EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0048

GREEN PAPER Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE

/* KUMM/2011/0048 finali */

52011DC0048

GREEN PAPER Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE /* KUMM/2011/0048 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.2.2011

KUMM(2011) 48 finali

GREEN PAPER

Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE

GREEN PAPER

Il-bidla ta’ sfidi f’opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE

1. Għan

Din il-Green Paper tvara dibattitu pubbliku dwar il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati għall-programmi futuri ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE. Dawn il-programmi se jkunu parti mill-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li jmiss li għandu jiġi ppreżentat f'Ġunju 2011. L-adozzjoni ta' proposti speċifiċi għal programmi ta' finanzjament għandha sseħħ sal-aħħar tal-2011. Ir-riċerkaturi, in-negozji, l-gvern kif ukoll is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini huma mħeġġa jieħdu sehem f'dan id-dibattitu importanti.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni, li huma essenzjali għall-prosperità soċjali u ekonomika kif ukoll għas-sostennibbiltà ambjentali, huma determinanti biex ikomplu jitwettqu l-għanijiet ferm sostnuti tal-Ewropa 2020[1], jiġifieri it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-għan għaliha nnifisha, fil-kuntest tal-Ewropa 2020, li żżid l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex sal-2020 ikun dak ta' 3 % bħala PDG. L-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni"[2] titlob approċċ strateġiku u integrat fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jistabbilixxi l-qafas u l-għanijiet li għalihom għandu jikkontribwixxi l-finanzjament futur għar-riċerka u l-innovazzjoni, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattati[3].

Il-Kunsill[4] talab biex il-programmi futuri ta' finanzjament tal-UE jkunu aktar iffukati fuq il-prijoritajiet tal-Ewropa 2020, jindirizzaw l-isfidi soċjali u t-teknoloġiji ewlenin, jiffaċilitaw riċerka kollaborattiva u dik immexxija mill-industrija, itejbu l-istrumenti, jissimplifikaw l-aċċess b'mod radikali, inaqqsu ż-żmien għas-suq u jsaħħu iktar il-livell ta' eċċellenza.

Ir-Reviżjoni tal-Baġit[5] ippreżentat prinċipji ewlenin li fuqhom għandu jkun ibbażat il-baġit futur tal-UE: li jiffoka fuq strumenti li għandhom valur miżjud Ewropew ippruvat, li jsir aktar immirat lejn ir-riżultati u li jħeġġeġ sorsi oħra pubbliċi u privati għall-finanzjament. Ir-Reviżjoni tal-Baġit proponiet li l-istrumenti kollha tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni jaħdmu flimkien f' Qafas Strateġiku Komuni . Waqt il-laqgħa tiegħu fl-4 ta' Frar 2011, il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-innovazzjoni appoġġa l-kunċett tal-Qafas Strateġiku Komuni sabiex itejjeb l-effiċjenza fil-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq il-livell nazzjonali u dak tal-UE. Din il-Green Paper tidentifika mistoqsijiet ewlenin dwar kif jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi.

Filwaqt li din il-Green Paper tiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, hemm rabtiet importanti ma' programmi oħra tal-UE, hekk kif imniżżel fir-Reviżjoni tal-Baġit, u b'mod partikolari mal-Fondi futuri għall-Politika ta' Koeżjoni u l-programmi tal-Edukazzjoni.

Il-finanzjament u l-inizjattivi għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għall-perjodu ta' programmar ta' bħalissa (2007-2013) Is-Seba' Programm Kwadru[6] (FP7) bil-baġit tiegħu ta' EUR 53.3 biljun jappoġġa r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet dimostrattivi fl-UE kollha. L-attivitajiet tiegħu huma implimentati taħt erba' Programmi Speċifiċi: Kooperazzjoni, Ideat, Nies u Kapaċitajiet; jappoġġa wkoll ir-riċerka fl-enerġija nukleari (Euratom) u ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (ĊKR)[7]. Il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjon[8]i (CIP) għandu baġit ta' EUR 3.6 biljun u għandu l-għan li jħeġġeġ il-kompetittività tal-industrija Ewropea, bl-SMEs ikunu l-għan prinċipali tiegħu. Dan il-programm jippromwovi l-aċċess għall-finanzi u jagħti l-appoġġ lill-iżvilupp ta' servizzi u politiki ta' appoġġ għall-innovazzjoni aħjar. Jiffinanzja n-negozju transnazzjonali u s-servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni. Jindirizza r-raggruppamenti, l-akkwist pubbliku u l-fruntieri tal-innovazzjoni li mhumiex teknoloġiċi. Jgħin sabiex is-soċjetà tal-informazzjoni tiżviluppa billi jistimula l-varar u l-użu tal-ICT u jippromwovi l-użu li dejjem qed jikber tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija. L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija[9] (EIT) huwa korp awtonomu fi ħdan l-UE li jressaq flimkien is-setturi tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju sabiex jistimula l-innovazzjoni li tkun minn ta' quddiem fid-dinja. Permezz tal-integrazzjoni kbira tal-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni (KICs) isaħħaħ ir-rabtiet fit-trijanglu tal-għarfien. Il-flessibbiltà tal-EIT għandha l-għan li tagħmlu aktar attraenti għas-settur tan-negozju. Kienu pprovduti EUR 309 miljun lill-EIT mill-baġit tal-UE. Permezz tal-politika ta' Koeżjoni[10], madwar EUR 86 biljun (kważi 25 % tal-baġit totali tal-Fondi Strutturali) huma allokati għat-titjib tal-kapaċità tal-ekonomiji reġjonali biex jinbidlu u jiġġeddu. L-investiment jiffoka fuq erba' elementi prinċipali: ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-intraprendenza, l-ICT u l-iżvilupp tal-kapital uman. |

- 2. Riċerka u innovazzjoni tal-UE: Il-bidla ta’ sfidi f’opportunitajiet

L-Ewropa u d-dinja jaffrontaw sfidi bla preċedent li jkunu jinħtieġu soluzzjonijiet innovattivi. It-triq lura lejn it-tkabbir u livelli ogħla ta' impjiegi, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u wkoll il-mixja lejn soċjetà b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, jinħtieġu azzjoni urġenti u koordinata. L-impatt tal-iżviluppi demografiċi qed jiżdied u r-riżorsi naturali tagħna għandhom jintużaw b'aktar għaqal. Is-soċjetajiet tagħna jaffrontaw sfidi marbuta mas-sigurtà li qed jikbru fid-daqs u fis-sofistikazzjoni tagħhom. Madankollu, sfidi bħal pereżempju t-tixjiħ tal-popolazzjoni jew id-dipendenza tagħna fuq il-karburanti fossili jipprovdu wkoll opportunitajiet tajba ta' żvilupp ta' prodotti u servizzi innovattivi, u b'dan il-mod joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

L-Ewropa trid ukoll taffronta l-isfida li żżomm u ssaħħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fir-rigward tal-globalizzazzjoni. L-ekonomiji emerġenti qiegħdin jimxu lil hinn mill-kompetizzjoni fuq livell tal-kosti u imitazzjoni u jersqu aktar lejn strateġiji bbażati fuq l-innovazzjoni. Pajjiżi oħra qed jinvestu aktar minn qatt qabel sabiex iħarsu l-futur tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-istandards ta' għajxien li qed jogħlew f'dawn il-pajjiżi jiftħu swieq ġodda għall-prodotti u servizzi Ewropej u ż-żieda fil-ħila tagħhom toħloq opportunitajiet ġodda ta' kollaborazzjoni.

