Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0186

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt Eurostars

    /* KUMM/2011/0186 finali */

    52011DC0186

    /* KUMM/2011/0186 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt Eurostars


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 8.4.2011

    KUMM(2011) 186 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt Eurostars

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Evalwazzjoni Interim tal-Programm Konġunt Eurostars

    KUNTEST

    Il-Programm Konġunt Eurostars għandu l-għan li jappoġġja lill-SMEs li jwettqu Riċerka u Żvilupp billi jikkofinanzja l-proġetti tagħhom orjentati għas-suq u billi jagħtihom il-qafas legali u organizzattiv meħtieġ. Dan huwa bbażat fuq kooperazzjoni Ewropea fuq skala kbira bejn l-Istati Membri fir-riċerka applikata u l-innovazzjoni fi kwalunkwe qasam teknoloġiku jew industrijali. Dan ġie applikat mill-Istati Membri kollha[1] u minn 6 pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru[2], fil-kuntest ta’ Eureka, organizzazzjoni Intergovernattiva Ewropea responsabbli biex tappoġġja attivitajiet li jwettqu Riċerka u Żvilupp l-eqreb għas-suq[3].

    Permezz tad-Deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-UE ddeċidiet li tipparteċipa fil-finanzjament tal-Eurostars[4] b’kontribuzzjoni sa massimu ta’ EUR 100 miljun għall-perjodu 2008-2013[5], ekwivalenti għal massimu ta’ terz tal-kontribuzzjonijiet effettivi tal-Istati Membri u tal-pajjiżi parteċipanti l-oħra. Is-Segretarjat tal-Eureka huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm u biex jirċievi, jalloka u jissorvelja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE.

    Id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq (minn hawn ’il quddiem id-“Deċiżjoni Eurostars”) hija bbażata fuq l-Artikolu 185 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 169 tat-Trattat KE) li, fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Qafas Multiannwali, tippermetti l-koordinazzjoni tal-programmi ta’ riċerka nazzjonali, permezz ta’ proċedura ta’ integrazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri, li tkopri aspetti xjentifiċi, ta’ ġestjoni u finanzjarji.

    Fid-deċiżjoni Eurostars, il-Parlament u l-Kunsill jirreferu, b’mod partikolari, għall-importanza tal-SMEs għat-tkabbir u l-kompetittività Ewropea, għall-ħtieġa li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jtejbu l-effettività u l-komplementarjetà tal-programmi ta’ appoġġ nazzjonali u Ewropej għall-SMEs[6], għall-importanza tal-promozzjoni tal-innovazzjoni industrijali (inklużi rabtiet mal-Eureka, speċjalment b’referenza għall-SMEs), u għall-importanza tal-koordinazzjoni tal-programmi nazzjonali għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA).

    Fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar l-Inizjattiva Ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni [7], adottata fil-kuntest tal-istrateġija l-ġdida tat-tkabbir tal-UE “Ewropa 2020”[8], il-Kummissjoni kkonfermat l-importanza tal-SMEs, speċjalment dawk b’potenzjal kbir ta’ tkabbir, li kapaċi faċilment jibdlu r-riżultati fi prodotti u servizzi ġodda. Dawn jirrappreżentaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea, filwaqt li jikkontribwixxu bis-saħħa għall-kompetittività u t-tkabbir tagħha. Sar impenn ċar biex jiġu ddisinjati programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE li jiżguraw aċċess sempliċi u involviment aktar b’saħħtu tal-SMEs. Sabiex tilħaq din il-mira, il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-ħtieġa li jintużaw sħubijiet ulterjuri ma’ aġenziji tal-Istat Membri, ibbażati b’mod partikolari fuq l-esperjenza tal-inizjattiva Eureka-Eurostars.

    Il-Kunsill Ewropew għamel talba qawwija biex jiġu ssimplifikati l-istrumenti ta’ finanzjament tar-riċerka u innovazzjoni tal-UE, inklużi dawk għall-SMEs.[9] Il-pajsaġġ Ewropew kurrenti għall-appoġġ tal-SMEs huwa mifrux ferm u l-Kummissjoni Ewropea qiegħda fil-proċess li terġa’ tifformula l-approċċ globali. Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-SMEs biex jixprunaw l-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-fattibilità ta’ skema ta’ Riċerka fl-Innovazzjoni għan-Negozji ż-Żgħar, bħala parti minn eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ġenerali mmirat biex jissodisfa l-bżonnijiet ta’ kumpaniji innovattivi li qed jikbru malajr permezz ta’ approċċ ibbażat fis-suq.

