This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0670
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL AND THE EUROPEAN PARLIAMENT Setting up an Aviation Safety Management System for Europe
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW It-twaqqif ta' Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-Ewropa
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW It-twaqqif ta' Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-Ewropa
/* KUMM/2011/0670 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW It-twaqqif ta' Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-Ewropa /* KUMM/2011/0670 finali */
INTRODUZZJONI Permezz tal-pubblikazzjoni tal-White Paper tagħha dwar it-Trasport[1], il-Kummisjoni ddikjarat l-għan ċar li l-Unjoni Ewropea għandha tkun l-iktar reġjun sikur għall-avjazzjoni. Barra minn hekk, ir-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riċerka fl-Avjazzjoni[2], iddikjara għan għall-2050 li titnaqqas ir-rata tal-aċċidenti tat-titjiriet kummerċjali għal inqas minn inċident wieħed għal kull għaxar miljun titjira, jiġifieri għal nofs il-livell kurrenti. Madankollu, filwaqt li r-rata tal-aċċidenti tal-avjazzjoni tkompli tonqos, ir-rata tat-tnaqqis naqset konsiderevolment mill-2004[3] u fl-istess ħin l-għadd ta' titjiriet kompla jikber, u mistenni li kważi jirdoppja sal-2030[4]. Konsegwentement, sabiex ikun ippreservat il-livell baxx kurrenti ta' fatalitajiet li jirriżultaw mill-aċċidenti tal-ajru, għandna niżguraw li r-rata tal-aċċidenti tkompli tonqos sabiex tkun proporzjonata mat-tkabbir kontinwu tal-għadd ta' titjiriet. Għalhekk, fis-snin li ġejjin, l-UE se tkun affaċċjata minn sfida sinifikanti jekk se tkun fuq quddiem nett fis-sikurezza tal-avjazzjoni u ssalva ħajjiet li kieku jintilfu. Għalhekk hemm il-ħtieġa ċara għal azzjoni urġenti. Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi kif din l-isfida tista' tintlaħaq u tistabbilixxi xi azzjonijiet speċifiċi. Hija l-kontribuzzjoni tal-Ewropa bħala appoġġ għall-għan li nimxu lejn ġestjoni proattiva u bbażata fuq l-evidenza tas-sikurezza tal-avjazzjoni, miftiehem waqt il-Konferenza dwar Sikurezza ta' Livell Għoli[5] tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali(ICAO), li saret f'Montreal fl-2010. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata wkoll minn Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni li jiddeskrivi l-qafas kurrenti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fil-livell Ewropew. Id-dokument kien ippreparat b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-EASA u huwa msejjaħ "il-Programm Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni" (EASP)[6] L-ISFIDA Bħalissa, is-sistema fl-Ewropa biex tkun żgurata s-sikurezza fl-avjazzjoni hija l-biċċa l-kbira bbażata fuq dipendenza fuq sett ta' regoli, immonitorjati mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u mill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni (NAA) li kienu żviluppati wara snin ta' esperjenza u bl-użu tat-tagħlimiet miksuba minn investigazzjonijiet ddettaljati u indipendenti ta' inċidenti u aċċidenti tal-ajru. Din is-sistema reattiva ilha effettiva għal dawn l-aħħar deċennji, biex mhux biss twassal għal rekord ta' sikurezza tajjeb ħafna għall-avjazzjoni fl-Ewropa iżda wkoll għal wieħed li kompla jitjieb matul dawn l-aħħar deċennji. Madankollu, kif innutat fil-Manwal għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-ICAO (Safety Management Manual (SMM))[7], il-konformità regolatorja bħala l-pedament tas-sikurezza qed tilħaq il-limitu tagħha minħabba li s-sistema tal-avjazzjoni qed issir dejjem iktar ikkumplikata u qed nifhmu iktar dwar il-limitazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-bniedem u l-impatt tal-proċessi organizzazzjonali. L-SMM jispjega li s-sikurezza qed titqies aktar bħala l-proċess li permezz tiegħu, ir-riskji għas-sikurezza jinżammu taħt kontroll organizzazzjonali u, konsegwentement, l-ICAO introduċiet il-bżonn għal approċċ sistemiku għas-sikurezza fl-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati tagħha, fi kliem ieħor, l-introduzzjoni ta' sistemi għall-ġestjoni tas-sikurezza (Safety Management Systems (SMS)). Għalhekk, huwa ċar li sabiex ikompli jsir progress, l-Unjoni Ewropea għandha tmur lil hinn mill-konċentrazzjoni fuq it-tfassil tar-regoli, irrispettivament minn kemm hija importanti din l-attività, u tagħti aktar importanza lill-indirizzar tar-riskji għas-sistema tal-avjazzjoni b'mod sistematiku. Għandna nimxu minn sistema primarjament reattiva fejn ir-regolamenti jinbidlu b'riżultat