This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE1864
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending European Parliament and Council Directive 2008/106/EC on the minimum level of training of seafarers’ COM(2011) 555 final — 2011/0239 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara” COM(2011) 555 finali — 2011/0239 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara” COM(2011) 555 finali — 2011/0239 (COD)
ĠU C 43, 15.2.2012, p. 69–72
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 43/69 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara”
COM(2011) 555 finali — 2011/0239 (COD)
2012/C 43/16
Relatur: Dr BREDIMA
Nhar it-30 u t-28 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 100(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara
COM(2011) 555 finali — 2011/0239 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2011.
Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tas-7 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Taħriġ marittimu aġġornat huwa kruċjali sabiex il-professjonijiet marittimi fl-UE jkunu attraenti u biex iwitti t-triq għal sikurezza u sigurtà marittima akbar. L-għarfien marittimu huwa ta’ importanza strateġika sabiex l-UE żżomm il-pożizzjoni mexxejja marittima tagħha mad-dinja kollha.
1.2 Il-KESE jappoġġja l-abbozz ta’ Direttiva li jallinja d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara bl-emendi ta’ Manila (2010) għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW) tal-1978.
1.3 Huwa vitali li l-Istati Membri tal-UE jadottaw id-Direttiva proposta peress li sal-2012 it-taħriġ tal-baħħara ser ikun soġġett għal regoli ġodda fir-rigward tal-kapaċitajiet, il-profil professjonali, is-sikurezza u ċ-ċertifikazzjoni fuq bażi globali bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-Emendi ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW.
1.4 Il-KESE ma jaqbilx mal-formulazzjoni proposta tal-Artikolu 15 (11) li “l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw jew jirreġistraw ftehimiet kollettivi li jippermettu eċċezzjonijiet għas-sigħat meħtieġa ta’ mistrieħ [tal-baħħara]”. Id-Direttiva tal-UE m’għandhiex tiddevja mill-formulazzjoni tat-test tal-leġislazzjoni internazzjonali u tal-UE eżistenti, b’mod speċjali l-Konvenzjoni ILO 180, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO 2006 u d-Direttiva 1999/63/KE. Din id-Direttiva tal-aħħar li tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-baħħara ġiet konkluża wara negozjati twal u diffiċli fost l-imsieħba soċjali u r-riżultat tad-djalogu soċjali għandu jiġi rispettat mill-istituzzjonijiet tal-UE.
1.5 Il-KESE jipproponi li fid-Direttiva proposta jiġi speċifikat il-format standardizzat għar-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ mistrieħ u s-sigħat tax-xogħol. Il-format standardizzat jista’ jirreferi għal-Linji Gwida IMO/ILO għall-iżvilupp ta’ tabelli tal-arranġamenti tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti u l-formati tar-reġistrazzjonijiet tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ.
1.6 Filwaqt li l-Konvenzjoni STCW ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, il-KESE jinnota li d-Direttiva proposta mhux ser tidħol fis-seħħ qabel Lulju 2012 minħabba l-proċeduri leġislattivi preparatorji fil-Kunsill tal-UE u l-Parlament. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ser ikun hemm problemi mal-kontroll mill-Istat tal-port barra mill-UE fir-rigward tas-sigħat il-ġodda ta’ mistrieħ għall-baħħara u l-baħħara tal-UE mhux ser ikollhom iċ-ċertifikazzjoni STCW 2010 f’fażi bikrija. Tinħtieġ kjarifika legali.
1.7 Fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġu rikonoxxuti l-istituti u ċ-ċertifikati ta’ taħriġ tagħhom, il-KESE jemmen li l-estensjoni attwali ta’ tliet xhur għal tmintax-il xahar hija realistika sabiex jitqies l-ammont kbri ta’ xogħol għall-pajjiżi marittimi u n-nuqqas ta’ riżorsi fil-pajjiżi mhux marittimi.
1.8 Il-KESE jqis bħala pożittiv li l-Istati Membri tal-UE ser ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni standardizzata lill-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara għal analiżi statistika.
