EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0685

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA Pakkett "Negozji responsabbli"

/* KUMM/2011/0685 finali */

52011DC0685

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA Pakkett "Negozji responsabbli" /* KUMM/2011/0685 finali */


It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi li l-Unjoni Ewropea u s-suq intern tagħha jkunu bbażati fuq "ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna". Sabiex jitħares u jitkabbar dan il-mudell fi sfond ekonomiku u finanzjarju diffiċli, l-UE adottat l-Istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li toħloq il-kundizzjonijiet ta' tkabbir aktar intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Għadd ta' inizjattivi politiċi ambizzjużi għandhom l-għan li jwettqu dawn l-objettivi:

– F'April 2011, sabiex is-suq intern jingħata spinta, l-"Att dwar is-Suq Uniku"[1] (Single Market Act - SMA) enfasizza l-importanza tal-bniedem u tal-fiduċja bħala muturi tal-ekonomija u tal-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li jissaħħu l-kunsiderazzjonijiet ta' natura soċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-promozzjoni tal-impriżi. Dan jimplika t-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-impriżi fir-rigward tal-ambjent soċjali tagħhom u juri b'mod ċar ir-rwol importanti li għandhom l-impriżi responsabbli u soċjali.

– Bl-istess mod, l-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni" tippromwovi l-kunċett ta' innovazzjoni soċjali, li għall-assoċjazzjonijiet u għall-imprendituri soċjali tfisser li dawn jużaw il-kreattività tagħhom għas-servizz ta' gruppi vulnerabbli u bżonnijiet soċjali urġenti li ma kinux issodisfati mis-suq jew mill-awtoritajiet pubbliċi.

– Fit-tmiem l-2010, il-"Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali" proponiet strateġija komprensiva sabiex ikunu kkoordinati l-politiki nazzjonali u Ewropej biex b'hekk l-Ewropa ssir iktar inklużiva, u biex "ikun mobilizzat il-potenzjal tal-ekonomija soċjali" fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

– Fil-komunikazzjoni tagħha "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni", il-Kummissjoni tinnota li "hemm bżonn ta' approċċ ġdid għall-bilanċ bejn il-massimizzazzjoni tal-profitt fi żmien qasir u ħolqien ta' valur sostenibbli aktar ma jgħaddi ż-żmien"[2].

Il-kwistjoni hija dik tat-tkabbir u l-kompetittività, li huma biss possibbli jekk mill-ġdid jerġa' jkun hemm il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni tagħna. Jeħtieġ li nisfruttaw il-ħila tal-Ewropa fir-rigward tal-innovazzjoni u l-kreattività, filwaqt li nibqgħu leali lejn il-valuri tagħna: ir-responsabbiltà u t-trasparenza, iżda wkoll il-ġustizzja, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà. Għalhekk dan it-tkabbir ġdid inklużiv u sostenibbli, li jiffoka fuq impjieg għal kulħadd, qabel xejn se jgħaddi minn tisħiħ mill-ġdid tal-ekonomija reali bbażata fuq impriżi li joħolqu l-valur u mmexxija b'mod trasparenti u responsabbli.

B'rabta ma dak li ntqal, il-pakkett "Impriżi responsabbli" jipproponi ġabra ta' miżuri u inizjattivi biex jiġi kkonsolidat u jitkabbar il-mudell ekonomiku u soċjali tagħna, li huwa s-sies tal-ħajja komuni ta' 500 miljun Ewropew. Permezz ta' din l-inizjattiva, il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ u tgħin lid-dinja tal-impriżi biex tipparteċipa fl-isforz komuni tagħna u b'hekk ir-responsabbilità, il-fiduċja u l-inklużjoni soċjali jerġgħu jitqiegħdu fil-qalba ta' mudell ekonomiku aktar sostenibbli fil-kontinent tagħna, għaliex ma jistax ikun hemm prestazzjoni ekonomika sostenibbli mingħajr koeżjoni soċjali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tappoġġa b'mod sħiħ il-miżuri tal-impriżi u l-inizjattivi innovattivi li jżidu r-rata tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali filwaqt li jsaħħu l-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea.

B'dan il-mod, il-Kummissjoni semgħet il-pariri espressi mill-atturi waqt il-konsultazzjonijiet u d-dibattiti pubbliċi li saru fl-Unjoni Ewropea sa mill-2010 u nnutat li dawn il-kwistjonijiet qajmu interess qawwi.