Hemm il-ħtieġa li naħtfu dawn l-opportunitajiet, nibnu fuq il-punti pożittivi tagħna u naġixxu malajr u b'mod deċiżiv sabiex nibnu l-futur tagħna, intejbu l-benesseri taċ-ċittadini u niżguraw il-kompetittività fin-negozji tagħna. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fatturi ewlenin f'dan il-proċess, iżda, f'dawn is-setturi, ħafna drabi l-kompetituri qed ikunu ferm aħjar mill-Ewropa[11].

L-Ewropa teħtieġ tagħmel bidla fil-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha. Hekk kif irrimarkat l-Unjoni tal-Innovazzjoni, dan jitlob rabta akbar bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. Jeħtieġ li ninqatgħu mill-approċċi tradizzjonali u kumpartimentalizzati u niffukaw aktar fuq l-isfidi u r-riżultati li jridu jintlaħqu, filwaqt li norbtu l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni aktar mill-qrib mal-għanijiet tal-politika tagħna. L-iżvilupp ta' grupp ta' strumenti u regoli simplifikati huwa daqstant ieħor kruċjali, hekk kif jitħalla spazju għall-flessibbiltà fejn din tkun meħtieġa.

Fi żmien meta l-finanzi pubbliċi huma limitati għall-aħħar, jeħtieġ nużaw kull euro bl-aħjar mod possibbli. Il-finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa huwa stabbilit prinċipalment fuq il-livell nazzjonali. Minkejja xi progress li sar, il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali għadhom jaħdmu l-aktar skont l-istrateġiji differenti tagħhom. Dan iwassal għal ripetizzjonijiet u frammentazzjoni li jiswew ħafna flus. L-azzjonijiet fuq il-livell tal-UE jipprovdu l-opportunità li tinħoloq aktar effiċjenza u impatt akbar. Dan jista' jibni fuq l-isforzi konġunti li qed isiru bħalissa bejn l-Istati Membri, l-industrija u l-UE bħal pereżempju fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan)[12], l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti tal-ICT (JTIs)[13] u l-Pjan għal Teknoloġiji Strateġiċi tat-Trasport li għadu jrid jiġi ppreżentat.

Il-programmi wiesgħa tal-UE huma wkoll ferm importanti sabiex inkunu fuq l-istess livell tal-kompetituri internazzjonali tagħna. In-nuqqas ta' investiment Ewropew fir-riċerka u l-innovazzjoni, speċjalment dak mis-settur privat, huwa dgħjufija ewlenija. Il-programmi tal-UE għandhom jixprunaw l-investiment privat u jagħmlu l-Ewropa post li jiġbed lejh aktar investiment.

Il-programmi tal-UE huma meħtieġa sabiex joħolqu numru akbar ta' skoperti xjentifiċi rilevanti fuq livell dinji hekk kif dawn jgħinu sabiex jintlaħqu livelli eċċellenti permezz tal-kompetizzjoni Ewropea. Integrazzjoni tal-politiki u finanzjament tal-UE mir-riċerka għas-suq (bħal fis-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni ) se jgħinu lill-Ewropa tikseb riżultati aħjar meta tittrasforma l-għarfien f'innovazzjoni. Il-provvediment ta' servizzi bħala appoġġ għall-proċess ta' innovazzjoni lil hinn mill-innovazzjoni teknoloġika se jgħin sabiex ikunu jistgħu jiġu sfruttati l-opportunitajiet għal soluzzjonijiet innovattivi li joffri s-suq.

3. Tagħlimiet mill-programmi ta' bħalissa ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE

Ix-xenarju tal-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE żviluppa tul dawn l-aħħar deċennji u llum il-ġurnata jikkostitwixxi parti sinifikanti mill-baġit tal-UE[14].

L-evalwazzjoni interim tal-FP7[15] ikkonfermat ir-rwol importanti tagħha fil-bini u s-sostenn tan-netwerks Ewropej, inkluż ir-rwol pożittiv ta' Marie Curie u l-azzjonijiet ta' riċerka dwar l-infrastruttura kif ukoll is-suċċess ta' strumenti ġodda bħall-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) u l-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF). Ikkonfermat ukoll il-kontribuzzjoni unika li jagħti l-FP7 permezz tal-finanzjament tiegħu għar-riċerka kollaborattiva transkonfinali. Dan talab għal rabta akbar bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni u wkoll konċentrazzjoni aktar ċara fuq l-eċċellenza, il-kompetittività u l-għanijiet soċjali.

L-evalwazzjoni interim tas-CIP[16] ikkonfermat l-għanijiet tagħha li huma ferm rilevanti għall-intervenzjoni fuq livell tal-UE. Din enfasizzat ir-rwol importanti tal-istrumenti finanzjarji li jgħinu lill-SMEs, lin-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża, il-proġetti ta' ekoinnovazzjoni tar-replikazzjoni tas-suq u l-proġetti pilota mmexxija mid-domanda għall-innovazzjoni tal-ICT. Uriet ukoll il-ħtieġa ta' rabta akbar mal-programmi l-oħra tal-UE, inkluż il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni

L-EIT, permezz tal-ewwel Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni tiegħu, qed jindirizza sfidi soċjali (it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-ICT) u qed ikun minn tal-ewwel fl-introduzzzjoni ta' mudelli ġoddi ta' governanza tal-innovazzjoni. L-EIT għandu jippreżenta l-Aġenda għall-Istrateġija ta' Innovazzjoni sa nofs is-sena 2011, li permezz tagħha jippjana li jżid l-attivitajiet tiegħu bħala turija tal-innovazzjoni fl-Ewropa u biex ukoll juri b'mod sistematiku l-attivitajiet li se jkun hemm fil-futur.