1.9 Il-KESE jipproponi li fid-Direttiva proposta tiġi inkluża d-definizzjoni tal-baħħara ordinarji elettrotekniċi skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni STCW.
1.10 Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw bħala kwistjoni urġenti t-taħriġ tal-baħħara kontra l-piraterija minħabba ż-żieda fl-attakki ta’ piraterija fuq bażi dinjija. Dan it-taħriġ għandu jibbaża fuq l-Aqwa Prattiki ta’ Ġestjoni tan-NU u l-Kodiċi Internazzjonali ta’ Sigurtà għall-Bastimenti u Portijiet (ISPS).
2. Daħla
2.1 Is-soluzzjoni għal tbaħħir bi profitt tinsab fil-kwalità tat-taħriġ provdut lill-baħħara. Anki fi żmien ta’ taqlib ekonomiku dinji, it-taħriġ marittimu m’għandux jitqies bħala spiża iżda bħala investiment. It-taħriġ marittimu huwa mezz li jwassal għal sikurezza u sigurtà marittima ikbar.
2.2 Il-Konvenzjoni dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Sorveljanza tal-Baħħara (STCW) (1978) adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tikkonċerna primarjament ir-rekwiżiti għat-taħriġ tal-uffiċjali. L-STCW oriġinarjament ġiet emendata fl-1995 u f’Ġunju 2010 mill-emendi ta’ Manila.
2.3 F’opinjonijiet preċedenti (1), il-KESE enfasizza l-importanza tal-għarfien marittimu Ewropew, il-konformità mad-Direttivi tal-UE mal-Konvenzjoni STCW u t-titjib fl-edukazzjoni marittima bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin sabiex iż-żgħażagħ jiġu attirati lejn karrieri marittimi (il-Konferenza dwar “Nagħmlu l-Professjonijiet Marittimi aktar attraenti fl-UE” organizzata mill-KESE fil-11 ta’ Marzu 2010). Huwa vitali li l-UE żżomm il-ġabra ta’ 250 000 baħħar peress li jekk titlifhom, iż-żewġ miljun persuna u aktar li jaħdmu fir-raggruppament marittimu tal-UE jistgħu jitilqu wkoll. Għaldaqstant, taħriġ marittimu mtejjeb huwa ta’ importanza strateġika għaż-żamma tal-pożizzjoni marittima ta’ tmexxija tal-UE mad-dinja kollha.
2.4 L-iskop doppju tal-abbozz tad-Direttiva li temenda d-Direttiva 2008/106/KE huwa: l-ewwel nett li l-liġi tal-UE titfassal b’regoli internazzjonali billi tiġi trasposta l-Konvenzjoni STCW (1978) tal-IMO adottata fil-Konferenza ta’ Manila (2010), u t-tieni nett li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti biex l-Istati Membri tal-UE jipprovdu informazzjoni rigward iċ-ċertifikati u jestendu l-perjodu għar-rikonoxximent ta’ sistemi edukattivi ta’ pajjiżi terzi. L-istandards internazzjonali l-ġodda ser ikunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2012. L-iskadenza proposta għall-implimentazzjoni fil-livell tal-UE hija l-31 ta’ Diċembru 2012. Ir-riżultat finali ser ikun li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-STCW mtejba mill-Istati Membri tal-UE u jiġi żgurat li l-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE u li għandhom ċertifikati li nħarġu minn pajjiżi mhux tal-UE jkunu mħarrġin tajjeb.
