EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0381

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR)

/* KUMM/2011/0381 finali */

52011DC0381

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) /* KUMM/2011/0381 finali */


Rapport EUSBSR 2011

1. Introduzzjoni

Ir-Regjun tal-Baħar Baltiku tal-UE bil-kważi 85 miljun abitant tiegħu (17 fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE) laqa' attivament il-bosta opportunitajiet maħluqa bit-tkabbir, u b'hekk issaħħet l-integrazzjoni tal-UE u żdiedet il-koerenza reġjunali. B'riżultat ta' dan, hemm sensibilizzazzjoni, li kull ma tmur dejjem tikber, tar-riżorsi naturali kondiviżi tar-Reġjun, u l-fraġilità ambjentali tiegħu. Il-kriżi ekonomika reċenti kompliet turi l-ħtieġa ta' ħidma konġunta, u l-pajjiżi fir-Reġjun wieġbu għal dan b'mod effettiv.

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) adottata mill-Kummissjoni Ewropea f'Ġunju 2009[1], u approvata mill-Kummissjoni Ewropea f'Ottubru 2009[2], tat sehemha. Hija tindirizza l-isfidi ewlenin u l-potenzjal mhux sfruttat ta' dan ir-reġjun kbir, li jkopri madwar terz taż-żona totali tal-UE. Tipprovdi qafas integrat għat-titjib tal-kundizzjoni ambjentali ta' dan il-baħar magħluq u baxx, filwaqt li titratta l-problemi tat-trasport u l-interkonnessjonijiet tal-enerġija. Tiffaċilita l-iżvilupp tas-swieq fuq kull naħa tal-konfini, kif ukoll in-netwerks komuni għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-intrapriża. Permezz ta' dawn il-passi konkreti, l-Istrateġija tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal politiki ewlenin tal-UE bħal Ewropa 2020 u l-Politika Marittima Integrata, kif ukoll għat-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-UE tar-Reġjun wara t-tkabbir.

L-Istrateġija turi li permezz tal-azzjoni komuni l-isfidi għall-promozzjoni ta' ambjent sostenibbli; iżidu l-prosperità tar-Reġjun; iżidu l-aċċessibilità u l-attrazzjoni; u jiżguraw li s-sikurezza u s-sigurtà jkunu jistgħu jiġu trattati b'mod effettiv. Din issaħħaħ l-isforzi biex jinkisbu l-objettivi komuni tal-UE, u tintegra l-kwistjonijiet territorjali u settorjali bbażati fuq l-isfidi kondiviżi. Id-Dimensjoni tat-Tramuntana, politika komuni tal-UE, tar-Russja, tan-Norveġja u tal-Islanda, tipprovdi l-bażi għall-kooperazzjoni esterna.

Issa li daħlet sew fil-fażi tal-implimentazzjoni, l-Istrateġija turi l-valur ta' mod ġdid ta' kooperazzjoni.

Din turi l-impenn min-naħa tal-imsieħba fil-livelli nazzjonali, reġjunali u tas-soċjetà ċivili, imfassal b'mod speċjali fuq ix-xogħol tal-Parlament Ewropew u l-input lokali wiesa' fil-fażi ta' konsultazzjoni miftuħa [3]. Filwaqt li l-proċess tal-implimentazzjoni jenfasizza l-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati iktar fil-fond, inkluż allinjament aħjar tal-iffinanzjar u struttura organizzattiva imsaħħa, skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni l-Istrateġija diġà qiegħda tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-kooperazzjoni msaħħa fir-Reġjun.

Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni "tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar u dwar ir-riżultati li diġà nkisbu, sa mhux aktar tard minn Ġunju 2011"[4]. Ir-rapport preżenti jsegwi r-reviżjoni interim tal-2010, li ġiet diskussa flimkien ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fil-Forum Annwali f'Talinn fl-14-15 ta' Ottubru 2010. Billi l-Istrateġija hija proċess dinamiku innovattiv li għandu bżonn iż-żmien, dan ir-rapport jinkludi rakkomandazzjonijiet għat-titjib fis-snin li ġejjin. Dan iservi wkoll bħala inspirazzjoni għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, u għal inizjattivi oħra possibbli fil-futur, inkluż dawk b'dimensjoni marittima simili jew ikbar.

2. Il-kisbiet ewlenin

L-Istrateġija wasslet għal azzjoni konkreta, b'użu iktar issimplifikat tar-riżorsi. Ġew stabbiliti metodi u netwerks ġodda, u ġew żviluppati bosta inizjattivi. Dawn jinkludu:

2.1 Proġetti ġodda

Bosta proġetti ġodda ġew żviluppati u ffinanzjati[5] biex jissodisfaw il-miri tal-15-il Qasam ta' Prijorità stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanja l-Istrateġija, fosthom:

- Il-Baltic Deal , li jaħdem mal-bdiewa madwar ir-Reġjun biex jitnaqqas it-telf tan-nutrijenti u konsegwentement l-ewtrofikazzjoni.

