EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0624

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL PROGRESS LEJN L-ILĦUQ TAL-MIRI TA' KJOTO(meħtieġ skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto)

/* KUMM/2011/0624 finali */

52011DC0624

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL PROGRESS LEJN L-ILĦUQ TAL-MIRI TA' KJOTO(meħtieġ skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kjoto) /* KUMM/2011/0624 finali */


WERREJ

1. SOMMARJU 3

2. IL-PROGRESS ATTWALI 1990-2009 6

2.1. It-tendenzi fl-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Istati Membri 6

2.2. L-intensitajiet u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra per capita fl-2009 7

2.3. L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-2009 meta mqabbla mal-2008 8

2.4. It-tendenzi fl-emissjonijiet fis-setturi ewlenin 9

3. IL-PROGRESS PREVIST LEJN L-ILĦUQ TAL-MIRA TA’ KJOTO 11

3.1. Il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra 11

3.1.1. L-UE-27 11

3.1.2. L-UE-15 11

3.1.3. L-UE-12 12

3.2. L-istat ta’ implimentazzjoni tal-politika Komunitarja dwar it-tibdil fil-klima 14

3.3. Implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Skambju tal-Kwoti tal-UE (ETS tal-UE) 16

3.3.1. It-tieni perjodu ta’ negozjar (2008-2012) 16

3.3.2. L-użu tal-JI u l-CDM mill-operaturi 17

3.4. L-użu mbassar tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet tal-Unjoni 17

3.5. L-użu mbassar tal-bjar tal-karbonju 17

4. ILĦUQ TAL-MIRA TAL-2020 18

4.1. Il-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 18

4.2. Politiki li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri 18

4.3. Id-distanza prevista għall-miri 19

5. ADATTAMENT GĦAT-TIBDIL FIL-KLIMA 21

6. IS-SITWAZZJONI FIL-PAJJIŻI KANDIDATI TAL-UNJONI 21

SOMMARJU

Fit-triq it-tajba biex jintlaħqu l-miri ta’ Kjoto, 2008-2012

Fl-20091, it-total ta’ emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra (GHG) fl-UE-27 mingħajr emissjonijiet u t-tneħħija mill-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF) kien 17.4% inqas meta mqabbel mal-livelli tal-1990. L-emissjonijiet naqsu b’7.1% meta mqabbel mas-sena 2008, filwaqt li matul l-istess perjodu l-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-UE-27 naqas b’madwar 4% minħabba r-riċessjoni ekonomika.

Barra minn hekk, skont id-dejta provviżorja tal-20102, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-15 u l-UE-27 inbidlu bi 2.3% fl-2010 meta mqabbel mal-2009. Abbażi ta’ dawn l-istimi, l-emissjonijiet tal-UE-15 huma 10.7% taħt il-livell tas-sena ta’ referenza. L-emissjonijiet tal-UE-27 huma madwar 15.5% taħt il-livell tal-1990. Il-bidla fil-PDG fl-1990-2010 kienet ta’ 39.1% għall-UE-15 u ta’ 41% għall-UE-27, u madwar 1.8% bejn l-2009-2010.

Skont il-Protokoll ta’ Kjoto, l-UE-15 kienet qablet li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha bi 8% sal-2008-12 meta mqabbel mal-livelli tas-sena ta’ referenza. Abbażi tad-dejta tal-inventarju l-iktar reċenti tal-2009 li hija disponibbli1, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-15 naqsu għas-sitt sena konsekuttiva u kienu 12.7% taħt l-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza mingħajr il-LULUCF. Filwaqt li mill-1990, l-ekonomija tal-UE-15 f’termini ta’ PDG kibret b’mod sinifikanti b’madwar 37%, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra naqsu fl-UE-15.

Fl-2009, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-15 naqsu b’mod sinifikanti, b’6.9% meta mqabbel mal-2008, li taqbeż b’mod sostanzjali t-tnaqqis fil-PDG tal-UE-15 ta’ madwar 4% minħabba r-riċessjoni ekonomika, li jindika li fl-2009, il-kriżi ekonomika qawwija fl-Unjoni ma waqqfitx it-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Ir-rata ta’ titjib fl-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra baqgħet fl-istess livell bħal fis-snin ta’ qabel.

Kollox ma’ kollox, il-projezzjonijiet 3 tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif muri fil-Figura 1 jindikaw li l-UE-15 tinsab sew fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ Kjoto. L-istima turi li l-mira x’aktarx li se tkun intlaħqet iktar milli kien mistenni.

Figura 1: Emissjonijiet attwali u mbassra għall-UE-15

[pic]

Nota : Il-vleġeġ huma bbażati fuq il-medja tal-2008-2012, u għaldaqstant ma jikkorrispondux eżattament għall-valuri tal-2010 tal-emissjonijiet imbassra. Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, EEA

Skont il-projezzjonijiet reċenti tal-gassijiet b’effett ta’ serra, sitt Stati Membri (il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Isvezja, ir-Renju Unit) huma fit-triq it-tajba biex jiksbu l-miri ta’ tnaqqis fil-livelli ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra individwali tagħhom. Meta jiġi kkunsidrat l-użu ppjanat tal-mekkaniżmi flessibbli ta’ Kjoto, l-użu ta’ kwoti mhux użati mir-riżerva tal-membri l-ġodda tal-ETS tal-UE u l-bjar tal-karbonju, kif ukoll il-miżuri politiċi addizzjonali, tliet Stati Membri biss (l-Awstrija, l-Italja u l-Lussemburgu) jista’ jkollhom diffikultajiet biex jilħqu dawn il-miri.

F’ħafna mit-tnax-il Stat Membru li ssieħbu fl-Unjoni mill-2004 ’l hawn, l-emissjonijiet huma mistennija li jiżdiedu bi ftit bejn l-2009 u l-2012. Madankollu, disgħa minnhom li għandhom mira ta’ Kjoto huma mistennija li jilħqu jew li jilħqu aktar milli suppost l-impenji tagħhom billi jużaw biss il-politiki u l-miżuri li hemm fis-seħħ. Is-Slovenja hija mistennija li tilħaq il-mira tagħha meta l-miżuri eżistenti kollha kif ukoll dawk ippjanti, inkluż ix-xiri ta’ krediti ta’ Kjoto, irendu kif mistenni.

Miżuri ġodda biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża tal-Unjoni għall-2020

Il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija4 adottat fl-2009 jipprovdi pakkett integrat u ambizzjuż ta’ politiki u miżuri biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima sal-2020 u wara. Mill-2013 ’il quddiem, l-isforz totali tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20%5 sal-2020 meta mqabbel mal-1990 sejjer jinqasam bejn is-setturi tal-ETS tal-UE u dawk li mhumiex. Id-dejta dwar il-gassijiet b’effett ta’ serra li ġiet ippreżentata fit-taqsima ta’ qabel tirreferi għall-ambitu tal-ewwel perjodu ta’ impenn skont il-Protokoll ta’ Kjoto u ma tistax tintuża direttament biex jiġi vvalutat il-progress lejn l-impenn domestiku tal-Unjoni sal-2020 minħabba l-kopertura settorjali usa’ tiegħu.

