This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AG0012
Position (EU) No 12/2011 of the Council at first reading with a view to the adoption of a Directive of the European Parliament and of the Council amending Council Directive 78/660/EEC on the annual accounts of certain types of companies as regards micro-entities Adopted by the Council on 12 September 2011 Text with EEA relevance
Pożizzjoni (UE) Nru 12/2011 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji fir-rigward ta' mikroentitajiet Adottata mill-Kunsill fit- 12 ta' Settembru 2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE
Pożizzjoni (UE) Nru 12/2011 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji fir-rigward ta' mikroentitajiet Adottata mill-Kunsill fit- 12 ta' Settembru 2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU C 337E, 18.11.2011, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.11.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 337/1 |
POŻIZZJONI (UE) Nru 12/2011 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI
bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji fir-rigward ta' mikroentitajiet
Adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Settembru 2011
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2011/C 337 E/01
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2)
Billi:
(1) |
Il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 fil-konklużjonijiet tiegħu saħaq li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huwa importanti għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Ewropa u li jenħtieġ sforz konġunt b'saħħtu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
(2) |
Il-kontabbiltà ġiet identifikata bħala wieħed mill-oqsma ewlenin li fihom il-piżijiet amministrattivi għall-kumpanniji fi ħdan l-Unjoni jistgħu jitnaqqsu. |
(3) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (3) tiddefinixxi mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju. Madankollu, il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri wrew li l-kriterji ta' daqs għall-mikroimpriżi f'dik ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu wisq għolja għall-finijiet tal-kontabbiltà. Għalhekk, sottogrupp ta' mikroimpriżi, hekk imsejħa mikroentitajiet, għandu jiġi introdott biex ikopri kumpanniji bi kriterji ta' daqs għall-karta tal-bilanċ u fatturat nett aktar baxxi minn dawk stipulati għall-mikroimpriżi. |
(4) |
Il-mikroentitajiet fil-biċċa l-kbira tad-drabi joperaw f'negozju fil-livell lokali jew reġjonali bi ftit, jew xejn, attività transkonfinali. Barra minn hekk, huma għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda, it-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda. |
(5) |
Il-mikroentitajiet għandhom riżorsi limitati biex jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji impenjattivi. Madankollu, huma spiss ikunu soġġetti għall-istess regoli tar-rappurtar finanzjarju bħall-kumpanniji akbar. Dawk ir-regoli jpoġġu fuqhom piż li mhuwiex proporzjonat mad-daqs tagħhom u għalhekk huwa sproporzjonat għall-iżgħar impriżi meta mqabbla ma' dawk akbar. Għalhekk, għandu jkun possibbli li l-mikroentitajiet jiġu eżentati minn ċerti obbligi li jistgħu jimponu fuqhom piż amministrattiv oneruż bla bżonn. Madankollu, il-mikroentitajiet xorta għandhom ikunu soġġetti għal kull obbligu nazzjonali li jżommu reġistri li juru t-transazzjonijiet kummerċjali u l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom. |
(6) |
Billi n-numru ta’ kumpanniji li għalihom ser japplikaw il-kriterji ta' daqs stipulati f’din id-Direttiva jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u billi l-attivitajiet tal-mikroentitajiet ma jħallux impatt, jew iħallu biss impatt limitat, fuq il-kummerċ transkonfinali jew fuq it-tħaddim tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom iqisu din id-differenza fl-impatt ta' dawk il-kriterji meta jimplimentaw din id-Direttiva fil-livell nazzjonali. |
(7) |
L-Istati Membri għandhom iqisu l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-swieq tagħhom meta jkunu qed jieħdu deċiżjonijiet dwar kif jew jekk jimplimentawx sistema ta' mikroentitajiet fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE (4). |