- Il- CleanShip , li jnaqqas it-tniġġis mill-bastimenti b'mod sinifikanti, u jippremja l-bandiera "Clean Baltic Sea Shipping".

- "L-Istudju ta' Fattibilità LNG" , li jiżviluppa trasport marittimu fuq distanzi qosra sostenibbli.

- Il- BaltAdapt , li qed iħejji pjan ta' addattazzjoni għall-bidla fil-klima reġjunali.

- Il- BSR Stars , li jappoġġja programm għall-innovazzjoni, iż-żieda fil-kapaċità għall-innovazzjoni konġunta fir-Reġjun minn gruppi u Networks tal-SMEs, l-estensjoni sinifikanti tan-netwerks u l-gruppi, u l-ħolqien ta' netwerks ġodda ta' speċjalisti ta' innovazzjoni, kumpaniji, organizzazzjonijiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp u dawk li jfasslu l-politika

- L- iScanBalt Health Port , li jippromwovi l-Baltiku bħala "Reġjun tas-Saħħa" prosperuż u prominenti fid-dinja.

- Il- Baltic Transport Outlook , li jipprovdi appoġġ għall-ippjanar strutturat għall-infrastruttura tat-trasport fir-Reġjun, ibbażat fuq analiżi tal-flussi tal-merkanzija u l-passiġġieri.

Il-proġetti elenkati hawnhekk huma biss ftit mill-eżempji ta' iktar minn 80 Proġett Flagship li qed jiġu implimentati skont il-Pjan ta' Azzjoni. Proġetti oħra jirrispondu għall-ispektrum kollu tal-isfidi kondiviżi fir-Reġjun, pereżempju l-iżvilupp ta' żoni marittimi protetti, (u b'hekk il-Baħar Baltiku sar l-ewwel reġjun marittimu fid-dinja li laħaq il-mira tal-Konvenzjoni tad-Diversità Bijoloġika li tiddeżinja mill-inqas 10 fil-mija taż-żona tiegħu bħala protetta). Proġetti oħra jindirizzaw suġġetti differenti ulterjuri b'approċċ ta' kooperazzjoni mir-reġjun Baltiku kollu, bħall-kontroll ta' sustanzi perikolużi, it-tneħħija tal-ostakoli tas-suq uniku u t-titjib ta' kooperazzjoni fost madwar 200 università reġjunali.

Dawn l-inizjattivi bikrin qed jipprovdu mudell għal promoturi ta' proġetti oħra.

2.2 Momentum ġdid għall-proġetti eżistenti

L-Istrateġija tibni fuq esperjenzi ta' kooperazzjoni mill-passat u proġetti eżistenti. Din tipprovdi iktar viżibilità, netwerks mifruxa u rabtiet diretti u iktar ċari għat-tfassil politiku nazzjonali u Ewropew. Pereżempju:

- L-integrazzjoni tat-tliet Stati Baltiċi fis-suq Ewropew tal-enerġija qed tintlaħaq permezz tal-Pjan ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija Baltiku, ibbażat fuq il-prijoritajiet reġjunali tal-enerġija identifikati fl-Istrateġija;

- Teknoloġiji aħjar bħal "Sludge-trucks" u "Oily water carriages" ġew żviluppati mill-proġett Baltic Master II biex il-bastimenti jitħallew iwasslu l-iskart tagħhom b'mod iktar faċli fil-portijiet. Dan il-proġett jinvolvi xi 15-il port fir-Reġjun.

L-Istrateġija tiżgura wkoll il-fokus u l-ekonomiji tal-kobor. Dan isir pereżempju bir-raggruppament ta' proġetti li jikkondividu temi simili:

- Ġew stabbiliti xi proġetti dwar l-agrikoltura sostenibbli: Il-Baltic Compass bħala l-punt fokali għall-kwistjonijiet ta' politika, il- Baltic Manure , li jindirizza t-tħassib serju dwar l-iskart tal-annimali bħala sors ewlieni ta' tniġġis tal-Baħar, u l- Baltic Deal għall-pariri lill-bdiewa.

- Tliet proġetti għat-trasport; it- TransBaltic, l- East West Transport Corridor II u l- iScandria jaqblu dwar l-attivitajiet konġunti, id-diviżjoni tax-xogħol u ta' miżuri ta' armonizzazzjoni biex jinkisbu l-kurituri ekoloġiċi.

Ħafna proġetti oħra eżistenti bbenefikaw minn qafas strateġiku aħjar, billi żviluppaw ir-rabtiet u b'hekk żiedu l-impatt tagħhom.

2.3 Netwerks ġodda u li qed jiżviluppaw

L-Istrateġija qed trawwem l-iżvilupp ta' netwerks inklużivi ġodda, kif ukoll kooperazzjoni miżjuda u diviżjoni aħjar ta' xogħol għal netwerks eżistenti. Hi tipprovdi punt komuni ta' referenza għal bosta organizzazzjonijiet fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. In-nies u l-istrutturi qed jibbażaw xogħlhom dejjem aktar fuq il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni.