Madankollu, id-diversi evalwazzjonijiet identifikaw ukoll numru ta' żbalji u nuqqasijiet, b'mod partikolari in-nuqqas ta' approċċ aktar unit fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-kumplessità tal-istrumenti, ir-regoli u l-proċeduri burokratiċi żżejjed u n-nuqqas ta' trasparenza. It-titjib fil-programmi futuri għandu jiffoka fuq:

- Il-kjarifikazzjoni tal-għanijiet u l-mod kif jiġu tradotti fl-attivitajiet appoġġati, filwaqt li jżommu l-flessibbiltà bħala risposta għal ħtiġijiet politiċi emerġenti.

- It-tnaqqis tal-kumplessità . Maż-żmien, il-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE żiedu l-grupp ta' strumenti użati, tant li bdew iħallu l-impressjoni li qed jiġu kkunsidrati wisq għanijiet u li l-fondi mhux qed jitqassmu sew. Nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri jżid mal-kumplessità u jħalli potenzjal għal xogħol li jidħol fuq ieħor u wkoll ripetizzjonijiet, pereżempju fir-rigward ta' miżuri tal-Għajnuna mill-Istat li jservu ta' appoġġ għall-SMEs jew fil-provvediment ta' kapital tar-riskju.

- Iż-żieda tal-valur miżjud u ta' azzjoni flimkien ma' modi biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni. Il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għandu jipprovdi aktar valur miżjud, iżid l-effett tal-azzjoni fuq riżorsi oħra pubbliċi u privati u jintuża b'mod aktar effettiv sabiex isostni l-armonizzazzjoni strateġika u l-għaqda tal-finanzjamenti nazzjonali u reġjonali biex b'hekk tkun evitata d-duplikazzjoni hekk kif jitwettaq l-iskop u l-massa kritika.

- Is-simplifikazzjoni tal-parteċipazzjoni billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jitnaqqas il-ħin biex tingħata l-għotja u l-ħin biex isir il-ħlas kif ukoll il-ksib ta' bilanċ aħjar bejn l-approċċi bbażati fuq il-kost u fuq il-fiduċja. L-approċċ użat fis-CIP jista' jkun ta' eżempju.

- Żieda fil-parteċipazzjoni fi programmi tal-UE. Filwaqt illi l-SME jipparteċipaw ħafna fis-CIP, l-evalwazzjoni interim tal-FP7 enfasizzat il-ħtieġa li jitħeġġeġ iktar l-involviment tal-industrija u l-SME. Uriet ukoll il-ħtieġa li jkun hemm aktar parteċipazzjoni min-naħa ta' riċerkaturi femminili u parteċipanti minn Stati Membri aktar ġodda. Involviment aktar b'saħħtu fil-pajjiżi terzi joffri opportunitajiet fejn il-benefiċċji ta' għarfien li ġej minn barra l-UE jiġu sfruttati aktar.

- Iż-żieda fil-kompetittività u l-impatt soċjali permezz tal-appoġġ tal-UE. Din tkun teħtieġ adozzjoni u użu aħjar tar-riżultati minn kumpaniji, investituri, awtoritajiet pubbliċi, riċerkaturi oħrajn u dawk li jfasslu l-politika. Tinvolvi wkoll l-appoġġ għal innovazzjonijiet akbar (inkluż innovazzjoni li mhijiex teknoloġika u dik soċjali) li mhumiex ir-riżultat ta' attivitajiet ta' riċerka. Hemm il-ħtieġa ta' komunikazzjoni aħjar tal-għanijiet tagħna u wkoll li r-rilevanza tal-azzjonijiet tagħna tkun indirizzata lejn udjenza usa'. L-utenti finali tal-innovazzjonijiet (kemm jekk huma ċittadini, negozji jew is-settur pubbliku) għandhom ikunu involuti fl-azzjonijiet tagħna fi stadju aktar bikri sabiex jaċċelleraw u jwessgħu l-użu tar-riżultati u biex iħeġġu l-approvazzjoni tal-pubbliku ġenerali f'oqsma sensittivi bħas-sigurtà jew in-nanoteknoloġija.

4. Lejn qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni TAL-UE

F'konformità mal-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u d-dispożizzjonijiet tat-Trattati, il-Qafas Strateġiku Komuni se jiffoka fuq l-indirizzar tal-isfidi soċjali, it-tħeġġiġ favur il-kompetittività tal-industriji tal-Ewropa u l-eċċellenza tal-bażi xjentifika u t-teknoloġika tagħha.

4.1. Naħdmu flimkien sabiex nilħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020

Fil-livell tal-UE, diversi programmi jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, ikopru attivitajiet fiċ-ċiklu ta' innovazzjoni, iżda spiss joperaw b'mod indipendenti minn xulxin. Ir-Reviżjoni tal-Baġit identifikat pass ieħor f'dan ir-rigward permezz tal-iżvilupp ta' Qafas Strateġiku Komuni. Dan ikopri l-finanzjament kollu rilevanti għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li attwalment qed jingħata permezz tal-FP7 u s-CIP kif ukoll permezz tal-inizjattivi tal-innovazzjoni tal-UE bħall-EIT abbażi ta' għanijiet koerenti u għanijiet strateġiċi komuni.

Il-Qafas Strateġiku Komuni joffri potenzjal kbir biex il-finanzjament tal-UE jiġbed aktar parteċipanti lejh u jkun faċli biex dawn ikollhom aċċess għalih. Dan jippermetti l-iżvilupp ta' punt tad-dħul waħdieni mal-għodod komuni tal-IT[17] jew one stop shop li jagħti pariri u jsostni lill-parteċipanti. Barra minn hekk, jippermetti l-iżvilupp ta' struttura aktar sempliċi u effiċjenti u grupp imtejjeb ta' strumenti għall-finanzjament li jkopri l-katina kollha ta' inovazzjoni mingħajr l-ebda problemi.

Il-Qafas Strateġiku Komuni joffri wkoll possibbiltajiet ċari għal simplifikazzjoni amministrattiva permezz ta' żvilupp ta' grupp aktar standardizzat ta' regoli li jkopri l-parteċipanti kollha tal-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE. Kull fejn hu possibbli, dawn ir-regoli għandhom ifittxu l-punti komuni bejn it-tipi differenti ta' attivitajiet. Dan għandu jibni fuq il-proċess kontinwu li jwassal għal simplifikazzjoni[18], filwaqt li jikkunsidra miżuri addizzjonali bħal użu akbar ta' ammonti li jkollhom rata fissa jew l-approvazzjoni ġenerali tal-prattiċi ta' kontabbiltà tal-benefiċjarji[19].