Il-preparazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-impenn għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 issuktaw b’pass mgħaġġel. Rigward id- Direttiva dwar l-ETS tal-UE kif riveduta, is-sena li għaddiet ġew deċiżi t-teknikalitajiet tar-regoli għall-allokazzjoni bla ħlas u rkant ta’ kwoti, l-użu ta’ krediti internazzjonali, l-istabbiliment tal-limitu u l-modalitajiet għat-tibdil fir-reġistri. Safejn hija kkonċernata d- Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz, li tirregola l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi li jaqgħu barra mill-ETS tal-UE billi tistabbilixxi miri ta’ emissjonijiet annwali tal-gassijiet b’effett ta’ serra li jkunu jorbtu għal kull Stat Membru (SM), il-ħidma dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ssuktat, b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti l-valuri assoluti għall-miri tal-Istati Membri kif ukoll is-sistema ta’ konformità li trid titpoġġa fis-seħħ għall-monitoraġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri kull sena u tgħinhom jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa meta dawn jonqsu milli jilħqu l-miri tagħhom.

L-għan ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20% huwa previst fl-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2010. Il-mira għat-tnaqqis fl-emissjonijiet hija waħda mill-ħames miri ewlenin. Kif ġie osservat fl-Istħarriġ tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir Annwali għall-2011, fil-qasam tal-mitigazzjoni tal-klima, il-miżuri preżenti u dawk ippjanati xorta waħda għadhom mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-2020. Għaldaqstant, diversi Stati Membri jeħtieġ li jagħmlu iżjed sforzi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi. Skont l-istimi tal-projezzjonijiet reċenti tal-emissijonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, 11-il Stat Membru biss huma mistennija li jissodisfaw l-impenn tagħhom b’politiki li huma diġà fis-seħħ, filwaqt li 7 SM oħra huma mistennija li jilħqu l-miri tagħhom meta l-politiki u l-miżuri addizzjonali tagħhom irendu kif mistenni. Id-9 Stati Membri li jifdal jeħtieġ li jfasslu politiki addizzjonali sabiex jilħqu l-miri tagħhom.

Il-Figura 2 turi d-diskrepanza bejn il-projezzjonijiet għall-2020 u l-miri tal-UE għall-2020 (-20% u -30% rispettivament) li jeħtieġu lill-Unjoni sabiex tħaffef l-isforzi tagħha biex tnaqqas iżjed l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra tagħha.

Figura 2: Emissjonijiet attwali u mbassra għall-UE-27

[pic]

Nota: Projezzjonijiet tal-PRIMES/GAINS3 użati għall-bidliet imbassra fl-emissjonijiet matul il-perjodu 2010-2020

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, EEA

Il-projezzjonijiet ibbażati fuq il-mudell PRIMES/GAINS, li jinkludu l-politiki tal-Unjoni u dawk nazzjonali li ġew implimentati minn nofs is-sena 2009 u jkopru l-ambitu dwar l-emissjonijiet previsti fil-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija juru li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni (b’miżuri li huma fis-seħħ diġà) għandhom ikunu fil-livell ta’ 15.3% bejn l-1990 u l-2020.

IL-PROGRESS ATTWALI 1990-2009

It-tendenzi fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Istati Membri

It-tendenza ġenerali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Unjoni hija influwenzata b’mod qawwi mill-ikbar żewġ emittenti, il-Ġermanja u r-Renju Unit, li flimkien huma responsabbli għal madwar terz tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27. Fl-2009, dawn iż-żewġ Stati Membri kellhom tnaqqis totali ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li kien jammonta għall-ekwivalenti ta’ 538-il miljun tunnellata ta’ CO2 meta mqabbel mal-1990.

Ir-raġunijiet ewlenin għat-tendenza favorevoli fil-Ġermanja (-26.3% mill-1990 sal-2009) huma t-titjib kontinwu fl-effiċjenza fl-impjanti tal-enerġija u tat-tisħin u fl-użu tas-sħana u l-enerġija kkombinati, kif ukoll l-investimenti fir-ristrutturar ekonomiku tal-ħames reġjuni (“Länder”) l-ġodda wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fir-Renju Unit (-27% mill-1990 sal-2009) ġie b’mod ewlieni minħabba l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija u l-qlib sussegwenti tal-fjuwil miż-żejt u l-faħam għall-gass fil-produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll minħabba l-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tan-N2O fil-produzzjoni tal-aċidu adipiku. Dan l-aħħar, ir-riċessjoni kellha impatt ukoll fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dawn iż-żewġ pajjiżi li affettwa l-aktar lis-settur tal-enerġija u lil dak industrijali.

L-Italja u Franza huma t-tielet u r-raba’ l-akbar emittenti, u t-tnejn għandhom sehem ta’ 11%. Fl-2009, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Italja kienu madwar 5.4% taħt il-livelli tal-1990. It-tnaqqis osservat fl-2009 kien relatat l-iżjed mar-riċessjoni ekonomika li affettwat b’mod partikolari l-produzzjoni tal-elettriku u t-tisħin kif ukoll lis-settur industrijali. Fl-2009, l-emissjonijiet ta’ Franza kienu 8.1% inqas mil-livelli tal-1990. Kien hemm tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tan-N2O mill-produzzjoni tal-aċidu adipiku. Iżda l-emissjonijiet ta’ CH4 mill-iskart u tas-CO2 mit-trasport bit-triq żdiedu b’mod konsiderevoli bejn l-1990 u l-2009.

Il-Polonja u Spanja huma l-ħames u s-sitt l-akbar emittenti tal-UE-27, u kull wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi huwa responsabbli għal 8% tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27. Il-Polonja naqset l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’16.8% bejn l-1990 u l-2009 (33.2% mis-sena ta’ referenza, li hija l-1988). Il-fatturi ewlenin għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-Polonja huma – l-istess bħalma huma għall-Istati Membri l-oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – it-tnaqqis fl-ineffiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-industrija peżanti u r-ristrutturar ġenerali tal-ekonomija fl-aħħar tat-tmeninijiet u fil-bidu tad-disgħinijiet, kif ukoll it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija li sar bejn l-1990 u l-2009. L-eċċezzjoni li tispikka kienet it-trasport, b’mod speċjali t-trasport bit-triq – settur li fih l-emissjonijiet żdiedu b’madwar 95% kif ukoll ċerti setturi industrijali bħalma huma r-raffinar taż-żejt u l-prodotti kimiċi. Spanja żiedet l-emissjonijiet tagħha bi 29.8% bejn l-1990 u l-2009. Dan seħħ l-aktar minħabba żidiet fl-emissjonijiet mill-iskart, it-trasport bit-triq, il-produzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin u mill-industriji tal-manifattura.