    Ir-Reviżjoni tal-Baġit[10] ipproponiet li l-firxa sħiħa ta’ strumenti tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jaħdmu flimkien f’Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni[11], kunċett li ġie appoġġjat mill-Kunsill Ewropew biex itejjeb l-effiċjenza tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq livell nazzjonali u tal-UE, filwaqt li jippermetti finanzjament uniformi fis-sistema kollha ta’ innovazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ta’ strumenti bl-eliminazzjoni ta’ duplikazzjonijiet potenzjali.

    Id-Deċiżjoni Eurostars tirrikjedi ssir evalwazzjoni interim li ssir sentejn wara l-bidu tal-programm. Din l-evalwazzjoni twettqet minn Grupp ta’ Esperti Indipendenti (“Grupp”), ippresedut mis-Sinjura Laperrouze, ex-Membru tal-Parlament Ewropew u l-Viċi President tal-Kumitat ITRE.

    Fuq bażi ta’ dokumentazzjoni estensiva, studji tal-każijiet, rapporti tal-pajjiżi, u intervisti mal-SMEs u l-partijiet interessati, ir-rapport tal-evalwazzjoni interim (minn issa ’l quddiem ir-“Rapport”) ipprovda analiżi tal-aspetti prinċipali tal-programm Eurostars (operazzjonali u strateġiċi) u rakkomandazzjonijiet kemm dwar il-futur fil-qrib u kif ukoll dak iżjed fil-bogħod. Il-Grupp eżamina, b’mod partikolari, il-progress lejn l-għanijiet prinċipali tal-Eurostars li jappoġġjaw lill-SMEs li jwettqu Riċerka u Żvilupp u li jalinjaw u jissinkronizzaw programmi ta’ riċerka u innovazzjoni nazzjonali.

    Dan ir-rapport jipprovdi opinjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin espressi mill-esperti.

    EVALWAZZJONI INTERIM TAL-GRUPP TA’ ESPERTI INDIPENDENTI: OSSERVAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

    Skont l-Artikolu 13.2 tad-Deċiżjoni Eurostars, l-evalwazzjoni interim għandha tkopri l- progress lejn l-għanijiet stabbiliti fl-Anness 1 tad-deċiżjoni Eurostars; inklużi rakkomandazzjonijiet dwar l-iktar modi xierqa sabiex titjieb aktar l-integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja , tiġi evalwata l-kapaċità tal-SMEs li jwettqu Riċerka u Żvilupp biex ikollhom aċċess għall-Programm Konġunt Eurostars , u tiġi evalwata l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tiegħu .

    Ir-Rapport tal-Grupp kopra dawk l-aspetti kollha u pprovda għadd importanti ta’ fatti, kummenti u rakkomandazzjonijiet. Il-Kummissjoni tqis ir-Rapport kollu[12] bħala parti integrali tal-Proċess ta’ evalwazzjoni interim stabbilit fl-Artikolu 13.2. Il-Kummissjoni għalhekk, fis-subparagrafi li ġejjin, se tenfasizza biss l-aktar sejbiet/rakkomandazzjonijiet rilevanti dwar it-triq ’il quddiem u se tiffoka l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawk.

    Il-progress tal-Eurostars lejn l-għanijiet tiegħu

    Ħtieġa għal Eurostars

    Il-Grupp issuġġerixxa li l-popolazzjoni fil-mira tal-SMEs Ewropej li jwettqu Riċerka u Żvilupp, b’mod konformi mal-għan ewlieni spjegat fl-Anness 1 għad-Deċiżjoni Eurostars qed tintlaħaq u li din il-popolazzjoni tipprovdi ambjent sostenibbli mill-perspettiva tad-domanda. Il-programm, bit-taħlita partikolari tal-karatteristiċi tiegħu, jidher li jindirizza l-ħtiġijiet reali tal-SMEs li jwettqu Riċerka u Żvilupp u attira għadd kbir ta’ applikazzjonijiet, bin-numru ta’ proġetti kkwalifikati jaqbżu l-allokazzjonijiet tal-baġit oriġinali. Peress li l-approċċ miftuħ tal-innovazzjoni qiegħed isir dejjem iżjed prattika komuni u l-importanza rikonoxxuta tar-Riċerka u l-Iżvilupp għall-prestazzjoni tal-SMEs, il-Grupp jemmen li l-domanda għal kollaborazzjonijiet ta’ Riċerka u Żvilupp internazzjonali mill-SMEs x’aktarx li se tikber. Il-Grupp għalhekk jirrakkomanda li l- Eurostars għandu jitkompla wara l-2013 u li fl-edizzjoni li jmiss tal-Programm Eurostars, il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji proposta biex tespandi l-baġit, billi tuża klawżoli ta’ flessibbiltà, biex twieġeb għad-domanda li qiegħda dejjem tikber.