Il-flessibbiltà se tkun meħtieġa sabiex tipprovdi għad-diversità tal-finanzjament meħtieġ sabiex ikopri ċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni jew għar-rekwiżiti marbuta ma' kundizzjonijiet speċifiċi. Il-flessibbiltà u l-veloċità tal-għoti huma wkoll essenzjali sabiex jiġbdu aktar negozji bħala partijiet interessati (b'mod partikolari l-SMEs). Dan jista' jiġġustifika mekkaniżmi distintivi u regoli implimentattivi bħal, pereżempju, fil-każ tal-EIT.

Il-programmi tal-UE joperaw f'ambjent li fih il-maġġoranza ta' finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni hija amministrata mill-Istati Membri. Iżda spiss dan ma jikkunsidrax kif xieraq in-natura transkonfinali tar-riċerka u l-innovazzjoni, biex b'hekk is-sinerġiji ma' programmi ta' Stati Membri oħra jew dawk tal-UE ma tantx jintużaw.

L-esperjenzi marbuta mal-ġbir flimkien tar-riżorsi tal-Istati Membri (permezz tal-Inizjattivi tal-Artikolu 185, l-ERA-Nets u l-ewwel passi lejn l-Inizjattivi għal Programmar Konġunt) urew l-impatt potenzjali u l-effiċjenzi li jkun hemm meta jiżdiedu sorsi pubbliċi oħra ta' finanzjament. L-effettività tagħhom, madankollu, tiddependi fuq impenji kbar, u dan ukoll f'termini finanzjarji, min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u reġjonali.

Jeħtieġ li l-Politika futura ta' Koeżjoni jkollha rwol importanti, li jservi għall-bini ta' kapaċitajiet ta' riċerka u innovazzjoni fuq il-livell reġjonali permezz ta' strateġija intelliġenti ta' speċjalizzazzjoni, iżda fil-kuntest ta' għanijiet ta' politika aktar wiesgħa tal-UE. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-politika ta' Koeżjoni[20] tindika programmar strateġiku aktar b'saħħtu, żieda ta' konċentrazzjoni tar-riżorsi u aktar użu tal-kundizzjonalità u inċentivi biex jippermettu impatt aktar qawwi fuq il-prijoritajiet tal-Ewropa 2020, inkluż ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għandu għalhekk jibni kumplimentaritajiet b'saħħithom mal-Qafas Strateġiku Komuni futur tal-politika ta' koeżjoni.

Barra minn hekk, il-finanzjament għall-Iżvilupp Rurali bħalissa qed jipprovdi sensiela kbira ta' miżuri li jieħdu ħsieb l-innovazzjoni fl-agrikoltura. Il-Kommunikazzjoni "Il-PAK lejn l-2020: nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dawk territorjali[21] jikkunsidra l-innovazzjoni bħala waħda mit-temi li jmexxu l-iżvilupp rurali flimkien mal-ambjent u t-tibdil fil-klima.

Mistoqsijiet:

1. Kif għandu jagħmel il-Qafas Strateġiku Komuni biex il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE jiġbed aktar parteċipanti lejh u jkun faċli biex dawn ikollhom aċċess għalih? X'hemm bżonn aktar, minbarra l-punt tad-dħul waħdieni, l-għodod komuni tal-IT, one stop shop għall-appoġġ, grupp imtejjeb ta' strumenti ta' finanzjament li jkopri l-katina sħiħa ta' innovazzjoni u passi oħra li jqarrbu aktar lejn is-simplifikazzjoni fl-amministrazzjoni? 2. B'liema mod il-finanzjament tal-UE jista' jkopri l-aħjar iċ-ċiklu sħiħ ta' innovazzjoni mir-riċerka sal-adozzjoni fis-suq? 3. Liema huma l-karatteristiċi ta' finanzjament tal-UE li jagħmlu l-aħjar użu mill-benefiċċju ta' azzjoni fuq il-livell tal-UE? Għandu jkun hemm enfasi kbira fuq iż-żieda ta' sorsi oħra ta' finanzjament? 4. B'liema mod il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għandu jintuża bl-aħjar mod biex jiġbor flimkien ir-riżorsi tal-Istati Membri? B'liema mod għandhom ikunu megħjuna l-Inizjattivi għall-Ipprogrammar Konġunt (Joint Programming Initiatives) bejn gruppi tal-Istati Membri? 5. X'għandu jkun il-bilanċ bejn proġetti iżgħar u mmirati u dawk akbar u strateġiċi? 6. Kif tista' l-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm bilanċ bejn il-grupp uniku ta' regoli li jippermetti simplifikazzjoni radikali u l-ħtieġa li tinżamm ċertu flessibbiltà u diversità sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' strumenti differenti, filwaqt li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji differenti, b'mod partikolari l-SMEs? 7. X'għandhom ikunu l-miżuri ta' suċċess għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE? Liema indikaturi tal-prestazzjoni għandhom jintużaw? 8. B'liema mod il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għandu jirrelata mal-finanzjament reġjonali u nazzjonali? B'liema mod dan il-finanzjament jikkumplimenta l-fondi mill-politika ta' koeżjoni futura, imfassla biex tgħin lil dawk ir-reġjuni l-inqas żviluppati tal-UE, u l-programmi ta' żvilupp rurali? |

4.2. L-indirizzar tal-isfidi imposti mis-soċjetà

L-Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha fformulaw għanijiet politiċi ambizzjużi f'oqsma bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, it-tixjiħ demografiku jew l-effiċjenza tar-riżorsi. L-Unjoni tal-Innovazzjoni talbet biex il-programmi futuri tal-fondi tal-UE ikunu marbutin aktar mill-qrib ma' dawn l-għanijiet billi jkun hemm konċentrazzjoni akbar fuq soluzzjoni għall-isfidi tas-soċjetà. Madankollu, hemm il-ħtieġa ta' kunsiderazzjoni akbar sabiex jiġu identifikati dawk l-isfidi li fihom l-intervenzjonijiet fuq livell tal-UE jistgħu tassew jagħmlu differenza, filwaqt li jevitaw għażliet xjentifiċi u teknoloġiċi li huma wisq preskrittivi.

