EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0204

RAPPORT KONĠUNT LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW RAPPORT ANNWALI ĦONG KONG 2010

/* KUMM/2011/0204 finali */

52011DC0204

RAPPORT KONĠUNT LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW RAPPORT ANNWALI ĦONG KONG 2010 /* KUMM/2011/0204 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | IR-RAPPREżENTANT GħOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TAS-SIGURTÀ |

Brussel 14.4.2011

KUMM(2011) 204 finali

RAPPORT KONĠUNT LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

RAPPORT ANNWALI ĦONG KONG 2010

Ir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta’ Ħong Kong: Rapport Annwali 2010

Introduzzjoni

Minn mindu Ħong Kong għadda f'idejn it-Territorju Prinċipali taċ-Ċina aktar minn tlettax-il sena ilu, l-Unjoni Ewropea segwiet mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u politiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS) ta' Ħong Kong, sabiex iżżomm l-impenn li tat lill-Parlament Ewropew fl-1997 li toħroġ rapport annwali dwar l-iżviluppi f'Ħong Kong. Dan huwa t-tlettax-il rapport, li jkopri l-iżviluppi fl-2010.

Matul l-2010, il-prinċipju ta' 'pajjiż wieħed, żewġ sistemi', kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Sino-Brittanika u l-Liġi Bażika ta' Ħong Kong, baqa' jaħdem tajjeb, peress li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu ta' Ħong Kong ġew rispettati, l-istat tad-dritt ġie mħares u s-sistema ekonomika u l-ambjent tan-negozju baqgħu l-istess.

Ir-relazzjonijiet u l-koperazzjoni bilaterali bejn l-UE u Ħong Kong baqgħu għaddejjin 'il quddiem fi triq pożittiva, f'termini ta' kummerċ, investiment u djalogu fi kwistjonijiet ta' interess komnuni. L-UE baqgħet it-tieni l-aħbar sieħeb kummerċjali ta' Ħong Kong. Hija l-akbar sors ta' investiment dirett barrani (FDI) ta' Ħong Kong wara t-Territorju Prinċipali taċ-Ċina u l-Gżejjer Verġni Brittanniċi. Ħong Kong żamm l-importanza strateġika tiegħu bħala sieħeb kummerċjali u ta' investiment tal-UE b'waħda mill-akbar komunitajiet tan-Negozju Ewropew fl-Asja u bħala fus finanzjarju u ekonomiku fir-reġjun.

L-UE tkompli tappoġġja bis-sħiħ progress bikri u sostanzjali lejn l-għan ta' suffraġju ġenwin universali, kif stabbilit fil-Liġi Bażika ta' Ħong Kong SAR u f’konformità max-xewqa tan-nies ta’ Ħong Kong.

Żviluppi politiċi

L-2010 kienet sena kruċjali għall-iżvilupp kostituzzjonali ta' Ħong Kong, iddominat minn taħdidiet politiċi intensivi dwar riforma elettorali.

F'Ġunju, Ħong Kong għamel pass importanti 'l quddiem meta l-Kunsill Leġiżlattiv approva l-Proposti għall-Metodi tal-Għażla tal-Kap Eżekuttiv u għall-Iffurmar tal-Kunsill Leġiżlattiv fl-2012. Skont din il-leġiżlazzjoni, fl-2012 il-kumitat li jeleġġi l-kap eżekuttiv se jkun estiż minn 800 għal 1200 membru kif ukoll in-numru ta' siġġijiet fil-Kunsill Leġiżlattiv minn 60 għal 70 membru. Il-proporzjon 50:50 tas-siġġijiet leġiżlattivi eletti direttament mill-pubbliku u dawk eletti permezz tal-membri tal-kostitwenzi funzjonali (kif stabbilit mid-deċiżjoni tal-2007 tal-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali) baqa' l-istess.

