Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0246

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm speċifiku "Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga" (DPIP) 2007-2013 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm speċifiku "Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga" (DPIP) 2007-2013

    /* KUMM/2011/0246 finali */

    52011DC0246

    /* KUMM/2011/0246 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm speċifiku "Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga" (DPIP) 2007-2013 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm speċifiku "Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga" (DPIP) 2007-2013


    WERREJ

    1. Introduzzjoni 3

    1.1. Għan u struttura ta’ dan ir-rapport 3

    1.2. Sfond 3

    1.2.1. Oġġettivi u prijoritajiet 3

    1.2.2. Tipi ta’ azzjonijiet appoġġjati 4

    1.2.3. Parteċipazzjoni 4

    1.2.4. Pubbliku destinatarju 5

    1.2.5. Aċċess għad-DPIP 5

    1.2.6. Baġit 5

    2. Implimentazzjoni tad- DPIP 7

    2.1.1. Inizjattivi tal-Kummissjoni 7

    2.1.2. Għotjiet 7

    3. Evalwazzjoni tad-DPIP 12

    3.1. Rilevanza tal-Programm DPI 12

    3.2. Effettività tal-Programm DPI 13

    3.3. Effiċjenza tal-Programm DPI 14

    3.4. Sostenibbiltà tal-Programm DPI 15

    4. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet 16

    4.1. Dimensjoni tal-UE miżjuda u valur miżjud u impatt tal-UE 16

    4.2. Effiċjenza miżjuda tal-ġestjoni tad-DPIP 17

    4.3. Disseminazzjoni mtejba u użu aħjar tar-riżultati 17

    INTRODUZZJONI

    Għan u struttura ta’ dan ir-rapport

    Kif meħtieġ bl-Artikolu 15 (3b) tad-Deċiżjoni Nru. 1150/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1] (iktar ‘il quddiem imsejħa bħala l-att bażiku ), dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati miksuba matul l-implimentazzjoni tal-programm għall-prevenzjoni u informazzjoni dwar id-Drogi (iktar ‘il quddiem imsejjaħ bħala d-DPIP jew il-Programm DPI ) sa mill-approvazzjoni tiegħu fil-25 ta’ Settembru 2007. Ibbażat fuq ir-riżultati miksuba tal-analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tal-implimentazzjoni tad-DPIP, fuq il-kisbiet prinċipali tiegħu filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-isfidi prinċipali, ir-rapport jipprovdi rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-perjodu tal-implimentazzjoni li għad fadal.

    Għall-finijiet tal-analiżi kwalitattiva u kwantitattiva, kuntrattur estern assista lill-Kummissjoni[2]. Ir-riżultati tal-istudju mwettaq mill-kuntrattur kienu bbażati fuq l-analiżi tad-dokumenti, intervisti mal-partijiet interessati, studji ta’ każijiet u fuq stħarriġ fost il-benefiċjarji tal-finanzjament. L-istħarriġ inkluda kemm id-detenturi tal-għotjiet ta’ azzjoni u operattivi taħt is-sejħiet għal proposti tal-2007 u l-2008 u kif ukoll dawk l-imsieħba tal-għotjiet ta’ azzjoni li kienu partijiet għall-ftehimiet tal-għotjiet.

    Sfond

    Oġġettivi u prijoritajiet

    Il-Programm DPIP jifforma parti mill-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2005-2012 li għandha l-għan li tnaqqas sinifikament il-ħsara soċjali u għas-saħħa kkawżata bl-użu ta’ drogi illeċiti u t-traffikar tagħhom. Id-DPIP jikkontribwixxi għall-oġġettiv sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u għat-tnaqqis tal-ħsara għas-saħħa b’rabta mad-drogi. L- oġġettivi ġenerali tad-DPIP huma l-prevenzjoni u t-tnaqqqis tal-użu tad-droga, id-dipendenza u l-ħsara relatata mad-droga, il-kontribuzzjoni għat-titjib tal-informazzjoni dwar l-użu tad-droga u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi 2005-2012.

    L-oġġettivi ġenerali huma definiti ulterjorament bit-tliet oġġettivi speċifiċi li ġejjin

    1. Il-promozzjoni tal-azzjonijiet transnazzjonali għal:

    2. twaqqif ta’ netwerks multidixxiplinarji;

    3. assigurazzjoni tal-espansjoni tal-bażi tal-għarfien, l-iskambju ta’ informazzjoni u t-tixrid ta’ prattiki tajbin, inklużi dawk permezz ta’

    4. taħriġ, żjajjar ta' studju u skambju tal-persunal;

    5. ġenerazzjoni ta’ għarfien dwar il-problemi tas-saħħa u soċjali kkawżati mill-użu tad-droga u sabiex jiġi mħeġġeġ djalogu miftuħ bl-għan li jiġi promoss ftehim aħjar tal-fenomenu tad-drogi; u

    6. appoġġ ta’ miżuri li l-għan tagħhom hu li jipprekludi l-użu tad-droga, inklużi dawk li jindirizzaw it-tnaqqis tal-ħsara relatata mad-droga u metodi tat-trattament filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-aktar għarfien xjentifiku avvanzat;

    7. involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u żvilupp tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u l-pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE; u

    8. monitoraġġ, implimentazzjoni u evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi taħt il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-UE kontra d-Drogi mill-2005 sa 2008 u mill-2009 sa 2012.

    Tipi ta’ azzjonijiet appoġġjati

    Bl-għan li jiġu segwiti l-oġġettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti hawn fuq, id-DPIP jagħti appoġġ lil dawn it-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:

    9. Inizjattivi tal-Kummissjoni – azzjonijiet speċifiċi meħuda mill-Kummissjoni , bħal studji u riċerka, sondaġġi tal-opinjoni pubblika u stħarriġ, formulazzjoni ta’ indikaturi u metodoloġiji komuni, ġbir, żvilupp u tixrid ta’ dejta u statistiki, seminars, konferenzi u laqgħat ta’ esperti, organizzazzjoni ta’ kampanji u avvvenimenti pubbliċi, żvilupp u manutenzjoni ta’ websajts, tħejjija u tixrid ta’ materjali tal-informazzjoni, appoġġ għal netwerks ta’ esperti nazzjonali u l-animazzjoni tagħhom, attivitajiet analitiċi, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni;

    10. proġetti transnazzjonali speċifiċi ta ’ interess għall-Komunità preżentati minn mill-inqas żewġ Stati Membri, jew mill-inqas Stat Membru wieħed u stat ieħor li jista’ jkun pajjiż aderenti jew pajjiż kandidat; jew

    11. l-attivitajiet ta ’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet oħra li jkunu qegħdin isegwu l-għan tal-interess ġenerali Ewropew fir-rigward tal-oġġettivi ġenerali tal-Programm taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-programm ta’ ħidma annwali.

