Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0072

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020”

ĠU C 9, 11.1.2012, p. 53–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/53


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020”

2012/C 9/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiġbed l-attenzjoni għall-impenn sod tiegħu għall-proposta li tistabbilixxi “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020”, biex jiżgura pussess f'diversi livelli tal-istrateġija permezz ta’ sħubija effettiva bejn il-korpi rilevanti tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali. Din il-proposta hija appoġġjata mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew. Il-Patti Territorjali għandhom jiffukaw fuq ftit prijoritajiet adattati, b'valur speċjali għar-reġjun ikkonċernat;

jirrikonoxxi d-distakk enormi bejn l-għarfien l-aktar reċenti dwar ir-riċerka u l-prattika fil-ħajja reali. Hemm bżonn ta’ miżuri reġjonali b'saħħithom sabiex ir-riżultati ta’ riċerka jissarfu f'innovazzjoni li hija adatta għal-lokal u li tista' tiġi applikata fl-Ewropa kollha;

jenfasizza l-importanza li tinħoloq kapaċità ta’ innovazzjoni fil-livell reġjonali fuq il-bażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-komplementaritajiet fir-reġjuni viċini;

jistieden lir-reġjuni pijunieri biex jiffurmaw konsorzji Ewropej li jintegraw il-kapaċitajiet differenti sabiex jinħolqu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fil-livell tas-soċjetà li jistgħu jiġu applikati fl-Ewropa kollha. Permezz tad-diversi partijiet tiegħu, kull reġjun jista' jsir pijunier u jiffoka fuq il-bżonnijiet u s-saħħiet proprji tiegħu;

iħeġġeġ lir-reġjuni jimxu lejn l-innovazzjoni miftuħa, b'viżjoni ċentrata fuq is-sħubijiet bejn l-atturi tas-settur pubbliku u privat mal-universitajiet u istituzzjonijiet oħra tal-għarfien li għandhom rwol kruċjali, jiġifieri jiġi mmodernizzat l-kunċett tat-triple helix.

Relatur

Markku MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo, Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Ħelsinki-Uusimaa

Dokument ta’ referenza

/

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Messaġġi prinċipali: rigward il-bżonn ta’ trasformazzjoni radikali fil-livell lokali u reġjonali, il-KtR:

1.

jirrikonoxxi li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija kemm pjan globali ta’ riforma strutturali kif ukoll strateġija għall-ħruġ mill-kriżi. Barra minn hekk, din tinkludi numru usa' ta’ għanijiet u governanza ekonomika aktar integrata (1). F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-potenzjal u l-impenn politiku li jindirizzaw kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali minn perspettiva territorjali;

2.

jenfasizza li, kif juri l-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona, la l-pjani tajba u lanqas analiżijiet korretti mhuma biżżejjed biex jiġu garantiti riżultati effiċjenti. Fil-livell prattiku jeħtieġ li jsiru passi kbar 'il quddiem, b'tali mod li l-livelli kollha ta’ gvern fl-Istati Membri – lokali u reġjonali kif ukoll ċentrali – jingħataw aktar pussess u jiġu involuti l-partijiet interessati kollha. Ir-reġjuni għandhom jitħeġġu jiżviluppaw pjattaformi reġjonali għall-innovazzjoni li jservu ta’ ċentri ta’ servizz u li jippromovu l-użu ta’ għarfien internazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-kooperazzjoni Ewropea skont l-interessi tar-reġjuni. Sabiex dan iseħħ, jeħtieġ li napplikaw il-kunċett dinamiku ġdid tal-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni, fejn il-kumpaniji, il-bliet u l-universitajiet, kif ukoll atturi oħra tas-settur pubbliku u privat (it-“triple helix” – tliet spirali) jitgħallmu jaħdmu flimkien b'modi ġodda u kreattivi sabiex jisfruttaw bi sħiħ il-potenzjal innovattiv tagħhom;

3.

jenfasizza li r-reġjuni issa saru atturi prinċipali f'ħafna oqsma politiċi, inklużi l-politika soċjali, ekonomika, industrijali, tal-innovazzjoni, tal-edukazzjoni u ambjentali, u għalhekk għandhom rwol kruċjali x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 ibbażata fuq is-sħubija. Dan ser ikun jeħtieġ approċċ fuq skala wiesgħa, kumpless, miftuħ u multidixxiplinarju, li jgħaqqad il-ħafna strumenti komplementari li jinsabu fir-reġjuni u l-bliet;

4.

jappoġġja bi sħiħ il-bżonn indikat mill-Kummissjoni li l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u l-Programmi ta’ Stabbiltà u ta’ Konverġenza jiġu integrati kompletament fil-proċeduri baġitarji nazzjonali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti jiġu involuti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-PNR (2);

5.