Fl-2009, ħames Stati Membri kellhom emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li kienu ogħla mil-livelli tas-sena ta’ referenza (l-aktar l-1990), waqt li l-20 Stat Membru l-oħrajn kellhom emissjonijiet li kienu inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza. Ċipru u Malta m’għandhomx impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta’ Kjoto. F’dawn iż-żewġ Stati Membri, l-emissjonijiet fl-2009 kienu ogħla mil-livelli tal-1990. It-tibdil fil-perċentwal tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-sena ta’ referenza għall-2009 ivarja minn -60% (fl-Estonja) għal +27 % (fi Spanja).

L-intensitajiet u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra per capita fl-2009

L-emissjonijiet, kemm fl-UE-15 kif ukoll fl-UE-27, qegħdin jonqsu, filwaqt li l-ekonomija kibret b’mod sinifikanti. Dan jindika li kienet qiegħda sseħħ separazzjoni bejn iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-tkabbir fil-PDG.

Figura 3: Żvilupp tal-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra, il-PDG, il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2

[pic]

Sors: EEA, DĠ ECFIN (Ameco database), Eurostat

Bejn l-1990 u l-2009, fl-UE-27 il-PDG kiber bi 38% filwaqt li l-emissjonijiet naqsu bi 17.4% u fl-UE-15 il-PDG żdied b’37% bi tnaqqis ta’ 12.7% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Bejn l-2008 u l-2009 ġie osservat tnaqqis fil-PDG ta’ madwar 4% kemm fl-UE-27 kif ukoll fl-UE-15 u dan kien marbut mar-riċessjoni ekonomika. Iżda, il-proċess ta’ separazzjoni bejn iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-tkabbir tal-PDG kompla wkoll fl-2009 kif muri bi tnaqqis ieħor fl-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ 3.0% fl-UE-27 u ta’ 2.7% fl-UE-15. Fl-2010, id-dejta dwar il-PDG tissuġġerixxi li l-irkupru ekonomiku kien beda. It-tendenza ekonomika ġenerali għas-separazzjoni bejn iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-tkabbir fil-PDG hija kkonfermata wkoll fl-iżvilupp tas-settur tal-manifattura li kien osservat mill-1990 ’il hawn.

Bejn l-1990 u l-2009, l-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra naqset fl-iSM kollha. L-ikbar tnaqqis kien osservat fl-Estonja (-80%), fis-Slovakja (-73%), fil-Bulgarija (-62%), fir-Rumanija (-61%), fil-Litwanja (-60%), fil-Latvja (-59%) u fil-Polonja (-59%). L-iżgħar tibdiliet seħħew fil-Portugall (-12%), f’Ċipru (-13%), fl-Italja (-20%), fi Spanja (-20%) u f’Malta (-22%).

Fl-2009, fl-UE-27 l-emissjonijiet per capita kienu fil-livell ta’ 9.2 tCO2-eq. Fl-UE-15, dawn kienu xi ftit ogħla, b’medja ta’ 9.4 tCO2-eq. per capita. L-emissjonijiet per capita naqsu b’0.7 tCO2-eq. meta mqabbel mal-2008, jew 2.3 tCO2-eq., li huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ madwar 20% meta mqabbel mal-1990. Iżda, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra per capita għall-2009 juru differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, li jvarjaw minn 4.7 (il-Latvja) għal 23.7 (il-Lussemburgu) tCO2-eq. per capita. Fil-parti l-kbira tagħhom, dawn huwa determinati bl-intensità tal-enerġija u bit-taħlita tal-enerġija ta’ kull pajjiż. Barra minn hekk, it-tendenzi tal-emissjoni per capita jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Mill-1990 ’il hawn, l-ikbar tnaqqis per capita sar fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fil-Lussemburgu, fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fl-Iżvezja u fil-Belġju. F’sitt Stati Membri l-emissjonijiet per capita żdiedu mill-1990 ’il quddiem. Filwaqt li l-emissjonijiet per capita f’Malta, fil-Portugall u fi Spanja huma sew taħt il-medja tal-Unjoni, fis-Slovenja, il-Greċja u Ċipru dawn huma ’il fuq minn dan il-livell medju. (ara wkoll il-Figura 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWP))

L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-2009 meta mqabbla mal-2008

Bejn l-2008 u l-20091, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra naqsu fl-Istati Membri kollha. L-emissjonijiet fl-UE-27 naqsu bi 354.4 MtCO2-eq. (7.1%), bi tnaqqis fl-UE-15 ta’ 274.3 MtCO2-eq. (6.9%). Ir-riċessjoni ekonomika preżenti kkontribwiet sa ċertu punt għat-tnaqqis assolut ta’ sena wara l-oħra u żiedet it-tendenza ’l isfel mill-2004 ’il quddiem. Iżda, kif spjegat aktar ’il fuq, l-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra tjiebet aktar minħabba fatturi oħrajn bħalma huwa l-użu miżjud tal-enerġija li tiġġedded.

Ħafna minn dan it-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, f’termini assoluti, ġie reġistrat fil-Ġermanja (-61.4 MtCO2-eq), ir-Renju Unit (-54.0 MtCO2-eq), l-Italja (-50.6 MtCO2-eq) u Spanja (-37.2 MtCO2-eq). Tnaqqis importanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra seħħ ukoll fir-Rumanija, fi Franza u fil-Polonja (-22.6 MtCO2-eq., -21.9 MtCO2-eq., -19.1 MtCO2-eq. rispettivament). It-tnaqqis fl-emissjonijiet kien, b’mod partikolari, dovut għall-produzzjoni iżjed baxxa tal-elettriku u t-tisħin pubbliku, emissjonijiet aktar baxxi mill-industriji tal-manifattura kif ukoll it-trasport.

F’termini ta’ tibdiliet relattivi, l-iktar tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kien osservat fl-Estonja (16.1%), ir-Rumanija (14.7%) u l-Bulgarija (13.8%). Ħafna Stati Membri bħalma huma l-Litwanja, il-Latvja, is-Slovakja, l-Italja, Spanja, is-Slovenja, l-Ungerija, ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Awstrija u l-Belġju rreġistraw tnaqqis li kien ivarja bejn it-8% u l-10%. L-iżgħar tnaqqis seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi (2.8%).

