This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0078
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Review of the "Small Business Act" for Europe
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa
/* KUMM/2011/0078 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa /* KUMM/2011/0078 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 23.2.2011 KUMM(2011) 78 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa INTRODUZZJONI L-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (SBA)[1], jipprovdi qafas politiku komprensiv għall-SMEs, jippromwovi l-intraprenditorija u jankra l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fil-liġi u t-tfassil tal-politika biex tittejjeb il-kompetittività tal-SMEs. Imsejjes fuq 10 prinċipji u diversi azzjonijiet politiċi u leġiżlattivi konkreti għall-implimentazzjoni tagħhom, l-SBA jistieden kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-ostakoli li jxekklu l-potenzjal tal-SMEs tat-tkabbir u biex joħolqu l-impjiegi. Din il-Komunikazzjoni tikkunsidra l-implimentazzjoni tal-SBA u tevalwa il-ħtiġijiet l-ġodda tal-SMEs li qed joperaw fl-ambjent ekonomiku kurrenti, fejn qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex isibu l-fondi u biex jaċċessaw is-swieq. L-SBA għandu jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni tal-għanijiet ambizzjużi tal-aġenda l-ġdida ta' riforma tal-Kummissjoni, l-istrateġija Ewropa 2020[2], fejn diġà ġew stabbiliti diversi azzjonijiet rilevanti għall-SMEs fl-inizjattivi prinċipali ewlenin. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[3], ippreżentat mill-Kummissjoni f'Jannar 2011, jikkonkludi li t-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 jirrikjedi, flimkien ma' konsolidazzjoni fiskali, politiki proattivi biex jagħtu spinta lit-tkabbir fl-UE, inklużi miżuri għat-titjib tal-ambjent għall-industrija u n-negozju, partikolarment l-SMEs. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Att dwar is-Suq Uniku" nediet dibattitu dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati għar-rilanċ tas-Suq Uniku, inklużi inizjattivi biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs. Din ir-reviżjoni tippreżenta ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar fl-ewwel sentejn tal-SBA, tistabbilixxi azzjonijiet ġodda biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika rrappurtati mill-partijiet interessati, u tipproponi modi kif jistgħu jiġu mtejbin l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-SBA bi rwol ċar għall-partijiet interessati, u bl-organizzazzjonijiet tan-negozju fuq quddiem. Fl-istess waqt, wieħed iżomm f'moħħu li kull SME hija differenti: il-varjazzjoni fid-daqsijiet tagħhom, fl-oqsma tal-attività tagħhom u fl-għamla legali tagħhom jirrikjedu l-attenzjoni adattata b'mod adegwat ta' dawk li jfasslu l-politika. Fl-aħħar nett, tindika l-impenji tal-Kummissjoni lejn it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-SBA, filwaqt li titlob lill-Istati Membri jagħmlu l-parti tagħhom. QED IKUN HEMM PROGRESS STABBLI FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-SBA IżDA JEħTIEġ LI JSIRU IKTAR SFORZI L-SBA huwa bbażat fuq 10 prinċipji ewlenin u għadd ta' azzjonijiet konkreti li ġew approvati kompletament mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008. Kemm il-Kummissjoni Ewropea u kemm l-Istati Membri ħadu l-impenn li jistabbilixxu l-miżuri neċessarji biex itejbu l-kuntest regolatorju, amministrattiv u kummerċjali u biex jappoġġjaw lill-SMEs Ewropej. Il-fowkus prinċipali kien, u jibqa', immirat fuq tliet oqsma: l-iżgurar ta' aċċess għall-finanzjament, l-esplojtazzjoni tas-Suq Uniku u r-regolamentazzjoni intelliġenti. L-ewwel rapport dwar il-miżuri tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex jiġi implimentat l-SBA, kien ippubblikat f'Diċembru 2009[4]. Din it-taqsima tkompli tibni fuq dawn ir-riżultati u tevalwa kif u sa liema estent l-UE u l-Istati Membri implimentaw l-SBA. Il-progress li sar mill-Kummissjoni Ewropea Pass kbir 'il quddiem fit-titjib tal-ambjent tan-negozju L-inizjattivi leġiżlattivi kollha previsti mill-SBA ġew adottati, minbarra r-Regolament li jistabbilixxi Statut għal Kumpanija Privata Ewropea (SPE), li għadu qed jiġi diskuss mill-Kunsill. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottawh mingħajr dewmien biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi relatati mal-kummerċ transkonfinali. Id-Direttiva dwar il-fatturi elettroniċi adottata mill-Kunsill fl-2010 iġġib magħha benefiċċji, partikolarment billi tippermetti li jintbagħtu fatturi elettroniċi bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk għall-fatturi fuq il-karta. Barra minn hekk, in-negozji b'fatturat ta' inqas minn EUR 2 miljun jistgħu jibbenefikaw minn skema li mhix obbligatorja ta' kontabbiltà bbażata fuq il-ħlasijiet, li tagħmilha possibbli li dawn in-negozji ma jħallsux il-VAT qabel ma jirċievu l-pagamenti mingħand il-klijenti tagħhom.[5]. Id-Direttiva għall-ġlieda kontra l-pagamenti tard adottata mill-Kunsill f'Jannar 2011 titlob lill-awtoritajiet pubbliċi jħallsu fi żmien 30 jum u tistabbilixxi limitu massimu ta' 60 jum għall-pagamenti bejn in-negozji, sakemm in-negozji ma jiftehmux espliċitament mod ieħor u jekk dan ma jkunx inġust ħafna fuq il-kreditur[6]. L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw id-Direttiva mingħajr dewmien. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bdiet tuża "test tal-SMEs” fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha. Ir-rwol tal-UE fl-aċċess għall-finanzjament kiber Biex jitjieb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, strumenti finanzjarji fil-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) qed ikomplu jiffaċilitaw l-investimenti ta' kapital ta' riskju u jipprovdu garanziji għas-self lill-SMEs. Il-mikrointrapriżi jirrappreżentaw 90 % minn iktar minn 100 000 SME li sa issa bbenefikaw mill-istrumenti finanzjari tas-CIP. Huwa mistenni li sal-2013 ikunu bbenefikaw 200 000 SME oħra. Fuq medja, kull SME li tingħata self garantit fl-UE tiġġenera 1,2 impjieg[7]. Il-Kummissjoni waqqfet ukoll Forum għall-Finanzjament tal-SMEs permanenti li jqarreb lir-rappreżentanti tal-SMEs, lill-banek, lill-operaturi tas-suq, u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bħall-BEI, biex jiġu indirizzati d-diversi ostakoli prattiċi ffaċċjati mill-SMEs meta jippruvaw jiksbu l-kreditu. Barra minn hekk, il-qafas Temporanju tal-Għajnuna mill-Istat li jippermetti li l-SMEs jingħataw għajnuna addizzjonali, ġie estiż parzjalment sal-aħħar tal-2011[8]. L-aċċess għas-swieq qed jitjieb, partikolarment fir-rigward tal-akkwist pubbliku Kemm il-Kummissjoni u kemm il-korpi tal-istandards Ewropej għamlu progress sostanzjali fil-promozzjoni tal-aċċess tal-SMEs għall-iżvilupp u l-użu tal-istandards. Bl-għajnuna finanzjarja tal-Kummissjoni, għadd ta' esperti li jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs qed jgħinu biex jagħmlu l-istandards Ewropej iktar aċċessibbli għall-SMEs, filwaqt li l-organizzazzjonijiet tal-istandards Ewropej qed jibdew jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-istandards, pereżempju permezz tat-twaqqif ta' helpdesks u portali għall-SMEs. Fir-rigward tal-akkwist pubbliku, stħarriġ reċenti tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li issa l-SMEs qed jesperjenzaw inqas piżijiet amministrattivi fl-aċċess tagħhom għall-akkwist pubbliku u għandhom iktar opportunitajiet fir-rigward tal-offerti konġunti. Huma żguraw 33 % tal-valur totali tal-kuntratti tal-akkwist 'il fuq mil-livelli limiti tad-Direttivi tal-UE fil-perjodu ta' bejn l-2006 u l-2008, filwaqt li s-sehem totali tagħhom fl-ekonomija, kif ikkalkolat abbażi tal-fatturat ikkumbinat tagħhom, huwa ta' 52 %[9]. F'Novembru 2010, il-Kummissjoni fetħet Ċentru tal-UE għall-SMEs fiċ-Ċina li jipprovdi tagħrif, pariri, taħriġ u opportunitajiet ta' tlaqqigħ għall-SMEs Ewropej li jkunu lesti li jesportaw jew jinvestu fis-suq Asjatiku. L-intraprenditorija tiddaħħal fil-politika l-ġdida tal-innovazzjoni Il-"Ġimgħa Ewropea tal-SMEs" baqgħet tipprovdi pjattaforma pan-Ewropea b'iktar minn 1 500 avveniment u tliet miljun parteċipant[10]. Din se titkompla fl-2011 u anki wara. Barra minn hekk, il-programm "Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ" li tnieda fl-2009, joffri taħriġ fuq il-post tax-xogħol għal intraprendituri emerġenti u ġodda bl-għan li jitrawmu netwerking transkonfinali u kooperazzjoni kummerċjali ma' intraprendituri tal-esperjenza. L-aħħar iżda mhux l-inqas, madwar 250 intraprenditur mara li rnexxew issa jagħmlu parti min-Netwerk Ewropew tal-Ambaxxaturi Nisa għall-Intraprenditorija, imwaqqaf mill-Kummissjoni fl-2009 biex jinspira lil iktar nisa biex isiru intraprendituri[11]. Il-Kummissjoni poġġiet lill-intraprendituri u lill-SMEs fiċ-ċentru tal-politika tagħha tal-innovazzjoni u r-riċerka[12]. L-għan tagħha huwa li tneħħi l-ostakoli li għad fadal għall-"kontribut tal-ideat fis-suq" u li tippromwovi attitudnijiet intraprenditorjali fost l-istudenti u r-riċerkaturi. Il-proposta tinkludi strumenti finanzjarji ġodda għall-bidu ta' negozju u għal impriżi li qed jikbru b'pass mgħaġġel u li qed jespandu fis-swieq tal-UE u dawk globali (pereżempju; self, kapital ta' riskju u finanzjament bir-riskju maqsum), simplifikazzjoni addizzjonali tal-programmi tal-UE tar-riċerka u l-innovazzjoni, drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) li jintlaħqu mill-but ta' kulħadd u użu strateġiku tal-baġits tal-akkwist. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tappoġġja ragruppamenti kompetittivi internazzjonalment, tqarreb lejn xulxin il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs, l-universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka u l-komunitajiet tax-xjentisti u l-prattikanti, biex dawn jaqsmu l-għarfien u l-ideat. Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni[13] u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)[14] huma żewġ mezzi prinċipali li bihom il-prijoritajiet tal-SBA jinbidlu f'azzjoni fil-prattika filwaqt li tiġi żgurata l-kumplimentarjetà bejn l-appoġġ tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali. Iktar investiment għandu jinkoraġġixxi lir-reġjuni, biex isibu oqsma speċifiċi speċjalizzati fil-kuntest tal-innovazzjoni, ibbażati fuq "strateġiji intelliġenti ta' speċjalizzazzjoni". Żviluppi fl-Istati Membri Il-progress fit-titjib tal-ambjent tan-negozju huwa wieħed kajman L-Istati Membri kollha għarfu l-importanza ta' implimentazzjoni mgħaġġla tal-SBA iżda l-approċċ li ttieħed u r-riżultati li nkisbu jvarjaw b'mod kunsiderevoli bejn l-Istati Membri[15]. Filwaqt li ħafna minnhom adottaw miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, mhux l-Istati Membri kollha naqqsuhom effettivament. Huma biss ftit Stati Membri li integraw Test tal-SMEs fl-approċċ nazzjonali tagħhom tat-teħid tad-deċiżjonijiet (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit). L-aċċess għall-finanzjament tjieb iżda l-isfida tibqa' f'idejn l-Istati Membri B'rispons għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, ħafna mill-Istati Membri adottaw miżuri biex itejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, speċjalment is-self mill-banek, permezz ta' self vantaġġjuż subordinat, skemi ta' garanzija tas-self jew programmi ta' mikrokreditu. Sitt Stati Membri (il-Belġju, l-Ungerija, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda u iktar reċentement il-Finlandja) ħolqu l-kariga ta' "ombudsman tal-kreditu". Minħabba li l-aċċess għall-finanzjament, fl-aħħar mill-aħħar, b'mod ġenerali qiegħed f'idejn l-Istati Membri, huwa meħtieġ approċċ iktar sod. L-aċċess għas-swieq qed jitjieb hekk kif l-Istati Membri qed jintroduċu proċeduri innovattivi ta' akkwist u gvern elettroniku Diversi gvernijiet jappoġġjaw l-internazjonalizzazzjoni tal-SMEs, pereżempju permezz ta' appoġġ finanzjarju għall-promozzjoni tal-esportazzjoni, għall-istrateġiji tal-aċċess għas-suq u għall-parteċipazzjoni fil-fieri kummerċjali (Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Xi wħud minnhom (pereżempju d-Danimarka u s-Slovenja) jiffukaw fuq kumpaniji li qed jikbru b'pass mgħaġġel u li huma lesti li jsiru internazzjonali; oħrajn stabbilixxew aġenziji ġodda li jippromwovu l-esportazzjoni (pereżempju, il-Lussemburgu) jew programmi ġodda ta' appoġġ (pereżempju, l-Ungerija). Barra minn hekk, skema ta' konsulenza, li permezz tagħha kumpaniji kbar jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, tinsab fl-istadju ta' proġett pilota (pereżempju, fi Franza). Huma biss ftit pajjiżi li rrappurtaw li bdew jippromwovu l-Kodiċi Ewropea tal-Aqwa Prattiki biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku (pereżempju, l-Awstrija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, l-Isvezja u r-Renju Unit). L-iktar miżuri mifruxa aċċessibbli għall-SMEs f'dan il-qasam jibqgħu t-tqassim tas-sejħiet għall-offerti f'lottijiet, fejn ikun possibbli, u l-iffaċilitar tal-aċċess għat-tagħrif permezz ta' siti ċetralizzati, paġni interattivi fuq il-web, u żviluppi oħrajn fir-rigward tal-akkwist elettroniku. Xi Stati Membri żviluppaw mudelli ġodda li jippermettu l-kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji (pereżempju l-Italja man-netwerks kummerċjali u l-Ġermanja man-netwerks tar-ragruppamenti). Sabiex tiġi appoġġjata l-intraprenditorija f'dan iż-żmien ekonomiku diffiċli, l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jissimplifikaw il-proċeduri tal-falliment Ma jista' jiġi rrapurtat l-ebda progress fil-qasam tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-falliment. Ħames Stati Membri biss (il-Belġju, il-Finlandja, l-Irlanda, Spanja u r-Renju Unit) huma konformi mar-rakkomandazzjoni li l-proċeduri legali kollha ta' stralċ ta' negozju, fil-każ ta' falliment mhux frodulenti għandhom jitlestew fi żmien sena. Dan baqa' l-istess bħal fl-2009 u l-2008. Finalment, l-Istati Membri qed jagħmlu progress sostanzjali biex il-proċess biex tibda kumpanija jkun orħos u iktar mgħaġġel. Il-ħin u l-ispiża medji biex tibda kumpanija limitata privata fl-2010 kien ta' sebat ijiem (12-il jum fl-2007) bi spiża ta' EUR 399 (EUR 485 fl-2007)[16]. Il-ħtieġa għal iktar azzjonijiet - Mill-adozzjoni tal-SBA ntlaħqu bosta affarijiet. Il-Kummissjoni żammet mal-impenji tagħha u implimentat ħafna mill-miżuri kif wiegħdet. L-Istati Membri, min-naħa l-oħra, għandhom rekord li mhux daqstant stabbli. Biex l-SBA jilħaq l-għan tiegħu ta' politika ekonomika favur l-SMEs, huwa importanti li jiġi żgurat li l-azzjonijiet li l-UE u l-Istati Membri ħadu l-impenn li jwettqu fil-waqt tal-adozzjoni tiegħu, jiġu implimentati kompletament. Fl-istess waqt, inbidlu ħafna affarijiet fil-kuntest ekonomiku u tfaċċaw sfidi ġodda. Biex il-politika tal-SMEs tkun adattata għaċ-ċirkostanzi attwali, huwa essenzjali li nħarsu iktar fil-bogħod. - Fuq din il-bażi, ir-Reviżjoni tal-SBA tipproponi sett ta' azzjonijiet ġodda mmirati lejn it-trattament tal-isfidi li jirriżultaw mill- kriżi ekonomika, u l-iżvilupp addizzjonali ta' azzjonijiet eżistenti skont l-istrateġija Ewropa 2020, fl-oqsma li ġejjin: - li r-regolamentazzjoni intelliġenti ssir realtà għall-SMEs Ewropej, - li tingħata attenzjoni speċifika lill-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-SMEs, - li jittieħed approċċ b'bażi wiesgħa lejn it-titjib tal-aċċess tal-SMEs għas-suq, - li l-SMEs jingħataw l-għajnuna jikkontribwixxu għal ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, u - li jiġu promossi l-intraprenditorija, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir inklużiv. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jħallu impatt biss jekk ikunu bbażati fuq tmexxija soda tal-SMEs. Il-modi ta' kif dan jista' jittejjeb huma proposti fir-Reviżjoni tal-SBA, fejn jingħata rwol ċar lill-partijiet interessati. L-GħOTI TA' IMPETU ġDID LILL-SBA Ir-regolamentazzjoni intelliġenti jeħtieġ li ssir realtà għall-SMEs Ewropej L-implimentazzjoni tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" jibqa' l-prinċipju ċentrali tal-SBA. Dan jimplika simplifikazzjoni tal-kuntest regolatorju u amministrattiv li fih qed joperaw l-SMEs, partikolarment permezz tat-tfassil ta' regoli f'konformità miegħu, li jinkludu l-prinċipju "darba biss" jew permezz tal-użu ta' għodod bħall-gvern elettroniku u soluzzjonijiet ta' punti ta' waqfa waħda. Filwaqt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jagħmlu dejjem iktar sforzi biex jimplimentaw il-prinċipju, għad hemm ambitu biex l-applikazzjoni tiegħu tkun iktar sistematika u bbażata fuq l-aġenda tal-UE tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti[17]. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ l-applikazzjoni tat-"Test tal-SMEs" fil-proċedura tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha biex tiżgura li l-impatti fuq l-SMEs jiġu analizzati bir-reqqa u jitqiesu fil-proposti leġiżlattivi u politiċi rilevanti kollha, b'indikazzjoni ċara tal-effetti kwantifikati fuq l-SMEs, fejn ikun possibbli u proporzjonat. Filwaqt li tikkunsidra l-impatt fuq il-kompetittività tal-proposti tagħha, il-Kummissjoni se tanalizza l-abbiltà tan-negozji Ewropej, partikolarment l-SMEs, biex jikkompetu fis-swieq tal-UE u lil hinn mill-UE. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti d-differenzi bejn il-mikrointrapriżi u dawk żgħar u ta' daqs medju u jitqiesu meta jiġi applikat it-"Test tal-SMEs", u fejn ikun xieraq, għandhom jiġu previsti miżuri speċifiċi bħal miżati mnaqqsa jew obbligi ta' rappurtar issimplifikat. Fejn l-għażla jekk dawn it-tipi ta' miżuri jiġux implimentati jew le, titħalla f'idejn l-Istati Membri, dawn għandhom jużawhom. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jevitaw li jesaġeraw, jiġifieri li jagħmlu iktar minn dak li jistipulaw ir-rekwiżiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE meta jkunu qed jittrasponu d-Direttivi f'liġi nazzjonali. Il-Kummissjoni tikkonferma li hi lesta li tgħin lill-Istati Membri f'dan il-kompitu. Biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju jkun adattat għall-iskop tiegħu u biex jiġu identifikati l-effetti kumulattivi tal-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni se tapplika "verifiki ta' kemm hi adattata" il-leġiżlazzjoni eżistenti, fejn il-valutazzjonijiet ta' biċċiet individwali ta' leġiżlazzjoni jkunu kkumplimentati minn approċċ iktar komprensiv. Dan se jgħin fl-identifikazzjoni tal-inkonsistenzi u tal-miżuri li ma għadhomx jintużaw u dawk ineffettivi u se jkompli jnaqqas il-piż għall-SMEs, inklużi dawk li joperaw f'setturi li mhumiex industrijali bħal pereżempju fil-qasam tal-artiġjanat u s-snajja'. Attwalment qed jiġi żviluppat approċċ bħal dan fil-qasam tas-servizzi bl-għan li jiġi eżaminat il-funzjonament ġenerali tas-Suq Uniku għas-servizzi, partikolarment mill-angolu tal-SMEs[18]. Is-simplifikazzjoni hija għan kruċjali. Sa Ottubru 2011, il-Kummissjoni se tkun issimplifikat ir-rekwiżiti tat-trasparenza u tar-rappurtar għal kumpaniji elenkati li huma iżgħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tevalwa s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tal-verifika għall-impriżi żgħar bħala segwitu għall-Green Paper dwar il-Politika tal-Verifika[19]. Wieħed mill-elementi essenzjali tal-SBA huwa l-involviment mill-qrib tal-partijiet interessati waqt l-iżvilupp tal-politika tal-SMEs tal-UE. Id-deċiżjoni li jiżdied il-perjodu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi mnedija mill-Kummissjoni minn tmien ġimgħat għal 12-il ġimgħa mill-2012 'il quddiem, għandha tagħti iktar żmien lill-partijiet interessati biex jikkonsultaw mal-membri tagħhom u jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-inizjattivi rilevanti għall-SMEs. Il-panils riveduti tal-SMEs tan-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi, jikkumplimetaw ir-rispons li jasal mill-korpi rappreżentattivi tal-SMEs fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Jeħtieġ li l-isforzi biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jirreaġixxu fir-rigward tal-SMEs jitjiebu, partikolarment biż-żieda tal-użu ta' soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku[20] jistabbilixxi firxa wiesgħa ta' azzjonijiet li se jippermettu li l-SMEs jaħlu inqas ħin mal-proċeduri amministrattivi, inkluż permezz tal-promozzjoni ta' akkwisti elettroniċi transkonfinali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tkompli tiżviluppa l-"Punti ta' Kuntatt Uniku", immirati biex iħaffu b'mod kunsiderevoli proċeduri bħal dawn, f'portali tal-Gvern elettroniku li huma faċli li jintużaw mill-utent u li jippermettu kompletar elettroniku, inkluż dak transkonfinali, tar-rekwiżiti amministrattivi neċessarji kollha. Il-Kummissjoni se: tiżgura li l-kompetenza tal-SMEs tkun totalment disponibbli meta jkun qed jiġi vvalutat l-impatt tal-proposti l-ġodda fuq l-SMEs, filwaqt li jitqiesu d-daqsijiet differenti tal-intrapriżi, fejn ikun rilevanti; tippromwovi l-applikazzjoni, mifruxa mal-UE, tal-prinċipju "darba biss" li skontu l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi amministrattivi m'għandhomx jitolbu t-tagħrif, id-dejta, id-dokumenti u ċ-ċertifikati li diġà jkunu ngħatawlhom fil-kuntest ta' proċeduri oħra; tissimplifika l-qafas tal-kontabbiltà tal-UE billi tirrevedi r-rekwiżiti bażiċi għall-kontijiet annwali u kkonsolidati (ir-raba' u s-seba' Direttivi) tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata; tesplora, skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti, il-possibbiltà li tistabbilixxi miri biex tnaqqas l-"esaġerazzjoni" mill-Istati Membri; twettaq "verifiki ta' kemm hu adattat" biex tivvaluta jekk il-qafas regolatorju għal qasam politiku partikolari huwiex adattat għall-iskop tiegħu u, jekk le, x'għandu jittejjeb; twettaq "verifiki tal-prestazzjoni" tas-Suq Uniku sabiex tidentifika u, skont kif ikun xieraq, tirrimedja d-diffikultajiet relatati mal-interazzjoni ta' biċċiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jkunu applikabbli b'mod simultanju għas-settur tas-servizzi. L-Istati Membri huma mistiedna li: jevalwaw sistematikament l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq l-SMEs bl-użu ta' "Test tal-SMEs", filwaqt li jqisu d-daqsijiet differenti tal-intrapriżi, fejn ikun xieraq; jippreżentaw, fi żmien stabbilit kull sena, pjan bil-quddiem tal-leġiżlazzjoni relatata man-negozju li tkun se tidħol fis-seħħ tul il-perjodu baġitarju li jmiss; japplikaw il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” mhux biss għal-leġiżlazzjoni iżda anki għall-proċeduri amministrattivi li jaffettwaw lill-SMEs (pereżempju, bl-introduzzjoni ta' interlokutur wieħed u ta' obbligi ta' rappurtar imnaqqsa). | Is-sitwazzjoni ekonomika tirrikjedi attenzjoni speċifika fuq il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-SMEs - L-SBA jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, inkluż l-appoġġ għall-pagamenti fil-ħin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. Minħabba l-kriżi ekonomika, ħafna mill-SMEs esperjenzaw deterjorament fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u fil-vijabbiltà tal-kreditu, minkejja mudell tan-negozju ta' bażi li huwa vijabbli u bażi soda ta' klijenti. Fl-istess waqt, l-iktar stħarriġ reċenti dwar is-self tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) wera li diversi banek Ewropej irrestrinġew l-istandards tal-kreditu għall-kumpaniji[21]. Hemm bżonn ta' inizjattivi ġodda biex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, inkluż permezz tas-swieq tal-kapital u ta' inkoraġġiment tal-investiment permezz ta' politiki fiskali. Minħabba djun kbar, ħafna SMEs spiċċaw vulnerabbli għall-kundizzjonijiet diffiċli tas-swieq finanzjarji. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi biex id-dħul jiġi investit fl-ekwità, filwaqt li jiftakru li l-ħtiġijiet tal-kumpaniji li qed juru tkabbir intraprenditorjali u dawk tal-SMEs prinċipali Ewropej li huma stabbiliti huma differenti. L-iskemi tal-finanzjament pubbliku tal-SMEs għandhom jingħataw spinta kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak Ewropew, sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati tas-suq, u għandhom isiru iktar effiċjenti sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-problema tal-finanzjament tal-ewwel stadji ta' tkabbir tal-impriżi. Id-dispożizzjonijiet regolatorji l-ġodda għall-istituzzjonijiet finanzjarji introdotti fil-livell tal-UE jew mill-Istati Membri għandhom ikunu kkalibrati kif xieraq u akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt ("Test tal-SMEs"). Il-Kummissjoni se tkun partikolarment attenta għall-impatt fuq is-self lill-SMEs meta tipproponi iktar rekwiżiti tal-kapital għall-banek fl-2011. Skemi ta' garanzija tas-self imtejba u iktar effiċjenti huma essenzjali għall-SMEs, li mhux dejjem ikollhom il-kollateral. Dan huwa l-każ partikolarment għal dawk li jissellfu ammonti żgħar, billi d-disponibbiltà mtejba tal-mikrokreditu tista' tagħti spinta lill-intraprenditorija fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni nediet il-Faċilità Mikrofinanzjarja ta' Progress[22] u qed taħdem biex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-prattiki tajba fil-mikrofinanzjament, tippromwovi t-taħriġ u toffri appoġġ lill-istituzzjonijiet tal-mikrofinanzjament, partikolarment fil-qafas tal-inizjattiva JASMINE[23], u tappoġġja t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta tajba[24]. Huwa importanti li l-banek kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, ikun jista' jkollhom aċċess għall-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE. Barra minn hekk, il-banek jistgħu jiġu inkoraġġuti biex jiżviluppaw kriterji speċifiċi ta' affidabbiltà kreditizja għall-SMEs, filwaqt li jqisu, pereżempju, il-kriterji kwalitattivi. In-nuqqasijiet tas-suq fil-kapital ta' riskju jirrikjedu li l-fluss tal-kapital ta' riskju jiżdied u li jkun hemm impriżi ta' kwalità għolja b'potenzjal ta' tkabbir, li fihom ikun jista' jsir investiment. Sabiex tittejjeb l-abbiltà tal-intraprendituri li jindirizzaw it-tħassib tal-investituri u biex ikunu ppreparati għall-investiment, il-prattiki tajba eżistenti ta' taħriġ madwar l-Ewropa għandhom ikunu iktar mifruxa. Barra minn hekk, hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kriterji ta' kwalità fil-livell Ewropew għal programmi tajba ta' stat ta' tħejjija għall-investiment, biex l-intraprendituri jingħataw l-għajnuna biex jagħżlu programm adattat. Hemm ukoll il-ħtieġa li l-investituri jkunu iktar konxji mill-opportunitajiet offruti mill-prospetti ta' żvilupp tal-SMEs elenkati, li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal netwerk effiċjenti ta' boroż jew swieq speċifiċi regolati li jiffukaw fuq l-SMEs, kif ukoll biex ir-rekwiżiti ta' elenku u żvelar jiġu adattati aktar għall-SMEs. Il-Kummissjoni se tadotta pjan ta' azzjoni biex ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, inkluż l-aċċess għall–kapital ta' riskju u għas-swieq tal-kapital u se tipprova ttejjeb it-tlaqqigħ tal-offerti u t-talbiet għal kapital ta' riskju, fin-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi. Appoġġ finanzjarju tal-UE Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-istrumenti finanzjarji għandu jkollhom rwol dejjem akbar fl-iffaċilitar tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u, fl-istess waqt, jipprovdu ingranaġġ importanti għall-kapital disponibbli għas-self. Bħala parti mill-proposta ġenerali tagħha dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali wara l-2013, il-Kummissjoni se tipproponi l-effiċjenza u t-titjib tas-sett eżistenti ta' strumenti finanzjarji innovattivi li jinkludi l-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs u l-RSFF[25], biex l-SMEs jingħataw għajnuna jinvestu u jikbru. Il-Kummissjoni se tkun partikolarment attenta biex tiżgura li l-istrumenti finanzjarji futuri tal-UE, ikollhom rwol prinċipali fl-iżgurar li n-nuqqasijiet tas-suq li jaffettwaw lill-SMEs jiġu rrimedjati. Barra minn hekk, in-nuqqasijiet regolatorji se jkunu indirizzati wkoll permezz tal-ħolqien ta' suq uniku u effiċjenti Ewropew għall-fondi tal-kapital ta' riskju, ta' studju dwar l-elementi kollha li jxekklu l-funzjonament bla ntoppi tas-suq tal-fondi tal-kapital ta' riskju u li jxekklu t-tkabbir, u permezz tal-iżgurar ta' ħarsien adegwat tal-investituri fil-livell tal-konsum, fejn ikun rilevanti. Is-sejħa tal-Kunsill Ewropew fi Frar 2011 għas-simplifikazzjoni tal-istrumenti tal-UE bħala appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, timmira lejn l-iffaċilitar tal-adozzjoni ta' dawn l-istrumenti minn kumpaniji innovattivi, partikolarment bil-kisba ta' bilanċ ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll. Il-Kunsill Ewropew jistieden li ssir valutazzjoni ta' kif l-aħjar li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' kumpaniji innovattivi li qed jikbru b'pass mgħaġġel permezz ta' approċċ ibbażat fuq is-suq. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġiet mistiedna wkoll tesplora l-fattibbiltà ta' Skema ta' Riċerka dwar l-Innovazzjoni fin-Negozji ż-Żgħar. L-akkwist pubbliku għandu jkun immirat aħjar lejn il-ħolqien ta' domanda ikbar għal prodotti u servizzi innovattivi, u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu kkontrollati aħjar kif inhu spjegat fl-inizjattiva prinċipali "Unjoni tal-Innovazzjoni". Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-azzjonijiet tagħha biex tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-programmi ta' finanzjament tal-UE. Se tkompli ssegwi l-allokazzjoni effettiva tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni għall-appoġġ tan-negozji, speċjalment il-parti li hija mmirata direttament lejn l-SMEs[26]. Se tkompli tagħmel ukoll sejħiet relatati mal-SMEs fil-Programm ta' Qafas ta' Riċerka attwali u se tkompli tipprovdi appoġġ imtejjeb għall-utenti. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll li tipproponi Qafas Strateġiku Komuni li jkopri l-programmi u l-inizjattivi attwali kollha tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jista' jkun ta' benefiċċju partikolarment għall-SMEs, billi joffri regoli amministrattivi u finanzjarji inqas peżanti, sett ta' strumenti iktar simplifikati għall-SMEs li jkopru l-katina kollha tal-innovazzjoni b'mod konsistenti, u punt ta' waqfa waħda għall-pariri u l-appoġġ. Is-simplifikazzjoni li qed issir attwalment tar-Regolament Finanzjarju[27] għandu jkollha impatt pożittiv fuq l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament tal-Unjoni u l-parteċipazzjoni fih. Il-Kummissjoni se: timmira, b'sett ta' strumenti finanzjarji effiċjenti u mtejbin, li tgħin numru ikbar ta' SMEs li jibbenefikaw permezz ta' skemi ta' garanzija tas-self imtejba li se jappoġġjaw l-investimenti, it-tkabbir, l-innovazzjoni u r-riċerka; tagħmel il-programmi ta' finanzjament tal-UE iktar aċċessibbli għall-SMEs billi tkompli tissimplifika l-proċeduri; tadotta, fl-2011, pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, inkluż l-aċċess għas-swieq tal-kapital ta' riskju, kif ukoll miżuri mmirati bl-għan li l-investituri jsiru iktar konxji mill-opportunitajiet offruti mill-SMEs; tikkunsidra li tadotta reġim leġiżlattiv ġdid biex tiżgura li sal-2012, il-fondi tal-kapital ta' riskju stabbiliti fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jiffunzjonaw u jinvestu b'mod liberu fl-UE; tesplora l-għażliet kollha, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew, għat-twaqqif ta' strument ta' kontroll tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-livell Ewropew, partikolarment biex tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għas-suq tal-għarfien. | L-Istati Membri huma mistiedna li: jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-Fondi Strutturali billi jippermettu lill-SMEs jissottomettu d-dejta kollha neċessarja għall-appoġġ mill-Fondi Strutturali, darba biss; jiżviluppaw soluzzjonijiet simili għall-ħolqien ta' "ombudsman tal-kreditu" biex ikomplu jiffaċilitaw id-djalogu bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet ta' kreditu; jiżguraw li l-inkonsistenzi fit-trattament tat-taxxa ma jwasslux għal tassazzjoni doppja li tista' tostakola l-investimenti transkonfinali tal-kapital ta' riskju; jwaqqfu punti ta' waqfa waħda fejn l-SMEs ikunu jistgħu japplikaw għal għotjiet Ewropej, nazzjonali u lokali. | Il-ħolqien ta' approċċ b'bażi wiesgħa lejn it-titjib tal-aċċess għas-suq tal-SMEs - L-SBA jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jinkoraġġixxu lill-SMEs biex jibbenefikaw mis-Suq Uniku, inklużi mis-Suq Uniku diġitali u mit-tkabbir tas-swieq lil hinn mill-UE filwaqt li jaffaċċjaw l-isfidi ta' ekonomija sostenibbli. Barra minn hekk, l-istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi diversi azzjonijiet biex ittejjeb il-kompetittività tal-UE fir-rigward tal-imsieħba kummerċjali tagħha, partikolarment permezz tal-istabbiliment ta' politika tal-industrija għall-era tal-globalizzazzjoni u strateġija kummerċjali mġedda[28], u biex tippromwovi Ewropa li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti. Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”[29] tistabbilixxi għanijiet ambizzjużi biex jittejjeb is-Suq Uniku u tippreżenta pakkett komprensiv ta' miżuri. Nesplojtaw il-potenzjal tas-Suq Uniku għall-SMEs Minkejja l-progress konsiderevoli fl-għajnuna li tingħata lill-SMEs biex jibbenefikaw mis-Suq Uniku, huma jibqgħu xettiċi dwar l-involviment f'attivitajiet transkonfinali għal diversi raġunijiet. Il-pagamenti transkonfinali ħafna drabi jitqiesu bħala pagamenti għaljin u kkumplikati, kif jitqiesu wkoll l-istrumenti disponibbli biex jirrisolvu t-tilwim possibbli mal-klijenti, partikolarment fil-kummerċ elettroniku. L-iffaċilitar tal-irkupru ta' djun transkonfinali huwa kruċjali għl Suq Uniku li jiffunzjona bla xkiel. Minħabba li 'l fuq minn 60 % tad-dejn transkonfinali jibqa' ma jinġabarx, il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri biex jiffaċilitaw l-irkupru tad-djun transkonfinali[30]. Huwa neċessarju wkoll li jkompli jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku li jirrappreżenta 17 % tal-PDG tal-UE, notevolment permezz ta' iktar simplifikazzjoni[31]. L-aċċess tal-SMEs għall-istandards u r-rappreżentazzjoni tal-interessi tagħhom fil-proċess ta' standardizzazzjoni qed jitjiebu, iżda b'pass kajman. Il-proċess jista' jittejjeb aktar biex tiġi żgurata, fost affarijiet oħrajn, parteċipazzjoni bbilanċjata tal-partijiet interessati fil-proċess tal-istandardizzazzjoni. Id-differenzi fid-dritt tal-kumpaniji, fid-dritt tal-kuntratti u fis-sistemi tat-taxxa jistgħu joħolqu diffikultajiet u jiġġeneraw spejjeż li jwasslu biex jiskoraġġixxu lill-intraprendituri milli jespandu n-negozju tagħhom fi Stati Membri oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi sett uniku ta' regoli biex tiġi kkalkolata l-bażi tat-taxxa tal-kumpaniji madwar l-UE, biex ikun iktar faċli għall-SMEs li jespandu l-attivitajiet tagħhom fis-Suq Uniku. Se jitfasslu wkoll inizjattivi relatati mal-funzjonament tal-VAT biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji u biex tiġi promossa l-attività transkonfinali. Barra minn hekk, l-SMEs ħafna drabi jaffaċċjaw kundizzjonijiet kuntrattwali u prattiki inġusti imposti minn diversi atturi fil-katina tal-forniment. Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tiżgura li jkun hemm l-aqwa kundizzjonijiet għall-SMEs biex dawn ikunu jistgħu jinnegozjaw b'mod transkonfinali, inkluż permezz tal-internet. Iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) se tippermetti li iktar SMEs jibbenefikaw minn arranġamenti iktar sempliċi ta' pagament bi spejjeż imnaqqsa u bla ebda ħtieġa li jużaw iktar minn kont bankarju wieħed fis-Suq Uniku[32]. Is-SEPA tipprovdi wkoll pjattaforma għall-iżvilupp tal-ħruġ ta' fatturi elettroniċi pan-Ewropej u l-adozzjoni tagħhom minn għadd kbir ta' SMEs.. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll fl-"Aġenda Diġitali" tagħha l-potenzjal tan-negozju onlajn, b'mira speċifika li sal-2015 33 % tal-SMEs ikunu qed jagħmlu x-xiri/bejgħ tagħhom onlajn. Barra minn hekk, biex tippromwovi rimedju li ma jqumx ħafna flus, sempliċi u ta' malajr u għalhekk toffri wkoll alternattiva effiċjenti għall-proċedimenti fil-qrati li jqumu iktar flus u jieħdu iktar ħin, attwalment il-Kummissjoni qed tħejji proposta leġiżlattiva biex tippromwovi skemi ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) fl-UE, inkluż l-iżvilupp possibbli ta' sistema onlajn għas-soluzzjoni tat-tilwim li tkun mifruxa mal-UE għat-tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku li tkopri kemm dawk bejn in-negozji (B2B) u kemm dawk bejn in-negozju u l-konsumatur (B2C). Il-Kummissjoni se twettaq analiżi bir-reqqa tal-prattiki kummerċjali u l-klawsoli kuntrattwali inġusti fil-kuntest ta' bejn in-negozji fis-Suq Uniku u se tressaq proposta leġiżlattiva, jekk ikun meħtieġ, biex tipproteġi lin-negozji minn kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni dwar id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi u Komparattiv[33] biex tistudja l-problemi li jaffaċċjaw l-SMEs, bħall-inganni rigward id-direttorji. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tiżgura li l-SMEs f'sitwazzjonijiet ta' dipendenzaekonomika jkunu protetti mill-prattiki kummerċjali inġusti u jkollhom il-possibbiltà li jfittxu rimedju effettiv kontra tali prattiki, fejn ikunu qed jintużaw fil-ktajjen tal-provvista. Il-liġi u l-politiki tal-UE jirrikonoxxu l-importanza tal-garanzija ta' tagħrif adegwat għall-konsumatur dwar il-proċess tal-manifattura, inklużi l-manifattur u l-oriġini tal-prodotti kummerċjalizzati fis-Suq Uniku[34]. Tingħata attenzjoni speċjali lill-konformità mal-istandards li jirregolaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, biex jiġu żgurati l-iġjene u s-sigurtà tal-prodotti, kif ukoll mar-regoli li jħarsu l-ambjent. Filwaqt li qed jiġu diskussi inizjattivi leġiżlattivi mmirati lejn it-titjib tal-qafas regolatorju fil-Parlament u l-Kunsill bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni[35], l-SMEs għandhom jiġu mgħarrfa aħjar dwar kif jistgħu jużaw l-istrumenti legali eżistenti tal-UE biex jipproteġu l-interessi leġittimi tagħhom mill-prattiki kummerċjali inġusti u t-tagħrif qarrieqi. L-SMEs jintlaqtu ħażin regolarment minn prattiki li joħonqu l-kompetizzjoni, bħall-kartelli jew l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti. Biex tistudja l-alternattivi biex l-SMEs ikunu jistgħu jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom għal kumpens sħiħ għal ħsara bħal din, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar approċċ Ewropew koerenti lejn ir-rimedju kollettiv. Fl-aħħar nett, ammont kunsiderevoli ta' tagħrif u pariri relatati mas-Suq Uniku għan-negozji huwa disponibbli permezz tas-servizzi tal-informazzjoni tal-UE (bħan-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi, il-Portal Ewropew għan-Negozji ż-Żgħar, SOLVIT, il-Portal tal-Negozji – L-Ewropa Tiegħek) u tas-siti nazzjonali. Dan jippermetti lill-SMEs jaċċessaw it-tagħrif fil-lingwa tagħhom. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jippromwovu s-servizzi tal-informazzjoni tal-Kummissjoni u jiżguraw koordinazzjoni miżjuda bejn l-għodod tal-informazzjoni tal-Kummissjoni u dawk nazzjonali. Il-Kummissjoni se: twettaq analiżi bir-reqqa tal-prattiki kummerċjali inġusti fl-Unjoni Ewropea u tipproponi proposta leġiżlattiva, jekk ikun hemm bżonn; tippreżenta inizjattivi fir-rigward ta' taxxa, bħal pereżempju proposta leġiżlattiva għal Bażi Komuni u Kkonsolidata għat-Taxxa tal-Kumpaniji (CCCTB) u strateġija ġdida tal-VAT li timmira partikolarment lejn it-tnaqqis tal-ostakoli tat-taxxa u l-piżijiet amministrattivi għall-SMEs fis-Suq Uniku; twettaq reviżjoni tas-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea fl-2011; tħejji dokument ta' gwida fejn tispjega r-regoli dwar l-ittikkettjar tal-oriġini u tinforma lill-SMEs dwar il-mezzi disponibbli biex jipproteġu l-interessi leġittimi tagħhom; tipproponi strument ta' Liġi Kuntrattwali Ewropea li jindirizza l-ħtiġijiet tal-SMEs li jkunu qed jippruvaw jidħlu fi swieq ġodda; tistabbilixxi proċedura uniformi biex tiffaċilita l-irkupru tad-dejn transkonfinali billi tippermetti lil kreditur jippreserva l-flus miżmuma mid-debitur tiegħu f'kont bankarju fi Stat Membru ieħor. | L-Istati Membri huma mistiedna li: jimplimentaw kompletament il-"Kodiċi Ewropea tal-Aqwa Prattiki li tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku"; jippromwovu l-pubblikazzjoni onlajn ta' astratti li jkunu faċilment aċċessibbli u bla ħlas tal-istandards Ewropej b'indikazzjoni ċara tal-bidliet li jkunu saru fejn l-istandards ikunu ġew riveduti. Il-Kummissjoni se, u l-Istati Membri huma mistiedna li: flimkien jistinkaw biex itejbu l-interoperabbiltà elettronika fis-Suq Intern, partikolarment permezz tat-twettiq tal-proposta tal-Att dwar is-Suq Uniku għal deċiżjoni sal-2012 li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika u l-awtentikazzjoni elettronika madwar l-UE u r-reviżjoni fl-2011 tad-Direttiva dwar il-firem elettroniċi. | Għajnuna lill-SMEs biex jaffaċċjaw is-swieq globalizzati - Is-swieq globalizzati joffru opportunitajiet ġodda ta' negozju lill-SMEs fl-UE. Skont studju reċenti[36], huma iktar attivi internazzjonalment mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti u l-Ġappun: Ħamsa u għoxrin fil-mija tal-SMEs tal-UE jesportaw jew esportaw f'punt partikolari tul l-aħħar tliet snin, u minnhom 13 % esportaw 'il barra mis-Suq Uniku tal-UE. Fl-istess waqt, l-istudju jipponta lejn potenzjal kbir tas-suq li għadu ma ġiex esplojtat, partikolarment fil-pajjiżi BRIC[37] li huwa stmat li se jiġġeneraw madwar 60 % tal-PDG dinji sal-2030. Attwalment, l-esportazzjonijiet ta' bejn 7 % u 10 % biss tal-SMEs tal-UE jaslu f'dawn is-swieq. Biex ikunu jistgħu jaċċessaw is-swieq tal-pajjiżi terzi, l-SMEs għandu jkollhom il-ħiliet adegwati, ikunu appoġġjati minn qafas politiku xieraq li jgħinhom jiksbu vantaġġ kompetittiv, u jkollhom kundizzjonijiet indaqs meta jiġu biex jegħlbu ostakoli bħal oqfsa regolatorji barranin u ostakoli li mhux f'forma ta' tariffi[38]. Il-Kummissjoni tikkunsidra għadd ta' alternattivi, inklużi l-għajnuna għall-aċċess għas-suq u gwida dwar il-kwistjonijiet regolatorji, l-istandardizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità. Dan iqis is-servizzi mogħtija mill-organizzazzjonijiet eżistenti tan-negozju, in-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi kif ukoll iċ-Ċentru tal-UE għan-Negozju u t-Teknoloġija u ċ-Ċentru tal-UE għall-SMEs fiċ-Ċina. B'mod parallel, l-SMEs jibbenefikaw mill-azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-Istrateġija tal-Aċċess għas-Suq, bħal pereżempju l-Bażi ta' Dejta tal-Aċċess għas-Suq jew ix-xogħol ta' iktar minn 30 Tim ta' Aċċess għas-Suq fi swieq prinċipali tal-esportazzjoni li jgħaqqdu flimkien il-kompetenzi lokali tar-rappreżentanti tad-delegazzjonijiet tal-UE, l-ambaxxati tal-Istati Membri u n-negozji tal-UE bl-għan li jtejbu l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għal dawn is-swieq[39]. Il-Kummissjoni hija ħerqana li tippromwovi forom ġodda ta' kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji, inkluż bejn in-negozji li jinsabu f'reġjuni jew pajjiżi differenti. Dan jirrappreżenta mudell ġdid ta' kollaborazzjoni permezz ta' ragruppamenti u netwerks tan-negozji, li jippermettu lill-intrapriżi jaħdmu flimkien u se jistimolaw approċċ koerenti u kkoordinat biex jintlaħaq għan komuni mingħajr ma jitilfu l-indipendenza tagħhom. Il-Kummissjoni se twettaq studju dwar kif il-livell Ewropew jista' jappoġġja bl-aħjar mod dan it-tip ta' kollaborazzjoni. Barra minn hekk, fil-bidu tal-2011 il-Kummissjoni se tniedi azzjonijiet ġodda bħala appoġġ għar-ragruppamenti ta' livell dinji biex tippromwovi l-attivitajiet tar-ragruppamenti internazzjonali, l-eċċellenza fit-tmexxija tar-ragruppamenti u l-estensjoni tal-Osservatorju Ewropew tar-Ragruppamenti. Bħala parti mill-aġenda internazzjonali tal-UE, il-Kummissjoni se tippromwovi oqsma ta' interess partikolari għall-SMEs fil-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali tagħha mal-pajjiżi terzi, pereżempju l-iffaċilitar tal-kummerċ, kif ukoll l-integrazzjoni tal-prinċipji tal-SBA fi Ftehimiet rilevanti u f'mekkaniżmi ta' monitoraġġ u koordinazzjoni relatati. Barra minn hekk, se tistinka biex telimina l-ostakoli mhux f'forma ta' tariffi u r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-aċċess għall-materja prima billi tuża l-għodda disponibbli tal-politika tal-kummerċ. Dan se jikkontribwixxi wkoll biex ikomplu jinfetħu s-setturi li għadhom pjuttost inaċċessibbli għall-SMEs bħal pereżempju s-swieq tas-servizzi u tal-akkwist pubbliku, u jgħin biex jissaħħu l-IPR. Il-Kummissjoni se: tippreżenta, fl-2011, starteġija ġdida dwar l-appoġġ tal-SMEs tal-UE fi swieq barra l-Unjoni Ewropea u strateġija għal raggruppamenti u netwerks kompetittivi globalment[40] b'fowkus speċifiku fuq l-analiżi tar-rwol li għandhom fit-titjib tal-kompetittività tal-SMEs; tindirizza l-problemi tal-SMEs fir-rigward tal-użu tal-Istrument ta' Difiża tal-Kummerċ tal-UE (TDI) billi żżid it-tagħrif u l-għajnuna fir-rigward tal-użu ta' dawn l-istrumenti; tfittex li tagħmel sforzi sistematiċi biex telimina l-ostakoli mhux f'forma ta' tariffi fil-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles u tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-pajjiżi terzi u tgħin biex jissaħħu l-IPR, skont il-politika mġedda tal-kummerċ. L-Istati Membri huma mistiedna li: jagħtu appoġġ għall-bini tan-netwerks tal-SMEs, skont l-Għajnuna Statali Komunitarja u r-regoli dwar il-kompetizzjoni; jinkoraġġixxu lill-SMEs biex jikru jew jinvestu f'kompetenzi speċjalizzati biex jgħinu lill-kumpaniji jikbru, ikunu innovattivi u jespandu internazzjonalment. | Għajnuna lill-SMEs biex jikkontribwixxu għal ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti - Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tqajjem kuxjenza fost l-SMEs dwar il-kwistjonijiet ambjentali u tal-enerġija u tat l-appoġġ biex tgħinhom jimplimentaw il-leġiżlazzjoni, jivvalutaw il-prestazzjoni ambjentali u enerġetika tagħhom u jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Filwaqt li dawn l-azzjonijiet jeħtieġ li jittejbu, Ewropa 2020 tefgħet il-fowkus fuq l-għoti ta' għajnuna lill-SMEs biex isiru atturi prinċipali fit-tranżizzjoni lejn it-tkabbir b'użu effiċjenti tar-riżorsi. Filwaqt li l-SMEs għandhom xi inċentivi tas-suq biex jottimizzaw l-użu tagħhom tar-riżorsi, f'ħafna każijiet mhux faċli li tidentifika jew tinterpreta s-sinjali tas-suq u l-SMEs jaffaċċjaw l-isfida ta' tagħrif, żmien u riżorsi umani u finanzjarji limitati. Biex jegħlbu dan, jeħtieġu d-disponibbiltà ta' finanzjament xieraq, inkluż permezz ta' programmi reġjonali ta' appoġġ għan-negozji, tagħrif fil-ħin, u għajnuna konkreta mogħtija minn organizzazzjonijiet ta' appoġġ lin-negozji bħall-kmamar tal-kummerċ u s-servizzi ta' konsultazzjoni. L-iżvilupp ta' inċentivi għall-inkoraġġiment ta' verifiki tal-enerġija u r-riżorsi jistgħu jippromwovu din it-tranżizzjoni. L-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jintużaw ukoll biex jinkoraġġixxu mġiba li twassal għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u b'hekk jibbenefikaw il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. Il-Kummissjoni se twaqqaf qafas speċifiku biex jippermetti lill-SMEs jaffaċċjaw l-isfida ta' ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u biex jesplojtaw il-potenzjal. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se: timplimenta l-Pjan tal-Effiċjenza fl-Enerġija l-ġdid, u tibda taħdem għal Pjan ta' Azzjoni Ekoloġikament Innovattiva li jagħti attenzjoni speċjali lill-SMEs fil-promozzjoni tan-netwerking, it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-innovazzjoni bl-użu effiċjenti tar-riżorsi; tkompli tiżviluppa l-azzjoni speċifika dwar l-esperti tal-ambjent u l-enerġija, fin-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi, fejn se jsir it-trasferiment tal-għarfien speċifiku dwar it-teknoloġija avvanzata, il-metodoloġiji u l-aqwa prattiki, mir-reġjuni li għandhom esperjenza avvanzata għal għand dawk li għadhom lura; in-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi se jappoġġja lill-SMEs fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jirriżultaw mill-aqwa prattiki, partikolarment it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; se jintużaw Panils tal-SMEs u l-bażi ta' dejta li tipprovdi rispons dwar l-SMEs tan-Netwerk tal-Ewropa għall-Intrapriżi, biex jgħinu fit-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni ambjentali, inkluża l-implimentazzjoni tagħha. | L-Istati Membri huma mistiedna li: jużaw aħjar il-possibbiltajiet tal-Għajnuna Statali biex jappoġġjaw l-investiment fl-oqsma tal-ambjent u tal-enerġija; jgħinu lill-SMEs jiksbu l-ħiliet maniġerjali u tekniċi neċessarji biex jadattaw in-negozju tagħhom għal ekonomija li ma tipproduċix ħafna karbonju u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti, fost l-oħrajn permezz tal-Fond Soċjali Ewropew; jipprovdu inċentivi regolatorji għall-SMEs irreġistrati mal-Iskema tal-Ekoimmaniġġjar u l-Verifika (EMAS) u mal-ISO 14 000 u jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu lill-mikrointrapriżi u lill-impriżi żgħar biex jieħdu vantaġġ minn skemi ssimplifikati simili għall-EMAS, bħal pereżempju “EMAS-EASY”. | Il-promozzjoni tal-intraprenditorija, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir inklużiv - L-SMEs huma l-entitajiet ewlenin li qed joħolqu l-impjiegi fl-UE, iżda minħabba l-kriżi ekonomika ntilfu madwar 3,25 miljun impjieg. Fis-sitwazzjoni attwali, l-Istati Membri jeħtieġ li jkomplu jissimplifikaw ir-rekwiżiti amministrattivi u l-proċeduri ta' stralċ tan-negozji li jkunu qed ifallu. Barra minn hekk, madwar negozju minn kull tlieta jfalli fil-kuntest ta' transferiment tan-negozju. Għalhekk, huwa essenzjali li l-kundizzjonijiet ta' qafas jittejbu għat-trasferimenti tan-negozji, peress li tul id-deċennju li jmiss madwar 500 000 negozju li jippreżentaw 2 miljun impjieg se jkollhom jiġu trasferiti kull sena[41]. Il-Kummissjoni se tippreżenta sett ta' rakkomandazzjonijiet politiċi fl-2011 ibbażati fuq studju li jkejjel id-daqs tal-falliment u l-problema tat-tieni ċans. Bħala parti mill-inizjattiva Prinċipali "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi"[42], il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtiġijiet futuri fir-rigward tal-ħiliet fil-mikrointrapriżi u dawk tas-snajja' (jew simili). Barra minn hekk, l-inizjattiva "Żgħażagħ Attivi"[43] tagħmel enfasi fuq it-taħriġ biex jiġi żgurat li s-sistemi edukattivi tabilħaqq jipprovdu l-ħiliet adegwati biex wieħed jiftaħ u jmexxi SME. Huma ftit wisq l-SMEs tal-UE li jiżviluppaw f'kumpaniji kbar u li jirnexxu globalment. L-ostakoli li jibqgħu għall-"kontribut tal-ideat fis-suq" min-naħa tal-intraprendituri, għandhom jitneħħew bl-użu ta' firxa wiesgħa ta' miżuri politiċi bbażati fuq kunċett wiesa' tal-innovazzjoni fil-prodotti u s-servizzi li jinkludi kull bidla li tħaffef u ttejjeb il-mod kif in-negozji jħarsu lejn, jiżviluppaw, jipproduċu u jikkumerċjalizzaw prodotti u servizzi ġodda kif inhu stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni[44]. Il-Kummissjoni se tesplora l-fattibbiltà tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni fl-innovazzjoni tal-mikrointrapriżi, u se tipproponi qafas integrat għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-ħiliet elettroniċi għall-innovazzjoni u l-kompetittività, b'attenzjoni speċjali fuq l-intrapriżi ż-żgħar, dawk li għadhom qed jibdew u dawk li qed jikbru b'pass mgħaġġel (l-"għażżiela"). Hemm ukoll SMEs li jsegwu mudelli tan-negozju li huma differenti mill-kumpaniji tradizzjonali bbażati fuq il-kapital. Din il-kategorija, magħrufa bħala "l-ekonomija soċjali", tinkludi organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt, fondazzjonijiet, kooperattivi, soċjetajiet reċiproki u forom legali simili. Sabiex tindirizza l-ħtiġijiet partikolari ta' dawn l-impriżi, il-Kummissjoni ħabbret fl-Att dwar is-Suq Uniku għadd ta' azzjonijiet li se jipprovdu kundizzjonijiet indaqs. Dawn l-azzjonijiet se jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mal-kooperattivi, il-fondazzjonijiet u r-reċiproki min-naħa l-waħda u l-intrapriżi li qed ifittxu li jilħqu għanijiet soċjali min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni se: tistabbilixxi skemi ta' konsulenza għall-intraprendituri nisa f'tal-inqas 10 pajjiżi tal-UE biex jingħataw pariri u appoġġ rigward il-bidu, il-funzjonament u t-tkabbir tal-intrapriżi tagħhom; tidentifika l-aqwa prattiki biex tappoġġja t-trasferimenti tan-negozji u tniedi kampanja li tippromwovi dawn il-prattiki; tadotta, sal-aħħar tal-2011, Inizjattiva ta' Negozju Soċjali li tiffoka fuq l-intrapriżi li jkunu qed ifittxu li jilħqu għanijiet soċjali. | L-Istati Membri huma mistiedna li: jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni stabbilita fil-Pjan ta' Azzjoni tal-SBA biex inaqqsu l-ħin li jieħdu l-intrapriżi biex jistabbilixxu negozju ġdid, għal tlitt ijiem tax-xogħol u l-ispiża għal EUR 100 sal-2012; inaqqsu l-ħin meħtieġ biex iġġib il-liċenzji u l-permessi (inklużi l-permessi ambjentali) biex tibda u twettaq l-attività speċifika ta' intrapriża, għal xahar sal-aħħar tal-2013; jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni stabbilita fil-Pjan ta' Azzjoni tal-SBA biex jippromwovu l-idea tat-tieni ċans għall-intraprendituri billi jillimitaw iż-żmien tat-twettiq u tal-ħlas tad-djun għal intraprenditur onest wara li jfalli għal massimu ta' tliet snin, sal-2013; jiżviluppaw swieq u bażijiet ta' dejta aċċessibbli u appoġġjati b'mod wiesa' għan-negozji trasferibbli u jipprovdu taħriġ u appoġġ biex iżidu l-għadd ta' trasferimenti tan-negozji li jirnexxu, inklużi kampanji ta' komunikazzjoni biex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa għal tħejjija minn kmieni tat-trasferimenti tan-negozju. | ISSUDAR TAT-TMEXXIJA TAL-SBA BIEX JINTLAħQU RIZULTATI TANġIBBLI - It-tmexxija soda hija l-muftieħ għal implimentazzjoni li tirnexxi tal-SBA. Biex tivvaluta l-progress il-Kummissjoni se tiġbor tagħrif dwar l-azzjonijiet tal-Istati Membri u se toħroġ rapporti annwali dwar il-kompetittività tal-Istati Membri tal-UE, skont l-Artikolu 173 tat-Trattat ta' Lisbona. Il-monitoraġġ tal-politiki tal-kompetittività tal-Istati Membri se jipprovdi l-bażi għar-reviżjonijiet tal-pari u l-iskambju tal-prattiki tajba. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-SBA. L-involviment tal-partijiet interessati se jissaħħaħ u l-partijiet interessati fl-SMEs huma mistiedna jinvolvu rwieħhom b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-SBA, inkluż permezz tal-għoti tas-sehem regolari tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-SBA. Il-Kummissjoni se: twaqqaf Grupp ta' Konsulenza dwar l-SBA, magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet u tal-organizzazzjonijiet tan-negozju biex jikkontribwixxu fil-valutazzjoni u r-rappurtar dwar l-adozzjoni tal-SBA, biex iżidu l-isforzi biex ixerrdu b'mod wiesa' t-tagħrif dwar l-azzjonijiet politiċi fir-rigward tal-SMEs u biex jippromwovu l-iskambju tal-prattiki tajba. F'dan il-kuntest, se tkompli tiżviluppa r-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-SMEs, li tiffoka partikolarment fuq il-miżuri fil-Pjan ta' Azzjoni tal-SBA, sabiex timmonitorja u tivvaluta l-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-SBA abbażi ta' firxa wiesgħa ta' indikaturi tas-suċċess; tipproponi t-tnedija ta' Assemblea annwali tal-SMEs marbuta mill-qrib mal-konferenza dwar il-prattiki tajba tal-SBA, biex il-partijiet interessati rilevanti kollha jiġu mmobbilizzati fl-implimentazzjoni tal-SBA u biex jitrawwem id-djalogu bejniethom. L-Istati Membri u, fejn hu rilevanti, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, huma mistiedna li: jistabbilixxu, f'koordinazzjoni mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-negozju, pjanijiet