Mill-għaxar siġġijiet il-ġodda li żdiedu mal-Kunsill Leġiżlattiv, ħamsa kienu allokati lill-kostitwenzi ġeografiċi eletti direttament u l-ħamsa l-oħra lill-kostitwenzi fonzjonali. Il-ħames siġġijiet il-ġodda tal-kostitwenza funzjonali se jimtlew minn membri eletti direttament tal-Kunsill Distrettwali, li huma korpi tal-gvern lokali. Dan ifisser li 3.2 miljun votanti rreġistrati li bħalissa m'għandhomx id-dritt li jeleġġu xi leġiżlaturi ta' kostitwenza funzjonali se jkunu eliġibbli biex jivvotaw għall-ħames siġġijiet il-ġodda tal-kostitwenza funzjonali.

Fil-25 ta' Ġunju, il-Kap Eżekuttiv Donald Tsang qal li kienet "rebħa għall-arranġamenti ta' pajjiż wieħed, żewġ sistemi". Aktar tard, fid-diskors politiku tiegħu ta' Ottubru, hu saħaq li Ħong Kong ħa pass deċiżiv lejn is-suffraġju universali meta l-pakkett kostituzzjonali tal-2012 għadda mill-Kunsill Leġiżlattiv, u ġiet irrealizzata l-aspirazzjoni tal-komunità li tibqa' miexja 'l quddiem bl-iżvilupp kostituzzjonali

Fil-25 ta' Ġunju 2010, il-kelliem għar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, ħareġ stqarrija li ħadet nota tal-approvazzjoni tal-Kunsill Leġiżlattiv tar-riformi elettorali tal-2012 u saħaq li l-UE tibqa' tappoġġja bis-sħiħ progress bikri u sostanzjali lejn l-għan ta' suffraġju ġenwin universali skont il-Liġi Bażika ta' Ħong Kong u l-standards internazzjonali. Hu temm billi qal li din kienet l-aħjar garanzija ta' stabbiltà u prosperità għall-poplu ta' Ħong Kong.

Il-proċess leġiżlattiv kien diffiċli. Fil-bidu kien hemm oppożizzjoni għall-proposti tal-Gvern mill-partiti pandemokratiċi kollha. F'Mejju saru elezzjonijiet każwali li skattaw wara r-riżenja ta' ħames leġiżlaturi pandemokratiċi f'Jannar li argumentaw li l-elezzjonijiet każwali jikkostitwixxu "referendum de facto" dwar il-pass tal-iżvilupp demokratiku. Il-ħames leġiżlaturi kollha reġgħu ħadu posthom fl-elezzjoni każwali b'numru baxx ħafna ta' votanti (17%) u fejn ma ħadux sehem il-partiti li jappoġġjaw il-gvern. Fi sforz biex jinstab kompromess li jevita t-tieni ċaħda tal-pakkett ta' riforma elettorali mil-leġiżlatura, uffiċjali mit-Territorju Prinċipali u l-mexxeja pandemokratiċi ta' Ħong Kong iltaqgħu għall-ewwel darba mill-avvenimenti ta' Tiananmen fl-1989. Il-gvern ċentrali aċċetta l-proposta tal-Partit Demokratiku biex jippermetti lill-votanti rreġistrati (aktar milli sempliċiment il-kunsilliera distrettwali eletti) f'Ħong Kong biex jivvutaw għall-ħames siġġijiet il-ġodda kollha tal-kostitwenza funzjonali u eventwalment il-proposta l-ġdida ġiet approvata mil-leġiżlatura mill-maġġoranza neċessarja ta' żewġ terzi. L-UE hi sodisfatta ħafna bid-djalogu, li ppermetta li din il-proposta tgħaddi.

Il-Kap Eżekuttiv Donald Tsang għamilha ċara fid-diskors politiku tiegħu ta' Ottubru li l-gvern tiegħu mhux se jilleġiżla fuq il-kwistjoni tas-sigurtà nazzjonali skont l-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika matul it-terminu tiegħu. Tsang qal li għalkemm kien dover kostituzzjonali, hu kien se jiffoka l-enerġija tiegħu fuq kwistjonijiet aktar urġenti bħall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li se tpoġġi fis-seħħ it-tibdiliet għar-riforma elettorali fil-ħin għall-2012 u jirrisolvi kwistjonijiet tal-mod tal-għajxien.