Ir-riċessjoni tal-2009 affettwat lis-setturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni. Dan irriżulta fi tnaqqis fil-konsum tal-karburanti, partikolarment il-faħam, u f’livelli aktar baxxi ta’ attività fl-industrija. Minkejja x-xitwa kiesħa, l-emissjonijiet naqsu wkoll fis-settur residenzjali minħabba inqas użu ta’ fjuwils, partikolarment dawk likwidi, fit-tisħin mhux distribwit. Konsegwentament, l-iktar tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra ġie rreġistrat fil-produzzjoni tal-elettriku u t-tisħin pubbliku (-103.2 Mt CO2-eq jew 7.8%), fl-industriji tal-manifattura (-65.7 Mt CO2-eq jew 12.9%), fil-produzzjoni tal-ħadid u l-azzar (-53.6 Mt CO2-eq jew 29.6%), fit-trasport bit-triq (-23.7 Mt CO2-eq. jew 2.7%), djar u servizzi (-22.0 Mt CO2-eq. jew 3.2%).

Minkejja t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-settur tat-trasport bejn l-2008 u l-2009, dan is-settur baqa’ sors importanti ta’ emissjoni. 87% tal-emissjonijiet mit-trasport joriġinaw mill-Istati Membri tal-UE-15 u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li kien osservat fit-trasport bit-triq fl-UE-27 (-23.7 Mt CO2-eq.) huwa proporzjonat għal dan u l-aktar minħabba l-Istati Membri tal-UE-15 (-20.5 Mt CO2-eq.).

Barra minn hekk, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali waqgħu għat-tieni sena konsekuttiva, l-aktar minħabba l-impatt tar-riċessjoni ekonomika (7% għall-avjazzjoni u 10% għat-tbaħħir internazzjonali). Bħalissa, dawn iż-żewġ setturi jammontaw għal madwar 6.3% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27, iżda mhumiex inklużi fil-miri ta’ Kjoto.

It-tendenzi fl-emissjonijiet fis-setturi ewlenin

Il-Figura 4 turi li l-provvista u l-użu tal-enerġija, inkluż it-trasport, huma l-iktar setturi importanti li jammontaw għal 80% tal-emissjonijiet totali tal-Unjoni fl-2009. It-trasport huwa responsabbli għal 22% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-agrikoltura għal 10%, il-proċessi industrijali għal 7% u l-iskart għal 3%. Mill-1990 ’il quddiem, it-tnaqqis fl-enerġija, l-agrikoltura, il-proċessi industrijali u l-iskart ġew imtaffija parzjalment b’żidiet sinifikanti fis-settur tat-trasport (għal iżjed dettalji ara wkoll l-SWP). Madankollu, fl-2009, ir-riċessjoni ekonomika wasslet għal emissjonijiet iktar baxxi fit-trasport.

Figura 4: Tibdil fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-15 u fl-UE-27 skont is-settur u s-sehem tas-setturi fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra

[pic]

[pic][pic]

Sors: EEA

IL-PROGRESS STMAT LEJN L-ILĦUQ TAL-MIRA TA’ KJOTO

Il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra

L-UE-27

Fil-perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE-27 huma previsti li jkunu madwar 17.9% inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza. Din l-istima hija bbażata fuq il-projezzjonijiet tal-iSM3 u tikkunsidra l-politiki u l-miżuri eżistenti. It-tnaqqis previst ikun ferm akbar meta jiġu kkunsidrati l-effett tal-akkwist ta’ krediti mill-gvernijiet permezz tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto, il-bjar tal-karbonju kif ukoll miżuri addizzjonali (għal iżjed dettalji ara t-Tabelli 7a u 7b fl-SWP).

L-UE-15

Il-projezzjonijiet aggregati għas-setturi kollha jistmaw li l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-15 probabbilment se jkunu 10.5% inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza fil-perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto. Meta wieħed jinkludi,

(1) l-użu tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet, li mistenni jrendi tnaqqis addizzjonali ta’ 2.5% fl-emissjonijiet, u

(2) it-tneħħija totali tal-bjar tal-karbonju minħabba l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3.3 u 3.4 tal-Protokoll ta’ Kjoto fl-UE-15, li tikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 0.9%,

l-UE-15 hija mistennija li tnaqqas saħansitra aktar l-emissjonijiet tagħha. Jekk wieħed jassumi li dawn il-miżuri kollha jroddu dak li huwa mistenni, u jekk jiġi kkunsidrat l-iskambju tal-krediti tal-kwoti u tat-tnaqqis fl-emissjonijiet skont l-ETS tal-UE, it-tnaqqis totali mbassar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jista’ jkun sa 13.4% fil-perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto meta mqabbel mal-livelli tas-sena ta’ referenza.

Il-Figura 5 tippreżenta d-differenzi bejn l-emissjonijiet imbassra li mhumiex tal-ETS u l-miri rispettivi għas-setturi kkonċernati għal kull Stat Membru. Din l-analiżi tindika li l-politiki u l-miżuri eżistenti jkunu biżżejjed għall-UE-15 biex tilħaq il-parti tagħha tal-mira kollettiva ta’ Kjoto attribwita għas-setturi mhux tal-ETS. Madankollu, minħabba li ċerti Stati Membri se jirtiraw l-Unitajiet tal-Ammonti Assenjati (AAUs) tagħhom li jkun fadlilhom, fil-prattika, l-Istati Membri kollha jeħtieġ jilħqu l-impenji individwali rispettivi tagħhom sabiex jiżguraw li l-Unjoni tilħaq il-mira kollettiva tagħha skont il-Protokoll ta’ Kjoto.

L-UE-12

L-emissjonijiet aggregati bbażati fuq il-politiki u l-miżuri nazzjonali li hemm fis-seħħ fit-12-il Stat Membru li ssieħbu fl-Unjoni wara l-2004 huma stmati li sejrin jiżdiedu bi ftit meta mqabbel mal-2009 u sejrin ikunu madwar 38.7% inqas mil-livelli tas-sena ta’ referenza tagħhom fil-perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto. Is-Slovenja hija l-uniku Stat Membru mill-UE-12 li biħsiebu jinvesti fil-mekkaniżmi ta’ Kjoto. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja biħsiebhom jużaw il-bjar tal-karbonju. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakja biħsiebhom ibiegħu parti mill-AAU tagħhom.

Figura 5: Diskrepanzi relattivi (rendiment żejjed jew nuqqas) bejn il-projezzjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi li mhumiex tal-ETS għall-perjodu ta’ impenn u l-miri rispettivi 2008-2012 ibbażati fuq il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-użu tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto u l-bjar tal-karbonju.

