Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AR0007

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara”

ĠU C 259, 2.9.2011, p. 48–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/48


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara”

2011/C 259/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob li kull inizjattiva adottata fil-livell Ewropew fil-qasam tal-infrastruttura tikkunsidra l-ġestjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet fil-livell reġjonali u lokali;

jappella biex ir-rwol u l-bżonnijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkunsidrati fl-istudju ta’ kull proġett ta’ żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija u biex issir valutazzjoni bir-reqqa tar-rapport kostbenefiċċju li jista’ jirriżulta mit-twettiq ta’ tali proġġetti fil-livell lokali, reġjonali u saħansitra makroreġonali;

iqis li l-valutazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija għandha tkejjel l-impatt ta’ dawn il-proġetti kemm fil-qasam tas-sigurtà enerġetika kif ukoll tal-ambjent u l-pajsaġġi kif ukoll fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku;

jilqa’ b’mod favorevoli ħafna l-prijorità mogħtija mill-KE lill-iżvilupp tat-teknoloġiji marbutin mal-ħolqien ta’ netwerks intelliġenti. Dan it-tip ta’ netwerk huwa kruċjali għat-tħaddim tajjeb ta’ suq tal-enerġija li jippermetti użu iktar effikaċi u effiċjenti tar-riżorsi;

jinsab imħasseb li l-Kummissjoni Ewropea mhux ser tkun tista’ tipproponi pjan ta’ finanzjament sħiħ u dettaljat ta’ dan il-programm ta’ żvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija;

jitlob li jkun jista’ jsemma’ leħnu dwar il-kwistjonijiet kruċjali li ser jinkludu l-baġit tal-programm, il-modi ta’ finanzjament previsti, il-livelli tal-kontributi li ser jaqgħu fuq kull wieħed mill-atturi, b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda anke fuq il-konsumaturi kollha.

Relatur

Is-Sur Michel LEBRUN (BE/PPE), Membru tal-Parlament tal-Komunità Franċiża

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat

COM(2010) 677 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

bi pjaċir jinnota li l-Unjoni Ewropea ħadet l-impenn bis-sħiħ f’dan il-kompitu immens u kruċjali għall-iżvilupp simultanju ta’ supergrid Ewropea għall-enerġija, ta’ interkonnessjonijiet effiċjenti u ta’ netwerks intelliġenti deċentralizzati. Il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ biss iħossu entużjast meta jara li l-awtoritajiet reġjonali periferali fl-aħħar ġew ikkunsidrati fil-qafas ta’ din l-inizjattiva u se jiġu integrati f’dawn in-netwerks. Il-koerenza territorjali u s-solidarjetà interreġjonali ssaħħew bil-ħolqien ta’ dawn l-istrutturi, bil-kundizzjoni ċara li t-tħassib u l-interessi ta’ kull waħda mill-awtoritajiet ikunu jistgħu jinstemgħu u jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ matul it-tħejjija ta’ dawn il-proġetti.

2.

b’hekk, jinnota li fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara, il-Kummissjoni Ewropea nnotat l-importanza li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess sħiħ tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija Ewropej kif ukoll fl-iżvilupp tas-supergrid integrata tal-futur. Il-Kumitat tar-Reġjuni jisħaq fuq il-fatt li din il-parteċipazzjoni għandha tiġi prevista sa mill-ewwel stadji tal-analiżi.

3.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fis-suċċess tal-pjani mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea minħabba l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom fid-diversi attivitajiet marbutin mal-ippjanar, l-għoti ta’ permessi, l-investimenti, l-akkwisti pubbliċi, il-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-kontroll tal-konsum tal-enerġija u t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif ukoll it-trattament u l-ħżin tal-iskart tal-enerġija. Għalhekk, kull inizjattiva adottata fil-livell Ewropew f’termini ta’ infrastruttura għandha tikkunsidra l-ġestjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet fil-livelli reġjonali u lokali.

