This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0638
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS THE FUTURE APPROACH TO EU BUDGET SUPPORT TO THIRD COUNTRIES
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-APPROĊĊ FUTUR GĦALL-APPOĠĠ BAĠITARJU TAL-UE GĦAL PAJJIŻI TERZI
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-APPROĊĊ FUTUR GĦALL-APPOĠĠ BAĠITARJU TAL-UE GĦAL PAJJIŻI TERZI
/* KUMM/2011/0638 finali */
X'INHU L-APPOġġ BAġITARJU; GħALIEX L-UE TAGħMEL UżU MINN DAN L-ISTRUMENT? L-appoġġ baġitarju jinvolvi djalogu ta’ politika, trasferimenti finanzjarji lejn kont tat-teżor nazzjonali tal-pajjiż sieħeb, valutazzjoni tar-rendiment u l-iżvilupp tal-kapaċità, ibbażat fuq is-sħubija u responsabbiltà reċiproka. Ma għandux jitqies bħala għan fih innifsu, iżda bħala mezz biex titwassal għajnuna aħjar u jinkisbu għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli permezz tat-trawwim ta’ appartenenza fost il-pajjiżi msieħba tal-politiki tal-iżvilupp u riformi, kif ukoll billi jimplimenta l-aġenda dwar l-effettività tal-għajnuna u l-impenji stabbiliti fil-Kunsens ta’ Monterrey (2002), il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp (2005), id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (2005), u l-Aġenda Accra għall-Azzjoni(2008). L-appoġġ baġitarju huwa strument importanti fil-politika għall-iżvilupp komprensiv tal-UE lejn pajjiżi msieħba. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-appoġġ baġitarju tal-UE[1] jkun konsistenti mal-prinċipji u l-għanijiet ġenerali tal-azzjoni esterna tal-UE (Artikolu 21 TUE) u l-politika għall-iżvilupp (l-Artikolu 208 TFUE). Wara Komunikazzjoni dwar l-appoġġ baġitarju fl-2000[2], il-Kummissjoni daħħlet approċċ orjentat lejn ir-riżultati bbażat fuq indikaturi tal-eżiti. Il-prevedibbiltà, l-appartenenza u r-responsabbiltà ġew ulterjorment imsaħħa bl-introduzzjoni tal-Kuntratti tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDG) fl-2008. L-apppoġġ baġitarju tal-UE mhuwiex poter bla riżerva, u lanqas ma jiġi pprovdut lil kull pajjiż. Il-“prinċipji ta’ bażi” huma importanti u djalogu ta’ politika huwa parti ewlenija tal-pakkett. Barra minn hekk, il-kriterji tal-eliġibbiltà jridu jintlaħqu qabel u matul il-programm u jeħtieġ li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet qabel ma jsiru l-ħlasijiet. Dan jiżgura li r-riżorsi huma użati għall-għanijiet maħsuba għalihom, itaffi r-riskji, u joħloq inċentivi għal rendiment u riżultati mtejba. Joħloq ukoll inċentivi għall-pajjiżi msieħba tagħna biex itejbu s-sistemi tal-gvernijiet tagħhom. Ibbażat fuq għaxar snin ta’ esperjenza fuq l-appoġġ baġitarju u sejħiet għall-partijiet interessati biex ikomplu jtejbu u jirfinaw il-mekkaniżmu tal-appoġġ baġitarju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi konsultazzjoni fl-aħħar tal-2010 dwar “Il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi terzi”[3]. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet politika ġdida dwar l-appoġġ baġitarju u ressqet proposti ta’ politika għal approċċ koordinat tal-UE. Għandha l-għan li tadatta l-politika tal-appoġġ baġitarju għall-ambjent politiku u ta’ politika li jinbidel, inkluż it-Trattat ta’ Lisbona, u tagħmel l-appoġġ baġitarju tal-UE strument aktar effettiv. L-Istati Membri jistgħu ukoll jikkunsidraw dawn bħala rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-appoġġ baġitarju bilaterali tagħhom, sabiex jintlaħaq approċċ koordinat mill-UE bħala entità sħiħa. APPROċċ MODERN LEJN L-APPOġġ BAġITARJU Bini fuq is-suċċess L-appoġġ baġitarju tal-UE għandu jkompli jiżgura livell għoli ta’ prevedibbiltà, biex ipoġġi enfasi qawwija fuq l-istrateġiji ta’ żvilupp li huma proprjetà nazzjonali u biex juża ħlasijiet relatati mar-rendiment. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata lejn operazzjonijiet għall-appoġġ baġitarju ibbażati fuq ir-riżultati u beħsiebha tkompli ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-progress u l-monitoraġġ tal-eżiti, anke bl-użu ta’ indikaturi tal-proċess u tal-produzzjoni, sabiex turi u tikkomunika aħjar kif l-appoġġ baġitarju tal-UE jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ pajjiżi msieħba. It-titjib tal-viżibilità tal-azzjoni tal-UE u tal-komunikazzjoni aħjar tar-riżultati tgħin biex jinżamm l-appoġġ pubbliku għall-iżvilupp. L-UE għandha tkompli tapplika approċċ dinamiku ma’ kriterji tal-eliġibbiltà, u tiffoka fuq il-progress fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ riforma kredibbli u rilevanti. Il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb il-kriterji tal-eliġibbiltà tagħha u l-valutazzjoni tagħhom u l-allokazzjoni tal-fondi sabiex tiżgura aktar effiċjenza fil-proċess baġitarju lejn il-ksib tal-għanijiet ta’ politika. Il-Kummissjoni se toqgħod lura milli tistabbilixxi miri globali għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi. Tqis li t-taħlita xierqa bejn id-diversi modalitajiet ta’ għajnuna hija deċiża l-aħjar bħala parti minn approċċ tal-portafoll li jinkludi bosta modalitajiet tal-għajnuna b’reazzjoni għal speċifiċitajiet tal-pajjiżi sħab u għanijiet ta' żvilupp maqbula. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tagħha għal appoġġ baġitarju tal-UE skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri. Dan se jinkludu l-monitoraġġ mill-qrib tal-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi bil-ħsieb li jkunu żgurati benefiċċji għal żvilupp sostenibbli. Risposti għal sfidi ta’ żvilupp u għanijiet ġodda. L-approċċ il-ġdid għandu jsaħħaħ is-sħubija kuntrattwali dwar l-appoġġ baġitarju tal-UE bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba sabiex jibnu u jikkonsolidaw demokraziji, ifittxu tkabbir ekonomiku sostenibbli u jinqered il-faqar. Dan l-approċċ għandu jkun ibbażat fuq responsabbiltà reċiproka u impenn komuni għall-valuri fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Għandu jippermetti differenzi akbar ta’ operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju, li jippermettu lill-UE biex twieġeb aħjar għall-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiż imsieħeb. Jeħtieġ koordinazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-appoġġ baġitarju tal-UE billi tintroduċi kriterju tal-eliġibbiltà speċifiku dwar it-trasparenza u s-sorveljanza. Il-Kummissjoni hija impenjata wkoll li tippubblika informazzjoni relevanti dwar l-operazzjonijiet għall-appoġġ baġitarju tal-UE. L-UE għandha tipprovdi appoġġ baġitarju bħala vettur tal-bidla biex tindirizza l-isfidi u l-għanijiet għall-iżvilupp li ġejjin. Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi L-impenn għal valuri fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt huwa essenzjali għall-istabbiliment ta’ kwalunkwe sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi. L-appoġġ baġitarju ġenerali jidher, min-natura tiegħu, bħala rikonoxximent impliċitu li l-qagħda ta’ politika ġenerali tal-pajjiż sieħeb u l-governanza politika hija fit-triq it-tajba. Għalhekk, l-appoġġ baġitarju ġenerali għandu jiġi provdut meta jkun hemm il-fiduċja u l-kunfidenza li l-għajnuna se tintefaq għall-valuri u l-għanijiet li magħhom timxi l-UE, u li fuqhom il-pajjiżi msieħba jimpenjaw irwieħhom li jimxu biex jilħqu livelli internazzjonali. Meta jiġi provdut appoġġ baġitarju ġenerali tal-UE, il-Kummissjoni timmira li trawwem responsabbiltà domestika u ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll nazzjonali bħala bażi għat-titjib tal-governanza u aderenza għal valuri fundamentali. F’każijiet fejn l-impenn tal-pajjiż imsieħeb għal valuri fundamentali juri tendenza sinifikanti li qed jiddeterjora, trid tiġi definita u implimentata strateġija ta’ reazzjoni adegwata u kkoordinata fuq livell tal-UE u l-Istati Membri. Sakemm ma jkunx hemm sitwazzjoni ċara fejn l-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-UE jeħtieġu li jkunu protetti, f’liema każ l-appoġġ baġitarju ġenerali jista’ jiġi sospiż immedjatament, ir-reazzjoni għad-deterjorazzjoni għandha tkun progressiva u proporzjonata. Fejn hu xieraq, għandhom jiġu mfassla miżuri