[pic]

Nota: (1) L-istimi għall-BG, il-PT u r-RO huma bbażati fuq il-projezzjonijiet tal-PRIMES/GAINS; (2) Għall-iSM l-oħra kollha, (ħlief Ċipru u Malta li ma għandhomx impenji ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet skont il-Protokoll ta’ Kjoto) l-istimi huma bbażati fuq projezzjonijiet nazzjonali; (3) L-użu ta’ kwoti mhux użati min-NER skont l-ETS tal-UE qed ikun ikkunsidrat għal dawk l-iSM li indikaw pjanijiet biex jużawhom għall-konformità mhux tal-ETS (l-Irlanda)

Sors: EEA, il-Kummissjoni Ewropea

L-istat ta’ implimentazzjoni tal-politika Komunitarja dwar it-tibdil fil-klima

Il-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (ECCP)

Madwar l-UE-27, valutazzjoni tal-politiki u l-miżuri tal-Istati Membri identifikat tmien Politiki u Miżuri Komuni u Kkoordinati (CCPMs) li huma mistennija jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE . L-akbar tnaqqis għandu jiġi mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS tal-UE (id-Direttiva 2003/87/KE) u tad-Direttiva dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli (id-Direttiva 2009/28/KE) dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Fis-settur tat-trasport, il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-fjuwil u t-tnaqqis tas-CO2 mill-karozzi huma importanti ferm. Barra minn hekk, id-domanda għall-enerġija sejra titnaqqas permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-effiċjenza enerġetika tal-bini, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn, it-tassazzjoni fuq l-enerġija u l-promozzjoni tal-koġenerazzjoni (il-produzzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku). Fl-aħħar nett, il-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta’ Kjoto mistennija jwasslu għal tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

Minbarra dawn it-tmien politiki u miżuri prinċipali, ġew identifikati ħames Politiki u Miżuri Komuni u Koordinati oħrajn li wkoll mistennija jwasslu għal tnaqqis importanti fl-emissjonijiet madwar l-UE kollha. Dawn il-ħames politiki huma d-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f’terraferma [f'miżbla] (id-Direttiva 99/31/KE), l-istandards tal-effiċjenza għall-bojlers tal-misħun il-ġodda, id-Direttiva dwar it-tikkettar tal-apparat (id-Direttiva 2000/13/KE), id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (2010/75/UE), u l-programm dwar l-Isfida tal-Magni li għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza tal-enerġija tal-magni tal-elettriku industrijali. Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, l-effetti u l-adegwatezza tar-Regolament (KE) Nru 842 jikkonkludi li dan ir-Regolament diġà kiseb xi ftit tnaqqis fl-emissjonijiet tal-Gassijiet-F meta mqabbel ma’ xenarju fin-nuqqas ta’ dan ir-Regolament. Flimkien mad-Direttiva MAC (2006/40/KE) dawn għandhom il-potenzjal li jiksbu tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet imbassra sal-2020 u wara.

L-aktar tmien politiki importanti huma responsabbli għal 92% mit-tnaqqis totali attribwit lill-Politiki u l-Miżuri Komuni u Koordinati l-oħrajn fl-UE-27. Dan juri kemm dawn il-politiki ewlenin huma importanti biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu l-impenji tagħhom tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Żviluppi riċenti

Sa minn meta ġie adottat il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija, il-ħidma fuq il-miżuri ta’ implimentazzjoni għadha għaddejja. Sa tmiem l-2012, għandu jkun hemm fis-seħħ madwar għoxrin att u dokument legali ġdid sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ETS tal-UE riveduta, kif ukoll sabiex titħejja t-triq għall-implimentazzjoni tal-miri tal-emissjonijiet nazzjonali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi li mhumiex tal-ETS.

Dan l-aħħar, ġie aġġornat il-limitu tal-ETS tal-UE għall-2013-2020, biex jikkunsidra l-ambitu estiż tas-sistema wara l-2012. Ġew imfassla t-tisħiħ tal-integrità u s-sigurtà tas-sistema tar-reġistri li ssaħħaħ l-ETS tal-UE. Il-Kummissjoni pproponiet li temenda l-lista tas-setturi u s-subsetturi li huma meqjusin bħala esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju. Din il-proposta tkopri ż-żieda ta’ xi ftit setturi oħra, bħal pereżempju l-manifattura ta’ brikks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni f’tafal maħdum, u l-produzzjoni tal-melħ. Dawn l-aħħar żewġ proposti bħalissa huma soġġetti għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-preparazzjoni għat-tielet perjodu ta’ negozjar kompliet wkoll biex tissaħħaħ aktar l-applikazzjoni armonizzata tar-regoli ta’ allokazzjoni.

Intlaħaq ftehim ukoll fuq proposta sabiex jiġu rkantati sa 120 miljun kwota fil-forma ta’ futuri u riporti sa mill-2012, jiġifieri qabel il-bidu tal-perjodu ta’ negozjar 2013-2020. L-għan tiegħu huwa li jassigura t-tranżizzjoni bla skossi mit-tieni għat-tielet perjodu ta’ negozjar tal-ETS tal-UE, li ssaħħaħ il-funzjonament xieraq tas-suq sekondarju tal-karbonju.

Il-ħidma fuq regoli msaħħa għas-sorveljanza u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-operaturi koperti mill-ETS tal-UE kif ukoll fuq ir-rekwiżiti għall-verifikazzjoni tar-rapporti ta’ emissjonijiet u l-akkreditazzjoni u s-superviżjoni tal-verifikaturi għadha għaddejja u għandha l-għan li ttejjeb l-armonizzazzjoni tar-regoli applikati. Żewġ regolamenti ġodda għandhom jiġu finalizzati sa tmiem l-2011.

Il-preparazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni skont id-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi għadha għaddejja u bħalissa din qed tiffoka fuq li jiġu stabbiliti l-valuri assoluti għall-miri tal-emissjonijiet annwali tal-Istati Membri fl-2013-2020 u li jiġu stabbiliti regoli għat-trasferiment tal-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet annwali bejn l-Istati Membri kif ukoll sabiex tkun żgurata t-trasparenza tagħhom.

Barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Sorveljanza tal-UE nbeda. Dan huwa xprunat mill-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-rappurtar tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija, l-Istarteġija tal-Ewropa 2020, rekwiżiti ġodda li jirriżultaw mill-ftehimiet ta’ Cancun kif ukoll it-tagħlimiet mitgħallma s’issa.

Ix-xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri tar-Regolament (KE) 443/2009 relatat mal-emissjonijiet mill-karozzi ma jaqtax. Il-proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri għandha tiġi adottata dalwaqt.

Barra minn hekk, dan l-aħħar ġiet adottata White Paper dwar it-Trasport (COM(2011) 144 finali) li tistabbilixxi lista ta’ miżuri importanti li jridu jittieħdu sabiex titnaqqas iżjed l-emissjoni tat-trasport matul is-snin li ġejjin.

Atti legali li ġew adottati dan l-aħħar

L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija:

1. Il-Limitu tal-ETS tal-UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE6 li taġġusta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013.

2. L-Irkantar tal-ETS tal-UE – it-tielet perjodu ta’ negozjar: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/20107 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

3. Regoli ta’ allokazzjoni Armonizzata tal-ETS tal-UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE8 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet.