Pereżempju, l-Istrateġija tipprovdi:

- Qafas ġdid għall-komunità marittima. Il-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku, HELCOM hija marbuta mill-qrib mal-ħidmiet ambjentali. Hija tmexxi diversi Proġetti Flagship f'diversi Oqsma ta' Prijorità, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Baħar Baltiku (BSAP) tagħha u l-Istrateġija jappoġġjaw lil xulxin biex jiksbu Status Ambjentali Tajjeb kif meħtieġ mid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima. L-organizzazzjonijiet reġjunali, bħall-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), il-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku u l-Kooperazzjoni Sub-Reġjunali tal-Istati tal-Baħar Baltiku tejbu l-kooperazzjoni u l-governanza dwar il-kwistjonijiet marittimi.

- Ir-rabtiet dwar il-kwistjonijiet ta' sostenibbilità ġew stabbiliti permezz tal-grupp espert tas-CBSS Baltic 21.

- B'riżultat tal-Istrateġija, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri kabbar in-netwerks tiegħu biex ikopri r-Reġjun tal-Baħar Baltiku kollu.

- It-Task Force tal-Baħar Baltiku għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità organizzata użat l-istrutturi eżistenti tagħha b'modi ġodda biex tnaqqas iktar il-ħsara li tkun saret permezz ta' kriminalità transkonfinali, u dan huwa partikolarment importanti billi amministrazzjonijiet lokali u reġjunali jkunu iktar fil-mira hekk kif il-poter baġitarju u l-poter tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom jiżdied.

- Il-ministeri tat-trasport fir-Reġjun issa qed jippjanaw investimenti ta' infrastruttura b'mod koordinat.

- Fi ħdan il-qafas tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, is-Sħubija għas-Saħħa Pubblika u l-Benessri Soċjali (NDPHS; l-imsieħba ewlenija tal-Prijorità tas-Saħħa) intrabtet ma' imsieħba ġodda, pereżempju n-netwerk tal-e-Saħħa għar-Reġjuni.

- Il-Programm konġunt BONUS tal-Iżvilupp u r-Riċerka tal-Baħar Baltiku ġie żviluppat fi ħdan il-kuntest tal-Istrateġija, u ġie stabbilit skont il-liġi Ewropea wara deċiżjoni f'Settembru 2010, b'baġit ta' EUR 100 miljun. L-għan tiegħu huwa li jappoġġja l-programmar konġunt u r-riċerka mmirata biex jiġu ttrattati l-iktar kwistjonijiet importanti li qed jiffaċċja l-baħar Baltiku. Il-fażi sħiħa ta' implimentazzjoni tiegħu tibda f'Novembru 2011.

Tabilħaqq, dan l-approċċ ġdid marbut mal-kwistjonijiet tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa wieħed mill-iktar avvanzi importanti. Hemm ħafna iktar eżempji ta' netwerks ġodda li qed jinbtu – biex jippromwovu l-akkwist pubbliku ekoloġiku, biex jikkoperaw dwar l-implimentazzjoni sħiħa tas-Suq Intern, biex jixprunaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, u anke fl-oqsma ta' rivalità tradizzjonali bħat-turiżmu. Minħabba l-importanza kruċjali tal-Baħar innifsu, ġie stabbilit netwerk ġdid għat-taħriġ marittimu biex jgħaqqad flimkien iċ-ċentri reġjonali ta' eċċellenza.

2.4 Żvilupp u koerenza tal-politika

L-Istrateġija mhijiex biss dwar il-proġetti. Il-mod integrat ta' ħidma jinkoraġġixxi wkoll żvilupp u allinjament ta' politika aħjar flimkien ma implimentazzjoni iktar effiċjenti tal-approċċi eżistenti. Dan ifisser ukoll assigurazzjoni li l-politiki settorjali – inkluż il-politiki tat-trasport, l-edukazzjoni, l-enerġija u l-klima, l-ambjent, is-sajd, l-industrija, l-innovazzjoni, is-saħħa u l-agrikoltura – huma koerenti u adegwati għall-ħtiġijiet tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku kollu. Pereżempju, għandha tiġi inkluża perspettiva ambjentali fir-riflessjonijiet ta' politika fil-livelli kollha, inklużi d-diskussjonijiet tas-soċjetà lokali u ċivili, biex jiġi żgurat impatt ekoloġiku.

Xi eżempji oħra jinkludu:

- Il-Proġett Flagship " It-tneħħija gradwali tal-użu tal-fosfati fid-deterġenti " qed jinforma dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-azzjonijiet meħtieġa fuq livell nazzjonali biex jillimitaw l-użu tal-fosfati fil-ħasil tal-ħwejjeġ u d-deterġenti għal dixwoxers awtomatiċi.

- Il-proġett tan-" Netwerk tax-Xogħol tal-Baħar Baltiku " qed jippubblika rakkomandazzjonijiet ta' strateġija għas-suq tax-xogħol biex tintlaħaq il-mobilità sostenibbli.

