EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0151

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Reviżjoni tal- ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”

ĠU C 9, 11.1.2012, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/18


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”

2012/C 9/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrikonoxxi l-kisbiet li saru s’issa marbuta mal-attivitajiet implimentati permezz tal Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act - SBA) iżda jirrakkomanda bil-qawwa li, biex il-Kummissjoni u, b’mod partikolari, l-Istati Membri, ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom b’mod iżjed sostanzjali, jeħtieġ li l-SBA isir iżjed vinkolanti politikament bil-għan li jiġu żgurati livelli ogħla u iżjed konformi ta’ implimentazzjoni, u bil-għan li jingħelbu l-ostakli attwali għall-adozzjoni sħiħa tal-SBA;

huwa tal-fehma li l-SBA jitlob tmexxija politika u jemmen li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tinkludi rikonoxximent iżjed espliċitu tal-SBA, biex din il-politika tingħata struttura ta’ governanza iżjed stabbli billi jiġi adottat pjan direzzjonali adatt li jenfasizza l-passi prinċipali kollha li l-Istati Membri għandhom iwettqu u li jridu jiddaħħlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR);

jipprevedi opportunitajiet ikbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-SBA u jħeġġeġ rikonoxximent iżjed espliċitu tad-dimensjoni lokali u reġjonali bil-għan li jitħeġġeġ kemm approċċ minn isfel għal fuq (bottom-up) kif ukoll approċċ minn fuq għal isfel (top-down) u viżibbiltà ikbar lill-SBA fl-UE. Għalhekk jikkonkludi li hemm bżonn ta’ livell ogħla ta’ komunikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-Att fl-UE, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

jenfasizza l-fatt li l-ikbar sfida għall-SMEs hija l-aċċess għall-finanzjament u dan jitlob azzjoni konġunta fl-istadji li jmiss tal-SBA; jenfasizza wkoll l-importanza tal-isforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kif ukoll għat-tnaqqis sostanzjali fil-piżijiet amministrattivi;

jiddispjaċih ħafna li l-impenn li l-SBA jagħmel parti integrali mill-Istrateġija ta’ Lisbona u, imbagħad, mill-Istrateġija Ewropa 2020 ma ġiex rispettat; minħabba f’hekk, s’issa intilfet l-opportunità li l-PNR jintużaw bħala għodda prinċipali ta’ implimentazzjoni tal-SBA. Għalhekk, għal darb’oħra jitlob b’mod urġenti li l-prinċipji u l-għanijiet tal-SBA jiġu integrati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-implimentazzjoni tal-PNR.

Relatur

Is-Sinjura Constance HANNIFFY (IE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Offaly, l-Awtorità Reġjonali ta’ Midland u l-Assemblea Reġjonali ta’ Border, Midland u l-Punent

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa

COM(2011) 78 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-“Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” – minn issa ’l quddiem imsejjaħ SBA (Small Business Act) u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-fatt li qed titkompla l-ħidma biex l-aġenda marbuta ma’ din il-politika ta’ importanza tant kbira titwettaq bil-għan li tappoġġja l-iżvilupp, it-tkabbir u s-sostenibbiltà tal-SMEs fl-UE kollha;

2.

jenfasizza bil-qawwa l-bżonn li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet prinċipali li qed ixekklu l-implimentazzjoni tal-SBA fil-livelli kollha ta’ gvern fl-Unjoni Ewropea u jħeġġeġ prijoritizzazzjoni ikbar tal-iżjed elementi importanti tal-SBA mill-Istati Membri – it-telf ta’ 3,5 miljun impjieg (1) fi ħdan l-SMEs fl-Ewropa minħabba l-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali huwa x-xhieda xejn sabiħa li din il-kwistjoni trid titpoġġa fil-quċċata tal-aġenda politika;

3.

jirrikonoxxi l-kisbiet li saru s’issa marbuta mal-attivitajiet implimentati permezz tal-SBA iżda jirrakkomanda bil-qawwa li, biex il-Kummissjoni u, b’mod partikolari, l-Istati Membri, ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom b’mod iżjed sostanzjali, jeħtieġ li l-SBA isir iżjed vinkolanti politikament bil-għan li jiġu żgurati livelli ogħla u iżjed konformi ta’ implimentazzjoni, u bil-għan li jingħelbu l-ostakli attwali għall-adozzjoni sħiħa tal-SBA;

