Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1851

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali” COM(2011) 456 finali — 2011/0197 (COD)

    ĠU C 43, 15.2.2012, p. 30–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 43/30


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali”

    COM(2011) 456 finali — 2011/0197 (COD)

    2012/C 43/07

    Relatur: is-Sur Miklós PÁSZTOR

    Nhar l-1 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill, u nhar it-13 ta’ Settembru 2011, il-Parlament, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali

    COM(2011) 456 finali — 2011/0197 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Novembru 2011.

    Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'143 vot favur, 7 voti kontra u 10 astensjonijiet.

    1.   Rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal direttiva dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali. Jemmen li din hija pass importanti 'l quddiem sabiex jintlaħqu l-objettivi komuni tal-UE. Filwaqt li din id-direttiva tirrigwarda qasam ta’ importanza limitata, id-dħul fis-seħħ tagħha se jikkontribwixxi biex jintlaħqu diversi objettivi trasversali. Wieħed jista' jsemmi, pereżempju, l-objettivi ta’ kompetittività u impjieg tal-Istrateġija Ewropa 2020. It-tisħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni ambjentali ser jgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġiji tal-bijodiversità u tal-purità tal-arja f'qasam ewlieni.

    1.2   Il-KESE jaħseb li huwa speċjalment importanti li r-regoli l-ġodda għandhom isaħħu l-kompetittività tas-settur, minkejja r-rekwiżiti ambjentali iżjed stretti. Dawn jippruvaw jgħinu lis-settur jaġġusta lilu nnifsu għall-aspettattivi tas-swieq dinjija, u b'hekk jitneħħew l-iżvantaġġi kompetittivi. Il-KESE jittama li f'għadd dejjem ikbar ta’ oqsma jkunu jistgħu jinħolqu sinerġiji komparabbli bejn ir-rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ kompetittività. Għaldaqstant jirrakkomanda li jkun hemm kooperazzjoni iżjed mill-qrib mal-imsieħba transatlantiċi bil-għan li jkun hemm trattament komparabbli tal-parametri ta’ kwalità.

    1.3   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura li l-korpi varji jaħdmu b'mod adatt u mingħajr xkiel. Fl-istess waqt, il-Kumitat jinnota li t-test tant huwa ġenerali li l-istess proċeduri għandhom jiġu applikati u l-istess korpi stabbilti għal kull tip ieħor ta’ prodott.

    1.4   F'termini ġenerali, il-KESE jaqbel ukoll mad-dettalji tad-direttiva proposta. Madankollu, jirrakkomanda li l-punti li ġejjin jiġu ċċarati:

    huwa importanti li jiġi stabbilit b'mod ċar li l-istandards ta’ sikurezza u tal-emissjonijiet japplikaw għall-ilmijiet kollha, u mhux biss għall-ibħra;

    l-istandards ta’ sikurezza japplikaw għat-tipi rilevanti kollha ta’ dgħajjes;

    għal magni iżgħar, għandha ssir dispożizzjoni għal perjodu tranżizzjonali iqsar;

    fir-rigward tat-tniġġis bil-ħoss (noise pollution), għandu jissaħħaħ il-monitoraġġ Ewropew tar-regolamenti lokali.

    1.5   Il-KESE jixtieq jara lill-Unjoni Ewropea tagħmel li tista' biex tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tar-regoli u r-regolamenti ambjentali u li tkun ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja.

    1.6   Abbażi tal-esperjenza miksuba fil-proċess tal-abbozzar tad-direttiva, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi firxa mill-iżjed wiesgħa ta’ gruppi fil-konsultazzjonijiet u li tiżgura li l-kwestjonarji jkunu disponibbli u jistgħu jimtlew bil-lingwi kollha tal-parteċipanti.

    2.   Il-qofol tal-abbozz tad-Direttiva

    2.1   It-test tal-abbozz tal-Kummissjoni għandu l-għan li jirrevedi d-direttiva tal-1994 dwar id-dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali fuq il-bażi ta’ żewġ konsiderazzjonijiet: l-ewwel nett, it-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali, u t-tieni li jinbidel il-qafas legali.

