Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1006

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport” (Opinjoni esploratorja)

    ĠU C 248, 25.8.2011, p. 22–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 248/22


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport” (Opinjoni esploratorja)

    2011/C 248/04

    Relatur: is-Sur MORDANT

    Nhar is-17 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunijiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport

    (opinjoni esploratorja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Mejju 2011.

    Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 150 voti favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

    Is-settur tat-trasport ser jiffaċċja numru ta’ sfidi fil-futur qarib, bħall-iskarsezza tar-riżorsi ta’ petrol u ż-żieda possibbli fil-prezzijiet tal-petrol, il-bżonn ta’ progress f'termini ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-esiġenza ta’ kontribut għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjoni bl-impatt li dan ser ikollu, minn naħa waħda, fuq id-disponibbiltà ta’ persunal kwalifikat u, min-naħa l-oħra, fuq il-bżonnijiet differenti ta’ mobbiltà. Dawn l-iżviluppi qed jiġu kkunsidrati fl-opinjoni tal-KESE.

    1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

    1.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur tat-trasport, bħala sors importanti ta’ impjieg li jirrappreżenta 4,4 % tal-forza tax-xogħol totali tal-UE, joffri potenzjal kbir għall-impjieggħall-Ewropa fil-futur. Huwa wkoll vitali għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa, il-mobbiltà taċ-ċittadini, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni ekonomika u soċjali Ewropea.

    1.2   Il-KESE jirrakkomanda li n-nisa u l-ħaddiema żgħażagħ għandhom jinġibdu lejn l-opportunitajiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport permezz ta’ miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi fil-modi kollha tat-trasport, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, l-opportunitajiet tal-karriera u s-saħħa u s-sigurtà fit-tħaddim u fuq il-post tax-xogħol u li jikkontibwixxu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

    1.3   Il-KESE jirrakkomanda li – bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea – il-modi kollha tat-trasport għandhom jikkunsidraw l-opportunitajiet ta’ taħriġ eżistenti u janalizzaw il-ħtieġa ta’ taħriġ fil-ġejjieni fil-livell nazzjonali u reġjonali u fil-livell tal-kumpaniji. Huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ kontinwu (taħriġ tul il-ħajja).

    1.4   Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja fl-istituzzjonijiet ta’ taħriġ u/jew fuq il-post tax-xogħol, ħaġa li titlob kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali, ir-reġjuni u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ fil-modi kollha tat-trasport. Il-KESE jirrakkomanda wkoll bis-sħiħ li jkun hemm kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ taħriġ f'livell Ewropew. Fil-fehma tal-KESE, l-apprendisti m'għandhom iġorru l-ispejjeż tal-ebda taħriġ vokazzjonali. Dan jgħodd b'mod partikolari għall-għan ta’ promozzjoni ta’ karriera fis-settur tat-trasport.

    1.5   Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-liċenzji għall-persunal abbord il-ferroviji u għall-ekwipaġġ tal-kabini fl-ajruplani, bħala mezz kif jiġu żgurati impjiegi ta’ kwalità, il-kwalità tas-servizzi, is-sigurtà u l-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-ħaddiema madwar l-Ewropa.

    1.6   Il-KESE jqis id-Direttiva 2003/59/KE bħala eżempju pożittiv u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra aktar leġislazzjoni dwar it-taħriġ obbligatorju u t-taħriġ kontinwu għal modi oħra tat-trasport.

    1.7   Sabiex it-trasport jiġi promoss bħala professjoni, il-KESE jirrakkomanda azzjonijiet ikkoordinati f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jispjegaw is-settur tat-trasport u jippromovu d-diversi professjonijiet tiegħu, pereżempju fl-iskejjel.

    1.8   Il-KESE jenfasizza li s-suċċess ta’ kemm in-nisa jinġibdu lejn il-professjonijiet fis-settur tat-trasport jiddependi ħafna minn inċentivi li ser jaddattaw l-industrija tat-trasport għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħaddiema nisa. Jirrakkomanda li s-settur tat-trasport u l-kumpaniji differenti tiegħu għandhom jiżviluppaw politiki li jħeġġu lin-nisa jaħdmu fis-settur.

    1.9   Fir-rigward tat-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, il-KESE jirrakkomanda li s-settur u l-kumpaniji tiegħu għandhom janalizzaw l-istruttura tal-età tal-persunal u l-ħtiġijiet tal-impjiegi tagħhom fil-ġejjieni sabiex jiżviluppaw it-taħriġ, l-organizzazzjoni tax-xogħol u miżuri maħsuba biex itejbu s-saħħa fuq il-post tax-xogħol li jkunu adattati għall-ħtiġijiet ta’ gruppi ta’ etajiet differenti.

    1.9.1   Il-KESE jirrakkomanda wkoll li titqiegħed enfasi akbar fuq l-offerta ta’ opportunitajiet ta’ karriera lill-ħaddiema fis-settur tat-trasport sabiex is-settur isir aktar attraenti għaż-żgħażagħ.

    1.9.2   Il-KESE jirrakkomanda li s-settur marittimu għandu jippromovi ċ-ċaqliq mill-funzjoni ta’ baħri lejn l-istatus ta’ uffiċjal.

    1.9.3   Il-KESE jirrakkomanda li s-settur tat-trasport pubbliku għandu jagħmel sforzi akbar biex jipprovdi opportunitajiet ta’ karriera għax-xufiera tal-karozzi tal-linja, bħal pożizzjonijiet ta’ tmexxija ta’ tim u fl-ippjanar tat-traffiku.

    1.10   Il-KESE jqis is-sigurtà personali tal-ħaddiema tat-trasport u l-passiġġieri u l-prevenzjoni tal-attakki fiżiċi u tal-vjolenza bħala sfida kbira u jirrakkomanda bis-sħiħ politika ta’ tolleranza żero kontra l-vjolenza.

    1.10.1   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miżuri ta’ prevenzjoni fil-qasam tal-infrastruttura, pereżempju biżżejjed żoni siguri ta’ parkeġġ li jkunu affordabbli u ta’ kwalità fit-trasport tal-merkanzija bit-triq u stazzjonijiet tal-ferrovija, tal-underground, tat-tramm u tal-linja li jkunu ta’ kwalità tajba. L-UE għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għal dawn il-miżuri tal-infrastruttura.

