Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0713

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-kejl tal-Kriminalità fl-UE: Pjan ta' Azzjoni tal-Istatistika 2011 - 2015

    /* KUMM/2011/0713 finali */

    52011DC0713

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-kejl tal-Kriminalità fl-UE: Pjan ta' Azzjoni tal-Istatistika 2011 - 2015 /* KUMM/2011/0713 finali */


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Il-kejl tal-Kriminalità fl-UE: Pjan ta' Azzjoni tal-Istatistika 2011 - 2015

    INTRODUZZJONI

    L-GĦAN

    L-Istatistiki dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali huma għodda indispensabbli għall-iżvilupp ta' politika bbażata fuq l-evidenza fil-livell tal-UE. Valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u l-valutazzjoni tal-effikaċja ta' liġijiet ġodda huma biss xi eżempji tal-użu tat-tagħrif statistiku. Filwaqt li l-ħtieġa għal statistiki fattwali ilha li ġiet identifikata mill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni statistika affidabbli u kumparabbli.

    L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tinforma lill-partijiet interessati bil-progress li sar fil-kejl tal-kriminalità u tal-ġustizzja kriminali matul l-aħħar ħames snin u tistipula l-azzjonijiet ewlenin għall-ħames snin li ġejjin fil-forma ta' Pjan ta' Azzjoni 2011-2015.

    IL-QAGĦDA PREŻENTI

    Pjan ta' Azzjoni 2006-2010 - Kuntest

    F’Awwissu 2006, il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal 5 snin għall-iżvilupp ta’ strateġija komprensiva u koerenti tal-UE sabiex titkejjel il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali. Id-DĠ tal-Ġustizzja, Libertà u Sigurtà (JLS), u mill-2010, id-DĠ tal-Affarijiet Interni (HOME) f'kollaborazzjoni stretta mal-Eurostat, kienu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.

    Fl-istess ħin, ġie stabbilit Grupp ta' Esperti dwar il-Ħtiġijiet tal-Politika għal Dejta dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali[1] biex jassisti lill-Kummissjoni, sabiex jidentifika l-ħtiġijiet tal-politika għal dejta fil-livell tal-UE u biex jagħti pariri dwar l-iżvilupp u l-użu effettiv ta' indikaturi fil-qasam tal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali. Dan il-Grupp ta' Esperti jikkonsisti minn uffiċjali tal-Pulizija, tal-Ġustizzja jew tal-Intern minn kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE, u l-pajjiżi kandidati u tal-EFTA[2], kif ukoll l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE, Ewropej, u dawk internazzjonali[3]. L-akkademiċi u s-settur privat huma rrappreżentati wkoll. Il-grupp iltaqa’ ħames darbiet mill-2006.

    B’mod parallel, il-Grupp ta' Ħidma tal-Eurostat kien stabbilit biex jimplimenta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti. L-Istati Membri kollha huma rappreżentati fuq il-Grupp ta' Ħidma minn esperti tal-gvern mill-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika. Parteċipanti oħra jirrappreżentaw l-EFTA u l-pajjiżi kandidati, kif ukoll bosta korpi internazzjonali attivi fil-qasam. Esperti oħra huma mistiedna fuq bażi ad hoc biex jiddiskutu suġġetti li huma relatati ma’ oqsma speċifiċi tal-għarfien espert tagħhom. Il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ħtiġijiet tal-Politika jistabbilixxi l-prijoritajiet, u l-Grupp ta' Ħidma tal-Eurostat jiddiskuti l-fattibilità u l-implimentazzjoni tagħhom, jivvaluta l-kwalità tad-dejta miġbura u, fejn meħtieġ, jiddefinixxi metodoloġiji u proċeduri li għandhom jintużaw. Barra minn hekk, twaqqfu għadd ta' sottogruppi ta' Esperti u Task Forces biex jeżaminaw il-kompiti tal-Pjan ta’ Azzjoni partikolari. Id-DĠ HOME stabbilixxa ħames sottogruppi[4] u l-Eurostat żewġ Task Forces[5].

    Pjan ta' Azzjoni 2006-2010 – Kisbiet

    Saru sforzi sinjifikanti kemm mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni ambizzjuż . Il-kisbiet prinċipali jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

    Kooperazzjoni internazzjonali – Il-mekkaniżmu tal-ġbir tad-dejta: Tpoġġiet enfasi partikolari fuq it-twaqqif ta' bażi għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-aġenziji Ewropej u l-istituzzjonijiet internazzjonali bit-twaqqif ta' netwerks ta’ esperti u l-identifikazzjoni ta' punti ta’ kuntatt. L-eżitu ta' din il-koperazzjoni kien l-iżvilupp ta' mekkaniżmu funzjonali għall-ġbir tad-dejta li tkopri l-istadji kollha tal-proċess, mill-identifikazzjoni tal-indikaturi komuni għall-pubblikazzjoni attwali tad-dejta miġbura.

