Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0637

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla

    /* KUMM/2011/0637 finali */

    52011DC0637

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla /* KUMM/2011/0637 finali */


    WERREJ

    1........... Tnaqqis tal-faqar f'dinja li qiegħda tinbidel rapidament...................................................... 3

    2........... Drittijiet tal-bniedem, demokrazija u elementi ewlenin oħrajn ta' governanza tajba............. 5

    3........... Tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem.................................................. 7

    3.1........ Il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi.................................................. 8

    3.2........ Ambjent tan-negozju, integrazzjoni reġjonali u swieq globali............................................. 8

    3.3........ L-Agrikoltura sostenibbli u l-enerġija............................................................................... 9

    4........... Sħubijiet differenzjati għall-izvilupp................................................................................ 10

    5........... Azzjoni kkoordinata tal-UE........................................................................................... 11

    6........... Koerenza mtejba fost il-politiki tal-UE........................................................................... 12

    7........... Tħaddin tal-Aġenda għall-Bidla..................................................................................... 12

    1. Tnaqqis tal-faqar f'dinja li qiegħda tinbidel rapidament

    F'mument kritiku – filwaqt li qiegħda taffaċċja sfidi globali ġodda, qrib il-mira tal-2015 għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u f’nofs it-tħejjijiet għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li jmiss - l-UE trid tagħżel it-taħlita t-tajba tal-politiki, tal-għodod u tar-riżorsi biex tkun effettiva u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi Aġenda għall-Bidla biex issaħħaħ is-solidarjetà tal-Ewropa man-nazzjonijiet tad-dinja li qegħdin jiżviluppaw f’din il-ġlieda kontra l-faqar.

    Kif jiddikjara t-Trattat ta' Lisbona, l-appoġġ lill-isforzi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jinqered il-faqar huwa l-għan ewlieni tal-politika għall-iżvilupp u prijorità għall-azzjoni esterna tal-UE bħala appoġġ għall-interessi tal-UE għal dinja stabbli u b'aktar ġid. Il-politika għall-iżvilupp tgħin ukoll tindirizza sfidi globali oħrajn u tikkontribwixxi għall-Istrateġija UE-2020.

    L-UE diġà ħadmet ħafna biex tgħin biex jitnaqqas il-faqar u b'mod partikolari biex tappoġġa l-kisba tal-MDGs. Iżda l-faqar estrem għadu jippersisti f’bosta partijiet tad-dinja. Serje ta' xokkijiet globali ħallew bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fi stat ta' vulnerabbiltà. Hekk kif il-popolazzjoni tad-dinja qiegħda tkompli tikber, tinħtieġ aktar azzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi globali bħall-prevenzjoni tal-kunflitti, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima, u biex jitwasslu beni pubbliċi globali bħas-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għall-ilma u għas-sanità, is-sigurtà tal-enerġija u l-migrazzjoni.

    Sadanittant, movimenti mmexxija mill-poplu fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani enfasizzaw li progress tajjeb fuq l-MDGs huwa essenzjali, iżda mhux biżżejjed. Dan iwassal għal żewġ konklużjonijiet: l-ewwel, li l-għanijiet tal-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà huma marbutin ma' xulxin; it-tieni, li huwa kritiku li s-soċjetajiet joffru futur liż-żgħażagħ.

    Il-politika tal-UE għall-iżvilupp trid tqis id-differenzazzjoni miżjuda bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Riċentement, bosta pajjiżi sħab saru donaturi fihom infushom, filwaqt li oħrajn qegħdin jaffaċċjaw fraġilità li qiegħda tiżdied. L-UE issa trid tesplora modi ġodda biex taħdem magħhom u tippromwovi aġenda tal-iżvilupp internazzjonali aktar inklussiva.

    Hemm ukoll potenzjal għall-UE biex taħdem aktar mill-qrib mas-settur privat, mal-fondazzjonijiet, mas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali hekk kif ir-rwol tagħhom fl-iżvilupp jikber.

    Fil-livell tal-UE, it-Trattat ta' Lisbona ankra fis-sod il-politika għall-iżvilupp fl-azzjoni esterna tal-UE. Il-ħolqien tal-kariga ta’ Rappreżentant Għoli/Viċi-President (RG/VP), assistita mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), toffri opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni għall-iżvilupp aktar effettiva u tfassil ta' politika aktar integrat.

    L-UE mhijiex sempliċiment it-28 donatur Ewropew. Filwaqt li l-Kummissjoni timplimenta 20 % tal-isforz kollettiv tal-għajnuna tal-UE, hija taġixxi wkoll biex tikkoordina, tlaqqa' u tfassal il-politika. L-UE hija sieħba kummerċjali u ekonomika, u d-djalogu politiku tagħha, il-politika tas-sigurtà u bosta politiki oħrajn – mill-kummerċ, l-agrikoltura u s-sajd sal-ambjent, il-klima, l-enerġija u l-migrazzjoni - għandhom impatt qawwi fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Trid tittraduċi dan ir-rwol multidimensjonali f'taħlitiet differenti ta' politiki adattati għal kull pajjiż imsieħeb. Biex ikunu għal kollox effettivi, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jitkellmu u jaġixxu bħala entità waħda biex jiksbu riżultati aħjar u biex itejbu l-viżibilità tal-UE.