3. Kummenti ġenerali
3.1 Sal-2012, it-taħriġ tal-baħħara ser ikun suġġett għal regoli ġodda fir-rigward tal-ħiliet, il-profil professjonali, is-sikurezza u ċ-ċertifikazzjoni. It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni huma ta’ importanza assoluta għas-sikurezza marittima peress li l-inċidenti iktar faċli jiġri fil-każ ta’ nuqqas ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni tajba. Il-Konvenzjoni STCW tal-IMO hija waħda mill-erba’ Konvenzjonijiet marittimi minn ta’ quddiem fuq bażi dinjija. It-tlieta l-oħra huma: il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (SOLAS), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis Marittimu (MARPOL) u l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC). Peress li l-Istati Membri tal-UE huma wkoll firmatarji tal-Konvenzjoni, huwa importanti li l-leġislazzjoni internazzjonali u dik Ewropea jkunu allinjati flimkien. Dawn l-emendi jwasslu għal standards ogħla fir-rigward ta’: saħħa medika, saħħa għax-xogħol, u abbuż tal-alkoħol, u l-introduzzjoni ta’ profili professjonali ġodda bħalma huma “baħħara kapaċi” u “uffiċjali elettrotekniċi”, taħriġ relatat mas-sikurezza għall-baħħara kollha, u tipi ta’ ċertifikati aktar sempliċi u ċari. L-abbozz tad-Direttiva jinkludi titjib fir-rigward tal-proċeduri (eż. komitoloġija u r-rikonoxximent ta’ skejjel statali terzi) u r-rekwiżit li l-Istati Membri għandhom jipprovdu statistika dwar it-taħriġ tal-baħħara.
3.2 Il-KESE jappoġġja l-proposta li għandha l-għan tallinja d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara bl-emendi ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW. Din tipproponi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura sew it-twettiq tad-Direttiva STCW mill-Istati Membri u tinsisti fuq ir-rispett għall-Konvenzjoni STCW meta jiġu valutati pajjiżi terzi għall-iskop tar-rikonoxximent tal-istituti u ċ-ċertifikati ta’ taħriġ tagħhom. Minkejja li b’mod estensiv il-proposta hija traspożizzjoni kelma b’kelma tal-Emendi ta’ Manila fil-liġi tal-UE, din tissuġġerixxi wkoll tibdiliet moderati għad-dispożizzjonijiet Ewropej eżistenti fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara.
3.3 Il-KESE jinnota li t-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività Marittima tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ MOVE) (Lulju 2011) irrakkomandat proposti sabiex il-Ftehim ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW jiddaħħal fil-liġi tal-UE. L-istandardizzazzjoni tat-taħriġ fil-livell globali tippermetti li l-bastimenti Ewropej ikollhom baħħara mħarrġin sew irrispettivament minn fejn l-ekwipaġġ jiġi mħarreġ. Kif stqarr il-Kummissarju għat-trasport, is-Sur Kallas, “peress li t-trasport marittimu huwa industrija globali, huwa vitali wkoll li jiġu stabbiliti standards minimi għat-taħriġ fuq skala internazzjonali”.
3.4 Fl-opinjoni riċenti tiegħu dwar il-White Paper dwar it-Trasport (opinjoni dwar il-White Paper: Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti – CESE 1607/2011 tas-26 ta’ Ottubru 2011 – relatur: is-Sur Coulon, korelatur: is-Sur Back), il-KESE tenna li “il-leġislazzjoni tal-UE għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-leġislazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari (…) l-Istandards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO)”.
3.5 Ir-riċerka li saret dan l-aħħar tagħti evidenza li hemm problema inkwetanti ta’ ċertifikazzjoni frodulenti, b’mod partikolari fost il-baħħara ordinarji, fis-suq tax-xogħol internazzjonali, li jagħmlu ċ-ċertifikazzjoni tagħhom dubjuża. Barra minn hekk, ħafna mill-baħħara ordinarji minn pajjiżi mhux tal-UE mhumiex disponibbli biex ipattu għal kwalunkwe nuqqas ta’ baħħara ordinarji tal-UE mis-swieq tax-xogħol minħabba differenzi kulturali, problemi tal-lingwa u restrizzjonijiet tal-impjieg (2).
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Artikolu 15(9) (Format standardizzat għar-reġistrazzjonijiet ta’ sigħat kuljum ta’ mistrieħ)
4.1.1 L-Artikolu 15(9) ma jispeċifikax format standardizzat għar-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ mistrieħ u s-sigħat ta’ xogħol, li l-amministrazzjonijiet huma meħtieġa jżommu. It-taqsima A-VIII/I, paragrafu 7, tal-Konvenzjoni STCW, kif emendata mill-Ftehim ta’ Manila, tirreferi għal-Linji Gwida tal-IMO/ILO għall-iżvilupp ta’ tabelli tal-arranġamenti tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti u l-formati tar-reġistrazzjonijiet tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ. Barra minn hekk, hemm inkluża wkoll referenza għal format standardizzat fir-rigward tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ fir-Regolament 2.3 – Standard A2.3 paragrafi 10 u 11, tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO.
