju tal-2013. Dan għandu
jkun imsejjes fuq informazzjoni pprovduta minn Stati Membri, Delegazzjonijiet
tal-UE, Aġenziji tal-UE u pajjiżi msieħba u jiġi
ppreżentat taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni
b’assoċjazzjoni mas-SEAS. L-għan tar-rapport se jkun
il-monitoraġġ tal-għanijiet tal-politika deskritti fil-qosor
f’din il-Komunikazzjoni u jkopri d-djalogu u l-proċessi ta’ kooperazzjoni
ewlenin kollha tal-UE. Se jevalwa l-progress fuq l-erba’ pilastri tal-GAMM u
fuq l-għodod u l-istrumenti li jkunu qegħdin jintużaw billi
japplika metodu kumparabbli ta' evalwazzjoni li jirrifletti tibdil matul
iż-żmien. Ir-rapport se jevalwa jekk u kif ikunu ntlaħqu l-miri
u jagħmel rakkomandazzjonijiet. L-informazzjoni dwar il-progress fuq
id-djalogi differenti, l-MPs u l-CAMMs għandha tinġabar u tinxtered
b’mod sistematiku, inkluż dwar websajt dedikata tal-GAMM
(b’interfaċċja waħda pubblika u oħra tal-UE-interna, li
għandu jkollha l-għan ukoll li tiżviluppa netwerk ta’ punti
fokali tal-UE). Jista’ jitwaqqaf proġett speċifiku ta’
appoġġ tal-GAMM għal dan il-fini. Rakkomandazzjonijiet ·
Għandu jitkompla jingħata
appoġġ lill-GAMM permezz ta' taħlita ta' strumenti
finanzjarji ta' tisħiħ reċiproku, ipprovduti kemm mill-UE
kif ukoll mill-Istati Membri tagħha. ·
F’livell ta’ UE dawn jinkludu l-istrumenti
ġeografiċi u tematiċi esterni kif ukoll il-Fond
futur għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond tas-Sigurtà
futur. ·
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u
tittejjeb l-implimentazzjoni, ir-riżultati tal-GAMM għandhom
jiġu ppreżentati f'rapport ta' progress ta’ kull sentejn, u
jiġu komunikati wkoll permezz ta’ websajt speċifika għal dan
il-għan
iżjed profonda fil-qafas tal-politika ta’
żvilupp. Konklużjonijiet L-UE hija affettwata minn multitudini ta’
sfidi u opportunitajiet fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità. Sabiex l-UE
ssir iżjed prospera, teħtieġ li ssir iżjed kompetittiva,
billi tattira talent u investimenti. Sabiex tiġġestixxi l-mobilità
f’ambjent sigur, l-UE teħtieġ li tkompli d-djalogu u l-kooperazzjoni
prijoritarji tagħha mal-pajjiżi msieħba fil-Viċinat tal-UE
u lil hinn minn hemm. Sabiex toffri protezzjoni lil dawk fil-bżonn, u
ttejjeb l-impatt ta’ żvilupp tal-migrazzjoni u mobilità
għall-imsieħba tagħha, l-UE għandha tkun attur minn ta’
quddiem fil-governanza globali. Il-Kummissjoni hija fiduċjuża li
l-proposti ta’ politika u miżuri operattivi proposti f'din il-Komunikazzjoni
se jippermettu lill-UE u l-Istati Membri tagħha li jindirizzaw dawn
l-isfidi. Billi tibni fuq il-qafas komprensiv, politku u
legali tal-migrazzjoni u l-mobilità ppreżentat mill-Kummissjoni
fil-Komunikazzjonijiet tagħha tal-4 u l-24 ta’ Mejju 2011, u fuq sitt snin
ta’ esperjenza ta’ implimentazzjoni tal-approċċ ta’ qabel,
il-Kummissjoni hija konvinta li issa huwa ż-żmien għall-UE li
tikkunsidra kif tikkonsolida dan bħala l-qafas sovrastanti
tal-politika ta’ migrazzjoni esterna tal-UE. Sabiex jintlaħaq dan
l-għan, l-Approċċ Globali għandu jkun ankrat fis-sod fil-politika
estera ġenerali tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni
għall-iżvilupp, u allinjat aħjar mal-prijoritajiet
tal-politika interna tal-UE. B’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE se
jkollha titkellem b’vuċi waħda, anke għal dak li jirrigwarda
l-politika dwar il-migrazzjoni esterna. Sabiex tistruttura u tiffaċilita dan
il-proċess, l-UE teħtieġ qafas ta' politika strateġika
miftiehem li jkun ċar, konsistenti u faċli sabiex jiġi
komunikat. L-UE se tkun mgħammra aħjar għall-governanza
tal-migrazzjoni f’darha u globalment biss jekk tkompli ssaħħaħ
id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi imsieħba. Il-Kummissjoni tqis li l-Approċċ
Globali l-ġdid tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) jirrappreżenta
l-qafas strateġiku li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb valur
miżjud għall-azzjoni tal-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam.