    Iż-żminijiet diffiċli ekonomiċi u baġitarji jagħmluha saħansitra aktar kritika li jiġi żgurat li l-għajnuna tintefaq b'mod effettiv, tagħti l-aħjar riżultati possibbli u tintuża biex isservi ta' lieva għal aktar finanzjament għall-iżvilupp.

    B'dan il-kuntest il-ġdid f’moħha, fl-2010 l-Kummissjoni varat konsultazzjoni dwar il-politika tal-UE għall-iżvilupp[1]. Din ikkonfermat ir-rilevanza tal-qafas ta' politika eżistenti, filwaqt li qablet dwar il-ħtieġa li jiżdied l-impatt.

    Huma meħtieġa tibdiliet f'għadd ta' direzzjonijiet. B'mod partikolari, l-UE trid tfittex li tiffoka l-offerta tagħha lill-pajjiżi sħab fejn jista' jkollha l-akbar impatt u għandha tikkonċentra l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha biex tappoġġa:

    – id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-elementi ewlenin oħrajn ta' governanza tajba;

    – it-tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem.

    Biex jiġi żgurat l-aħjar valur għall-flus, din għandha tiġi akkumpanjata minn:

    – sħubijiet għall-iżvilupp differenzjati;

    – azzjoni kkoordinata tal-UE;

    – koerenza mtejba fost il-politiki tal-UE.

    Il-Kummissjoni tipproponi Aġenda għall-Bidla li tista' twassal għal:

    · sehem akbar tal-programmi ta' kooperazzjoni tal-pajjiżi u reġjonali tal-UE dedikati għall-prijoritajiet ta' politika mogħtija fit-taqsimiet 2 u 3 hawn taħt;

    · il-konċentrazzjoni tal-attivitajiet tal-UE f’kull pajjiż fuq massimu ta’ tliet setturi;

    · żieda fil-volum u fis-sehem tal-għajnuna mill-UE lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn u fejn l-UE jista’ jkollha impatt reali, inkluż stati fraġli;

    · importanza msaħħa tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tax-xejriet tal-governanza tajba fid-determinazzjoni tat-taħlita ta' strumenti u ta' modalitajiet tal-għajnuna fuq il-livell tal-pajjiż;

    · appoġġ kontinwu għall-inklużjoni soċjali u għall-iżvilupp tal-bniedem permezz ta' mill-inqas 20 % tal-għajnuna tal-UE;

    · konċentrazzjoni akbar fl-investiment favur fatturi għal tkabbir ekonomiku inklussiv u sostenibbli, li jipprovdu s-sinsla tal-isforzi biex jitnaqqas il-faqar;

    · sehem ogħla tal-għajnuna tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji innovattivi, inklużi faċilitajiet li jgħaqqdu l-għotjiet u s-self;

    · konċentrazzjoni fuq l-għajnuna lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex titnaqqas l-espożizzjoni tagħhom għax-xokkijiet globali bħat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-ekosistema u tar-riżorsi, u prezzijiet volatili u li qegħdin jogħlew tal-enerġija u tal-agrikoltura, permezz ta' konċentrazzjoni fuq l-investiment fl-agrikoltura sostenibbli u fl-enerġija;

    · indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà, tal-fraġilità u tat-tranżizzjoni;

    · strateġiji ta’ reazzjoni konġunti bejn l-UE u l-Istati Membri bbażati fuq strateġiji ta' żvilupp proprji tal-imsieħba, bi tqassim settorjali tal-kompiti;

    · qafas komuni tal-UE għall-irrappurtar tar-riżultati;

    · Politika mtejba ta' Koerenza għall-Iżvilupp, inkluż permezz tal-programmi tematiċi ġodda li jibnu sinerġiji bejn l-interessi globali u l-qerda tal-faqar.

    L-Aġenda għall-Bidla proposta ma għandhiex il-għan li tikteb mill-ġdid il-prinċipji bażiċi tal-politika. Kif stabbilit fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp[2], il-mira kumplessiva tal-UE sabiex jinqered il-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli mhux se tiddgħajjef. L-impenji tal-UE dwar il-finanzjament għall-iżvilupp, il-kisba tal-MDG u l-effettività tal-għajnuna tibqa’ soda, kif jibqgħu wkoll l-ambizzjonijiet tagħha bħala mexxej politiku u donatur ewlieni.