4.

jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-aspetti tal-SBA marbuta mal-governanza, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Rappreżentanti tal-SMEs fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri, li flimkien mar-Rappreżentant Speċjali għall-SMEs fi ħdan il-Kummissjoni jridu jieħdu f’idejhom l-implimentazzjoni tal-SBA fl-Ewropa;

5.

huwa tal-fehma li s-SBA jitlob tmexxija politika u jemmen li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tinkludi rikonoxximent iżjed espliċitu tal-SBA, biex din il-politika tingħata struttura ta’ governanza iżjed stabbli billi jiġi adottat pjan direzzjonali adatt li jenfasizza l-passi prinċipali kollha li l-Istati Membri għandhom iwettqu u li jridu jiddaħħlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR);

6.

jipprevedi opportunitajiet ikbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-SBA u jħeġġeġ rikonoxximent iżjed espliċitu tad-dimensjoni lokali u reġjonali bil-għan li jiġi inkoraġġit kemm approċċ minn fuq għal isfel (bottom-up) kif ukoll approċċ minn fuq għal isfel (top-down) u viżibbiltà ikbar lill-SBA fl-UE;

7.

jenfasizza l-fatt li l-ikbar sfida għall-SMEs hija l-aċċess għall-finanzjament u dan jitlob azzjoni konġunta fl-istadji li jmiss tal-SBA; jenfasizza wkoll l-importanza tal-isforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kif ukoll għat-tnaqqis sostanzjali fil-piżijiet amministrattivi;

8.

jenfasizza mill-ġdid l-importanza kontinwa li jingħata appoġġ adegwat lill-SMEs li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul ta’ firxa differenti ta’ intrapriżi. Apparti l-enfasi fuq start-ups b’livell għoli ta’ potenzjal u SMEs ġodda u orjentati lejn l-esportazzjoni, għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-intrapriżi stabbiliti u dawk li jkunu qed jiġu żviluppati u ristrutturati u jirrikonoxxi wkoll l-isfidi li jiffaċċjaw l-SMEs iffukati fuq il-livell lokali u domestiku, li fl-aħħar mill-aħħar huma vitali għall-ekonomiji lokali u reġjonali;

9.

jenfasizza wkoll li l-politika fil-qasam tal-SBA u l-SMEs – fil-livelli kollha – trid tissodisfa u taħdem flimkien ma’ mudelli differenti ta’ intrapriżi: dawn jinkludu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-industriji kulturali u kreattivi (prekummerċjali u kummerċjali), il-kooperattivi u forom legali simili, bil-għan li jinħoloq l-ikbar numru ta’ impjiegi possibbli u jkun hemm l-aqwa ekonomija sostenibbli possibbli;

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ implimentazzjoni u governanza aħjar

10.

jiddispjaċih ħafna li l-impenn li s-SBA jagħmel parti integrali mill-Istrateġija ta’ Lisbona u, imbagħad, l-Istrateġija Ewropa 2020 ma ġiex rispettat; minħabba f’hekk, s’issa intilfet l-opportunità li l-PNR jintużaw bħala għodda prinċipali ta’ implimentazzjoni tal-SBA; għalhekk, għal darb’oħra jitlob b’mod urġenti li l-prinċipji u l-għanijiet tal-SBA jiġu integrati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tal-PNR;

11.

huwa diżappuntat bil-varjazzjoni fil-livell ta’ implimentazzjoni tal-SBA mill-Istati Membri. Filwaqt li dan huwa rikonoxxut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-fatturi li jikkawżaw dawn id-differenzi ma ġewx eżaminati għalkollox – hemm bżonn ta’ livell ogħla ta’ responsabbiltà min-naħa tal-Istati Membri biex iwettqu l-għanijiet tal-SBA; għalhekk jikkonkludi li hemm bżonn ta’ livell ogħla ta’ komunikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-Att fl-UE, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħatriet li saru mill-Istati Membri tar-Rappreżentanti tal-SMEs fil-livell nazzjonali u jitlob bil-ħerqa li r-Rappreżentanti kollha jissodisfaw bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom biex jiżguraw li l-amministrazzjonijiet “jaħsbu l-ewwel fiż-żgħir” u jikkunsidraw l-isfidi għall-SMEs fl-iżvilupp tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-ambjenti operattivi tal-SMEs;