    Filwaqt li l-finanzjament tal-Komunità jieħu l-forma ta ’ kuntratti ta' appalt f’każ tal-inizjattivi tal-Kummissjoni, iż-żewġ tipi l-oħra ta’ azzjonijiet huma ffinanzjati billi jiġi provduti għotjiet ta ’ azzjoni u operattivi .

    Parteċipazzjoni

    Id-DPIP huwa miftuħ għas-27 Stat Membru tal-UE kollha. Pajjiżi oħra jingħataw ukoll permess sabiex jipparteċipaw taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    12. L-Istati tal-EFTA li jkunu partijiet fil-Ftehim taż-ŻEE, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Ftehim;

    13. Il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew fil-protokolli addizzjonali tagħhom b’rabta mal-parteċipazzjoni fi programmi tal-Komunità konklużi jew li għad iridu jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi;

    14. Pajjiżi kandidati li mhux qed jipparteċipaw fil-Programm jistgħu jiġu assoċjati ma’ proġetti meta dan ikun jikkontribwixxi għat-tħejjija tagħhom għall-adeżjoni, bħal ma jistgħu jagħmlu pajjiżi terzi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali mhux parteċipanti fil-Programm, fejn dan jikkontribwixxi għall-għan tal-proġetti.

    Fuq bażi tal-prinċipji t’hawn fuq, żewġ organizzazzjonijiet minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u waħda mill-Kroazja pparteċipaw (bħala imsieħba assoċjati) fi proġetti transnazzjonali ffinanzjati taħt il-programm ta’ ħidma annwali 2007. Minbarra dan, matul l-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tiegħu, l-ebda mill-pajjiżi kandidati u lanqas kwalunkwe pajjiż tal-Balkani tal-Punent ma ssieħeb fid-DPIP.

    Pubbliku destinatarju

    Id-DPIP huwa mmirat lejn il-gruppi kollha li huma involuti direttament jew indirettament mal-fenomenu tad-drogi. Fir-rigward ta’ drogi, iż-żgħażagħ, in-nisa, gruppi vulnerabbli u persuni li jgħixu f’żoni soċjalment żvantaġġjati huma gruppi fir-riskju u għandhom jiġu identifikati bħala l-pubbliku destinatarju. Pubbliku destinatarju ieħor jinkludi l-għalliema u l-persunal edukattiv, ġenituri, ħaddiema fil-qasam soċjali, awtoritajiet lokali u nazzjonali, persunal mediku u paramediku, persunal ġuridiku, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u penitenzjarji, organizzazzjonijiet mhux governattivi, trejdjunjins u komunitajiet reliġjużi.

    Aċċess għad-DPIP

    L-aċċess għad-DPIP huwa miftuħ għall-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet pubbliċi jew privati, awtoritajiet lokali fil-livell rilevanti, dipartimenti universitarji u ċentri tar-riċerka li jaħdmu fil-qasam tal-informazzjoni dwar l-użu tad-droga u l-prevenzjoni tagħha, inkluż it-tnaqqis u trattament tal-ħsara b’rabta mad-droga. Korpi u organizzazzjonijiet li jaħdmu bi profitt jistgħu jipparteċipaw biss flimkien ma’ orgnizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta’ qligħ jew tal-istat.

    Baġit

    L-Artikolu 12 tal-att bażiku ppreveda pakkett finanzjarju globali ta’ EUR 21.350.000 għall-implimentazzjoni tal-Programm DPI għal perjodu mill-2007 sa 2013. Il-provvista tal-finanzjament ġiet prevista bi ħlas parzjali ugwali ta’ EUR 3.050.000 kull sena. Il-baġit ta’ din is-sena jinkludi l-allokazzjonijiet sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-ġestjoni tal-programm li jammontaw għal EUR 50.000 kull sena. Minbarra l-finanzjament magħmul disponibbli fil-baġit tal-UE, l-istati tal-EFTA/ŻEE jikkontribwixxu wkoll għad-DPIP fuq bażi tal-memorandum ta’ ftehim.

    Fil-perjodu taħt reviżjoni l-maġġoranza tal-finanzjament (78%) ġiet allokata għall-għotjiet operattivi u ta’ azzjoni, filwaqt li l-inizjattivi tal-Kummissjoni rrappreżentaw inqas minn terz (22%) tal-allokazzjonijiet;

    Sena | Total EUR | Għotjiet ta’ azzjoni EUR | Għotjiet operattivi EUR | EC initiatives EUR |

    2007 | 3.000.000 | 2.250.000 | 0 | 750.000 |

    2008 | 3.071.700 | 2.221.700 | 500.000 | 350.000 |

    2009 | 3.071.700 | 2.471.700 | 0 | 600.000 |

    2010 | 3.075.600 | 1.717.600 | 400.000 | 958.000 |

    IMPLIMENTAZZJONI TAD- DPIP

    Minħabba l-adozzjoni tardiva tal-att bażiku fil-25 ta’ Settembru 2007 l-implimentazzjoni attwali tal-programm seta’ jinbeda biss fl-2008. Minkejja li kien hemm programm ta’ ħidma annwali adottat għas-sena baġitarja 2007, l-allokazzjonijiet intużaw biss mill-2008 ‘il quddiem. Din is-sitwazzjoni influwenzat b’mod negattiv l-annwalità tal-implimentazzjoni u ħolqot diskrepanza ta’ implimentazzjoni ta’ sena. Madankollu, il-programm għandu jlaħħaq il-livell billi ma jiġux ippubblikati sejħiet għal proposti fl-2009.