    L-istrateġiji tal-iżvilupp immexxija mill-pajjiż imsieħeb se jkomplu jfasslu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE skont il-prinċipji ta’ sjieda u sħubija. L-UE qiegħda tfittex involviment reċiproku akbar mal-pajjiżi sħab tagħha, inkluż ir-responsabbiltà reċiproka għar-riżultati. Djalogu fuq il-livell tal-pajjiż fi ħdan qafas koordinat ta' donaturi għandu jiddetermina eżattament fejn u kif tintervjeni l-UE . Se tiġi segwita wkoll kollaborazzjoni aktar effettiva fi ħdan is-sistema multilaterali .

    2. Drittijiet tal-bniedem, demokrazija u elementi ewlenin oħrajn ta' governanza tajba

    Governanza tajba, fit-termini politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha, hija vitali għall-iżvilupp inklusiv u sostenibbli. L-appoġġ tal-UE għall-governanza għandu jidher b’aktar prominenza fis-sħubijiet kollha, b'mod speċjali permezz ta’ inċentivi għal riforma orjentata lejn ir-riżultati u enfasi fuq l-impenji tal-imsieħba favur id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u li jiġu ssodisfati t-talbiet u l-ħtiġijiet tan-nies tagħhom.

    Billi l-progress fit-tul jista' jitmexxa biss minn forzi interni, se jiġi segwit approċċ iċċentrat fuq id-djalogu politiku u ta' politika mal-partijiet interessati kollha. It-taħlita u l-livell tal-għajnuna se jiddependu fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż, inkluża l-abbiltà tiegħu biex iwettaq riformi.

    L-appoġġ għall-governanza jista' jieħu l-forma ta’ programmi jew interventi msejsa fuq proġetti biex jappoġġaw l-atturi u l-proċessi fuq il-livell lokali, nazzjonali u settorjali. Appoġġ baġitarju ġenerali tal-UE għandu jkun marbut mas-sitwazzjoni ta' governanza u mad-djalogu politiku mal-pajjiż imsieħeb, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri[3].

    Jekk pajjiż inaqqas l-impenn tiegħu lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, l-UE għandha ssaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-atturi mhux statali u mal-awtoritajiet lokali u tuża forom ta’ għajnuna li jipprovdu lill-foqra bl-appoġġ li jkollhom bżonn. Fl-istess ħin, l-UE għandha żżomm djalogu mal-gvernijiet u mal-atturi mhux statali. F’xi każijiet, kondizzjonalità aktar stretta se tiġi ġġustifikata.

    Il-konċentrazzjoni fuq ir-riżultati u r-responsabbiltà reċiproka ma tfissirx li l-UE se tinjora s-sitwazzjonijiet fraġli fejn l-impatt huwa aktar bil-mod jew aktar diffiċli biex jitkejjel. L-UE għandha taħdem biex tgħin lill-pajjiżi f’sitwazzjonijiet ta’ fraġilità biex jistabbilixxu l-funzjonament u l-istituzzjonijiet responsabbli li jagħtu servizzi bażiċi u li jappoġġjaw it-tnaqqis tal-faqar. Se jittieħdu deċiżjonijiet biex jiġi pprovdut appoġġ baġitarju lil tali pajjiżi fuq bażi ta' każ b'każ, li jiżnu l-benefiċċji, il-kostijiet u r-riskji.

    L-azzjoni tal-UE għandha tiffoka fuq:

    · Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-UE għandha tkompli tappoġġa d-demokratizzazzjoni, l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet, il-libertà tal-midja u l-aċċess għall-internet, il-protezzjoni tal-minoranzi, l-istat tad-dritt u sistemi ġudizzjarji fil-pajjiżi msieħba.

    · L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa bħala atturi għall-iżvilupp u ħaddiema għall-paċi[4] se jiġu integrati fil-politiki u fil-programmi kollha tal-UE għall-iżvilupp permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sessi tal-2010.

    · Il-ġestjoni tas-settur pubbliku għal servizz aħjar ta’ twettiq. L-UE għandha tappoġġa programmi nazzjonali biex itejbu l-formulazzjoni tal-politika, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, inklużi t-twaqqif u t-tisħiħ ta’ korpi u miżuri ta' awditjar, kontroll u kontra l-frodi, u żvilupp istituzzjonali, inkluż l-immaniġjar tar-riżorsi umani. Ir-riforma domestika u l-politiki fiskali favur il-foqra huma vitali.

    · Il-politika u l-amministrazzjoni fiskali. L-UE se tkompli tippromwovi sistemi fiskali nazzjonali ġusti u trasparenti fil-programmi tagħha tal-pajjiż, skont il-prinċipji tal-UE għal governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, flimkien ma' inizjattivi internazzjonali u rappurtar pajjiż b'pajjiż biex tiżdied it-trasparenza finanzjarja.

    · Il-korruzzjoni. L-UE għandha tgħin lill-pajjiżi sħab tagħha biex jindirizzaw il-korruzzjoni permezz programmi ta' governanza li jappoġġaw il-promozzjoni, is-sensibilizzazzjoni u r-rappurtar u jżidu l-kapaċità tal-korpi tal-kontroll u tas-sorveljanza u l-ġudikatura.