tal-esperjenza lejn sistema proattiva u li tipprova tantiċipa riskji għas-sikurezza potenzjali sabiex titnaqqas aktar il-probabbiltà ta' aċċidenti. Barra minn hekk, bil-qsim ikbar tal-kompetenzi regolatorji għas-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, ma għadux prattiku jew mixtieq għall-Istati Membri jew il-Kummissjoni jew l-EASA li jieħdu azzjoni waħidhom meta jkunu qed ifittxu soluzzjonijiet proattivi għal problemi komuni. Il-'parteċipanti' kollha tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw li s-sistema kollha hija ikbar mit-total tal-partijiet tagħha. Dan kien enfasizzat mid-Dikjarazzjoni ta' Madrid[8] meta kienu kkunsidrati l-aspetti tas-sikurezza tal-Ajru Uniku Ewropew. Il-konklużjonijiet, fost affarijiet oħra, iddikjaraw li l-estensjoni tal-kompetenzi tal-EASA għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) u l-ajruporti sal-2012 u l-2013, għandha tkun ikkumplimentata mill-istabbiliment ta' governanza xierqa, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet u l-ħila esperta tal-EASA u l-Eurocontrol. Il-Kummissjoni flimkien mal-EASA, ilha tikkunsidra għal xi żmien, kif għandha tipproċedi u organizzat konferenza dwar is-sikurezza f'Jannar 2011, li kienet miftuħa għall-partijiet interessati kollha tal-avjazzjoni, biex tiddiskuti l-kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tas-sikurezza. Id-dettalji tal-konferenza u s-sommarji tad-dibattiti huma disponibbli fuq is-sit elettroniku Europa[9]. Din il-Komunikazzjoni, abbażi tal-kontribuzzjonijiet li saru matul il-konferenza, tistabbilixxi l-parametri ta' sistema Ewropea għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni, kif kieku tkun tidher u tiddiskuti l-ostakoli li għandhom jingħelbu biex ikun żgurat li hija effettiva. SISTEMA EWROPEA LI TWASSAL GħAS-SIKUREZZA TAL-AVJAZZJONI X'inhi sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza? Qabel ma nikkunsidraw kif għandha tkun din is-sistema tal-UE, u xi problemi għandhom jingħelbu fl-istabbiliment tad-diversi komponenti, jeħtieġ li nifhmu l-proċessi fundamentali li jiffurmaw is-sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza. Sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza hija sistema proattiva li tidentifika l-perikli għall-attività, tivvaluta r-riskji li dawk il-perikli jippreżentaw u tieħu azzjoni biex tnaqqas dawk ir-riskji għal livell aċċettabbli. Imbagħad tivverifika biex tikkonferma l-effikaċja tal-azzjonijiet. Is-sistema taħdem kontinwament biex tiżgura li kwalunkwe periklu jew riskju ġdid ikun identifikat malajr u l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni jkunu adattati u fejn ineffikaċi jkunu riveduti. Din is-sistema proattiva fil-livell tal-UE għandha l-għan li tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri u mhux tissostitwixxihom. Is-sistema mhix dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà biex tittieħed azzjoni iżda dwar il-bżonn għal iktar kooperazzjoni biex jinkisbu riżultati aħjar. Hija għandha żżid il-valur tal-inizjattivi tas-sikurezza tal-Istati Membri billi tiġbor flimkien informazzjoni mill-Ewropa kollha biex tgħin l-identifikazzjoni ta' riskji għas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Ewropa kollha. Hija għandha taqsam l-informazzjoni u tkun faċilitatur li jippermetti li tittieħed azzjoni kkonċertata. Sabiex iseħħ dan, huwa ċar li se tiddependi fuq l-assistenza u l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-industrija tal-avjazzjoni. Huwa permezz tal-ġbir flimkien f'approċċ kollaborattiv tax-xogħol tas-sistemi għall-ġestjoni tas-sikurezza fil-livell ta' Stat Membru u tal-industrija li għandhom jinkisbu l-benefiċċji Ewropej. L-avvenimenti riċenti relatati mal-iżbroffi ta' vulkani fl-Ewropa wrew il-valur ta' azzjoni flimkien, permezz tal-użu tal-informazzjoni u l-kontributi mill-partijiet kollha, biex nippruvaw naslu għal approċċ komuni għal dan ir-riskju ġdid għas-sikurezza. Nipprovdu fokus Sabiex tkun indirizzata l-isfida tal-organizzazzjoni ta' sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza li titħaddem f'kuntest reġjonali, jeħtieġ li jkun hemm punt fokali. Fl-2004, l-UE stabbilixxiet l-EASA li tinkludi l-għarfien espert dwar is-sikurezza teknika tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE. Għalhekk huwa loġiku li l-EASA, li għandha r-riżorsi u l-faċilitajiet biex tiżgura li s-sistema taħdem b'mod effiċjenti, għandha tkun fil-qalba tas-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Madankollu, mhux l-attivitajiet u r-responsabbiltajiet kollha relatati mal-iffunzjonar tas-sistema għandhom ikunu kollha