    Inizjattivi tal-Kummissjoni

    Sa mill-2007 ġew iffinanzjati total ta’ 18-il azzjoni taħt l-intestatura tal-Inizjattivi tal-Kummissjoni. Kull waħda minn dawn l-azzjonijiet ikkontribwiet b’mod sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE kontra d-Drogi. Id-DPIP għandu rwol importanti għall-appoġġ tal-involviment tas-soċjetà ċivili: il-finanzjament tad-DPIP ta’ appoġġ lill-Azzjoni Ewropea dwar id-Drogi (EAD) li tipprovdi lis-soċjetà ċivili bi pjattaforma sabiex tagħmel impenn fir-rigward tal-użu tad-drogi u r-riskji relatati mal-abbuż tad-drogi. Il-Kummissjoni mexxiet kampanja informattiva estensiva dwar l-EAD, tliet avvenimenti fuq skala kbira ġew organizzati f’Berlin, Londra u Varsavja; u ġiet imwaqqfa websajt fuq l-internet sabiex tiżgura l-operat tal-EAD. Bl-organizzazzjoni u finanzjament ta’ 3 laqgħat plenarji u diversi laqgħat oħra fil-livell tal-esperti, il-Kummissjoni tat l-appoġġ għall-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar id-Drogi.

    Ir-riċerka għandha rwol importanti sabiex issaħħaħ il-politiki dwar id-droga bbażati fuq evidenza u tiżviluppa r-reazzjonijiet ta’ politika neċessarji sabiex jitnaqqsu l-impatti negattivi għas-saħħa u soċjali tal-użu tad-droga fis-soċjetajiet tagħna. Żewġ azzjonijiet importanti ġew iffinanzjati għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE għar-riċerka b’rabta mad-droga fl-UE. Kemm The comparative analysis of the illicit drug research in the EU , u l-konferenza fuq skala kbira bl-għan li tidentifika u tnaqqas id-diskrepenza tar-riċerka (iffinanzjati taħt il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007 u 2008 rispettivament) tqiesu bħala avvenimenti importanti u servew bħala bażi għat-twaqqif tal-qafas tar-riċerka attwali f’dan il-qasam ta’ politika dwar id-drogi fil-livell tal-UE.

    Taħt il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007 u 2010, ġew iffinanzjati żewġ studji addizzjonali fuq The detailed analysis of the operation of the world market in illicit drugs sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza sinifikanti fl-għarfien dwar kif is-swieq tad-drogi jaħdmu fir-realtà u fuq l-iżvilupp ta’ qafas tal-UE għall-istandards minimi tal-kwalità u punti ta’ riferiment fit-tnaqqis tad-domanda tad-droga sabiex jiġi appoġġjat ix-xogħol tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ kunsens tal-UE f’dan il-qasam kif meħtieġ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra d-Drogi. Il-Kummissjoni tat ukoll appoġġ għall-istabbiliment ta’ grupp ta’ esperti fil-qasam tal-aħħar studju.

    Għotjiet

    Appoġġ għal proġetti transnazzjonali speċifiċi ta’ interess tal-Komunità (għotjiet ta’ azzjoni) u l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet oħra li l-għan tagħhom hu ta’ interess Ewropew ġenerali (għotjiet operattivi)

    Bil-finanzjament previst taħt l-intestaturi tal-għotjiet tal-programm ta’ ħidma annwali 2007-2010 id-DPIP ta appoġġ lil attivitajiet li ġew implimentati primarjament minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u universitajiet. Bi ftit eċċezzjonijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kienu biss imsieħba fil-proġetti. L-amministrazzjoni nazzjonali kienet involuta bħala msieħeb assoċjat f’każijiet magħżula. B’kollox, 143 organizzazzjoni minn 27 pajjiż ipparteċipaw fl-attivitajiet iffinanzjati[3] bħala benefiċjarji ta’ għotja operattiva, koordinatur ta’ proġett, imsieħeb fi proġett jew parti assoċjata. Partijiet assoċjati mhumiex benefiċjarji diretti tal-għotjiet u mhumiex parti fil-ftehimiet tal-għotjiet; dawn jikkontribwixxu għall-attivitajiet indiretti u jibbenefikaw minnhom.

    Mill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha 136 (95%) huma stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE, b’kollox 23 Stat Membru huma rappreżentati. S’issa l-ebda organizzazzjoni ma pparteċipat mill-Irlanda, Ċipru, il-Lussemburgu u Malta, madankollu xi wħud mill-attivitajiet jistgħu jinvolvu individwi minn dawn il-pajjiżi (eż. parteċipazzjoni f’avveniment ta’ disseminazzjoni). Minkejja l-possibiltà provduta fl-att bażiku u l-kontribuzzjoni ta’ kull sena provduta lill-programm, l-ebda organizzazzjoni ma pparteċipat mill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE.

    Minkejja l-kisbiet pożittivi ferm f ’ termini ta ’ kopertura tal-UE , id-DPIP qed jiffaċċja sfidi f’termini tal-bilanċ ġeografiku. Il-maġġoranza (82) tal-organizzazzjonijiet parteċipanti (inklużi msieħba assoċjati) ġew stabbiliti f’5 Stati Membri (l-Italja – 17%, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja – 10%, il-Ġermanja – 13%, Spanja 6%, il-Belġju 6%). Dan il-proporzjon huwa kważi identiku għall-proporzjon tal-pajjiżi tal-oriġini tal-benefiċjarji tal-għotjiet diretti. Mill-112-il benefiċjarju[4] tal-għotjiet (detenturi tal-għotjiet operattivi, koordinaturi u msieħba tal-għotjiet ta’ azzjoni) 54 % ġew minn 5 Stati Membri (Italja – 18%, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja – 12%, il-Ġermanja – 11%, Spanja 6%, il-Belġju 6%).

    Għotjiet operattivi

    GĦOTJIET OPERATTIVI | 2008 | 2010 | 2011 |

    Numru ta’ applikazzjonijiet irċevuti | 16 | 19 | 4 |

    Numru ta’ applikanti eliġibbli | 13 | 5 | m.a. |

    Numru ta’ proposti magħżula | 5 | 4 | m.a. |

    Ammont totali tal-finanzjament allokat | EUR 500,000 | EUR 400,000 | EUR 400.000 . |

    Ammont totali tal-għotjiet mitluba | EUR 1,029,632 | EUR 1,318,474.56 | m.a. |

    Ammont totali ta’ għotjiet mogħtija | EUR 409.429 | EUR 219,788.38 | m.a. |

    B’kollox, ġew ippubblikati tliet sejħiet għall-għotjiet operattivi . L-applikanti setgħu japplikaw għal finanzjament għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ attività annwali tagħhom matul l-2008, l-2010 u l-2011(programm ta’ ħidma annwali 2011).