Huwa jista’ jindirizza t-tħassib u l-aspirazzjonijiet tal-UE fil-qasam
tal-migrazzjoni u l-mobilità b’mod iżjed effikaċi u iżjed
effiċjenti minn Stati Membri individwali. Huwa jipprovdi appoġġ
u impetu ta' valur għall-politiki bilaterali u nazzjonali tal-Istati
Membri f’dan il-kamp. Il-Kummissjoni, is-SEAS u l-Istati Membri għandhom
jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex jiżguraw azzjoni koerenti
f’dan il-qafas komuni tal-UE. ANNESS konklużjonijiet tad-DĦPK dwar
il-migrazzjoni u l-iżvilupp Il-massimizzazzjoni tal-impatt
pożittiv tal-migrazzjoni fuq l-iżviljupp tal-pajjiżi
msieħba (kemm tal-oriġini kif ukoll dawk destinatarji) waqt li
jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi se tibqa’ prijorità ewlenija
tal-GAMM. Se jiġi segwit approċċ iċċentrat iżjed
fuq il-migranti mingħajr ma tiġi sottovalutata r-responsabbiltà
tal-pjjiżi msieħba għat-tfassil ta’politiki adegwati. Għal
dak li jirrigwarda l-aġenda tradizzjonali tal-migrazzjoni u
l-iżvilupp, sa issa nkisbu riżutlati sinifikanti, iżda għad
iridu u se jiġu affrontati iżjed sfidi. Il-migrazzjoni issa hija parti integrali
min-numru ta’ strateġiji nazzjonali u reġjonali ta'
żvilupp. Bosta pajjiżi msieħba u reġjuni ngħataw
appoġġ sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġiji ta'
migrazzjoni tagħhom stess, sabiex jiġbru u janalizzaw dejta dwar
il-migrazzjoni u sabiex jibnu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet rilevanti.
L-UE se tkompli tappoġġja dawn l-isforzi sabiex tiġġestixxi
l-migrazzjoni f'qafas ta’ żvilupp koerenti u b’konformità ma’
speċifiċitajiet u prijoritajiet lokali. Qegħdin jiġu kkunsidrati dejjem
iżjed għanijiet ta’ żvilupp fil-politiki ta' migrazzjoni tal-UE
u l-pajjiżi msieħba. Fl-istess ħin id-dimensjoni tal-migrazzjoni
qiegħda tiġi kkunsidrata dejjem iżjed fl-istrateġiji ta’
żvilupp. L-UE se tkompli tippromwovi l-aġenda tal-Koerenza ta’
Politka għall-Iżvilupp, bl-għan li jiġu identifikati u
indirizzati inkonsistenzi possibbli fil-leġiżlazzjoni u l-politiki
tal-UE u l-Istati Membri tagħha, u jissaħħu l-kapaċità u
l-mekkaniżmi fil-pajjiżi mhux tal-UE f’dan il-kamp. L-UE hija rikonoxxuta b’mod wiesgħa
bħala parti interessata ewlenija fuq livell internazzjonali rigward
il-faċilitazzjoni ta’ flussi ta’ rimessi privati b’inqas
spejjeż u iżjed siguri lejn pajjiżi fil-fażi ta’
żvilupp waqt li żżid l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp.