- Il-proġett MARSUNO qed ikompli jżid l-integrazzjoni tas-sistemi ta' sorveljanza marittima, filwaqt li jipprovdi mudell għal dawk li jfasslu l-politika fl-UE kollha.

- Il- BaltFish Forum jipprovdi r-Reġjun u l-UE b'opportunità importanti biex tiżviluppa u tittestja approċċ ġdid u iktar reġjunali għall-immaniġġjar tas-sajd[6].Il-komponent marittimu qawwi tal-Istrateġija jikkostitwixxi l-implimentazzjoni reġjunali tal-Politika Marittima Integrata tal-UE[7]. L-azzjoni trasversali dwar l-ippjanar spazjali hija għodda biex jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonjiet, biex b'hekk jinstab bilanċ bejn l-interessi settorjali li jikkompetu għall-ispazju marittimu u l-użu sostenibbli tal-oqsma marittimi. Permezz tal-integrazzjoni tas-sistemi tas-sorveljanza marittima, diversi politiki saru allinjati aħjar, billi ppermettew lill-parteċipanti jaqsmu informazzjoni bil-ħsieb li jkun hemm iktar kapaċitajiet effiċjenti għar-rispons. Barra minn hekk, l-inizjattivi fil-Baħar Baltiku li jwasslu għal bastimenti nodfa u effiċjenti fil-fjuwil, u teknoloġiji ġodda bħall-enerġija tar-riħ offshore qed joħolqu xogħlijiet ġodda u opportunitajiet ekonomiċi.

2.5 Allinjament ta' ffinanzjar u inizjattivi oħra finanzjarji

L-allinjament ta' ffinanzjar disponibbli mal-Istrateġija huwa importanti għas-suċċess tal-proċess tal-implimentazzjoni. L-iffukar tal-isforzi tal-Koeżjoni Politika, li waħedha tagħmel disponibbli madwar EUR 50 biljun għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, flimkien ma' sorsi ta' ffinanzjar ewlenin tal-UE u nazzjonali, kkostitwixxa sfida. Avvanzi importanti huma dawn:

- Diversi programmi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), bħall-programmi ta' kompetittività Svediżi, żviluppaw kriterji ta' għażla ġodda. Il-Programm tar-reġjun tal-Baħar Baltiku transnazzjonali kkontribwixxa EUR 88 miljun għall-Proġetti Flagship, u mmira r-raba' sejħa tiegħu speċifikament għall-promozzjoni tal-Istrateġija. Il-Programmi ta' Kooperazzjoni Transkonfianli ħeġġew l-applikanti tal-proġett biex jappoġġjaw l-approċċ tal-Istrateġija. Ġew stabbiliti listi li juru fejn u kif proġetti eżistenti tal-Politika ta' Koeżjoni jikkontribwixxu għall-Istrateġija, li qed isiru disponibbli minn awtoritajiet ta' programmi differenti

- Permezz tal-appoġġ tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), in-Netwerk tal-Baħar Baltiku tal-Awtoritajiet tal-Immaniġjar u tal-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd (FLAGs) li għadu kif ġie stabbilit qed irawwem kooperazzjoni transnazzjonali fl-iżvilupp sostennibli tal-oqsma tas-sajd fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Din il-kooperazzjoni hija mistennija li tirriżulta fi proġetti konġunti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-EUSBSR. Barra minn hekk, fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni tagħhom tal-2010, l-Istati Membri jinkludu kapitlu speċifiku li jispjega kif il-Programmi tagħhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

- Ċerti pajjiżi ppromwovu wkoll il-programmi tal-Istrateġija tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Pereżempju, l-Awtorità tal-Immaniġjar Svediża tal-FSE qed tipprijoritizza r-rekwiżiti għal attivitajiet transnazzjonali f'bosta sejħiet għal proposti ta' proġetti. Id-Danimarka u l-Estonja wkoll enfasizzaw il-kontribut transnazzjonali tal-proġetti tal-FSE tagħhom. Waqt l-2011-12, biex tkompli tibni fuq dan, l-Awtorità Svediża tal-Immaniġjar qed tikkoopera mal-kontropartijiet tagħha f'pajjiżi oħra tal-Baħar Baltiku biex jiġi żviluppat u kkonsolidat il-"FSE tan-Netwerk tal-Baħar Baltiku" informali fi proġett speċjali.

- Il-programmi ta' ffinanzjar tal-UE qed jadottaw "approċċ Strateġiku" f'xogħlhom. Il-Proġett Flagship "L-Iżvilupp Rurali Sostenibbli" ġie ffinanzjat bħala l-proġett transnazzjonali tal-programmi ta' żvilupp rurali ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

- F'relazzjoni mar-riċerka u l-iżvilupp, il-BONUS intensifika r-rabtiet mal-Istrateġija. Ittieħdu passi biex jiġu involuti aġenziji ta' ffinanzjar għall-innovazzjoni, u b'mod partikolari biex jiġi sfruttat iktar bis-sħiħ il-Proġett Flagship ta' Strateġija " BSR Stars "

- Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, qed jitwarrbu EUR 2,5 miljun mill-baġit tal-UE tal-2011, prinċipalment għall-appoġġ tax-xogħol tal-Koordinaturi tal-Oqsma ta' Prijorità.