4.

japprezza b’mod partikolari l-attenzjoni li ngħatat lill-mekkaniżmi tar-raggruppamenti reġjonali. Minbarra r-rwol tiegħu ta’ faċilitatur, jiġifieri li jħaffef il-proċeduri tal-ippjanar, il-finanzjament, l-implimentazzjoni, is-segwitu u l-monitoraġġ tal-proġetti previsti, il-ħolqien sistematiku ta’ pjattaformi reġjonali speċjalizzati se jkun indispensabbli għall-kollaborazzjoni sħiħa u l-adeżjoni tal-atturi kollha reġjonali u lokali kkonċernati mill-introduzzjoni tal-infrastrutturi l-ġodda tal-enerġija.

5.

jitlob li tingħata attenzjoni partikolari biex iċ-ċittadini jiġu infurmati b’mod sistematiku u fil-ħin dwar l-introduzzjoni ta’ strutturi ġodda. Hija ħaġa kruċjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, direttament f’kuntatt maċ-ċittadini, jużaw il-mezzi u l-istrutturi li jippermettulhom li jinfurmaw u jikkonsultaw b’mod sodisfaċenti l-opinjoni pubblika sabiex ikunu jistgħu jiżguraw l-appoġġ għall-adeżjoni għall-proġett innifsu. Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni tiggarantixxi livell ogħla ta’ trasparenza fil-ħolqien tal-mudelli li jiddeterminaw il-ħtieġa ta’ dawn l-infrastrutturi tal-enerġija, li tistabbilixxi kompetizzjoni bejn dawn il-mudelli differenti u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jikkontrollaw il-parametri u l-modi ta’ kalkolu użati biex jiġu stabbiliti dawn il-mudelli.

Messaġġi ewlenin

6.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li għandu jiġi rikonoxxut li l-Unjoni Ewropea mhux ser tkun tista’ tikseb l-għanijiet tagħha tal-enerġija rinnovabbli, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tas-sigurtà tal-provvista sakemm ma tapprovax investimenti konsiderevoli, bil-għan li tiżviluppa l-iżjed ekonomija effikaċi mill-perspettiva tal-enerġija li, barra minn hekk, tinvolvi l-modernizzazzjoni tan-netwerks trans-Ewropej, l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet u l-integrazzjoni prijoritarja tal-enerġija rinnovabbli f’dawn in-netwerks, l-iżjed permezz tal-iżvilupp estensiv tan-netwerks b’vultaġġ medju u baxx, li hija kundizzjoni meħtieġa għall-ksib ta’ produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

7.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Riżoluzzjoni reċenti tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-konsegwenzi tal-katastrofi naturali fil-Ġappun u l-konsegwenzi tad-diżastru nukleari: tagħlimiet għall-Unjoni Ewropea”, u b’mod partikolari l-punti 14 u 16, u jitlob li l-ippjanar tal-infrastrutturi futuri tal-enerġija jqisu din ir-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, jitlob li jitqiesu sewwa l-għanijiet marbuta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra minn issa sal-2050. Huwa partikolarment importanti li ssir applikazzjoni stretta tar-rekwiżit li l-pajjiżi kollha jilħqu jew jaqbżu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-fossili kombustibbli, pereżempju tal-karbonju, iż-żejt u l-gass naturali.

8.

jenfasizza li għandhom jiġu identifikati, skont l-importanza relattiva tagħhom, il-postijiet fejn l-infrastrutturi jistgħu jittejbu jew jiġu modernizzati u fejn hemm bżonn ta’ infrastrutturi ġodda;

9.

jenfasizza l-bżonn li jiġu previsti miżuri addizzjonali għall-ġestjoni tad-domanda, kif ukoll il-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-qasam tal-ekonomiji tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2020. Il-ħtiġijiet b’rabta mal-infrastruttura tal-enerġija ser jiddependu mill-kapaċità tagħna li nirrazzjonalizzaw il-konsum tagħna.

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li politiki nazzjonali u Ewropej adegwati jippermettu lis-supergrid Ewropea tal-futur li ssir il-mutur li bih jiġi kompletat is-suq intern Ewropew għall-elettriku u tal-gass naturali, u li bis-saħħa t’hekk il-kompetizzjoni ssir effettiva f’dan il-qasam. Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li t-twettiq ta’ dan il-proġett ta’ suq uniku effettiv u l-ħolqien ta’ netwerk tal-enerġija Ewropew integrat li jaħdem sew, huma neċessarji biex jiġu żgurati l-livelli ta’ prosperità u l-koeżjoni bħal dawk li ġew stabbiliti fl-għanijiet 2020 tal-Unjoni Ewropea.