isejjaħ sabiex it-trasformazzjonijiet radikali li jistgħu jittieħdu mir-reġjuni u l-bliet pijunieri jkunu jiffukaw fuq:

il-bidla fundamentali kontinwa fil-kultura tax-xogħol lejn kollaborazzjoni orkestrata, kondiviżjoni tal-għarfien, u l-użu konġunt tar-riżorsi minflok ħidma separata fil-proċessi industrijali u proġetti żgħar separati;

l-approċċi ġodda lejn l-intraprenditorija karatterizzati minn fenomeni bħalma huwaa l-“Venture Garage Mindset”, li jippermettu lill-ġenerazzjoni diġitali żagħżugħa taħdem flimkien ma’ investituri pubbliċi u privati li joffru kapital ta’ riskju sabiex jikkonvertu l-intraprenditorija fl-ixprun tal-innovazzjoni;

kultura Ewropea ta’ innovazzjoni miftuħa: meta l-impriżi jwettqu parti dejjem akbar mill-attivitajiet tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp f'kollaborazzjoni miftuħa mal-aħjar universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, jinħolqu intrapriżi ta’ suċċess u jiżdied it-tkabbir fil-livell reġjonali u lokali;

il-persuni bħala l-ass prinċipali tas-soċjetajiet tagħna: sabiex jinħolqu modi ġodda biex jiġu involuti b'mod speċjali ċ-ċittadini anzjani rtirati u ż-żgħażagħ bla xogħol, il-persuni jridu jkunu fil-qalba tal-istrateġiji tagħna, u b'hekk kulħadd jingħata aċċess għal ħajja u jkollhom is-setgħa jużaw il-potenzjal tagħhom;

6.

jenfasizza l-importanza li l-popolazzjoni lokali u l-komunitajiet tagħhom ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom. Hemm bżonn li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, mhux biss fir-rwol tradizzjonali tagħhom bħala provvedituri tas-servizzi, iżda wkoll bħala dawk li jippromovu attivitajiet ġodda ta’ intrapriżi permezz ta’ kooperazzjoni attiva. Il-partijiet kollha differenti għandhom jaħdmu flimkien biex joħolqu kultura reġjonali ta’ kollaborazzjoni, ikkaratterizzata mill-kapaċità li jitqiesu l-motivazzjonijiet, l-għanijiet u r-riżorsi taċ-ċittadini lokali u l-komunitajiet tagħhom;

Messaġġi prinċipali: rigward ir-rwol ta’ dawk responsabbli għall-proċess deċiżjonali u politiku fil-livell reġjonali bħala aġenti tal-bidla u intermedjarji ta’ innovazzjoni soċjetali, il-KtR:

7.

jilqa' b'sodisfazzjon il-viżjoni strateġika usa' li tinkludi d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali bħala pilastri ugwali u komplementari biswit it-tkabbir ekonomiku u jitlob li l-importanza kruċjali tal-innovazzjoni soċjetali tiġi rikonoxxuta fl-inizjattivi ewlenin kollha sabiex jiġu implimentati t-tliet prijoritajiet tal-istrateġija ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

8.

jistieden lir-responsabbli mid-deċiżjonijiet fis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat sabiex jirrikonoxxu l-bżonn li jkun hemm ħiliet, kompetenzi, strutturi u prattiki ġodda ta’ tmexxija u ġestjoni fi ħdan intrapriżi ta’ netwerk globali;

9.

iħeġġeġ lil dawk responsabbli mill-proċess deċiżjonali u politiku fil-livell reġjonali sabiex isiru aġenti tal-bidla u jiżviluppaw qafas strateġiku għall-iżvilupp reġjonali orjentat lejn l-innovazzjoni, peress li l-innovazzjoni żżid il-kwalità u tħeġġeġ nefqa pubblika u privata aktar effiċjenti u għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq tkabbir u impjiegi ġodda. Il-kompitu tal-politika huwa li ssib u tibni fuq l-assi uniċi ta’ kull reġjun sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp strateġiku. Għal dan il-għan, ir-reġjuni għandhom bżonn jiżviluppaw viżjoni soda u realistika tal-futur ekonomiku u soċjali tagħhom u jħejju taħlita ta’ politiki usa', aktar integrata u aktar effiċjenti. Dan ikun jeħtieġ li jiġu kkombinati strumenti minn diversi oqsma ta’ politika u livell ta’ gvern, jiġu appoġġjati l-produzzjoni, it-tixrid u l-isfruttament tal-għarfien kif ukoll jinħolqu pakketti ta’ politika koerenti appoġġjati minn parametri aħjar, baġit orjentat lejn il-futur u sperimentazzjoni empirika;

10.

bil-għan li jinkiseb l-objettiv speċifikat hawn fuq, jipproponi li l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni ma’ għadd ta’ reġjuni u esperti, tniedi l-proġetti ta’ żvilupp meħtieġa. Dan jista' jinkludi l-iżvilupp ta’ metodi li permezz tagħhom l-informazzjoni pproċessata u l-istimi għal pronjosi futuri jistgħu jiġu inklużi f'analiżi ta’ settur speċifiku jew punt ta’ mira mid-data statistika ġenerali;

11.

jistieden lir-reġjuni pijunieri biex jiffurmaw konsorzji Ewropej li jintegraw il-kapaċitajiet differenti sabiex jinħolqu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fil-livell tas-soċjetà li jistgħu jiġu applikati fl-Ewropa kollha. Permezz tad-diversi partijiet tiegħu, kull reġjun jista' jsir pijunier u jiffoka fuq il-bżonnijiet u s-saħħiet proprji tiegħu;

12.