ta' implimentazzjoni tal-SBA nazzjonali u lokali appoġġjati minn mekkaniżmi sodi ta' monitoraġġ kif ukoll minn korp inkarigat mill-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet tal-SMEs fl-amministrazzjonijiet differenti (“Rappreżentant tal-SMEs”), li jkollu r-riżorsi umani adegwati u pożizzjoni influwenti fl-amministrazzjoni stess. | IL-PASSI LI JMISS - Biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-SBA u biex jiġu milqugħin l-isfidi attwali li qed jaffaċċjaw l-SMEs, il-Kummissjoni hija ddeterminata li tkompli tagħti prijorità lill-SMEs u li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom fil-proposti u l-programmi tagħha. It-titjib tal-kuxjenza dwar l-azzjonijiet u l-viżibbiltà tagħhom fost dawk li jfasslu l-politika fuq livell nazzjonali u reġjonali u partijiet interessati oħra se jkun kruċjali għall-iżgurar li l-SBA jiġi implimentat f'ħidma mill-qrib mal-intraprendituri. Ir-Rappreżentant tal-SMEs se jingħata l-kompitu li jimmonitorja l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-SBA u se jinforma regolarment lill-Assemblea tal-SMEs. L-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw kompletament l-SBA aġġornat. Din l-istedina hija rilevanti daqstant ieħor għall-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali. ANNESSIr-Reviżjoni tal-SBAEżempji ta' xi prattiki t ajba fl-implimentazzjoni tal-10 prinċipji tal-SBA Jekk jogħġbok innota li dan l-Anness ma jikkostitwixxix valutazzjoni komprensiva tal-politiki tal-Istati Membri u għandu jitqies bħala suppliment għall-pubblikazzjonijiet Ewropej jew nazzjonali disponibbli dwar il-politiki tal-SMEs. Prinċipju 1: Il-promozzjoni tal-intraprenditorija | Ħafna mill-Istati Membri introduċew programmi tal-intraprenditorija biex irawmu l-attitudnijiet u l-ħiliet intraprenditorjali taż-żgħazagħ u biex iġibuhom konxji mill-possibbiltà li tibda negozju, billi integraw l-intraprenditorija fil-kurrikuli tal-iskejjel u l-universitajiet jew bit-tfassil ta' proġetti ekstrakurrikulari[45]. F'ċerti pajjiżi l-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija hija l-oġġett ta' strateġija nazzjonali koerenti (fid-Danimarka, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Isvezja u r-Renju Unit), filwaqt li pajjiżi oħra qed jimxu fl-istess direzzjoni (l-Awstrija, il-Portugall). Fil-Latvja, mijiet ta' studenti jistgħu jissottomettu pjanijiet ta' negozju annwalment fil-kuntest ta' kompetizzjoni. Il-Pajjiżi l-Baxxi stabbilixxew programm għall-intraprendituri żgħażagħ biex jibnu netwerks fl-Istati Uniti. Xi pajjiżi huma involuti fi programmi nazzjonali jew Ewropej li jinkoraġġixxu l-intraprenditorija fost in-nisa (Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Islanda[46], l-Irlanda, l-Italja, in-Norveġja[47], il-Polonja, is-Slovakkja u l-Isvezja). Diversi Stati Membri jużaw ammonti kunsiderevoli mogħtija mill-Fondi Strutturali għal dawn il-programmi. | Eżempji oħra ta' prattiki tajba[48] L-Awstrija: “Skambju ta' suċċessjoni” (imniedi fl-2008) qed jiffaċilita t-trasferiment tan-negozji. Servizzi ta' appoġġ u pjattaforma elettronika huma pprovduti għat-tlaqqigħ tal-intraprendituri li jkun beħsiebhom jittrasferixxu impriża u dawk li jkunu jixtiequ jakkwistaw impriża. Franza: L-istatut ta' “Awtointraprenditur” (2009) jippermetti li kwalunkwe ċittadin (qiegħed, li għandu xogħol, uffiċjal, pensjonant) iwaqqaf faċilment negozju u jibbenefika minn għadd ta' eżenzjonijiet tat-taxxa tul l-ewwel tliet snin. Iktar minn 500 000 “awtointraprenditur” ġew stabbiliti bejn Jannar 2009 u Ġunju 2010. Ir-Rumanija: Il-programm “Start” jimmira li jiżviluppa l-ħiliet intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ (bejn it-18 u l-35 sena) u jappoġġja l-bidu tan-negozji. (Baġit: EUR 21,2 miljun fl-2009, inkluż EUR 19-il miljun għall-għotjiet u EUR 2,1 miljun għall-finanzjament tal-aġenzija tal-implimentazzjoni). L-Isvezja: Il-programm nazzjonali għall-promozzjoni tal-intraprenditorija fost in-nisa (bejn l-2007 u l-2010) jipprovdi servizzi ta' appoġġ u konsulenza għall-bidu ta' negozji mmexxija min-nisa. Ġie stabbilit netwerk nazzjonali ta' ambaxxaturi li mbagħad fl-2009 ispira l-ħolqien tan-Netwerk Ewropew tal-Ambaxxaturi Nisa għall-Intraprenditorija. | Prinċipju 2: It-tieni ċans | Ħames Stati Membri biss (il-Belġju, il-Finlandja, l-Irlanda, Spanja u r-Renju Unit) huma konformi mar-rakkomandazzjoni[49] li l-proċeduri legali kollha ta' stralċ ta' negozju fil-każ ta' falliment mhux frodulenti jitlestew fi żmien sena. | Eżempji oħra ta' prattiki tajba[50] Il-Belġju: Il-liġi dwar il-kontinwazzjoni tal-intrapriżi (2009), li tipprovdi moratorju għall-kumpaniji li jaffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji sabiex tiġi prevenuta sitwazzjoni ta' insolvenza u prefalliment. L-Estonja: L-Att dwar l-Organizzazzjoni mill-Ġdid, adottat fl-2008, ħoloq alternattiva għall-proċedimenti f'każ ta' falliment, li tippermetti li l-kumpaniji jibqgħu joperaw fil-każ ta' problemi temporanji ta' solvenza. Il-Latvja: Liġi ġdida dwar l-Insolvenza, li daħlet fis-seħħ fl-2010, tissimplifika u tħaffef il-proċedimenti f'każ ta' insolvenza, filwaqt li tiżgura stabbilizzazzjoni tas-settur finanzjarju u tnaqqas il-livell tad-dejn fis-settur privat. | Prinċipju 3: Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir | Huma biss ftit Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja u r-Renju Unit) li integraw Test tal-SMEs fl-approċċ nazzjonali tagħhom tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Pajjiżi l-Baxxi, joffru eżempju interessanti ta' tnaqqis b'suċċess tal-piż amministrattiv; il-mudell Olandiż[51] ġie rreplikat f'pajjiżi oħra. | Eżempji oħra ta' prattiki tajba Il-Ġermanja: Fl-2009 ġew issimplifikati 23 proċedura burokratika, bħala parti mit-Tielet Att dwar it-tnaqqis tal-ostakoli burokratiċi għall-SMEs[52]. L-Italja: F'April 2010, il-gvern adotta rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-SBA fl-Italja u waqqaf grupp ta' ħidma permanenti li jlaqqa' Ministri, Kmamar, Organizzazzjonijiet tan-Negozju, Reġjuni u membru Taljan tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-SBA u jipproponi inizjattivi f'dan il-kuntest. Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-SBA huwa mfassal u ppubblikat fuq l-internet[53]. | Prinċipju 4: Amministrazzjonijiet li jagħtu rispons | Eżempji oħra ta' prattiki tajba [54] Ir-Repubblika Ċeka: "Is-Sett tad-Dejta" (2009) jimmira li jissimplifika t-trasferiment tad-dejta u l-komunikazzjoni bejn in-negozji u l-amministrazzjonijiet. L-Ungerija: L-amministrazzjoni tipprovdi punti ta' waqfa waħda biex wieħed jirreġistra kumpanija bi proċeduri ssimplifikati u elettroniċi (il-proċeduri elettroniċi ilhom obbligatorji mill-2008 u ż-żmien meħtieġ biex jinbeda negozju tnaqqas għal siegħa). Il-Portugall: Il-programm "Simplex" jimmira lejn is-simplifikazzjoni tal-proċessi, il-proċeduri u l-prattiki amministrattivi. Fl-2009, il-konsultazzjonijiet pubbliċi bdew isiru wkoll permezz ta' blog pubbliku. | Prinċipju 5: Aċċess għall-akkwist pubbliku | Huma biss ftit pajjiżi li rrappurtaw li bdew jippromwovu l-Kodiċi Ewropea tal-Aqwa Prattiki biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-akkwist pubbliku (l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Polonja, il-Portugall, l-Isvezja u r-Renju Unit). L-iktar miżuri mifruxa aċċessibbli għall-SMEs f'dan il-qasam jibqgħu t-tqassim tas-sejħiet għall-offerti f'lottijiet u l-iffaċilitar tal-aċċess għat-tagħrif permezz ta' siti ċentralizzati, paġni fuq il-web interattivi, u żviluppi oħrajn fir-rigward tal-akkwist elettroniku. | Eżempji oħra ta' prattiki tajba [55] Ir-Renju Unit: Il-portal fuq il-web tal-gvern “Supply2.gov.uk”, jirreklama l-kuntratti fis-settur pubbliku u jipprovdi aċċess għal opportunitajiet mal-gvern. Fl-2008, l-Uffiċċju tal-Kummerċ tal-Gvern, ippubblika 12-il rakkomandazzjoni biex jitnaqqsu l-ostakoli li jaffaċċjaw l-SMEs meta jkunu qed jikkompetu għal kuntratti fis-settur pubbliku. | Prinċipju 6: Aċċess għall-finanzjament | Eżempji oħra ta' prattiki tajba[56] Ħafna mill-Istati Membri adottaw miżuri politiċi biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament permezz ta' appoġġ pubbliku għall-iskemi ta' garanzija (il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit) jew l-ikkofinanzjament bil-mikrokreditu (l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovakkja u l-Isvezja). Diversi Stati Membri implimentaw ukoll miżuri biex jiżdied il-kapital ta' riskju (ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Ta' min isemmi wkoll li l-Belġju, l-Ungerija, Franza, l-Irlanda u iktar reċentement il-Finlandja ħolqu l-kariga ta' "ombudsman tal-kreditu". Xi Stati Membri ħadu azzjoni biex jindirizzaw il-problema tal-pagamenti tard, b'antiċipazzjoni tad-Direttiva riformolata dwar il-pagamenti tard u, f'ċerti każijiet, marru lil hinn mill-ambitu tagħha (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u r-Renju Unit). Fl-2010, Spanja adottat liġi ġdida li tistabbilixxi perjodu ta' 30 jum għall-pagamenti pubbliċi u perjodu ta' 60 jum għall-pagamenti bejn in-negozji. | Prinċipju 7: Is-Suq Uniku | Tnejn u għoxrin Stat Membru waqqfu punti ta' waqfa waħda (punti ta' kuntatt uniku) operazzjonali[57]. Dawn jippermettu lill-fornituri tas-servizzi jagħmlu l-formalitajiet amministrattivi b'mod elettroniku meta jkunu