    Fehim aħjar tal-ħtiġijiet : Daqstant ieħor importanti kien it-titjib tal-għarfien fir-rigward tal-bżonnijiet, il-lakuni u l-limitazzjonijiet fil-ġbir u l-analiżi tad-dejta tal-kriminalità fil-livell tal-UE. L-iskambju ta' informazzjoni fil-laqgħat tal-esperti, l-esperjenza miksuba minn ġbir tad-dejta matul dan il-perjodu u r-riżultati tal-proġetti ta' riċerka għamlu kontribut sinjifikanti għal dan l-isforz.

    L-iżvilupp ta' indikaturi u ġabriet tad-dejta : Sa mill-2007, il-Eurostat ipproduċa fuq bażi annwali, l-pubblikazzjoni Statistics in Focus[6] dwar l-istatistika tal-kriminalità li fiha dejta dwar dawn li ġejjin:: Kriminalità totali, omiċidji, reati vjolenti, serq, serq domestiku, serq ta’ vetturi bil-mutur, traffikar tad-drogi, popolazzjoni fil-ħabsijiet u numru ta' uffiċjali tal-pulizija. F'Novembru 2010, inħareġ l-ewwel dokument ta' ħidma dwar il-Ħasil tal-Flus[7]. L-istatistika kienet ibbażata fuq indikaturi identifikati mis-sottogrupp espert tal-Kummissjoni dwar il-Ħasil tal-Flus. Listi oħra ta’ indikaturi li ġew imfassla s'issa jikkonċernaw it-Traffikar tal-Bnedmin u ċ-Ċiberkriminalità.

    L_Istħarriġ tal-UE dwar is-sikurezza (vittimizzazzjoni): L-istatistika tal-pulizija u tal-qorti għandha tiġi kkumplimentata minn statistika dwar il-vittmi, partikolarment f'żoni ta' kriminalità fejn l-inċidenti mhux dejjem huma rrappurtati. Barra minn hekk, stħarriġ dwar il-vittimizzazzjoni huma sors validu ta' dejta kompletament kumparabbli, sakemm tkun applikata metodoloġija komuni. L-iżvilupp ta' metodoloġija komuni u modulu ta' stħarriġ dwar il-vittimizzazzjoni kien għalhekk riżultat importanti ieħor ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni. L-implimentazzjoni tal-istħarriġ ġiet skedata għall-perjodu 2013-2014 u se tipprovdi, għall-ewwel darba fl-UE27, informazzjoni komparabbli dwar ir-rati ta' prevalenza (rati ta' vittimizzazzjoni) ta' tipi speċifiċi ta' kriminalità u fuq l-aspetti relatati ma' dak li jħossu ċ-ċittadini dwar is-sikurezza tagħhom. L-involviment attiv tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika f'kull stadju (mid-disinn tal-modulu għall-qasam tax-xogħol u l-istimi tar-rati ta' prevalenza) jiggarantixxi r-responsabbiltà sħiħa tal-kwalità tad-dejta, u dan huwa partikolarment importanti għal pajjiżi li ma jwettqux stħarriġ nazzjonali dwar il-vittmi, għaliex huma jistgħu jużaw din l-opportunità biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom stess.

    Appoġġ għal riċerka rilevanti: Attivitajiet ta' riċerka fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kienu appoġġjati bil-qawwi permezz tal-programm “Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġlieda Kontriha” li pprovdiet l-opportunità li numru kbir ta' gruppi tar-riċerka mis-27 Stat Membru jwettqu studji f’oqsma ta’ interess partikolari għall-Kummissjoni. Eżempju tipiku tal-użu tar-riżultati tar-riċerka hu l-lista ta’ indikaturi dwar it-Traffikar tal-Bnedmin, li huwa msejjes fuq is-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet ta’ studji rilevanti.

    Pjan ta' Azzjoni 2006-2010 – Tagħlimiet

    Filwaqt li sar xogħol sinjifikanti fir-riċerka, il-koordinazzjoni u n-netwerking, huma biss ftit ir-riżultati li huma attwalment viżibbli. Dan jgħodd partikolarment għall-għanijiet li jeħtieġu mhux biss l-iżvilupp ta' indikaturi komuni, iżda wkoll il-ġbir attwali tad-dejta. L-aħħar kwistjoni kienet l-aktar aspett tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni li kien bati u problematiku.

    Ir-raġunijiet ewlenin għall-progress limitat fil-ġbir ta’ dejta komparabbli u armonizzata fil-livell tal-UE kienu miġbura fil-qosor fl-istudju dwar "L-iżvilupp ta' sistema ta' klassifikazzjoni fil-livell tal-UE ” li nbdeet mill-Kummissjoni fl-2007[8]. Dawn huma hekk kif ġej:

    Differenzi fid-definizzjonijiet tar-reati u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni: Madwar l-UE, mill-inqas 128 awtorità nazzjonali huma involuti fil-ġbir u l-produzzjoni tal-istatistika tal-kriminalità, fejn ġew identifikati mill-inqas 52 sistema distinta ta’ klassifikazzjoni tar-reati.