11.

jagħraf l-importanza ta’ infrastrutturi tal-gass effiċjenti għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista u għat-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika ta’ ċerti reġjuni u jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli fi ħdan dawn l-infrastrutturi li jiggarantixxu livell ogħla ta’ flessibbiltà, b’mod partikolari biex ikunu possibbli flussi inversi bil-għan li ċerti reġjuni ma jibqgħux dipendenti minn sors ta’ provvista wieħed. Jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati infrastrutturi tal-gass li jqisu bis-sħiħ il-kontribut tat-terminals tal-gass naturali likwifikat u l-gass naturali kkompressat.

12.

iqis li l-miżuri proposti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ser jikkomplementaw it-tielet pakkett billi jindirizzaw it-talba għall-investiment fil-qasam tal-produzzjoni u t-trasport tal-enerġija.

13.

f’dan il-kuntest, jagħraf ir-rwol tal-aġenziji tar-regolazzjoni tas-suq tal-enerġija biex jiggarantixxu l-pertinenza u l-effikaċja tal-investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija, kemm ċentralizzati kif ukoll deċentralizzati.

14.

jilqa’ b’mod favorevoli ħafna l-prijorità li ngħatat lill-iżvilupp tat-teknoloġiji relatati mal-ħolqien ta’ netwerks intelliġenti. Netwerks bħal dawn ser ikunu kruċjali għat-tħaddim sew tas-suq tal-enerġija billi jippermettu użu iktar effettiv u effiċjenti tar-riżorsi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li tkun tista’ tinħoloq pjattaforma ta’ konsultazzjoni, ta’ informazzjoni u ta’ skambji dwar dan in-netwerk intelliġenti tal-futur.

15.

iqis li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija għodda qawwija u kosteffettiva biex naslu għal ġejjieni ta’ enerġija sostenibbli, u li tista’ tnaqqas parzjalment il-ħtieġa li jsiru investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija;

16.

jinsab imħasseb li l-Kummissjoni Ewropea mhux ser tkun tista’ tipproponi pjan ta’ finanzjament sħiħ u dettaljat ta’ dan il-programm ta’ żvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija. Għalhekk, jiddispjaċih li ma jistax isemma’ leħnu dwar il-kwistjonijiet kruċjali li ser jinkludu l-baġit tal-programm, il-modi ta’ finanzjament previsti, il-livelli tal-kontributi li ser jaqgħu fuq kull wieħed mill-atturi, b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda anke fuq il-konsumaturi kollha.

17.

jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni Ewropea li jinħoloq fond Ewropew għall-infrastruttura li jipprovdi finanzjament għall-proġetti l-kbar kollha tal-infrastruttura li huma ta’ interess Ewropew fl-oqsma tal-enerġija, il-broadband u t-trasport, inklużi n-netwerks TEN.

18.

jiddispjaċih ukoll li ma ġewx definiti miri kwantitattivi fir-rigward tal-vantaġġi li jridu jinkisbu minn din l-istrateġija.

19.

għalhekk jitlob b’mod urġenti li tiġi stabbilita u komunikata mill-iktar fis possibbli l-informazzjoni sħiħa u dettaljata rigward il-modi u l-mezzi ta’ finanzjament analizzati mill-Kummissjoni u li tingħatalu l-possibbiltà li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu fuq dawn il-kwistjonijiet fil-futur.

20.

jappella biex ir-rwol u l-bżonnijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkunsidrati meta jiġi analizzat kull proġett ta’ żvilupp ta’ infrastrutturi tal-enerġija. Huwa indispensabbli li b’mod sistematiku ssir valutazzjoni dettaljata tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji li t-twettiq ta’ dawn il-proġetti jista’ joħloq fil-livell lokali, reġjonali u makroreġjonali. Din il-valutazzjoni għandha tkejjel l-impatt ta’ dawn il-proġetti fuq is-sigurtà tal-enerġija daqs kemm fuq l-ambjent u l-pajsaġġi kif ukoll fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni. Huwa magħruf li l-oġġezzjonijiet imqajma miċ-ċittadini huma ostaklu kbir għall-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija. Jekk il-komunitajiet lokali jintwerew il-vantaġġi li joffrilhom l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija kif ukoll l-impatt ta’ dan fuq l-ambjent, dan jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex dawn l-oġġezzjonijiet jisfaw fix-xejn.