    2.1.1   Hemm żewġ raġunijiet għalfejn iridu jinbidlu d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ambjentali. L-ewwel raġuni hija ż-żieda fl-għadd ta’ inġenji tal-ilma personali u l-impatt li din ġabet magħha. Filwaqt li kien hemm żieda partikolarment kbira fiż-żieda ta’ emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu, ġiet osservata wkoll żieda fl-emissjonijiet ta’ inkwinanti oħrajn fiż-żoni ġeografiċi milquta. It-tieni raġuni hija l-iżvantaġġ kompetittiv fil-konfront tal-Istati Uniti minħabba l-istandards iktar baxxi tal-emissjonijiet fl-UE; dan ipoġġi lill-esportaturi f'sitwazzjoni diffiċli.

    2.1.2   Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) 765/2008 u d-Deċiżjoni 768/2008/KE, hemm bżonn ta’ direttiva ġdida li tinkludi l-inġenji tal-ilma personali illu jintużaw għar-rikreazzjoni. Dawn ir-regolamenti jirrappreżentaw impenn min-naħa tal-Kummissjoni biex tarmonizza – fir-rigward tal-obbligi ta’ operaturi ekonomiċi, korpi li jevalwaw il-konformità u l-kompetenzi tagħhom, awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, u l-marka CE – il-leġislazzjoni settorjali, fuq kollox bil-għan li titneħħa kull inċertezza dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt. Għaldaqstant jgħinu biex jiżguraw ċertezza legali għall-partijiet interessati kollha.

    2.2   Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi definizzjonijiet iżjed preċiżi fil-qasam li għandu jiġi regolat milli kien hemm s'issa. Il-kunċetti ta’ dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni u inġenji tal-ilma personali huma definiti, flimkien mal-aspettattivi rilevanti. L-atturi varji tas-suq huma definiti wkoll.

    2.3   Il-proposta mbagħad tagħti speċifikazzjonijiet dettaljati għall-istrutturi istituzzjonali li jittrattaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, kif ukoll tiddeskrivi l-kompetenzi tagħhom u l-mod kif joperaw. B'mod ġenerali, id-direttiva tippermetti lill-awtoritajiet lokali jew nazzjonali biex jużaw id-dispożizzjonijiet tagħha biss bħala bażi, filwaqt li l-implimentazzjoni tqis il-ħtiġijiet u l-possibilitajiet lokali, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    2.4   L-annessi għad-direttiva jinkludu rekwiżiti tas-saħħa u tas-sikurezza, standards ambjentali u dokumenti proċedurali oħrajn. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha huma adatti għall-kundizzjonijiet ta’ sikurezza speċifiċi għall-inġenji tal-ilma. L-istandards tal-emissjonijiet tal-inkwinanti saru iżjed stretti biex ikunu konformi ma’ dispożizzjonijiet simili fl-Istati Uniti.

    2.4.1   Madankollu, il-proposta għal direttiva ma tirrakkomandax li jinbidlu l-limiti fuq it-tniġġis bil-ħoss. Ir-raġuni għal dan hija li tali tniġġis huwa kkawżat minn taħlita ta’ fatturi li ma jistgħux jiġu regolati daqshekk faċilment fil-livell tal-UE. F'dan ir-rigward, ir-regolazzjoni lokali għandha rwol partikolarment importanti x'taqdi.

    2.5   B'konformità man-natura tas-suġġett, id-direttiva ser tagħti lill-Kummissjoni d-dritt li temenda d-dokumenti tekniċi u l-proċeduri ta’ konformità relatati mal-istandards ambjentali stipulati fl-annessi, barra mill-valuri tal-limiti, biex b'hekk ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti flessibbli għall-iżviluppi teknoloġiċi jew xjentifiċi.