(8) |
Il-mikroentitajiet għandhom iqisu d-dħul u l-ispejjeż relatati mas-sena finanzjarja, irrispettivament mid-data ta' meta dak id-dħul jew spejjeż ikunu riċevuti jew imħallsa. Madankollu, il-kalkolu ta' ħlasijiet minn qabel u dħul akkumulat u akkumulazzjonijet u dħul imħolli għal iżjed tard jista' jkun ta' piż għall-mikroentitajiet. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw lill-mikroentitajiet milli jikkalkolaw u jippreżentaw dawk l-entrati, biss safejn dik l-eżenzjoni tirrelata ma' spejjeż oħra li mhumiex l-ispiża għall-materja prima u l-oġġetti ta' konsum, l-aġġustamenti tal-valur, l-ispejjeż tal-persunal u t-taxxa. B'dan il-mod, il-piż amministrattiv involut fil-kalkolu ta' bilanċi relattivament żgħar jista' jitnaqqas. |
(9) |
Il-pubblikazzjoni ta' kontijiet annwali tista' tkun ta' piż għall-mikroentitajiet. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm konformità mal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi jeżentaw lill-mikroentitajiet minn rekwiżit ta' pubblikazzjoni ġenerali, bil-kondizzjoni li l-informazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ tiġi ffajljata debitament, f'konformità mad-dritt nazzjonali, ma' mill-inqas awtorità kompetenti maħtura waħda u li l-informazzjoni tintbagħat lir-reġistru tan-negozju. |
(10) |
L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tippermetti lill-Istati Membri li joħolqu ambjent ta' rapportar finanzjarju sempliċi għall-mikroentitajiet. L-użu ta' valuri ġusti jista' jirriżulta fil-ħtieġa għal żvelar dettaljat biex jispjega l-bażi li fuqha ġie stabbilit il-valur ġust ta' ċerti entrati. Billi s-sistema tal-mikroentitajiet tipprovdi żvelar limitat ħafna permezz ta' noti dwar il-kontijiet, l-utenti tal-kontijiet tal-mikroentitajiet ma jkunux jafu jekk l-ammonti fil-karta tal-bilanċ u fil-kont tal-qligħ u t-telf jinkorporawx valuri ġusti jew le. Għaldaqstant, biex tingħata ċ-ċertezza lil dawn l-utenti f'dan ir-rigward, l-Istati Membri m'għandhomx jippermettu jew jeħtieġu lill-mikroentitajiet li jużaw xi waħda mill-eżenzjonijiet disponibbli lilhom taħt din id-Direttiva li jużaw il-bażi ta' valutazzjoni ġusta meta jkunu qed iħejju l-kontijiet tagħhom. Il- mikroentitajiet li jixtiequ jew jeħtieġu jużaw valur ġust xorta jkunu jistgħu jagħmlu dan billi jużaw sistemi oħra skont din id-Direttiva fejn Stat Membru jippermetti jew jeħtieġ użu bħal dan. |
(11) |
Meta jiddeċiedu dwar kif jew jekk jimplimentawx sistema ta' mikroentitajiet fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 78/660/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mikroentitajiet li għandhom jiġu kkonsolidati skont id-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE (5) dwar il-kontijiet konsolidati jagħmlu użu minn data ta' kontabbiltà li tkun iddettaljata biżżejjed għal dak il-għan. |
(12) |
F'konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6), l-Istati Membri huma mħeġġa li jħejju, għalihom stess u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom li, safejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni taghħom, u biex jagħmluhom pubbliċi. |
(13) |
Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-mirkoentitajiet, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan. |
(14) |
Id-Direttiva 78/660/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 78/660/KEE
Id-Direttiva 78/660/KEE hija b'dan emendata kif ġej:
(1) |
l-Artikolu li ġej huwa mdaħħal: “Artikolu 1a 1. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet minn ċerti obbligi skont din id-Direttiva f'konformità mal-paragrafi 2 u 3 fir-rigward tal-kumpanniji li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jkunux jeċċedu l-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin (mirkoentitajiet):
2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1 minn kwalunkwe jew kull obbligu minn dawn li ġejjin:
3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1:
4. L-Istati Membri m'għandhomx jippermettu jew jeħtieġu l-applikazzjoni tat-Taqsima 7a lil kull mikroentità li tagħmel użu minn waħda mill-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3. 5. Fir-rigward tal-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 1, kontijiet annwali mfassla f'konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jitqiesu bħala li jagħtu l-istampa vera u ġusta meħtieġa mill-Artikolu 2(3), u konsegwentement, l-Artikolu 2(4) u (5) m'għandux japplika għal kontijiet bħal dawn. 6. Meta fid-data tal-karta tal-bilanċ, kumpannija teċċedi jew tieqaf milli teċċedi l-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji indikati fil-paragrafu 1, dak il-fatt għandu jaffettwa l-applikazzjoni tad-deroga prevista fil-paragrafi 2, 3 u 4 fil-każ biss li dan iseħħ kemm fis-sena finanzjarja attwali kif ukoll f'dik preċedenti. 7. Fil-każ ta’ dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro, l-ammont li fil-munita nazzjonali jkun ekwivalenti għall-ammonti speċifikati fil-paragrafu 1 għandu jkun dak miksub permezz tal-applikazzjoni tar-rata tal-kambju pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' kull Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti. 8. It-total tal-karta tal-bilanċ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jikkonsisti jew fl-attivi msemmija fl-entrati A sa E taħt ‘Assi’ fl-Artikolu 9 jew l-attivi msemmija fl-entrati A sa E fl-Artikolu 10. Jekk japplika l-punt (a) tal-paragrafu 2, it-total tal-karta tal-bilanċ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jikkonsisti jew fl-attivi msemmija fl-entrati A sa E taħt ‘Assi’ fl-Artikolu 9 jew l-attivi msemmija fl-entrati A sa D fl-Artikolu 10. |
(2) |
fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 5 1. B'deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu taqsim speċjali għall-kontijiet annwali ta' kumpanniji ta' investiment u ta' kumpanniji b'parteċipazzjoni finanzjarja bil-kondizzjoni li dan it-taqsim jagħti stampa ta' dawn il-kumpanniji ekwivalenti għal dik prevista fl-Artikolu 2(3). L-Istati Membri m'għandhomx jagħmlu l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1a fir-rigward ta' kumpanniji ta' investiment jew kumpanniji b'parteċipazzjoni finanzjarja.”; |
(3) |
l-Artikolu 53a huwa sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 53a L-Istati Membri m'għandhomx jagħmlu l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 1a, 11 u 27, il-punti (7a) u (7b) tal-Artikolu 43(1) u l-Artikoli 46, 47 u 51 disponibbli fir-rigward ta' kumpanniji li t-titoli ta' sigurtà tagħhom huma ammessi għan-negozju f'suq regolat fl-ambitu tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.”. |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva fejn u meta jiddeċiedu li jagħmlu użu minn kwalunkwe alternattiva prevista fl-Artikolu 1a tad-Direttiva 78/660/KEE, filwaqt li jqisu b’mod partikolari l-qagħda fil-livell nazzjonali fir-rigward tan-numru ta’ kumpanniji koperti mill-kriterji ta' daqs stipulati fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Għall-Kunsill
Il-President
…
(1) ĠU C 317, 23.12.2009, p. 67.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 (ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 111) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-12 ta' Settembru 2011. Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' …
(3) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(4) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.
(5) ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.
(6) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(7) It-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1).
(8) Id-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti. (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).”.
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha (1) għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji fir-rigward ta' mikroentitajiet fid-19 ta' Marzu 2009.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta fil-15 ta' Lulju 2009 (2).
Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-10 ta' Marzu 2010 (3).
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-12 ta' Settembru 2011.