Il-Prim Imħallef il-ġdid ta' Ħong Kong, Geoffrey Ma, inħatar f'Settembru tal-2010 fejn iddikjara li kien se jiddefendi l-istat tad-dritt fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali u wiegħed li jipproteġi bil-ħeġġa l-integrità tal-qrati tal-belt.

Il-leġiżlaturi ta' Ħong Kong minn madwar l-ispektrum politiku kollu esprimew appoġġ għall-attivist Ċiniż Zhao Lianhai li ntbagħat il-ħabs, li organizza grupp ta' ġenituri biex ifittex kumpens għat-tfal milquta minn ħalib imniġġes bil-melamina fit-Territorju Prinċipali. Uħud minnhom kienu wkoll iffirmaw petizzjoni lill-Qorti Suprema tal-Poplu biex jappellaw għall-ħelsien tal-attivist. Kienet ippreżentata wkoll petizzjoni konġunta minn 28 deputat ta' Ħong Kong fil-Kungress Popolari Nazzjonali lill-Qorti, tħeġġeġ għal sentenza aktar ħanina fil-każ. Zhao Lianhai inħeles fuq libertà kundizzjonata fuq bażi medika f'Diċembru tal-2010.

Fit-23 ta' Awwissu tal-2010 seħħew il-ġrajjiet traġiċi fil-Filippini fejn turisti minn Ħong Kong li kienu f'karozza ittieħdu bħala ostaġġ f'Manila, att li rriżulta fil-mewt ta' tmien persuni minn Ħong Kong u fejn oħrajn indarbu. L-UE esprimiet il-kondoljanzi u l-appoġġ tagħha għall-poplu ta' Ħong Kong.

Ir-rabtiet bejn Ħong Kong u t-Tajwan baqgħu jespandu fl-2010 permess taż-żjara tas-Segretarju Finanzjarju ta' Ħong Kong John Tsang fit-Tajwan f'Awwissu. F'Mejju f'Ħong Kong gie stabbilit il-Kunsill ta' Kooperazzjoni Ekonomika u Kulturali Tajwan - Ħong Kong. Iż-żewġ naħat qablu li jsaħħu l-iskambji u l-kooperazzjoni fuq il-kummerċ, il-finanzi, il-promozzjoni tal-investiment u t-turiżmu.

F'termini ġenerali, l-UE temmen li matul l-2010 l-implimentazzjoni tal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" fir-RAS Ħong Kong baqa' sodisfaċenti u d-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu ta' Ħong Kong, iggarantiti fid-Dikjarazzjoni Sino-Brittanika u l-Liġi Bażika, baqgħu jiġu rrispettati.

Żviluppi ekonomiċi u Kummerċjali

L-ekonomija ta' Ħong Kong irkuprat sew mill-kriżi finanzjarja globali meta dħalna fl-2010. Il-PDG żdied b'7.1% f'termini reali matul l-ewwel tliet kwarti tal-2010, wara li naqas b'2.7% fl-2009. Il-miżuri li introduċa l-Gvern matul dan il-perjodu ta' kriżi kienu tajbin biex jilqgħu għar-riskji esterni u jibqa' jkun hemm fiduċja. It-tkabbir ta' wara l-kriżi kien imwieżen mill-ekonomija robusta tat-Territorju Prinċipali taċ-Ċina, rilanċ f'saħħtu fl-esportazzjoni lejn is-swieq Ażjatiċi, flussi abbundanti 'l ġewwa ta' likwidità kif ukoll żieda fil-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozju. Is-suq tax-xogħol kien stabbli u r-rata tal-qgħad niżlet għal-livell l-aktar baxx f'sentejn għal 4.1% fi tliet xhur sa Novembru 2010[1]. Madankollu, il-pressjoni tal-inflazzjoni ħarġet fid-dieher flimkien mal-irkupru ekonomiku sostnut u żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni. L-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur għall-2010 kienet ta' 2.3%[2] u x'aktarx ix-xejra taż-żieda se tkompli matul l-2011.