Il-progammi ta' finanzjament tal-UE li hemm bħalissa għamlu sforz kbir biex isibu soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà, l-aktar permezz ta' spinta teknoloġika tematika. Il-ġabra flimkien ta' riċerkaturi mill-Ewropa f'netwerks kollaborattivi kienet fil-qalba ta' dan l-approċċ u se tkompli tkun importanti ħafna biex issostni l-istruttura Ewropea tar-riċerka. L-esperjenza wriet, madankollu, il-limitazzjonijiet ta' dan l-approċċ fil-ksib tal-flessibbiltà neċessarja, il-kreattività u r-riċerka li tħaddan diversi dixxiplini meħtieġa.

L-Unjoni ta' Innovazzjoni introduċiet il-kunċett ta' Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni li jiġbru flimkien miżuri ta' provvista u domanda fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà. Għandhom rwol importanti jiġifieri dak li jikkoordinaw l-isforzi u jiffukaw l-attivitajiet fiċ-ċiklu ta' innovazzjoni. L-approċċ strateġiku tas-SET-plan bil-prijoritajiet ċari tiegħu, strutturi ta' governanza definiti sew u l-funzjoni ta' valutazzjoni ta' progress jistgħu hawnhekk iservu ta' eżempju.

Mistoqsijiet:

9. B'liema mod konċentrazzjoni akbar fuq l-isfidi tas-soċjetà għandha taffettwa l-bilanċ bejn ir-riċerka mmexxija mill-kurżità u l-attivitajiet immexxija mill-aġenda? 10. Għandu jkun hemm aktar spazju għal attivitajiet minn isfel 'il fuq? 11. B'liema mod il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE jgħin bl-aħjar mod it-tfassil tal-politika u wkoll l-attivitajiet progressivi? 12. Kif jista' jittejjeb ir-rwol taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni fir-rigward tal-appoġġ għat-tfassil tal-politika u fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà? 13. B'liema mod l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE jistgħu jiġbdu interess u parteċipazzjoni akbar min-naħa taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili? |

4.3. It-tisħiħ tal-kompetittività:

Jeħtieġ li l-Ewropa żżid il-prestazzjoni tagħha billi toħloq impatt permezz tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-ostakoli xorta jibqgħu preżenti waqt it-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka mil-laboratorju għall-fażijiet ta' żvilupp, kummerċjalizzazzjoni u applikazzjoni. Hekk kif tindika l-Unjoni ta' Innovazzjoni, l-industrija għandha rwol essenzjali fit-twaqqif ta' prijoritajiet u permezz tas-sħubijiet pubbliċi privati. Dan jinvolvi wkoll żieda fl-appoġġ fiċ-ċiklu kollu ta' innovazzjoni (inkluż prova tal-kunċett, ittestjar, proġetti pilota u dimostrazzjoni), inkluż kwistjonijiet bħas-segwitu ta' wara l-proġett, riċerka prenormattiva għat-tfassil tal-istandards, appoġġ għall-privattivi u għall-innovazzjoni li mhijiex teknoloġika.

L-iżgurar ta' pożizzjoni b'saħħitha f'teknoloġiji ewlenin li jiftħu l-possibbiltajiet bħall-ICT, nanoteknoloġija, materjali avvanzati, manifattura, teknoloġija tal-ispazju jew bijoteknoloġija huwa ta' importanza kbira ħafna għall-kompetittività tal-Ewropa u jippermetti l-iżvilupp ta' prodotti innovattivi u servizzi meħtieġa fl-indirizzar ta' sfidi tas-soċjetà.

L-FP7 introduċa approċċi innovattivi sabiex isaħħaħ is-sehem tal-industrija. Il-Pjattaformi Ewropew tat-Teknoloġija (ETPs) għenu sabiex ikunu definiti l-prijoritajiet li huma rilevanti għall-industrija. L-Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija (JTIs) jagħtu l-kontroll lill-industrija permezz tat-twaqqif ta' sħubijiet formali bejn il-pubbliku u l-privat. Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku introduċa aktar sħubijiet informali pubbliċi-privati (PPPs) f'oqsma ewlenin. L-esperjenza wriet li s-suċċess tagħhom jiddependi fuq impenji b'saħħithom min-naħa tal-partijiet interessati involuti, u tmexxija sempliċi u effiċjenti kif ukoll strutturi ta' implimentazzjoni.

Fil-qafas tal-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni, l-EIT se tkompli ssaħħaħ l-approċċ tagħha mmexxi min-negozju permezz ta' konċentrazzjoni fuq il-ħolqien tar-riżultati u l-impatti iżda wkoll fuq iż-żieda ta' fondi sostanzjali mis-settur privat. Fil-kuntest tas-SET-plan, l-Inizjattivi Industrijali Ewropej ġew varati sabiex jippermettu li s-settur pubbliku u dak privat b'mod konġunt jiżviluppaw pjanijiet għat-teknoloġija. Is-CIP għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea, b'konċentrazzjoni partikolari fuq l-SMEs. Jikkunsidra l-fatt li l-innovazzjoni tinħtieġ ħafna kompetenzi u attivitajiet oħra minbarra r-riċerka li mhumiex teknoloġiċi, eżempju d-disinn, il-kreattività, it-tfassil tal-istandard, l-isfruttar u l-kumbinazzjonijiet ġodda tat-teknoloġiji eżistenti, mudelli ġodda ta' negozju, l-involviment tal-utent jew l-isfruttar ta' bosta possibbiltajiet diversi li toffri l-innovazzjoni soċjali.

Permezz tal-flessibbiltà u l-aġilità tagħhom, l-SMEs għandhom rwol fundamentali fl-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda. SMEs prominenti u li qed jikbru malajr għandhom il-potenzjal li jibdlu l-istruttura tal-ekonomija Ewropea billi jiżviluppaw f'dawk il-kumpaniji multinazzjonali ta' għada. Is-CIP irnexxielu jilħaq l-SMEs (100,000 SMEs irċivew garanziji ta' self, 70 % tal-benefiċjarji tal-proġetti ta' ekoinnovazzjoni tar-replikazzjoni tas-suq huma SMEs) u għalkemm ingħatat attenzjoni partikolari biex jiżdied l-involviment tal-SMEs tul l-FP7, dawn xorta għadhom iqisu l-parteċipazzjoni tagħhom bħala sfida kbira. Jista' jsir titjib fl-approċċ fir-rigward tal-SMEs billi wieħed jitgħallem mill-esperjenza miksuba permezz tal-azzjonijiet attwali tal-SMEs, jikkunsidra l-ħtiġijiet tal-innovazzjoni u t-tkabbir ta' tipi differenti ta' SMEs u wkoll il-fatt li l-ħtiġijiet ta' bosta SMEs huma moqdija l-aħjar fuq livell reġjonali, inkluż permezz tal-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni.