Il-pakkett "Impriżi responsabbli" jinkludi dan li ġej:

– din il-Komunikazzjoni introduttorja

– il-proposta tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kontabbiltà[3]

– il-proposta tar-reviżjoni tad-Direttivi tat-Trasparenza[4]

– il-Komunikazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji (Corporate Social Responsibility - CSR)[5]

– il-Komunikazzjoni "Inizjattiva ta' Negozju Soċjali"[6]

Dan il-"pakkett" jippreżenta żewġ objettivi:

· Li joħloq ambjent ekonomiku aktar favorevoli għall-ħolqien, għall-innovazzjoni u għat-tisħiħ tal-fiduċja fid-dinja tal-impriżi, billi jissimplifika l-piżijiet u l-ostakoli amministrattivi li jinħassu b'mod partikolari mill-impriżi żgħar u medji (SMEs), u b'hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw u jiksbu l-potenzjal tagħhom għat-tkabbir. Dan se jkun jinvolvi l-aktar adattament aħjar tar-regoli dwar it-trasparenza tal-kontijiet u l-attivitajiet tal-impriżi. Dan jista' joħloq tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi li jilħaq EUR 2.3 biljun.

· Li jesprimi l-viżjoni u l-proġetti tal-Kummissjoni għall-intraprenditur responsabbli u soċjali fis-soċjetà. B'mod partikolari, dan jinvolvi ħsibijiet ġodda dwar ir-rwol tal-impriżi fis-soċjetà u fl-ambjent li fih jevolvu l-imprendituri li joħolqu proġetti innovattivi, ekonomikament vijabbli u li jħallu impatt soċjali qawwi.

1. Il-ħolqien ta' ambjent ekonomiku aktar sostenibbli, l-aktar għall-SMEs

L-għan ta' dawn iż-żewġ inizjattivi leġiżlattivi ta' dan il-pakkett huwa li jsaħħu l-fiduċja fil-funzjonament tal-impriżi Ewropej.

Id-Direttivi dwar il-Kontabbiltà jittrattaw il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati tal-impriżi korporattivi fl-Ewropa. Dawn inaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-SMEs billi joħolqu sistema simplifikata għall-kumpaniji ż-żgħar. Jipprovdu aktar ċarezza u komparabbiltà bejn il-kontijiet annwali tal-kumpaniji li għandhom dimensjoni transkonfinali qawwija u li jħallu effett fuq għadd sinifikanti ta' partijiet terzi. Fl-aħħar nett, jipproteġu lill-utenti billi jżommu l-informazzjoni li jeħtieġu.

Permezz tal-immodernizzar tad-Direttiva tat-Trasparenza, il-Kummissjoni tixtieq tgħin l-aċċess tal-impriżi żgħar u medji elenkati għal swieq regolati. B'dan il-mod, l-abolizzjoni tal-obbligu ta' pubblikazzjoni ta' informazzjoni kull tliet xhur għandha mhux biss tnaqqas l-ispejjeż għall-elenkar tal-impriżi żgħar u medji iżda għandha tħeġġeġ l-investiment fuq terminu ta' żmien twil jew medju u għalhekk tippromwovi l-investiment soċjalment responsabbli.

Dawn l-inizjattivi li jikkonċernaw in-normi tal-kontabbiltà u t-trasparenza għandhom ukoll l-għan li jtejbu t-trasparenza ta' dawk il-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi, inkluż fl-Unjoni Ewropea, billi joħolqu sens ta' responsabbiltà fost l-impriżi tal-estrazzjoni u l-forestrija. Il-kumpaniji tal-estrazzjoni u l-forestrija elenkati fis-swieq Ewropej, kif ukoll il-kumpaniji l-kbar mhux elenkati, se jippubblikaw rapport dwar il-ħlasijiet lill-gvernijiet, iddettaljat skont il-pajjiż u, meta l-ħlasijiet jingħataw lil proġett speċifiku, skont il-proġett, b'livell limitu ta' materjalità. Rapporti bħal dawn għandhom jagħtu liċ-ċittadini tal-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi ferm aktar informazzjoni dwar dak li speċifikament jitħallas mill-kumpaniji Ewropej lill-gvernijiet tal-pajjiżi li joperaw fihom, sabiex huma jiksbu d-dritt li jwettqu l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali ta' dawn il-pajjiżi.

Wieħed għandu jinnota li dawn il-proposti se jitlestew fl-2012 permezz ta' proposta leġiżlattiva li għandha l-għan li tiffavorixxi l-iżvelar ta' informazzjoni mhux finanzjarja.