4.1.2 Il-KESE jipproponi li fl-abbozz tad-Direttiva jiġi speċifikat il-format standardizzat għar-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ mistrieħ u s-sigħat tax-xogħol. Il-format standardizzat għandu jirreferi għal-Linji Gwida IMO/ILO għall-iżvilupp ta’ tabelli tal-arranġamenti tax-xogħol tal-baħħara fuq il-bastimenti u l-formati tar-reġistrazzjonijiet tas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ.
4.2 Artikolu 15(11) (sigħat ta’ mistrieħ)
4.2.1 Il-formulazzjoni riveduta tat-test tal-Artikolu 15(11) tgħid li “l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw jew jirreġistraw ftehimiet kollettivi li jippermettu eċċezzjonijiet għas-sigħat meħtieġa ta’ mistrieħ”. Din tirrappreżenta tnaqqis importanti mill-formulazzjoni stabbilita fil-leġislazzjoni internazzjonali u Ewropea eżistenti, b’mod speċjali l-Konvenzjoni STCW riveduta u l-Konvenzjoni tal-ILO nru 180 (u għaldaqstant il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO).
4.2.2 Il-formulazzjoni tat-test fl-Artikolu 15, paragrafu 11, hija differenti minn dik li tinsab fid-Direttiva 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 li tikkonċerna l-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-baħħara finalizzati mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Vapuri tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF). Dawn il-ftehimiet huma r-riżultati ta’ negozjati twal u diffiċli fost l-imsieħba soċjali u r-riżultat aħħari ta’ dawn in-negozjati jirrappreżenta bilanċ delikat. Kwalunkwe emenda jew modifika fil-formulazzjoni ta’ Ftehima tal-imsieħba soċjali għandha sseħħ permezz ta’ diskussjonijiet u negozjati fost l-imsieħba soċjali. Il-formulazzjoni – dejqa – il-ġdida tal-Artikolu 15, paragrafu 11, mhijiex riflessjoni ta’ diskussjoni jew negozjati fost l-imsieħba soċjali. Din ġiet introdotta mill-Kummissjoni Ewropea mingħajr l-ebda konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali minn qabel. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-formulazzjoni stabbilita fid-Direttiva 1999/63/KE li tikkonċerna l-Ftehim tal-imsieħba soċjali dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol tal-baħħara
4.3 Dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida
4.3.1 L-emendi ta’ Manila għall-Konvenzjoni STCW għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012. Madankollu, filwaqt li kkunsidrat il-proċedura leġislattiva ordinarja fil-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea antiċipat li “minħabba li f’dak iż-żmien din il-proposta tkun għadha ma ġietx adottata, huwa previst li d-direttiva proposta għandha tidħol fis-seħħ malli tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali”.
4.3.2 Minħabba dewmien fl-adozzjoni tad-Direttiva, ser ikun hemm paradoss legali, jiġifieri kunflitt bejn il-Ftehim ta’ Manila dwar l-STCW u d-Direttiva STCW riveduta, b’mod partikolari fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ. Jew l-Istati Membri ma jħarsux l-obbligi internazzjonali tagħhom fl-ewwel ta’ Jannar 2012 jew jekk jirratifikaw il-Konvenzjoni ma jħarsux id-Direttiva STCW eżistenti. L-Istati Membri x’aktarx ser jistennew ir-riżultat finali tad-Direttiva qabel jirratifikaw il-Ftehim ta’ Manila. Matul dak iż-żmien, il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE ser ikomplu jagħmlu kummerċ lejn u minn pajjiżi terzi li jista’ jkun li jkunu diġà rratifikaw il-Ftehim ta’ Manila. Dan ser joħloq problema serja għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE peress li l-istati tal-bandiera tal-UE ma jkunux għadhom bdew isegwu r-regoli tal-Ftehim ta’ Manila.