jitlob li jitwettaq proċess ta’ tagħlim speċifiku li jintegra l-livelli differenti ta’ tħejjija ta’ politika sabiex jiġi kkoordinat l-użu tar-riżorsi u jissaħħaħ l-impatt tal-attivitajiet. Sabiex tinbena kapaċità konġunta, għandhom jiġu żviluppati programmi MBA għall-eżekuttivi li jkopru proċessi ta’ tfassil strateġiku f'diversi livell għal dawk responsabbli mill-politika, l-uffiċjali taċ-ċivil f'livell għoli, il-maniġers industrijali u r-riċerkaturi. Kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak reġjonali hemm bżonn ta’ programmi ta’ taħriġ bħal dawn. Ir-rwol ta’ dawk responsabbli mill-proċess deċiżjonali f'bosta pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 b'hekk ser jissaħħaħ u l-kooperazzjoni bejniethom u t-tixrid tal-prattiki tajba ser jiżdiedu;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IR-RWOL TAL-AWTORITAJIET LOKALI U REĠJONALI FIR-RIGWARD TAS-SEBA' INIZJATTIVI EWLENIN

Rigward il-bżonn għal kollaborazzjoni trasversali, il-KtR:

13.

jinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm attivitajiet konġunti u kollaborazzjoni wiesgħa fost id-diversi inizjattivi ewlenin sabiex jippermettu u jħeġġu l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Ewropa 2020. Bl-użu ta’ dan l-approċċ, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu kapaċi jiżviluppaw kollaborazzjoni bejn it-territorji. B'mod partikulari, ser ikunu kapaċi jippromovu sistemi ta’ pjattaformi miftuħin u jżidu l-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet u l-istrutturi li jiżviluppaw. Għalkemm ir-riżultati finali jista' jkollhom karatteristika lokali qawwija, mil-lat tal-istrutturi u l-interoperabbiltà, il-kollaborazzjoni attiva twassal għal ekonomiji ta’ skala u toħloq swieq usa' għall-attivitajiet lokali;

14.

jirrikonoxxi li l-kwistjoni prinċipali li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali (fid-dawl tan-numru enormi ta’ azzjonijiet li ġejjin mill-inizjattivi ewlenin u li huma kollegati magħhom) hija kif dawn jistgħu jgħaġġlu l-implimentazzjoni tal-attivitajiet l-aktar rilevanti. Għalhekk, sabiex jiżdied l-impatt reġjonali tal-inizjattivi ewlenin, jeħtieġ li jiġu indirizzati diversi aspetti:

l-impatt, l-ispeċjalizzazzjoni u l-possibbiltà tagħhom li jadattaw u s-sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika;

l-użu effettiv ta’ valutazzjonijiet komparattivi, l-iskambju tal-aħjar prattika u l-kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni;

l-iżvilupp ta’ parametri għall-ħolqien tal-valur, l-innovazzjonijiet soċjali, il-kunċetti u l-metodi, u l-pjattaformi għas-sħubijiet pubbliċi-privati-ċittadini;

l-għarfien tal-importanza tad-djalogu bejn ix-xjenza u s-soċjetà, in-natura sistematika tal-innovazzjoni u l-komponenti previsti għall-partijiet interessati lokali u reġjonali;

fuq kollox, jeħtieġ li l-inizjattivi ewlenin kollha jkunu komplementati minn valutazzjoni tal-impatt baġitarju tal-miżuri proposti;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta’ Innovazzjoni”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

jiġu appoġġjati inizjattivi bħar-“Reġjuni tal-Għarfien”, “Laboratorji Ħajjin” u “Bliet Intelliġenti”;

b)

jiġu żviluppati sħubijiet li jservu ta’ pjattaformi biex tiżdied il-bażi tal-għarfien ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell reġjonali u jiġu promossi l-innovazzjonijiet fis-soċjetà;

c)

tiġi stabbilita Pjattaforma Intelliġenti ta’ Speċjalizzazzjoni li tappoġġja u tħeġġeġ lir-reġjuni jadottaw strateġiji li jagħtu prijorità lill-vantaġġi kompetittivi u lill-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ reġjuni oħra;

d)

tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni bejn id-dinja tal-kummerċ u dik akkademika permezz tal-ħolqien ta’ “Alleanzi ta’ Għarfien”, b'attenzjoni partikulari biex jitneħħew il-lakuni fil-ħiliet fil-qasam tal-innovazzjoni

e)

tissaħħaħ il-bażi xjentifika għat-tħejjija ta’ politika bl-għajnuna ta’ Forum Ewropew għall-attivitajiet orjentati lejn il-futur bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll partijiet interessati pubbliċi u privati oħra sabiex tittejjeb il-bażi ta’ evidenza tal-politiki;

f)

jiġi żviluppat interess usa' fl-użu tal-mudell tat-tliet spirali (“triple helix”) biex jinbdew clusters ta’ riċerka reġjonali innovattiva u jiġu żviluppati pjattaformi ta’ innovazzjoni, kif ukoll li jissaħħu l-attivitajiet tat-trijangolu tal-għarfien (sinerġija bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ta’ innovazzjoni);

g)