Skemi ta' implimentazzjoni li huma miftuħa, ħfief u veloċi jippermettu lill-SMEs u partijiet oħra interessati mill-industrija u l-akkademja sabiex jesploraw ideat u opportunitajiet ġodda emerġenti, b'mod flessibbli, biex b'hekk jiftħu mogħdijiet ġodda għall-innovazzjoni. Dan jista', pereżempju, jibni fuq l-użu attwali ta' sejħiet miftuħa u proċeduri ta' applikazzjoni simplifikati fl-azzjonijiet tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET) fit-Tema dwar l-ICT tal-FP7 kif ukoll fuq il-proġetti ta' ekoinnovazzjoni tar-replikazzjoni tas-suq.

Id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali li jmexxu l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE huma deċiżivi sabiex ikun hemm użu effiċjenti u trasferiment teknoloġiku, filwaqt li fl-istess ħin ikunu jeħtieġu jiżguraw l-aċċess għar-riżultati xjentifiċi u għall-firxa rapida tagħhom. Huma wkoll rilevanti għall-kooperazzjoni internazzjonali f'oqsma ta' interess strateġiku.

Il-livell baxx ta' finanzjament privat għar-riċerka u l-innovazzjoni huwa restrizzjoni kbira fl-Ewropa. Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji tal-FP7 (FP7 Risk Sharing Finance Facility) u l-istrumenti finanzjarji tas-CIP urew kif il-baġit tal-UE fi sħubija mal-Grupp tal-Bank Ewropew ta' Investiment jista' jegħleb in-nuqqasijiet fis-suq f'dan il-qasam. Filwaqt li jibnu fuq din l-esperjenza, il-programmi futuri ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE għandhom jużaw b'mod sħiħ l-istrumenti finanzjarji (permezz tal-mekkaniżmi tal-Pjattaforma Ewropea tal-Ekwità u tal-Qsim tar-Riskju proposti fir-Reviżjoni tal-Baġit) sabiex jappoġġaw il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka, it-tkabbir tan-negozji innovattivi kif ukoll l-investimenti f'istrumenti prinċipali.

Jistgħu wkoll ikunu kkunsidrati approċċi ġodda, b'mod partikolari dawk li jistimolaw id-domanda u li għandhom l-għan li jinvolvu l-utenti pubbliċi u privati fi stadju aktar bikri u b'mod li jkunu eqreb fil-proċess ta' innovazzjoni[22]. L-Unjoni ta' Innovazzjoni titlob li l-kapaċità ta' akkwist tas-settur pubbliku tintervjeni sabiex tiġi xprunata l-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku inkluż dak prekummerċjali[23]. Dan jista' jibni fuq l-azzjonijiet pilota preżenti fis-CIP u fl-FP7. Fl-Istati Uniti teżisti tradizzjoni kbira ta' dan[24], iżda fl-UE din l-opportunità ħafna drabi ma tiġix sfruttata.

Bl-istess mod, premjijiet ta' inkoraġġiment jagħtu inċentiv lir-riċerkaturi sabiex dawn jilħqu għanijiet flessibbli permezz tal-prospetti li jkollhom premju finanzjarju. Dawn għandhom storja twila bħala għodda għal dawk li jfasslu l-politika, iżda prattikament qatt ma ntużaw fil-programmi tal-UE.

Mistoqsijiet:

14. B'liema mod jista' l-finanzjament tal-UE jikkunsidra n-natura vasta tal-innovazzjoni inkluż l-innovazzjoni li mhijiex teknoloġika, l-ekoinnovazzjoni kif ukoll l-innovazzjoni soċjali? 15. B'liema mod il-parteċipazzjoni fil-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE tista' tkun imsaħħa? B'liema mod għandhom ikunu appoġġati l-Inizjattivi Konġunti Teknoloġiċi (eżempju dawk varati permezz tal-Programm Qafas attwali) jew forom oħra ta' "sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat"? X'għandu jkun ir-rwol tal-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija? 16. B'liema mod u x'tipi ta' Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SME) għandhom ikunu appoġġati fuq il-livell tal-UE; b'liema mod dan għandu jikkumplimenta l-iskemi fuq livelli nazzjonali u reġjonali? Liema tip ta' miżuri għandhom jittieħdu sabiex tkun iffaċilitata ħafna l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-programmi dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE? 17. B'liema mod għandhom ikunu mfassla l-iskemi miftuħa, ħfief u veloċi (eż. il-bini fuq l-azzjonijiet attwali tal-FET u l-proġetti ta' ekoinnovazzjoni tar-replikazzjoni tas-suq tas-CIP) sabiex jippermettu esplorazzjoni flessibbli u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ideat ġodda, b'mod partikolari mill-SMEs? 18. Kif jistgħu jkunu użati l-istrumenti finanzjarji (ibbażati fuq l-ekwità u d-dejn) fuq il-livell tal-UE b'mod aktar estensiv? 19. Għandhom ikunu introdotti approċċi ġodda li jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-akkwist pubbliku, inkluż permezz tar-regoli dwar l-akkwist prekummerċjali u/jew il-premjijiet ta' inkoraġġiment? 20. B'liema mod għandhom ir-regoli tal-proprjetà intelletwali li jmexxu l-finanzjament tal-UE jilħqu l-bilanċ xieraq bejn l-aspetti ta' kompetittività u l-ħtieġa ta' aċċess għar-riżultati xjentifiċi u t-tixrid tagħhom? |

4.4. It-tisħiħ tal-bażi xjentifika Ewropea u ż-Żona Ewropea ta' Riċerka

Il-bażi xjentifika Ewropea hija fost l-aktar waħda produttiva tad-dinja, iżda ma għandhiex biżżejjed livelli ta' eċċellenza fuq livell dinji li fihom qed jinħolqu riżultati rivoluzzjonarji mir-riċerka, liema riżultati jkunu jistgħu jwasslu għal bidla strutturali.

L-Istati Membri huma dawk l-aktar responsabbli mill-bini ta' bażi xjentifika pubblika kompetittiva. L-appoġġ tal-UE jista' b'mod ċar iżid il-valur hekk kif għamel fil-passat permezz ta' diversi inizjattivi li kkontribwixxew għall-bini taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA). Huwa essenzjali li wieħed jikkunsidra kif il-finanzjament ipprovdut permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni jista' jintuża sabiex iħaffef il-progress lejn ERA li tkun magħquda b'mod ġenwin.