biex jiġi llimitat l-impatt fuq nies foqra flimkien mal-UE u l-Istati Membri, f’kooperazzjoni ma’ donaturi oħra li mhumiex tal-UE. Dan jista’ jinkludi aġġustamenti li jsiru fid-daqs ta’ kwalunkwe ħlas fiss u/jew jiġu allokati mill-ġdid fondi għal programmi għas-settur, jiġu diretti l-fondi għal gruppi fil-mira permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew jiġu rinfurzati modalitajiet oħra tal-għajnuna bħal proġetti. Sabiex jirrifletti aħjar dawn il-bidliet fundamentali, l-appoġġ baġitarju ġenerali tal-UE għandu jkun imsemmi fil-futur bħala “Kuntratti ta’ Governanza Tajba u Żvilupp” . Fir-rigward tal-appoġġ baġitarju settorjali tal-UE, il-Kummissjoni għandha t-tendenza li tiffoka fuq setturi fejn il-politiki u r-riformi jippromettu aktar li jippromwovu l-iżvilupp u t-taffija tal-faqar; l-ixpruni għall-bidla huma aktar b’saħħithom u għandhom l-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet (eż. servizzi bażiċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, u l-ilma u s-sanità). Ħafna drabi, huwa aktar effiċjenti li jintużaw mekkaniżmi tat-twassil tal-gvern biex tintlaħaq il-popolazzjoni permezz ta’ programmi ta’ appoġġ baġitarju settorjali. Dan joffri wkoll mezz biex tittejjeb is-sostenibbiltà tal-programmi billi tittejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-istruttura tat-twassil settorjali tal-gvern. Għalhekk, l-appoġġ baġitarju settorjali jibqa’ għodda utli anke fejn il-kundizzjonijiet biex tippermetti l-użu ta’ Kuntratt ta’ Governanza Tajba u Żvilupp ma jeżistux, għaliex ta’ spiss jibqa’ l-aqwa mekkaniżmu ta’ twassil, u jista’ jintuża bħala vettur biex itejjeb il-governanza. L-ivvalutar tal-appoġġ baġitarju settorjali tal-UE fid-dawl tal-governanza politika se jkollu bżonn jiġi bbilanċjat kontra l-bżonn li sservi u tipproteġi l-popolazzjoni. Madankollu, fejn il-governanza politika iddeterjorat ħafna, l-UE għandha terġa’ tivvaluta l-kooperazzjoni ġenerali tagħha mal-pajjiż sieħeb, inkluż l-appoġġ baġitarju settorjali. It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja, l-istabbiltà makroekonomika, it-tkabbir inklussiv u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi L-appoġġ baġitarju, partikolarment il-“Kuntratti ta’ Governanza Tajba u Żvilupp”, għandu jintuża biex isaħħaħ sistemi ċentrali tal-gvern, bħall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-amministrazzjoni pubblika. Għandu jippromwovi l-istabbiltà makroekonomika u s-sostenibbiltà fiskali, b’hekk jagħmel is-sistemi aktar effettivi u kontabbli u jwassal għal proċess komprensiv u trasparenti tal-allokazzjoni baġitarja. Għandu jintuża biex jindirizza l-limitazzjonijiet fuq tkabbir sostnut u biex jippromwovi “l-ekonomija ekoloġika”, inkluż il-protezzjoni u l-użu sostenibbli ta’ ġid pubbliku u r-riżorsi naturali, filwaqt li jiżgura li l-benefiċċji tat-tkabbir huma kondiviżi b’mod wiesa’. Bħala parti mill-għan tagħha biex ittejjeb is-sistemi ċentrali tal-gvern, partikolarment l-akkwist, l-appoġġ baġitarju se jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-reati li jinkudu l-frodi. Pajjiżi msieħba għandhom jimpenjaw ruħhom biex jinfurmaw lill-Kummissjoni, u l-imsieħba kollha inġenerali, meta allegazzjonijiet ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni possibbli jinġiebu għall-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali. Kull meta jkun possibbli u mingħajr preġudizzju għal investigazzjonijiet, is-sejbiet tal-istituzzjoni investigattiva nazzjonali relevanti u kwalunkwe azzjoni proposta għandhom jiġu mgħoddija wkoll lill-Kummissjoni, u inġenerali lill-imsieħba kollha. Il-promozzjoni ta’ riformi settorjali u t-titjib fit-twassil tas-servizz settorjali Meta jiġi promoss it-twassil ta’ servizzi jew riformi f’settur speċifiku (jew sett ta’ setturi interkonnessi) fuq il-bażi ta’ strateġija settorjali tal-gvern sieħeb, il-provvediment ta’ appoġġ baġitarju settorjali jista’ jkun deċisiv biex tittejjeb il-kapaċità tal-gvern li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u jwassal għanijiet