jingħalqu l-lakuni organizzattivi bejn il-korpi reġjonali u lokali tal-Ewropa permezz ta’ sħubijiet u proġetti ta’ kooperazzjoni mmirati lejn l-Unjoni ta’ Innovazzjoni li jħarsu 'l quddiem, li huma sostenibbli u li jħeġġu korpi iżgħar strutturalment u f'termini ta’ organizzazzjoni biex jingħaqdu flimkien fl-applikazzjoni ta’ ħiliet speċjalizzati b'mod stabbli u strutturat;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ Attivi”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

tingħata attenzjoni speċjali lill-kompetenzi prinċipali għas-soċjetà tal-għarfien, bħat-tagħlim dwar kif titgħallem, il-lingwi u l-kultura, il-ħiliet intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni, il-ħiliet interpersonali u l-kapaċità li jiġi sfruttat bi sħiħ il-potenzjal tal-ICT;

b)

it-taħriġ u l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali jintrabtu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sabiex tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u biex ikun jista' jinfetaħ il-potenzjal tagħhom u jiżviluppaw personalment u professjonalment;

c)

jinħolqu opportunitajiet għall-mobbiltà għall-akbar numru ta’ żgħażagħ possibbli, irrelevanti mis-sitwazzjoni personali jew is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew il-pożizzjoni ġeografika tar-reġjun tagħhom;

d)

jiġu żviluppati iktar l-istrumenti u l-għodod Ewropej sabiex tiġi ffaċilitata u mħeġġa l-mobbiltà fit-tagħlim fil-partijiet kollha tas-sistema edukattiva;

e)

jiġi appoġġjat l-inklużjoni tal-Europass (il-mudell ta’ CV Ewropew) fil-“passaport Ewropew ta’ ħiliet” futur sabiex tiġi promossa l-mobilità;

f)

jiġu adottati inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi abbażi ta’ ftehimiet immirati li jsibu l-aħjar soluzzjonijiet biex l-istudenti jitħejjew b'mod effettiv għar-responsabbiltajiet tal-ħajja adulta, li tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali, min iħaddem u l-universitajiet bil-għan li jintlaħaq l-aħjar progress edukattiv, anke fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali u li jissodisfa l-ħtiġiet tal-istudenti u ta’ min iħaddem, il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem fl-identifikazzjoni tal-problemi edukattivi u l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet għalihom, l-appoġġ għall-iskejjel biex iwettqu l-programmi edukattivi preparatorji, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-apprendistati vokazzjonali u l-promozzjoni tal-edukazzjoni ma’ min iħaddem;

g)

jenfasizza li l-pedament tal-prinċipji ta’ saħħa tajba u ta’ mobbiltà jitqiegħdu f'fażi bikrija tal-ħajja u jipprovdu l-kundizzjonijiet għal kwalità ta’ ħajja tajba. L-attivitajiet tal-korpi mingħajr skop ta’ qligħ huma l-pedament tas-soċjetà. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tkomplix b'dawk il-proposti (Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-VAT (COM(2010) 695)) li jheddu l-eżistenza u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Aġenda diġitali għall-Ewropa”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

jinħolqu aġendi diġitali lokali biex jitħaffef l-użu ottimali tal-ICT permezz ta’ kollaborazzjoni lokali, reġjonali u Ewropea ppjanata;

b)

jitjiebu l-interoperabbiltà u l-gvern elettroniku billi jiġu żviluppati applikazzjonijiet ġodda, bħas-servizzi onlajn ċċentrati fuq il-persuni, it-tagħlim elettroniku (e-learning), is-servizzi tas-saħħa onlajn (e-health),il-votazzjoni onlajn (e-voting), is-servizzi tal-amministrazzjoni onlajn (e-administration), is-sistemi ta’ trasport intelliġenti u l-mudelli ta’ informazzjoni reġjonali għall-ippjanar urban;

c)

jiġi promoss is-suq uniku diġitali bħala s-sinsla tal-aġenda diġitali għall-Ewropa u jiġu appoġġjati proġetti innovattivi fuq skala kbira bbażati fuq l-aħjar għarfien Ewropew u li jinvolvu lid-diversi partijiet interessati;

d)

jiġi assigurat aċċess għall-broadband ġust u bi prezz raġonevoli kullimkien u jitwettqu proġetti piloti bil-għan li jitnaqqas id-distakk fir-rigward tal-aċċessibbiltà;

e)

jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni għall-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà f'rabta mal-prodotti u s-servizzi tal-ICT, li huma prekundizzjoni għall-fiduċja taċ-ċittadini u għat-teħid tal-opportunitajiet offruti;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

titjieb il-governanza dwar it-tibdil fil-klima bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi prinċipali fl-isforzi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis ta’ dan it-tibdil, u għall-promozzjoni ta’ mod aktar sostenibbli fl-użu tar-riżorsi, u biex il-produtturi u l-konsumaturi jiġu motivati jadottaw imġiba li tirrispetta aktar lil ambjent u aktar effiċjenti f'termini ta’ riżorsi;

b)

jinħolqu parametri ċċentrati fuq l-utent għall-ħolqien tal-valur u l-valutazzjoni tal-impatt li għandhom jintużaw mil-livell differenti ta’ governanza b'rabta mal-ħolqien ta’ soċjetà tal-għarfien sostenibbli; f'dan il-kuntest jiġi limitat in-numru ta’ indikaturi sabiex ikun żgurat li l-politiki qed jitfasslu b'mod effiċjenti li jkun viżibbli u li jinftiehem mill-pubbliku;

c)

jiġu adottati strateġiji lokali u reġjonali dwar il-klima u l-enerġija li jipprevedu akkwist pubbliku aktar ekoloġiku għall-baġits pubbliċi, inklużi proġetti li jużaw il-fondi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea;

d)

jintużaw pjani direzzjonali u pattijiet ta’ azzjoni biex jinkiseb is-sostenn politiku u jiġi promoss l-investiment fl-infrastruttura li tirrispetta l-ambjent, fir-rinnovazzjoni tas-sistema tal-enerġija u fis-servizzi pubbliċi ekoloġiċi;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

tiġi promossa l-modernizzazzjoni industriali permezz ta’ proġetti strateġiċi Ewropej li għandhom l-għan li jkollhom effett ta’ xprun globali fir-rigward tal-kondiviżjoni effettiva tal-għarfien u t-teknoloġija (f'oqsma bħat-trasport ekoloġiku u l-bini b'konsum baxx tal-enerġija);

b)

jassiguraw l-arrikkiment reċiproku tal-ideat u l-mudelli ta’ negozji permezz ta’ inizjattivi bħar-“Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitħeġġu jippromovu żviluppi ġodda fir-rigward tal-SMEs u l-kultura intraprenditorjali;

c)

jiġi promoss il-kunċett ta’ ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u tiġi żviluppata kooperazzjoni mill-qrib bejn in-nisġa produttiva u l-universitajiet u ċ-ċentri teknoloġiċi sabiex jinħoloq tkabbir u impjiegi;

d)

jittieħdu miżuri intiżi biex isibu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja billi tittejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi, pereżempju billi jiġu offruti biżżejjed postijiet full-time fiċ-ċentri tal-kura tat-tfal żgħar u billi tiġi promossa organizzazzjoni tax-xogħol li tirrispetta lill-familji, abbażi ta’ ħinijiet u mudelli tax-xogħol flessibbli;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi u miżuri lokali biex tiġi ġestita l-bidla industrijali u ekonomika, pereżempju billi tiġi identifikata l-inadegwatezza tal-ħiliet elettroniċi u l-opportunitajiet ta’ negozju relatati;

b)

jiġu promossi s-sħubijiet strateġiċi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi sabiex jissaħħu l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u jiġu rikonċiljati mal-politiki tal-flessigurtà;

c)

titħeġġeġ l-azzjoni lokali dwar il-kompetenza diġitali, it-tluq bikri mill-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, u l-għoti tas-setgħa lill-anzjani;

d)

jiġu żviluppati rabtiet aktar sodi bejn l-università u l-impriżi, pereżempju billi fil-programmi kollha tal-università jiġu integrati apprendistati li jkollhom effett fuq il-kreditu, u billi fit-tfassil ta’ dawn il-programmi jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet tal-impjegati li qed jitħarrġu u l-isfidi li jridu jiffaċċjaw, billi jiġu offruti pereżempju soġġorni barra minn pajjiżhom iktar qosra u internazzjonalizzazzjoni fl-ambjent domestiku (“internationalisation at home”);

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Pjattaforma Ewropa kontra l-faqar”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

tiġi żviluppata aġenda ta’ inklużjoni lokali u soċjali sabiex is-servizzi soċjali lokali jsiru aktar effettivi u aċċessibbli għal kulħadd;

b)

jintużaw il-kompetenzi legali u l-programmi adatti għall-bżonnijiet lokali fis-setturi tal-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-ippjanar urban, is-servizzi soċjali, is-sigurtà u l-attivitajiet kulturali, b'attenzjoni partikulari fuq iż-żgħażagħ u t-tfal;

c)

jiġu promossi l-inklużjoni elettronika, l-ekonomija soċjali, il-volontarjat u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

d)

jiġu evalwati r-riformi li ttieħdu, b'mod partikulari fir-rigward tal-limitu, l-ispejjeż u l-impatt tal-innovazzjonijiet tas-soċjetà, kif ukoll li s-soluzzjonijiet il-ġodda li urew l-effikaċja tagħhom jinxterdu fl-Ewropa kollha u jiġu applikati lokalment;

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-GOVERNANZA F'DIVERSI LIVELLI U L-FINANZJAMENT

Messaġġi dwar il-governanza f'diversi livelli: rigward il-patti territorjali u l-pussess politiku, il-KtR:

15.

jenfasizza li l-għan li l-istrateġija tingħata dimensjoni aktar reġjonali u lokali huwa li jissaħħaħ l-impenn tal-Istati Membri fil-konfront tal-istrateġija u l-pussess politiku tagħha, u b'hekk tkun iktar rilevanti u prattika għaċ-ċittadini;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-impenn sod tiegħu għall-proposta li tistabbilixxi “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020”, biex jiżgura pussess f'diversi livelli tal-istrateġija permezz ta’ sħubija effettiva bejn il-korpi rilevanti tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali. Din il-proposta hija appoġġjata mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew (3);

17.

josserva li diversi Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ewropa 2020, li l-gvernijiet nazzjonali ppreżentaw lill-Kummissjoni sa April 2011 fil-kuntest tal-qafas tas-Semestru Ewropew, irreferew għar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ipprogrammar tagħhom. Madankollu, xi ftit biss minn dawn il-Programmi indikaw li ġie adottat approċċ ta’ governanza f'diversi livelli biex jiġu implimentati partijiet mill-istrateġija l-ġdida u huwa wieħed biss li jsemmi b'mod espliċitu l-proposta tal-KtR għall-Patti Territorjali;

18.

iħeġġeġ bil-qawwi lill-Istati Membri biex jgħinu lir-reġjuni u lill-bliet tagħhom jistabbilixxu Patti Territorjali fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 (4), sabiex, flimkien mal-gvernijiet ċentrali tagħhom, jiġu definiti għanijiet, impenji u strutturi ta’ rappurtaġġ nazzjonali b'konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, f'konformità totali tal-qafas leġislattiv nazzjonali (5);

19.

jinsisti dwar il-valur miżjud maħluq mill-Patti Territorjali. Dawn għandhom jiffukaw fuq ftit prijoritajiet adattati, b'valur speċjali għar-reġjun ikkonċernat u m'għandhomx isiru strument burokratiku ġdid iżda għandhom jirrappreżentaw il-komponenti naturali tal-PNR sabiex tiġi assigurata l-konformità mal-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli u s-sħubija. Dawn jista' jkollhom il-forma ta’ impenji politiċi, possibbilment ikkomplementati minn kuntratti stabbiliti fuq bażi volontarja bejn il-korpi pubbliċi, waqt li jkun hemm enfasi fuq il-governanza u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Patti Territorjali jistgħu jiġu żviluppati b'mod speċjali fl-oqsma ta’ politika fejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma atturi prinċipali fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miri prinċipali u l-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

20.

ifakkar li jeżistu diversi eżempji ta’ ftehimiet ta’ governanza f'diversi livelli li għandhom l-għan li jwettqu għanijiet ta’ żvilupp territorjali kondiviż permezz ta’ politika integrata u koordinata. Dawn ivarjaw ħafna u jirriflettu mhux biss objettivi differenti iżda wkoll differenzi attwali bejn il-pajjiżi kkonċernati u d-diversità soċjoekonomika, kulturali, istituzzjonali u ambjentali tagħhom. Fost l-eżempji hemm il-ftehimiet li jeżistu fl-Awstrija (Patti Territorjali għall-Impjieg), Spanja (Patti Territorjali ta’ Katalunja għaż-żona rurali), il-Belġju (Flanders f'Azzjoni, Patt 2020 u Pjan Marshall 2.Green għall-Wallonja), ir-Renju Unit (Sħubija għal Greater Nottingham), Franza (Patti Territorjali għall-Inklużjoni, Kuntratti ta’ Ppjanar bejn l-Istat u r-Reġjuni) u l-Ġermanja (Inizjattiva għall-Innovazzjoni – Reġjuni Intraprendituri tal-Ministeru Federali għall-Edukazzjoni u r-Riċerka). Il-KtR jtenni l-impenn tiegħu li jippromovi l-aktar t-tixrid possibbli tal-esperjenzi sabiex iħeġġeġ il-proċessi ta’ tagħlim reċiproku (6); jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-attivitajiet konġunti li għandhom l-għan li jsaħħu u jiżviluppaw iktar il-kuntatti soċjali bejn il-komunitajiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ żewġ pajjiżi ġirien jew iktar, fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali bejn il-partijiet interessati;

21.

jirrepeti l-messaġġ tad-Dikjarazzjoni li ppreżenta l-Bureau tal-KtR lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2011: il-patti territorjali ser jgħinu jagħtu lill-istrateġija l-ġdida dimensjoni territorjali u ser jgħinu wkoll jiċċentraw l-istrumenti kollha ta’ politika u l-mezzi ta’ finanzjament disponibbli lejn il-livelli differenti ta’ gvern involuti;

22.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jimplimentaw l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, skont il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk isejjaħ lill-Presidenzi tal-Unjoni Ewropea sabiex fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jagħtu appoġġ espliċitu lill-prinċipji ta’ governanza f'diversi livelli, inkluża l-proposta tal-KtR għall-patti territorjali;

23.

jinnota li l-analiżi tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) turi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma ġewx involuti biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri meta dawn kienu qed ifasslu l-PNR. Il-KtR jistieden lill-Istati Membri jinvolvu kemm jista' jkun lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Strateġija ta’ implimentazzjoni minn isfel għal fuq, fejn il-livelli amministrattivi kompetenti jiġu involuti kemm jista' jkun, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, mhux biss ittejjeb il-prospetti ta’ suċċess tal-programmi iżda wkoll twassal għal adozzjoni usa' tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest jiżviluppa kunċetti ta’ Patti Territorjali u programmi operattivi reġjonali b'kooperazzjoni ma’ dawk ir-reġjuni li lesti jagħmlu dan. Dan iwassal għall-applikazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin fil-livell reġjonali. Tipikament, dawn jinkludu l-Aġenda Diġitali Lokali u l-Aġenda għall-Innovazzjoni Lokali li jgħinu lir-reġjun jispeċjalizza b'mod intelliġenti u jibni l-kooperazzjoni Ewropea tiegħu u l-bażi għall-prosperità tiegħu;

24.

jenfasizza l-importanza li tinħoloq kapaċità ta’ innovazzjoni fil-livell reġjonali fuq il-bażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-komplementaritajiet fir-reġjuni viċini. Għandu jintuża l-potenzjal kollu tal-makroreġjuni Ewropej sabiex jitkabbru s-swieq u jservu ta’ bank ta’ prova innovattiv biex jiġi appoġġjat it-tkabbir. Fir-rigward ta’ dan, hemm evidenza ċara li r-reġjun tal-Baħar Baltiku jista' jintuża bħala eżempju u prototip għall-Ewropa kollha;

Messaġġi dwar il-governanza f'diversi livelli: rigward ir-rwol essenzjali ta’ implimentazzjoni, il-KtR:

25.

jirrikonoxxi d-distakk enormi bejn l-għarfien l-aktar reċenti dwar ir-riċerka u l-prattika fil-ħajja reali. Hemm bżonn ta’ miżuri reġjonali b'saħħithom sabiex ir-riżultati ta’ riċerka jissarfu f'innovazzjoni li hija adatta għal-lokal u li tista' tiġi applikata fl-Ewropa kollha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jimmobilizzaw is-sħubijiet pubbliċi-privati u jħeġġu l-parteċipazzjoni mil-lokal (l'hekk imsejħa innovazzjoni miftuħa orjentata lejn l-utent fis-soċjetajiet miftuħa biex jinħoloq il-valur);

26.

jenfasizza r-rwol globali kruċjali tal-inizjattivi ewlenin “Unjoni ta’ Innovazzjoni” (7) u “Aġenda Diġitali” (8) fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli biex jintaqqas id-distakk bejn ir-riżultati ta’ riċerka eżistenti u l-prattika. Jeħtieġ li jiġu żviluppati, u anke mibdulin radikalment, prattiċi strateġiċi u operattivi fil-livell lokali u reġjonali skont ir-riżultati tar-riċerka l-aktar reċenti;

27.

iħeġġeġ b'mod attiv il-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi bil-għan li jiġu modernizzati l-proċessi u biex dawn jiġu applikat abbażi ta’ ħsieb immirat lejn sistemi diġitali;

28.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjonijiet rapidi, sabiex titfa' l-pedament għall-iżvilupp tas-suq uniku, speċjalment is-suq uniku diġitali, u tiffinanzja xi ftit inizjattivi ta’ riċerka u żvilupp fuq skala wiesgħa li jittrasferixxu u jikkonċettwalizzaw l-għarfien ta’ riċerka globali f'applikazzjonijiet prattiċi tal-ħajja reali b'mod multidixxiplinari u kreattiv. Għandu jkun hemm inizjattivi pijunieri li jużaw l-aħjar esperti u aġenti tat-tibdil minn diversi oqsma;

29.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi flimkien mal-KtR kampanja usa' ta’ komunikazzjoni sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali kif ukoll iċ-ċittadini jsiru jafu aktar dwar l-Istrateġija Ewropa 2020. Għal dan il-għan, il-KtR jipproponi li, flimkien mal-Kummissjoni, iħejji “Gwida dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 għall-Bliet u r-Reġjuni” sabiex jiġi spjegat b'mod ċar kif dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija, filwaqt li jintwerew is-sorsi differenti ta’ finanzjament (nazzjonali, lokali, reġjonali u tal-Unjoni Ewropea);

30.

jikkonferma li ser ikompli jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-livell lokali permezz tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020. Bħala kontribut għas-suċċess tal-istrateġija l-ġdida fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, ir-riżultati ta’ monitoraġġ tal-KtR ser jiġu ppubblikati kull sena f'Diċembru, qabel l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

Messaġġi dwar il-finanzjament: rigward il-bżonn għal sinerġija bejn id-diversi sorsi ta’ finanzjament, il-KtR:

31.

jenfasizza li l-isfida vera għall-Unjoni Ewropa, l-Istati Membri u r-reġjuni hija li tinħoloq is-sinerġija neċessarja bejn l-istrumenti differenti ta’ finanzjament tas-settur pubbliku u dak privat sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 tkun tista' tiġi implimentata, u jħeġġeġ koordinazzjoni ikbar bejn il-baġits nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ir-reġjuni u l-bliet ikunu jistgħu jużaw aħjar il-Fondi Strutturali u programmi oħra tal-Unjoni Ewropea;

32.

jenfasizza partikularment il-ħtieġa li jkun hemm progress sabiex ir-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq l-objettivi u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jissottolinja r-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020, li tipprovdi opportunità reali sabiex l-ifqar reġjuni tal-Unjoni Ewropea jkomplu jiġu megħjuna javvanzaw, tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn il-politiki tal-Unjoni Ewropea u sabiex il-politika ta’ koeżjoni tiġi żviluppata f'fattur prinċipali tat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea kollha filwaqt li fl-istess ħin jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjeta bħat-tixjiħ u t-tibdil fil-klima (9);

33.

jikkonferma għalhekk l-interess tiegħu f'żewġ proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid li jkopri l-perjodu wara l-2013 (10), partikularment il-kuntratti ta’ sħubija tal-iżvilupp u l-investiment bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membri li jirriflettu l-impenji tal-imsieħba fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u qafas strateġiku komuni sabiex tiżdied il-konsistenza tal-politiki sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 issir realtà u tal-għanijiet ta’ koeżjoni, li għandu jissostitwixxi l-pakketti separati attwali ta’ linji gwida;

34.

ifakkar fil-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni li għandhom jintużaw għall-bini ta’ sistemi tal-innovazzjoni reġjonali, l-istrumenti tal-kooperazzjoni territorjali, il-provvista ta’ kapital ta’ riskju u l-miżuri għall-introduzzjoni aktar rapida ta’ prodotti innovattivi u t-tħeġġiġ ta’ netwerking fost il-partijiet interessati fl-oqsma tal-ekonomija, ix-xjenza u l-amministrazzjoni (11);

35.

ifakkar fil-bżonn li jinħolqu parametri aħjar mill-PDG biss sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-kwalità tal-ħajja jew l-inklużjoni soċjali, u jindika li l-indiċi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu l-istess u jippromovu l-ħolqien u l-firxa tal-innovazzjoni soċjetali u l-konsistenza fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. (12) Dawn l-indikaturi addizzjonali għandhom jitqiesu meta tiġi implimentata u evalwata l-politika ta’ koeżjoni, sabiex jiġi rifless aħjar l-iżvilupp ta’ kull reġjun (13);

36.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita sħubijiet territorjali ġodda billi tissemplifika u ttejjeb il-mod kif jiġu ġestiti l-programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali; (14)

37.

jitlob li jiżdiedu l-kapaċitajiet tar-reġjuni u l-bliet biex jużaw is-Seba' Programm Qafas, il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni u inizjattivi simili oħrajn. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-użu sħiħ tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda ewlenija ta’ appoġġ sabiex tiġi modernizzata l-politika ta’ innovazzjoni reġjonali;

Messaġġi dwar il-finanzjament: rigward l-innovazzjoni miftuħa u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-akkwist pubbliku, il-KtR:

38.

jirrikonoxxi li l-innovazzjoni ġejja minn taħlita ta’ elementi u approċċi multidixxiplinari differenti u jistieden li jiġu adottati miżuri li jżidu l-kapital strutturali u relazzjonali tar-reġjuni, kemm ġewwa fil-komunitajiet ta’ prattika kif ukoll fil-kollaborazzjoni mal-oħrajn;

39.

jemmen li l-intrapriżi jridu jinfetħu għal mentalitajiet oħra u jisfruttaw ir-riżorsi kollettivi disponibbli fi ħdan ir-reġjun tagħhom u għalhekk is-suċċess tagħhom jiddependi mill-kapital soċjali. Min-naħa l-oħra, il-KtR iħeġġeġ lir-reġjuni jimxu lejn l-innovazzjoni miftuħa, b'viżjoni ċentrata fuq is-sħubijiet bejn l-atturi tas-settur pubbliku u privat mal-universitajiet u istituzzjonijiet oħra tal-għarfien li għandhom rwol kruċjali, jiġifieri jiġi mmodernizzat l-kunċett tat-triple helix;

40.

jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-akkwist prekummerċjali bħala strument biex inaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni tas-soċjetà u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija, u jenfasizza li l-immodernizzar tar-regoli tal-akkwist jridu jtejbu r-rwol tas-settur pubbliku sabiex jinkiseb l-aħjar valur għall-flus. (15) Sakemm l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċessi jistgħu jiġu kkoordinati bejn ir-reġjuni, l-akkwist pubbliku prekummerċjali jista' jkun ukoll xprun sinifikanti għall-ħolqien tas-suq uniku fl-Ewropa;

41.

itenni li l-akkwist prekummerċjali ser jerġa' jissaħħħ aktar jekk ikun ikkombinat mal-innovazzjoni miftuħa immirata li taċċellera l-iżvilupp tas-soċjetà ekoloġika tal-għarfien, fi kliem ieħor, jekk jintuża sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni u li jistgħu jerġgħu jintużaw sabiex jinħolqu infrastrutturi u servizzi li fuqhom huma bbażati l-ekosistemi tal-innovazzjoni fil-ħajja reali moderna.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Semestru Ewropew u Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir COM(2011) 11.

(2)  Kummissjoni Ewropea, Strateġija Ewropa 2020 COM(2010) finali u l-ittra tas-Segretarju Ġenerali lill-KtR tad-19 ta’ Lulju 2010

(3)  CdR 199/2010 fin, Riżoluzzjoni dwar Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020

(4)  CdR 73/2011, Dikjarazzjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2011

(5)  CdR 199/2010 fin, Riżoluzzjoni dwar Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020

(6)  Għal dan il-għan, fil-websajt tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020 tal-KtR ġiet attivata paġna web apposta.

(7)  CdR 373/2010 riv 2, Opinjoni dwar l-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni

(8)  CdR 104/2010 fin, Opinjoni dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa

(9)  Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE – COM(2010)700

(10)  Jinsab imniżżel ukoll fir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE – COM(2010)700

(11)  CdR 223/2010 fin, Opinjoni dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020

(12)  CdR 163/2010 fin, Opinjoni dwar “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”

(13)  CdR 369/2010 fin, Opinjoni dwar il-ħames rapport dwar il-koeżjoni

(14)  ibid.

(15)  CdR 70/2011 fin, Opinjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku


Top