fl-EASA. Approċċ sistemiku jirrikjedi li l-parteċipanti ewlenin kollha jieħdu azzjoni flimkien bil-Kummissjoni, l-EASA, l-Istati Membri, il-Eurocontrol u l-partijiet interessati tal-industrija jaħdmu fi sħubija u jagħtu rispons lil xulxin. Minkejja dan, l-EASA hija l-unika organizzazzjoni fil-qalba tal-UE li hija ddedikata 100 % għas-sikurezza tal-avjazzjoni u għalhelkk tista' tressaq lejn xulxin id-diversi punti ta' ħidma li se jikkontribwixxu għas-suċċess. L-identifikazzjoni tal-perikli L-ewwel attività tas-sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza hija li tidentifika l-perikli għas-sikurezza għall-avjazzjoni. Sabiex ikunu identifikati l-perikli għas-sikurezza, hija meħtieġa informazzjoni. Din l-informazzjoni hija komponent vitali ta' kwalunkwe sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza peress li mingħajr informazzjoni tajba, kwalunkwe attentat sabiex jiġu identifikati l-perikli joħloq ħafna mistoqsijiet. Varjetà ta' sorsi ta' informazzjoni bħalissa huma disponibbli, bħal rapporti tal-aċċidenti, rapporti tal-ispezzjoni tal-ajruplani fuq l-art mill-Programm ta' Sikurezza tal-Ajruplani Barranin (SAFA), l-investigazzjoni u s-segwitu ta' inċidenti, dejta mir-rapporti tal-okkorrenza integrati fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew (ECR), awditi ta' sorveljanza inklużi Spezzjonijiet ta' Standardizzazzjoni u skambju ta' informazzjoni. L-ebda sors wieħed ma jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u proċess tal-UE għall-identifikazzjoni tal-periklu għandu jagħmel użu minn kombinazzjoni tar-riżorsi kollha, kemm reattivi, proattivi u predittivi u l-qsim ta' din l-informazzjoni jista' jipprovdi lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet b'"intelliġenza" komprensiva tas-sikurezza tal-ajru. Perikli tipiċi fl-ambjent tal-avjazzjoni jinkludu affarijiet bħal kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, pajsaġġ muntanjuż viċin ajruport jew ħsara f'magna ta' ajruplan. Madankollu, filwaqt li l-UE għandha aċċess għal dawn is-sorsi ta' informazzjoni kollha, huwa b'mod partikolari fir-rigward tar-rapporti tal-okkorrenza li teżisti linja difettuża sinifikanti. Minkejja l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/42/KE[10], ir-rapporti tal-okkorrenza fl-UE u l-użu tal-ECR għadhom affettwati minn għadd ta' nuqqasijiet li jillimitaw l-utilità tas-sistema tar-rapporti tal-okkorrenza għall-finijiet ta' prevenzjoni ta' aċċident. Dawn in-nuqqasijiet b'mod partikolari huma informazzjoni ta' kwalità baxxa, dejta mhux kompluta, nuqqas ta' ċarezza fl-obbligi ta' rappurtar u fil-fluss tal-informazzjoni u ostakoli legali u organizzazzjonali sabiex ikun żgurat aċċess adegwat għall-informazzjoni ECR li jippermetti qsim ta' informazzjoni. Barra minn hekk, hemm frammentazzjoni konsiderevoli fis-sistema kurrenti. Minbarra r-repożitorju tal-UE, il-Eurocontrol għandu r-repożitorju ta' sikurezza tiegħu u l-EASA qed tibni l-bażi tad-dejta interna tagħha. Ikun ta' vantaġġ li din l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi tkun ikkombinata. Fl-aħħar nett, huwa diffiċli biex jinqabdu l-okkorrenzi kollha u din il-problema toħloq il-bżonn għal azzjoni fil-qasam tal-implimentazzjoni ta' 'kultura ġusta'[11]. Jeħtieġ xogħol ulterjuri biex tkun inkoraġġita kultura ta' rappurtar miftuħ fl-industrija tal-avjazzjoni u biex ikun appoġġjat l-iżvilupp ta' ambjent fejn l-individwi jħossuhom li jistgħu jirrappurtaw avvenimenti sinifikanti mingħajr il-biża' ta' ritaljazzjoni. Azzjoni 1: Fl-2012, il-Kummissjoni se tressaq proposti biex taġġorna s-sistema tal-UE dwar ir-rapporti ta' okkorrenza billi tirrevedi d-Direttiva 2003/42/KE u r-Regoli ta' Implimentazzoni tagħha [12] Analiżi tad-dejta dwar is-sikurezza Li jkollok dejta dwar is-sikurezza hija ħaġa, iżda li tifhimha hija ħaġa oħra. Anke issa, bin-nuqqasijiet identifikati iktar 'il fuq, l-ECR fih iktar minn 450 000 rapport ta' okkorrenza, u din iċ-ċifra qed tikber kuljum. L-isfida għalhekk hija li jkun żviluppat proċess li jippermetti li tkun estratta informazzjoni sinifikanti mid-dejta. Illum, għandna sitwazzjoni fejn xi Stati Membri, l-EASA, il-Eurocontrol u oħrajn jagħmlu l-analiżi tagħhom stess. Filwaqt li dan huwa effettiv biex kull parteċipant ikun jista' jindirizza l-problemi tiegħu, hemm potenzjal għal dupplikazzjoni kbira tal-isforz li iktar importanti, jista' jaħbi kwistjoni sinifikanti ta' sikurezza. Avveniment li jidher li huwa okkorrenza 'ta' darba' fi Stat Membru wieħed, meta jkun meqjus fl-Unjoni Ewropea kollha, jista' jindika l-bżonn ta' azzjoni. Dan kien rikonoxxut fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 996/2010[13] li fl-Artikolu 19, jirrikjedi l-EASA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jikkollaboraw fi skambju u analiżi regolari tal-informazzjoni. Madankollu, il-qafas jew l-għodod meħtieġa biex dan jitwettaq għadhom iridu jiġu żviluppati. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet l-EASA diġà bdiet il-ħidma biex toħloq Netwerk ta' Analisti li juża l-għarfien espert disponibbli fl-EASA, fl-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u fl-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni tas-sikurezza. In-Netwerk ta' Analisti se jkun jista' jgħin fl-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet ta' sikurezza sabiex tkun possibbli l-identifikazzjoni bikrija ta' xejriet tas-sikurezza u se jkun jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' għodod, metodi u tekniki ta' analiżi komuni. In-Netwerk pereżempju jista' jintalab jeżamina d-dejta disponibbli biex jara jekk ir-riskji inerenti fl-operazzjonijiet tax-xitwa humiex qed ikunu kkontrollati b'mod effikaċi jew jekk kienx hemm evidenza li indikat il-bżonn għal azzjoni ulterjuri. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni diġa impenjat ruħha b'mod attiv biex tfittex opportunitajiet għal skemi ta' skambju ta' informazzjoni dwar is-sikurezza fil-livell internazzjonali, speċjalment bl-iffirmar riċenti ta' Memorandum ta' Qbil dwar l-Iskambju Globali tal-Informazzjoni dwar is-Sikurezza (GSIE) bejn il-Kummissjoni, l-ICAO, l-FAA u l-IATA. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi approċċ iktar proattiv u bbażat fuq l-evidenza għall-ġestjoni tas-sikurezza fil-livell globali. Hija tipprovdi qafas għal kooperazzjoni għall-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sikurezza u se tiffaċilita wkoll id-dissemminazzjoni, permezz tal-ICAO, ta' informazzjoni dwar il-perikli jew ir-riskji għas-sikurezza u soluzzjonijiet li jsaħħu s-sikurezza identifikati abbażi ta' informazzjoni skambjata skont il-GSIE. Il-qsim tal-informazzjoni se jikkontribwixxi wkoll għal "kontroll reċiproku" tal-lista tal-ikbar perikli identifikati fl-UE ma' dawk ta' reġjuni oħra fid-dinja. Azzjoni 2: Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt li qed isiru bħala parti mill-analiżi tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rapporti ta' okkorrenza, il-Kummissjoni se tressaq proposta għall-iżvilupp ulterjuri tal-analiżi tas-sikurezza fil-livell tal-UE. Determinazzjoni tar-riskji . Filwaqt li huwa essenzjali li jkunu identifikati l-perikli, huwa l-fehim tar-riskju potenzjali li dawk il-perikli joħolqu li huwa kritiku sabiex ikun possibbli li jittieħdu deċiżjonijiet dwar azzjoni ta' mitigazzjoni, u b'mod partikolari sabiex azzjoni tingħata prijorità. Dan l-aspett, magħruf bħala valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza, isir individwalment minn għadd ta' Stati Membri meta jkunu qed jiddeterminaw fejn għandhom jiffukaw azzjonijiet fil-livell ta' Stat Membru. Bħala eżempju, Stat Membru identifika l-kwistjoni ta' approċċi mhux stabbilizzati[14] bħala riskju ewlieni wara l-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess, u qed jieħu azzjonijiet immirati biex inaqqas in-numru ta' dawn l-avvenimenti. Proċess simili għandu jsir fil-livell tal-UE bl-użu tal-analiżi mill-EASA, mill-Istati Membri, min-Netwerk ta' Analisti u mill-industrija tal-avjazzjoni sabiex ikun determinat fejn l-aħjar ikunu mmirati l-isforzi f'din il-problema jew f'oħrajn. Madankollu, għad ma hemmx metodoloġija għall-valutazzjoni tar-riskju aċċettata globalment li tintuża b'mod komuni fl-Unjoni Ewropea għall-oqsma kollha tal-avjazzjoni li tippermetti approċċ standardizzat u stabbiliment aħjar tal-prijoritajiet biex ikunu indirizzati dawk ir-riskji li joħolqu l-ikbar theddida għas-sikurezza. Għandha tinstab soluzzjoni għal dan in-nuqqas. Fl-aħħar nett, sabiex ir-riskji jkunu valutati fid-dettall u jsiru konklużjonijiet sabiex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni, l-UE se jkollha bżonn tpoġġi l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi f'kuntest statistiku. Se tkun meħtieġa informazzjoni soda u konsistenti dwar il-livell ta' attivitajiet tal-avjazzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Dan għadu mhux il-każ, speċjalment għall-avjazzjoni ġenerali fejn bħalissa, minħabba n-nuqqas ta' dejta esposta, diffiċli biex ikunu kkalkulati r-rati anke għall-kategoriji ewlenin ta' aċċidenti. Azzjoni 3: Il-Kummissjoni se teżamina, wara r-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt dwar ir-rappurtar