    · Is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali. Filwaqt li tibni fuq 'Djalogu Strutturat'[5], l-UE għandha ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mal-isħab soċjali u mal-awtoritajiet lokali, permezz ta’ djalogu regolari u l-użu tal-aħjar prattiki. Għandha tappoġġa l-ħolqien ta' soċjetà ċivili lokali organizzata kapaċi taġixxi bħala għassies u sieħeb fi djalogu mal-gvernijiet nazzjonali. L-UE għandha tqis modi kif timmobilizza l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali, pereżempju permezz ta' netwerks ta' eċċellenza jew eżerċizzji ta' ġemellaġġ.

    · Ir-riżorsi naturali. L-UE għandha żżid l-appoġġ tagħha għall-proċessi u korpi ta' sorveljanza u tkompli tappoġġa riformi ta' governanza li jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli u trasparenti ta' riżorsi naturali, inklużi materja prima u riżorsi marittimi, u tas-servizzi tal-ekosistemi, b'attenzjoni partikolari għad-dipendenza fuqhom mill-foqra, b'mod speċjali azjendi agrikoli żgħar .

    · Ir-rabta żvilupp-sigurtà. L-UE għandha tiżgura li l-għanijiet tagħha fl-oqsma tal-politika għall-iżvilupp, tal-bini tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tas-sigurtà internazzjonali (inkluż is-sigurtà ċibernetika) jirrinfurzaw lil xulxin. Għandha tiffinalizza u timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni mitlub dwar is-sigurtà, il-fraġilità u l-iżvilupp[6].

    3. Tkabbir inklussiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem

    It-tkabbir ekonomiku inklussiv u sostenibbli huwa kruċjali għat-tnaqqis fit-tul tal-faqar u x-xejriet ta' tkabbir huma importanti daqs ir-rati ta' tkabbir. Għal dan il-għan, l-UE għandha tħeġġeġ aktar tkabbir inklużiv, ikkaratterizzat mill-ħila tal-persuni biex jipparteċipaw fi, u jibbenefikaw minn, ġid u ħolqien tax-xogħol. Hija vitali l-promozzjoni tax-xogħol deċenti li tkopri l-ħolqien tax-xogħol, il-garanzija tad-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, il-ħarsien soċjali u d-djalogu soċjali.

    L-iżvilupp mhuwiex sostenibbli jekk dan jagħmel ħsara lill-ambjent, lill-bijodiversità u lir-riżorsi naturali u jżid l-espożizzjoni/il-vulnerabbiltà għad-diżastri naturali. Il-politika tal-UE għall-iżvilupp għandha tippromwovi “ekonomija ekoloġika” li tista’ tiġġenera tkabbir, toħloq ix-xogħol u tgħin biex jitnaqqas il-faqar billi tivvaluta u tinvesti fil-kapital naturali[7], inkluż permezz tal-appoġġ għall-opportunitajiet tas-suq għal teknoloġiji aktar nodfa, użu effiċjenti tal-enerġija u tar-riżorsi, żvilupp b'livell baxx ta' emissjoni tal-karbonju filwaqt li tistimola l-innovazzjoni, l-użu tal-ICT, u tnaqqas l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali. Għandha tikkontribwixxi wkoll għat-titjib tar-reżiljenza tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fir-rigward tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.

    L-atturi pubbliċi għandhom joħolqu sħubijiet ma’ kumpaniji privati, komunitajiet lokali u soċjetà ċivili. Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva fil-livell internazzjonali u nazzjonali tista' tgħin biex jiġi evitat li jitnaqqas il-livell tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istandards internazzjonali soċjali u ambjentali u biex ikun hemm promozzjoni ta' mġiba kummerċjali responsabbli konsistenti ma' strumenti rikonoxxuti internazzjonalment.

    L-UE għandha tiffoka l-appoġġ tagħha għal tkabbir inklussiv u sostenibbli fuq:

    · dawk is-setturi li jibnu l-pedamenti għal tkabbir u jgħinu jiżguraw li jkunu inklussivi, b'mod speċjali l-ħarsien soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni;

    · il-vetturi faċilitattivi għal tkabbir inklussiv u sostenibbli, b'mod speċjali ambjent aktar b'saħħtu tan-negozju u integrazzjoni reġjonali aktar profonda;

    · dawk is-setturi li jkollhom impatt multiplikatur qawwi fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li jikkontribwixxu għall-ħarsien ambjentali, il-prevenzjoni u l-adattament fit-tibdil fil-klima, b'mod speċjali fl-agrikoltura sostenibbli u fl-enerġija.

    3.1. Il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi

    L-UE għandha tieħu approċċ aktar komprensiv lejn l-iżvilupp tal-bniedem. Dan jinvolvi l-appoġġ għal poplu b’saħħtu u b'edukazzjoni tajba, li jagħti lill-forza tax-xogħol il-ħiliet li twieġeb għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, tiżviluppa l-ħarsien soċjali, u jnaqqas l-inugwaljanza tal-opportunità.