    1.10.2   Il-KESE jirrakkomanda li għandu jiġi impjegat biżżejjed persunal ikkwalifikat u mħarreġ tajjeb fl-istazzjonijiet u abbord it-trasport pubbliku bħala miżura ta’ prevenzjoni kontra l-vjolenza.

    1.10.3   Il-KESE jirrakkomanda li titwaqqaf Aġenzija għas-Sigurtà fit-Toroq.

    1.11   B'kunsiderazzjoni tal-Artikolu 9 tat-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromovi politika soċjali dwar it-trasport. Il-KESE huwa tal-fehma li jekk jiġu proposti aktar passi lejn il-liberalizzazzjoni, dan għandu jsir biss wara li ssir analiżi serja tal-konsegwenzi soċjali tal-passi lejn il-liberalizzazzjoni li ttieħdu qabel u valutazzjoni sinifikanti tal-impatt soċjali u wara li tingħata garanzija inerenti li l-kompetizzjoni mhijiex ibbażata fuq spejjeż operattivi aktar baxxi iżda fuq il-kwalità tas-servizzi.

    1.11.1   Il-KESE jirrakkomanda li, fil-każ ta’ offerti kompetittivi pereżempju għas-servizzi ta’ assistenza fuq l-art fl-ajruporti jew it-tipi kollha ta’ servizzi tat-trasport pubbliku, għandhom jiġu garantiti s-sigurtà tal-impjiegi permezz ta’ trasferiment obbligatorju tal-persunal lejn operaturi ġodda u s-salvagwardjar tal-livell tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-salarji permezz taż-żamma tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn issir il-kunsinna tas-servizz (1). Sabiex dan ikun jista' jsir, il-KESE jirrakkomanda li tiddaħħal klawżola soċjali.

    1.11.2   Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, inklużi Blokok ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), il-KESE jappella lill-Istati Membri sabiex iniedu konsultazzjoni sinifikanti mal-imsieħba soċjali u mal-partijiet interessati l-oħrajn kollha sabiex jittieħdu miżuri bilanċjati biex dawn l-għanijiet jinkisbu filwaqt li jiġi evitat li ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom.

    1.12   Il-KESE huwa tal-fehma li l-leġislazzjoni soċjali fil-qasam tat-trasport għandha tiġi mmonitorjata u infurzata b'mod effettiv u li l-ksur għandu jiġi sanzjonat b'mod effettiv permezz ta’ regoli armonizzati. Għandhom jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar rilevanti u hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar.

    1.13   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi introdotta leġislazzjoni tal-UE dwar il-verifika regolari tal-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ għall-ħaddiema mobbli tal-ferrovija li huma involuti f'servizzi ta’ trasport transkonfinali. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema jiġu infurzati aħjar, b'mod partikolari fil-każ tal-kabotaġġ fit-trasport bit-triq.

    1.14   Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-fatturi li jippromovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema mobbli fl-industrija tat-trasport. Il-leġislazzjoni soċjali għall-industrija tat-trasport għandha tittejjeb fir-rigward tal-ħin tax-xogħol.

    1.14.1   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu introdotti miżuri leġislattivi komplementari dwar standards ta’ tgħammir bl-ekwipaġġ abbord bastimenti marittimi u fil-passaġġi tal-ilma interni sabiex ikunu garantiti l-kwalità u s-sigurtà.

    1.14.2   Il-KESE jirrakkomanda li l-iskemi tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (SAG) jintużaw aħjar u b'mod aktar strett fis-settur marittimu, billi tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għoti ta’ sussidji pubbliċi jew eżenzjonijiet fiskali u kemm il-garanziji tal-impjiegi kif ukoll l-obbligi ta’ taħriġ.

    1.14.3   Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għandhom iżidu l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati sabiex jitfasslu regoli dwar il-Limitu tal-Ħin tat-Titjiriet, li jkunu orjentati lejn is-sigurtà u jkunu bbażati fuq ix-xjenza, għall-ekwipaġġ tal-ajru.

    1.14.4   Il-KESE jirrakkomanda leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà speċifika għas-settur għall-modi differenti tat-trasport, billi l-leġislazzjoni ġenerali tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà ta’ sikwit ma tikkunsidrax il-kundizzjonijiet speċjali tas-settur tat-trasport.

    1.14.5   Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn leġislazzjoni adatta sabiex ikun evitat li dawk li jħaddmu ma josservawx l-obbligi tagħhom b'rabta mal-kuntratti tax-xogħol.

    1.15   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-djalogu soċjali. Fil-livell Ewropew, il-varji Kumitati tad-Djalogu Soċjali settorjali għandu jkollhom rwol aktar importanti fil-valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-proposti tal-Kummissjoni fi stadju bikri u għandhom jagħmlu l-kummenti u l-proposti tagħhom għall-modi differenti tat-trasport.

    1.15.1   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ Move), għandha tikkoopera b'mod aktar effettiv mal-Kumitati tad-Djalogu Soċjali settorjali u tikkunsidra l-għarfien espert tal-imsieħba soċjali sa mill-aktar stadji bikrija.

    1.16   Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-imsieħba soċjali Ewropej m'għandhomx biżżejjed statistika u studji komparattivi dwar l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-modi differenti tat-trasport. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ Osservatorju Soċjali, tal-Impjiegi u tat-Taħriġ fis-settur tat-trasport, li għandu jipprovdi informazzjoni sostanzjali għal valutazzjoni aħjar u evalwazzjoni ex post tal-impatt soċjali tal-miżuri politiċi tat-trasport, sabiex l-imsieħba soċjali Ewropej ikunu appoġġjati fid-djalogu soċjali settorjali Ewropew.

    2.   Is-settur tat-trasport huwa sors importanti ta’ impjiegi għall-Unjoni Ewropea

    2.1   Mil-lat kwantitattiv, l-impjiegi fis-suq tat-trasport huma sostanzjali u rrappreżentaw mad-9,2 miljun ħaddiem u 4,4 % tal-forza tax-xogħol totali tal-UE fl-2007. Dawn iċ-ċifri jinkludu pipelines, aġenziji / operaturi tal-ivvjaġġar u s-servizzi awżiljarji tat-trasport bħall-ġarr, il-ħżin u l-magażinaġġ tal-merkanzija.