2. Ir-riformulazzjoni tar-rwol tal-intraprenditorija responsabbli u soċjali fis-soċjetà

Iż-żewġ Komunikazzjonijiet huma kumplimentari u jirriżultaw minn inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni u minn ħidma importanti ta' konsultazzjoni kif ukoll minn proċessi ta' diskussjoni.

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji (Corporate Social Responsibility - CSR) tippreżenta strateġija li tippermetti lill-impriżi kollha li jikkontribwixxu aħjar għat-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jużaw il-potenzjal tagħhom biex joħolqu valur azzjonarju u soċjali. Din tipproponi definizzjoni aġġornata tas-CSR, li hija konformi mal-prinċipji u mal-linji gwida rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. It-test jesplora kif jista' jiżdied l-għarfien dwar u kif prattiki responsabbli tal-impriżi jiġu rrikompensati aħjar fil-politiki pubbliċi (investimenti, swieq pubbliċi, trasparenza tal-informazzjoni mhux finanzjarja) u permezz tal-atturi privati (konsumaturi, investituri). Dan jiżgura segwitu tal-applikazzjoni tal-prinċipji u l-linji gwida rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, u jidentifika modi possibbli għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta' Gwida dwar l-impriżi u d-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji reali tas-CSR, ivara dibattitu dwar kwistjonijiet importanti tas-soċjetà (tibdil demografiku, saħħa, benessri fuq il-post tax-xogħol, żvilupp lokali) u jfakkar l-importanza tas-CSR fid-dinja tal-edukazzjoni.

L-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali tittratta b'mod aktar speċifiku tip ta' impriżi li l-missjoni prinċipali tagħhom hija dik li, tul attività ekonomika li tiġġenera l-profitti, iservu l-interess ġenerali fuq il-livell soċjali, soċjetali u ambjentali. Dawn l-impriżi, li jirrappreżentaw parti sinifikanti u li dejjem tikber tal-ekonomija Ewropea u li jipparteċipaw ukoll fit-tisħiħ tal-ekonomija soċjali hekk kif inhi, diġà jeżistu fl-Istati Membri kollha. Spiss il-pijunieri tal-innovazzjoni soċjali u tat-tibdil, jużaw mudelli ta' organizzazzjoni differenti - xi drabi kumpaniji bi stokks konġunti, xi drabi oħra kooperattivi, ta' benefiċċju reċiproku, assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet - u kollha jinvestu mill-ġdid fil-profitti tagħhom (jew mill-inqas parti kbira minnhom) fil-ksib tal-għanijiet soċjali tagħhom. Għalkemm ikunu involuti fl-inizjattivi taċ-ċittadini u tal-komunità, li permezz tagħhom joħolqu interfaċċji u rabtiet ġodda bejn l-atturi, madankollu jkunu nieqsa mill-viżibbiltà u mir-rikonoxximent min-naħa tal-pubbliku ġenerali, mid-dinja politika u mill-investituri. Din il-Komunikazzjoni għandha għalhekk l-għan li tiżviluppa ambjent li jiffavorixxi l-impriżi soċjali sabiex, fi ħdan is-suq uniku, tħeġġeġ l-iżvilupp ta' inizjattivi innovattivi, ekonomikament vijabbli u li jħallu impatt qawwi fuq is-soċjetà. Il-Kummissjoni teżamina jekk, fl-oqsma kollha fejn il-politiki Ewropej huma elaborati jew żviluppati, il-metodi operazzjonali, l-ispeċifikazzjonijiet u l-objettivi ta' dan it-tip ta' impriżi humiex ikkunsidrati b'mod xieraq. It-test jipprevedi wkoll miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-impriżi soċjali għall-finanzjament (privat u pubbliku), sabiex jittejbu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent tagħhom, u biex jinħoloq ambjent irregolat li jkun aktar favorevoli kemm mill-perspettiva tal-liġi korporattiva, kemm minn dik tal-akkwist pubbliku jew tal-għajnuniet tal-Istat.

[1]               "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja", COM(2011) 206 finali tat-13 ta' April 2011

[2]               COM(2010) 614 finali/2 tas-17 ta’ Novembru 2010

[3]               COM(2011) 684 finali

[4]               COM(2011) 683 finali

[5]               COM(2011) 681 finali

[6]               COM(2011) 682 finali

Top