Il-Kummissjoni Ewropea nediet studju sabiex tgħina tipproponi
rakkomandazzjonijiet ġodda u tevalwa l-espedjent u l-fattibblità ta’
portal komuni tal-UE fuq ir-rimessi. Għandhom isiru wkoll iżjed
sforzi fil-bini tal-kapaċitajiet għall-appoġġ
tal-pajjiżi msieħba interessati fit-tfassil ta’ oqfsa regolatorji u
fil-promozzjoni tal-ħila finanzjarja, ta’ teknoloġiji ġodda u
aċċess għal krediti sabiex jiġi stimulat investiment attiv
u l-ħolqien ta’ impjiegi. Forum annwali tar-rimessi (formali jew
informali) tista’ tkun idea li wieħed irid jikkunsidraha. Fi kwalunkwe
każ, se jkunu meħtieġa iżjed skambji bejn l-Istati Membri tal-UE
u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-proġetti fil-qasam tar-rimessi sabiex
jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jiġu identifikati l-aħjar
prattiki. L-UE żiedet l-isforzi tagħha sabiex
tappoġġja u taħdem ma’ gruppi ta’ diaspora
bbażati fl-Ewropa li jixtiequ jikkontribwixxu fl-iżvilupp ta’
proġetti fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Qiegħda
wkoll tappoġġja dejjem iżjed sforzi simili minn pajjiżi
msieħba. L-UE se tkompli taħdem sabiex twaqqaf dejtabejż ta’
organizzazzjonijiet ta’ dijaspora bbażati fl-Istati Membri differenti
sabiex tinvolvihom aħjar fi djalogu ta’ politika u xxerred informazzjoni.
Se tompli tinvesti fl-ingranaġġ tal-kontribut tagħha
għall-iżvilupp u se tfittex li tuża aħjar l-għarfien u
l-kompetenza tal-imsieħba tagħha, prinċipalment
għall-appoġġ tal-imprendituri u l-SMEs. L-UE se tevalwa wkoll
kif tista' tikkontribwixxi iżjed fiż-żieda tal-valur
tal-ħiliet u l-għarfien tal-migranti fil-pajjiżi
tal-oriġini tagħhom u jekk għandhiex tappoġġja l-volontarjat
ta’ dijaspora u l-fondi ta’ dijaspora stabbiliti minn pajjiżi
msieħba. Sar xi progress fil-ġlieda kontra l-esodu
tal-imħuħ, b’mod speċjali fis-settur tas-saħħa,
waqt li l-appoġġ għall-politiki tas-suq tax-xogħol u
xogħol deċenti fil-pajjiżi msieħba hija strateġija
ewlenija oħra sabiex tgħinhom jattiraw u jżommu ħaddiema
b’ħiliet. L-UE se tkompli tanalizza eżempji ta’ ksib ta’
imħuħ u tevalwa kif iżżid dawk li jkollhom
suċċess kif ukoll kif tiġġieled kontra l-ħela
tal-imħuħ. L-inklużjoni ta’ strateġiji għaż-żamma
ta’ ħaddiema ta’ ħila fid-djalogi politiċi dwar il-migrazzjoni
ma’ pajjiżi msieħba tista’ tkun opzjoni li għandha tiġi
kkunsidrata. Il-mobilità ċirkolari ġiet
imħeġġa minn numru ta’ miżuri nazzjonali u
leġiżlattivi tal-UE u permezz ta’ proġetti speċifiċi.