    2.2   Il-modi differenti tat-trasport jimpjegaw madwar 2,9 miljun ħaddiem fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, 1,9 miljun ħaddiem fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, 864 000 ħaddiem fil-qasam ferrovjarju, 43 400 ħaddiem fil-qasam tat-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni, 184 000 ħaddiem fil-qasam tat-trasport marittimu u 409 000 ħaddiem fil-qasam tal-avjazzjoni. Is-servizzi awżiljarji tat-trasport jimpjegaw madwar 2,3 miljun ħaddiem (2).

    2.3   Bejn l-2004 u l-2007, l-ammont totali ta’ ħaddiema fis-settur tat-trasport żdied b'mod kostanti minn 8,6 miljun ħaddiem għal 9,2 miljun ħaddiem fis-27 Stat Membru tal-UE. Iż-żieda seħħet l-aktar fis-setturi tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bit-triq u fil-qasam tas-servizzi awżiljarji. L-impjiegi fis-settur ferrovjarju kellhom tnaqqis kbir ta’ 117 000 ħaddiem, minn 981 848 ħaddiem fl-2004 għal 864 000 ħaddiem fl-2007 (3).

    2.4   L-impjiegi fil-qasam tat-trasport kienu affettwati b'mod ħażin mill-kriżi ekonomika fl-2008 u fl-2009, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport tal-merkanzija.

    2.5   It-tendenzi tal-impjiegi fil-ġejjieni fis-settur tat-trasport jiddependu minn għadd ta’ fatturi bħall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi u kummerċjali, popolazzjoni li qed tixjieħ u t-tendenzi tal-mobblità tan-nies, l-iżviluppi teknoloġiċi, id-disponibbiltà u l-prezzijiet tal-enerġija, miżuri għat-trasport sostenibbli (bidla modali, jiġifieri l-użu tat-trasport pubbliku minflok l-użu ta’ karozza privata, sabiex ikun evitat it-trasport) (4), u modi alternattivi tat-trasport bħaċ-ċikliżmu (5).

    3.   Il-karatteristiċi tal-impjiegi fis-settur tat-trasport: ftit li xejn attraenti – problema għall-ġejjieni

    3.1   Is-settur tat-trasport m'għandux reputazzjoni impekkabbli bħala settur li jimpjega u l-impjiegi tiegħu huma pjuttost ikkunsidrati bħala mhux attraenti. L-analiżijiet settorjali li saru fil-qafas tal-Istħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol Ewropej tal-2000 u tal-2005 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u tal-Għajxien it-tnejn ikkonfermaw li s-settur tat-trasport jaqa' taħt il-kategorija tas-setturi l-anqas vantaġġużi fir-rigward tal-indikaturi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    3.2   L-indikaturi li ġew ivvalutati bħala anqas vantaġġużi fit-tielet Stħarriġ tal-2000 huma: il-kundizzjonijiet ċirkostanti, l-ergonomija, il-ħinijiet tax-xogħol li mhumiex standard, il-ħinijiet twal tax-xogħol, id-domanda kbira għax-xogħol, in-nuqqas ta’ kontroll fuq ix-xogħol, ix-xogħol li mhuwiex ta’ sengħa, flessibilità baxxa fix-xogħol u d-diskriminazzjoni.

    3.3   L-indikaturi fir-raba' Stħarriġ tal-2005 (it-trasport fuq l-art biss) huma: il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol li mhumiex standard, il-bilanċ bejn il-ħinijiet tax-xogħol u l-impenji tal-familja jew soċjali, il-kontroll fuq ix-xogħol, ix-xogħol ta’ sengħa, il-vjolenza, l-istress, il-problemi muskolari u skeletriċi (6).

    3.4   Il-biċċa l-kbira tal-impjiegi fis-settur tat-trasport jinvolvu l-mobbiltà (sewwieqa, piloti, ekwipaġġ abbord tas-setturi varji) jew jikkonċernaw xogħol marbut b'mod dirett mat-traffiku bħalma huwa l-kontroll tat-traffiku. “Is-sewwieqa u l-operaturi ta’ impjanti mobbli jirrappreżentaw l-akbar sehem ta’ impjegati fl-UE (45 % fl-2006)” (7). L-assenzi regolari u ħafna drabi fit-tul mid-dar, kif ukoll ix-xogħol regolari bix-xift, huma ta’ ħsara għat-talbiet tal-ħaddiema li kulma jmur qed jiżdiedu rigward bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Barra minn hekk, is-salarji huma baxxi fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-professjonijiet u impjiegi.

    3.4.1   Il-KESE jqis li kundizzjonijiet skomdi ta’ mistrieħ ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti u, għall-kuntrarju, iqis li fil-każijiet kollha għandu jsir sforz biex jinstabu kundizzjonijiet ta’ mistrieħ li jkunu sodisfaċenti għall-impjegati tal-modi kollha tat-trasport.

    3.5   Is-settur huwa ddominat ferm mill-irġiel u jinsab fost is-setturi bl-ogħla segregazzjoni tas-sessi b'21,1 % biss ta’ ħaddiema nisa (82,2 % tal-ħaddiema huma rġiel fis-settur tat-trasport fuq l-art). Ir-riċerka wriet li żieda fl-impjieg tan-nisa ta’ sikwit twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għaż-żewġ sessi.

    3.6   It-trasport huwa bir-raġun ikkunsidrat bħala attività perikoluża. Is-sigurtà fit-tħaddim u dik fuq il-post tax-xogħol huma marbuta mill-qrib, b'mod partikolari għas-sewwieqa. L-inċidenti li jikkaġunaw imwiet jidħlu wkoll fid-diskussjoni għall-ħaddiema ta’ manutenzjoni (pereżempju, il-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija fis-settur ferrovjarju, it-tibdil tad-direzzjoni tal-ferroviji u l-inċidenti abbord tal-bastimenti). Barra minn hekk, hemm problema ta’ vjolenza u attakki fiżiċi (serq ta’ merkanzija fis-settur tat-trasport bit-triq, attakki fiżiċi fis-settur tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija, u wkoll piraterija fis-settur tat-trasport marittimu).