settorjali. Għanijiet ċari għandhom jiġu definiti, prinċipalment f’termini ta’ titjib fl-aċċess pubbliku u l-użu ta’ servizzi ta’ kwalità u, partikolarment fil-pajjiżi tal-viċinat, l-appoġġ għall-aġenda ta’ sħubija. Kundizzjonijiet settorjali speċifiċi għandhom iwasslu għal djalogu ta’ politika regolari, inkluż dwar l-allokazzjonijiet baġitarji għas-settur, l-implimentazzjoni tar-riformi, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u s-sistemi, il-progress lejn l-għanijiet settorjali, u t-twassil effiċjenti tas-servizzi. L-enfasi se tkun fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw it-twassil tas-servizz fuq quddiem nett, partikolarment favur il-foqra, kwistjonijiet ta’ sess u ta’ tfal, u l-kapaċità li jassorbu u jużaw ir-riżultati tar-riċerka settorjali, kif ukoll il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għat-tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem. Approċċi ta’ “Ħlas mal-akkwist" se jiġu esplorati wkoll, mibnija fuq l-esperjenza mal-ħlas varjabbli u meqjusa mal-livell ta’ żvilupp u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kull pajjiż. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel aktar użu tal-appoġġ baġitarju settorjali biex jiġu indirizzati limitazzjonijiet settorjali, jiġu promossi r-riformi u jittejjeb it-twassil tas-servizz għall-popolazzjonijiet. Sabiex jirrifletti aħjar dawn il-bidliet fundamentali, l-appoġġ baġitarju settorjali tal-UE għandu jkun imsemmi fil-futur bħala "Kuntratti ta’ Riforma Settorjali” . Il-bini tal-Istat fi stati fraġli u l-indirizzar ta’ sfidi ta’ żvilupp tas-SIDS u tal-OCTs Sitwazzjonijiet ta’ fraġilità jitolbu azzjoni biex jiġu mgħejjuna pajjiżi msieħba biex jiżguraw il-funzjonijiet statali essenzjali, biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn l-iżvilupp, biex jippromwovu governanza, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u biex iwasslu servizzi bażiċi lill-popolazzjonijiet. Dawn is-sitwazzjonijiet jeħtieġu reazzjoni globali, koerenti u koordinati li għaliha l-appoġġ baġitarju jista' jkun strumentali. Flimkien ma’ modalitajiet oħra ta’ għajnuna (għajnuna umanitarja, fondi miġbura flimkien, għajnuna tal-proġett, assistenza teknika eċċ), irid ikun akkumpanjat minn djalogu politiku u ta’ politika msaħħaħ. Id-deċiżjoni biex jiġi pprovdut appoġġ baġitarju tal-UE għandha tittieħed fuq bażi ta’ każ b’każ u sostnuta minn valutazzjoni tal-benefiċċji mistennija u r-riskji potenzjali. Il-Kummissjoni se tiżgura li dawn id-deċiżjonijiet iqisu s-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà ġenerali, ir-riskji finanzjarji, u l-ispiża potenzjali tan-nuqqas ta’ intervent. Id-dinamika tal-bidla għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ analiżi konġunta mill-UE u mill-Istati Membri kull fejn ikun possibbli. Din għandha sservi bħala bażi għal koordinazzjoni mal-imsieħba ewlenin tal-iżvilupp. Għandu jkun privileġġat approċċ gradwali u sekwenzjali għall-appoġġ baġitarju tal-UE, biex dan jiġi adattat bl-aħjar mod għal ċirkustanzi speċifiċi u biex jiġi ġestit ir-riskju. Dan għandu jkun imsemmi fil-futur bħala " Kuntratti tal-Bini tal-Istat ” biex jirrifletti aħjar dawn l-elementi. L-UE se tagħti attenzjoni wkoll lis-SIDS (Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw) u l-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej (OCTs). Hemm, l-appoġġ baġitarju jista’ jkollu impatt importanti, minħabba l-livell qawwi ta’ responsabbiltà u l-impenn biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-vulnerabilità strutturali u l-bidla fil-klima, inkluż it-tnaqqis tad-diversità bijoloġika u xokkijiet ambjentali oħra. Appoġġ baġitarju jista’ joffri mod effiċjenti ta’ kif jiġu indirizzati dawn l-isfidi u t-theddid transversali, strutturali u fit-tul It-titjib tal-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-għajnuna Fl-ipprogrammar tal-appoġġ baġitarju tal-UE, partikolarment il-Kuntratti ta’ Governanza Tajba u Żvilupp, il-Kummissjoni beħsiebha tagħti enfasi akbar għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku, inkluż minn riżorsi naturali. Sistemi tat-taxxa ġusti u trasparenti huma ċentrali biex titrawwem iċ-ċittadinanza u l-bini tal-istat, u twassal għal responsabbiltà domestika msaħħa u parteċipazzjoni politika. Filwaqt li l-UE kkommettiet ruħha li tipprovdi assistenza prevedibbli permezz ta’ appoġġ baġitarju, din l-assistenza għandha tikkumplimenta (mhux tissostitwixxi) l-isforzi tal-pajjiż sieħeb stess biex jimmobilizza dħul domestiku. F’pajjiżi li huma sinjuri fir-riżorsi, l-UE għandha ssaħħaħ l-appoġġ għal programmi komprensivi ta’ riforma li jippromwovu il-governanza msaħħa tar-riżorsi naturali, it-trasparenza u r-responsabbiltà, f’konformità mal-politika tal-UE dwar l-indirizzar tal-isfidi fis-swieq tal-prodotti u dwar il-materja prima[4]. Billi tgħin lill-pajjiżi msieħba jindirizzaw sfidi fil-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku, l-UE tikkontribwixxi biex ittejjeb l-awtodipendenza u tnaqqas id-dipendenza fit-tul fuq l-għajnuna. APPROċċ KOORDINAT TAL-UE L-għan primarju għal approċċ koordinat tal-UE lejn appoġġ baġitarju jkun li tiżdied l-effettività ta’ din il-modalità fil-kontribut għall-politiki ta’ żvilupp u ta’ riforma, u li jiġu pprovduti reazzjonijiet koerenti u konsistenti għall-isfidi ffaċċjati. L-UE għandha taħdem mal-Istati Membri b’mod partikolari lejn “Kuntratt Wieħed ta’ Governanza Tajba u Żvilupp tal-UE”. Ħidma flimkien iżżid l-ingranaġġ fuq djalogu politiku u ta’ politika, kif ukoll l-impatt tal-appoġġ baġitarju bilaterali tal-UE u l-Istati Membri dwar l-iżvilupp tal-pajjiżi msieħba. Il-koordinazzjoni għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji ewlenin li ġejjin: - It-teħid sovran ta’ deċiżjonijiet , filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-Istati Membri individwali tal-UE jeħtieġu li jżommu awtorità ministerjali matul operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju u li l-UE teħtieġ li tikkonforma mal-ftehimiet li jorbtuha legalment u r-regolamenti finanzjarji tagħha. - L-iskambju sistematiku tal-informazzjoni bħala minimu, bil-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet u l-approċċi komuni għall-mekkaniżmi ta’ appoġġ baġitarju bħala l-għan aħħari. - Il-koordinazzjoni tal-UE għandha tappoġġja koordinazzjoni akbar tad-donaturi u koordinazzjoni akbar immexxija mill-pajjiżi. - Il-koordinazzjoni tinvolvi l-parteċipazzjoni kemm fil-kwartieri ġenerali kif ukoll fuq livell lokali u tibni fuq korpi eżistenti, mekkaniżmi ta’ koperazzjoni kif ukoll oqfsa legali eżistenti. Konformi ma’ dawk il-prinċipji, l-UE għandha: - taqsam il-valutazzjoni inizjali tal-impenn tal-pajjiż sieħeb mal-valuri fundamentali tal-UE bil-għan li jinstab approċċ komuni; - taqsam, fejn ikun relevanti, dijanjostiċi u valutazzjonijiet tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà; - tarmonizza, sa fejn ikun possibbli, għodod għall-valutazzjoni tar-riskju u tippromwovi djalogu koordinat fuq azzjonijiet li jtaffu; - twettaq stimi konġunti fil-livell tal-pajjiż u evalwazzjonijiet konġunti regolari ta’ operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju; - tiżgura livell għoli ta’ għarfien għal djalogu ta’ politika effettiv mal-pajjiżi msieħba, inkluż l-użu ta’ kooperazzjoni delegata u arranġamenti għat-trasferimenti; - timpenja ruħha b’mod konġunt fi djalogu politiku ta’ livell għoli, inkluż il-monitoraġġ tal-valuri fundamentali u l-proprjetà li ssegwi l-kuntratt ta’ governanza tajba; - konġuntament tikkomunika ma’ partijiet interessati lokali l-iżborżamenti li jkunu saru u l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-iżburżar. DISINN U IMPLIMENTAZZJONI L-UE għandha tevalwa jekk jeżistux il-prekundizzjonijiet li tafda l-Kuntratti ta’ Governanza Tajba u Żvilupp ma’ pajjiż imsieħeb, jiġifieri; jekk valuri fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jew triq ċara lejn standards internazzjonali jeżistux u jekk Kuntratt bħal dan jistax jaġixxi b'mod ċar bħala xprun biex jaċċellera dan il-moviment. Sabiex jidħlu fi djalogu ġenwin politiku u ta’ politika ta’ livell għoli mal-pajjiżi eliġibbli għal appoġġ baġitarju b’mod ġenerali, u għal Kuntratt ta’ Governanza Tajba u Żvilupp b’mod partikolari, ir-riżorsi tal-persunal fid-Delegazzjonijiet tal-UE jkollhom jiġu riveduti nazzjonalment u reġjonalment, kemm f’termini tal-livell kif ukoll ta’ għarfien espert. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se twaqqaf timijiet reġjonali superjuri, fil-kwartieri ġenerali u fid-Delegazzjonijiet, bil-parteċipazzjoni ta’ servizzi relevanti tal-Kummissjoni u s-SEAE. Dawn it-timijiet se jikkonsultaw ukoll lill-Istati Membri kif xieraq. Il-kriterji tal-eliġibbiltà għal appoġġ baġitarju i) Il-Kummissjoni se tkompli tapplika t-tliet kriterji tal-eliġibbiltà eżistenti filwaqt li ssaħħaħ id-dimensjonijiet li ġejjin ta’ kull wieħed: Qafas makroekonomiku stabbli : Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari biex tara jekk il-politika u l-miri fiskali humiex konsistenti mal-istabbiltà makroekonomika u ġestiti skont regoli sodi dwar it-trasparenza fiskali u s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku hija wkoll dimensjoni importanti li se tissaħħaħ bħala kwistjoni trasversali fl-ambitu tal-kriterja tal-eliġibbiltà makroekonomika (il-politika fiskali) u l-kriterja tal-eliġibbiltà tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi (l-amministrazzjoni tat-taxxa). Il-valutazzjoni se tkun konformi mal-politika tal-UE dwar it-tassazzjoni u l-iżvilupp[5]. Politiki u riformi nazzjonali/settorjali . Dan għandu jiffoka fuq it-tkabbir sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar f'konformità mal-politika proposta fil-Komunikazzjoni "Il-politika għall-Iżvilupp tal-UE – Aġenda għall- bidla: żieda fl-impatt tal-Politika għall-Iżvilupp tal-UE”[6]. Barra minn hekk, nisġa soċjali tajba teħtieġ livell għoli ta’ ġustizzja u l-ġustizzja fil-ġbir tat-taxxa u l-allokazzjoni tal-infiq (favur il-kwistjonijiet ta’ foqra, sess, u tfal), protezzjoni soċjali effettiva u progress fit-titjib u l-kwalità tal-impjiegi. Ġestjoni finanzjarja pubblika : Qabel it-tnedija ta’ programm ta’ appoġġ baġitarju, il-Kummissjoni se tivvaluta l-qafas istituzzjonali, leġiżlattiv u regolatorju u s-sistema tal-kapaċità tal-ġestjoni finanzjarja pubblika (PFM) fil-pajjiż sieħeb sabiex tidentifika linja ta’ bażi fuqhiex l-approċċ dinamiku se jkun ibbażat u r-riformi ewlenin se jiġu indirizzati waqt l-implimentazzjoni minn djalogu politiku, il-bini tal-kapaċità u kundizzjonijiet għall-iżburżar. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk f’ambjent ta’ PFM dgħajfa jkunx xieraq li jintalbu xi miżuri ta’ terminu qasir magħżula mill-istrateġija tar-riforma tal-PFM tal-pajjiż imsieħeb innifsu qabel ma jibdew operazzjonijiet għall-appoġġ baġitarju. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi hija dimensjoni ewlenija li għandha tingħata prominenza akbar taħt dan il-kriterju. Il-Kummissjoni se tagħti importanza partikolari lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u se tippromwovi użu aktar qawwi ta’ proviżjonijiet kontra l-korruzzjoni. Jeħtieġ li l-pajjiżi msieħba jkunu attivament involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi u jiġu mgħammra b’mekkaniżmi xierqa u effettivi sabiex jipprevjenu u jinkixfu l-frodi u l-korruzzjoni (inklużi awtoritajiet tal-ispezzjonijiet xierqa u kapaċità ġuridika) kif ukoll sabiex jipprovdu reazzjonijiet xierqa u mekkaniżmi ta’ sanzjoni effettivi. Nuqqas milli jagħmlu hekk jista’ jwassal għal sospensjoni tal-appoġġ baġitarju tal-UE. ii) Il-Kummissjoni se tintroduċi wkoll kriterju ta’ eliġibbiltà ġdid It-trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit : Id-disponibbiltà pubblika ta’ informazzjoni baġitarja hija essenzjali biex tippromwovi aktar skrutinju tal-baġit. Ibbażata fuq l-aktar informazzjoni rilevanti tal-baġit, il-Kummissjoni se tiddefinixxi “punt ta’ aċċess” biex tevalwa dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà. Il-pajjiżi jridu juru li huma qed jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-pubbliku