    Fluss ineffiċjenti tad-dejta: Koordinament fil-livell nazzjonali rriżulta diffiċli, speċjalment fil-każ ta' sorsi multipli ta' dejta. Anke fejn jeżistu l-punti ta' kuntatt nazzjonali, mhux dejjem ikollhom aċċess għal dejta li tkopri kull stadju mis-sistema tal-ġustizzja kriminali. Bħala riżultat, il-ġbir kollu tad-dejta jiffaċċja dewmien sinjifikanti qabel ma jinġabar sett integrat ta' dejta.

    Id-differenzi fis-sistemi ta' rrappurtar: Stati Membri differenti japplikaw regoli differenti tal-għadd[9] sabiex titkejjel il-kriminalità, ħaġa li tillimita l-komparabbiltà u spiss twassal għal duplikazzjoni fl-għadd. Id-differenzi fil-punt meta tkun irreġistrata d-dejta dwar ir-reati u l-firxa wiesgħa ta’ prattiċi ta' rrappurtar madwar l-UE joħolqu ostakoli addizzjonali.

    Il-proliferazzjoni tal-ġbir tad-dejta minn organizzazzjonijiet tal-UE u dawk internazzjonali: Il-ġbir tad-dejta dwar il-kriminalità fil-livell internazzjonali jiddependi l-aktar fuq l-ambitu u l-mandat tal-organizzazzjoni involuta. Bħala riżultat, l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ spiss jiffaċċjaw talbiet kemxejn simili għad-dejta, li jżidu mal-konfużjoni u jżidu l-piżijiet amministrattivi tagħhom.

    Sorsi oħra ta' dewmien fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet deskritti fil-Pjan ta' Azzjoni kienu n-nuqqas ta' interess jew prijoritajiet differenti għal uħud mill-attivitajiet fil-livell nazzjonali, limitazzjonijiet baġitarji u dawk tal-persunal u, fl-aħħarnett, iż-żieda tal-piżijiet amministrattivi minħabba talbiet ġodda għal dejta. Bħala riżultat, 50% biss tal-objettivi intlaħqu[10].

    Jibqa' minnu li l-informazzjoni fuq il-forom tradizzjonali tal-kriminalità – kkunsidrati li huma 'il barra mill-kompetenza tal-UE – hija aktar b'saħħitha, aktar komparabbli u ġeneralment ta' kwalità aħjar milli fil-qasam tal-kriminalità organizzata transkonfinali li tirrelata aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet tal-politika tal-UE. Madankollu, il-progress jista' jidher f'oqsma kumplessi ġodda bħalma huma l-Ħasil tal-Flus, it-Traffikar tal-Bnedmin u ċ-Ċiberkriminalità. Iżda jibqa’ l-fatt li d-dejta dwar kriminalità kemm tradizzjonali u kemm fik transkonfinali organizzata tiddependi fuq il-kwalità u l-effiċjenza tal-istrutturi domestiċi li jirfdu l-ġbir u l-provvediment tad-dejta.

    L-IMPENJI POLITIĊI

    Fil-Programm ta' Stokkolma[11], il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex

    "tkompli tiżviluppa għodod statistiċi biex jitkejlu l-kriminalità u l-attivitajiet kriminali u tirrifletti dwar kif tkompli tiżviluppa, wara l-2010, l-azzjonijiet delinejati u parzjalment implimentati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni 2006-2010 dwar l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u koerenti tal-UE biex jitkejlu l-kriminalità u l-ġustizzja kriminali, bil-ħsieb tal-ħtieġa miżjuda għal din l-istatistika f'numru ta' oqsma fi ħdan l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja."

    Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-Kriminalità Serja u Organizzata kif ukoll iċ-Ċiberkriminalità huma fi ħdan ħames objettivi strateġiċi tal-Istrateġija Interna tas-Sigurtà[12] li tistabbilixxi l-bażi għal kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE li jimmiraw lejn Ewropa aktar sikura. L-iskambju ta' informazzjoni u l-ġbir ta’ statistika f’oqsma partikolari bħat-Traffikar tal-Bnedmin, il-Ħasil tal-Flus, il-Kriminalità Ċibernetika u l-Korruzzjoni huma skont l-azzjonijiet proposti tal-Istrateġija Interna ta' Sigurtà.

    XOGĦOL FUTUR

    Il-Pjan ta' Azzjoni fl-2011 – 2015 - l-Objettivi

    Peress li l-mira prinċipali tiegħu kienet fuq it-twaqqif tal-mekkaniżmi neċessarji, il-Pjan ta' Azzjoni 2006-2010 għandu jitqies bħala l-ewwel pass fi proċess fit-tul. Hu stabbixxa l-bażi għal strateġija tal-UE sabiex titkejjel il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali billi jiġi żviluppat u ttestjat mekkaniżmu funzjonali għall-fluss bla skossi ta' informazzjoni minn u lejn l-Istati Membri. Aħna u nibnu fuq it-tagħlimiet mill-imgħoddi, illum hu possibbli li napplikaw dan il-mekkaniżmu b'mod aktar effettiv.