    3.7   Ix-xejra demografika fit-trasport hija preokkupanti. L-età medja tal-ħaddiema fit-trasport hija għolja. Ħafna ser jirtiraw minn hawn u għaxra sa għoxrin sena oħra. 17,5 % biss tal-forza tax-xogħol taqa' fi ħdan il-grupp ta’ etajiet bejn il-15 u d-29 sena u 57,5 % tal-forza tax-xogħol fis-settur għandha bejn it-30 u d-49 sena (2006) (8).

    3.8   Ħafna mis-setturi diġà jirrappurtaw nuqqas serju ta’ ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward ta’ impjiegi mobbli. Fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa u l-kompetizzjoni fost is-setturi u l-kumpaniji sabiex jiġbdu lejhom ħaddiema (żgħażagħ), dan ser joħloq problemi serji għas-settur tat-trasport fil-ġejjieni. Dan is-settur għandu jiġbed aktar ħaddiema billi joffri taħriġ attraenti, opportunitajiet ta’ karriera fl-istess settur u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Is-settur tat-trasport għandu jkollu l-għan li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħaddiema żgħażagħ u tan-nisa sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. In-nisa jistgħu jiġu integrati aħjar fis-settur tat-trasport permezz ta’ azzjoni pożittiva, li tirrikjedi minn tal-inqas infrastruttura ġdida tas-sanità, kmamar fejn ibiddlu u akkomodazzjoni kif ukoll valutazzjoni aktar raġonevoli tal-ħin ta’ xogħol bla mistrieħ, l-istress u l-għeja b'relazzjoni ma’ kull mod tat-trasport.

    4.   Il-ħtiġijiet ta’ kwalifiki u taħriġ – iżda wkoll opportunitajiet ta’ karriera

    4.1   L-impjegati bi kwalifiki ta’ livell medju jirrappreżentaw l-ogħla sehem fis-settur tat-trasport u l-loġistika. Madwar l-UE, dawn jirrappreżentaw 58 %. Il-ħaddiema bi kwalifiki baxxi jirrappreżentaw 28 % tal-ħaddiema madwar l-UE b'mod ġenerali. Fl-Istati Membri l-ġodda, il-livell tal-kwalifiki huwa ogħla: 81 % tal-ħaddiema tat-trasport għandhom kwalifiki ta’ livell medju u 7 % biss għandhom kwalifiki baxxi. 14 % tal-impjegati kollha tal-UE fis-settur tat-trasport u l-loġistika għandhom kwalifiki ogħla (2006). “Madankollu, jekk nagħtu ħarsa lejn il-bidliet li seħħew mill-2000 sal-2006, nistgħu naraw li l-ħtiġiet fir-rigward tal-kwalifiki qed jogħlew madwar is-settur. Is-sehem ta’ nies bi kwalifiki baxxi naqas f'kull xogħol” (9).

    4.2   L-iżviluppi teknoloġiċi u ż-żieda fl-użu tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) fis-setturi kollha tat-trasport jeħtieġu edukazzjoni ta’ livell għoli u aktar taħriġ kontinwu. It-tagħlim tul il-ħajja ftit li xejn huwa rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-impjegati fil-professjonijiet fis-settur tat-trasport b'livell ta’ edukazzjoni medju u baxx. Approċċ aktar orjentat lejn il-konsumatur jeħtieġ ħiliet li qabel ma kinux jiffurmaw parti mit-taħriġ bażiku fil-professjonijiet fis-settur tat-trasport li huma aktar orjentati lejn il-lat tekniku. Is-sigurtà fit-tħaddim u fuq il-post tax-xogħol u l-ekosewqan, pereżempju, jeħtieġu taħriġ kontinwu.

    4.3   L-iżvilupp demografiku u l-istruttura żvantaġġuża tal-etajiet fis-settur tat-trasport jeħtieġu – barra kunċetti ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol – aktar investiment f'taħriġ kontinwu adattat għall-forza tax-xogħol li qed tixjieħ. B'mod partikolari, ix-xogħol ta’ xufier huwa professjoni li ta’ sikwit ma tistax tibqa' titwettaq sal-età tal-irtirar minħabba problemi ta’ saħħa relatati max-xogħol.

    4.4   Il-provvista ta’ taħriġ attraenti u opportunitajiet aħjar ta’ karriera fis-settur u/jew il-kumpaniji huma modi importanti kif wieħed jattira ż-żgħażagħ lejn is-settur tat-trasport. Pereżempju, fis-settur marittimu, jeħtieġ li ċ-ċaqliq mill-funzjoni ta’ baħri lejn l-istatus ta’ uffiċjal jiġi promoss. Ix-xufiera tal-karozzi tal-linja fit-trasport pubbliku lokali għandu jkollhom opportunatijiet aħjar biex jiċċaqilqu lejn impjiegi ta’ ppjanar tat-traffiku jew ta’ tmexxija ta’ tim. It-taħriġ għandu jiġi kkunsidrat bħala investiment fil-ġejjieni.

    5.   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol – il-ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport huma… mobbli

    5.1   Il-ħolqien tas-Suq Intern tat-Trasport u d-deregolazzjoni tas-settur tat-trasport ġabu magħhom problema kbira fis-settur tat-trasport: din hija – bla dubju – ir-rata għolja ta’ mobbiltà tal-ħaddiema mobbli li tiffaċilita d-delokalizzazzjoni tal-impjiegi relatati mat-trasport u prattiki ta’ dumping soċjali f'livell ogħla meta mqabbla ma’ setturi oħrajn. Ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni lil-leġislazzjoni soċjali, lill-miżuri soċjali ta’ akkumpanjament u lill-miżuri ta’ salvagwardja sabiex ikunu evitati l-prattiki ta’ dumping soċjali.