tal-okkorrenza, jekk huwiex xieraq li tressaq proposti biex tkun stabbilita klassifikazzjoni tal-valutazzjoni ta' riskju komuni. (Ara Azzjoni 1) Teħid ta' azzjoni L-Istati Membri jieħdu azzjoni individwali fi gradi differenti biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' sikurezza li huma stess ikunu identifikaw, iżda wħud minn dawn il-kwistjonijiet huma komuni għall-UE kollha. Għalhekk hemm benefiċċju x'jittieħed minn approċċ iktar ikkoordinat fl-UE, li jippermetti azzjonijiet meħuda minn Stati Membri individwali, mill-Kummissjoni u mill-EASA biex jikkumplimentaw lil xulxin. Il-valur ta' din il-koordinazzjoni ta' sforz se jkun li l-azzjoni tkun iffukata fuq ir-riskji sinifikanti fil-livelli kollha tal-attività tal-avjazzjoni fl-UE. Madankollu, qabel ma jimpenjaw ruħhom biex jieħdu azzjoni, huwa essenzjali li l-Istati Membri jkollhom l-opportunità biex formalment jiddiskutu u jaqblu fuq ir-riskji sinifikanti. Il-Kummissjoni bħalissa hija assistita minn Kumitat dwar aspetti relatati mar-Regolament (KE) Nru 216/2008[15]. Dan il-Kumitat, magħruf bħala l-Kumitat EASA, jinkludi l-esperti rilevanti mill-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni u għalhekk huwa adattat biex jipprovdi l-għarfien espert neċessarju għal deċiżjonijiet dwar ir-riskji għas-sikurezza. Azzjoni 4: Il-Kummissjoni se tuża l-Kumitat EASA bħala l-forum prinċipali li jippermetti diskussjonijiet sħaħ mal-Istati Membri dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu. Il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Minħabba n-natura teknika tal-kwistjonijiet, l-EASA għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni dwar l-aħjar azzjoni għall-mitigazzjoni tar-riskji, dwar iż-żmien għal dawn l-azzjonijiet u fl-aħħar nett dwar il-kejl tas-suċċess. Din l-opinjoni, ibbażata fuq kontributi mill-parteċipanti ewlenin kollha, inkluża l-industrija tal-avjazzjoni, għandha tkun stabbilita bħala pjan ta' azzjoni, magħruf bħala l-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni[16]. Il-Pjan għas-Sikurezza għandu jipprovdi deskrizzjoni dettaljata ta' kwistjonijiet ta' sikurezza speċifiċi, kjarifika tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu miġġielda r-riskji assoċjati, u jiddeskrivu r-riżultati li għandhom jilħqu dawn il-miżuri, li huma kollha ppreżentati b'mod li jiftiehem miċ-ċittadini Ewropej. L-EASA diġà ppubblikat verżjoni inizjali ta' dan il-pjan li kienet ibbażata fuq il-pjanijiet u l-prijoritajiet tal-Istati Membri u kienet ippubblikata fil-bidu tal-2011. Hija kienet tinkludi diversi azzjonijiet, eżempju wieħed ikun il-bżonn li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-ħruġ mir-runway, kwistjoni li kienet identifikata wkoll mill-Konferenza ta' Livell Għoli dwar is-Sikurezza tal-ICAO li saret fl-2010. Minħabba li l-Pjan għas-Sikurezza kien ippubblikat, jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-UE jinżammu aġġornati dwar il-progress li qed isir biex ikunu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi tas-sikurezza. Għal dan l-għan, se jkun meħtieġ li l-Pjan għas-Sikurezza jkun aġġornat regolarment, mhux biss biex jinkludi l-azzjonijiet meħuda sal-lum iżda wkoll, biex jieħu l-opportunità, jekk ikun meħtieġ, biex jinkludi kwalunkwe riskju ġdid identifikat u li jemenda kwalunkwe azzjoni li tirriżulta ineffettiva. Azzjoni 5: L-EASA se tippubblika aġġornamenti annwali għall-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, li jiddeterminaw il-progress li jkun sar biex ikunu indirizzati r-riskji għas-sikurezza identifikati fil-livell tal-UE. Kejl tal-kisbiet . Se jkun importanti għall-partijiet interessati kollha li jkunu jafu jekk l-attivitajiet li saru biex titjieb is-sikurezza hux qed ikollhom effett. Għal dan l-għan, l-indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza (SPI) huma għodod importanti. Eżempju sempliċi u ġeneralment aċċettabbli ta' dan l-indikatur huwa l-kejl tas-sikurezza użat fl-analiżi annwali tas-sikurezza tal-2010 li saret mill-EASA meta mqabbla mal-prestazzjoni relattiva tar-reġjuni globali. L-EASA tuża l-indikatur tar-rata annwali tal-aċċidenti fatali kull 10 miljun titjira. L-użu ta' dan l-indikatur jippermetti paraguni ma' prestazzjonijiet tal-passat li jippermettu konferma tal-progress, u li jippermettu wkoll li jsir paragun ma' reġjuni oħra. L-UE tat kontribut sinifikanti lis-suġġett waqt l-aħħar Assemblea Ġenerali tal-ICAO li matulha ġiet ippreżentata l-opinjoni Ewropea dwar l-SPIs; madankollu għadha trid tiddeċiedi dwar l-indikaturi speċifiċi u jeħtieġ li jsir iktar xogħol sabiex ikun hemm qbil dwar sett aċċettabbli għall-partijiet interessati kollha. Azzjoni 6: Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-EASA, se tkompli taħdem fuq l-iżvilupp tal-SPIs, u se tikkonsulta lill-partijiet interessati qabel ma tagħmel proposti dwar sett komuni ta' indikaturi li jkopru l-oqsma kollha tal-avjazzjoni. 