13.

josserva li ħafna Rappreżentanti tal-SMEs huma maqsuma bejn ħatriet politiċi u amministrattivi u jirrakkomanda li iktar Stati Membri jagħmlu ħatriet politiċi bil-għn li jipprovdu sinjal iżjed b’saħħtu ta’ prijoritizzazzjoni u impenn għall-implimentazzjoni tal-SBA u l-indirizzar tal-isfidi tal-SMEs;

14.

isostni li d-dipendenza mill-programmi u strumenti finanzjarji differenti li kienu jeżistu qabel għall-ksib tal-għanijiet tal-SBA, mingħajr fondi addizzjonali jew dedikati, hija nuqqas fundamentali;

15.

josserva l-ħatra ta’ Rappreżentant tal-SMEs fl-UE iżda għal darb’oħra jenfasizza li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax biżżejjed ir-rwol tar-Rappreżentant tal-SMEs u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-Rappreżentant tal-SMEs jingħata biżżejjed riżorsi finanzjarji u appoġġ adegwat fil-livell politiku bil-għan li l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-SBA tirnexxi u bil-għn li tissaħħaħ il-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni ta’ attività ta’politika marbuta mal-SMEs;

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li jiġi stabbilit Grupp Konsultattiv tal-SBA magħmul mill-Istati Membri, ir-Rappreżentanti tal-SMEs u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs u jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni jkun inkluż bħala membru ta’ dan il-Grupp Konsultattiv, fid-dawl tax-xewqa li l-SBA jkollu impatt fuq il-livelli kollha tal-governanza u mhux biss fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

17.

jissuġġerixxi li fi ħdan l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mħeġġa jadottaw il-prinċipji tal-SBA u jadattaw il-miżuri tiegħu għaċ-ċirkustanzi lokali/reġjonali; jikkunsidra li l-iskema Reġjun Intraprenditorjali Ewropew tista’ sservi ta’ ispirazzjoni f’dan ir-rigward;

18.

jirrikonoxxi l-adozzjoni b’suċċess tal-biċċa l-kbira tal-proposti leġislattivi tal-SBA u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-Istatut għal Kumpanija Privata Ewropea, li fl-aħħar mill-aħħar jinkoraġġixxi użu iżjed mifrux tas-Suq Uniku, permezz tat-tnaqqis tal-ispiża marbuta mat-twaqqif tal-kumpaniji, u jissemplifika l-qafas regolatorju biex jiffaċilita l-kummerċ transkonfinali;

19.

jitlob bil-ħerqa lill-Istati Membri li jadottaw u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard u jenfasizza li l-infurzar ta’ din id-Direttiva jibqa’ l-kwistjoni prinċipali u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex itejbu l-kultura tal-ħlas fost l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

20.

jenfasizza li l-proposta li jiġu introdotti eżenzjonijiet leġislattivi għal ċerti tipi ta’ kumpaniji, start-ups jew mikrointrapriżi għandha tiġi implimentata, fejn ikun xieraq, b’tali mod li dan ma jwassalx għall-ħolqien ta’ intrapriżi “mhux ikkwotati” (second-tier) u konfużjoni fis-suq;

21.

jitlob li l-Analiżi tal-Prestazzjoni tkun applikata b’mod iżjed rigoruż bil-għan li tikkontrolla, tivvaluta u tqabbel il-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-SBA u jitlob ukoll li kull informazzjoni minn din l-analiżi tkun disponibbli pubblikament, biex taġixxi kemm bħala għodda tal-komunikazzjoni kif ukoll bħala motivazzjoni biex l-Istati Membri jħabirku iżjed;