    5.2   Il-libertà tal-istabbiliment u s-swieq miftuħin tat-trasport jintużaw ta’ sikwit, pereżempju fil-passaġġi tal-ilma interni, fit-trasport bit-triq jew fis-settur marittimu, sabiex jiġu stabbiliti kumpaniji f'pajjiżi tal-UE b'anqas spejjeż tax-xogħol, anqas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u/jew anqas vantaġġi fiskali mingħajr ma jiġu offruti servizzi f'dawn il-pajjiżi. Dawn jisfruttaw id-differenzi soċjali u fis-salarji bejn il-pajjiżi għal vantaġġ kompetittiv. Il-konsegwenzi huma diffikultajiet sabiex jiġu ttraċċati kuntratti tax-xogħol, sabiex jiġu żgurati skemi tas-sigurtà soċjali u sabiex jiġu kkontrollati u infurzati regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà. Sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali, jeħtieġ li tiġi żgurata l-applikazjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ospitanti, jiġifieri li jiġu applikati l-kundizzjonijiet soċjali tal-pajjiż li fih jitwettaq is-servizz.

    5.3   Id-diskussjoni dwar it-trasport sostenibbli u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż (ambjentali) esterni jwasslu sabiex il-kwistjoni ta’ prezz ġust għat-trasport titqiegħed fuq l-aġenda. Madankollu, prezz ġust għat-trasport għandu jinkludi wkoll prezz ġust għall-impjiegi ta’ kwalità fis-settur. Dan huwa essenzjali:

    għas-servizzi ta’ kwalità;

    għas-sigurtà;

    sabiex is-settur tat-trasport ikun attraenti.

    5.4   Għandu jkun żgurat prezz soċjali ġust għal impjiegi ta’ kwalità fit-trasport permezz ta’ miżuri regolatorji u tad-djalogu soċjali.

    5.5   Il-passiġġieri tat-trasport pubbliku u dak privat jitolbu wkoll servizzi ta’ kwalità, vjaġġi siguri u protezzjoni kontra l-aggressjoni u l-vjolenza.

    6.   L-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam soċjali tat-trasport

    6.1   Fil-Komunikazzjoni tal-2006 dwar “Inżommu lill-Ewropa miexja”, il-Kummissjoni tiddikjara dan li ġej bħala wieħed mill-objettivi tal-politika Komunitarja dwar it-trasport: “Fil-qasam soċjali, il-politika tal-UE tippromwovi t-titjib fil-kwalità tal-impjiegi u kwalifiki aħjar għall-ħaddiema fis-settur tat-trasport Ewropew” (10).

    6.2   L-istudju ta’ valutazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Politika Komuni dwar it-Trasport (11), b'mod partikolari l-Kompitu 1.6 “L-aspetti soċjali”, jagħti lista ta’ inizjattivi leġislattivi u ta’ dokumenti ta’ politika tal-Kummissjoni fil-qasam soċjali tat-trasport. Dawn huma parzjalment ibbażati fuq negozjati u inizjattivi tal-imsieħba soċjali Ewropej. Madankollu, ir-rapport jiddikjara li huwa diffiċli li ssir valutazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ data jew minħabba l-fatt li l-miżuri għadhom kif ġew introdotti dan l-aħħar u, għaldaqstant, għadhom mhumiex effettivi.

    6.3   Nistgħu nikkonkludu li:

    6.3.1

    L-istudji ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea jagħtu prijorità għolja lill-evalwazzjoni ekonomika u mhumiex żviluppati biżżejjed fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-inizjattivi Komunitarji. Huwa diffiċli li wieħed jerġa' jeqleb is-sitwazzjoni għal dik li kienet qabel, ladarba jkunu ġew implimentati ċerti tibdiliet.

    6.3.2

    Il-Kummissjoni għandha tanalizza b'attenzjoni l-konsegwenzi soċjali tal-proposti tagħha bil-quddiem u tipproponi miżuri soċjali ta’ akkumpanjament meta tagħmel proposti dwar aktar liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport.

    6.3.3

    Hemm nuqqas ta’ data u informazzjoni Ewropea affidabbli dwar is-suq tax-xogħol tat-trasport u l-kundizzjonijiet tax-xogħol attwali fis-setturi differenti tat-trasport; l-informazzjoni statistika tal-Klassifikazzjoni Industrijali Ġenerali tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunitajiet Ewropej (NACE) dwar l-impjiegi hija ġenerali wisq sabiex issir analiżi adatta tas-setturi differenti; il-ftit studji komparattivi eżistenti dwar ċerti aspetti settorjali malajr ma jibqgħux jgħoddu; jeħtieġ li jkun hemm osservatorju soċjali fil-qasam tat-trasport, li għandu jkollu aċċess sistematiku għad-data mill-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri.

    6.3.4

    Għad hemm il-ħtieġa ta’ aktar inizjattivi leġislattivi sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi eżistenti. Huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mad-Djalogi Soċjali Settorjali Ewropej differenti u l-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tivvaluta u tuża l-kompetenza li tkun ġejja mid-djalogu soċjali u tinvolvi lill-imsieħba soċjali fi stadju bikri.

    7.   L-opportunitajiet ta’ impjieg, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol – Is-setturi differenti tat-trasport

    7.1   Is-settur tat-trasport bit-triq

    7.1.1   Is-settur qed jesperjenza aktar diffikultajiet sabiex jirrekluta sewwieqa. Din hija l-akbar sfida li qed jiffaċċja s-settur tat-trasport bit-triq. Wieħed ma jistax jinjora l-fatt li dan huwa r-riżultat tal-kundizzjonijiet li fihom ikollhom joperaw is-sewwieqa u l-industrija. Mill-perspettiva tas-sewwieqa, il-pressjoni għolja tax-xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol xejn dħulin u l-ħlas taħt il-medja jagħmlu t-trasport bit-triq settur b'rekord soċjali fqir. Min-naħa l-oħra, l-operaturi – b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju – iridu jissaraw f'ambjent iddominat minn kompetizzjoni intrasettorjali qalila, li magħha jrid jiżdied l-impatt ta’ fatturi esterni bħall-kriżi ekonomika u l-prezzijiet għolja tal-karburant.