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-interess qawwi tal-SMEs fil-Eurostars. Se jkun importanti li wieħed jara jekk jinżammx dan il-livell tad-domanda u li l-pajjiżi Eurostars ikunu kapaċi jilħquh. Barra minn hekk, attwalment, il-maġġoranza tal-SMEs parteċipanti diġà kienu involuti fir-riċerka internazzjonali, kif spjegat fil-kapitolu 2.3. Huwa kontestabbli jekk dan jikkostitwixxix il-grupp fil-mira intenzjonat. Diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-baġit futur għall-Eurostars għandhom iseħħu fid-dawl tal-iżvilupp ulterjuri tal-programm u eventwalment fil-kuntest globali tal-finanzjament fil-futur tal-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011.

    L-impatt soċjoekonomiku tal-Eurostars

    Il-programm Eurostars huwa pjuttost riċenti, għalhekk ftit biss mill-proġetti tlestew sa issa. Kif ġie rikonoxxut mill-Grupp, l-apprezzament kwalitattiv tal-impatt, permezz tal-miżuri ta’ addizzjonalità tal-proġett (input, output u addizzjonalità tal-imġiba), huwa diffiċli ħafna fin-nuqqas ta’ dejta konkreta, peress li ħafna minnhom għandhom jinġabru fit-tmiem tal-proġett.

    L-istima preċiża tal-addizzjonalità tirrikjedi l-applikazzjoni ta’ tekniki xierqa, li jeħtieġu dejta speċifika li l-Grupp indika fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li għandha tinġabar mis-Segretarjat tal-Eureka u mill-Korpi ta’ Finanzjament Nazzjonali.

    Il-Kummissjoni tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet dwar l-indikaturi ta’ impatt u dwar id-dejta meħtieġa li għandhom iwasslu għal evalwazzjoni aħjar tal-impatt tal-proġett li joħloq il-Eurostars. Hija tħeġġeġ lis-segretarjat tal-Eureka biex jiżviluppa dawn l-indikaturi u jiġbor din id-dejta, mingħajr madankollu ma jimponi piż ta’ rappurtar għoli wisq fuq l-SMEs. Il-Kummissjoni se tikkunsidrahom fid-dawl tal-evalwazzjoni finali, li skont id-Deċiżjoni Eurostars se sseħħ fl-2013. Se jkun kruċjali f’dak iż-żmien li jintlaħaq ftehim komprensiv tal-impatt tal-Eurostars fuq in-negozji tal-SMEs parteċipanti.

    Finanzjament tal-proġetti eliġibbli

    Fir-rigward tar-riżorsi tal-Eurostars għall-perjodu qabel l-2013 , il-Grupp osserva li l-finanzjament disponibbli għal kull sejħa mhuwiex biżżejjed biex ikopri l-proġetti li jkunu qabżu l-limitu tal-evalwazzjoni. Il-Grupp jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jipprovdu biżżejjed fondi sabiex ikun possibbli li jiġi ffinanzjat sehem akbar ta’ proġetti li jilħqu l-limitu tal-evalwazzjoni tal-Eurostars .