    2.6   Aspett ewlieni fid-direttiva huwa li tagħti lok għal perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat li jippermetti lill-manifatturi u lill-kummerċjanti jadattaw ruħhom. Fil-każ tal-istandards tal-emissjonijiet, ġeneralment dan għandu jkun tliet snin mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva. Għal manifatturi żgħar u ta’ daqs medju ta’ magni li jbigħu magni inqas minn 15 kW li jitqiegħdu fuq barra ta’ dgħajsa, il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandu jkun tliet snin itwal.

    3.   Valutazzjoni ġenerali

    3.1   L-abbozz attwali jintroduċi leġislazzjoni ġdida fuq settur li jipproduċi prodotti finali, spare parts u komponenti (1), b'270 000 impjegat li jaħdmu fi 37 000 kumpanija, flimkien mal-kostruzzjoni ta’ dgħajjes bħala passatemp, li hija attività speċifika ta’ rikreazzjoni. Id-dokument jinterpreta dgħajjes illi jintużaw għar-rikreazzjoni bħala inġenji tal-ilma li huma bejn 2,5 u 24 metru fit-tul u li ma jtellgħux passiġġieri li jħallsu. Fil-leġislazzjoni l-ġdida hemm kategorija separata għal inġenji tal-ilma personali ta’ tul massimu ta’ erba' metri, biex b'hekk jiġu korretti n-nuqqasijiet leġislattivi preċedenti.

    3.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħmel ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur iżjed stretti f'dan il-qasam, b'konformità mal-objettivi ġenerali tagħha. Hija xorti kbira li, minkejja li r-rekwiżiti ambjentali saru iżjed stretti, il-leġislazzjoni l-ġdida fil-fatt tagħmel is-settur iżjed kompetittiv billi taġġustah għall-aspettattivi fis-swieq internazzjonali, u b'hekk jingħeleb l-iżvantaġġ kompetittiv li jeżisti hawnhekk. Il-KESE jittama li dawn is-sinerġiji bejn rekwiżiti ta’ kwalità u kompetittività jinsabu f'dejjem iżjed oqsma. Għaldaqstant, jirrakkomanda kooperazzjoni iżjed mill-qrib mal-imsieħba transatlantiċi għall-iżgurar ta’ approċċ simili għall-parametri ta’ kwalità.

    3.3   Għalkemm il-Kummissjoni riedet tindirizza għadd sostanzjali ta’ kwistjonijiet, u sa ċertu punt irnexxiet, wieħed jista' jistaqsi għal liema żona ġeografika tapplika l-leġislazzjoni fil-verità. Hemm bosta indikazzjonijiet li hija mmirata lejn is-settur marittimu. Ikun preferibbli li d-direttiva tiddikjara b'mod iżjed speċifiku li tapplika għad-dgħajjes li jistgħu jintużaw wkoll fil-passaġġi tal-ilma interni.

    3.4   Hemm diskussjoni dettaljata ħafna fl-abbozz tad-direttiva dwar il-prinċipji li fuqhom jissejsu l-istrutturi istituzzjonali li jittrattaw il-konformità, kif ukoll dwar il-partijiet interessati tagħhom u r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u l-ħidmiet tagħhom. Il-KESE jaċċetta u japprezza r-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura li l-istrutturi istituzzjonali varji jaħdmu b'mod adatt u mingħajr xkiel. Huwa tal-fehma li, f'dan ir-rigward, l-abbozz tad-direttiva jilħaq dawn l-aspettattivi.