    7.1.2   Id-Direttiva 2003/59/KE tintroduċi taħriġ inizjali u kontinwu b'mod obbligatorju għas-sewwieqa professjonali. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ f'Settembru 2009 għat-trasport tal-passiġġieri u f'Settembru 2010 għat-trasport tal-merkanzija. L-għan mhuxiex biss it-titjib tas-sigurtà fit-toroq iżda wkoll it-tisħiħ tal-kwalità tal-professjoni. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ miżura regolatorja li ser ikollha impatt pożittiv addizzjonali fuq l-istatus tas-sewwieqa u, fl-aħħar mill-aħħar, tikkontribwixxi sabiex tagħmel din il-professjoni aktar attraenti, speċjalment peress li progress teknoloġiku sostanzjali f'dan is-settur jeħtieġ sewwieqa professjonali b'livell għoli ta’ ħila. Madankollu, issa kollox jiddependi mill-implimentazzjoni tad-Direttiva min-naħa tal-Istati Membri. L-isfida tikkonsisti fil-ħolqien ta’ provvista suffiċjenti ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja, kurrikulu ta’ taħriġ ta’ kwalità u l-finanzjament ta’ taħriġ inizjali u kontinwu. Rigward dan tal-aħħar, żviluppaw prattiki fejn l-ispejjeż tat-taħriġ inizjali u/jew kontinwu jintrefgħu mis-sewwieqa – fattur li, fuq perjodu ta’ żmien medju, ma jagħmel xejn ħlief li jħażżen il-problemi ta’ reklutaġġ fis-settur.

    7.1.3   Is-settur tat-trasport bit-triq jibbenefika mil-leġislazzjoni soċjali tiegħu stess. Il-problema ewlenija hi n-nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti dwar il-ħinijiet tax-xogħol, tas-sewqan u tal-mistrieħ, avolja sar titjib fil-leġislazzjoni u qed isiru aktar verifiki. L-istess jgħodd għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-każ tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq li jaħdmu fis-servizzi ta’ kabotaġġ.

    7.1.4   Il-leġislazzjoni tal-UE dwar it-trasport bit-triq għandha tapplika mingħajr ebda eċċezzjoni fis-settur kollu, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni ġusta, is-sigurtà fit-toroq u s-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol;

    7.1.5   Dawk li jfasslu l-politika tal-UE għandhom jieħdu miżuri li jwasslu għal sostenibilità ġenwina fis-settur – għandu jkun hemm inċentivi għall-operaturi sabiex jinvestu fi flotot u f'teknoloġiji ġodda; titjib fil-kapaċità tal-Istati Membri li jinfurzaw il-leġislazzjoni dwar it-trasport bit-triq; miżuri sabiex il-professjoni tas-sewwieqa ssir waħda ta’ livell għoli ta’ ħila, fattur li awtomatikament iwassal sabiex tittejjeb l-immaġni ta’ din il-professjoni;

    7.1.6   Titjib fl-infrastruttura tat-toroq, b'mod partikolari l-provvista ta’ żoni ta’ parkeġġ u faċilitajiet għall-mistrieħ siguri u affordabbli; parti mid-dħul li jinkiseb mill-“Eurovignette” tista' tintuża sabiex tittejjeb il-kwalità taż-żoni ta’ parkeġġ u tal-faċilitajiet tal-mistrieħ – dan jibbenefikaw minnu kemm in-negozji (is-sigurtà tal-merkanzija) kif ukoll is-sewwieqa professjonali;

    7.1.7   Il-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fit-Toroq li jkollha r-rwol li tissalvagwardja l-bżonnijiet u l-ħtiġiet imsemmija hawn fuq (12).

    7.2   It-trasport pubbliku urban

    7.2.1   Fl-UE, madwar miljun ħaddiem huma impjegati fis-settur tat-trasport pubbliku urban (skont iċ-ċifri tal-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku (UITP)). Skont il-politiki li jippromovu t-trasport kollettiv fl-agglomerazzjonijiet, fil-bliet u fiż-żoni rurali, l-opportunitajiet ta’ impjieg huma potenzjalment għoljin.

    7.2.2   Madankollu, it-trasport pubbliku lokali wkoll qed jiffaċċja problemi ta’ reklutaġġ u t-trasport pubbliku qed jiffaċċja l-problema ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema tat-trasport pubbliku huma sewwieqa. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u opportunitajiet ta’ karriera huma elementi li jattiraw lin-nisa u liż-żgħażagħ lejn is-settur.

    7.2.3   Id-Direttiva 2003/59/KE dwar it-taħriġ tas-sewwieqa tapplika għat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja.

    7.2.4   Barra l-finanzjament, sfida kbira għat-trasport pubbliku hi li jipprovdi servizzi ta’ kwalità tajba. Ir-relazzjoni bejn il-kwalità fil-post tax-xogħol (kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin) u l-kwalità tas-servizzi hija s-suġġett tad-Djalogu Soċjali Ewropew settorjali.

    7.2.5   Barra minn hekk, il-vjolenza u l-aggressjoni huma problema serja fit-trasport pubbliku tal-passiġġieri. Politika bbażata fuq tolleranza żero kontra l-vjolenza tipproteġi lill-passiġġieri u lill-ħaddiema u tgħin sabiex it-trasport pubbliku jsir aktar attraenti.

    7.3   Is-settur ferrovjarju

    7.3.1   Is-settur ferrovjarju għaddej minn ristrutturar kontinwu b'żieda fil-produttività u bi tnaqqis fl-impjiegi: pereżempju persunal inkarigat mill-bejgħ fl-stazzjonijiet tal-ferroviji, persunal abbord fit-trasport reġjonali tal-passiġġieri, tnaqqis fl-użu tat-trasport ta’ tagħbijiet f'vagun wieħed li huwa intensiv f'termini ta’ xogħol u minfloku l-użu ta’ ferroviji kompleti li huma anqas intensivi f'termini ta’ xogħol. Teknoloġiji ġodda bħas-Sistema Ewropea għall-Immaniġġjar tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) jew sistemi awtomatiċi għat-tibdil tad-direzzjoni tal-ferroviji huma teknoloġiji b'fini ta’ razzjonalizzazzjoni tax-xogħol, li jaffettwaw l-aktar lill-persunal li jikkontrolla t-traffiku jew lill-professjonijiet inkarigati mit-tibdil tad-direzzjoni tal-ferroviji. Bil-kontra tat-tendenza attwali, il-promozzjoni tal-użu tat-trasport ta’ tagħbijiet f'vagun wieħed tippermetti alternattiva ambjentali kredibbli għat-trasport bit-triq u tiġġenera l-impjiegi (13).