    B’risposta għat-tliet sejħiet f’daqqa, ġew irċevuti 39 applikazzjoni li minnhom ġew magħżula 9 organizzazzjonijiet . L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi għas-sena finanzjarja 2011 kienet għadha għaddejja fiż-żmien tat-tħejjija tar-rapport.

    Il-kundizzjonijiet finanzjarji għall-għotjiet operattivi jibqgħu l-istess matul dan il-perjodu kollu. L-ammont massimu ta’ għotja disponibbli kienet ta’ EUR 100.000, il-perċentwal tal-kontribuzzjoni tal-KE għall-baġit operattiv eliġibbli totali tal-applikant ma setax jaqbeż it-80%.

    Għotjiet ta’ azzjoni

    GĦOTJIET TA’ AZZJONI | 2007 | 2008 | 2009/2010 |

    Numru ta’ applikazzjonijiet irċevuti | 39 | 59 | 66 |

    Numru ta’ applikanti eliġibbli | 33 | 41 | 53 |

    Numru ta’ proposti magħżula | 9 | 6 | 10 |

    Ammont totali tal-finanzjament allokat | EUR 2,250,000 | EUR 2 221700 | EUR 4,189,300 |

    Ammont totali tal-għotjiet mitluba | EUR 11,610,036.34 | EUR 13,850,005.17 | EUR 21 732 250,18 REUR |

    Ammont totali ta’ għotjiet mogħtija | EUR 2,181,947.85 | EUR 2 116 748,04 | EUR 3 889 295,44 |

    Sabiex jirċievu appoġġ għal proġetti transazzjonali , organizzazzjonijiet interessati setgħu jirrispondu għal 3 sejħiet għal proposti . Minħabba l-adozzjoni tardiva tal-att bażiku, l-ewwel sejħa għal proposti bbażata fuq il-programm ta’ ħidma annwali tal-2007 ġiet ippubblikata fl-2008. Bl-istess mod, is-sejħa taħt il-programm ta’ ħidma annwali 2008 ma ġietx ippubblikata qabel l-2009. Sabiex il-programm ikun jista’ jkopri d-diskrepanza taż-żmien, it-tielet sejħa ġiet ippubblikata fl-2010 li kkombinat l-allokazzjonijiet taħt l-intestatura tal-għotjiet ta’ azzjoni previsti għal sentejn (2009 u 2010). Bħala riżultat, filwaqt li l-finanzjament disponibbli fil-każ tal-ewwel żewġ sejħiet kien kważi identiku (madwar EUR 2,2 miljun) l-allokazzjonijiet kienu kważi rduppjati fl-2009/2010.

    Baġit totali f’EUR | Ammont totali ta’ għotja f’EUR | % ta’ kontribuzzjonijiet tal-KE |

    Total 2007 | 2.789.586,16 | 2.181.947,85 | 78% |

    Total 2008 | 3.034.116,27 | 2.116.748,04 | 70% |

    Total 2009/2010 | 5.114.243,88 | 3.889.295,44 | 76% |

    Total | 10.937.946,31 | 8.187.991,33 | 75% |

    Iż-żieda fin-numru tal-applikazzjonijiet turi tkabbir stabbli tal-interess fid-DPIP. Il-Kummissjoni trattat b’kollox 164 applikazzjoni għall-għotjiet ta ’ azzjoni . Mill- 127 proposta eliġibbli l-baġit ippermetta l- finanzjament ta ’ 25. L-ammont totali tal-għotja mogħtija għall-proposti kienet ta’ EUR 8,187 miljun li jirrappreżenta kontribuzzjoni globali ta’ 75% għall-ispejjeż ta’ implimentazzjoni totali tal-azzjonijiet.

    Baġit totali f’EUR | Ammont totali ta’ għotja f’EUR | % ta’ kontribuzzjonijiet tal-KE | Tul f’xhur |

    Medja 2007 | 309.954,02 | 242.438,65 | 79 | 28,33 |

    Medja 2008 | 505.686,05 | 352.791,34 | 75 | 28,50 |

    Medja 2009/2010 | 511.424,39 | 388.929,54 | 77 | 23,60 |

    Total medju | 442.353,83 | 328.053,18 | 77 | 26,81 |

    Filwaqt li fl-2007 ma kien hemm l-ebda limitu massimu f’termini ta’ għotja li tista’ tinkiseb, limitu ta’ EUR 500.000 ġie introdott fis-sejħa tal-2008 u li nżamm ukoll fis-sejħa tal-2009/2010. Applikazzjonijiet fejn il-finanzjament mitlub ma laħaqx il-minimu ta’ EUR 75.000 ma ġewx aċċettati.

    Sena | Numru medju ta’ SM tal-UE konċernati |

    benefiċjarji tal-implimentazzjoni | Organizzazzjonijiet implimentattivi | l-att ta’ l-UE kkonċernat |

    2007 | 3,7 | 5,3 | 4 |

    2008 | 6 | 7,8 | 5,6 |

    2009/2010 | 5,8 | 6,4 | 5,1 |

    Total | 5,2 | 6,5 | 4,9 |

    L-ammont medju tal-għotja mitluba kien ta’ EUR 328.000, li hija ogħla sew mil-livell limitu minimu. L-inqas ammont ta’ għotja li ngħata kien ta’ EUR 120.000 filwaqt li l-maġġoranza kienet bejn 300.000 u l-valur limitu massimu. Il-maġġoranza tal-koordinaturi ta’ proġetti tal-proposti magħżula kienu NGOs (48%) u universitajiet jew istituzzjonijiet immexxija minn universitajiet (40%), 12 % biss tal-koordinaturi ġejjin mis-settur governattiv fil-livell lokali/reġjonali.

    Id-dimensjoni tal-proġetti turi żieda żgħira kemm f’termini ta’ numru ta’ msieħba u ta’ numru ta’ stati membri tal-UE konċernati. Il-proġetti kollha magħżula taħt is-sejħa għall-għotja ta’ azzjoni 2007 bdiet fl-2009.