It-titjib fl-aċċess għall-finanzi

22.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi li jiffaċċjaw l-SMEs minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet finanzjarji – li ħarġu mill-kriżi finanzjarja fis-settur bankarju internazzjonali li għada għaddejja – introduċew kundizzjonijiet iżjed ibsin għall-għoti tal-kreditu (2) u josserva wkoll l-impatt sproporzjonat fuq l-SMEs minħabba li huma perċepiti bħala korpi b’livell ogħla ta’ riskju tal-kreditu, li fl-aħħar mill-aħħar idgħajjef bil-bosta l-kapaċità tagħhom li jissopravivu u joperaw fil-perjodu qasir u medju ta’ żmien;

23.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-konklużjonijiet tat-tieni laqgħa tal-Forum permanenti tal-Finanzjament tal-SMEs li saret f’Marzu 2011 u jilqa’ bi pjaċir kbir l-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet tal-kreditu bħall-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress u l-impenn li jinħoloq pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fuq bażi kummerċjali soda;

24.

huwa favur il-pjan ta’ azzjoni għall-SBA li għandu jiffoka fuq il-kundizzjonijiet operattivi diffikultużi li jiffaċċjaw l-SMEs huma u jfittxu li jkollhom aċċess għall-finanzjament, pereżempju: (i) iżjed trasparenza bejn il-banek, istituzzjonijiet finanzjarji oħra u l-SMEs; (ii) taħlita ta’ dejn u ekwità; (iii) iż-żieda fil-volum tas-self permezz ta’ titolizzazzjoni; (iv) investiment transkonfinali iżjed faċli fil-kapital ta’ riskju; u (v) regolamentazzjoni aħjar tal-mikrokreditu;

25.

huwa tal-fehma li l-one-stop-shop propost għall-finanzjament tal-SMEs għandu l-merti tiegħu iżda jissuġġerixxi li din il-proposta tiġi eżaminata iżjed bir-reqqa u, bħala l-ewwel pass, jirrakkomanda t-tfassil ta’ mappa tal-appoġġ kollu disponibbli għall-SMEs (li għandu jinkludi l-programmi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, reġjonali u lokali u l-aġenziji tal-appoġġ) fil-livell nazzjonali/reġjonali, skont kif meħtieġ; jirrakkomanda wkoll li mudelli oħra li rnexxew u li jagħtu valur miżjud lill-SMEs permezz ta’ sistema integrata, b’referenzi inkroċjati ta’ appoġġi għan-negozji, jitqiesu mill-Kummissjoni Ewropea u promossi b’mod aktar mifrux fil-livell lokali u reġjonali;

26.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li l-implimentazzjoni effettiva tas-Small Business Act tiġi inkluża bħala kundizzjonalità ex-ante tematika għall-Fondi tal-UE taħt il-Qafas Strateġiku Komuni propost, u l-inklużjoni ta’ investimenti fl-SMEs bħala prijorità tematika fl-abbozz tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), li għandha tgħin biex l-objettivi tal-SBA jitwettqu fir-realtà fil-livell lokali/reġjonali f’kull Stat Membru;

27.

huwa tal-fehma li n-natura u l-ħtiġijiet differenti tal-programmi tal-Unjoni Ewropea disponibbli għall-SMEs jirrappreżentaw nuqqas mill-perspettiva ta’ aċċess għall-finanzjament u jipproponi titjib fil-ġbir ta’ strumenti u finanzi Komunitarji għall-SMEs fil-baġit tal-UE; jitlob appoġġ aktar b’saħħtu fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-programmi u l-istrumenti kollha bil-għan li jinħolqu l-SMEs u f’dan ir-rigward b’mod ġenerali jilqa’ l-proposti relatati mal-SMEs li ssemmew fil-proposta tal-Kummissjoni għall-2014-2020 iżda ser jiddeċiedi wara li jintlaħaq ftehim dwar il-baġits finali, il-volumi speċifiċi għall-appoġġ tal-SME u l-implimentazzjoni konkreta;