    L-UE għandha tappoġġa riformi fis-settur li jżidu l-aċċess għal servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni ta' kwalità u jssaħħu l-kapaċitajiet lokali biex jirreaġixxu għall-isfidi globali. L-UE għandha tuża l-firxa tagħha ta' strumenti ta' għajnuna, b'mod speċjali "kuntratti għar-riforma tas-settur" bi djalogu politiku intensifikat.

    L-UE għandha tieħu azzjoni biex tiżviluppa u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tnaqqas l-inugwaljanzi fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, tippromwovi l-koerenza tal-politika u żżid il-protezzjoni kontra t-theddid tas-saħħa globali sabiex jitjiebu r-riżultati tas-saħħa għall-kulħadd.

    L-UE għandha ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għal edukazzjoni ta’ kwalità biex tagħti liż-żgħażagħ l-għarfien u l-ħiliet biex ikunu membri attivi f'soċjetà li qiegħda dejjem tevolvi. Permezz tal-bini ta' kapaċità u l-iskambju tal-għarfien, l-UE għandha tappoġġa t-taħriġ vokazzjonali għall-impjegabbiltà u għall-kapaċità biex twettaq ir-riċerka u tuża r-riżultati tagħha.

    L-UE għandha tappoġġa l-aġenda tax-xogħol deċenti, l-iskemi tal-protezzjoni soċjali u ta' garanziji minimi u tinkuraġġixxi politiki li jiffaċilitaw il-mobbiltà reġjonali tax-xogħol. L-UE se tappoġġa sforzi mmirati biex tisfrutta b'mod sħiħ l-interrelazzjoni bejn il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjieg.

    3.2. Ambjent tan-negozju, integrazzjoni reġjonali u swieq globali

    It-tkabbir ekonomiku għandu bżonn ta' ambjent favorevoli għan-negozju. L-UE għandha tappoġġa l-iżvilupp tas-setturi privati lokali kompettitivi inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità lokali istituzzjonali u kummerċjali, tippromwovi l-SMEs u l-kooperattivi, tappoġġa riformi tal-qafas leġiżlattiv u regolatorju u l-infurzar tagħhom (inkluż għall-użu ta' komunikazzjonijiet elettroniċi bħala għodda biex tappoġġa t-tkabbir fis-setturi kollha), tiffaċilita l-aċċess għal servizzi kummerċjali u finanzjarji u tippromwovi l-politiki agrikoli, industrijali u ta' innovazzjoni. Dan se jippermetti wkoll lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b'mod speċjali l-ifqar pajjiżi, biex jużaw l-opportunitajiet offruti mis-swieq integrati globalment. L-għajnuna għall-Kummerċ u l-iffaċilitar tal-kummerċ aħjar u aktar immirati jridu jakkumpanjaw dawn l-isforzi.

    Bl-istess mod, l-attirar u ż-żamma ta' investiment sostanzjali privat domestiku u barrani u t-titjib tal-infrastruttura huma kruċjali għas-suċċess tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE għandha tiżviluppa modi ġodda ta' involviment tas-settur privat, b'mod speċjali bil-ħsieb li tistimola attività tas-settur privat u riżorsi li jipprovdu prodotti pubbliċi. Għandha tesplora l-mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tar-riskju u tagħti finanzjament bil-quddiem biex tikkatalizza sħubijiet pubbliċi-privati u investiment privat. L-UE għandha tinvesti biss fl-infrastruttura, fejn is-settur privat ma jistax jagħmel hekk fuq termini kummerċjali.

    L-UE se tkompli tiżviluppa mekkaniżmi ta' kooperazzjoni biex tagħti spinta lir-riżorsi finanzjarji għall-iżvilupp, tibni fuq esperjenzi ta’ suċċess bħall-faċilitajiet Ewropej għall-Investiment jew lill-Fond Fiduċjarju ta' bejn l-UE u l-Afrika għall-infrastruttura. F'setturi u pajjiżi magħżula, persentaġġ ogħla tar-riżorsi tal-UE għall-iżvilupp għandhom jiġu użati permezz ta' strumenti finanzjarji eżistenti jew ġodda, bħall-għaqda tal-għotjiet u tas-self u mekkaniżmi oħrajn tal-kondiviżjoni tar-riskju, sabiex jiġu attratti aktar riżorsi u għaldaqstant jiżdied l-impatt. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġat minn pjattaforma tal-UE għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp li tinkorpora l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej.

    L-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali jistgħu jistimolaw il-kummerċ u l-investiment u jrawmu l-paċi u l-istabbiltà. L-UE għandha tappoġġa l-isforzi għall-integrazzjoni reġjonali u kontinentali (inklużi l-inizjattivi Nofsinhar-Nofsinhar) permezz tal-politiki tal-imsieħba f'oqsma bħas-swieq, l-infrastruttura u l-kooperazzjoni transkonfinali dwar l-ilma, l-enerġija u s-sigurtà. Se jiġi offrut appoġġ biex jiġu indirizzati l-lakuni tal-kompetittività, bħala parti mill-Għajnuna għall-Attivitajiet tal-Kummerċ u tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika tal-UE li qegħdin dejjem jikbru u li huma sostanzjali u ftehimiet oħrajn ta' kummerċ ħieles ma' reġjuni li qegħdin jiżviluppaw.