    EVALWAZZJONI TAD-DPIP

    L-evalwazzjoni tal-programm inġabret fl-erba’ kategoriji li ġejjin: (1) Rilevanza; (2) Effettività; (3) Effiċjenza u (4) Sostenibbiltà tal-programm.

    Rilevanza tal-Programm DPI

    Drogi illeċiti huma problema soċjali kumplessa, li teħtieġ approċċ fuq tul ta’ żmien, integrat u multidixxiplinarju. L-istudju fuq żviluppi fis-suq ta’ drogi illeċiti globali msemmi hawn fuq[5] ma sab l-ebda evidenza ta’ kwalunkwe titjib matul dan il-perjodu. F’ċerti pajjiżi l-problema naqset iżda f’oħrajn żdiedet, f’ċerti każi żdiedet drastikament. L-abbuż tad-droga għadu jikkostitwixxi problema kbira għas-saħħa fl-UE, skont ir-rapporti annwali taċ-Ċentru Ewropew tal-Monitoraġġ tad-Drogi u l-Vizzju tad-Droga[6]. Ir-rilevanza tal-oġġettivi tal-politika tad-DPIP hija għolja ħafna sa mill-adozzjoni tagħha fl-2007 . L-oġġettivi tagħha, l-oqsma u l-attivitajiet ta’ prijorità huma rilevanti ferm għall-ħtiġijiet, problemi u kwistjonijiet tal-pubbliku destinatarju.

    L-involviment tas-soċjetà ċivili huwa għan ewlieni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra d-Drogi. Il-Pjan ta’ Azzjoni jenfasizza l-ħtieġa sabiex jiżdied l-impenn fis-soċjetà kollha sabiex jitnaqqas l-użu tad-droga bħala waħda mill-kwistjonijiet ewlenin. Dan jispeċifika li l-alleanza bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet maħluqa minnhom u għalihom għandhom jiġu rinfurzati. Id-DPIP huwa partikolarment adattat għal dan l-oġġettiv .

    Hemm konnessjoni ċara bejn l-attivitajiet implimentati; il-miżuri fil-programm ta’ ħidma annwali kif ukoll l-oġġettivi tal-programm ġenerali. L-attivitajiet kollha implimentati jirrelataw ma’ qasam wieħed ta’ prijorità jew aktar imsemmija fil-programmi annwali.

    Il-valur miżjud tad-DPIP huwa għoli. Intervent tal-UE jżid il-benefiċċji għall-ġlieda kontra l-użu tad-drogi u l-prevenzjoni tad-drogi billi jiġi promoss tagħlim transnazzjonali u jitjiebu l-viżibilità u l-kredibilità tal-attivitajiet implimentati.

    Minħabba n-natura b’diversi aspetti u globali tal-fenomenu tad-drogi, diversi strumenti finanzjarji tal-Komunità jappoġġjaw l-inizjattivi tal-UE fil-qasam tad-drogi illeċiti u jikkumplementaw il-finanzjament taħt id-DPIP. Il-programm "Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità" 2007-2013 (ISEC)[7] jipprovdi appoġġ għal proġetti fil-qasam tat-traffikar tad-drogi illeċiti u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ tnaqqis tal-provvista tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, inklużi s-swieq, il-produzzjoni, it-traffikar ta’ drogi u l-kriminalità relatata mad-drogi.

    Minħabba li l-abbuż tad-drogi huwa tħassib għas-saħħa pubblika u soċjali fl-UE kollha u lil hinn minnha, wieħed mill-oqsma ta’ prijorità tal-Programm tal-Komunità dwar is-Saħħa Pubblika[8] hu li tittieħed azzjoni fuq fatturi determinanti relatati mal-vizzjijiet, bħat-tabakk, alkoħol, drogi illegali u farmaċewtiċi użati mhux kif suppost. Dan il-programm jipprovdi wkoll appoġġ għal proġetti ta’ tnaqqis tal-ħsara relatata mas-saħħa assoċjata mad-dipendenza tad-drogi.

    Is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp jagħti appoġġ għar-riċerka dwar id-drogi fuq skala kbira. Fl-2009, taħt il-programm tax-Xjenzi Soċjo-Ekonomiċi u l-Umanitajiet tas-seba' Programm ta' Qafas għal Riċerka (FP7), il-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-proposti ta’ riċerka mmirati lejn il-vizzjijiet, b’kontribuzzjoni minima tal-UE ta’ EUR 6.5 miljun. Sabiex jiġu appoġġjati attivitajiet ta’ riċerka konġunti bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għamlet EUR 2 miljuni disponibbli għall-Istabbiliment ta’ Netwerk ta’ Żoni Ewropej tar-Riċerka (ERA-NET) fil-qasam tad-drogi. Il-Programm tas-Sigurtà 2010 taħt l-FP7 jinkludi sejħa għal proposti fuq il-konsegwenzi mhux intenzjonati tal-politiki dwar id-drogi u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-UE. Sejħa għal proposti għal proġetti kollaborattivi kbar (EUR 6 sa EUR 12-il miljun) fil-qasam tal-'kundizzjonijiet ta’ tendenzi għal vizzjijiet’ ġiet ippubblikata wkoll fl-2010 taħt it-Tema tas-Saħħa FP7. Id-dimensjoni esterna tal-politika dwar id-drogi hija appoġġjata mill-istrumenti finanzjarji rilevanti.

    L-evidenza tissuġġerixxi li b’mod globali hemm kumplementarjetà bejn il-programmi u inizjattivi differenti. Madankollu, din il-frammentazzjoni tippreżenta wkoll riskji ta’ xogħol doppju (pereżempju, bejn id-DPIP u l-Programm tas-Saħħa Pubblika) jew diskrepanzi. Barra minn hekk, għamlitha aktar diffiċli kemm għall-Kummissjoni u għal benefiċjarji potenzjali sabiex jimmassimmizzaw l-użu tal-finanzjament tal-UE f’dan il-qasam. Minkejja li l-att bażiku jippermetti[9] l-possibiltà ta’ kondiviżjoni tar-riżorsi ma’ strumenti oħra tal-Komunità sabiex jiġu implimentati azzjonijiet li jissodisfaw l-oġġettivi tal-programmi kollha, din ma ntużatx matul l-ewwel 3 snin tal-implimentazzjoni tad-DPIP.