4. NER 300: Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE9 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni.

5. L-użu ta’ krediti internazzjonali tal-ETS tal-UE: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 550/201110 li jiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ċertu restrizzjonijiet applikabbli għall-użu ta’ krediti internazzjonali minn proġetti li jinvolvu gassijiet industrijali.

Oħrajn:

6. L-Avjazzjoni u l-ETS tal-UE: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 394/201111 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 748/2009 dwar il-listi ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru.

7. CO 2 u karozzi: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/201012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri.

8. CO 2 u karozzi: Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 63/201113 li jistabbilixxi disposizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni għal deroga mill-miri speċifiċi tal-emissjonijiet tas-CO2.

9. CO 2 u vannijiet: Regolament (UE) Nru 510/201114 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

Implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Skambju tal-Kwoti tal-UE (ETS tal-UE)

L-ewwel perjodu tal-ETS tal-UE kien ikopri s-snin 2005-2007. Bħalissa, l-operaturi li huma soġġett għall-ETS tal-UE qed joqorbu lejn l-aħħar sena tat-tieni perjodu ta’ negozjar (2008-2012). Fl-2013, se tidħol fis-seħħ sistema riveduta b’mod sostanzjali. Għal aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ETS tal-UE kif riveduta ara t-taqsima 3.2.

It-tieni perjodu ta’ negozjar (2008-2012)

Il-limitu annwali medju mifrux mal-UE kollha għall-2008-2012 jammonta għal 2.081 biljun kwota fis-sena, 10.5% inqas minn dak li kien propost oriġinarjament fil-pjanijiet tal-allokazzjoni nazzjonali mressqa mill-Istati Membri. Fl-2010, kien hemm aktar minn 12000 installazzjoni li pparteċipaw fis-sistema. L-ammont sħiħ ta’ emissjonijiet verifikati fl-2010 mill-installazzjonijiet tal-ETS tal-UE fl-UE-27 kien ta’ 1.913 biljun tunnellata15 ta’ CO2-eq., madwar 3% ogħla milli fl-2009. Iż-żieda tirrifletti l-irkupru ekonomiku wara r-riċessjoni li kkawżat waqgħa eċċezzjonali ta’ 11.6% fl-emissjonijiet tal-2009. Iżda, l-emissjonijiet tal-ETS tal-UE fl-2010 baqgħu sew taħt il-limitu għall-perjodu 2008-2012 u, meta mqabbla mal-2005, dawn waqgħu b’medja ta’ iżjed minn 8%.

Fl-2010, l-emissjonijiet medji għal kull installazzjoni kienu iktar minn 17,000 tunnellata CO2eq. inqas milli fl-2005, meta ġiet imnedija l-ETS tal-UE. Għalkemm l-emissjonijiet żdiedu bi ftit fl-2007 minħabba li r-Rumanija u l-Bulgarija ssieħbu fl-Unjoni, u għal darb’oħra fl-2010 minħabba l-irkupru mill-kriżi ekonomika, l-emissjonijiet annwali medji għal kull installazzjoni issa huma 8.3% inqas mil-livelli tal-2005. Għal iżjed informazzjoni ara t-Tabelli 10 u 11, u l-Figura 2 fl-SWP.

Matul l-ewwel 3 snin 2008-2010 tat-tieni perjodu ta’ negozjar, fuq bażi aggregata, l-operaturi ċedew l-aktar il-kwoti (EUAs) (madwar 95%) biex ikopru l-emissjonijiet tagħhom. Il-bqija (madwar 5%) tal-obbligu ta’ ċediment tagħhom ġie sodisfatt bit-Tnaqqis Iċċertifikat fl-Emissjonijiet (CERs) u/jew bl-Unitajiet tat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (ERUs).

L-użu tal-JI u CDM mill-operaturi

Bħala parti mit-tieni Pjanijiet ta’ Allokazzjoni Nazzjonali (NAPs), ġie stabbilit limitu minn kull Stat Membru għall-użu massimu tal-krediti bbażati fuq proġett mill-operaturi (Implimentazzjoni Konġunta (JI) u Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif (CDM)). B’kollox, sa 278 miljun CERs jew ERUs jistgħu jintużaw kull sena mill-installazzjonijiet tal-ETS mill-Istati Membri kollha matul it-tieni perjodu ta’ negozjar, li jikkorrispondi għal 13.4% tal-limitu mifrux mal-UE kollha għal dan il-perjodu. Fl-2010, l-operaturi użaw 137 miljun CERs jew ERUs, li kien jammonta għal 7.1% tal-unitajiet kollha li ġew ċeduti minħabba l-konformità. Mill-2013 ’il quddiem, ir-regoli għall-użu tal-krediti tal-JI u l-CDM sejrin jiġu riveduti kif stabbilit fid-Direttiva dwar l-ETS tal-UE kif riveduta.16

L-użu mbassar tal-mekkaniżmi ta’ Kjoto mill-gvernijiet tal-Unjoni

Għaxar Stati Membri tal-UE-15 kif ukoll is-Slovenja ddeċidew li jixtru u jużaw il-mekkaniżmi ta’ Kjoto biex jilħqu l-miri tagħhom ta’ Kjoto. Flimkien, dawn l-iStati Membri tal-UE-15 se jakkwistaw sa 108.4 Mt CO2-eq. kull sena għall-konformità skont l-ewwel perjodu ta’ impenn taħt il-Protokoll ta’ Kjoto. Dan jirrappreżenta madwar 2.5 punti perċentwali lejn il-mira ta’ Kjoto tal-UE-15 ta’ -8 % (ara t-Tabella 12 fl-SWP).

Dawn l-10 Stati Membri flimkien iddeċidew li jinvestu sa € 2.8 biljun biex jakkwistaw unitajiet permezz tal-JI, il-CDM jew in-negozjar ta’ emissjonijiet. L-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxi, Spanja, l-Irlanda u l-Lussemburgu allokaw l-ikbar baġits (€ 531 miljun, € 500 miljun, € 386 miljun, € 290 miljun u € 250 miljun, rispettivament) għall-perjodu ta’ impenn ta’ ħames snin. Fis-Slovenja, il-baġit ġie stmat għal € 80 miljun. Madankollu, minħabba l-impatt tar-riċessjoni riċenti fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-iSM jista’ ma jkollhomx bżonn ħafna krediti ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet kif kien stmat fil-bidu. S’issa, din l-ipoteżi jidher li hija appoġġjata mill-fatt li l-ammont ta’ krediti li tpoġġew fil-kontijiet tal-Istati Membri skont ir-reġistru jammonta biss għal madwar 28 Mt CO2-eq.