21.

jagħraf li l-livell nazzjonali jibqa’ indispensabbli għall-koordinazzjoni tal-investimenti fin-netwerks u l-interkonnessjonijiet. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni l-fatt li parti sostanzjali mill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, b’mod partikolari fil-bini, tinbet mill-inizjattivi li jkunu ttieħdu fil-livell lokali u reġjonali.

22.

jinnota li l-iżvilupp ta’ infrastrutturi għat-trasport tal-elettriku bejn l-UE u pajjiżi terzi, jista’ jżid, jew f’ċerti każijiet joħloq, ir-riskju ta’ ħruġ ta’ karbonju, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tanalizza malajr it-tibdiliet li għandhom isiru lis-suq Ewropew tal-kwoti biex jiġi evitat dan il-ħruġ ta’ karbonju. Għandhom jitqiesu soluzzjonijiet alternattivi differenti, bħal mekkaniżmu ta’ inklużjoni tal-karbonju.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

23.

jirrikonoxxi l-interess ekonomiku, ambjentali u soċjali li jirrappreżenta l-proġett ta’ modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija Ewropej, billi jippermetti li jiġu attirati l-industriji u li jinħolqu industriji ġodda fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ għadd ta’ impjiegi fis-settur. Ir-reġjuni u l-lokalitajiet jistgħu jkunu fost l-ewwel benefiċjarji ta’ dawn l-impatti pożittivi.

24.

jenfasizza l-importanza li s-sorsi tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jiġu integrati fin-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej min-netwerks reġjonali u lokali, li tippermettilhom jibbenefikaw mill-faċilitajiet tat-trasport u d-distribuzzjoni u b’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw.

25.

b’mod partikolari, jappella biex isir it-tibdil meħtieġ fl-infrastruttura sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati “intergrids” intelliġenti biex in-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-kooperattivi jkunu jistgħu jiġġeneraw l-enerġija ekoloġika tagħhom stess u jaqsmuha fuq bażi ta’ bejn il-pari fir-reġjuni kollha; jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex torganizza konferenza speċjali mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti sabiex tinbeda t-trasformazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija Ewropea.

26.

iqis importanti li jisħaq fuq il-possibbiltajiet ta’ innovazzjoni u ta’ żvilupp teknoloġiku li toffri din l-istrateġija għat-tmexxija u l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fis-settur tat-tagħmir (speċjalment f’dawk l-oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-elettriku, bħal, pereżempju, il-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli, in-netwerks intelliġenti u b’effiċjenza għolja ħafna, is-sistemi l-ġodda tal-ħżin tal-elettriku, jew it-tisħiħ tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku) u jappella biex jissaħħu l-istrateġija Ewropea għat-teknoloġiji tal-enerġija u l-inizjattivi tal-programmi qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp f’dan is-settur.

27.

jinnota li mingħajr infrastrutturi ta’ netwerk iktar effiċjenti u iktar intelliġenti, wieħed ma jistax jistenna n-nuqqas ta’ titjib fil-prezz tal-konsum, l-innovazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, b’mod partikolari fi ħdan ir-reġjuni ekonomikament inqas interessanti għall-kumpaniji, jiġifieri r-reġjuni periferali, ir-reġjuni bi ftit nies jew ekonomikament iktar dgħajfin.

28.

ifakkar li l-produzzjoni ċentralizzata f’installazzjonijiet fuq skala kbira għall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika għadha importanti għall-funzjonament tas-suq intern Ewropew tal-enerġija; iżda, għandha tingħata spinta sostanzjali permezz ta’ installazzjonijiet għall-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija u sistemi intelliġenti tal-kontroll u tat-trasport. B’hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni għandhom jitħeġġu iktar biex jiżviluppaw sistemi u teknoloġiji deċentralizzati, għax dan jgħin ukoll biex jiġi evitat l-istabbiliment ta’ monopolji fil-qasam tal-enerġija u jista’ jħeġġeġ parteċipazzjoni ikbar taċ-ċittadini, u b’hekk aċċettazzjoni ikbar ta’ industrija tal-enerġija aktar sostenibbli.