    Effettività tal-Programm DPI

    F’dan l-istadju tal-evalwazzjoni ġew kompluti verament ftit attivitajiet biss. B’konsegwenza ta’ dan, jistgħu jsiru biss konklużjonijiet limitati dwar l-effettività tal-Programm DPI. Madankollu, il-proġetti ffinanzjati mid-DPIP u programmi ta’ attivitajiet diġà implimentaw varjetà ta’ attivitajiet u pproduċew riżultati konkreti, u b’dan il-mod l-analiżi attwali diġà tista’ tinbena fuq evidenza soda. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni jindikaw li l-proġetti ffinanzjati x’aktarx jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-oġġettivi tad-DPIP.

    Minkejja li d-DPIP mexa tajjeb f’termini tan-numru ta’ pajjiżi parteċipanti, għad baqa’ lok għal titjib f’termini ta’ ħolqien ta’ valur miżjud reali, fuq tul ta’ żmien permezz tal-proġetti.

    Minkejja li huwa l-uniku strument speċjalizzat għall-appoġġ tal-qasam tal-politika, u l-oġġettivi ġenerali tiegħu huma ambizzjużi f’termini ta’ prevenzjoni u attivitajiet ta’ tnaqqis ta’ ħsara, ir-riżorsi finanzjarji globali tiegħu huma l-aktar limitati meta mqabbla mal-programmi l-oħra msemmija hawn fuq. Id-DPIP bħalissa mhux qed jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament. Minkejja li t-tul ta’ żmien massimu ta’ proġett tnaqqas minn 3 snin għal sentejn, il-pakkett finanzjarju previst għad-DPIP ma jippermettix il-finanzjament ta’ aktar minn 10 proġetti f’sena. Id-daqs tal-proġetti f’termini ta’ numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti huwa limitat ukoll mill-finanzjament disponibbli. Sabiex il-programm jiġi rinfurzat , sabiex ikun jista’ jikseb riżultati fuq tul ta’ żmien twil fuq livell tal-UE, hemm il-ħtieġa tat-tisħiħ tar-riżorsi finanzjarji tiegħu.

    Għalkemm m’hemm l-ebda ostakoli kbar esperjenzati fir-realizzazzjoni tal-attivitajiet, il-promoturi tal-proġett esperjenzaw sfidi proċedurali u sostantivi. Fost l-isfidi proċedurali , il-partijiet interessati identifikaw l-ostakoli konnessi man-nuqqas ta’ flessibilità f’termini ta’ rijallokazzjoni tal-ispejjeż fi ħdan il-proġett u l-pass bil-mod fil-provvista ta’ finanzjament bħala l-aktar sostanzjali. Minkejja li s-sħubijiet kienu kkunsidrati li kienu ta’ benefiċċju għall-attivitajiet tal-programm u proġetti, il-koordinazzjoni ta’ numru ta’ organizzazzjonijiet imsieħba minn pajjiżi differenti bi sfondi differenti kienet tirrikjedi sforzi konsiderevoli. F’ċerti każijiet, ġie esperjenzat dewmien minħabba problemi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ esperti u individwi fi grupp ta’ fokus.

    Fir-rigward tal-isfidi sostantivi , l-inkarigu ta’ gruppi vulnerabbli deher f’ċerti każi diffiċli. Anki l-inkarigu ta’ setturi statutorji u parteċipanti tar-reklutaġġ għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kien ta’ sfida. Dan għamel, barra minn hekk, l-inkarigar tagħhom fil-proġett usa’ impossibbli li jinkiseb. Ir-riċerka f’ħabsijiet ma kinitx faċli wkoll minħabba l-aċċess limitat disponibbli. Problema aktar importanti hija d-diffikultà fil-livell operattiv b’rabta mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tar-riżultati.

    Fuq bażi tal-analiżi tal-istrateġiji ta’ disseminazzjoni proposti, ir-riżultat mistenni mhux kompletament sodisfaċenti meta wieħed iqis li ftit mill-proġetti tlestew. Jista’ jiġi konkluż li fil-maġġoranza tal-każijiet, l-outputs tal-proġetti rarament laħqu lil xi ħadd lil hinn mill-imsieħba tal-proġett, minkejja li hemm xi eżempji tajbin ukoll, fejn riżultati ta’ proġett ġew/ser jiġu preżentati f’avvenimenti professjonali internazzjonali fuq skala kbira. L-aktar strateġija komuni ta’ disseminazzjoni hija t-twaqqif ta’ websajt fuq l-internet speċjalizzat għall-proġett jew it-tqegħid ta’ xi informazzjoni f’websajt tal-koordinatur jew tal-imsieħba li tkun diġà eżistenti. Peress li m’hemm l-ebda rekwiżit elaborat stabbilit f’termini ta’ x’tip ta’ informazzjoni għandha tiġi provduta dwar il-programmi u l-lingwa tal-informazzjoni, il-livell tal-komunikazzjoni tvarja fost il-proġetti individwali. Il-viżibilità tal-appoġġ tal-Komunità qiegħed ivarja wkoll. Madankollu, l-organizzazzjonijiet kollha li ngħataw appoġġ jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi.

    Bħalissa m’hemm l-ebda stateġija ċentralizzata stabbilita rigward il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-kisbiet tal-proġetti jew attivitajiet iffinanzjati taħt id-DPIP.

    Effiċjenza tal-Programm DPI

    Ir-riżultati tal-istħarriġ fost il-benefiċjarji tal-għotjiet urew li kien hemm kuntentizza ġenerali tal-ġestjoni tal-Kummissjoni tad-DPIP.

    L-applikanti laqgħu l-introduzzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni onlajn appoġġjata mis-sistema tal-ġestjoni tal-għotjiet elettronika PRIAMOS sa mill-2008. L-introduzzjoni tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni elettronika naqqset il-piż amministrattiv tal-applikanti u l-ispejjeż tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni. L-istħarriġ wera wkoll li b’mod ġenerali l-benefiċjarji qiesu l-gwida u l-appoġġ mill-Kummissjoni utli fil-fażi tal-applikazzjoni u matul l-implimentazzjoni kollha tal-attivitajiet.

    Minkejja l-evalwazzjoni pożittiva ġenerali, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet.