Rigward l-Unitajiet tal-Ammont Assenjat (AAUs) mibjugħa mill-Istati Membri, skont id-dejta fir-reġistru ġew trasferiti madwar 56 Mt CO2-eq. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovakkja u l-Polonja rrapportaw li huma beħsiebhom ibiegħu iktar AAUs. Stat Membru wieħed (ir-Renju Unit) stabbilixxa li wara l-ewwel perjodu ta’ impenn dan kien se jirtira kwalunkwe AAUs żejda bejn il-mira ta’ Kjoto u l-‘baġit tal-karbonju’ unilaterali tar-Renju Unit.

L-użu mbassar tal-bjar tal-karbonju

Barra l-politiki u l-miżuri li jpoġġu fil-mira tagħhom diversi sorsi ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-bjar tal-karbonju. L-informazzjoni disponibbli s’issa tindika li għall-UE-15, is-sekwestru nett totali matul il-perjodu ta’ impenn minn attivitajiet ta’ afforestazzjoni u riforestazzjoni skont l-Art. 3.3 tal-Protokoll ta’ Kjoto se jkun ta’ madwar 8.9 MtCO2 kull sena. Barra minn hekk, l-użu tal-attivitajiet fl-UE-15 skont l-Art. 3.4 huwa mbassar li se jikkontribwixxi 27.7 MtCO2 għal kull sena tal-perjodu ta’ impenn. Meta jiġu kkunsidrati wkoll il-kontribuzzjonijiet mill-UE-12 dan għandu jammonta għal 35.5 MtCO2 kull sena (għal aktar dettalji ara t-Tabella 13 fl-SWP).

Flimkien, l-attivitajiet skont l-Art. 3.3 u 3.4 fl-Istati Membri tal-UE-15 huma mbassra li se jnaqqsu l-emissjonijiet b’40.2 Mt CO2 għal kull sena tal-perjodu ta’ impenn. Dan huwa ekwivalenti għal madwar 1 punt perċentwali tal-impenn ta’ tnaqqis tal-UE-15 ta’ 8% matul l-ewwel perjodu ta’ impenn meta mqabbel mal-emissjonijiet tas-sena ta’ referenza.

ILĦUQ TAL-MIRA TAL-2020

Il-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020

Il-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija stabbilixxa mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ 20% għall-UE-27 sal-2020 meta mqabbel mal-1990, li huwa ekwivalenti għal -14% meta mqabbel mal-2005. Dan l-isforz għandu jinqasam bejn is-setturi tal-ETS tal-UE u dawk li mhumiex tal-ETS kif ġej:

10. tnaqqis ta’ 21% fl-emissjonijiet tas-settur tal-ETS sal-2020 meta mqabbel mal-2005;

11. tnaqqis ta’ madwar 10% sal-2020 meta mqabbel mal-2005 għas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS tal-UE.

Dawn il-miri ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra kienu inklużi fl-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv.

Politiki li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri

Il-limiti tal-emissjoni mill-2013 sal-2020 ġew definiti fid-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforzi (ESD) u fid-Direttiva riveduta dwar l-ETS. L-ETS tal-UE huwa mekkaniżmu bbażat fuq is-suq li jkopri iktar minn 12,000 installazzjoni. L-ESD tobbliga lill-Istati Membri sabiex jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħhom bejn l-2013 u l-2020 skont trajettorja lineari b’miri annwali li jorbtu li għandhom jiżguraw ċaqliq gradwali lejn il-miri miftiehma tal-2020. L-ESD tirregola l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi kollha barra l-installazzjonijiet u l-avjazzjoni, li huma koperti mill-ETS tal-UE, il-LULUCF, u t-tbaħħir marittimu internazzjonali. Fis-setturi tal-ESD, politiki kumplimentari mifruxa mal-UE kollha għandhom jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri mill-Istati Membri, bħalma huma miri li jorbtu għall-enerġija rinnovabbli, miżuri ta’ effiċjenza tal-enerġija, standards dwar il-prestazzjoni ta’ vetturi ġodda b’rabta mal-emissjonijiet, id-Direttiva CCS, ir-Regolament dwar il-Gassijiet-F jew id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil. Barra minn hekk, l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex jiffaċilitaw it-turija u t-tħaddim ta’ teknoloġiji innovattivi biex jintaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra bħalma hemm skont il-Pjan SET u NER300 jista’ jkollhom rwol importanti hawnhekk.

Skont l-ESD, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jimplimentaw dawn il-politiki u l-miżuri mifruxa mal-UE kollha f’dawn is-setturi, u, jekk ikun meħtieġ, biex jiddefinixxu politiki u miżuri nazzjonali oħra biex jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom. Sejra tiddaħħal fis-seħħ sistema b’saħħitha ta’ rappurtar u konformità biex tissorvelja l-azzjoni tal-Istati Membri u tgħinhom jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa jekk dawn jonqsu milli jilħqu l-miri tagħhom.

Id-distanza prevista għall-miri

Minkejja t-tendenzi pożittivi biex jintlaħaq l-impenn tal-PK muri skont il-projezzjonijiet tal-2008-2012, se jkun hemm ħtieġa għal iżjed sforz u politiki addizzjonali biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni tal-2020 . Il-flessibbiltajiet previsti fl-ESD u fid-Direttiva dwar l-ETS riveduta, bħalma huwa l-użu tal-krediti ta’ proġett, għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jintlaħqu dawn il-miri. Il-Figura 6 turi l-ewwel valutazzjonijiet tad-differenza bejn il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li mhumiex tal-ETS sal-2020 u l-miri tal-2020.

Skont dawn il-projezzjonijiet provviżorji għad irid isir aktar sforz mill-Istati Membri individwali biex jilħqu l-miri stabbiliti tagħhom għall-2020 fir-rigward tas-setturi li mhumiex tal-ETS. 11-il Stat Membru biss huma mistennija li jissodisfaw dawn l-impenji bil-politiki u l-miżuri eżistenti. 9 Stati Membri oħra għandhom jissodisfaw il-miri tagħhom permezz ta’ politiki u miżuri addizzjonali ppjanati. 10 Stati Membri x’aktarx li mhux se jirnexxilhom iwettqu l-impenji tagħhom anke jekk ikun hemm miżuri addizzjonali previsti minn issa. Madankollu, fir-rigward tal-UE-27, il-valutazzjonijiet jindikaw li l-mira ġenerali mhux tal-ETS għandha tintlaħaq. Din l-analiżi għadha ma tikkunsidrax l-użu ta’ krediti minn proġetti ta’ JI u CDM.

Sabiex titwitta t-triq għall-konformità bla skossi mal-mira tal-2020, huwa kruċjali li l-Istati Membri mhux biss jiżguraw ir-rendiment f’waqtu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet kif previst fil-politiki u l-miżuri eżistenti, iżda wkoll li jħaffu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni sħiħa tal-politiki u l-miżuri addizzjonali u li jikkunsidraw għażliet oħra, inkluż l-użu ta’ krediti internazzjonali.