    3.3. L-Agrikoltura sostenibbli u l-enerġija

    L-UE għandha tuża l-appoġġ tagħha fl-agrikoltura u fl-enerġija biex tgħin tiżola lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw minn xokkijiet (bħall-iskarsezza tar-riżorsi u l-provvista u bħall-volatilità tal-prezzijiet) u għalhekk tgħin tipprovdi l-pedamenti għal tkabbir sostenibbli. Għandha tindirizza l-inugwaljanzi, b'mod partikolari biex tagħti lin-nies foqra aċċess aħjar għall-art, l-ikel, l-ilma u l-enerġija mingħajr ma ssir ħsara għall-ambjent.

    Fl-agrikoltura, l-UE għandha tappoġġa prattiki sostenibbli, inklużi l-issalvagwardjar tas-servizzi tal-ekosistemi, tagħti prijorità lill-prattiki żviluppati lokalment u tiffoka fuq l-agrikoltura ta' skala żgħira u l-għajxien rurali, il-formazzjoni ta' gruppi ta' produtturi, ta' katina għall-fornitura u għall-kummerċjalizzazzjoni u l-isforzi tal-gvern biex jiffaċilita investiment privat responsabbli. L-UE se tkompli taħdem biex issaħħaħ l-istandards nutrittivi, il-governanza tas-sigurtà tal-ikel u tnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel fuq livell internazzjonali.

    Fl-enerġija, l-UE għandha toffri t-teknoloġija u l-għarfien espert kif ukoll fondi għall-iżvilupp, u għandha tiffoka fuq tliet sfidi ewlenin: il-volatilità tal-prezzijiet u s-sigurtà tal-enerġija; it-tibdil fil-klima, inkluż l-aċċess għal teknoloġiji b'livell baxx tal-emissjoni tal-karbonju; u aċċess għal servizzi sikuri, bi prezz raġonevoli, ta' enerġija nadifa u sostenibbli[8].

    Fiż-żewġ setturi, l-UE għandha tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija, inkluż fi strateġiji ta’ adattament u mitigazzjoni tal-klima.

    L-UE qiegħda tfittex għal sħubijiet fit-tul ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ibbażati fuq responsabbiltà reċiproka.

    4. Sħubijiet differenzjati għall-izvilupp

    L-UE trid tfittex li tiffoka r-riżorsi tagħha fejn huma meħtieġa l-aktar biex tindirizza t-tnaqqis tal-faqar u fejn jistgħu jkollhom l-akbar impatt.

    Għajnuna bbażata fuq l-għoti m'għandhiex tidher fil-kooperazzjoni ġeografika ma' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw aktar avvanzati li diġà qegħdin fuq perkorsi appoġġati ta' tkabbir u/jew kapaċi jiġġeneraw biżżejjed riżorsi proprji. Min-naħa l-oħra, ħafna pajjiżi oħrajn jibqgħu jiddependu ħafna fuq appoġġ estern sabiex jipprovdu servizzi bażiċi lill-poplu tagħhom. Fiż-żona intermedja, hemm firxa ta’ sitwazzjonijiet li jeħtieġu taħlitiet ta' politiki u arranġamenti ta’ kooperazzjoni differenti. Approċċ differenzjat tal-UE għall-allokazzjoni tal-għajnuna u għas-sħubijiet huwa għalhekk essenzjali biex jintlaħaq il-livell massimu ta' impatt u ta' valur għall-flus.

    L-UE għandha tkompli tirrikonoxxi l-importanza partikolari ta' appoġġ għall-iżvilupp fil-viċinat[9] tagħha stess u fl-Afrika sub-Saħarjana[10]. Għandha, fir-reġjuni kollha, talloka aktar fondi milli kienet tagħmel fil-passat lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, inkluż stati fraġli.

    Aktar preċiżament, l-assistenza tal-UE għall-iżvilupp għandha tkun allokata skont:

    – Il-ħtiġijiet tal-pajjiż: ivvalutati bl-użu ta’ diversi indikaturi, filwaqt li jitqiesu, inter alia, ix-xejriet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali/uman u l-perkors tat-tkabbir u kif ukoll l-indikaturi ta' vulnerabbiltà u fraġilità.

    – Il-kapaċitajiet: ivvalutati skont l-abbiltà tal-pajjiż li jiġġenera biżżejjed riżorsi finanzjarji, b'mod speċjali riżorsi domestiċi, u l-aċċess tiegħu għal sorsi oħrajn ta’ finanzjament bħal swieq internazzjonali, investiment privat jew riżorsi naturali. Għandhom jitqiesu wkoll il-kapaċitajiet ta’ assorbiment.