28.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li, wara l-2013, il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni, bħala parti mill-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni mhux ser jipprovdi b’mod adegwat għall-ħtiġijiet tal-SMEs u għaldaqstant jirrakkomanda pilastru speċifiku għall-SMEs f’dan il-qafas; jitlob għal aktar aċċessibbiltà u adattament tal-istrumenti ta’ finanzjament skont il-bżonnijiet tal-SMEs, permezz ta’ enfasi iktar qawwija fuq l-istrumenti finanzjarji ta’ mikrofinanzjament u dawk immedjati, l-estensjoni u l-espansjoni tal-istrumenti ta’ garanzija tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji taħt il-Programm Qafas għar-Riċerka u użu aktar intelliġenti tal-prodotti tal-Bank Ewropew tal-Investiment bħal JASMINE u JEREMIE;

29.

jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-qafas temporanju tal-Għajnuna mill-Istat, li jippermetti għajnuna addizzjonali għall-SMEs sal-aħħar tal-2011, u huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha testendi din l-iskema għal wara l-2011, bil-kundizzjoni li ssir analiżi tal-prestazzjoni tal-qafas biex jilħaq l-għanijiet tiegħu;

30.

jipproponi lill-gvernijiet nazzjonali biex jikkunsidraw inċentivi fiskali għal start-ups kummerċjali innovativi u żgħar fl-ewwel snin tal-operat tagħhom;

31.

il-proposta tal-Kummissjoni li tissorvelja għadd ikbar ta’ SMEs benefiċjarji – permezz ta’ skemi iżjed imsaħħa ta’ garanziji ta’ self bil-għan li jiġu appoġġjati l-investimenti, it-tkabbir, l-innovazzjoni u r-riċerka – hija ta’ inkoraġġiment; barra minn hekk, jirrikonoxxi d-deskrizzjoni tal-proposti biex tiġi introdotta leġislazzjoni bil-għan li s-suq tal-kapital ta’ riskju jaħdem b’mod iżjed effettiv;

Regolamentazzjoni aħjar għall-benefiċċju tal-SMEs

32.

jenfasizza l-importanza ta’ ambjent operattiv regolatorju u amministrattiv għall-SMEs issemplifikat, iżjed ċar u konsistenti, u huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-applikazzjoni tat-“test tal-SMEs” huwa vitali f’dan ir-rigward;

33.

jitlob applikazzjoni iżjed sistematika tat-“test tal-SMEs” fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, li għandu jinkludi komunikazzjonijiet relatati mal-politika bikrija u l-proposti leġislattivi, u jissuġġerixxi wkoll li dan il-proċess jissaħħaħ jekk il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt ikun iżjed indipendenti mill-Kummissjoni;

34.

jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri kollha japplikaw it-“test tal-SMEs” u l-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, mhux biss fir-rigward tal-leġislazzjoni nazzjonali iżda wkoll tal-oqfsa ta’ politika u l-proċeduri amministrattivi li jolqtu lill-SMEs u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tivvaluta kif jiġi applikat it-“test tal-SMEs” fl-Istati Membri, bħala parti mill-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs;

35.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tgħin lill-Istati Membri jevitaw li jelaboraw iżżejjed il-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“goldplating”) kif irrakkomanda l-Kumitat fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-SBA billi enfasizza l-ostakli konsiderevoli għad-dħul u l-espansjoni fuq skala mikro kkawżati mill-gold plating tal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

36.

jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipju ta’ “darba biss” u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikawh għat-talbiet kollha għal informazzjoni amministrattiva u regolatorja mill-SMEs; iżda, jenfasizza li hemm ċerta evidenza li, f’dawk il-każi fejn l-awtoritajiet pubbliċi ppruvaw jimplimentaw prattiki msejsa fuq dan il-prinċipju u jaqsmu d-data, tqajmu xi oġġezzjonijiet fuq il-bażi ta’ protezzjoni u ħżin tad-data;

37.

jappoġġja l-wegħda tal-Kummissjoni li tressaq sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika fl-2011 bil-għan li tissemplifika u tindirizza l-isfidi li jeżistu għat-tneħħija tal-ostakli għat-trasferiment tan-negozju u għal darb’oħra jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din hija kwistjoni partikolarment rilevenati għat-trsferiment tal-intrapriżi bejn membri tal-istess familja, l-iżjed peress li għadd kbir ta’ sidien tal-SMEs qed jixjieħu u ser jirtiraw mill-intrapriżi tal-familja tagħhom fl-għaxar snin li ġejjin; bl-istess mod, jenfasizza li hemm kwistjonijiet simili fil-każ ta’ SMEs immexxija mis-sidien stess (owner-operator);