29.

jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija għall-ħolqien taċ-ċentri ta’ produzzjoni żgħar fil-livell lokali u reġjonali f’postijiet li jirrispettaw l-ambjent tirrappreżenta miżura effikaċi għall-bliet u r-reġjuni u għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli li ma tniġġisx, fi sforz biex jitħares l-ambjent u jiġi miġġieled it-tisħin globali.

30.

iżid jgħid li l-iżvilupp tas-sorsi tal-produzzjoni deċentralizzati jippermetti wkoll lill-Unjoni Ewropea kollha biex bil-mod il-mod ma tibqax daqshekk dipendenti minn barra għall-enerġija u biex b’hekk tikkonsolida s-sigurtà tal-provvista tagħha.

31.

jitlob bil-qawwa li jiġi involut fit-tħejjija tal-metodoloġija li ser tiġi adottata għad-definizzjoni tal-proġetti konkreti li ser jiġu dikjarati fl-interess Ewropew kif ukoll il-mezzi li se jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet b’mod flessibbli u adattat għall-partikolaritajiet lokali u reġjonali rigward il-kundizzjonijiet tas-suq u l-għażliet offruti mit-teknoloġija.

32.

jappoġġja l-ħolqien ta’ pjattaformi speċjalizzati fil-livell makroreġjonali intiżi biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-prijoritajiet identifikati. Dawn il-pjattaformi għandhom jiġu attivati wara l-analiżi tal-proġetti u għandhom jiġu involuti f’kull stadju tat-twettiq, li jinkludi t-tħejjija tal-pjani ta’ finanzjament u tal-baġit tagħhom.

33.

b’rabta ma’ dan jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva ta’ netwerk offshore tal-pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana tal-UE u n-Norveġja, biex tiġi żviluppata l-enerġija mir-riħ offshore kif ukoll biex l-infrastruttura fl-ibħra tat-Tramuntana tiġi kkoordinata aħjar, billi l-enerġija mir-riħ ser taqdi rwol deċiżiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fl-oqsma tal-enerġija u l-klima.

34.

jitlob għal tisħiħ sostanzjali tar-rwol tal-inizjattivi reġjonali fir-rigward tal-enerġija billi korpi speċjalizzati jingħataw il-kompiti tal-ippjanar tekniku u finanzjarju kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt ta’ dawn il-proġetti. L-implimentazzjoni tal-istrutturi reġjonali ad hoc hija rakkomandabbli wkoll sakemm dawn ikunu jistgħu jużaw metodi ta’ ħidma u mekkaniżmi ta’ deċiżjonijiet effettivi u effiċjenti.

35.

jinnota r-riżultati ferm inkoraġġanti li wasslu għall-ħolqien ta’ gruppi ta’ livell għoli f’dan il-qasam tal-kooperazzjoni interreġjonali u internazzjonali. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni għadu mħasseb dwar kemm hemm ċans li leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali inqas importanti jingħata widen f’dan it-tip ta’ konfigurazzjoni.

36.

jinsab dispjaċut bħall-Kummissjoni għar-rata bil-mod li biha għaddejjin bħalissa l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-infrastrutturi tal-enerġija u jitlob li dawn il-proċeduri jiġu semplifikati, koordinati aħjar u mtejba. Madankollu, ma jkunx aċċettabbli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-entitajiet prinċipali responsabbli u kkonċernati mill-impatt li ċerti proġetti tal-enerġija jista’ jkollhom fuq iċ-ċittadini, jitwarrbu mill-proċess tal-attribuzzjoni.

37.

jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta li tinħoloq awtorità ta’ kuntatt bħala one-stop-shop, tip ta’ interface bejn l-aġenti tal-promozzjoni u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fil-livell nazzjonali, reġjonali u/jew lokali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jisħaq fuq il-fatt li m’għandu jkun hemm l-ebda preġudizzju kontra l-kompetenzi akkwistati mill-awtoritajiet reġjonali.

38.

jitlob li jiġu adottati skadenzi massimi għall-għoti ta’ permessi adegwati li jiżguraw valutazzjoni korretta u kompleta tal-proġetti u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, filwaqt li jiffaċilitaw l-ippjanar u l-iżvilupp tal-infrastruttura.