Figura 6: Id-differenza mbassra għall-miri tal-2020 għas-settur mhux tal-ETS

[pic]

Nota: (1) Id-dejta li ssaħħaħ din il-kalkulazzjoni hija bbażata fuq il-projezzjonijiet tal-iSM għall-emissjonijiet mhux tal-ETS għall-2020, bid-differenza mimlija u aġġustata fejn meħtieġ, kif ukoll fuq il-miri vvalutati mhux tal-ETS għall-2020 tal-iSM (li għadhom soġġetti għal ċerti bidliet). Diversi Stati Membri (CZ, EE, FI, LT, NL, PL) ma fornew l-ebda tbassir nazzjonali speċifiku għas-setturi li mhumiex tal-ETS, għalhekk is-sehem ta’ dawn l-emissjonijiet kellu jiġi vvalutat. (2) Il-valutazzjoni pprovduta f’din il-figura għandha tiġi ttratata bħala waħda indikattiva, minħabba d-differenzi fil-metodoloġija u l-preżunzjonijiet. Ċerta dejta, bħalma huma l-projezzjonijiet tal-Greċja u l-Litwanja, pereżempju, tiddevja b’mod sostanzjali mill-projezzjonijiet magħmula għax-'xejriet tal-enerġija tal-UE għall-2030 – aġġornament tal-2009' (Pubblikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għall-Enerġija b’kollaborazzjoni mad-DĠ għall-Azzjoni dwar il-Klima u d-DĠ dwar il-Mobbiltà u t-Trasport, ISBN 978-92-79-16191-9).

Sors : EEA, Il-Kummissjoni Ewropea

ADATTAMENT GħAT-TIBDIL FIL-KLIMA

It-tnaqqis tal-emissjonijiet fid-deċenji li ġejjin jista’ jwassal biex jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż fuq skala wiesgħa. Iżda, anki jekk id-dinja żżomm iż-żieda fit-temperatura globali annwali medja għal taħt iż-2 gradi Celsius, iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej sejrin jiġu affettwati bl-effetti kuntrarji tat-tibdil fil-klima, effetti li ma jistgħux jiġu evitati, u għaldaqstant ikollhom jadattaw ruħhom mil-lat kosteffettiv.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat il- White Paper dwar l-Adattament għat-tibdil fil-Klima f’April 2009 fejn fissret il-qafas tal-politika Komunitarja għal azzjoni sabiex titjieb ir-reżiljenza tal-Ewropa għat-tibdil fil-klima. L-erba’ pilastri ta’ azzjoni ewlenin li ġew stabbiliti permezz tal- White Paper huma l-bini ta’ bażi ta’ għarfien b’saħħitha dwar l-impatt u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għall-Unjoni, l-integrazzjoni tal-adattament fl-oqsma ta’ politika ewlenin tal-Unjoni, it-tħaddim ta’ kombinazzjoni ta’ strumenti ta’ politika (strumenti bbażati fuq is-suq, linji gwida, sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat) biex ikun żgurat ir-rendiment effettiv tal-adattament u sabiex titħaffef il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-adattament, li bħalissa huma fil-proċess li jiġu implimentati permezz ta’ 33 azzjoni (ara t-Tabella 15 fl-SWP).

Il- White Paper dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-2009 tipprevedi wkoll l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Ċentralizzat għall-Adattament Ewropew għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Dan huwa għodda tal-IT ibbażata fuq l-internet kif ukoll bażi tad-dejta dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, bil-għan li jipprovdi għajnuna għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ adattament. Jinkludi kemm funzjonijiet tekniċi (billi jipprovdi dejta u informazzjoni rilevanti kif ukoll għarfien viżiv dwar impatti solvuti mil-lat ta’ spazju, kif ukoll kwistjonijiet ta’ vulnerabbiltà u adattament), kif ukoll funzjonijiet ta’ sostenn għall-politika (b’mod partikolari permezz ta’ għodda ta’ sostenn għall-adattament, li jiggwidaw lill-utenti permezz ta’ ċiklu ta’ politika għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ adattament). L-ewwel prototip tal-Mekkaniżmu Ċentralizzat tal-Unjoni tnieda fl-aħħar ta’ April 2011 u bħalissa qed jiġi vvalutat. Wara fażi oħra ta’ żvilupp, il-verżjoni finali għandha tiddaħħal fis-seħħ f’Marzu tal-2012. Minn dik id-data ’l quddiem, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) se tkun qed tmexxi l-Mekkaniżmu Ċentralizzat għall-Adattament.

Il- White Paper tippromwovi wkoll l-idea ta’ Strateġija ta’ Adattament tal-Unjoni , prevista li tiġi adottata fl-2013, b’perjodu ta’ żmien biex jiġu implimentati azzjonijiet skont l-Istrateġija bejn l-2013 u l-2020. L-għan ta’ din l-Istrateġija se jkun l-iżvilupp ta’ qafas komprensiv għal attivitajiet relatati mal-adattament fil-livelli kollha.

Is-sitwazzjoni fil-Pajjiżi Kandidati tal-Unjoni

Bejn l-199017 u l-2009 l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal- Kroazja naqsu bi 8%, u meta mqabbel mal-2008 dawn naqsu b’7%. Iżda, skont il-projezzjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra inklużi fil-5 Komunikazzjoni Nazzjonali, il-Kroazja mistennija li jkollha tiffaċċja xi diffikultajiet meta tiġi biex tilħaq il-mira ta’ Kjoto tagħha bis-sett attwali ta’ politiki u miżuri.

L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal- Islanda bejn l-1990 u l-2009 żdiedu b’35% u fl-2009 kienu 5.4% inqas milli fl-2008. Meta tiġi kkunsidrata d-Deċiżjoni 14/CP.7, u skont il-projezzjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra inklużi fil-5 Komunikazzjoni Nazzjonali, l-Islanda hija fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ Kjoto tagħha.

Fl-2009, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tat- Turkija kienu ta’ 369.6 MtCO2-eq. meta mqabbla mal-187 MtCO2-eq. fl-1990, biex b’hekk żdiedu b’97.6%, u meta mqabbla mal-2008 dawn żdiedu b’1%. Filwaqt li t-Turkija hija Parti għall-Anness I, din m’għandha l-ebda mira għall-gassijiet b’effett ta’ serra skont l-ewwel perjodu ta’ impenn attwali tal-Protokoll ta’ Kjoto.

Inventarju aġġornat dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl- eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mhuwiex disponibbli. Bejn l-1990 u l-2005, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra naqsu b’madwar 19%.

Għal aktar informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-pajjiżi kandidati tal-Unjoni, jekk jogħġbok ara t-taqsima 2 tal-SWP.

Top