II. GĦAN
L-għan tal-proposta huwa li l-Istati Membri jkunu jistgħu jeskludu impriżi żgħar ħafna (hekk imsejħin “mikroentitajiet”) mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji u b'hekk teżentahom mir-rekwiżiti ta' rappurtar ta' kontabbiltà/finanzjarju ta' din id-Direttiva.
III. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI
1. Ġenerali
Il-Parlament Ewropew esprima appoġġ ġenerali għall-proposta tal-Kummissjoni u adotta ħames emendi għaliha.
Il-Kunsill jaqbel b'mod ġenerali mal-ispirtu ta' dawn l-emendi u ħa kont estensiv tagħhom meta fassal il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.
Barra minn hekk, sabiex jiġu speċifikati l-prinċipji stabbiliti fil-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill inkluda għadd ta' dispożizzjonijiet dettaljati sabiex jiġu ffaċilitati t-traspożizzjoni u l-applikabbiltà tad-Direttiva fl-Istati Membri.
Minbarra l-bidliet ta' sustanza deskritti fit-Taqsima 3, hemm bidliet ta' abbozzar li jikkjarifikaw it-test jew li jiżguraw il-koerenza ġenerali tad-Direttiva proposta.
Il-Kummissjoni indikat li tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.
2. L-emendi tal-PE inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
a) Żamma tal-obbligu li jinżammu reġistri li juru t-transazzjonijiet kummerċjali u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija (Emendi 1, 3 u 4)
Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew issegwi l-proposta tal-Kummissjoni rigward il-kunċett ġenerali tal-emenda tar-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji. Hija tistabbilixxi alternattiva għall-Istati Membri biex jeżentaw il-mikroentitajiet mill-obbligi taħt ir-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji.
Madankollu, l-emendi 1, 3 u 4 tal-Parlament Ewropew jindirizzaw it-tħassib li eżenzjoni mid-doveri ta' kontabbiltà tista' tnaqqas it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-kreditu. Il-Parlament Ewropew saħaq dwar l-importanza taż-żamma ta' ċertu livell ta' trasparenza rigward is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-mikroentitajiet u tal-preservazzjoni tal-fiduċja tal-atturi differenti kollha fis-suq.
Il-Kunsill jappoġġa bis-sħiħ il-fehma tal-Parlament Ewropew li l-Istati Membri għandhom jibqgħu obbligati jżommu ċertu livell ta' obbligi ta' kontabbiltà sabiex jgħinu lill-mikroentitajiet jistrutturaw il-finanzi tagħhom u jipprovdu informazzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali u, jekk meħtieġ, għall-istituzzjonijiet finanzjarji.
Il-Kunsill jilqa' l-ispirtu tal-emendi 1, 3 u 4 u jżomm ċertu livell ta' obbligi ta' kontabbiltà billi jemenda l-kunċett tal-proposta tal-Kummissjoni. Huwa jintroduċi varjetà ta' eżenzjonijiet alternattivi minn partijiet tar-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji minflok eżenzjoni kompleta ta' mikroentitajiet mill-ambitu tad-Direttiva. Bħala riżultat, l-Istati Membri ser ikunu liberi jippermettu lill-mikroentitajiet tagħhom ifasslu karta tal-bilanċ simplifikata ferm u kont tal-qligħ u t-telf bi kważi ebda żvelar. L-Istati Membri ser ikollhom ukoll l-alternattiva li jissostitwixxu r-reġim ta' pubblikazzjoni attwali b'obbligu sempliċi għall-mikroentitajiet li jirreġistraw l-informazzjoni tal-karta tal-bilanċ ma' awtorità kompetenti waħda magħżula mill-Istat Membru kkonċernat. Jekk l-awtorità kompetenti maħtura mhix ir-reġistru tan-negozju, l-informazzjoni ser ikollha tinbagħat lil dak ir-reġistru mill-awtorità kompetenti.