    3.4.1   Fl-istess waqt, il-Kumitat iħoss li t-test tad-dokument huwa miktub b'mod tant ġenerali li jmur lil hinn mill-finijiet ta’ għodod ta’ regolazzjoni applikabbli għad-dgħajjes għar-rikreazzjoni. Proċeduri jew istituzzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu applikati għal kwalunkwe prodott ieħor. Fir-rigward tal-inġenji tal-ilma, id-dispożizzjonijiet sostantivi huma mfissra fl-annessi. Il-KESE jaħseb li wasal iż-żmien għal leġislazzjoni unifikata dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li tistipola approċċ komuni għall-proċeduri u l-istituzzjonijiet, u b'hekk il-leġislazzjoni settorjali tkun tista' tqis b'mod ġenwin kwistjonijiet speċifiċi għal settur partikolari. Dan il-mod ta’ ħidma għandu jagħti kontribut ewlieni għat-tisħiħ tat-trasparenza, iċ-ċarezza u l-aċċettazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea.

    3.5   Il-KESE jappoġġja l-idea li s-setgħat jiġu ddelegati lill-Kummissjoni, sabiex tkun tista' temenda l-annessi; jixtieq iżomm id-dritt li jiġi kkonsultat dwar l-emendi u li jkun involut fil-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-emendi.

    3.6   Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni ma għamlitx użu sħiħ tal-opportunitajiet kollha biex tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha bl-iżjed mod wiesa' fil-konsultazzjoni, billi l-proċedura ta’ konsultazzjoni bil-miktub saret esklużivament bl-Ingliż. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tagħmilha possibbli li fil-futur il-kwestjonarji jkunu disponibbli u jistgħu jimtlew bil-lingwi rilevanti kollha.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Il-KESE jaqbel mal-kategoriji ta’ inġenji tal-ilma u b'mod ġenerali, mal-eċċezzjonijiet ukoll.

    4.1.1   Fl-istess waqt, nixtiequ nistaqsu jekk l-emissjonijiet mill-inġenji tal-ilma użati għal finijiet kompetittivi għandhomx ukoll ikunu suġġetti għal xi restrizzjonijiet; dan għandu jsaħħaħ b'mod sinifikanti l-iżvilupp teknoloġiku. Ta' min jiġi ġeneralizzat l-ambitu tal-livelli tal-emissjonijiet għal kategoriji differenti ta’ prestazzjonijiet.

    4.1.2   Iqumu wkoll xi mistoqsijiet fir-rigward tal-użu kummerċjali tal-inġenji tal-ilma. Il-KESE jaħseb li l-istandards tas-sikurezza u tal-emissjonijiet mhumiex relatati mal-għan li għalih tkun qed tintuża d-dgħajsa.

    4.1.3   Il-KESE jixtieq jirrakkomanda wkoll li l-inġenji tal-ilma mingħajr magna għandhom jissemmew ukoll b'mod espliċitu fil-leġislazzjoni, billi l-ħtiġijiet ta’ sikurezza jibqgħu l-istess – anke jekk is-soluzzjonijiet tekniċi huma differenti, u dan m'għandux jaffettwa l-istandards.

    4.2   Il-KESE jaqbel mal-istandards tal-emissjonijiet u jappoġġja l-proposta biex dawn jogħlew. Madankollu, il-Kumitat jaħseb li għandu jiġi enfasizzat li f'konformità mal-impenji tagħha, fil-futur l-UE għandha tkun minn ta’ quddiem nett biex tgħolli l-istandards u mhux issegwi lil ħaddieħor. Dan għandu jiġi enfasizzat b'mod partikolari fir-rapporti ta’ implimentazzjoni, u waħda mill-ħidmiet tal-“proċedura fil-kumitat” tista' tkun li din id-direttiva tintrabat ma’ miżuri ta’ innovazzjoni.

    4.3   Il-KESE jaqbel ukoll li huwa importanti, sabiex jiġi miġġieled it-tniġġis bil-ħoss, li jsiru iżjed stretti ir-regoli lokali filwaqt li jkun hemm il-possibilità għal monitoraġġ fil-livell Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili.

    4.4   Il-KESE jappoġġja l-perjodi ta’ tranżizzjoni għall-atturi fis-suq.

    4.5   Il-KESE jappoġġja l-istituzzjonijiet proposti biex jimmonitorjaw il-konformità u jittama li dawn ma jfissrux biss iżjed burokrażija iżda li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur. Il-Kumitat jaqbel li f'dawn il-każi, mhumiex biżżejjed l-awtoregolazzjoni u l-ħidma tal-kumitati li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati ekonomiċi rilevanti; madankollu, għandu jissaħħaħ ir-rwol konsultattiv ta’ dawn il-korpi.