    – L-impenji u l-prestazzjoni tal-pajjiż: għandu jitqies b'mod pożittiv l-investiment tal-pajjiż fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-protezzjoni soċjali, il-progress tiegħu fuq l-ambjent, id-demokrazija u l-governanza tajba, u s-solidità tal-politiki ekonomiċi u fiskali tiegħu, inkluża l-ġestjoni finanzjarja.

    – L-impatt potenzjali tal-UE: ivvalutat permezz żewġ għanijiet trażversali:

    (1) Iż-żieda tal-limitu sa fejn il-kooperazzjoni tal-UE tista' tippromwovi u tappoġġa riformi politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali fil-pajjiżi msieħba;

    (2) Iż-żieda tal-effett ta' lieva li l-għajnuna tal-UE jista' jkollha fuq sorsi oħrajn ta’ finanzjament għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-investiment privat.

    Permezz ta' djalogu komprensiv politiku u ta’ politika mal-pajjiżi sħab kollha, l-UE għandha tiddefinixxi l-aktar forma xierqa ta’ kooperazzjoni, li twassal għal deċiżjonijiet infurmati u oġġettivi dwar l-aktar taħlita ta' politiki effettiva, livelli ta' għajnuna, arranġamenti ta' għajnuna u l-użu tal-għodod finanzjarji eżistenti u ġodda, u tibni fuq l-esperjenza proprja tal-UE fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni.

    Għal ċerti pajjiżi dan jista’ jirriżulta f’inqas jew fl-ebda għoti ta' għajnuna tal-UE għall-iżvilupp u l-għażla ta' relazzjoni ta' żvilupp differenti bbażata fuq self, kooperazzjoni teknika jew appoġġ għall-kooperazzjoni trilaterali.

    F'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, għandhom jiġu definiti forom speċifiċi ta' appoġġ li jippermettu l-irkupru u r-reżiljenza, b'mod speċjali permezz ta' koordinazzjoni mill-qrib mal-komunità internazzjonali u artikolazzjoni tajba mal-attivitajiet umanitarji. L-għan għandu jkun li tiġi massimizzata sjieda nazzjonali kemm fuq il-livell tal-istat kif ukoll fuq dak lokali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà u jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi fuq perjodu qasir, filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ il-governanza, il-kapaċità u t-tkabbir ekonomiku, filwaqt li l-bini tal-istat jinżamm bħala element ċentrali.

    Dan il-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq il-pajjiż għandu jagħti lill-UE l-flessibbiltà biex tirreaġixxi għal avvenimenti mhux mistennija, b'mod speċjali dawk naturali jew ikkaġunati mill-bniedem .

    5. Azzjoni kkoordinata tal-UE

    Il-frammentazzjoni u l-proliferazzjoni tal-għajnuna xorta għadhom mifruxa u qegħdin anke jiżdiedu, minkejja sforzi reċenti konsiderevoli biex jiġu kkoordinati u armonizzati l-attivitajiet tad-donaturi. L-UE għandha tieħu rwol ta' tmexxija aktar attiv, kif awtorizzat mit-Trattat ta’ Lisbona, u tressaq proposti biex tagħmel l-għajnuna Ewropea aktar effettiva.

    L-ipprogrammar konġunt tal-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri għandu jnaqqas il-frammentazzjoni u jżid l-impatt tiegħu proporzjonalment mal-livelli ta’ impenn. L-għan huwa għal proċess ta' pprogrammar simplifikat u aktar mgħaġġel, li jitwettaq prinċipalment fuq il-post.

    Fejn il-pajjiż imsieħeb ikun fassal l-istrateġija propja tiegħu, l-UE għandha tappoġġha billi tiżviluppa, kull fejn ikun possibbli, dokumenti konġunti ta' programmar multiannwali mal-Istati Membri. Fejn il-pajjiż imsieħeb ma jkunx għamel dan, l-UE se taħdem biex tiżviluppa strateġija konġunta mal-Istati Membri.

    Dan il-proċess jista' jirriżulta f’dokument ta’ pprogrammar konġunt wieħed li għandu jindika t-tqassim settorjali tax-xogħol u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal kull settur u donatur. L-UE u l-Istati Membri għandhom isegwu d-dokument meta jfasslu l-pjanijiet ta' implimentazzjoni bilaterali tagħhom. Il-parteċipazzjoni għandha tinfetaħ għal donaturi mhux mill-UE impenjati għall-proċess f'pajjiż speċifiku.

    Biex tissaħħaħ is-sjieda tal-pajjiżi, fejn huwa possibbli l-ipprogrammar konġunt għandu jiġi sinkronizzat maċ-ċikli tal-istrateġija tal-pajjiżi msieħba.

    F'sens ta' operat, l-UE u l-Istati Membri għandhom jużaw il-modalitajiet tal-għajnuna li jiffaċilitaw l-azzjoni konġunta bħall-appoġġ baġitarju (taħt 'kuntratt wieħed tal-UE'), il-fondi fiduċjarji tal-UE u l-kooperazzjoni ddelegata.