3.9 Naħdmu mal-ġirien tagħna. Il-kwistjonijiet li jirriżultaw mis-sikurezza tal-avjazzjoni mhumiex limitati biss għall-UE iżda huma ta' tħassib ukoll għall-ġirien tagħna. L-UE għandha ħafna arranġamenti stabbiliti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-ġirien tagħha dwar kwistjonijiet tal-avjazzjoni. Dawn l-arranġamenti jinkludu Spazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni ma' għadd ta' Stati tal-Balkani[17] u ż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewro-Mediterranja[18], kif ukoll programmi ta' assistenza u kooperazzjoni msaħħa fil-qafas tal-Valutazzjoni tas-Sikurezza tal-Inġenji tal-Ajru Barranin (Safety Assessment of Foreign Aircraft (SAFA)). Bħala eżempju, il-programm SAFA, jinvolvi 15-il Stat barra mill-UE u huwa illustrazzjoni eċċellenti ta' meta l-UE u l-ġirien tagħha jikkooperaw biex jipprovdu u jaqsmu informazzjoni dwar is-sikurezza għall-benefiċċju ta' kulħadd. Ix-xogħol u r-riżultati tas-sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-UE, b'mod simili għandhom ikunu kondiviżi sabiex tibbenefika mill-esperjenza tal-ġirien tagħna u biex tikkontribwixxi għall-isforzi tagħhom biex itejbu s-sikurezza tal-avjazzjoni u b'hekk jikkontribwixxu għall-għanijiet reċiproki tagħna ta' livell għoli ta' sikurezza. Action 7: Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-EASA, se tkompli tikkondividi x-xogħol tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza u tinkoraġixxi kooperazzjoni reċiproka mal-ġirien tagħna dwar l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet ta' sikurezza. IL-PROGRAMM EWROPEW GħAS-SIKUREZZA TAL-AVJAZZJONI (EASP) L-istandards inklużi fid-diversi annessi tal-Konvenzjoni ta' Chicago[19] jirrikjedu lill-Istati Kontraenti biex jimplimentaw Programm għas-Sikurezza tal-Istat (SSP). SSP hija sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza mill-Istat, u normalment hija deskritta f'dokument uniku li jistabbilixxi l-politika u l-objettivi ta' Stat, il-ġestjoni tar-riskju, l-assigurazzjoni tas-sikurezza u l-attivitajiet li jippromwovu s-sikurezza. Madankollu, l-Istati Membri issa jiddependu, sa ċertu punt sinifikanti, fuq l-attivitajiet li diġà qed isiru fil-livell Ewropew. Għalhekk, kemm fit-twettiq tal-obbligi tagħhom lill-ICAO, kif ukoll fid-deskrizzjoni tal-attivitajiet purament nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jeħtieġ li jiddeskrivu l-oqsma ta' responsabbiltà li issa hemm fl-UE u l-attivitajiet meħuda fil-livell tal-UE li jappoġġjaw lill-Istati Membri. Filwaqt li s-27 Stat Membru kollha u l-4 Stati tal-EEA/EFTA jistgħu jagħmlu dan separatament, dan mhux mezz effiċjenti jew trasparenti kif ikun indirizzat dan ir-rekwiżit. Il-produzzjoni ta' ekwivalenti tal-UE ta' SSP, jiġifieri Programm Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASP), huwa mezz iktar effiċjenti għat-twettiq ta' dan l-obbligu u jappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' SSPs tagħhom stess. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta' kif is-sikurezza tal-avjazzjoni hija ġestita fil-livell tal-UE, jgħin biex ikun iċċarat fejn fl-UE jinsabu d-diversi responsabbiltajiet għas-sikurezza u jikkjarifika kif l-UE kollha tista' tikseb u wara żżomm prestazzjoni sodisfaċenti tas-sikurezza. Huwa jipprovdi wkoll trasparenza lill-partijiet interessati kollha b'interess fis-sikurezza. L-UE qed tmexxi l-organizzazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fuq bażi reġjonali u l-produzzjoni ta' dokument li jiddeskrivi kif entità reġjonali tiġġestixxi s-sikurezza tal-avjazzjoni, se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha. Ix-xogħol fuq l-EASP fl-UE ilu għaddej għal ftit żmien u issa jinsab lest għall-pubblikazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tieħu l-opportunità ta' din il-Komunikazzjoni biex tippubblika simultanjament id-dokument bħala Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Id-dokument jiddeskrivi l-qafas kurrenti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE, inkluż kif inhuma identifikati u indirizzati kwistjonijiet speċifiċi tas-sikurezza, kif deskritt fil-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (ara l-paragrafu 3.7). Huwa jikkonforma mal-format stabbilit fil-manwal għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-ICAO