Għandha tiġi promossa iżjed portabilità tad-drittijiet dwar
is-sigurtà soċjali bħala inċentiv ewlieni
għall-migrazzjoni ċirkolari u, b’mod iżjed ġenerali,
għall-mobilità legali tax-xogħol. L-UE u l-Istati Membri tagħha
għandhom ikomplu jistabbilixxu oqfsa legali li jipprovdu permessi multipli
ta’ dħul u perjodi ta’ assenza mill-pajjiż ta’ residenza temporanja
sabiex b’hekk il-benefiċċji tal-migrazzjoni jkunu jistgħu
jiġu massimizzati, għall-migranti, il-pajjiżi sors u dawk
destinatarji bl-istess mod. Billi tmur lil hinn mill-aġenda
tradizzjonali, l-UE qiegħda taħdem sabiex twaqqaf qafas iżjed
komprensiv sabiex jakkumpanja u jipproteġi l-migranti matul ir-rotta
migratorja tagħhom, li għandu wkoll jikkunsidra l-konsegwenzi
soċjali tal-migrazzjoni. Dan jinkludi l-indirizzar tal-konsegwenzi
tal-flussi tal-emigrazzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini b’mod partikolari
biż-żieda tal-għarfien dwar l-effetti negattivi u t-tnaqqis
tagħhom sofruti minn tfal u familji li jkunu tħallew lura u
b'kunsiderazzjoni tal-impatt potenzjalment negattiv tar-rimessi fuq il-familji
u l-komunitajiet. L-UE qiegħda tappoġġja wkoll sforzi
addizzjonali li qegħdin isiru fuq ritorni sostenibbli, inkluż fuq
l-għajxien u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol
nazzjonali. Dan l-approċċ jinkludi l-protezzjoni
tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha fi tranżitu b’lenti
fuq: il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti kollha fi
tranżitu b’iffukar fuq. il-protezzjoni ta’ migranti vulnerabbli (minuri
mhux akkumpanjati, dawk li jfittxu ażil, vittmi tat-traffikar, migranti
standard, eċċ.) u fuq il-ħtiġijiet speċifiċi
tan-nisa; l-appoġġ tal-bini ta’ kapaċitajiet għall-forzi
tal-infurzar tal-liġi u sistemi ta’ referenza; l-appoġġ
tal-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ atti kriminali u l-ksur
tad-drittijiet tal-bniedem magħmul kontra l-migranti, inklużi dawk li
jkunu qegħdin jivvjaġġaw b'mod irregolari; u l-garanzija ta'
kundizzjonijiet deċenti ta' ħajja għall-migranti
fiċ-ċentri tal-ilqugħ fil-pajjiżi mhux tal-UE. Iż-żieda tal-isforzi għat-titjib
tal-integrazzjoni tal-migranti f’pajjiżi destinatarji hija komponent
ewlieni ta’ dan l-approċċ, billi hija konnessa man-netwerks u
l-kummerċ ta' dijaspora, u l-flussi tal-ħiliet u l-investiment.