- Ingħata self ukoll lil bosta Proġetti Flagship min-naħa tal-Bank Ewropew ta' Investiment u l-Bank Nordiku ta' Investiment (BEI u BNI). Żewġ eżempji huma l-Proġett "Wroclaw Water and Wastewater" (il-kost tal-proġett: EUR 158 miljun) u t-taqsimiet tar-"Rail Baltica" fil-Latvja (il-kost tal-proġett: EUR 80 miljun), li t-tnejn ġew appoġġjati b'self mill-EIB.

Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew ta' Investiment (BEI) qed jevalwaw il-potenzjal ta' Faċilità ta' Implimentazzjoni konġunta. Din għandha tiffaċilita t-tħejjija ta' "proġetti bankabbli" li jgħaqqdu għotjiet u self, kif ukoll jimmonitorjaw u jħeġġu l-implimentazzjoni effiċjenti ta' proġetti.

Organizzazzjonijiet oħra wkoll taw il-kontribut tagħhom. Pereżempju, il-Kunsill Nordiku tal-Ministri u l-Aġenzija Svediża ta' Żvilupp (SIDA) pprovdew il-kapital inizjali. L-iffinanzjar nazzjonali, reġjunali, lokali u mis-settur privat qed jiġu mmobilizzati wkoll.

2.6 Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex Stati Membri fl-UE fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku

Billi hija inizjattiva tal-UE, l-Istrateġija ma timpenjax pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE. Madankollu, it-tliet pajjiż li huma kkonċernati l-iktar, ir-Russja, in-Norveġja u l-Belarus kollha indikaw l-appoġġ tagħhom. Il-kooperazzjoni mar-Russja, imsieħba indispensabbli fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku, ġiet assigurata f'diversi livelli:

- Il-qafas tad-Dimensjoni Nordika iffaċilita d-diskussjoni u l-azzjonijiet komuni. Pereżempju, is-Sħubija tat-Trasportazzjoni u l-Loġistika tiegħu qed tindirizza attivament il-kwistjonijiet dovuti għall-ġeografija tar-Reġjun, inklużi d-distanzi kbar u l-ostakli strutturali

- L-entitajiet u s-sħubiji eżistenti, inklużi s-CBSS u l-HELCOM ħeġġew l-ippjanar komuni mill-imsieħba kollha tar-Reġjun.

- Il-Kummissjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa saħħew l-azzjoni dwar xi aspetti speċifiċi tal-kooperazzjoni, partikolarment fuq il-bażi ta' proġetti ta' interess komuni; eżempji tajba ta' dawn jinsabu fil-kuntest tas-Sħubija tal-Modernizzazzjoni bejn l-UE u r-Russja, imnedija f'Ġunju 2010.

- Ir-Reġjuni żviluppaw ukoll inizjattivi speċifiċi u proġetti bilaterali.

Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux Stati Membri fi ħdan il-qafas tal-Istrateġija ġiet mirfuda b'EUR 20 miljun fil-baġit tal-2010 tal-UE, għal darb'oħra fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew. Il-proġetti identifikati huma prinċipalment proġetti ambjentali, imnedija permezz tas-Sħubija Ambjentali tad-Dimensjoni Nordika u l-HELCOM.

3. Struttura organizzattiva

L-istruttura ta' governanza evolviet biex timmassimizza l-kontribut tal-ħafna atturi u organizzazzjonijiet involuti fl-Istrateġija. Hija involuta firxa wiesgħa ta' partijiet interessati u tinkludi: korpi tal-UE: istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet politiċi; organizzazzjonijiet makroreġjunali speċjalizzati f'diversi oqsma ta' politika; organizzazzjonijiet reġjunali u NGOs; u reġjuni u bliet individwali. Il-governanza fuq ħafna livelli hija l-uniku mod prattiku biex wieħed jieħu vantaġġ minn din il-varjetà ta' kompetenzi. Għalhekk:

- Fil-livell subnazzjonali, euroreġjuni, reġjuni, pajjiżi u bliet juru impenn qawwi; ħafna huma mexxejja ta' Oqsma ta' Prijoritajiet, Azzjonijiet Orizzontali u/jew Proġetti Flagship. L-isħab lokali u esperti ġew mobilizzati.

- L-Istrateġija hija mibnija fuq l-involviment tal-Koordinaturi tal-Oqsma tal-Prijoritajiet (tipikament il-ministeri, l-aġenziji jew ir-reġjuni nazzjonali) responsabbli għal kull qasam maġġuri tal-Pjan ta' Azzjoni

- It-tmien Stati Membri tal-UE tar-Reġjun huma impenjati politikament fl-ogħla livell, u l-Punti Nazzjonali ta' Kuntatt (PNK) jiżguraw il-koerenza bejn il-parteċipanti differenti fi ħdan kull amministrazzjoni. Ir-rwol tal-PNK huwa kruċjali biex jiżgura impenn nazzjonali b'saħħtu u kkordinat, b'mod partikolari fil-ministeri rilevanti kollha.