It-twaqqif tal-ERC kien pass kbir 'il quddiem sabiex jiżdied il-livell ta' eċċellenza fil-bażi xjentifika Ewropea[25]. It-tisħiħ tar-rwol tiegħu jista' jinvolvi kemm l-importanza tiegħu kif ukoll l-istrumenti li juża. Iridu joħorġu tagħlimiet importanti mill-esperjenzi ta' dawk ir-reġjuni u l-pajjiżi li kellhom il-ħila jiżviluppaw l-aktar istituzzjonijiet pubbliċi ta' riċerka eċċellenti fid-dinja, permezz ta' konċentrazzjoni ta' finanzjament u għaqda ta' għotjiet għall-proġetti u skemi ta' appoġġ istituzzjonali.

Fl-aħħar nett, eċċellenza ta' livell dinji jista' biss ikollha suċċess f'sistema li fiha r-riċerkaturi madwar l-UE kollha huma pprovduti bil-mezzi biex jiżviluppaw u jersqu lejn l-eċċellenza u eventwalment ikunu jistgħu jikkompetu biex jilħqu l-quċċata. Dan jitlob li l-Istati Membri jsegwu aġendi ambizzjużi tal-immodernizzar għal bażi ta' riċerka pubblika tagħhom u jsostnu wkoll il-finanzjament pubbliku. Il-finanzjament tal-UE, ukoll permezz tal-Fondi għall-politika ta' Koeżjoni, għandhom jgħinu sabiex jinbena livell ta' eċċellenza fejn u kif xieraq.

Kisba prinċipali fit-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien hija l-azzjonijiet Marie Curie tal-UE, li xprunaw il-mobbiltà transkonfinali u l-kollaborazzjoni fir-riċerka bejn bosta eluf ta' riċerkaturi. L-azzjonijiet Marie Curie kellhom ukoll rwol importanti fil-preparazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss tar-riċerkaturi b'ħiliet innovattivi, b'mod partikolari permezz tal-iskambji bejn l-industrija u l-akkademja.

Permezz tal-azzjonijiet tal-programm dwar infrastrutturi ta' riċerka u l-bini fuq ix-xogħol tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI), ingħatat spinta kbira lill-ippjanar, preparazzjoni u bini fuq skala kbira ta' infrastrutturi ta' riċerka, u wkoll lill-iżgurar tal-aċċess għal infrastrutturi eżistenti. F'dan il-kuntest, huwa importanti li jkun hemm aktar użu tal-e-Infrastrutturi li jippermetti aċċess mill-bogħod u virtwali għall-faċilitajiet ta' riċerka u għall-informazzjoni xjentifika.

L-approċċ fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali evolva b'mod konsiderevoli sa mill-varar tal-FP7. Il-programmi ta' finanzjament tal-UE huma fost l-aktar miftuħa fid-dinja, iżda huwa xieraq li dan il-ftuħ ikun reċiprokat. Dan mhux biss jikkonċerna l-aċċess għall-finanzjament, iżda wkoll l-aċċess għas-suq u l-protezzjoni tal-IPR. Ix-xogħol tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (SFIC) saħħaħ l-approċċ strateġiku għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet tal-Istati Membri u dawk tal-Unjoni. Għall-programmi tal-futur, jinħtieġ li jiġi kkunsidrat approċċ differenzjat skont l-ispeċifiċitajiet ta' tipi differenti ta' pajjiżi terzi u wkoll li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-għanijiet tat-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea u s-soluzzjonijiet għall-isfidi fuq livell globali.

Dawn l-aħħar snin ġew ikkumplimentati miżuri ta' finanzjament li jappoġġaw l-ERA b'sensiela ta' inizjattivi ta' politika li mhux relatata mal-finanzjament, bħal ma huma l-ħames inizjattivi ERA li kienu varati bħala riżultat tal-Green Paper ERA[26] jew azzjonijiet li għandhom l-għan li joħolqu parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-qasam tax-xjenza. L-Unjoni ta' Innovazzjoni ddikjarat l-ambizzjoni tagħha li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex sal-2014, l-ERA ssir realtà, inkluż permezz tal-leġiżlazzjoni. Hija meħtieġa riflessjoni għaqlija dwar kif il-miżuri ta' finanzjament jistgħu jgħinu f'dan ir-rigward u kif jistgħu jsiru aktar effiċjenti. Dan jirrikjedi artikulazzjoni, komplimentaritajiet u sinerġiji aħjar bejn dawk il-miżuri ta' finanzjament u oħrajn li mhumiex.

Mistoqsijiet:

21. B'liema mod għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka bħala dak li jappoġġa livelli ta' eċċellenza fuq livell dinji? 22. B'liema mod l-UE għandha tassisti lill-Istati Membri fil-bini tal-eċċellenza? 23. B'liema mod għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Azzjonijiet Marie Curie fil-promozzjoni tal-mobbiltà tar-riċerkatur u wkoll l-iżvilupp ta' karrieri attraenti? 24. X'azzjonijiet oħra għandhom jittieħdu fuq il-livell tal-UE sabiex jissaħħaħ aktar ir-rwol tan-nisa fix-xjenza u l-innovazzjoni? 25. B'liema mod għandhom ikunu appoġġati l-infrastrutturi tar-riċerka (inkluż l-e-Infrastrutturi mifruxa mal-UE kollha) fuq il-livell tal-UE? 26. B'liema mod għandha tkun appoġġata l-kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi li mhumiex parti mill-UE eż. f'termini ta' żoni ta' prijorità, strumenti, reċiproċità (inkluż dwar aspetti tal-dritt tal-proprjetà intelletwali) jew kooperazzjoni ma' Stati Membri oħrajn? 27. Liema huma dawk il-kwistjonijiet prinċipali u dawk l-ostakli li jikkonċernaw l-ERA illi l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE għandhom itfittxu li jegħlbu, u liema għandhom ikunu indirizzati permezz ta' miżuri oħrajn (eż. miżuri leġiżlattivi)? |

5. id-dibattitu pubbliku u passi lil hinn minnu

Il-Kummissjoni temmen li l-kwistjonijiet u l-mistoqsijiet imsemmija aktar 'il fuq huma aspetti ewlenin li għandhom ikunu kkunsidrati fl-iżvilupp ulterjuri ta' qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE u ta' strumenti relatati ma' dan.

L-Istati Membri, il-Parlament u pajjiżi oħra huma mistiedna jippromwovu d-dibattitu mal-partijiet interessati tagħhom. Bħala appoġġ għad-dibattitu dwar dawn il-mistoqsijiet, se tkun użata varjetà ta' midja soċjali, inkluż websajt għall-konsultazzjoni pubblika (http://ec.europa.eu/research/innovation-union).