    L-għan tal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid 2011-2015 hu li x-xogħol li nbeda fl-2006 jitkompla u jitmexxa 'l quddiem u li jkun hemm iffukar fuq il-kisba tar-riżultati. L-objettivi ppreżentati f’dan il-Pjan ta' Azzjoni huma msejsa fuq il-prijoritajiet stabbiliti mill-Istrateġija ta' Sigurtà Interna fir-rigward ta' oqsma ta' kriminalità speċifika u fuq rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta' Esperti dwar il-Ħtiġijiet tal-Politika, kif waslu f’konsultazzjoni bil-miktub matul is-sajf tal-2010. Il-messaġġ prinċipali ta' din il-konsultazzjoni, li jirrifletti l-prijoritajiet ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, kien il-bżonn ta' Pjan ta' Azzjoni ffukat u fattibbli b'enfasi fuq il-kwalità tad-dejta miġbura, l-analiżi u d-disseminazzjoni tar-riżultati, u koordinazzjoni aħjar u l-kollaborazzjoni tal-atturi kollha involuti (l-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, l-Akkademiċi). Bi tweġiba għal din it-talba, l-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni 2011-2015 huma maqsuma fl-erba' oqsma li ġejjin:

    1. Il-Kooperazzjoni u l-Koordinazzjoni fil-livell tal-UE u dak Internazzjonali

    2. Il-kwalità tad-dejta

    3. L-analiżi tad-dejta u d-disseminazzjoni tar-riżultati

    4. L-iżvilupp ta' indikaturi u ġabriet speċifiċi tad-dejta

    Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u dak Internazzjonali

    L-objettivi taħt din il-kategorija jwieġbu għar-rakkomandazzjonijiet tal-esperti dwar immappjar aħjar tal-ħtiġijiet ta' dawk li jfasslu l-politika, komunikazzjoni aħjar mal-partijiet interessati, il-promozzjoni ta' xogħol dwar statistika dwar il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali fost l-istituzzjonijiet tal-UE u kollaborazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u dak internazzjonali, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-eżerċizzji tal-ġbir. Uħud mill-azzjonijiet proposti biex jinkisbu dawn l-objettivi huma kif ġej:

    - Twaqqif ta' grupp ta' esperti ġdid u aktar wiesa'

    - aġġornamenti regolari tal-gruppi relevanti ta’ ħidma tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni

    - promozzjoni u tixrid tal-aħjar prattiki applikati mill-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali, għall-ġbir u rrappurtar tad-dejta

    - ġabriet tad-dejta organizzati flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u/jew aġenziji tal-UE.

    Il-kwalità tad-dejta

    L-objettivi ta’ din il-kategorija huma stabbiliti sabiex itejbu l-komparabbilità tad-dejta li diġà qed tiġi prodotta fuq bażi regolari. Peress li r-raġunijiet ewlenin għalfejn ma għandniex dejta komparabbli huma d-differenzi fil-kodiċijiet kriminali u s-sistemi ta' rrappurtar, l-enfasi hija fuq l-iżvilupp ta' Sistema Internazzjonali ta' Klassifikazzjoni tal-Kriminalità għal għanijiet statistiċi, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet multilingwistiċi. Skont l-esperti kkonsultati dwar il-kontenut ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni, it-titjib tal-kwalità tal-istatistika ppubblikata kull sena mill-Eurostat fi Statistics in Focus għandha tingħata l-ewwel prijorità. L-azzjonijiet suġġeriti jinkludu dan li ġej:

    - it-tkomplija u l-promozzjoni tax-xogħol ta' Task Force UNODC-UNECE dwar il-Klassifikazzjoni tal-Kriminalità bil-provvediment ta' fondi għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ jittestjaw il-klassifikazzjoni proposta,

    - jonqos il-livell ta' aggregazzjoni u tiżdied il-lista ta’ reati (fl-Istatistics in Focus dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali) sabiex wieħed jasal għal kategoriji aktar omoġenji,

    - jiġu introdotti varjabbli demografiċi (bħal gruppi skont is-sess, in-nazzjonalità, u l-età) fejn xieraq,

    - l-abbozzar tal-linji gwida u definizzjonijiet komuni, partikolarment għall- kollezzjonijiet il-ġodda ta' dejta dwar it-tipi ta’ reati mhux tradizzjonali.

    L-analiżi tad-dejta u d-disseminazzjoni tar-riżultati

    Il-bżonn li jkun hemm iżjed investimenti fl-analiżi tad-dejta miġbura issemma' mill-maġġoranza tal-esperti matul il-konsultazzjoni tagħhom. Minħabba d-differenzi fl-irreġistrar, l-irrappurtar u l-klassifikazzjoni tal-kriminalità madwar l-Istati Membri, il-paraguni tal-livelli ta’ kriminalità jistgħu jkunu qarrieqa, speċjalment jekk iċ-ċifri assoluti ma jkunux akkumpanjati minn informazzjoni addizzjonali dwar il-kwalità tagħhom (metadejta) - pereżempju, jekk hemm devjazzjonijiet mill-istruzzjonijiet u l-linji gwida rċevuti fil-bidu tal-proċess.