    Għalkemm il-Kummissjoni kienet ġeneralment ċara bil-gwida tagħha, irriżultaw problemi minabba li ħadet ħafna ħin sabiex tirrispondi għal mistoqsijiet li jikkonċernaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż. Arranġamenti ta’ rappurtar rigward il-progress u kisbiet tqiesu bħala xierqa, ċari u faċli għall-użu mill-utent. Min-naħa l-oħra, il-benefiċjarji esperjenzaw diversi diffikultajiet u esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-burokrazija eċċċessiva konnessa mar-rappurtar finanzjarju kif ukoll man-nuqqas tal-flessibiltà f’każ ta’ bidliet li jridu jsiru fl-applikazzjonijiet oriġinali.

    In-nuqqas l-iktar importanti, madankollu, hu l-proċedura ta ’ għoti li tieħu fit-tul. Din taffettwa primarjament il-bidla f’waqtha tal-proġetti u li tirriżulta ta’ spiss fil-ħtieġa li l-proposta oriġinali tiġi emendata. Il-problema hija partikolarment rilevanti f’każ tal-għotjiet operattivi li għandhom jagħtu appoġġ għall-ispejjeż operattivi ġenerali ta’ entità għal sena baġitarja speċifika. Għalhekk, m’hemmx flessibilità f’termini ta’ skedar (mill-ġdid) tal-attivitajiet.

    Din mhijiex biss problema operattiva għall-benefiċjarji tal-għotja, iżda għandha effett negattiv fuq il-prestazzjoni tad-DPIP b’kontradizzjoni tal-prijoritajiet tal-politika attwali.

    Minkejja l-introduzzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tal-għotja elettronika sa ċertu punt issimplifikat il-proċedura, irrilaxxat ċerti riżorsi tal-Kummissjoni, speċjalment f’termini ta’ kompiti amministrattivi relatati mal-ġestjoni fiżika u reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet, aċċellerazzjoni sinifikanti tal-proċedura ma nkisbitx. Elementi tal-proċedura imposti mill-att bażiku (konsultazzjoni tal-Istati Membri u d-dritt għal skrutinju tal-Parlament Ewropew) u r-rekwiżiti amministrattivi għall-ipproċessar ta’ numru kbir ta’ dokumenti ta’ appoġġ jibqgħu ostakolu konsiderevoli.

    Barra minn hekk, il-ġestjoni ta’ proċess amministrattiv li jieħu tul ta’ ħin tnaqqas riżorsi prezzjużi mill-monotoraġġ iffukat fuq is-sustanza jew attivitajiet ta’ gwida, id-disseminazzjoni tar-riżultati u l-użu tal-outputs. Dan kien ukoll wieħed mill-punti rikorrenti li tqajjem mill-benefiċjarji b’relazzjoni mal-ġestjoni tal-Kummissjoni.

    Sostenibbiltà tal-Programm DPI

    Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà hija aktar importanti hekk kif it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku wassal għal tnaqqis fil-baġits allokati għall-politika dwar id-drogi fil-livell nazzjonali. Din il-konklużjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2009 – 2012)[10] ġiet konfermata mill-istħarriġ konkluż fost il-benefiċjarji tal-għotjiet għas-sejħiet tal-2007 u l-2008.

    L-evalwazzjoni indikat li proġetti jiddependu ħafna fuq il-finanzjament tal-UE għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet u għall-impatt fuq l-art. Id-detenturi ta’ għotjiet iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fis-sejba ta’ kofinanzjament minn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra kif ukoll fl-iżgurar ta’ finanzjament kontinwu mill-Kummissjoni u istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għal organizzazzjonijiet iżgħar bħal NGOs jew assoċjazzjonijiet, b’riżorsi finanzjarji limitati. Għalkemm il-maġġoranza tal-partijiet interessati involuti fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tad-DPIP stqarru li kienu qed jagħmlu sforzi sabiex isibu prospetti finanzjarji ġodda, f’ħafna mill-każijiet, sorsi oħra ta’ finanzjament ma kinux aċċessibbli.

    B’mod ġenerali, il-proġetti stabbilixxew attivitajiet u għodod, li jistgħu jsostnu lilhom infushom fuq perjodu ta’ żmien itwal. Eżempji ta’ riżultati sostenibbli prodotti fil-qafas tad-DPIP jinkludu l-istabbiliment u l-konsolidazzjoni ta’ sħubijiet transnazzjonali u l-iżvilupp ta’ ġabra ta’ għodod u pubblikazzjonijiet.

    Ir-riżultati tal-evalwazzjoni juru wkoll li sħubijiet stabbiliti u konsolidati fil-qafas tad-DPIP x’aktarx ikomplu wara li l-finanzjament tal-Kummissjoni jkun waqaf u jista’ jirriżulta f’attivitajiet ġodda fil-futur qrib.

    Finalment, minħabba l-enfasi tal-proġetti fuq l-iżvilupp ta’ għodod li jistgħu jintużaw mill-udjenzi speċifiċi sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-pubbliku destinatarju aħħari, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li (mill-inqas xi wħud mill-) impatti tad-DPIP ser ikunu sostenibbli u li udjenzi speċifiċi jkunu jistgħu jużaw ir-riżultati prodotti mill-attivitajiet implimentati.

    KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

    L-evalwazzjoni Interim ikkonfermat ir-rilevanza tad-DPIP. Il-valutazzjoni tiegħu tat prova li kemm l-oġġettivi ġenerali u dawk speċifiċi huma rilevanti għall-ħtiġijiet u l-problemi tal-pubbliku destinatarju. Ikkonkludiet ukoll li matul l-ewwel 3 snin tal-implimentazzjoni tiegħu, il-Programm DPI seta’ jiftaħar b’ċerti kisbiet f’termini ta’ lħuq tal-oġġettivi tiegħu li kienu stabbiliti oriġinarjament, u wera l-potenzjal għall-ksib ta’ riżultati tajbin fil-qasam, minkejja r-riżorsi finanzjarji limitati tiegħu.

    Il-baġit limitat madankollu qed jipprevenji l-ksib ta’ impatt fuq skala kbira b’dimensjoni konsiderevoli tal-UE li llimitat ukoll in-numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti. Sabiex jiġi rinfurzat il-programm sabiex ikun jista’ jikseb ir-riżultati għal żmien twil ħafna fil-livell tal-UE hemm il-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi finanzjarji tiegħu bl-għan li jkun hemm strument finanzjarju komprensiv fil-ġejjieni fil-qasam tad-drogi.