Il-Kummissjoni qed titlob lill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jissottomettu l-kummenti fil-kuntest ta' konsultazzjonijiet pubbliċi sabiex jipprovdu, lill-Kummissjoni u lill-pubbliku ġenerali, l-informazzjoni dwar dak li qed jirrappreżentaw u wkoll lil min. Jekk organizzazzjoni tiddeċiedi li ma tipprovdix din l-informazzjoni, din il-kontribuzzjoni tiġi mniżżla bħala kontribuzzjoni individwali, skont il-politika ddikjarata tal-Kummissjoni. (Standards ta' Konsultazzjoni, ara COM (2002) 704, u l-Komunikazzjoni dwar is-segwitu tal-Green Paper "Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza" COM (2007) 127 tal-21/03/2007)

Il-konsultazzjoni se tagħlaq fl- 20 ta ’ Mejju 2011. Id-dibattitu mifrux dwar din il-Green Paper se jkun ikkumplimentat minn konsultazzjonijiet speċifiċi, pereżempju l-qafas ERA u l-aġenda dwar l-innovazzjoni strateġika tal-EIT. Se jintużaw ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tas-CIP[27].

Fl-10 ta' Ġunju 2011, se jsir avveniment sabiex tingħalaq il-konsultazzjoni pubblika u jiġu diskussi r-riżultati flimkien mal-komunità ta' partijiet interessati. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tressaq proposti leġiżlattivi formali għal Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE sal-aħħar tal-2011. Dawn il-proposti se jkunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante, li jipprovdu l-bażi ta' evidenza meħtieġa għall-għażliet proposti.

Il-Kummissjoni temmen li r-riċerka u l-innovazzjoni huma fil-qalba tal-għajxien futur tan-nies u għalhekk jinħtieġu li l-pubbliku jifhem aħjar u li jkun hemm dibattitu dwar dan. Għaldaqstant, se tinsisti għal strateġija mifruxa ta' komunikazzjoni li takkumpanja din il-konsultazzjoni pubblika u d-dibattitu interistituzzjonali sussegwenti u fl-aħħar nett l-implimentazzjoni tal-programmi ta' finanzjament tal-UE li jmiss.

Permezz tal-użu tal-midja awdjoviżiva u miktuba, l-organizzazzjoni ta' avvenimenti pubbliċi u l-isfruttar sħiħ tal-possibbiltajiet offruti mill-midja soċjali ġdida, dan għandu juri lill-pubbliku ġenerali kif jaffettwawh il-kwistjonijiet ta' finanzjament tal-UE.

[1] "Ewropa 2020: Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" - COM(2010) 2020.

[2] "Inizjattiva ewlenija Ewropea 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni" - COM(2010) 546.

[3] Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Titolu XVII "Industrija" u Titolu XIX "Ir-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Ispazju"; Trattat Euratom, Titolu II, Kapitolu 1 "Promozzjoni tar-riċerka".

[4] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni 26.11.2010.

[5] "Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE" - COM(2010) 700.

[6] http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm

[7] Iċ-ĊKR huwa servizz tal-Kummissjoni li jipprovdi appoġġ xjentifiku u tekniku għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

[8] http://ec.europa.eu/cip/

[9] http://eit.europa.eu/

[10] http://ec.europa.eu/regional_policy/themes/research/index_en.htm

[11] L-intensità fir-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EU-27 fl-2009 kienet 2.01 %, imqabbla ma' 2.77 % fl-Istati Uniti (2008) u 3.44 % fil-Ġappun (2007). Aktar informazzjoni hija disponibbli fit-Tabella tal-Prestazzjoni għall-Unjoni tal-Innovazzjoni 2010, li tinsab fl-indirizz li ġej http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/facts-figures-analysis/innovation-scoreboard/index_en.htm

[12] "Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan) [Pjan Set]" - COM(2007) 723 - u "L-Investiment fl-Iżvilupp ta' Teknoloġiji b'Livell Baxx ta' Karbonju (SET-Plan) [Pjan Set]" - COM(2009) 519.

[13] Hekk kif muri pereżempju fl-evalwazzjoni interim tal-ENIAC u l-ARTEMIS JTIs (COM(2010) 752).

[14] Fl-2013, 7.41 % tal-Baġit tal-UE se jingħata għar-riċerka u l-innovazzjoni

[15] Evalwazzjoni interim FP7 disponibbli fuq http://ec.europa.eu/research/evaluations/index_en.cfm?pg=fp7

[16] L-evalwazzjoni interim tas-CIP hija disponibbli fuqhttp://ec.europa.eu/cip/files/docs/interim_evaluation_report_march2010_en.pdf

[17] Il-bini fuq l-iżvilupp tal-Portal għall-Parteċipanti tal-FP7: http://ec.europa.eu/research/participants/portal/appmanager/participants/portal

[18] "Is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka" - COM(2010) 187 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 174 tal-24 ta' Jannar 2011

[19] Il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju - COM(2010) 815 - li tippermetti simplifikazzjoni radikali fil-qafas finanzjarju li jmiss, inkluż użu estiż ta' somom sħaħ, flus lura bbażati fuq il-prattiċi tal-kontabbiltà tal-benefiċjarju u "post ideali" għas-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat.

[20] "Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta' koeżjoni" - COM (2010) 642.

[21] COM (2010) 672

[22] Ara r-rakkomandazzjonijiet tal-politika ppubblikati reċentement mill-Bord taż-Żona ta' Riċerka Ewropea (European Research Area Board), http://ec.europa.eu/research/erab/pdf/erab-2nd-final-report_en.pdf

[23] Fis-27 ta' Jannar 2011 il-Kummissjoni adottat Green paper dwar l-immodernizzar tal-politika ta' akkwist pubbliku tal-UE "Lejn suq Ewropew tal-akkwist aktar effiċjenti" (COM(2011)15), li jikkonsulta dwar jekk ir-regoli ta' akkwist pubbliku għandhomx ikunu modifikati sabiex jippermettu għanijiet politiċi oħrajn bħall-promozzjoni tal-innovazzjoni.

[24] Ara eż. l-inizzjattiva dwar ir-Riċerka fl-Innovazzjoni għan-Negozji ż-Żgħar (Small Business Innovation Research) (http://www.sbir.gov)

[25] Dan jikkumplimenta skemi oħra mmirati lejn iż-żieda tal-eċċellenza xjentifika bħall-inizjattiva ewlenija FET: http://cordis.europa.eu/fp7/ict/programme/fet/flagship/

[26] "Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda" - COM(2007) 161.

[27] Informazzjoni disponibbli fuq http://ec.europa.eu/cip/public_consultation/index_en.htm

Top