    Fl-istess waqt, il-ħtieġa ta' Rapport tal-UE tal-Kriminalità, li jiġbor flimkien id-dejta u rapporti dwar il-Kriminalità u l-Istatistika Kriminali, ilha li ġiet rikonoxxuta. L-iżvilupp ta’ qafas għall-produzzjoni ta' rapport bħal dan diġà kien fost l-objettivi tal-Pjan ta' Azzjoni 2006-2010 u wkoll is-suġġett ta' studju li kien konkluż f'Diċembru 2010. Madankollu, għad hemm il-ħtieġa għal aktar riflessjoni dwar il-fattibilità tal-alternattivi proposti.

    It-tixrid u l-aċċess miftuħ għal dejta, studji, rapporti u prassi tajba ġew mitluba wkoll minn bosta partijiet interessati. Biex jakkomoda t-talbiet t'hawn fuq, kienu ppjanati dawn l-azzjonijiet li ġejjin:

    - Kumpilazzjoni u pubblikazzjoni sistematika ta' metadejta u tagħrif kuntestwali, wara l-eżempju ta' Statistics in Focus

    - L-iżvilupp ta' Rapport tal-UE dwar il-Kriminalità bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudju preliminari u l-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-alternattivi proposti.

    - Produzzjoni ta' dokumenti ta' ħidma u noti ta' spjegazzjoni għal kull ġabra ġdida ta' dejta.

    L-iżvilupp ta' indikaturi u ġabriet speċifiċi tad-dejta

    L-objettivi ta' din il-kategorija jirriflettu l-kunsens ġenerali fuq pjan ta' azzjoni konċiż u fattibbli u jikkonformaw mat-talba tal-Istati Membri rigward tagħbija addizzjonali ta' xogħol. Fl-istess ħin, huma bbażati fuq il-prijoritajiet stabbiliti permezz tal-Istrateġija Interna tas-Sigurtà fir-rigward ta' oqsma speċifiċi ta' kriminalità.

    ewġ tipi ta' attivitajiet:

    - Attivitajiet kurrenti, li bdew taħt il-Pjan ta' Azzjoni preċedenti, bħal l-implimentazzjoni tal-Istħarriġ tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istħarriġ dwar il-vittimizzazzjoni tan-Negozju u t-tielet ġabra tad-djeta dwar il-Ħasil tal-Flus.

    - Attivitajiet li ġew inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni preċedenti li ma avvanzawx biżżejjed, bħal ġbir ta' dejta dwar iċ-Ċiberkriminalità, jew qatt ma nbdew, bħall-iżvilupp ta' indikaturi dwar il-Korruzzjoni.

    Il-ġbir tal-istatistika dwar il-kriminalità mill-2012 'il quddiem għandu jkun faċilitat aktar permezz tal-implimentazzjoni f'waqtha mill-Istati Membri tad-deċiżjoni (tat-tielet pilastru) li tistabbilixxi s-Sistema ta' Reġistru Kriminali (ECRIS)[13].

    Il-Pjan ta' Azzjoni fl-2011 – 2015 - L-isfidi

    L-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni tirrikjedi xogħol intensiv u kontinwu fil-livelli kollha (dawk nazzjonali, tal-UE u dawk internazzjonali).

    Fil-livell nazzjonali hemm il-ħtieġa li tittejjeb il-koordinazzjoni domestika fost l-utenti varji governattivi u non-governattivi u dawk li jipprovdu d-dejta dwar il-kriminalità. L-esperjenza wriet li dan in-nuqqas ta' koordinazzjoni huwa sors ewlieni tad-dewmien fl-eżerċizzji tal-ġbir.

    Il-kriżi finanzjarja ġiegħlet uħud mill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u għaldaqstant l-abilità tagħhom li jipparteċipaw fil-gruppi u l-kumitati tal-esperti. Il-Kummissjoni, konxja ta' din is-sitwazzjoni se tfittex li timminimizza l-għadd ta' laqgħat u se tħares ukoll lejn mezzi oħra ta' komunikazzjoni, bħal konferenzi bl-użu tal-vidjow jew tat-telefon.

    Fil-livell tal-UE l-isfida ewlenija tibqa' l-komparabbiltà tad-dejta miġbura. Din hi r-raġuni għaliex approċċ konsistenti għall-klassifikazzjoni ta' dejta dwar il-kriminalità hija meħtieġa. Il-ħtieġa għal sistema komuni ta' klassifikazzjoni tapplika mhux biss għall-Istati Membri iżda wkoll għall-aġenziji tal-UE. Għandu jkun hemm sforz fl-assigurazzjoni kontra r-riskju li s-sitwazzjoni preżenti tiġi replikata fi ħdan uħud mill-Istati Membri, fejn klassifikazzjonijiet ta' kriminalità multipli u ta' spiss diverġenti jżidu saff ieħor ta’ kumplessità għall-ġbir ta' dejta komparabbli.

    Fil-livell Ewropew u internazzjonali l-enfasi hija fuq il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajba. Ġbir komuni ta' dejta (jiġifieri l-Kummissjoni, il-korpi tan-NU, l-Kunsill tal-Ewropa, eċċ.) biċ-ċar inaqqsu l-piż fuq l-istituti statistiċi tal-Istati Membri u b’hekk jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-ġbir, il-verifika u t-trażmissjoni tat-tagħrif statistiku.

    L-IMPLIMENTAZZJONI U S-SEGWITU

    Id-DĠ HOME se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2011-2015. Il-Eurostat se jkompli bl-attivitajiet mibdija taħt il-Pjan ta' Azzjoni preċedenti u se jipprovdi pariri tekniċi dwar il-kompiti ġodda meta jkun meħtieġ.

    It-twaqqif mill-ġdid ta’ grupp espert biex jgħin lill-Kummissjoni sabiex tidentifika l-ħtiġijiet fil-politika dwar il-kriminalità se jgħin biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol fuq kriminalità organizzata u tal-volum[14] fil-Kummissjoni, il-korpi u l-aġenziji tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam.

    Se jitwaqqfu sottogruppi u Task Forces biex iwettqu l-kompiti partikolari soġġetti għall-ftehim tal-grupp ta' esperti fil-laqgħa annwali.

    Il-Pjan ta' Azzjoni se jkun aġġornat hekk kif jiżviluppa x-xogħol, u l-attivitajiet identifikati ser ikunu inklużi fil-programmi ta’ ħidma rilevanti tal-Kummissjoni, kif ukoll fil-Programm Statistiku tal-Komunità u fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha. Il-Pjan ta' Azzjoni jista' jeħtieġ ukoll li jkopri l-kejl tad-dejta marbuta mal-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz ta' miżuri ta' kriminalità, kif ukoll strumenti ġodda possibbli relatati mal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali. Il-perspettivi finanzjarji ġodda ser jirriflettu l-ħtieġa għall-appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma.

    Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill kull sena dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni. Fl-2013 il-Kummissjoni ser tħejji reviżjoni ta’ nofs it-terminu, u fi tmiem l-2015 rapport finali għandu jitressaq lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq il-kisbiet u l-limitazzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

    TABELLA TA' AZZJONIJIET GĦALL-PJAN TA' AZZJONI TAL-UE GĦALL-2011 – 2015 FUQ IL-KEJL TAL-KRIMINALITÀ FL-UNJONI EWROPEA

    1. IL-KOOPERAZZJONI U L-KOORDINAZZJONI FIL-LIVELL TAL-UE U DAK INTERNAZZJONALI

    Objettivi | Parti responsabbli | Perjodu ta’ żmien | Azzjonijiet speċifiċi |

    1.1 | Twaqqif ta' kanal ta’ komunikazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika (inkluża l-Kummissjoni), dawk li jipprovdu d-dejta u l-utenti aħħarija | COM (HOME) | Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-2011 Laqgħat annwali, li jibdew mill-2012 | It-twaqqif mill-ġdid u t-tkabbir[15] ta' grupp ta' esperti biex jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni. b. Definizzjoni u aġġornament regolari tal-ħtieġa ta’ politika permezz ta' diskussjonijiet u konsultazzjonijiet bil-miktub. c. Segwitu mingħand l-utenti tal-istatistika miġbura tal-kriminalità għal fehim aħjar it-tip ta' dejta meħtieġa għal tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. |

    1.2 | Tqajjim ta' kuxjenza u titjib tal-viżibilità tal-ħidma fuq l-istatistika dwar il-kriminalità fost l-istituzzjonijiet tal-UE | COM (HOME) | Kontinwu | a. Aġġornar kull sena lill-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni. b. Il-promozzjoni u t-tixrid tal-aħjar prassi mill-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali |

    1.3 | Titjib fil-kooperazzjoni bejn grupp ġdid ta' esperti u tal-grupp ta' Ħidma tal-Eurostat | COM (HOME, ESTAT) | Kontinwu | Aċċess komuni għar-rapporti tal-laqgħat, preżentazzjonijiet u dokumenti ta' appoġġ. |

    1.4 | Tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' dejta statistika u d-dupplikazzjoni tal-informazzjoni billi jiġu organizzati ġabriet ta’ dejta flimkien ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra u/jew aġenziji tal-UE. | COM (ESTAT, HOME. JUST) | 2011 l-ewwel ġbir ta’ dejta komuni | UNODC – EUROSTAT ġbir ta' dejta komuni. Esplorazzjoni ta' possibbiltajiet oħra. Il-Kummissjoni – Kunsill tal-Ewropa dwar il-popolazzjoni tal-ħabs (SPAZJU I u II) |

    1.5 | Ħidma b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunità akkademika u l-promozzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka b’relevanza għall-politika fl-oqsma prijoritarji tal-kriminalità tad-DĠ HOME. | COM (HOME, ESTAT, JUST, RTD, ENTR) | Kontinwu | a. Rappreżentanza sostanzjali tal-Akkademja fil-grupp ta' esperti u s-sottogruppi rilevanti tal-Kummissjoni. b. It-tixrid ta' informazzjoni dwar opportunitajiet ta' riċerka taħt is-seba' (7) u t-tmien (8) Programm Qafas ta’ Riċerka. c. Komunikazzjoni wiesgħa tar-riżultati finali u r-riżultati tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-Programm ISEC. |

    2. IL-KWALITÀ TAD-DEJTA

    2.1 | Is-segwitu u t-tkomplija tal-ħidma fuq l-iżvilupp ta' Sistema Internazzjonali ta' Klassifikazzjoni tal-kriminalità għal finijiet ta' statistika b’kollaborazzjoni mal-UNODC u l-UNECE | COM (HOME, ESTAT), UNODC, UNECE | Kontinwu | a. Il-Kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta' tali klassifikazzjoni u l-promozzjoni tar-riżultat finali mal-gruppi rilevanti. b. Il-provvediment ta' finanzjament, permezz tal-Programm ISEC, lill-Istati Membri li jixtiequ jittestjaw il-klassifikazzjoni proposta. |

    2.2 | It-tkomplija u l-avvanz tal-pubblikazzjoni annwali ta' dejta dwar il-Kriminalità u Ġustizzja Kriminali (Statistics in Focus) sabiex ti pprovduta aktar informazzjoni | COM (ESTAT, HOME, JUST, ) | Kontinwu | a. L-introduzzjoni ta' varjabbli demografiċi (eż. is-sess u l-età tal-gruppi). b. L-inklużjoni ta' informazzjoni dwar in-nazzjonalità u r-residenza għall-popolazzjoni tal-ħabs. c. L-estensjoni tal-pubblikazzjoni għal tipi oħra ta' kriminalità. |

    2.3 | Titjib tal-komparabilità tad-dejta miġbura u ppubblikata sa issa. | COM (ESTAT u HOME) | Kontinwu | a. Diżaggregazzjoni tal-klassijiet ġenerali ta’ delitti f'kategorijiet ta' kriminalità aktar omoġenji meta jkun possibbli[16]. b. L-iżvilupp tad-definizzjonijiet komuni u linji gwida partikolarment għall-ġbir tad-dejta dwar Eurocrimes fejn m'hemm l-ebda esperjenza preċedenti. |

    3. L-ANALIżI TAD-DEJTA U D-DISSEMINAZZJONI TAR-RIżULTATI

    3.1 | Żvilupp ta' qafas koerenti għar-rappurtar tad-dejta tal-UE 27 dwar il-kriminalità biex jiġu evitati paraguni qarrieqa. | COM (HOME) b’kontribuzzjonijiet minn Direttorati Ġenerali oħra u partijiet interessati internazzjonali | L-edizzjoni tal-ewwel stampar fl-2013-2014 | L-iżvilupp ta' Rapport Ewropew tal-Kriminalità ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istudju preliminari mwettaq taħt il-Pjan ta' Azzjoni 2006-2010 u l-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-alternattivi proposti. |

    3.2 | Il-ġabra u l-pubblikazzjoni ta' metadejta u tagħrif kuntestwali fuq bażi sistematika. | COM (ESTAT, HOME) | Kontinwu | Kull ġbir tad-dejta għandu jiġu akkumpanjat minn sett ta' metadejta u kummenti kif ipprovduti mill-Istati Membri. |

    3.3 | Il-pubblikazzjoni ta' dokumenti ta' ħidma u noti ta' spjegazzjoni | COM (HOME) u/jew esperti esterni skont il-każ | Kontinwu | Għal kull ġabra speċifika ta’ dejta (l-objettivi 4.1- 4.6)se jiġu ppreżentati r-riżultati u, jekk possibbli, analizzati f’dokument ta' ħidma li ser ikun pubblikament aċċessibbli. |

    4. L-IżVILUPP TA' INDIKATURI U ġABRIET SPEċIFIċI TAD-DEJTA

    4.1 | Il-Kejl tal-Ħasil tal-Flus | COM (HOME, ESTAT) | Il-Ġbir tad-Dejta fl-2011. Il-Pubblikazzjoni tar-riżultati fl-ewwel nofs l-2012 | a. It-tielet ġabra ta' Statistika dwar il-Ħasil tal-Flus ibbażata fuq indikaturi żviluppati taħt il-Pjan ta' Azzjoni 2006-2010. b. Il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal ġbir regolari kull sentejn. |