Fl-2010, Ħong Kong ġibed lejh flussi abbundanti ta' likwidità internazzjonali fis-swieq tal-assi fi ħdan ambjent monetarju globali rilassat. Minħabba r-rabta bejn id-dollaru ta' Ħong Kong u tal-Istati Uniti ma kienx hemm il-possibbiltà ta' politiki monetarji biex tiġi indirizzata l-pressjoni tal-prezzijiet tal-assi. Bħala konsegwenza, it-tnaqqis tar-riskju ta' bużżieqa tal-assi sar sfida kbira għall-Gvern tar-RAS Ħong Kong matul l-2010. Minkejja l-impatt negattiv tar-rabta preżenti fuq il-movimenti tal-prezzijiet tal-assi u l-inflazzjoni, l-awtoritajiet ta' Ħong Kong tennew pubblikament il-pożizzjoni tagħhom li jżommu s-Sistema ta' Rabta tar-Rata tal-Kambju (rabta tal-HKD-USD) li ilha fis-seħħ mill-1983.

Ħong Kong wessa' r-rwol tiegħu fl-internazzjonalizzazzjoni tal-munita tat-Territorju Prinċipali, ir-Renminbi (RMB). Bl-appoġġ tal-Gvern Ċentrali, flimkien mal-kompetenza finanzjarja u l-infrastruttura li jista' joffri Ħong Kong, sa issa Ħong Kong kien kapaċi jippożizzjona ruħu li jkun ta' quddiem nett bħala ċentru offshore għan-negozju u l-prodotti fir-RMB. Matul l-2010, iċ-Ċina progressivament irrilassat ir-regoli tagħha fuq it-trasferimenti kapitali tal-RMB, saldi transkonfinali, ħruġ ta' bonds korporattivi u aċċess għas-suq interbond tagħha, bl-għan li ttejjeb iċ-ċirkolazzjoni tal-fondi RMB offshore. Fl-istess waqt, in-negozju RMB f'Ħong Kong qabad b'mod serju u sostnut, fejn ra livelli telgħin u livelli rekord ta' depożiti RMB, tranżazzjonijiet ta' saldi kummerċjali transkonfinali u t-tkabbir ta' finanzjament u prodotti ta' investiment iddenominati f'RMB. Ħong Kong żamm ukoll il-pożizzjoni ewlenija tiegħu fl-akbar suq globali tal-IPO fl-2010.

Ħong Kong u ċ-Ċina komplew jibnu rabtiet aktar f'saħħithom fl-ekonomija u l-kummerċ permezz tal-Arranġmanet għal Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib (CEPA). Is-seba' suppliment għas-CEPA ġie ffirmat f'Mejju tal-2010, li permezz tiegħu ċ-Ċina introduċiet aktar miżuri ta' liberalizzazzjoni fis-servizzi lill-fornituri tas-servizzi f'Ħong Kong, biex b'hekk in-numru ta' setturi ta' servizzi li ġew illiberalizzati skont is-CEPA huwa ta' 44. L-UE kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-Gvern ta' Ħong Kong biex titqassam l-informazzjoni dwar is-CEPA lill-komunità Ewropea tan-negozju.

Rigward l-integrazzjoni reġjonali, Ħong Kong u l-provinċja Ċiniża ta' Guangdong ħadu aktar passi biex jistituzzjonalizzaw il-kooperazzjoni u l-iskambji tagħhom permezz ta' ftehim qafas li ġie approvat mill-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika Popolari Ċiniża u ffirmat fis-7 t'April 2010. Dan jimmira li jippromwovi żvilupp soċjoekonomiku f'Ħong Kong u Guangdong u biex jikkapitalizza fuq il-kompetittività tal-industrija tas-servizzi ta' Ħong Kong u l-industriji tal-manifattura ta' Guangdong biex tinbena bażi avvanzata globali ta' manifattura u servizzi moderni.