    7.3.2   L-atturi l-ġodda li jidħlu fis-suq tal-merkanzija ferrovjarja jikkonċentra fuq is-servizzi ferrovjarji sħaħ b'intensità baxxa ta’ xogħol, filwaqt li l-investiment fl-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida u t-titjib tan-netwerks eżistenti ser joħloq impjiegi fis-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ għal din l-infrastruttura l-ġdida.

    7.3.3   F'dan il-każ, l-opportunitajiet ta’ xogħol li jinħolqu minħabba żieda fit-trasport ferrovjarju / bidla modali mhux se jkun ta’ benefiċċju għas-sewwieqa biss. Madankollu, is-settur ferrovjarju wkoll qed jiffaċċja problemi ta’ reklutaġġ fil-livell tal-edukazzjoni għolja (inġiniera) u l-kumpaniji qed jiffaċċjaw struttura demografika żvantaġġuża.

    7.3.4   Il-ħtiġijiet ta’ taħriġ:

    Iż-żieda fit-traffiku transkonfinali teħtieġ żieda fit-taħriġ b'rabta mar-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà u l-ħiliet lingwistiċi kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-persunal abbord.

    Għandhom ikunu żgurati livell għoli ta’ sigurtà u servizzi ta’ kwalità għolja permezz taċ-ċertifikazzjoni tal-persunal abbord.

    L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bħall-ERTMS tbiddel il-profil tas-sewwieqa u tal-persunal li jikkontrolla t-traffiku filwaqt li żżid il-ħtieġa ta’ taħriġ b'rabta mat-Teknoloġija tal-Informatika (IT).

    It-tendenza ta’ ħiliet varji fis-settur tal-merkanzija ferrovjarja teħtieġ li jkunu definiti professjonijiet ġodda u korsijiet ta’ taħriġ adegwati.

    Ir-ristrutturar tas-settur jimxi id f'id ma’ għadd kbir ta’ atturi u ta’ interfaċċji ġodda. Ser ikun meħtieġ aktar persunal fil-livell maniġerjali amministrattiv. It-tixjiħ progressiv tal-persunal fis-settur ferrovjarju eżistenti u ż-żieda fil-problemi ta’ reklutaġġ jeħtieġu l-iżvilupp ta’ programmi adegwati ta’ taħriġ u ta’ tagħlim tul il-ħajja għal gruppi ta’ impjegati ta’ etajiet differenti.

    7.3.5   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol:

    Il-pressjoni kontinwa fir-rigward taż-żieda fil-produttività u t-tnaqqis fl-ispejjeż fis-settur qed iġibu magħhom tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fl-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol fuq żewġ livelli. Bil-ftuħ tas-swieq u biż-żieda fis-servizzi transkonfinali, jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ u infurzar tal-ħinijiet tax-xogħol, tas-sewqan u tal-mistrieħ kif ukoll tal-livelli ta’ kwalifiki tas-sewwieqa.

    7.4   It-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni (IWT)

    7.4.1   It-Trasport fil-Passaġġi tal-Ilma Interni (IWT) huwa kkunsidrat bħala mod tat-trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li l-potenzjal tiegħu għadu mhux qed jintuża għalkollox. Madankollu, bħalissa l-livelli tal-ilma qed jitbaxxew fix-xmajjar ewlenin u din hija sfida kbira għas-settur. Qed jiġu riċerkati kunċetti ġodda ta’ bastimenti kif ukoll sistemi ġodda ta’ kunsinna (vetturi li jżommu f'wiċċ l-ilma).

    7.4.2   Hemm nuqqas serju ta’ ħaddiema fil-qasam tal-IWT (kemm fuq ir-Rhine kif ukoll fuq id-Danubju) fit-trasport kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri. Il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa mhijiex interessata f'dan is-settur minħabba bilanċ ħażin bejn ix-xogħol u l-familja, ħinijiet twal ta’ xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol xejn attraenti (b'mod partikolari perjodi twal 'il bogħod mid-dar). Hemm nuqqas ta’ qafas leġislattiv/regolatorju ġenwin u dan qed iwassal għal delokalizzazzjoni lejn pajjiżi li jisfruttaw id-differenzi fit-tassazzjoni bejn il-pajjiżi u kundizzjonijiet soċjali u ta’ salarju anqas favorevoli għal skopijiet ta’ vantaġġi kompetittivi, pereżempju fi ħdan l-UE, lejn Malta u Ċipru.

    7.4.3   Dawn il-problemi qed jiġu indirizzati permezz tad-djalogu soċjali u fil-livell tal-UE permezz ta’ diversi inizjattivi:

    PLATINA = pjattaforma ta’ azzjoni tan-NAIADES – diversi pakketti ta’ ħidma jindirizzaw l-ostakli li jeżistu fl-industrija;

    Ix-xogħlijiet u l-ħiliet = pakkett ta’ ħidma tal-UE sabiex is-settur isir aktar attraenti;

    EDINNA (Edukazzjoni dwar in-Navigazzjoni Interna) = ġiet stabbilita pjattaforma Ewropea għaċ-ċentri kollha ta’ taħriġ edukattiv;

    Bħalissa għaddejja ħidma dwar profili ta’ xogħlijiet armonizzati fil-livell tal-UE (għall-kaptani u l-baħrin) – dawn ser jagħmluha ta’ bażi formali għal standards minimi unifikati ta’ taħriġ fil-qasam tal-IWT fl-UE;

    Bħalissa għaddejja ħidma b'rabta mal-STCIN = standards Ewropej dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni b'rabta man-navigazzjoni interna.