- Il-livell tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa rrappreżentat, fost oħrajn, mill-Forum tal-Iżvilupp Baltiku (BDF), il-HELCOM u l-VASAB, direttament responsabbli għall-implimentazzjoni ta' diversi proġetti u azzjonijiet elenkati fil-Pjan ta' Azzjoni. Il-Kunsill Nordiku tal-Ministri, il-Kunsill Baltiku tal-Ministri u s-CBSS jagħtu prominenza lill-Istrateġija fl-aġendi politiċi tagħhom, u billi jorganizzaw avvenimenti komuni u jikkontribwixxu għall-Proġetti Flagship.

- Il-livell Ewropew huwa assigurat permezz ta' kuntatt kontinwu mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-entitajiet ta' konsulenza, u b'mod partikolari permezz ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' konsulenti esperti dwar l-Istrateġija, innominati mill-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni Ewropea min-naħa tagħha tikkontribwixxi wkoll bħala sors ta' kompetenzi indipendenti u mill-UE kollha

- Id-dimensjoni pubblika hija kruċjali. Il-kontribut tal-Baltic Intergroup u l-Kumitat tal-Politika Reġjunali tal-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, huma ta' valur kbir f'dan il-kuntest.

- Il-Pjan ta' Azzjoni kien kruċjali biex jiffaċilita l-organizzazzjoni tax-xogħol. Dan iffoka l-prijoritajiet politiċi, identifika x-xogħol konkret li jrid isir u pprijoritarizza l-ippjanar tajjeb. Huwa għamel il-kunċett tal-Istrateġija realtà li tinftiehem faċilment, u ffaċilita l-komunikazzjoni. In-natura "rikorrenti" tiegħu hija ċentrali għax-xogħol, u għandha tiġi aġġornata regolarment.

Fil-livell tekniku, l-assistenza tal-uffiċju tal-programm EU INTERACT f'Turku hija riżors essenzjali. L-Istrateġija użat ukoll strutturi oħra eżistenti b'mod pragmatiku. Approċċ fejn il-konfini tar-Reġjun ikunu kemmxejn flessibbli jgħin biex jindirizza l-kwistjonijiet mingħajr ma jimponi limiti ġeografiċi artifiċjali.

4. It-tagħlim miksub

Il-kontribut li tagħti l-Istrateġija lill-kooperazzjoni fir-Reġjun issa għandha tiġi kkonsolidata. Il-Punti li jridu jiġu enfasizzati huma:

- Iż-żamma tal-momentum politiku

Ir-rieda politika se tibqa' indispensabbli għas-suċċess. Biex jinżamm il-momentum, l-Istrateġija għandha tkun punt ta' referenza għal-laqgħat u s-samits kollha rilevanti. Għandha tiġi inkluża wkoll fl-aġenda tal-Ministeri tal-Kunsill rilevanti fuq bażi perjodika u għandha tkun il-punt fokali għad-dibattiti parlamentari Ewropej u nazzjonali. Għandha titqies fil-programmar tal-politika rilevanti tal-futur fil-livelli kollha. Biex tgħin f'dan, l-Istrateġija għandha tkun iktar espliċita dwar kif tista' tindirizza l-ħtiġijiet urġenti tar-Reġjun, pereżempju permezz tal-indentifikazzjoni tal-miri ċari.

- Impenn

L-Istrateġija teħtieġ li tkun inkluża iktar fl-istrutturi politiċi u amministrattivi. L-organizzazzjoni tagħha għadha vulnerabbli għall-bidliet organizzattivi, jew il-bidliet fil-prijoritajiet politiċi. Is-sostenibbilità fit-tul teħtieġ l-istabbiltà istituzzjonali, bl-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi umani (fil-livelli reġjunali, nazzjonali u Ewropew). Biex jintlaħqu l-miri, huwa importanti li l-Koordinaturi tal-Oqsma ta' Prijorità, iżda wkoll l-ekwivalenti tagħhom fl-Istati Membri parteċipanti l-oħra, jkunu involuti bis-sħiħ. Il-Ministeri rilevanti għalhekk iridu jieħdu rwol iktar attiv, biex jallokaw persunal u appoġġ adegwati.

- Miri u evalwazzjoni

L-importanza li l-Istrateġija għandha fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika trendi essenzjali l-evalwazzjoni tal-progress. L-Istrateġija inizjalment ma inkludietx miri speċifiċi. Madankollu, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati l-oħra, billi jqisu l-miri eżistenti u dawk fl-iżvilupp bħala adegwati, għandhom għalhekk jiddefinixxu l-miri u l-indikaturi, kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, biex jimmonitorjaw l-Istrateġija. Għal xi oqsma prijoritizzati, bħal xogħol marbut mal-ambjent tal-ilma u tal-baħar, dawn jeżistu diġà (Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Baħar Baltiku HELCOM, id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima) u jistgħu jkunu utli. Il-miri u l-indikaturi proposti għandhom jiġu kkonsultati b'mod wiesa'.