Filwaqt li żamm l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-multilateraliżmu fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, Ħong Kong dan l-aħħar sar aktar attiv fl-innegozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs). Minbarra s-CEPA mat-Territorju Prinċipali taċ-Ċina, Ħong Kong iffirma Ftehim ta' Sħubija Ekonomika aktar mill-Qrib ma' New Zealand fid-29 ta' Marzu 2010, l-ewwel FTA ma' pajjiż barrani. In-negozjati dwar FTA mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) bdew f'Jannar tal-2010 u hu rrappurtat li se jitlestew dalwaqt. Ħong Kong beda wkoll taħdidiet preparatorji maċ-Ċili, il-Peru u l-Malasja. F'Diċembru tal-2010 id-WTO għamlet reviżjoni tal-politika kumerċjali bejn Ħong Kong u ċ-Ċina. Bħar-reviżjonijiet preċedenti tad-WTO dwar il-politika kummerċjali, din stqarret li Ħong Kong baqa' wieħed mill-aktar reġimi ta' investiment barrani liberali u trasparenti, u għandu waħda mill-aktar ekonomiji globali miftuħin u orjentati lejn is-suq.

Diversi proposti leġiżlattivi importanti jew ġew introdotti jew għaddew fl-2010. F'Lulju, Ħong Kong għadda l-ewwel liġi tiegħu dwar il-paga minima. Il-Kunsill Leġiżlattiv adotta l-proposta tal-grupp ta' ħidma maħtur mill-gvern biex jistabbilixxi livell ta' paga minima ta' HK$28 fis-siegħa (madwar €2.80). Il-liġi dwar il-paga minima se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2011.

Avveniment importanti ieħor kien l-introduzzjoni ta' abbozz ta' liġi tal-kompetizzjoni. L-abbozz ta' liġi, (jikk jiġi adottat) se jara t-twaqqif ta' Kummissjoni tal-Kompetizzjoni bir-responsabbiltà tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' prattiċi li jmorru kontra l-kompetizzjoni li jaqgħu taħt l-ambitu tal-liġi tal-kompetizzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet preżenti tax-xandir u t-telekomunikazzjoni jgawdu minn ġuriżdizzjoni parallela fuq kwistjonijiet marbuta ma' wieħed minn dawk l-oqsma distinti. Il-liġi se tara wkoll it-twaqqif ta' Tribunal tal-Kompetizzjoni. L-UE hi sodisfatta bl-introduzzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni f'Ħong Kong għaliex nemmnu li l-politika ta' kompetizzjoni hi attribut importanti f'ekonomija tas-suq li taħdem sew. Din toħloq kundizzjonijiet indaqs għad-ditti, issaħħaħ l-effiċjenza ekonomika u tħares il-kummerċ ħieles għall-benefiċċju tal-konsumatur.

Fit-3 ta' Marzu 2010 Ħong Kong lesta l-proċess leġiżlattiv għad-dħul fis-seħħ tal-liġi u d-dipożizzjonijiet dwar l-iskambju tal-informazzjoni skont il-verżjoni tal-2004 tal-Mudell tal-Konvenzjoni tat-Taxxa tal-OECD. Il-liġi tat-taxxa tipprovdi għal skambju ta' informazzjoni jekk tintalab biss. Bħala tweġiba għad-domanda pubblika, Ħong Kong inkluda salvagwardi fil-Ftehimiet komprensivi individwali dwar it-Taxxa Doppja ("CDTAs") fejn ipprovda salvagwardji statutorji proċedurali addizzjonali fil-mod kif tiġi ttrattata talba għal skambju ta' informazzjoni minn ġuriżdizzjoni barranija. Matul l-2010, Ħong Kong iffirma 14 minn dawn it-trattati dwar it-taxxa CDTAs (7 minnhom ma' Stati Membri tal-UE). In-netwerk dejjem jikber ta' trattati bilaterali tat-taxxa hu mistenni li jġib miegħu negozju u kummerċ ġdid u opportunitajiet ta' investiment għall-partijiet kollha.

Ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong

Fl-2010, ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong baqgħu jikbru. Ħong Kong huwa attur importanti fir-reġjun u jservi ta' pjattaforma ta' intermedjazzjoni għall-flussi ta' kummerċ u investiment bejn l-UE u t-Territorju Prinċipali taċ-Ċina.