38.

jiddispjaċih li s’issa ftit li xejn sar progress fil-qasam tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri relatati mal-falliment u għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw din il-kwistjoni; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi simili iżda differenti li jiffaċċjaw l-intraprendituri li ma rnexxilhomx iżommu ħajja l-intrapriża tagħhom iżda ma ġewx iddikjarati formalment li huma falluti;

39.

jenfasizza d-diffikultà li jiffaċċjaw l-intraprendituri li ma jkollhomx suċċess biex jidħlu fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, meta mqabbel mad-drittijiet tal-impjegati tagħhom, meta ma jistgħux jagħmlu mod ieħor ħlief jagħlqu n-negozji tagħhom;

L-iffaċilitar tal-aċċess għas-swieq

40.

jappoġġja l-applikazzjoni taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-intrapriżi kollha fl-Ewropa u jaqbel bis-sħiħ mal-istqarrija tal-Kunsill tas-SEPA ta’ Mejju 2011 (3) li titlob l-adozzjoni urġenti ta’ Regolament li jistabbilixxi l-iskadenzi għall-migrazzjoni kemm tat-Trasferiment tal-Kreditu tas-SEPA kif ukoll id-Debitu Dirett tas-SEPA; ġaladarba jkun adottat, ser jissostitwixxi l-iskemi eżistenti fi ħdan l-Istati Membri għat-trasferiment tal-kreditu u d-debitu dirett, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għat-twaqqif iżjed rapidu u effiċjenti tal-implimentazzjoni tas-SEPA;

41.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat li qed timpenja ruħha li timplimenta bis-sħiħ il-kodiċi Ewropea tal-aħjar prattika dwar l-iffaċilitar tal-aċċess għall-akkwist pubbliku u jħeġġeġ rispons iżjed b’saħħtu mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għat-talbiet preċedenti tal-Kumitat għall-promozzjoni ta’ miżuri kontraenti innovattivi favur iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, pereżempju t-tqassim ta’ għadd ikbar ta’ offerti f’lottijiet jew l-inklużjoni tal-opportunitajiet għall-kooperazzjoni fis-sejħiet għall-offerti, fejn ikun meħtieġ;

42.

għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tippromovi l-possibbiltà fil-livell nazzjonali li l-offerenti japplikaw għal passaport tal-akkwist (sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika), li juri li SME għandha d-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni li sikwit jintalbu mill-awtoritajiet kontraenti matul kuntratt tal-akkwist. Il-fatt li għandhom japplikaw darba biss għall-passaport ifisser li l-SMEs m’għandhomx jippreżentaw l-istess dikjarazzjonijiet u dokumenti b’mod ripetut. Dan jiffranka l-ħin u r-riżorsi għall-SMEs li sikwit jieħdu sehem fi proċeduri ta’ akkwist. Passaport tal-akkwist bħal dan ikun validu għal perjodu speċifiku, peress li ċ-ċertifikati rilevanti għandhom validità limitata. Diġà hemm sistemi bħal dawn li qed jitħaddmu u sal-lum il-ġurnata l-esperjenza kienet pożittiva;

43.

jerġa’ jiġbed l-attenzjoni fuq il-potenzjal li fil-biċċa l-kbira tiegħu ma ġiex sfruttat fil-qasam tal-akkwist elettroniku u jirrikonoxxi t-talba li saret lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika u l-awtentikazzjoni elettronika fl-UE sal-2012; għal dan il-għan, il-KtR jinkoraġġixxi l-Kummissjoni tanalizza l-progress li sar b’rabta ma’ din il-miżura fl-2011 biex tiżgura li qed jittieħdu l-passi adatti u biex tidentifika l-kwistjonijiet li jitolbu attenzjoni fl-implimentazzjoni tagħha;

44.