4.3.3 Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ser ikun hemm problemi mal-kontroll mill-Istat tal-port barra mill-UE, b’mod partikolari dwar id-dispożizzjonijiet dwar is-sigħat ta’ mistrieħ il-ġodda. Dan it-tħassib jirrelata mal-applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda dwar is-sigħat ta’ mistrieħ il-ġodda. Għandu jiġi rikonoxxut li wħud mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jista’ jkollhom problemi bil-kontroll mill-Istat tal-port fil-portijiet mhux tal-UE. Hemm il-possibbiltà li l-baħħara tal-UE ma jibqgħux kompetittivi peress li ma jkollhomx iċ-ċertifikazzjoni STCW 2010 f’fażi bikrija. Barra minn hekk, ser ikun hemm problemi bil-validità taċ-ċertifikazzjoni u l-effett fuq il-perjodi ta’ validità għall-approvazzjonijiet maħruġa lill-baħħara tal-UE minn pajjiżi mhux tal-UE. Fid-dawl ta’ dan kollu, tinħtieġ kjarifika legali.
4.4 Ir-rikonoxximent tas-Sistemi Edukattivi/ta’ Ċertifikazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi
4.4.1 Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-pajjiżi terzi għall-iskop ta’ rikonoxximent tal-istituti u ċ-ċertifikati tat-taħriġ tagħhom, il-proposta testendi l-iskadenza attwali ta’ tliet xhur għal tmintax-il xahar. Uħud mill-Istati Membri jridu skadenza itwal minħabba l-ammont kbir ta’ xogħol li dan jimplika għan-nazzjonijiet marittimi (eż. Malta) jew minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi fil-pajjiżi mhux marittimi. Il-KESE jinnota li l-estensjoni hija realistika sabiex jitqies l-ammont kbir ta’ xogħol għan-nazzjonijiet marittimi.
4.5 Sistema ta’ Informazzjoni tal-STCW
4.5.1 Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li teżisti data mhux preċiża dwar iċ-ċertifikati. Hija tipproponi li jsir ġbir armonizzat u konsistenti ta’ informazzjoni eżistenti fir-reġistri nazzjonali. Il-KESE jqis pożittiv li l-Istati Membri tal-UE ser ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni standardizzata lill-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara għal analiżi statistika. L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-STCW tal-EMSA bħala pjattaforma għall-ġbir tal-informazzjoni mitluba ser jgħin lill-industrija tikkalkula u tagħmel stima tal-provvista u d-domanda futura tal-baħħara.
4.6 Baħħara ordinarji elettrotekniċi
4.6.1 Filwaqt li l-abbozz tad-Direttiva jirreferi għar-Regolament III/7, id-definizzjoni tal-baħħara ordinarji elettrotekniċi, hekk kif stipulata fir-Regolament I/1 (36), għadha ma ġietx miżjuda fil-proposta l-ġdida għal Direttiva.
4.6.2 Il-KESE jipproponi li l-abbozz tad-Direttiva għandu jinkludi d-definizzjoni ta’ baħħara ordinarji elettrotekniċi mir-Regolament I/1 (36) tal-Konvenzjoni STCW li tgħid hekk: “Baħħar ordinarju elettrotekniku tfisser baħħar ordinarju kwalifikat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament III/7 tal-Konvenzjoni”.
4.7 Taħriġ kontra l-piraterija
4.7.1 Il-KESE jantiċipa li t-taħriġ tal-baħħara kontra l-piraterija ser ikun meħtieġ bħala kwistjoni ta’ urġenza minħabba ż-żieda tal-fenomenu tal-piraterija u r-riperkussjonijiet ta’ dan fuq il-baħħara. Għaldaqstant, huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina din il-kwistjoni mal-Istati Membri filwaqt li tqis id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Aqwa Prattiki ta’ Ġestjoni tan-NU (għall-Piraterija) u l-Kodiċi Internazzjonali ta’ Sigurtà għall-Bastimenti u Portijiet (ISPS).
Brussell, 7 ta’ Diċembru 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50-56
ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103-109
(2) ĠU C 80, 3.4.2002, p. 9-14