- Komunikazzjoni u sjieda

Is-sensibilizzazzjoni tal-Istrateġija u r-riżultati li din twassal huma essenzjali. L-Istrateġija għandha bżonn tkun iktar viżibbli. Għandhom ikunu involuti l-gruppi ewlenin, bħall-awtoritajiet lokali u reġjunali, l-NGOs u s-settur privat. Il-Grupp tal-Baħar Baltiku informali tal-uffiċji reġjonali tal-UE, jew ir-rabtiet tal-BDF man-negozji importanti fir-Reġjun, huma eżempji eżistenti ta' dak li jeħtieġ li jitħeġġeġ aktar.

- Kwistjonijiet trażversali

Ħafna valur miżjud jiġi mit-trawwim tal-kooperazzjoni transsettorjali. Il-Kummissjoni u oħrajn jippromwovu gruppi ta' ħidma u netwerks ġodda. Il-Forum Annwali tal-2010 esplora b'mod speċifiku l-benefiċċji ta' approċċi iktar integrati.

Biex tirrifletti dan, riċentement ġiet inkluża Azzjoni Orizzontali ġdida fil-Pjan ta' Azzjoni, biex issaħħaħ il-governanza fuq ħafna livelli. Żewġ elementi li jservu ta' vetrina, "l-immaniġġjar tal-ilma" u "l-ippjanar spazjali" juru kif il-kooperazzjoni attwali fir-Reġjun hija mmaniġġjata, u kif l-Istrateġija tista' ttejjeb il-kuntatti bejn il-livelli kollha. Dan għandu jiġi inkoraġġit iktar.

- Żvilupp tal-politika

Ir-reviżjonijiet rilevanti tal-politika (eż tat-trasport, tal-innovazzjoni, marittima u ambjentali) għandhom iqisu l-effett kombinat tagħhom fuq il-makroreġjun.

L-importanza tal-koeżjoni territorjali għandha titqies b'mod partikolari f'dan ir-reġjun tal-Baħar Baltiku, ibbażata fuq perspettiva ċara "abbażi tal-post" jew "abbażi tar-Reġjun". Proġetti individwali għandhom jitqiesu bħala li qed jikkontribwixxu għall-Istrateġija u bħala eżempji tal-approċċ ġenerali. Għandhom jiġu stabbiliti rabtiet iktar mill-qrib mal-Ewropa 2020, u tabilħaqq ma' strateġiji u politiki oħra, bħall-Istrateġja Interna dwar is-Sigurtà, il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd.

Dan jenfasizza l-potenzjal tal-Istrateġija bħala strument għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ġenerali Ewropej. Il-makroreġjuni jistgħu jaġixxu bħala l-pedamenti għall-politika ġenerali mifruxa mal-UE kollha. Il-Kunsill enfasizza ukoll il-ħtieġa għal rabtiet ċari Baltiċi-Danubji[8]. Biex wieħed ikompli jibni fuq dan, l-esperjenza makroreġjonali f'rabta mal-iżvilupp politiku għandha tiġi inkluża fid-diskussjonijiet tal-Kunsill fil-livell tal-UE. Il-Kunsilli Settorjali jistgħu jinkludu b'mod profittabbli diskussjonijiet makroreġjunali fl-aġendi tagħhom.

- Allinjament ulterjuri tal-iffinanzjar u l-assistenza teknika

Koordinazzjoni aħjar permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni ta' wara l-2013 hija neċessarja biex tiżgura li l-prijoritajiet makroreġjunali jiġu riflessi fil-Programmi futuri tal-UE. Dan huwa kruċjali. Din l-Istrateġija hija każ pijunier, li jwitti t-triq fil-perspettiva l-ġdida finanzjarja u ta' programmar għal simplifikar aħjar tal-istrumenti kollha tal-iffinanzjar. Din ma jseħħx biss fi ħdan u bejn l-Istati Membri tal-UE: għandha tittejjeb il-koordinazzjoni strateġika ta' programmi bilaterali ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE, fil-livell nazzjonali, reġjunali u tal-UE. Barra minn hekk, l-appoġġ tal-programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali li jkopru l-istess żona ġeografika bħala strateġija makroreġjunali sar evidenti. Programmi bħal dawn għandhom jiġu msaħħa u marbuta iktar mill-qrib ma' dan ix-xogħol.