    Rigward it-tqassim tax-xogħol transkonfinali, il-Kummissjoni tinkoraġixxi lill-Istati Membri kollha biex ikunu aktar trasparenti meta jidħlu jew joħorġu, f'konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar t-Tqassim tax-Xogħol[11]. Hemm bżonn ta' approċċ koordinat, inkluż mekkaniżmu ta' koordinazzjoni għat-tqassim tax-xogħol transkonfinali.

    L-UE għandha tiżviluppa qafas komuni għall-kejl u għall-ikkomunikar tar-riżultati tal-politika għall-iżvilupp, inkluż għal tkabbir inklussiv u sostenibbli. Skont il-Qafas Operattiv dwar l-Effettività tal-Għajnuna[12], l-UE se taħdem mal-pajjiżi sħab u donaturi oħrajn fuq strateġiji komprensivi rigward ir-responsabbiltà domestika u reċiproka u t-trasparenza, inkluż permezz tal-bini ta' kapaċità statistika.

    It-trasparenza hija l-qofol ta’ għajnuna effettiva u responsabbli. Il-Kummissjoni, li adottat l-istandard tal-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna, diġà hija waħda mill-aktar donaturi trasparenti. Għandha tkompli dan l-isforz, flimkien mal-Istati Membri.

    6. Koerenza mtejba fost il-politiki tal-UE.

    L-UE hija fuq quddiemnett tal-aġenda għall-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD) u se tkompli tevalwa l-impatt tal-politiki tagħha fuq l-għanijiet ta' żvilupp. Se ssaħħaħ id-djalogu tagħha fil-livell tal-pajjiżi dwar il-PCD u se tkompli tippromwovi l-PCD f'fora globali biex tgħin biex jissawwar ambjent li jappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi l-aktar foqra.

    L-MFF futur għandu jsaħħaħ il-PCD. Il-programmi tematiċi huma maħsuba bħala strumenti biex jindirizzaw it-tħassib globali u se jipproġettaw il-politiki tal-UE fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u jgħinu wkoll biex jinqered il-faqar.

    L-UE trid tintensifika l-approċċ konġunt tagħha għas-sigurtà u għall-faqar, u fejn ikun meħtieġ tadatta l-bażijiet u l-proċeduri legali tagħha. L-inizjattivi tal-UE, fil-qasam tal-iżvilupp, tal-politika barranija u tas-sigurtà għandhom ikunu marbuta biex joħolqu approċċ aktar koerenti lejn il-paċi, il-bini tal-istati, it-tnaqqis tal-faqar u l-kawżi sottostanti ta’ kunflitti. L-UE għandha l-għan li tiżgura tranżizzjoni bla xkiel mill-għajnuna umanitarja u mir-reazzjoni għall-kriżijiet lejn il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għat-tul.

    F'termini tar-rabta żvilupp-migrazzjoni, l-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fit-tisħiħ tal-politiki, tal-kapaċitajiet u tal-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-mobbiltà, bil-għan li timmassimizza l-impatt tal-iżvilupp taż-żieda tal-mobbiltà reġjonali u globali tan-nies.

    7. Tħaddin tal-Aġenda għall-Bidla

    Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Kunsill biex japprova l-Aġenda għall-Bidla proposta li tfittex li:

    – tipprovdi lill-UE b'politika u prattika tal-iżvilupp ta' impatt qawwi għall-għaxar snin li ġejjin u tagħtiha rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' aġenda ta' żvilupp internazzjonali komprensiva sa u lil hinn mill-2015;

    – tgħin għall-bidla meħtieġa fil-pajjiżi sħab biex ikun hemm progress aktar mgħaġġel lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-MDGs.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se jiżguraw li l-prinċipji gwida stipulati f’din il-Komunikazzjoni huma riflessi progressivament matul il-bqija taċ-ċiklu ta’ programmar ta' bħalissa u fid-dokumenti ta’ pprogrammar futuri, kif ukoll fil-proposti rigward l-arkitettura, il-leġiżlazzjoni u l-ipprogrammar tal-istrumenti finanzjarji futuri għal azzjoni esterna.

    L-Istati Membri huma mħeġġa biex jimplimentaw ukoll l-Aġenda.

    [1]               COM(2010)629 http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/5241_en.htm

    [2]               2006/C 46/01.

    [3]               COM(2011) 638.

    [4]               SEC(2010) 265 finali.

    [5]               http://ec.europa.eu/europeaid/who/partners/civil-society/structured-dialogue_en.htm

    [6]               Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 14919/07 u 15118/07.

    [7]               COM(2011) 363 finali.

    [8]               Filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa bħall-Grupp ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Enerġija Sopstenibbli għal kulħadd.

    [9]               COM(2011) 303.

    [10]             Inkluż permezz l-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika.

    [11]             9558/07.

    [12]             18239/10.

    Top