jew qed jagħmlu progress f’perjodu qasir biex jagħmlu hekk. Dan jista’ jimplika wkoll evalwazzjoni tas-sistema tal-istatistika u b’mod partikolari tal-kwalità tad-dejta tal-baġit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tapplika approċċ dinamiku billi tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ riforma kredibbli mmirata lejn l-ilħiq gradwali tal-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni baġitarja. Il-Kummissjoni se tqis ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-Istati Fraġli u s-SIDS/OCTs fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju. Il-ġestjoni tar-riskji Is-servizzi tal-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, is-SEAE se jiżviluppaw qafas imtejjeb għall-ġestjoni tar-riskji adattat għall-profil tar-riskju speċifiku tal-appoġġ baġitarju, li jkopri l-governanza politika, l-istabbiltà makroekonomika, ir-riskju tal-iżvilupp, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-korruzzjoni u l-frodi. Dan il-qafas se jkun għodda kumplementarja importanti fl-ipprogrammar, fid-disinn u fl-implimentar ta’ programmi u biex jinforma d-djalogu ta’ politika. Se jidentifika, jevalwa u jġestixxi r-riskji konformi mal-livelli ġġudikati bħala aċċettabbli mill-Kummissjoni. Ir-reazzjoni għar-riskju u l-miżuri ta’ mitigazzjoni se jiġu proposti skont il-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji. Kemm għandu jiġi pprovdut appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiż imsieħeb Il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni kwalitattiva wiesa’ tal-kriterji ta’ ħtieġa u ta’ rendiment li ġejjin: - Il-ħtiġijiet finanzjarji tal-pajjiż imsieħeb evalwati fuq il-bażi tal-qafas fiskali għal perjodu medju tiegħu u/jew l-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali/settorjali. - L-impenn tal-pajjiż imsieħeb biex jalloka riżorsi nazzjonali tal-baġit skont l-istrateġija u l-għanijiet ta’ żvilupp. - L-effettività, il-valur għall-flus u l-impatt tal-valur miżjud speċifiku li l-appoġġ baġitarju se jġib biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-pajjiż imsieħeb. - Ir-rekord tax-xogħol u l-kapaċità ta’ assorbiment ta’ ħlasijiet imgħoddija u kemm intlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet miftiehma ma’ operazzjonijiet għall-appoġġ baġitarju. - L-orjentazzjoni lejn il-kisba ta’ riżultati fl-istrateġija tal-iżvilupp tal-pajjiż imsieħeb inkluż sistema ta’ monitoraġġ. Djalogu ta’ politika Id-djalogu ta’ politika għandu jkun konsistenti mad-djalogu ta’ politika ġenerali tal-UE imwettaq mal-pajjiżi sħab. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-djalogu ta’ politika biex tiżgura li r-riformi ewlenin huma diskussi u jkollhom ir-riżorsi kollha, l-għanijiet huma identifikati u r-riżultati vvalutati. Il-miżuri ta’ politika u r-riżultati verifikabbli għandhom ikunu fil-qalba ta’ djalogu aktar strateġiku u ffukat. L-ambitu ta’ djalogu ta’ politika fil-livell tal-pajjiż se jiddependi fuq l-għanijiet speċifiċi ta’ operazzjonijiet għall-appoġġ baġitarju u se jinkludi l-kriterji ta’ eliġibbiltà. Il-Kummissjoni se tkompli twessa’ l-aċċess tagħha għall-ħila meħtieġa għal djalogu ta’ politika effettiv bl-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddelegati u/jew bl-aċċettazzjoni ta’ arranġamenti ta’ trasferimenti finanzjarji mal-Istati Membri. Inċentivi u kundizzjonijiet ta’ rendiment L-appoġġ baġitarju għandu jkompli jinvolvi taħlita ta’ ħlasijiet ta’ bażi marbuta mal-eliġibbiltà, u ħlasijiet ta’ rendiment marbuta mal-progress kontra l-indikaturi flimkien mal-kriterji tal-eliġibbiltà. L-indikaturi għandhom jintagħżlu minn fost il-politika ta’ żvilupp nazzjonali u/jew settorjali jew programm ta’ riforma ta’ kull pajjiż u għandhom ġeneralment ikun fihom taħlita ta’ indikaturi ta’ proċess, produzzjonijiet u riżultati. L-indikaturi u l-miri għandhom jiġu riveduti bħala parti minn kull reviżjoni annwali, u jistgħu jiġu adattati fid-dawl tal-lezzjonijiet meħuda. Għall-Kuntratti ta’ Governanza Tajba u