39.

itenni x-xewqa tiegħu li jara liċ-ċittadini involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet sa mill-ewwel stadji tal-analiżi tal-proġetti. Dan l-involviment għandu jkun ċar, miftuħ, konkret u jiżgura kull trasparenza meħtieġa għall-adeżjoni tagħhom fi proġett komuni. L-iskeda ppjanata stess għandha tiġi promossa kemm jista’ jkun sabiex kulħadd ikun jista’ jsemma’ leħnu biex jieħu tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu.

40.

jixtieq jieħu sehem attiv fit-tħejjija tal-linji gwida mmirati biex itejbu t-trasparenza u previdibbiltà ta’ dan il-proċess tal-għoti ta’ permessi sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu kapaċi jilħqu b’mod sodisfaċenti l-għanijiet tagħhom li jinfurmaw u jikkomunikaw l-effetti negattivi u pożittivi tal-proġetti, tat-trasparenza, tal-kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet li jkunu nħarġu, is-segwitu tal-proġetti u l-monitoraġġ tal-opinjoni pubblika.

41.

jappella biex tingħata attenzjoni partikolari biex il-pubbliku jiġi infurmat dwar il-vantaġġi tal-iżvilupp ta’ infrastrutturi u netwerks intelliġenti għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, rigward is-sigurtà tal-provvista, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madankollu, din l-informazzjoni għandha tidher bilanċjata, mingħajr ħabi tal-inkonvenjenzi li ser jiffaċċjaw iċ-ċittadini. Hija biss l-informazzjoni kompluta u trasparenti li tippermettilhom jifhmu l-isfidi u li jaċċettaw aħjar l-effetti negattivi. Din l-informazzjoni għandha wkoll tiġi adattata għal kull sitwazzjoni speċifika, u tagħti informazzjoni preċiża u rilevanti.

42.

jitlob li jinħolqu sistemi effettivi, aċċessibbli u li jikkumpensaw liċ-ċittadini li b’mod partikolari ser jintlaqtu b’mod negattiv bit-twettiq tal-proġetti. Dan il-kumpens għandu jkun biżżejjed biex iħalli lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu tajjeb għal dan l-impatt u li jiżguraw jekk mhux il-qbil, tal-inqas l-aċċettazzjoni mill-opinjoni pubblika.

43.

jappoġġja l-idea li jinħolqu vantaġġi u inċentivi għar-reġjuni li jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni rapida tal-proġetti ta’ interess Ewropew, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux imħeġġa jevitaw ir-regoli ta’ prekawzjoni meħtieġa, bħall-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjoni maċ-ċittadini. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob ukoll li l-għoti tal-inċentivi jkun jista’ jiġi estiż għall-awtoritajiet lokali.

44.

jaqbel mal-Kummissjoni li tkun ħaġa ferm interessanti li din is-sistema ta’ inċentivi tiġi estiża għal kull proġett li jitnieda fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-produzzjoni, iżda anke tat-trasport u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

45.

jixtieq jiġi involut fil-ħolqien ta’ strument ta’ appoġġ għall-proġetti destinat li jakkompanja lir-reġjoni u l-awtoritajiet nazzjonali fl-attivitajiet tagħhom tal-ippjanar tal-infrastruttura u l-iżvilupp tal-proġetti. F’dan il-kuntest, ser ikun kruċjali li titqies valutazzjoni ta’ impatt ambjentali, iżda anke soċjoekonomika tal-proġetti fil-livell tar-reġjuni u l-lokalitajiet.

46.

jinsab imħasseb li fil-pakkett globali ta’ EUR 200 biljun ta’ investiment stmati mill-Kummissjoni Ewropea, hemm defiċit ta’ iktar minn 60 biljun.

47.

jilqa’ b’mod partikolarment favorevoli l-mobilizzazzjoni tas-sorsi ta’ investiment privati bl-adozzjoni ta’ regolament li jippermetti s-soluzzjoni tal-kwistjoni tat-tqassim tal-ispejjeż tal-proġetti l-kbar li huma teknoloġikament kumplessi jew ta’ natura transkonfinali. Bosta proġetti makroreġjonali li bħalissa jinsabu fir-riskju minħabba d-defiċit tal-finanzjament jistgħu jibbenefikaw direttament minn dawn ir-regolamenti leġislattivi ġodda.