    4.5.1   Għal dan il-għan, irridu nużaw l-għodod l-iżjed moderni tal-IT; il-Kummissjoni trid tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu dan.

    4.6   Il-KESE jaqbel li l-inġenji tal-ilma kollha f'din il-kategorija, inklużi l-inġenji li jinbnew minn persuni individwali (self-built craft), għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri ta’ konformità.

    Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Prodott indipendenti mibni fi prodotti oħrajn iżda li jista' jintuża b'mod separat ukoll.


    ANNESS

    għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    a)   L-emenda li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni fis-sessjoni plenarja iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    Punt 1.4

    Ibdel kif ġej:

    “F’termini ġenerali, il-KESE jaqbel ukoll mad-dettalji tad-direttiva proposta. Madankollu, jirrakkomanda li l-punti li ġejjin jiġu ċċarati:

    huwa importanti li jiġi stabbilit b’mod ċar li l-istandards ta’ sikurezza u tal-emissjonijiet japplikaw għall-ilmijiet kollha;

    l-istandards ta’ sikurezza japplikaw għat-tipi rilevanti kollha ta’ dgħajjes;

    fir-rigward tat-tniġġis bil-ħoss (noise pollution), għandu jissaħħaħ il-monitoraġġ Ewropew tar-regolamenti lokali.”

    Raġuni

    Id-definizzjonijiet fil-bidu tal-proposta tal-Kummissjoni (b’mod impliċitu) kif ukoll f’partijiet oħrajn, bħal dik dwar id-dwal tan-navigazzjoni u l-Anness 1 (b’mod espliċitu), jgħidu li r-regoli għandhom japplikaw fl-ilmijiet kollha. M’hemm l-ebda predominanza għall-baħar fit-test tal-Kummissjoni; jidher li din hi perċezzjoni tar-relatur.

    Riżultat tal-votazzjoni

    Voti favur

    :

    69

    Voti kontra

    :

    78

    Astensjonijiet

    :

    13

    b)   It-test li ġej, li kien jagħmel parti mill-opinjoni tas-sezzjoni, tneħħa wara li l-assemblea approvat l-emendi iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti:

    Punt 1.3

    Ibdel kif ġej:

    “Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tiżgura li l-korpi varji jaħdmu b’mod adatt u mingħajr xkiel. Fl-istess waqt, il-Kumitat jinnota li t-test tant huwa ġenerali li l-istess proċeduri għandhom jiġu applikati u l-istess korpi stabbilti għal kull tip ieħor ta’ prodott. Il-KESE jaħseb li wasal iż-żmien biex jiġu adottati regoli armonizzati ta’ protezzjoni tal-konsumatur sabiex jiġu koperti dawn il-proċeduri u strutturi istituzzjonali. B’hekk, ir-regolazzjoni settorjali tkun tabilħaqq tista’ tqis il-kwistjonijiet relatati mas-settur. Dan il-mod ta’ ħidma għandu jagħti kontribut ewlieni għat-tisħiħ tat-trasparenza, iċ-ċarezza u l-aċċettazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea.”

    Riżultat tal-votazzjoni

    Voti favur

    :

    73

    Voti kontra

    :

    70

    Astensjonijiet

    :

    13

    Punt 4.4

    Ibdel kif ġej:

    “Il-KESE jappoġġja l-perjodi ta’ tranżizzjoni għall-atturi fis-suq. Għal magni żgħar, sena jew tnejn jistgħu jkunu biżżejjed minflok it-tliet snin proposti.”

    Riżultat tal-votazzjoni

    Voti favur

    :

    78

    Voti kontra

    :

    49

    Astensjonijiet

    :

    10


    Top