Il-bidla kunċettwali introdotta mill-Kunsill fl-Artikolu 1 timmira li tikkjarifika liem huma l-obbligi speċifiċi taħt ir-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji li jinżammu għall-mikroentitajiet. Għaldaqstant il-Premessi 8 sa 11 kienu introdotti biex jispjegaw it-tibdil fl-Artikolu 1. Barra minn hekk, il-Kunsill inkluda l-ideat prinċipali espressi fl-emenda 1 f'verżjoni modifikata tal-Premessa 5.
b) Id-diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (Emendi 2, 3 u 5)
Il-Parlament Ewropew enfasizza li peress li l-kriterju tal-qies stabbilit fl-Artikolu 1a(1) għad-definizzjoni tal-mikroentitajiet ser iwassal għal differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri rigward l-għadd ta' impriżi kkunsidrati bħala mikroentitajiet u peress li l-mikroentitajiet normalment ma jkollhomx attivitajiet transkonfinali u b'hekk ma jkollhom ebda impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, l-armonizzazzjoni permezz ta' din id-Direttiva ma tkunx iġġustifikata.
Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tinkludi emendi li jagħmluha evidenti li l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tagħhom u b'mod partikolari s-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali rigward l-għadd ta' impriżi li jaqgħu taħt ir-reġim tal-mikroentità meta jittrasponu d-Direttiva.
Il-Kunsill jaqbel kompletament mal-Parlament Ewropew li kwalunkwe armonizzazzjoni hija eskluża mill-ambitu ta' din id-Direttiva u li l-Istati Membri għandhom jittrasponuha bil-mod li huma jqisu bħala l-aktar adatt għas-sitwazzjonijiet nazzjonali tagħhom.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinkorpora rispettivament l-emendi 2, 3 u 5 fil-Premessi 6 u 7 fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.
3. Bidliet addizzjonali inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
a) Konsegwenzi tat-Trattat ta’ Lisbona
Il-proposta tal-Kummissjoni, adottata fis-26 ta' Frar 2009, tirreferi għall-bażi legali u l-proċedura leġislattiva applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari temenda dawn id-dispożizzjonijiet billi tirreferi għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu u għall-proċedura leġislattiva ordinarja.
b) Id-definizzjoni tal-mikroentitajiet (Artikolu 1(1) - Artikolu 1a (1))
Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari ssegwi l-proposta tal-Kummissjoni rigward id-definizzjoni li ġejja tal-mikroentitajiet:
“kumpanniji li fid-data tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jkunux jeċċedu l-limiti ta' tnejn mit-tliet mill-kriterji li ġejiin:
(a) |
total tal-karta tal-bilanċ: EUR 500 000; |
(b) |
fatturat nett: EUR 1 000 000; |
(c) |
l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 10.” |
Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari baxxiet tnejn minn dawn il-kriterji tal-qies (total tal-karta tal-bilanċ: EUR 250 000; fatturat nett: EUR 500 000) sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn il-maġġoranza kbira tal-kumpanniji jkunu koperti mill-kategorija tal-mikroentitajiet.
c) Traspożizzjoni (Artikolu 2(1))
Ġiet inkluża referenza għat-tabelli ta' korrelazzjoni fil-Premessa 12 u dik fl-Artikolu 2(1) tħassret.
IV. KONKLUŻJONI
Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, filwaqt li tieħu kont tal-prinċipji stabbiliti fil-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, tirrappreżenta kompromess ibbilanċjat sew bejn it-tnaqqis tal-piżijiet għal impriżi żgħar ħafna u ż-żamma ta' livell ta' obbligi ta' kontabbiltà meħtieġa biex tiġi żgurata t-trasparenza dwar l-attivitajiet ekonomiċi għall-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-operaturi ekonomiċi. Il-Kunsill jistenna b'interess li jsiru diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament Ewropew fit-tieni qari bil-ħsieb tal-adozzjoni bikrija tad-Direttiva.
(1) 7229/1/09 REV 1
(2) ĠU C 317, 23.12.2009, p. 67.
(3) 7424/10