Għandha bżonn tiġi stabbilita rabta iktar ċara bejn il-Koordinaturi tal-Oqsma ta' Prijorità u l-Awtoritajiet tal-Immaniġjar tal-Programmi tal-UE. Is-sorsi nazzjonali u internazzjonali tal-iffinanzjar fir-Reġjun għandhom jqisu l-Istrateġija bis-sħiħ. Qed jintlaqgħu kontribuzzjonijiet minn imsieħba oħra bħall-Kunsill Nordiku tal-Ministri u l-Aġenzija Internazzjonali Svediża dwar l-Iżvilupp. Għandhom jiġu promossi approċċi innovattivi għall-iffinanzjar. Il-Faċilità ta' Implimentazzjoni fi preparazzjoni mal-BEI hija eżempju tajjeb. Programmi tal-UE nazzjonali differenti għandhom jiffinanzjaw proġetti konġunti, u dan għandu jiġi ffaċilitat b'mod istituzzjonali.

L-iffinanzjar ta' assistenza organizzattiva għall-ispejjeż amministrattivi huwa importanti. Il-baġit tal-UE jipprovdi EUR 2,5 miljun fl-2011 Madankollu, billi dan mhuwiex iggarantit fil-futur, għandhom jiġu esplorati mezzi oħra għall-assistenza teknika, speċjalment permezz ta' programmi eżistenti u futuri.

Metodi alternattivi ta' ħidma konġunta bħal Gruppi Ewropej għall-Kooperazzjoni Territorjali jistgħu jkunu utli wkoll jew fil-livell ġenerali tal-Istrateġija jew għal Oqsma ta' Prijorità, Azzjonijiet jew Proġetti Flagship speċifiċi. Dawn jista' jkollhom l-effett importanti li jsaħħu u jrendu iktar sostenibbli l-istrutturi ta' kooperazzjoni, filwaqt li jevitaw d-duplikazzjoni mal-istrutturi eżistenti.

5. Ir-rakkomandazzjonijiet

Kollox ma' kollox, huwa ċar li l-Istrateġija hija mod ġdid biex jinġabru flimkien imsieħba u oqsma politiki multipli biex jintlaħaq iktar minn dak li jista' jinkiseb meta wieħed jaħdem waħdu. Min-naħa tagħha, ibbażata fuq l-esperjenza rrapportata hawnhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

- Tissaħħaħ in-natura integrata tal-Istrateġija permezz ta' allinjament iktar mill-qrib mat-temi u l-flagships ta' Ewropa 2020.

- Tiġi żgurata n-natura Ewropea tal-Istrateġija permezz ta' diskussjonijiet regolari tal-Istrateġija fil-Kunsilli tal-politika.

- Jiġi pprijoritizzat xogħol fuq l-istabbiliment tal-miri biex l-Istrateġija tkun iktar iffukata u iktar konkreta fir-rigward tal-miri ewlenin tagħha

- Jiġu mmassimizzati l-isforzi biex tiġi allinijata l-Politika ta' Koeżjoni u sorsi oħra ta' ffinanzjar fir-Reġjun mal-għanijiet tal-Istrateġija

- Jissaħħu l-istrutturi ta' implimentazzjoni (speċjalment il-Koordinaturi tal-Oqsma ta' Prijorità u l-gruppi ta' tmexxija tagħhom) kemm finanzjarjament kif ukoll mil-lat ta' persunal. Għandhom jitwaqqfu kumitati nazzjonali ta' koordinazzjoni, u għandhom jiġu identifikati kuntratti nazzjonali għal kull Qasam ta' Prijorità. Għandhom jiġu inklużi sew l-istrutturi fil-ministeri u/jew l-entitajiet rilevanti oħra.

- Tiġi żviluppata "Inizjattiva ta' Kommunikazzjoni" biex tiżgura parteċipazzjoni iktar wiesgħa fl-Istrateġija, kif ukoll fehim tal-kisbiet tagħha.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkompli xogħlha biex tidentifika l-valur miżjud ta' dan l-approċċ makroreġjunali ġdid, li jista' jkun ibbażat fuq evalwazzjoni esterna tal-impatt tal-Istrateġija. Il-konklużjonijiet tagħha se jiġu inklużi fir-rapport dwar il-kunċett tal-istrateġija makroreġjunali, li talab il-Kunsill għall-Ġunju 2013, filwaqt li tiġi adottata l-aħjar analiżi possibbli tal-esperjenza miksuba.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jeħtieġu input ta' livell iktar għoli mill-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni temmen li l-kisbiet u l-apprezzament tal-Istrateġija s'issa jiġġustifikaw dan l-isforz ulterjuri.

[1] COM(2009) 248, 10.06.2009

[2] Fid-29 u t-30 ta' Ottubru 2009 il-Kunsill Ewropew approva l-EUSBSR u talab lill-parteċipanti kollha rilevanti biex jaġixxu b'mod rapidu biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha.

[3] Pjan ta' Azzjoni Annotat huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Istrateġija. http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperation/baltic/index_en.htm

[4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-26 ta’ Ottubru 2009.

[5] Iktar informazzjoni dwar il-proġetti tista' tinstab fuq il-websajt tal-Istrateġija.

Green Paper: Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2009)163), 22.04.2009

[6] "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" - COM(2007) 575 finali,10.10.2007 u SEC(2007) 1278,10.10.2007; 16616/1/07 REV 1

[7] General Affairs Council Conclusions on the Danube Strategy: (April 2011)

Top