    Il-Kummissjoni taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni safejn tippermetti l-finanzjament tal-aħjar proġetti kollha skont il-prinċipju tal-fond komuni. Kif imsemmi fid-Deċiżjoni Eurostars, “l-allokazzjoni tal-fondi mill-kontribuzzjoni Komunitarja u baġits nazzjonali allokati għall-proġetti Eurostars magħżula għandha ssegwi l-ordni tal-lista ta’ klassifikazzjoni”. Minħabba l-mod kif jaħdem il-mudell ta’ finanzjament attwali (mhux ċentralizzat), madankollu jidher li mhuwiex probabbli li żieda fil-baġit twassal għal żieda ekwivalenti ta’ proġetti ffinanzjati. Dan jista’ jinkiseb biss jekk il-pajjiżi Eurostars jagħmlu dispożizzjoni suffiċjenti għal finanzjament tal-proġetti kollha li għandhom l-aħjar pożizzjoni fil-klassifika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li d-dejta attwali dwar il-fondi allokati b’mod effettiv mill-Korpi Nazzjonali ta’ Finanzjament turi li s’issa ġie użat biss sehem żgħir mill-baġit. Għandhom jitqiesu wkoll kunsiderazzjonijiet dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja attwali fuq id-disponibbiltà tal-finanzjament f'ħafna Stati Membri.

    Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li wieħed iqis soluzzjonijiet alternattivi, bħar-restrizzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-proġetti kif propost mill-Grupp, jew ir-riallokazzjoni tal-baġit minn sejħiet futuri għal dawk attwali, bil-possibilità li l-baġit li ma jintefaqx jintuża s-sena ta’ wara.

    Titjib ulterjuri tal-integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja

    Il-Grupp stqarr li, fuq livell kunċettwali, il-Eurostars għandu livell tajjeb ta’ integrazzjoni tal-programmi nazzjonali, fit-tliet aspetti kollha (xjentifiċi, ġestjonarji u finanzjarji), billi waqqaf il-korpi ewlenin u l-proċeduri kif imsemmi fid-Deċiżjoni.

    Madankollu, xorta jeħtieġ li jsir titjib ulterjuri sabiex jintlaħaq il-livell mixtieq ta’ integrazzjoni fuq il-livell ta’ implimentazzjoni, speċjalment fl-oqsma li ġejjin: armonizzazzjoni tar-rati ta’ finanzjament nazzjonali u r-regoli ta’ finanzjament, is-sinkronizzazzjoni u t-tnaqqis fil-prattiki tal-ħin għall-kuntratt u l-armonizzazzjoni tar-rappurtar. Dawn l-aspetti, marbuta iktar fil-fond mal-aspetti ta’ implimentazzjoni/operattivi tal-Eurostars, huma trattati fil-paragrafu 2.4.

    Il-Grupp jirrakkomanda li dawn il-kwistjonijiet importanti jiġu indirizzati permezz tal-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali b'punti importanti li jistgħu jitkejlu biex jiffaċilitaw il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ integrazzjoni u billi jitwaqqaf Grupp ta’ Ħidma permanenti għall-iskambju ta’ Prattiki tajba.

    Il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp bil-għan li jitħaffef iktar il-proċess ta’ integrazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden lill-pajjiżi tal-Eurostars biex iqisu l-għan tal-integrazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars permezz tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni aħjar tar-regoli ta’ finanzjament tal-eliġibbiltà u l-alinjament tal-prattiki ta’ finanzjament u ħlas.

    Barra minn hekk, il-Grupp identifika u kkummenta fuq “oqsma għal titjib” ulterjuri (indikati hawn taħt) li l-Kummissjoni tqis li huma fundamentali għas-suċċess sħiħ u fit-tul tal-programm, li hu fil-qalba tal-kostruzzjoni tal-Eurostars.

    Konformità mar-regoli tal-Eurostars: Kriterji Komuni ta’ Eliġibbiltà u Ftehimiet Bilaterali Ffirmati

    Filwaqt li ma jikkummentax fuq il-pajjiżi individwali, il-Grupp jindika li kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurostars għandhom jiġu applikati universalment fil-pajjiżi parteċipanti kollha. L-ebda pajjiż m’għandu jitħalla jimponi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jmorru lil hinn mill-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurostars. Il-Grupp jirrakkomanda wkoll li l-Ftehimiet Bilaterali mas-Segretarjat tal-Eureka għandhom jiġu ffirmati mill-Korpi kollha ta’ Finanzjament Nazzjonali [13] .

    Il-Kummissjoni tapprova din ir-rakkomandazzjoni għas-Segretarjat tal-Eureka u l-pajjiżi Eurostars b’mod sħiħ. It-tlestija tal-proċess tal-iffirmar tal-ftehimiet bilaterali li jibqa’ hija kwistjoni ta’ prijorità. Għandu jiġi żgurat li l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurostars jkunu l-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti biex kwalunkwe proġett parteċipanti jiġi ffinanzjat fi kwalunkwe pajjiż parteċipanti. Il-konformità mar-regoli Eurostars hija essenzjali sabiex jiġi rilaxxat il-potenzjal għoli tal-programm b’mod sħiħ, issaħħaħ il-kredibbiltà fit-tul tiegħu u tiffaċilita l-proċess ta’ integrazzjoni. Id-Deċiżjoni Eurostars tipprevedi li jiġu rispettati sett ta’ kriterji komuni u sett ta’ regoli komuni għall-finanzjament ta’ proġetti magħżula li huma parti minn lista ta’ klassifikazzjoni komuni li jsegwu l-ordni li ġejja. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li dan l-impenn jiġi onorat totalment sabiex il-programm ikollu suċċess fit-tul.

    Is-“Somma Komuni Virtwali” (Virtual Common Pot (VCP))

    Eurostars beda l-programm ibbażat fuq mudell ta’ finanzjament ta’ “somma komuni virtwali”, li jfisser li l-pajjiżi u r-reġjuni jħallsu għall-parteċipanti tagħhom li japplikaw regoli nazzjonali eżistenti, billi japplikaw prinċipju ta’ “qligħ ġust”. Madankollu, skont il-Ftehim ta’ Delegazzjoni, miżuri konkreti għall-progress lejn “somma komuni reali" għandhom jiġu proposti f’nofs it-terminu mis-Segretarjat, bħala parti mill-proċedura ta’ integrazzjoni finanzjarja.

    Il-Grupp iqis li l-VCP kien prinċipju ta’ organizzazzjoni xieraq għall-finanzjament tal-attività Eurostars. Madankollu, osserva wkoll li jekk pajjiż wieħed parteċipanti jispiċċalu l-baġit allokat, dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-proġetti sussegwenti kollha b’parteċipanti li jeħtieġu finanzjament minn dak il-pajjiż.

    Il-Grupp jirrakkomanda li l-Eurostars għandu jibqa’ jiġi organizzat fuq il-bażi ta’ prinċipju ta’ “Somma Komuni Virtwali”. Madankollu, huwa rakkomandat ukoll li Programm Konġunt Eurostars jesperimenta bl-approċċ tal-allokazzjoni ta’ 10% tal-fondi totali allokati għal Somma Komuni Reali, li tintuża biex tiffinanzja proġetti kklassifikati tajjeb ħafna li jirriskjaw li ma jiġux iffinanzjati minħabba kumplikazzjonijiet fuq il-livell tal-pajjiż.

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-merti tas-“somma komuni virtwali” f’dan l-istadju tal-Programm Eurostars. Madankollu hemm tħassib li l-applikazzjoni kontinwa tas-“somma komuni virtwali” bħala mudell ta’ finanzjament jista’ jwassal għal rati ta’ suċċess żbilanċjati bejn il-pajjiżi Eurostars skont id-disponibilità tal-finanzjament nazzjonali, filwaqt li l-programm għandu jipprovdi “opportunitajiet indaqs” għall-SMEs fil-pajjiżi kollha u jiddependi b’mod sħiħ fuq il-prinċipju tal-eċċellenza.

    Kif diġà indikat b’mod ċar fl-okkażjoni tal-Adozzjoni ta’ Programm Konġunt ta’ Riċerka u Żvilupp fil-Baħar Baltiku (BONUS) ibbażat fuq Artikolu 185 TFUE (ex-Artikolu 169 KE), is-“somma komuni reali”, filwaqt li mhix għan fiha nnifisha, hija mezz li jiggarantixxi l-eċċellenza u l-impenn finanzjarju tal-Istati Membri għall-inizjattivi kollha relatati mal-finanzjament u l-kollaborazzjoni transkonfinali, li jibqa’ kruċjali għall-avvanz fit-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    Il-Kummissjoni għalhekk taqbel mar-rakkomandazzjoni li jiġi ttestjat tali approċċ parzjali ta’ “somma komuni reali”, li għandu jitlesta sal-2013. Il-Kummissjoni tistieden lis-Segretarjat tal-Eureka biex jipproponi miżuri rilevanti oħra għall-istess għan. Dan huwa b’mod konformi mal-prinċipju li għal kwalunkwe inizjattiva tal-Artikolu 185, huwa meħtieġ l-impenn sħiħ, kemm finanzjarju kif ukoll politiku, tal-Istati Membri u dan huwa kundizzjoni sine qua non biex jingħataw fondi Ewropej.

    Il-kapaċità tal-SMEs li jwettqu Riċerka u Żvilupp biex ikollhom aċċess għall-Eurostars

    Fuq il-bażi ta’ analiżi bir-reqqa permezz tal-użu tal-istħarriġ tar-reġistranti tal-Eurostars[14] b’mod partikolari u d-dejta tal-Isħarriġ tal-Innovazzjoni tal-Komunità[15] il-Grupp ikkonkluda li Eurostars huwa aċċessibbli faċilment u li r-regoli tiegħu jinftiehmu faċilment mill-applikanti, l-ispiża tal-applikazzjoni hija raġonevoli u l-għodod disponibbli jistgħu jintużaw faċilment.

    Il-programm jidher li jattira prinċipalment SMEs diġà involuti f’kollaborazzjonijiet internazzjonali. Filwaqt li l-programm jidher li għandu potenzjal kbir biex jiffaċilita kollaborazzjoni internazzjonali ta’ Riċerka u Żvilupp ibbażata fuq esperjenzi preċedenti, hemm ftit evidenza ta’ relazzjonijiet de novo , għalhekk l-impatt fuq il-ġenerazzjoni ta’ sħubiji ġodda huwa limitat.

    Il-Grupp jirrakkomanda li s-Segretarjat tal-Eureka u l-Koordinaturi tal-Programm Nazzjonali (NPCs) tal-Eureka għandhom jippruvaw li sal-2013, iżidu l-effett tiegħu f’SMEs li m’għandhomx konnessjonijiet internazzjonali diġà eżistenti .

    Il-Kummissjoni taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni, filwaqt li tqis li l-Eurostars huwa mistenni li jikkumplimenta l-opportunitajiet offruti lill-SMEs minn strumenti eżistenti fit-twettiq ta’ riċerka internazzjonali, u li l-prinċipju ta’ trasparenza huwa essenzjali għall-impatt b'suċċess tal-programm u għandu jiġi rrispettat kompletament.

    Din tistieden lill-Segretarjat tal-Eureka u lill-pajjiżi tal-Eurostars biex jindirizzaw din il-problema u jsibu modi biex jattiraw SMEs ġodda billi jagħmlu l-programm aktar aċċessibbli u trasparenti. Fil-futur, l-attenzjoni primarja għandha tkun ukoll lejn l-indirizzar tal-SMEs bil-profil meħtieġ iktar milli jiġu reklutati iżjed SMEs.

    Il-Kummissjoni se taħdem biex tiffaċilita l-interazzjoni u l-ħolqien ta’ sinerġija ma’ inizjattivi oħra tal-UE li jappoġġjaw in-netwerking bejn proponenti potenzjali, inklużi l-SMEs ġodda fir-riċerka internazzjonali.

    Kwalità u effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-Eurostars

    Kif previst taħt reġim ta’ ġestjoni indiretta ċentrali, is-segretarjat tal-Eureka li jaġixxi bħala l-Istruttura Dedikata tal-Implimentazzjoni huwa kompletament responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni operattiva/finanzjarja ta’ Eurostars. Fl-analiżi tiegħu tal-attivitajiet differenti għall-implimentazzjoni tal-programm (sejħiet, evalwazzjoni, finanzjament, ġestjoni tal-proġett, monitoraġġ) il-Grupp isib li l-proċess jimxi mingħajr xkiel. Madankollu, dan jidentifika xi oqsma li jeħtieġu titjib, relatati l-iżjed mal-proċedura ta’ evalwazzjoni: il-Grupp sab kumplessitajiet evidenti, l-ewwel nett, fl-allokazzjoni tal-fondi nazzjonali għall-proġetti, u t-tieni nett, f’negozjati kuntrattwali bejn l-applikanti li kellhom suċċess u l-Korpi ta’ Finanzjament Nazzjonali.

    Il-proċess ta’ evalwazzjoni ċentrali

    L-evalwazzjoni ssegwi proċedura f’żewġ stadji: evalwazzjoni tal-bidu mill-esperti tekniċi u evalwazzjoni oħra mill-Bord ta’ Evalwazzjoni Indipendenti li jipproċedu wkoll bil-klassifikazzjoni ġenerali tal-proposti.

    F’dak li jirrigwarda l-esperti tekniċi, il-Grupp jirrakkomanda li s-Segretarjat tal-Eureka jieħu l-passi meħtieġa biex, sat-tmiem l-2013, jikseb żieda fl-għadd tagħhom iżda fl-istess ħin iżomm livell għoli ta’ kompetenza u bilanċ aħjar tal-kompetenza teknika u tas-suq fi ħdan il-konsorzju kif ukoll bilanċ ġeografiku aħjar tal-esperti fil-pajjiżi parteċipanti.

    F’dak li jirrigwarda l-Bord ta’ Evalwazzjoni Indipendenti (IEP), il-Grupp jirrakkomanda li għandu jiġi allokat aktar żmien lill-membri tal-IEP għal analiżi iktar preċiża tal-proposti li għandhom jiġu kklassifikati u r-reazzjonijiet aktar preċiżi u sistematiċi għandhom jiġu pprovduti lill-applikanti tal-proġett u lill-esperti tekniċi.

    Kif jindika korrettament ir-rapport, is-suċċess tal-Eurostars jiddependi fuq il-kredibbiltà tal-proċess kollu ta’ evalwazzjoni.Tliet aspetti tal-proċess ta’ evalwazzjoni huma partikolarment importanti f’dan ir-rigward: l-imparzjalità, il-kwalità u l-ħin.

    Il-Kummissjoni taqbel bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn fuq. B’mod partikolari, l-esperti jeħtieġ li jkollhom il-kompetenza neċessarja biex jevalwaw ukoll l-impatt soċjoekonomiku tal-proġetti, wieħed mill-karatteristiċi partikolari ta’ Eurostars.

    Il-Kummissjoni tfakkar li t-trasparenza tal-proċedura kollha hija prinċipju ewlieni li hija bbażata fuqu d-deċiżjoni “Eurostars”. Għalhekk taqbel kompletament mat-talba mill-Grupp għat-titjib tal-kwalità tal-informazzjoni mogħtija mill-evalwaturi lill-applikanti.

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-Segretarjat tal-Eureka biex jieħu l-passi meħtieġa biex itejjeb il-kwalità tal-evalwazzjonijiet, mir-reklutaġġ u l-għażla tal-esperti, bl-użu pereżempju ta’ konnessjoni iktar faċli għall-utent għall-għodda tal-applikazzjoni biex wieħed isir espert fil-websajt pubblika Eurostars u permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Koordinaturi tal-Programm Nazzjonali Eureka sabiex jitwettqu dawn il-kompiti.

    Finanzjament deċentralizzat - żmien sal-kuntratt

    It-tieni sett ta’ rakkomandazzjonijiet operattivi li għandu jiġi implimentat sal-2013 jirreferi għall-proċess ta’ finanzjament, fejn il-livell nazzjonali jkun l-attur ewlieni. Il-Grupp isib li l-proċess ta’ implimentazzjoni jvarja b’mod pjuttost sostanzjali bejn il-pajjiżi. Huwa importanti li l-Eurostars jikseb livell għoli ta’ armonizzazzjoni madwar il-pajjiżi li tilħaq prestazzjoni operattiva omoġenja u żieda fl-effiċjenza globali tal-programm. Ladarba proposta tkun ġiet magħżula għal finanzjament, tibda l-fażi tan-negozjati bejn kull applikant u l-korp tal-finanzjament nazzjonali tiegħu. Il-Grupp identifika din il-fażi bħala l-iktar waħda kumplessa.

    Il-Grupp iqis li t-tnaqqis taż-żmien sal-kuntratt (definit bħala ż-żmien bejn id-data tal-limitu tas-sejħiet u d-data tal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja) għandu jibqa’ waħda mill-prijoritajiet ewlenin għall-partijiet interessati kollha tal-programm Eurostars ul-pajjiżi parteċipanti huma mistiedna li jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri neċessarji.

    Il-Grupp jissuġġerixxi wkoll azzjonijiet possibbli biex jitnaqqas iż-żmien sal-kuntratt: evalwazzjoni finanzjarja preċedenti mil-livell nazzjonali; biex is-Segretarjat jissorvelja u jiddiskuti ma’ pajjiżi ‘li jimxu iktar bil-mod; skadenzi komuni u iktar stretti għall-iffirmar tal-konsorzju u ftehim ta’ għotja.

    Il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn fuq, u tinkoraġixxi lill-pajjiżi Eurostars biex kemm jista’ jkun possibbli, iħaffu l-proċeduri fl-amministrazzjonijiet nazzjonali. L-għan, kif previst fil-Ftehim ta’ Delegazzjoni[16] bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Eureka, kien li jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja individwali mal-parteċipanti tal-proġett sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-data tal-limitu, sa nofs it-terminu tal-programm. Filwaqt li għandha l-istess perspettiva tal-Grupp, il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-Segretarjat biex ikompli bl-isforzi tiegħu fil-monitoraġġ taż-żmien sal-kuntratt u fl-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki.

    KONKLUżJONIJIET

    Fl-ewwel snin tiegħu, il-Eurostars wera potenzjal tajjeb bħala programm ta’ interess għal SMEs li jwettqu Riċerka u Żvilupp, u appoġġjat l-innovazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli tappoġġja l-programm attwali sal-2013 kif previst.

    Wara li beda fl-2008, il-prestazzjoni operattiva tal-programm għadha teħtieġ titjib ulterjuri. F’dan ir-rigward, il-miżura ewlenija għas-suċċess hija tnaqqis sostanzjali taż--żmien sal-kuntratt.

    Minn perspettiva usa’, il-proċedura ta’ integrazzjoni tal-programmi nazzjonali parteċipanti jeħtieġ li tiġi rinfurzata. Għalhekk, is-Segretarjat tal-Eureka u l-pajjiżi Eurostars għandhom jagħmlu sforzi akbar biex iħaffu l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali b’rispett totali għall-kriterji u l-proċeduri ta’ eliġibbiltà u evalwazzjoni tal-Eurostars Komuni.

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkun involuta b’mod attiv f’diskussjonijiet dwar is-segwitu possibbli għall-programm Eurostars attwali fil-kuntest tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, mingħajr preġudizzju għall-preparazzjoni tal-Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE, filwaqt li jitqies il-kuntest politiku usa’ tal-Inizjattiva Ewlenija Unjoni tal-Innovazzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011.

    [1] Eurostars inizjalment inkludiet 26 Stat Membru. Permezz tas-sħubija ta’ Malta fil-Eurostars f’Ottubru 2010, l-Istati Membri kollha tal-UE jipparteċipaw fiha.

    [2] Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1). Il-pajjiżi assoċjati huma l-Kroazja, l-Islanda, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija.

    [3] EUREKA kienet stabbilita permezz ta’ Konferenza tal-Ministri ta’ 17-il pajjiż u Membri tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ltaqgħu f’Pariġi fis-17 ta’ Lulju 1985.

    [4] Id-Deċiżjoni Nru 743/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta’ riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jappoġġja lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 201, 30.07.2008, p.58).

    [5] Il-kontribuzzjoni tal-UE ġejja mill-baġit FP7 allokat għar-“Riċerka għall-benefiċċju tal-SMEs” fil-Programm Speċfiku “Kapaċitajiet”

    [6] Konklużjonijiet tal-Kunsill, 25-26 ta’ Novembru 2004

    [7] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6.10.2010 “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni ” COM(2010)546 finali

    [8] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3.3.2010, “Ewropa 2020” Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010) 2020 finali

    [9] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011

    [10] “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” – COM(2010) 700

    [11] Green Paper 'Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE' COM(2011) 48

    [12] Rapport ippubblikat fuq il-websajt http://ec.europa.eu/research/evaluations/index_en.cfm?pg=fp7-evidence under 'Other FP7 Panel Evaluations'

    [13] Seba’ Ftehimiet Bilaterali li għadhom ma ġewx iffirmati

    [14] Is-Segretarjat tal-Eureka mniedi f’Mejju 2010 Stħarriġ tar-Reġistranti tal-Eurostars li laħaq 3182 reġistrant minn Cut-off 1 sa Cut-off 3. 442 reġistrant irrisponda. Ir-riżultati tal-istħarriġ saru disponibbli għall-grupp tal-Esperti

    [15] Il-Grupp uża xejriet differenti tal-Istħarriġ tal-Innovazzjoni Komunitarju.

    [16] Ftehim ta’ Delegazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars (30-CE-0270684/00-14) tad-19.06.2009 bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Eureka AISBL

    Top