Fl-2010, l-UE żammet il-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ Ħong Kong wara t-Territorju Prinċipali taċ-Ċina. Bil-maqlub, fl-istess sena, Ħong Kong kien is-16-il akbar sieħeb kummerċjali tal-UE. Il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u Ħong Kong irkupra b'mod robust u żdied b'29.9% matul l-ewwel disa' xhur tal-2010, fejn laħaq l-EUR 37.9 biljun.

Wara t-Territorju Prinċipali taċ-Ċina u l-Gżejjer Verġni Brittanniċi, l-UE kienet l-akbar investitur barrani f'Ħong Kong fejn tikkontribwixxi 9.9% tat-total tal-istokk FDI fl-2009. L-investiment ta' Ħong Kong fl-Ewropa kien qed jiżviluppa kontinwament, bħala wieħed mis-sorsi l-kbar ta' investiment dirett fl-Asja.

Minkejja l-kriżi ekonomika globali, Ħong Kong għadu jilqa' fih waħda mill-akbar komunitajiet kummerċali tal-Ewropa fl-Asja u għadu qed jattira numru kbir ta' ċittadini Ewropej biex jgħixu u jaħdmu fit-territorju, li jammontaw għal madwar 31,100 sa tmiem l-2010 skont iċ-ċifri uffiċjali tal-Immigrazzjoni ta' Ħong Kong. L-UE hi l-akbar sors ta' kumpaniji barranin f'Ħong Kong b'423 kwartieri reġjonali, 654 uffiċċju reġjonali u 590 uffiċċju lokali minn Ġunju tal-2010[3], li jiżboq in-numru tal-Istati Uniti u l-Ġappun. Il-preżenza tan-negozju tal-UE tkopri varjetà kbira ta' setturi, l-aktar fis-servizzi finanzjarji u tan-negozju, il-kummerċ, il-loġistika, il-kostruzzjoni u l-bejgħ bl-imnut. Illum il-kumpaniji tal-UE huma fost l-oħrajn, atturi ewlenin fis-setturi tal-banek, tal-assigurazzjoni u tat-titoli f'Ħong Kong.

Ir-4a laqgħa ta' Djalogu Strutturat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern ta' Ħong Kong RAS saret fi Brussell fit-22 ta' Novembru 2010. Il-laqgħa kopriet firxa ta' kwistjonijiet li jvarjaw minn relazzjonijiet ekonomiċi, inklużi l-kummerċ u l-investiment, sal-avjazzjoni, l-ambjent, ir-riċerka, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni. Iż-żewġ naħat innotaw b'sodisfazzjon li r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi ta' bejniethom komplew jissaħħu u l-kummerċ bilaterali reġa' lura għal-livelli li kien hemm qabel il-kriżi finanzjarja. Żdiedu wkoll l-iskambji kostruttivi fuq ir-riforma regolatorja tas-settur tas-servizzi finanzjarji kif ukoll fil-qasam tas-sikurezza tal-ġugarelli.

Wara diversi snin ta' taħdidiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u Ħong Kong, kif ukoll it-tnedija ta' negozjati bilaterali bejn il-Ġermanja u Ħong Kong fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea u Ħong Kong laħqu ftehim fl-2010 dwar kif jirrestawraw iċ-ċertezza legali fil-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru bejn l-UE u Ħong Kong.