jixtiequ jagħmlu n-negozju madwar l-Ewropa. Ħmistax minnhom jipprovdu sit bl-Ingliż flimkien mal-lingwa(i) nazzjonali tagħhom (il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja u l-Isvezja). | Prinċipju 8: Ħiliet u Innovazzjoni | Diversi Stati Membri jipprovdu finanzjament għall-kumpaniji li għadhom jibdew u li huma innovattivi partikolarment permezz ta' kapital inizjali u kapital ta' riskju (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Oħrajn jipprovdu appoġġ finanzjarju għaċ-ċentri tal-innovazzjoni jew għall-poli tal-kompetittività li jorbtu lill-Universitajiet, iċ-ċentri ta' riċerka u n-negozji (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja u r-Renju Unit). “Vawċers tal-innovazzjoni”, li jippermettu lill-SMEs jinvestu f'servizzi konsultattivi u kompetenzi innovattivi, issa nfirxu (l-Awstrija, il-Greċja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit) [58]. | Eżempji oħra ta' prattiki tajba L-Italja: Sabiex jiġi inkoraġġut in-netwerking bejn l-SMEs innovattivi, ġiet adottata liġi f'Lulju 2010 li tirregola n-netwerks tal-kumpaniji u li tipprovdi inċentivi fiskali, amministrattivi u finanzjarji għal dawk in-netwerks[59]. | Prinċipju 9: Inbiddlu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet | Sabiex l-SMEs jiġu megħjuna jtejbu jew ibiddlu t-tagħmir tagħhom b'alternattivi effiċjenti fl-użu tal-enerġija, diversi Stati Membri qed jipprovdu finanzjament għall-użu effiċjenti tal-enerġija permezz ta' kundizzjonijiet favorevoli ta' self jew sussidji diretti (il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, Malta, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit). Xi pajjiżi jappoġġjaw ukoll l-SMEs li jiżviluppaw opportunitajiet ta' negozju fis-swieq ekoloġiċi (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u s-Slovakkja). L-Istati Membri jipprovdu wkoll servizzi ta' konsultazzjoni għall-SMEs biex jinfurmawhom u joħolqu kuxjenza dwar l-iffrankar tal-flus permezz tal-użu effiċjenti tal-enerġija u dwar l-opportunitajiet tan-negozju (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Ungerija, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit).[60] | Eżempji oħra ta' prattiki tajba[61] Id-Danimarka: Permezz tal-Fond tal-Innovazzjoni fin-Negozju (EUR 100 miljun għal bejn l-2010 u l-2012) li twaqqaf fl-2009, il-Ministeru Daniż għall-Affarijiet Ekonomiċi u tan-Negozju jappoġġja l-opportunitajiet tan-negozju fis-swieq ekoloġiċi. Il-Pajjiżi l-Baxxi: Il-Fondazzjoni għall-Għarfien u l-Innovazzjoni fit-Teknoloġija Enerġetika u Ambjentali (li twaqqfet fl-2008) hija netwerk ta' 160 kumpanija, istituti tal-għarfien u gvernijiet reġjonali u lokali, li tikkofinanzja l-proġetti li joħorġu bi prodotti u teknoloġiji ekoloġiċi (pereżempju; applikazzjonijiet bl-użu tax-xemx intelliġenti, grilji enerġetiċi intelliġenti, eċċ.). | Prinċipju 10: Appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni | Diversi gvernijiet jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, pereżempju permezz ta' appoġġ finanzjarju għall-promozzjoni tal-esportazzjoni, għall-istrateġiji tal-aċċess għas-suq u għall-parteċipazzjoni fil-fieri kummerċjali (Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit). Xi wħud minnhom (id-Danimarka, is-Slovenja) jiffukaw fuq kumpaniji li jikbru b'pass mgħaġġel li huma lesti li jsiru internazzjonali; oħrajn stabbilixxew aġenziji ġodda li jippromwovu l-esportazzjoni (il-Lussemburgu) jew programmi ġodda ta' appoġġ (l-Ungerija). Barra minn hekk, skema ta' konsulenza, li permezz tagħha kumpaniji kbar jappoġġjaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, tinsab fl-istadju ta' proġett pilota (Franza)[62]. | [1] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" – "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa, - COM (2008) 394 finali. [2] http://ec.europa.eu/eu2020/index_en.htm [3] COM(2011) 11 finali. [4] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/implementation/files/sba_imp_mt.pdf [5] Barra minn hekk, il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-VAT tinkludi taqsima speċifika dwal l-SMEs. [6] [7] SEC(2005)0433 finali, Anness ma' COM(2005)121 finali. [8] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Qafas Temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, (ĠU CC 6, 11.1.2011, p. 5). [9] [10] [11] [12] L-inizjattiva prinċipali ta' Ewropa 2020 "Unjoni tal-Innovazzjoni", adottata mill-Kummissjoni f'Ottubru 2010. [13] Komunikazzjoni "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir intelliġenti f'Ewropa 2020", COM(2010)553. [14] u [15] Eżempji tal-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jimplimentaw l-SBA huma inklużi fl-Anness. [16] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/start-up-procedures/index_en.htm [17] Komunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni intelliġenti fl-UE, COM (2010) 543. [18] COM(2011) 20. [19] http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/green_paper_audit_en.htm [20] http://ec.europa.eu/information_society/activities/egovernment/action_plan_2011_2015/index_en.htm [21] [22] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=836 [23] Azzjoni Konġunta għall-appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikrofinanzjament fl-Ewropa. [24] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=836 andhttp://ec.europa.eu/enterprise/policies/finance/borrowing/microcredit/index_en.htm [25] Faċilità Finanzjarja għall-Qsim tar-Riskju, http://www.eib.org/products/loans/special/rsff/index.htm?lang=en [26] L-allokazzjoni totali ppjanata bħala appoġġ għan-negozji fil-Politika ta' Koeżjoni fil-perjodu ta' programmar attwali għal bejn l-2007 u l-2013 hija ta' madwar EUR 55 biljun, li minnhom EUR 27 biljun huma mmirati espliċitament biss għall-SMEs u EUR 28 biljun mhumiex relatati mad-daqs tan-negozju. [27] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni COM(2010)815. [28] Il-Komunikazzjoni "Il-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Affarijiet Dinjija", (COM(2010)612, 9.11.2010 [29] [30] SEC(2005)433, Anness ma' COM(2010)135 finali. [31] Ara l-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-akkwist pubbliku tal-UE: http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/modernising_rules/consultations/index_en.htm [32] [33] Id-Direttiva 2006/114/KE [34] It-tagħrif dwar l-oriġini jew il-post tal-provenjenza tal-prodotti huwa kopert minn żewġ inizjattivi leġiżlattivi li attwalment qed jiġu diskussi: il-proposta għal Regolament dwar il-forniment ta' tagħrif dwar l-ikel lill-konsumaturi u l-"Pakkett ta' Kwalità", COM(2010)738. [35] Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (COM(2005)661) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ismijiet ta' tessuti u l-ittikkettjar relatat tal-prodotti tat-tessuti (COM(2009)31). [36] [37] Il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina. [38] Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni jidentifika l-problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom diversi tipi ta' SMEs meta jkunu involuti f'Investigazzjonijiet ta' Difiża tal-Kummerċ, inklużi nuqqas ta' trasparenza u diffikultajiet fl-aċċess għat-tagħrif , u jipproponi soluzzjoni possibbli għal dawn il-problemi. Attwalment, l-Istati Membri qed jiddiskutu s-sejbiet ta' dan l-istudju biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet ta' segwitu. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok idħol fuq is-sit ta' DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/tradedefence/information-for-business/sme/ [39] [40] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni li Tpoġġi l-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fiċ-Ċentru", COM (2010) 614. [41] [42] COM(2010) 682 finali. [43] COM(2010) 477 finali. [44] [45] [46] L-Islanda u n-Norveġja huma fost l-Istati Membri tal-UE li qed jimplimentaw l-SBA u jibbenefikaw mill-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. [47] Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 2. [48] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba. [49] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/files/docs/sba/sba_action_plan_en.pdf [50] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba. [51] uhttp://english.minlnv.nl/portal/page?_pageid=116,4093799&_dad=portal&_schema=PORTAL [52] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba. [53] http://www.sviluppoeconomico.gov.it/pdf_upload/documenti/Rapportosba2010DEF.pdf uhttp://www.sviluppoeconomico.gov.it/primopiano/dettaglio_primopiano.php?sezione=primopiano&tema_dir=tema2&id_primopiano=718 [54] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba. [55] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba. [56] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba. [57] [58] "SMEs, l-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni" Studji tal-OECD dwar l-SMEs u l-Intraprenditorija, 2010 [59] http://www.urp.it/allegati/Legge_2010_122.pdf (l-Artikolu 42). [60] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba. [61] Sors: SBA: Bażi ta' dejta tal-prattiki tajba http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/best-practices/database/SBA/index.cfm?fuseaction=welcome.detail [62] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm (ara t-tabella ta' fatti dwar l-SBA skont il-pajjiż għall-2009, taqsima 5 dwar il-Prattiki Tajba.