sabiex jipprovdi approċċ konsistenti ma' linji gwida internazzjonali u biex jikkumplimenta l-SSPs tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se taġġorna d-dokument meta meħtieġ biex jirrifletti kwalunkwe bidliet għas-sistema Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni Azzjoni 8: Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Istati Membri u tal-EASA, se taġġorna l-Programm Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni meta jkun hemm bidliet fil-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE. IL-FUTUR L-Istabbiliment ta' Miri ta' Prestazzjoni . Element importanti fl-indirizzar tar-riskji għas-sikurezza u biex ikun hemm titjib kontinwu fil-prestazzjoni tas-sikurezza huwa l-istabbiliment ta' miri ta' prestazzjoni tas-sikurezza. Dawn il-miri huma l-objettivi konkreti biex jintlaħaq livell ta' sikurezza. Eżempju ta' din il-mira jista' jkun it-tnaqqis tal-għadd ta' ħruġ mir-runway fl-UE b'50 % matul il-ħames snin li ġejjin. Dawn il-miri jeħtieġ li jkunu realistiċi u li jistgħu jintlaħqu. Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 691/2010[20] stabbilixxa skema ta' prestazzjoni għal servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet tan-netwerk. L-iskema ta' prestazzjoni għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tipprovdi indikaturi u miri vinkolanti fl-oqsma ewlenin ta' prestazzjoni li jippermettu li l-livelli ta' sikurezza jintlaħqu u jinżammu. Filwaqt li għalhekk, ittieħdu l-ewwel passi fit-twaqqif ta' skema ta' prestazzjoni tas-sikurezza, bħalissa hija ristretta għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Ewropew (ATM) u ma tinkludix oqsma oħra fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Mhux se jkun kompitu faċli biex wieħed jiddeċiedi dwar skemi ta' prestazzjoni tas-sikurezza għal dawn l-oqsma l-oħra (pereżempju, tħaddim ta' titjiriet, ajrunavigabbiltà, eċċ); dan ix-xogħol se jkun kumpless u jitlob approċċ innovattiv. Għalhekk, jeħtieġ li jkun suġġett għall-proċess konsultattiv sħiħ qabel jitressqu xi proposti; minkejja dan, huwa qasam li jeħtieġ li jkun ikkunsidrat fil-futur sabiex ikun appoġġjat l-għan ta' titjib kontinwu. Azzjoni 9: Il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-partijiet interessati u se tagħmel valutazzjoni tal-impatt qabel ma tressaq proposti għal skemi ta' prestazzjoni għal oqsma oħra ta' sikurezza tal-avjazzjoni. Approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-istandardizzazzjoni . L-introduzzjoni ta' prinċipji għall-ġestjoni tas-sikurezza fis-sistema tal-avjazzjoni tal-UE se tibdel il-mod kif nittrattaw is-sikurezza tal-avjazzjoni u se twassal għal titjib sinifikanti fil-mod li bih ikunu kkontrollati r-riskji għas-sikurezza. Madankollu, l-użu ta' dawn il-prinċipji ma għandux ikun limitat għall-iżvilupp ta' Pjan għas-Sikurezza iżda għandu jinkludi s-sistema kollha. Ix-xogħol tal-EASA fit-twettiq ta' spezzjonijiet ta' standardizzazzjoni, rikjesti mir-Regolament (KE) Nru 216/2008 għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, għandu jiżviluppa lil hinn mill-monitoraġġ tal-konformità lejn approċċ li huwa mmexxi iktar mir-riskji għas-sikurezza identifikati mis-sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza. Dan l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju jżid il-benefiċċju billi jiffoka fuq dawk il-kwistjonijiet meta azzjoni ta' mitigazzjoni jkollha benefiċċju ċar għas-sikurezza. Approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni tas-sikurezza Barra minn hekk, filwaqt li l-isforz li għaddej bħalissa għat-tfassil ta' regoli dwar is-sikurezza qed jikkonċentra fuq it-traspożizzjoni u fejn xieraq l-aġġornament tar-rekwiżiti eżistenti fir-Regolamenti tal-UE, l-iżvilupp futur tar-regoli għandu jiffoka fuq prestazzjoni li għandha l-għan li tikseb ir-riżultati u l-eżiti mixtieqa abbażi ta' prestazzjoni tas-sikurezza miftiehma. Dan l-approċċ, magħruf bħala regolament ibbażat fuq il-prestazzjoni, jibni fuq l-użu ta' sistemi għall-ġestjoni tas-sikurezza u l-iżvilupp u l-introduzzjoni tagħhom f'regolamenti tal-UE dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, għandu jkun għan għal tul ta' żmien. L-introduzzjoni tas-sistema fuq bażi formali . Fl-aħħar nett, is-sistema deskritta f'din il-Komunikazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħha hija bbażata fuq arranġamenti li mhumiex imsejsa fuq regolament. Jista' jkun meħtieġ, ladarba tinkiseb iktar esperjenza u l-effikaċja jew in-nuqqas tagħha ta' dan l-approċċ issir ċara, li jkun ikkunsidrat jekk hux meħtieġ li s-Sistema tal-UE għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni titqiegħed fuq bażi formali biex ikun żgurat suċċess kontinwu. Għalhekk, il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress li jkun sar matul l-iżvilupp tas-sistema u tikkunsidra jekk għandhiex tkun proposta azzjoni regolatorja speċifika li tiżgura l-effikaċja tas-sistema fil-futur. Azzjoni 10: Ladarba tinkiseb iktar esperjenza u l-impatti potenzjali jkunu vvalutati, il-Kummissjoni se tqis jekk għandhomx jitressqu proposti rego latorji biex is-Sistema tal-UE għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tkun formalizzata. KONKLUżJONI Fis-snin li ġejjin, l-UE se taffaċċja sfidi kbar f'termini tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Sabiex ikun evitat li tkabbir ulterjuri fl-avjazzjoni jirriżulta f'iktar fatalitajiet mill-aċċidenti tal-avjazzjoni, u biex ikun żgurat li f'termini ta' sikurezza tal-avjazzjoni, l-UE tkun l-aħjar reġjun fid-dinja, jeħtieġ li jkun hemm tibdil fil-mudell ta' kif titratta s-sikurezza. Filwaqt li s-sistema kurrenti kellha suċċess kbir fl-assigurazzjoni tas-sikurezza fil-passat, jidher li din is-sistema qed tilħaq il-limitu tal-effikaċja tagħha biex tnaqqas ir-rata tal-aċċidenti. Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li għandna niċċaqilqu mir-reazzjoni għall-prevenzjoni billi nadottaw approċċ proattiv għas-sikurezza tal-avjazzjoni, li jenfasizza l-mira sistematika tal-azzjonijiet sabiex ikunu indirizzati riskji sinifikanti bbażati fuq ir-riżultati ta' analiżi b'attenzjoni tal-informazzjoni miġbura mill-Unjoni kollha. Dan il-qsim tal-isforz u tal-konċentrazzjoni dwar kwistjonijiet identifikati se jwassal biex tittieħed azzjoni fl-Unjoni b'mod koordinat, u għalhekk se jwassal għal approċċ 'konġunt' għall-ġestjoni tas-sikurezza. Dan l-approċċ se jwassal biex materjal leġiżlattiv u ta' gwida jkun iffukat fuq il-kwistjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza, fuq sorveljanza mmirata lejn oqsma li għandhom sinifikat kbir għas-sikurezza, u fuq riċerka u rakkomandazzjonijiet li jkunu mmirati b'mod preċiż lejn oqsma li għandhom riskju għoli. Se jiżgura wkoll l-aħjar użu tar-riżorsi limitati billi jiffukahom fuq l-oqsma fejn jistgħu jinkisbu l-ikbar benefiċċji għas-sikurezza. Permezz tat-titjib tal-kwalità tal-informazzjoni dwar is-sikurezza, permezz tal-qsim tal-informazzjoni u r-riżultati tal-analiżi, permezz tal-ftehim dwar dawk ir-riskji fejn azzjoni kkoordinata se twassal għall-ikbar benefiċċji u permezz tat-teħid tal-azzjonijiet maqbula, il-Kummissjoni temmen li l-UE tista' ssir l-aħjar reġjun fid-dinja f'termini tas-sikurezza tal-avjazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-UE. [1] COM(2011) 144 - WHITE PAPER Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti [2] ISBN 978-92-79-19724-6 - Flightpath 2050 - Europe's Vision for Aviation. [3] ISBN: 978-92-9210-097-1 –l-Analiżi Annwali dwar is-Sikurezzatal-EASA [4] EUROCONTROL CND/STATFOR Doc415 tas-17 ta' Diċembru 2010 – Previżjoni għal tul ta' żmien twil – Movimenti tat-Titjiriet- 2010 - 2030 [5] ICAO Doc 9935, HLSC 2010 [6] Għandha tiżdied ir-referenza meta jkun allokat in-numru tad-dokument SEC [7] ICAO Document 9859 AN/474 Second Edition - 2009 [8] Konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Pjan Direzzjonali lejn l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew [9] http://ec.europa.eu/transport/air/events/2011_01_26_aviation_safety_conference_en.htm [10] Id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili [11] Kultura ġusta hija definita fl-Artikolu 2(k) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta' Lulju 2010. [12] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1330/2007 tal-24 ta' Settembru 2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2007 tat-12 ta' Novembru 2007. [13] Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-20 ta'Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE [14] Approċċ mhux stabilizzat huwa wieħed fejn għal xi raġuni, l-ajruplan ma jkunx f''pożizzjoni ideali fil-veloċità , l-altitudni u l-konfigurazzjoni korretta għall-inżul tiegħu. [15] Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva Nru 2004/36/KE [16] http://easa.europa.eu/sms/ [17] Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo, is-Serbja, il-Montenegro. [18] Il-Proġett tal-Avjazzjoni tal-Euromed jinkludi l-Istati li ġejjin: l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, it-Tuneżija. [19] Iffirmata f'Chicago fis-7 ta' Diċembru 1944. [20] lr-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta' Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru