EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0065

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Il-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar il-Gvern Elettroniku 2011–2015”

ĠU C 9, 11.1.2012, p. 65–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/65


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Il-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar il-Gvern Elettroniku 2011–2015”

2012/C 9/12

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa' b'sodisfazzjon it-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015. Il-prijoritajiet tal-pjan – servizzi transkonfinali, it-tisħiħ tal-poteri tal-utent, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ISP), il-parteċipazzjoni elettronika, is-suq uniku onlajn, il-gvern ekoloġiku u l-interoperabbiltà – huma kollha oqsma li fihom ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali huma fl-istess waqt atturi, fornituri u benefiċċjarji;

jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-amministraturi Ewropej biex isaħħu liċ-ċittadini u lin-negozji permezz tas-servizzi tal-gvern elettroniku, kif ukoll aċċess akbar għall-informazzjoni pubblika u trasparenza mtejba. Il-Kumitat jaqbel mal-isforzi li jkabbru l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess politiku, itejbu l-mobbiltà fi ħdan is-suq uniku u jnaqqsu l-burokrazija żejda għall-pubbliku;

jenfasizza li l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tonqos il-firda diġitali u jitwettqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jgħin biex jiġu sodisfatti għadd ta’ bżonnijiet importanti taċ-ċittadini Ewropej fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi;

li filwaqt li s-softwer b'sors miftuħ (open source) kiseb aċċettazzjoni li qed tikber fis-suq, standards miftuħin u interfaċċi miftuħin huma importanti wkoll fl-abilitazzjoni tat-trasferiment u l-użu tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà madwar l-organizzazzjonijiet, is-sistemi u t-tagħmir.

Relatur

Ján ORAVEC (SK/PPE), Sindku ta’ Štúrovo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011–2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv

COM(2010) 743 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Is-soċjetà tal-informazzjoni (SI) kienet aċċelleratur tremend tal-progress ekonomiku u soċjali. Filwaqt li jirrikonoxxu dal-fatt, il-pajjiżi u r-reġjuni kollha madwar id-dinja qed idaħħlu t-titjib fl-SI fil-pjani ta’ żvilupp tagħhom u, permezz ta’ azzjoni pubblika, ifittxu li jħaffu t-twaqqif ta’ infrastruttura tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), jappoġġjaw il-ħolqien tal-kontenut, iħaffu s-servizzi li jiġu offruti u jappoġġjaw liċ-ċittadini biex iżidu l-grad ta’ użu tagħhom. L-Ewropa hija fost il-pijunieri globali f'dan ir-rigward u l-aġenda tagħha għandha tissaħħaħ bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-gvern elettroniku Ewropew għall-2011-2015 irid jinftiehem bħala t-twettiq fil-prattika tal-miri tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. L-ostakli għal tkabbir aktar dinamiku fil-potenzjal tal-ITCs, li wasslu għal dawn l-inizjattivi huma ċari ħafna fl-Ewropa. Huwa partikolarment importanti li nfittxu li ntejbu l-aċċess għat-teknoloġiji innovattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-eqreb taċ-ċittadini u jipprovdu servizzi fil-lokalità. Irridu nitgħallmu mill-proġetti tal-passat li ma rnexxielhomx jagħtu r-riżultati mistennija.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja

1.

il-proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku li huma rilevanti ħafna għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom iqisu l-ICT bħala element essenzjali biex il-pjan jimxi 'l quddiem. Il-prijoritajiet tal-istrateġija l-ġdida fil-livell lokali u reġjonali jistgħu jappoġġjaw il-kwalità tal-ħajja u l-attività soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, kif ukoll jistimolaw servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u personalizzati, u n-negozji lokali. Hemm diversi mezzi li bihom ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp sħiħ ta’ dan il-potenzjal;

2.

wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni li huwa il-promozzjoni tal-inklużjoni elettronika – jiġifieri soċjetà tal-informazzjoni inklussiva, u ġusta fil-livelli reġjonali u soċjali li tuża' l-ICT biex iżżid il-kompetittività u ttejjeb is-servizzi pubbliċi.

3.

is-sehem li qed jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'kollaborazzjoni mifruxa biex titjieb l-interoperabbiltà tas-sistemi governattivi u biex il-provvista tas-servizzi pubbliċi ssir aktar effettiva (1);

Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa' b'sodisfazzjon

4.

it-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015. Il-prijoritajiet tal-pjan – servizzi transkonfinali, it-tisħiħ tal-poteri tal-utent, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ISP), il-parteċipazzjoni elettronika, is-suq uniku onlajn, il-gvern ekoloġiku u l-interoperabbiltà – huma kollha oqsma li fihom ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali huma fl-istess waqt atturi, fornituri u benefiċċjarji;

5.

l-isforzi tal-amministraturi Ewropej biex isaħħu liċ-ċittadini u lin-negozji permezz tas-servizzi tal-gvern elettroniku, kif ukoll aċċess akbar għall-informazzjoni pubblika u trasparenza mtejba. Il-Kumitat jaqbel mal-isforzi li jkabbru l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess politiku, itejbu l-mobbiltà fi ħdan is-suq uniku u jnaqqsu l-burokrazija żejda għall-pubbliku;

6.

l-approċċ ta’ punt uniku, li ttieħed f'diversi Stati Membri. Il-ħolqien ta’ ċentri tas-servizzi tal-awtoritajiet pubbliċi bħal dawn madwar l-UE jkollhom importanza fundamentali kemm għall-pubbliku kif ukoll għan-negozji fl-Istati Membri tagħha. Madankollu, jeħtieġ li l-ewwel jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti għall-gvern elettroniku u fl-istess waqt għandu jkun hemm valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar is-servizzi;

7.

xogħol fejjiedi fuq il-promozzjoni u l-monitoraġġ tas-saħħa pubblika, speċjalment fiż-żoni remoti jew b'aċċess diffiċli. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ progammi nazzjonali għall-adozzjoni ta’ sistemi diġitali fil-kura tas-saħħa fl-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ħafna l-għoti tas-servizzi tas-saħħa fil-livell lokali, reġjonali jew transkonfinali.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza

8.

li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol importanti f'dan il-proċess, għalhekk:

il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessariji biex jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni ta’ inizjattivi relatati mal-ICT (2).

il-potenzjal tal-Ewropa għall-iżvilupp tas-servizzi tal-ICT fis-setturi pubbliċi u privati għandu jintuża kollu, u b'hekk l-ICT għandu jintuża bħala mezz biex itejjeb is-servizzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'oqsma bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkwist pubbliku, is-sigurtà u s-servizzi soċjali. Sħubijiet pubbliċi-privati appoġġjati mill-UE bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs li jiżviluppaw l-ICT fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-ICT jistgħu jkunu bażi eċċellenti li fuqha jinbnew il-ħiliet u l-għarfien lokali madwar l-UE (3).

fl-iżvilupp ulterjuri tal-infrastrutturi u s-servizz taħt il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku, ikun essenzjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti kollha ta’ sigurtà l-aktar għall-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-integrità f'kull livell jiġu sodisfatti biex jassiguraw l-aħjar livelli ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali, jiġi evitat kull traċċar illegali ta’ kwalunkwe tip ta’ informazzjoni u profil (4), inklużi l-preferenzi tax-xiri, l-qagħda medika, l-istorja tas-saħħa, u affarijiet oħra, u biex ma jkun possibbli l-ebda aċċess għas-sistema ta’ pproċessar u ta’ ħżin tal-informazzjoni permezz ta’ metodi magħrufa.

l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali tal-awtoritajiet pubbliċi jfisser li l-proġetti tal-IT ikkonċernati jridu jkopru aspetti ta’ interoperabbiltà u identifikazzjoni elettronika taċ-ċittadini (Stork), firem elettroniċi, is-servizz elettroniku tad-dokumenti u elementi oħra tal-gvern elettroniku biex dawn jiġu trattati f'kuntest Ewropew: dan huwa wkoll rekwiżit fundamentali biex tiżdied il-mobbiltà individwali taċ-ċittadini fl-UE. L-interoperabbiltà hija parti fundamentali tas-servizzi transkonfinali tal-awtoritajiet pubbliċi li tirrikjedi approċċ internazzjonali, lil hinn mill-ambitu tal-awtoritajiet lokali.

l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu kkonsultati sistematikament fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-miżuri maħsuba li jimplimentaw il-gvern elettroniku madwar l-Ewropa. Ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom jingħataw rikonoxximent flimkien mal-Istati Membri bħala promoturi ewlenin ta’ kooperazzjoni aktar mill-viċin bejn l-utenti u l-produtturi tal-innovazzjonijiet tal-ICT f'partijiet differenti tal-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet (5).

9.

l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni, modernizzazzjoni u tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi bħala azzjoni prijoritarja sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż, kif ukoll ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u s-servizzi, li jixprunaw l-attività ekonomika, inaqqsu l-proċeduri u l-formalitajiet burokratiċi u jiffaċilitaw ukoll ir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni, jgħinu fit-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi tal-attivitajiet intraprenditorjali, fit-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi u biex jiġi stimulat l-iżvilupp tagħhom;

10.

il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-pjan ta’ azzjoni – il-ftuħ, il-flessibbiltà u l-kooperazzjoni fil-kuntatti bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u l-pubbliku – huma tal-akbar importanza għal implimentazzjoni b'suċċess;

11.

li l-idea tat-trasparenza hija partikolarment importanti hawnhekk, peress li “se jippermettu li ċ-ċittadini jkollhom aċċess elettroniku għal dik id-data personali li hija disponibbli fuqhom meta tkun disponibbli elettronikament” (6). Din l-informazjoni llum diġà hija aċċessibbli għaċ-ċittadini. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jesprimi xi riservi dwar il-proposta tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini jiġu infurmati b'mod elettroniku mill-2014 'l quddiem kull meta d-data tagħhom tkun ipproċessata b'mod awtomatiku. Informazzjoni ta’ dan it-tip għandha biss tiġi trasmessa jekk tkun utli għaċ-ċittadini u jekk l-ispejjeż relatati jkunu proporzjonati;

12.

li l-involviment aktar mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jagħmilha possibbli li l-potenzjal sħiħ tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jintuża hekk kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jieħdu rwol importanti fl-appoġġ ta’ dan l-użu sabiex tiżdied il-kompetittività u jinħolqu impjiegi ġodda (7).;

13.

li l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tonqos il-firda diġitali u jitwettqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jgħin biex jiġu sodisfatti għadd ta’ bżonnijiet importanti taċ-ċittadini Ewropej fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi (8);

14.

li d-dħul madwar l-Ewropa tal-prinċipju li d-dettalji tan-nies u d-dettalji tal-oġġetti jiġu reġistrati darba biss, mingħajr il-ħtieġa ta’ mili ta’ formoli repetuti, jkun pass kbir biex tonqos il-burokrazija żejda għall-pubbliku u b'mod ġenerali biex jonqsu l-ispejjeż amministrattivi. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi żgurat li l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tibqa' tiġi rispettata;

15.

lit-tneħħija tal-inugwaljanzi, li għadhom jeżistu f'partijiet varji tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-reġjuni ultraperiferiċi, fl-aċċess tan-nies u l-livell tat-tagħmir hija rekwiżit fundamentali għal użu aħjar tal-ICT. Dan huwa partikolarment il-każ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fejn mhux biss hemm differenzi kbar bejn reġjuni differenti fl-istess pajjiż, iżda wkoll bejn awtoritajiet lokali skont id-daqs tagħhom. Hemm tendenza li bliet u rħula żgħar jinsabu ħafna aktar lura meta jiġu biex jilħqu l-kapaċità teknika, organizzattiva, u tal-persunal meħtieġa biex jestendu l-użu tal-ICT. Għalhekk irid jibda x-xogħol fuq l-offerta ta’ pjattaformi unifikati għall-provvista tas-servizzi tal-kunsilli lokali u muniċipali fil-forma ta’ softwer bħala servizz (SaaS). Dan jirrikjedi l-użu tal-iżviluppi attwali fl-IT bħall-virtwalizzazzjoni u l-cloud computing, li jnaqqsu l-ispejjeż u l-ħin biex isiru l-proġetti. Dawn l-iżviluppi għandhom essenzjalment ikunu bbażati fuq pjattaformi eżistenti u fuq l-użu ta’ softwer tat-tip open source;

16.

li d-dokument għandu jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li tingħalaq il-firda bejn ir-reġjuni, jew tal-anqas li din ma tkomplix tikber. Aħna konxji b'mod partikolari mir-riskju li l-proġetti tal-gvern elettroniku jiġu adottati u implimentati biss f'ċerti reġjuni;

17.

li servizzi transkonfinali bla tfixkil u li jippermettu lin-negozji jipprovdu servizzi u prodotti madwar l-UE (SPOCS – Simple Procedures Online for Crossborder Services – Proċeduri Sempliċi Onlajn għas-Servizzi Transkonfinali) permezz ta’ akkwist pubbliku faċli (PEPPOL – Pan-European Public Procurement Online – Akkwist Pubbliku Pan-Ewropew Onlajn) ikunu stimolu kbir għat-tkomplija tal-iżvilupp tan-negozji fl-UE;

18.

li filwaqt li s-softwer b'sors miftuħ (open source) kiseb aċċettazzjoni li qed tikber fis-suq, standards miftuħin u interfaċċji miftuħin huma importanti wkoll fl-abilitazzjoni tat-trasferiment u l-użu tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà madwar l-organizzazzjonijiet, is-sistemi u t-tagħmir;

19.

li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom sehem importanti ħafna fl-espansjoni tal-aċċess għall-broadband fiż-żoni fejn is-suq ma jirnexxielux (9);

20.

jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment (10) u b'mod partikolari jappoġġja l-fehma li l-obbligu ġenerali ta’ servizz jaf jagħti kontribut essenzjali għall-iżvilupp tal-komunikazzjoni bil-broadband fiż-żoni rurali.

21.

li l-aċċess għal servizzi tal-broadband ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli jista' jżid l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali – u fil-każ tal-mikrointrapriżi u l-SMEs jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Reġjuni u bliet imbiegħda, b'mod speċjali dawk ultraperiferiċi, huma mistennija li jibbenefikaw b'mod konsiderevoli minn aċċess usa' u iktar veloċi għas-servizzi tal-broadband (11);

22.

li b'hekk l-aċċess għall-broadband ikun jista' jpatti għad-diffikultajiet li jirriżultaw minħabba l-iżolament taż-żoni rurali, permezz ta’ komunikazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjoni u l-utenti – kemm dawk privati kif ukoll dawk kummerċjali (12);

23.

li s-servizzi tal-Gvern elettroniku li għandhom jiġu żviluppati għandhom jinkludu oqsma bħal: relazzjonijiet bejn l-utenti u l-amministrazzjoni; il-kontribut tal-amministrazzjonijiet fit-tisħiħ tad-dibattitu pubbliku (disseminazzjoni ta’ informazzjoni pubblika essenzjali, fora pubbliċi, konsultazzjonijiet onlajn u – b'mod aktar wiesa' – mekkaniżmi ġodda ta’ konsultazzjoni pubblika); il-kuntatti bejn il-kumpaniji u l-amministrazzjoni (bħal notifiki ta’ data soċjali, notifiki ta’ reklutaġġ, trasferimenti tat-taxxa u kontabbiltà tad-data); l-applikazzjoni tat-tekniki tal-kummerċ elettroniku fl-isfera tal-akkwist pubbliku (akkwist elettroniku); u l-metodi ta’ ħidma u organizzazzjoni ġodda fi ħdan l-amministrazzjonijiet (trasformazzjoni tal-impjiegi, ħidma kooperattiva, teleworking);

24.

il-miżuri intiżi biex jagħtu lil kull ċittadin Ewropew aċċess għall-broadband bażiku sal-2013 u broadband rapidu u ultrarapidu sal-2020, b'konformità mal-impenji tal-UE fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis;

25.

li, meta niġu għall-użu tal-potenzjal tal-gvern elettroniku biex jonqos l-impatt tal-karbonju, ir-reġjuni u l-bliet jista' jkollhom rwol ta’ tmexxija fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet tal-ICT għall-azzjoni lokali, l-iskambji dwar l-aqwa prattiki fit-teknoloġija, l-identifikazzjoni ta’ msieħba fil-proġetti, l-allokazzjoni tal-fondi għall-investiment fl-għodod tal-ICT, il-kejl tal-progress u l-komunikazzjoni tas-suċċess.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni

26.

għall-importanza partikolari tas-settur tas-servizzi biex jinkisbu l-benefiċċji tal-ICT, peress li l-industriji bħall-kummerċ bil-grossa u bl-imnut u s-servizzi finanzjarji u tan-negozju huma fost l-aktar investituri importanti fl-ICT (13);

27.

li l-persistenza tal-firda diġitali qed tgħarraq is-sitwazzjoni tal-esklużjoni soċjali u d-diverġenza ekonomika. Għalhekk il-ħolqien ta’ opportunitajiet ugwali fil-qasam diġitali huwa essenzjali għal raġunijiet kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi. F'dan id-dawl, l-inklużjoni elettronika hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2011–2015 u b'hekk l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 (14) fil-qasam tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

28.

li l-provvista tal-protezzjoni tal-privatezza tiddependi minn ċerti fatturi, inkluż l-istrutturar tal-korpi tas-settur pubbliku (li l-maġġoranza tagħhom tinsab fil-livell lokali), il-konverġenza tal-leġislazzjoni tal-UE, it-trawwim ta’ kultura innovattiva fost l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi, fosthom l-użu ta’ kodiċi komuni tal-etika, u fost iċ-ċittadini, permezz tad-definizzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi diġitali u s-sensibilizzazzjoni dwarhom, u l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet bbażati fuq l-ICT (15);

29.

il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tas-sigurtà jiġu sodisfatti fil-livelli kollha hekk kif tkun qed tiġi installata l-infrastruttura tal-internet u jiġu żviluppati s-servizzi relatati. Dan jiggarantixxi l-ħarsien massimu tal-privatezza u tad-data personali u l-prevenzjoni ta’ kull monitoraġġ mhux awtorizzat ta’ data personali u tal-profili, inklużi l-preferenzi fix-xiri, id-drawwiet, il-kundizzjoni medika, l-istorja medika u affarijiet oħra (16);

30.

li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u fil-protezzjoni tas-sigurtà tad-data. Għandhom jipparteċipaw fil-ġbir tad-data dwar l-istatistika taċ-ċiberkriminalità u fit-taħriġ tal-persunal;

31.

li, rigward il-prinċipju ta’ suq kompetittiv tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi privati jiffaċċjaw l-istess kundizzjonijiet bħall-istituzzjonijiet pubbliċi, li jiġi permess l-aċċess għall-informazzjoni pubblika mill-utenti privati, kif ukoll li jkunu indikati b'mod ċar il-kundizzjonijiet li bihom din id-data tista' tintuża għal skopijiet kummerċjali (17);

32.

li, fil-governanza tal-proċess li fuqhom huwa bbażat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku u l-politiki pubbliċi relatati, l-azzjoni kkoordinata mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li tirrispetta għal kollox il-prinċipju tas-sussidjarjetà, hija ta’ importanza kbira ħafna, kif indika l-KtR fil-White paper tiegħu dwar il-governanza f'livelli differenti (18).

Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota

33.

li l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gvernijiet għandhom bżonn jaħdmu flimkien biex jiżguraw il-bidu ta’ ċirku virtwuż ta’ titjib fir-riżorsi umani, tibdil organizzattiv, ICT u produttività u li l-ICTs jiġu żviluppati u użati b'mod effettiv. Politiki mmirati li jtejbu l-litteriżmu bażiku diġitali, il-bini ta’ ħiliet f'livell għoli, il-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja fl-ICT, u t-titjib fil-ħiliet tal-ġestjoni kif ukoll dawk fin-netwerking meħtieġa għall-użu effettiv tal-ICT huma partikolarment rilevanti (19) u jinsabu fost il-kompetenzi ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

34.

li, f'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ssemmi għadd impressjonanti ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu taħt il-kappa tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern elettroniku.

35.

li, kif inhuma, il-miżuri u l-azzjonijiet previsti mill-komunikazzjoni ma jidhrux li jqajmu problemi dwar il-konformità tagħhom mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-miri intiżi. Kemm jista' jkun għandu jiġi evitat kull piż żejjed li l-miżuri jista' jkollhom fuq l-Istati Membri u dan il-piż għandu jkun soġġett għal valutazzjoni ta’ kosteffettività;

36.

li l-forom ta’ azzjoni proposti (miżuri ta’ politika ħfief – soft policy measures) huma sempliċi kemm jista' jkun biex jilħqu l-għanijiet intiżi u jħallu kemm jista' jkun spazju għad-deċiżjonijiet nazzjonali (fosthom dawk reġjonali);

37.

li l-miżuri speċifiċi li jridu jiġu implimentati għandhom jiġu osservati mill-qrib u vvalutati, biex jiġi żgurat li ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet iffissati u li l-Istati Membri jżommu l-akbar marġni għat-teħid tad-deċiżjonijiet filwaqt li n-negozji ma jkollhomx piżijiet bla bżonn. Għal dan il-għan trid tiddaħħal sistema ta’ proċeduri ta’ monitoraġġ.

38.

li l-ksur tas-sigurtà huwa theddida għas-servizzi ta’ utilità (ilma, enerġija, kumpaniji tal-enerġija ekoloġika lokali u oħrajn);

39.

li l-ġestjoni tat-tibdil fil-klima hija waħda mill-aktar sfidi politiċi importanti quddiem l-awtoritajiet lokali u reġjonali għas-snin li ġejjin u li biex jinkisbu l-miri ambizzjużi għall-2020 hemm bżonn li s-soluzzjonijiet li jużaw l-ICT jkunu faċilment disponibbli kif ukoll li jintużaw b'mod komplut;

40.

li r-reġjuni, l-istess bħall-awtoritajiet lokali, huma atturi ewlenin fil-qasam tal-ICT għat-tkabbir sostenibbli peress li huma responsabbli għal għadd ta’ attivitajiet li jirrigwardaw l-ippjanar, l-għoti ta’ permessi, l-investiment, l-akkwist, il-produzzjoni u l-konsum. It-trasport, id-djar u l-bini pubbliku, u l-infrastruttura tad-dawl pubbliku, li huma ppjanati u pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, huma oqsma li fihom jista' jsir kemm tnaqqis importanti tas-CO2 kif ukoll iffrankar tal-enerġija. Barra minn hekk, il-potenzjal kbir tal-ICTs biex itejjeb l-effiċjenza enerġetika jsaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u jkabbar l-opportunitajiet tan-negozju fil-livell lokali u reġjonali.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda

41.

li l-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom iħeġġu b'mod attiv l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-użu tal-innovazzjonijiet tal-ICT fis-settur pubbliku, l-aktar billi jippromovu l-aħjar prattiki Ewropej u jipprovdu pariri u rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi (20).

42.

li għandu jiġi provdut taħriġ estensiv tal-persunal kollu, speċjalment tekniċi speċjalizzati (eżempju fin-netwerks, is-sistemi, is-sigurtà, il-privatezza, eċċ), persunal li jaħdem direttament ma’ proċeduri tas-sigurtà bl-użu ta’ metodoloġiji differenti u persunal li b'mod ġenerali jew indirett jipparteċipa fl-inizjattivi tal-innovazzjoni u l-immodernizzar (eżempju it-tagħlim tal-litteriżmu diġitali lill-konsumaturi) dwar kwistjonijiet marbutin mal-fiduċja u s-sigurtà (21);

43.

li ser tiġi żviluppata Valutazzjoni tal-Impatt tal-Informazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u ser tiġi inkluża fil-kodiċi tal-kondotta tar-relazzjonijiet intergovernattivi biex tevalwa l-impatt ta’ politiki ġodda u leġislazzjonijiet ġodda fuq il-muniċipalitajiet u r-reġjuni li jirrikjedu tibdil fil-ġestjoni tal-informazzjoni u l-adattament ta’ teknoloġiji ġodda. Il-valutazzjoni tal-impatt tas-sistemi tal-informazzjoni għandha l-għan li:

tiddetermina fi stadju bikri biżżejjed jekk liġi tistax tiġi infurzata fil-prattika;

tinvestiga kif il-komponenti tal-gvern elettroniku jistgħu jikkontribwixxu għal proċess ta’ implimentazzjoni bla xkiel;

tiddetermina l-appoġġ adegwat meħtieġ għall-implimentazzjoni, fid-dawl tal-livelli attwali ta’ żvilupp u l-kapaċità ta’ adattament tal-muniċipalitajiet.

44.

li tingħata aktar attenzjoni lis-sensibilizzazzjoni fil-livell reġjonali lokali, minħabba fin-nuqqas ta’ għarfien u/jew ta’ mekkaniżmi biex l-informazzjoni disponibbli għall-użu mill-ġdid tiġi identifikata biex il-korpi pubbliċi jkunu jistgħu jkunu aktar trasparenti u jippromovu l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-servizzi pubbliċi (22);

45.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa jużaw b'mod estensiv l-opportunitajiet tal-ICT biex jgħelbu l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u b'hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, jżommuhom integrati mal-komunitajiet lokali u jippromovu l-kompetittività lokali u reġjonali permezz tal-provvista ta’ servizzi personalizzati (23).

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 10/2009 fin.

(2)  CdR 283/2008 fin.

(3)  CdR 156/2009 fin.

(4)  CdR 104/2010 fin.

(5)  COM(2009) 116 finali

(6)  COM(2010) 743 finali

(7)  CdR 247/2009 fin.

(8)  CdR 14/2010 fin.

(9)  CdR 5/2008 fin.

(10)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2011-0322&language=MT

(11)  CdR 252/2005 fin.

(12)  CdR 14/2010 fin.

(13)  The Economic Impact of ICT: Measurement, Evidence and Implications (L-impatt ekonomiku tal-ICT: il-kejl, l-evidenza u l-implikazzjonijiet), OECD Publishing (2004).

(14)  COM(2010) 2020.

(15)  CdR 247/2009 fin.

(16)  CdR 247/2009 fin.

(17)  CdR 247/2009.

(18)  CdR 89/2009 fin.

(19)  The Economic Impact of ICT Measurement, Evidence and Implications (L-impatt ekonomiku tal-ICT: il-kejl, l-evidenza u l-implikazzjonijiet), OECD Publishing (2004).

(20)  CdR 156/2009 fin.

(21)  CdR 104/2010 fin.

(22)  CdR 247/2009.

(23)  CdR 84/2007 fin.


Top