Żvilupp, il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu annessi mad-drittijiet li jappoġġjaw id-demokrazija u l-bniedem. Prevedibbiltà Il-Kummissjoni se tagħmel programmi ta’ appoġġ baġitarju tal-UE prevedibbli billi jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbilità, u l-proċessi għall-valutazzjoni tagħhom, huma speċifikati bl-iktar mod ċar possibbli. Barra minn hekk, se tieħu impenji fit-tul f’pajjiżi li wrew rekord b’saħħtu fl-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju, filwaqt li tqis it-tagħlimiet meħuda mill-Kuntratti tal-MDG. It-tisħiħ domestiku u r-responsabbiltà reċiproka Ir-responsabbiltà domestika u reċiproka dwar l-appoġġ baġitarju għandha tkun imsaħħa aktar permezz ta’: - It-tisħiħ fis-sinċerità, it-trasparenza u r-responsabilità tal-proċess baġitarju; - L-appoġġ ta’ approċċ parteċipatorju tal-appoġġ baġitarju; - L-integrazzjoni sistematika ta’ programmi biex jappoġġjaw il-korpi nazzjonali leġislattivi u ta’ sorveljanza, kif ukoll l-awtoritajiet sotto-nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; - Iż-żieda fit-trasparenza bil-pubblikazzjoni tal-informazzjoni relevanti dwar il-ftehimiet ta’ finanzjament tal-appoġġ baġitarju u r-reviżjonijiet ta’ rendiment. L-iżvilupp tal-kapaċità Il-ħtiġijiet għal żvilupp tal-kapaċità se jiġu evalwati sistematikament sabiex titjieb il-kapaċità tal-gvern li jimplimenta politiki u jwassal servizzi lill-benefiċjarji finali; sabiex jitħeġġeġ l-involviment attiv tal-partijiet interessati domestiċi kollha u tissaħħaħ is-sistema nazzjonali tal-istatistika. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ għal żvilupp tal-kapaċità bbażat fuq id- domanda, marbut mar-riżultati ċari, u permezz ta’ inizjattivi armonizzati u allineati. Monitoraġġ, evalwazzjoni u komunikazzjoni Il-pajjiż sieħeb għandu jkollu sistema kredibbli u funzjonanti fis-seħħ għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni (M u E) tar-riżultati. Jekk in-nuqqasijiet huma identifikati, l-azzjonijiet għandhom jiġu miftiehma biex tissaħħaħ is-sistema M u E. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-elementi li ġejjin: - L-istruttura istituzzjonali tas-sistema ta’ M u E. - Il-pjan eżistenti ta’ M u E marbut mal-għanijiet tal-politika għall-iżvilupp u l-proċessi ewlenin. - Il-kwalità, ir-regolarità u l-affidabbiltà tad-dejta, inkluż l-istatistiċi uffiċjali, is-sistemi ta’ informazzjoni, l-indikaturi (il-kontribut, il-proċess, il-produzzjoni u r-riżultat) u d-dokumenti tar-rapportar. - L-iżvilupp tal-kapaċità għall-appoġġ tal-funzjonijiet ta’ M u E. Is-sistema ta’ M u E għandha tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-vuċi u l-leġittimità tal-partijiet interessati nazzjonali tal-proċess baġitarju tal-pajjiż imsieħeb u biex tassigura li l-informazzjoni fattwali u verifikabbli dwar operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju titqiegħed fid-dominju pubbliku. L-UE għandha tikkomunika aħjar fuq l-appoġġ baġitarju kemm tal-UE kif ukoll dak bilaterali, ibbażat fuq xogħol analitiku, oqfsa ta’ valutazzjoni ta’ rendiment attwali, ir-riżultati ta’ evalwazzjonijiet attwali u l-lezzjonijiet meħuda. KONKLUżJONIJIET Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill sabiex japprova l-Komunikazzjoni proposta, li tfittex li: - tagħmel l-appoġġ baġitarju tal-UE aktar effiċjenti u effettiv biex iwassal riżultati tal-iżvilupp, u tapprova dawn il-proposti, fir-rigward ta’ appoġġ baġitarju bilaterali, bħala mezz biex - tgħammar lill-UE u lill-Istati Membri b’Approċċ Ikkoordinat tal-UE dwar l-Appoġġ Baġitarju. Il-prinċipji gwida stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni se jiġu inkorporati fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-appoġġ baġitarju tal-UE. [1] Definit bħala appoġġ baġitarju li għalih hija responsabbli.l-Kummissjoni [2] COM(2000) 58, 2.2.2000. [3] COM(2010) 586, 19.10.2010. [4] COM(2011) 25, 2.2.2011 u dok. tal-Kunsill 7029/11, 10.3.2011. [5] COM(2010) 163, 21.4.2010 u dok. tal-Kunsill 11082/10, 14.6.2010. [6] COM(2011) 637.