    Ir-riżultati tal-evalwazzjoni kkonfermaw li m’hemmx diffikultajiet kbar li qed ixekklu l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programm. Madankollu, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tad-DPIP fi ħdan il-qafas eżistenti, sabiex jissaħħaħ l-impatt tiegħu u tittejjeb l-implimentazzjoni hemm il-ħtieġa ta’ ċerti aġġustamenti. Il-Kummissjoni pproponiet il-miżuri li ġejjin sabiex tindirizza dawn:

    Dimensjoni tal-UE miżjuda u valur miżjud u impatt tal-UE

    Sabiex tinkiseb il-viżibilità għall-programmi u sabiex jiġi żgurat li l-proġetti jiksbu impatt li ma jkunx limitat biss għal-livell lokali jew reġjonali, għandhom jiġu favoriti proġetti usa’ u elaborati aħjar b’valur miżjud tal-UE ogħla u sostenibbiltà. Għat-twettiq ta’ attivitajiet b’dimensjoni, kopertura u sostenibbiltà Ewropej wesgħin, il-possibiltajiet tad-DPIP għandhom jiġu ssimplifikati u l-finanzjament disponibbli limitat għandu jkun konċentrat fuq azzjonijiet multiannwali implimentati minn diversi msieħba. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ser tevalwa l-valur miżjud tal-għotjiet operattivi provduti għal organizzazzjonijiet biss għal sena baġitarja waħda li kellha impatt limitat s’issa.

    Il-Kummissjoni għandha tkompli ssaħħaħ is-sinerġiji bejn l-istrumenti finanzjarji li jappoġġjaw l-oġġettivi tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drogi. Il-kooperazzjoni u komunikazzjoni fost il-programmi għandhom jiżdiedu (b’mod partikolari bejn l-ISEC u d-DPIP u d-DPIP u l-Programm dwar is-Saħħa Pubblika) fil-livell ta’ tħejjija ta’ programmi matul il-formolazzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u sabiex jippermettu lill-benefiċjarji jiffukaw l-applikazzjonijiet tagħhom b’mod aktar effiċjenti.

    Effiċjenza miżjuda tal-ġestjoni tad-DPIP

    Il-proċeduri li jieħdu fit-tul u amministrattivament esiġenti ġew identifikati bħala ostaklu ewlieni għas-suċċess. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ser tieħu miżuri sabiex tnaqqas iż-żmien li jittieħed bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti u l-konklużjoni attwali tal-ftehim tal-għotja sabiex titħaffef il-provvista ta’ finanzjament. Kunsiderazzjonijiet oħra għandhom jittieħdu sabiex jiġu indirizzati l-obbligi proċedurali imposti mill-att bażiku, jiġifieri l-konsultazzjonijiet dwar l-eżitu tal-għażla tal-benefiċjarji mal-kumitat tad-DPIP u l-Parlament Ewropew, li għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest ta’ perspettivi finanzjarji futuri.

    Ġie kkonfermat li l-abolizzjoni tal-proċess tal-applikazzjoni bbażat fuq il-karta kellha impatt pożittiv fuq il-ġestjoni, u ġiet perċepita mill-pubbliku destinatarju tad-DPIP pożittivament. Is-sistema PRIAMOS il-ġdida pruvat l-utilità tagħha u wriet potenzjal tajjeb sabiex issir interfaċċja integrata tal-komunikazzjoni mal-applikanti u benefiċjarji. Il-Kummissjoni ser tieħu miżuri ulterjuri sabiex ittejjeb il-funzjonalitajiet u l-ħeffa sabiex jiġi faċilitat it-trasferiment gradwali tal-proċess tal-ġestjoni tal-għoti kollu għaliha.

    Disseminazzjoni mtejba u użu aħjar tar-riżultati

    L-evalwazzjoni identifikat ċerti nuqqassijiet b’rabta mal-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati taħt id-DPIP. Ġie indikat li jekk ir-riżultati jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ċentralment, dan ma jikkontribwixxix biss direttament għal wieħed mill-oġġettivi speċifiċi tad-DPIP iżda jippermetti wkoll il-ġenerazzjoni ta’ proġetti aħjar. Dan jgħin lill-benefiċjarji attwali u futuri kif ukoll il-Kunnissjoni sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u jippermetti li jkompli jsir xogħol fuq il-kisbiet diġà eżistenti.

    [1] Deċiżjoni Nru. 1150/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-Programm Speċifiku “Prevenzjoni u informazzjoni dwar id-Droga bħala parti mill-Programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja"

    [2] L-istudju mħejji mill-Konsorzju għall-Valutazzjoni Ewropea. Fiż-żmien tal-assenjazzjoni, il-konklużjoni tal-ftehimiet tal-għotjiet taħt is-sejħa għall-proposti għall-għotjiet ta’ azzjoni 2009/2010 kienet għadha għaddejja. Għalhekk, dawn il-benefiċjarji ma kinux inklużi fl-istħarriġ.

    [3] Is-sejħiet għall-proposti tal-2007, 2008 u 2009/2010 inklużi

    [4] Diversi organizzazzjonijiet ipparteċipaw f’iktar minn proġett wieħed jew kienu benefiċjarji għal għotja operattiva matul l-ewwel erba’ snin tad-DPIP. Dawn l-organizzazzjonijiet ġew ikkunsidrati darba biss għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru totali kumulattiv ta’ benefiċjarji ta’ għotjiet.

    [5] JLS/2007/C4/005 — Analiżi dettaljata tal-operat tas-suq dinji ta’ drogi illeċiti u ta’ miżuri ta’ politika li jillimitawh

    [6] Rapport Annwali EMCDDA 2010

    [7] 125/2007/JHA

    [8] Att bażiku Deċiżjoni Nru. 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-13)

    [9] B’mod partikolari l-Programm Ġenerali "Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet", "Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni" u s-7 Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp

    [10] KUMM(2010) 630 Rapport finali mill-Kummissjoni tar-reviżjoni tal-progress 2010 tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra d-Drogi (2009-2012) SEC(2010) 1321

    Top