L-2010 rat numru ta' zjarat ta' livell għoli minn Brussell għal Ħong Kong. F'Jannar, il-Kummissarju Kuneva (is-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur) żaret Ħong Kong biex tattendi l-Inizjattiva tal-APEC tad-Djalogu Miftuħ dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli. F'Awwissu tal-2010, il-Kummissarju Semeta (it-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi) ltaqa' ma' kontrapartijiet relevanti minn Ħong Kong għal taħdidiet dwar kwistjonijiet marbuta mat-tassazzjoni u d-dwana; filwaqt li feraħ lill-Awtoritajiet ta' Ħong Kong għall-passi 'l quddiem li ħadu fl-implimentazzjoni tal-istadards tal-OECD għal assistenza fi kwistjonijiet tat-taxxi, hu saħaq fuq l-interess kontinwu tal-UE u l-Istati Membri tagħha li tkun stabbilita kooperazzjoni speċifika fuq dħul minn tfaddil ma' Ħong Kong sabiex tiġi żgurata t-tassazzjoni tal-investituri tal-UE skont ir-regoli tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom, kif ipprovdut mid-Direttiva tal-UE dwar it-Tassazzjoni fuq id-Dħul mit-Tifdil u l-ftehimiet li jakkumpanjawha. F'Settembru d-Direttur Ġenerali Deffaa (Tassazzjoni u Unjoni Doganali) mexxa delegazzjoni tal-uffiċjali tad-dwana għat-8ien laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Ħong Kong dwar id-Dwana u l-Kooperazzjoni.

L-attivitajiet tal-Programm tal-UE fuq l-Informazzjoni dwar in-Negozju għal Ħong Kong u l-Makaw (EUBIP), ikkofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u taħt il-maniġment tal-Kamra Ewropea tal-Kummerċ (ECC) f'Ħong Kong, żdiedu fl-għadd tagħhom u saru aktar diversi. Matul l-2010, ingħatat prijorità lir-regolamenti dwar is-servizzi finanzjarji, CEPA, l-ambjent, it-telekomunikazzjoni, id-dwana u t-tassazzjoni. Ġew stabbiliti diversi kunsilli tan-negozju għal numru ta' setturi li fihom in-negozji u l-industriji Ewropej igawdu pożizzjoni minn ta' quddiem, pereżempju teknoloġija tal-informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) u s-servizzi finanzjarji. Huma pprovdew input importanti tal-industrija li d-djalogu tagħna bejn gvern u gvern. L-EUBIP intwera li kien suċċess bħala kanal biex il-komunitajiet tan-negozju tal-UE u ta' Ħong Kong jitftiehmu aħjar.

Ħong Kong jibqa' jkun ċentru ta' stampa libera u ta' espressjoni libera, ċentru reġjonali ewlieni tal-media. Sforzi pubbliċi diplomatiċi tal-UE iffukaw biex jagħmlu lill-UE aktar attiva u viżibbli f'Ħong Kong skont l-istruttura l-ġdida tat-Trattat ta' Lisbona. Mill-1 ta' Jannar 2010, l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għal Ħong Kong irrappreżenta lill-UE bħala koordinatur u negozjatur fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Ħong Kong. It-Trattat ta' Lisbona joffri opportunità għall-UE li tintesifika aktar ir-rabtiet ma' Ħong Kong. B'ħidma mill-qrib mal-uffiċjali tal-Istati Membri tal-UE irrappreżentati fit-territorju, l-Uffiċċju tal-UE kien f'pożizzjoni li jagħti informazzjoni fil-pront u sostanzjali dwar politiki tal-UE dwar il-politika kummerċjali u dawk regolatorji, it-tibdil fil-klima, ir-regolamentazzjoni finanzjarja, id-djalogu interkulturali, u r-rwol tal-UE fid-dinja.

Ħong Kong ħareġ mill-kriżi globali migħajr xi problemi sistemiċi kbar. Il-karatteristiċi fundamentali ekonomiċi u finanzjarji sodi, l-ekonomija miftuħa, u l-ambjent legali stabbli tiegħu ibbażat fuq ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja, huma elementi denji ta' nota biex jiżdiedu l-flussi tal-kummerċ u l-investiment mal-UE kif ukoll biex iservi ta' passaġġ għat-Territorju Prinċipali taċ-Ċina u r-reġjun.

[1] Sors: Id-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta' Ħong Kong.

[2] Sors: Iċ-ċifra tirrappreżenta r-rata ta' tkabbir tal-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Konsumatur (CPI) Kompost għall-ewwel ħdax-il xahar tal-2010, id-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta' Ħong Kong.

[3] Sors: Id-Dipartiment taċ-Ċensiment u l-Istatistika ta' Ħong Kong

Top