48.

iħeġġeġ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi ottimizzat l-effett ta’ lieva tas-sorsi pubbliċi u privati biex jitnaqqas ir-riskju għall-investituri. Barra minn hekk, l-ottimizzazzjoni tal-benefiċċji, is-sigurtà tal-investimenti u l-impatt pożittiv fuq is-soċjetà ser iwasslu biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinvestu fil-proġetti li jidhrilhom li huma l-iktar adegwati.

49.

jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u konkreta għall-baġits u l-oqfsa finanzjarji li jistgħu jiġu allokati għal dan l-effett ta’ lieva. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-mekkaniżmi finanzjarji li ser jiġu analizzati jissodisfaw kriterji ta’ flessibbiltà, adattament għad-diversi tipi ta’ riskju eżistenti, u l-kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji speċifiċi ta’ kull proġett.

50.

jistieden b’mod partikolari lill-Kummissjoni biex tippromovi l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni finanzjarja tad-diversi atturi, fosthom tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija. L-ewwel nett dan ikollu effett li jixpruna t-tnedija u l-evoluzzjoni tal-proġetti kkonċernati. Barra minn hekk, l-aspett tal-benefiċċji finanzjarji ġenerati mill-użu futur tal-infrastrutturi jista’ jkollu effett li jgħaqqad l-opinjoni pubblika favur il-proġett.

51.

jitlob li tingħata prijorità lill-investiment f’kull proġett li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet 20-20-20, bħal dawk tal-iżvilupp tan-netwerks intelliġenti, l-inklużjoni tal-enerġiji rinnovabbli fis-supergrid Ewropea, l-inkorporazzjoni tar-reġjuni u l-lokalitajiet periferali fis-supergrid u l-interkonnessjonijiet.

52.

jenfasizza r-rwol kruċjali tan-netwerks intelliġenti fir-responsabilizzazzjoni individwali tal-konsum tal-enerġija. In-netwerks intelliġenti, il-meters intelliġenti għall-kejl tal-elettriku kif ukoll l-għodod tal-użu ad hoc li jkunu jistgħu jipprovdu mhux biss l-enerġija iżda anke l-informazzjoni dwar il-livell u t-tip ta’ konsum jistgħu jikkonkretizzaw potenzjal fl-ekonomiji tal-enerġija. Dawn in-netwerks b’hekk ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Għal din ir-raġuni l-iżvilupp u l-introduzzjoni tat-teknoloġiji ta’ dan it-tip għandhom jiġu promossi. Huwa jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bl-appoġġ tal-pjani nazzjonali u tal-programmi Ewropej, jiżviluppaw proġetti pilota għat-twettiq qabel l-2020 marbutin man-netwerks intelliġenti, b’attenzjoni speċjali għall-proġetti bejn reġjuni fil-fruntieri.

53.

jitlob li l-prijoritajiet li jingħataw fir-rigward tal-finanzjament u l-appoġġ għall-proġetti ta’ modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija jitfasslu skont dawn il-kriterji: l-iżvilupp tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija ta’ oriġini lokali u rinnovabbli, it-twettiq tas-suq uniku għall-elettriku u l-gass naturali, l-appoġġ lill-konsumaturi b’għajnuna biex ikunu jistgħu jipparteċipaw aħjar fis-suq mhux biss permezz ta’ effiċjenza akbar fil-konsum tagħhom iżda billi jkunu jistgħu jiżviluppaw bħala produtturi lokali, jiġifieri individwali, u li jerġgħu ibiegħu l-produzzjoni żejda li jista’ jkollhom. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet 20-20-20, huwa importanti wkoll li tittejjeb l-effiċjenza billi jiġu sostitwiti u mmodernizzati n-netwerks eżistenti, bil-għan li jitnaqqas it-telf marbut mal-konverżjoni u t-trasport.

54.

jitlob li jsir sforz biex jiġu żviluppati sistemi ta’ awtokonsum abbażi ta’ sorsi rinnovabbli u ta’ koġenerazzjoni bi prestazzjoni għolja, billi netwerks tal-enerġija jitfasslu bil-għan li jiġu prijoritizzati dawn it-tipi ta’ impjanti.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


Top