    4.2 | Il-Kejl Tat-Traffikar Tal-Bnedmin | COM (HOME, ESTAT għall-ġbir) | L-ewwel ġbir tad-dejta fl-2011-2012 | a. L-ewwel ġbir tad-dejta fuq numru żgħir ta' indikaturi f' kollaborazzjoni man-Netwerk ta' Relaturi Nazzjonali. b. Valutazzjoni tal-fattibilità u l-ħtieġa għal ġbir regolari. |

    4.3 | Il-kejl taċ-Ciberkriminalità | COM (HOME, b'pariri tekniċi mill-ESTAT) | L-ewwel ġbir tad-dejta fl-2012 | a. L-ewwel ġbir ta' dejta dwar ir-reati tad-Direttiva proposta tal-UE dwar attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni[17]. b. It-twessigħ gradwali tal-lista biex jiġu koperti reati oħra ffaċilitati bil-kompjuter, bħal frodi onaljn ta' volum għoli, se jiġi evalwat u diskuss. |

    4.4 | Il-kejl tal-Korruzzjoni | COM (HOME, b'pariri tekniċi mill-ESTAT, OLAF) | L-ewwel ġbir tad-dejta fl-2013 | L-iżvilupp ta' indikaturi segwit minn ġbir bi prova ta' dejta. |

    4.5 | Il-kejl tar-rati tal-vittimizzazzjoni u s- sensazzjonijiet tas-sigurtà fi stħarriġ komuni tal-UE (EU SASU) | COM (ESTAT, HOME. JUST), L-Istati Membri | L-implimnetazzjoni tal-istħarriġ fl-2013 Pubblikazzjoni tar-riżultati fl-2014-2015 | a. L-implimentazzjoni ta’stħarriġ tal-familja/personali fl-Unjoni Ewropea; il-mudell ġie żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib ma’l-Istati Membri u jkopri l-prevalenza ta’tipi speċifiċi ta' kriminalità (rati ta' vittimizzazzjoni) u aspetti oħra relatata mas-sensazzjoni taċ-ċittadini dwar is-sigurtà tagħhom. b. L-analiżi u l-pubblikazzjoni tar-riżultati |

    4.6 | Il-kejl tal-firxa u t-tip ta' vittimizzazzjoni fil-qasam tan-negozju | COM (HOME) | L-istħarriġ fl-2011 - 2012 Ir-riżultati fl-2013 | L-implimentazzjoni ta’ stħarriġ dwar il-Vittimizzazzjoni fin-Negozju bbażat fuq l-istudju tal-fattibilità sar taħt il-Pjan ta' Azzjoni 2006-2010. |

    4.7 | Il-kejl tal-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sanzjonijiet kriminali fuq il-prattika nazzjonali | COM (JUST) | Ir-riżultati fl-2013 | L-ewwel ġbir ta' dejta bbażata fuq studju dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattika fir-rigward tas-sanzjonijiet kriminali. |

    [1] B'deċiżjoni tal-Kummissjoni (2006/581/KE)

    [2] Assoċazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles: L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

    [3] EUCPN, EMCDDA, EUROJUST, EUROPOL, FRA, Kunsill tal-Ewropa, Sourcebook Ewropew, UNODC, UNECE u UNICEF

    [4] Sotto-Gruppi Dwar L-Ippjanar, Il-Ħasil tal-Flus, il-Ġustizzja Kriminali, it-Traffikar tal-Bnedmin, il-Kooperazzjoni tal-Pulizija u l-Kriminalità Ċibernetika

    [5] Task Forces dwar il-Vittimizzazzjoni u dwar id-Disponibbiltà tad-dejta dwar il-Kriminalità

    [6] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/crime/publications

    [7] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/publication?p_product_code=KS-RA-10-003

    [8] Offerta JLS/D2/2007/03. Studju dwar l-iżvilupp tal-UE- sistma ta' klassifikazzjoni tal-livelli tar-reati u valutazzjoni tal-fattibbiltà tagħha li tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni biex tiżviluppa strateġija tal-UE biex titkejjel il-kriminalità u l-ġustizzja kriminali.

    [9] Fuq il-bażi jew ta' delinkwenti jew ta' reati.

    [10] 30% oħra kienu parzjalment milħuqa jew li għadhom fil-proċess.

    [11] ĠU C 115/1, 4.5.2010, pp.21

    [12] L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura. COM(2010) 673 finali.

    [13] ĠU L 93, 7.4. 2009, p.33

    [14] Il-kriminalità tal-volum tinkludi: Serq bi sgass, Serq, Serq ta' Vetturi, Assalt, Vandaliżmu eċċ.

    [15] Sabiex tkopri s-27 SM, il-Pajjiżi Aderenti u Kandidati, is-Segretarjat tal-Kunsill, l-aġenziji tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa, korpi tan-NU, is-Sourcebook Ewropew u rappreżentanti l-Akkademja

    [16] Kien jiddependi ħafna fuq ir-riżultat ta 'Objettiv 2.1: żvilupp ta' Sistema Internazzjonali ta' Klassifikazzjoni tal-Kriminalità għal finijiet statistiċi

    [17] Kif adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’Settembru 2010 (COM(2010)517 final).

    Top