jissuġġerixxi li l-vantaġġi mil-lat ta’ tnaqqis fl-ispejjeż li jipprovdu s-soluzzjonijiet tal-ICT jitolbu użu ikbar, meta wieħed iqis il-fatt li terz biss tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea huwa attwalment aċċettat f’format elettroniku u għalhekk jitlob li dan ikun indirizzat aħjar fl-SBA u implimentat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

45.

għal darb’oħra jenfasizza t-theddida dejjem tikber tas-suq iswed għall-vijabbiltà tal-SMEs leġittimi u jitlob li l-Kummissjoni tindirizza l-isfidi li dan jippreżenta mil-lat ta’ kompetizzjoni inġusta u kummerċ mhux regolat, b’mod partikolari għandhom jiġu introdotti miżuri li jistgħu jtejbu l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u jiġġieldu aħjar il-falsifikazzjoni;

Promozzjoni tal-intraprenditorjat

46.

jirrikonoxxi l-importanza tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kultura tal-intraprenditorjat; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu enfasi ikbar fuq il-promozzjoni tat-tagħlim intraprenditorjali u t-trawwim ta’ mod ta’ ħsieb favur l-intraprenditorjat għall-istudenti u matul it-taħriġ tal-għalliema;

47.

jirrakkomanda l-konsolidazzjoni tal-premju tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew bħala parti mill-implimentazzjoni tal-SBA biex tiġi promosssa l-intraprenditorija u bħala għodda biex jingħaqdu r-reġjuni u jinfirxu l-aħjar prattiki lokali u reġjonali fir-rigward tal-appoġġ għall-SMEs;

48.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-valutazzjoni tal-programm “Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ” u huwa tal-fehma li l-fażi pilota tal-programm laħqet ħafna mill-għanijiet tagħha u pprovdiet valur miżjud tal-UE ġenwin; jappoġġja l-idea li dan il-programm jiġi estiż fid-dawl tal-fatt li n-nuqqasijiet prinċipali tal-fażi pilota ġew solvuti, b’mod partikolari: (a) komunikazzjoni iżjed effettiva tal-inizjattiva inġenerali u promozzjoni aħjar tal-benefiċċji għall-parteċipanti u l-ospitanti; (b) it-twaqqif ta’ punti ta’ kuntatt lokali/nazzjonali bil-għan li jissolvew il-problemi relatati mal-komunikazzjoni u l-promozzjoni; (c) bilanċ ġeografiku ikbar fil-parteċipazzjoni; (d) il-provvediment ta’ programm li jindirizza l-ħtiġijiet tal-parteċipanti li jkunu lestew il-programme (aftercare programme) biex jikkonsolidaw l-esperjenza li kisbu: u (e) finanzjament iżjed sod għall-programm;

49.

jirrikonoxxi u jappoġġja l-ħolqien ta’ skemi ta’ konsulenza (mentoring schemes) għall-intraprendituri nisa u jerġa’ jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-intraprendituri immigranti li minħabba fiċ-ċirkostanzi, ġeneralment huma iktar intraprendenti u jibżgħu inqas mir-riskju u jirrakkomanda li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, il-minoranzi u l-intraprendituri mdaħħlin iżjed fl-età u għandu jkun hemm distinzjoni bejn l-isfidi u l-ħtiġijiet differenti tal-intraprendituri mill-Unjoni Ewropea u l-migranti intraprendituri minn pajjiżi terzi;

50.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva ewlenija fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020 “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”, li tindirizza wħud mill-karatteristiċi u l-isfidi speċifiċi għall-SMEs, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki tal-ħiliet u l-impjiegi jiġu żviluppati fil-kuntest tal-SBA biex isir l-aħjar użu possibbli tal-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-ħiliet mal-SMEs.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Stima meħuda mir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej fl-2010 li ser jiġi ppubblikat bħala parti mill-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs (http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm)

(2)  Pereżempju, l-applikazzjonijiet għas-self – li ġew aċċettati – mingħand l-intrapriżi naqqsu minn 90 % fl-2007 għal 50 % fl-2010 fl-Irlanda. Sors: l-Uffiċju Ċentrali tal-Istatistika (2011). Aċċess għall-Finanzi 2007 u 2010.

(3)  http://www.ecb.int/paym/sepa/pdf/SEPA_Council_statement_3rd_meeting.pdf


Top