Il-fehim u l-azzjoni fuq l-integrazzjoni soċjali u l-adattament
tal-politiki soċjali (b’mod speċjali s-saħħa u
l-edukazzjoni), l-integrazzjoni ekonomika u tax-xogħol u l-ġlieda
kontra l-ksenofobija u l-esklużjoni soċjali jeħtieġ li
jittejbu. F’dan ir-rigward, l-integrazzjoni tal-ħtiġijiet
speċifiċi tal-migranti sfurzati fil-politiki ta’ żvilupp
tal-pajjiżi mhux tal-UE għandu jittejjeb. Sabiex il-kooperazzjoni operattiva ssir
iżjed effiċjenti u sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, se
jsiru sforzi sabiex jiġu appoġġjati d-Delegazzjonijiet tal-UE,
inkluż taħriġ u skambji speċifiċi tal-għarfien u
l-esperjenzi dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, u sabiex ikun hemm
koordinazzjoni u mobilitazzjoni aħjar tal-istrumenti finanzjarji
disponibbli tal-UE, inkluż permezz ta' iżjed skambji mal-Istati
Membri dwar il-proġetti tagħhom stess ta’ migrazjoni u żvilupp. Il-konsultazzjonijiet reċenti
miżmuma mill-Kummissjoni jikkonfermaw li r-realtà u l-isfidi li
qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi
msieħba dwar il-konnessjoni bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni huma ħafna
usa' u iżjed kumplessi mill-qasam ta' politka indirizzata sa issa. Il-migrazzjoni għandha impatt sinifikanti
fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi mhux tal-UE. Ħafna gvernijiet
ibbażaw parti mill-mudell ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom fuq
l-immigrazzjoni jew l-emigrazzjoni, waqt li la kkunsidraw l-ispejjeż
ekonomiċi u soċjali u l-konsegwenzi, u lanqas il-kontribut mistenni
tagħhom fuq l-iżvilupp u l-iżvilupp sostenibbli. Ħafna
pajjiżi mhux tal-UE qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ flussi
migratorji li huma essenzjali għall-ekonomiji tagħhom iżda
m’għandhomx qafas ta’ politika strutturat u mmirat. L-għarfien dwar
is-sinerġiji u l-interdipendenzi bejn il-migrazzjoni u politiki oħra,
bħal politika domestika dwar l-impjiegi jew ftehimiet kummerċjali,
ħafna drabi huwa nieqes. L-influwenza ta’ numru ta’ politiki pubbliċi
dwar mudelli ta’ migrazzjoni s-soltu ma’ tiġix ikkunsidrata. F’każ
ta’ kriżi jew konflitti, huwa diffiċli li jiġu riżolti
l-varjazzjonijiet fil-flussi u jistgħu jiddestabilizzaw ekonomiji u
jdgħajfu l-koeżjoni soċjali. Il-predominanza tas-settur informali
f’ħafna pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp tikkontribwixxi
għall-impjieg ta’ ħaddiema irregolari bil-problemi sussegwenti
l-oħra kollha ta' sfruttament, traffikar, kuntrabandu u konsegwenzi
soċjali (pereżempju. id-'dumping soċjali'). Hemm ħtieġa li qiegħda tikber
li tiġi promossa l-governanza tal-migrazzjoni f' perspettiva ta’
żvilupp fil-livelli kollha, u li jittejjeb il-fehim tal-konnessjoni
imporanti bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni, hux fil-politiki tal-gvern dwar
il-migrazzjoni/ażil, jew f'setturi oħra li jista' jkollhom impatt jew
iġarrbu impatt mill-migrazzjoni. Ir-riflessjoni fuq dawk l-aspetti
għandha tkun konformi mal-Koerenza ta' Politika għal Programm ta'
Xogħol ta' Żvilupp, kif ukoll biex tirrispondi għall-ħtiġijiet
dejjem jevolvu tal-pajjiżi imsieħba. [1] UNDP (2009) Is-superament tal-barrieri: Il-mobilità
umana u l-iżvilupp, Rapport dwar l-Iżvilupp Uman; UNHCR (2011)
Xejriet Golabli 2010. [2] COM(2011) 292/3: Komunikazzjoni dwar 'Djalogu
għall-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar
tal-Mediterran'. [3] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 23/24 ta’
Ġunju 2011. [4] Il-Programm ta’ Stokkolma: Dokument tal-Kunsill
17024/09, approvat mill-Kunsill Ewropew fl-1-2 ta’ Diċembru 2009:
http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/intro/policies_intro_en.htm Pjan ta’
Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma, COM(2010)171 finali tal-20
t’April 2010:
http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/intro/policies_intro_en.htm. [5] Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (2011) Statistika
Ewlenija Migratorja tal-UE; Eurostat (2011) Popolazzjoni u kundizzjonijiet
soċjali, 38/2011, 34/2011. [6] http://ec.europa.eu/home-affairs/news/consulting_public/consulting_0021_en.htm. [7] COM(2011)292/3. [8] Ara pereżempju l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
Ewropea COM(2011)637 dwar it-'Tkabbir tal-impatt tal-Politika ta’ Żvilupp
tal-UE: Aġenda għal Tibdil'. [9] Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet
tal-Kunsill dwar il-Fruntieri, il-Migrazzjoni u l-Ażil, 9 u 10 ta’
Ġunju 2011. [10] Il-Marokk, l-Alġerija,
it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu [11] L-Ukrajna, il-Belarus, il-Moldova, il-Ġorġja,
l-Armenja u l-Ażerbajġan. [12] Sħubija bejn l-UE u l-53 Stat Afrikan kollha. [13] Proċess li jkopri l-UE u 19-il pajjiż fil-Lvant
(tal-Balkani tal-Punent, l-Ewropa tal-Lvant, ir-Russja, l-Asja Ċentrali, il-Kawkasu
tan-Nofsinhar u t-Turkija). [14] Proċess li jkopri l-UE u s-27 pajjiż fl-Afrika
tal-Punent, tat-Tramuntana u dik Ċentrali. [15] Forum konsultattiv li jġib flimkien aktar minn 50
pajjiż u 10 organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi
ċ-Ċina, il-Bangladexx, il-Pakistan, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq,
is-Sirja, it-Turkija u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali. [16] Il-FRONTEX hi l-Aġenzija Ewropea
għall-kooperazzjoni operazzjonali fuq il-fruntieri esterni. L-EASO hu
l-Uffiċċju Ewropea għall-Appoġġ tal-Asil. L-ETF hi
l-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ. It-TAIEX hu l-istrument
għall-Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni li huwa ġestit
mil-Kummissjoni Ewropea. Il-MIEUX (Kompetenza tal-UE tal-Migrazzjoni) hi
inizjattiva konġunta tal-KE u l-ICMPD li għandha l-għan li
ssaħħaħ il-kapaċità ta' mitigazzjoni tal-pajjiżi
msieħba. [17] COM(2011) 455 finali. [18] Iż-żewġ eżempji huma l-proġett
dwar it-Tisħiħ tal-kapaċità tal-Moldova li tiġġestixxi
l-migrazzjoni għax-xogħol u tar-ritorn fil-qafas tas-Sħubija
għall-Mobilità mal-UE, u s-Centre d'Information et de Gestion des
Migrations, ibbażat fil-Mali. [19] L-aġenziji rilevanti huma il-FRONTEX, l-EUROPOL,
l-EUROJUST, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, l-Uffiċċju
Ewropew għall-Appoġġ tal-Ażil, l-Aġenzija
tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza
tas-Sessi. [20] Il-Kunsill Ewropew: L-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni
dwar id-Dokument Orjentat għall-Azzjoni dwar it-tisħiħ
tad-dimensjoni esterna tal-UE dwar azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin. [21] Kif deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjonuin tal-Kunsill
COM(2011)637 dwar iż-'Żieda tal-impatt tal-Politika ta’ Żvilupp
tal-UE: Aġenda għal Tibdil', l-UE tassisti lill-pajjiżi
fil-fażi ta’ żvilupp bit-tisħiħ tal-poitiki, il-kapaċità
u l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-mobilità tal-persuni kemm
reġjonali kif ukoll globali. Hija tappoġġja l-aġenda dwar
ix-xogħol deċenti u l-protezzjoni soċjali u
tħeġġeġ politiki sabiex jiffaċilitaw il-mobilità
reġjonali tal-impjiegi, u se tappoġġja sforzi mmirati sabiex
tisfrutta bis-sħiħ l-interrelazzjoni bejn il-migrazzjoni, il-mobilità
u l-impjiegi.