    7.4.4   Il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (CCNR) qed tiffunzjona bħala ċentru ta’ għarfien għall-IWT fl-Ewropa u, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, qed tarmonizza ċ-ċertifikat għall-kaptani tal-bastimenti permezz tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku. Is-CCNR tiġi kkummissjonata mill-KE sabiex tirriċerka u tippubblika darbtejn fis-sena osservazzjonijiet tas-suq li jinkludu data soċjali u ekonomika sabiex tkun disponibbli informazzjoni affidabbli. F'kooperazzjoni mas-CCNR, qed tiġi riċerkata u żviluppata sistema unika ta’ identifikazzjoni: din mhux biss ser turi l-identità tal-ħaddiema iżda ser timmonitorja/tidentifika wkoll il-ħin tax-xogħol/tal-mistrieħ u dak liberu u l-edukazzjoni/it-taħriġ/iċ-ċertifikazzjoni tal-ħaddiema.

    7.5   Is-settur tal-avjazzjoni

    7.5.1   L-avjazzjoni hija servizz essenzjali għall-ekonomija tal-UE u t-tkomplija tagħha hija kruċjali sabiex ikunu appoġġjati l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp reġjonali. Il-kompetittività tal-industrija Ewropea tat-trasport bl-ajru tista' tissaħħaħ b'mod internazzjonali billi jintużaw il-vantaġġi kollha tal-Mudell Soċjali Ewropew. Il-kumpaniji għandhom jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tal-leġislazzjoni soċjali Komunitarja u nazzjonali kif ukoll tal-ftehimiet kollettivi sabiex ikunu protetti l-impjiegi u jkun evitat id-dumping soċjali. Għandhom isiru sforzi speċjali sabiex ikun hemmdjalogu soċjali fuq livell ażjendali u nazzjonali u b'hekk jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi attwali tal-avjazzjoni ċivili.

    7.5.2   Jeħtieġ li jkun hemm atmosfera ta’ fiduċja, responsabbiltà u kooperazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegati fil-livell(i) adatt(i) sabiex ikunu żgurati s-sigurtà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizz bi spirtu li jitħarsu l-obbligi tas-servizz pubbliku. L-objettiv ewlieni għandu jkun li tiġi stabbilita industrija tal-avjazzjoni ċivili sostenibbli mil-lat ekoloġiku u soċjali.

    7.5.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq jikkunsidra l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, inklużi Blokok ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li fihom il-fattur uman u d-djalogu soċjali huma importanti ħafna sabiex is-settur ikun ta’ suċċess. L-Istati Membri għandhom jidħlu f'konsultazzjoni sinifikattiva mal-imsieħba soċjali u mal-partijiet interessati l-oħrajn kollha sabiex jittieħdu miżuri bilanċjati biex dawn l-għanijiet jinkisbu u biex jiġi evitat li aktar ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom (14).

    7.5.4   L-impjegati kollha tal-avjazzjoni ċivili, u l-aktar il-ħaddiema responsabbli mill-assistenza fuq l-art, għandu jkollhom l-istess trattament favorevoli bħal impjegati Ewropej oħrajn. Bħalissa dan mhuwiex il-każ: pereżempju, meta jkun hemm sejħiet għall-offerti, l-impjegati għandhom, fil-każijiet kollha, jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trasferiment.

    7.5.5   L-UE għandha tappoġġja miżuri li jirrikonoxxu u jivvalidaw il-kwalifiki fis-settur. L-atturi kollha għandhom jaġixxu flimkien, inkluż permezz ta’ negozjati, u jinvestu fit-taħriġ u fi kwalifiki vokazzjonali. Permezz ta’ approċċ f'fażijiet u ta’ ftehimiet, jistgħu jinkisbu l-aħjar standards ta’ taħriġ fil-livell Ewropew, filwaqt li jippermetti li jiġu stabbiliti regoli aktar speċifiċi fil-livelli l-oħrajn kollha, kif ukoll aktar ħidma dwar il-validazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u l-involviment ta’ partijiet relatati oħrajn (istituzzjonijiet Ewropej, awtoritajiet nazzjonali, eċċ.).

    7.5.6   Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa kruċjali wkoll li s-sigurtà tal-ajru tibqa' l-aktar prijorità importanti li tiggwida l-azzjoni leġislattiva Ewropea. Rigward din tal-aħħar, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għandhom jikkonsultaw lill-partijiet interessati sabiex jinkisbu regoli għall-ekwipaġġ tal-ajru dwar il-Limitu tal-Ħin tat-Titjiriet u r-Rekwiżiti ta’ Mistrieħ, li jkunu orjentati lejn is-sigurtà u bbażati fuq ix-xjenza, li jirnexxilhom itaffu l-għeja minħabba ħinijiet twal tax-xogħol, ħinijiet tax-xift li jinbidlu u tibdil fiż-żoni tal-ħin. L-għeja hija tassew theddida għas-sigurtà tal-ajru peress li tnaqqas il-viġilanza u l-prestazzjoni ta’ dak li jkun. L-għeja hija reazzjoni normali għal ħafna kundizzjonijiet li huma komuni għat-titjiriet minħabba nuqqas ta’ rqad, xogħol abbażi ta’ xift u ċikli twal ta’ ħidma.

    7.6   Is-settur tat-trasport marittimu

    7.6.1   L-isfida ewlenija fis-settur tat-trasport marittimu hija t-tnaqqis fuq perjodu ta’ żmien twil fl-impjieg ta’ baħrin Ewropej flimkien mat-telf assoċjat ta’ kompetenza marittima Ewropea. Għadhom qed jintużaw Bnadar ta’ Konvenjenza (FOC) u ekwipaġġ b'salarji baxxi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kummerċ internazzjonali minn bastimenti li huma proprjetà ta’ sidien Ewropej u li huma kkontrollati mill-Ewropa huwa ddominat minn ekwipaġġ kważi kollu kemm hu mhux domiċiljat, b'mod partikolari fir-rigward tal-baħrin ordinarji. Il-Konferenza tal-KESE dwar “L-attrattività tal-impjiegi tal-baħar” (11/03/2010) indirizzat ir-raġunijiet kollha għaliex l-impjiegi tal-baħar mhumiex attraenti, enfasizzat il-ħtieġa li l-edukazzjoni marittima tiġi modernizzata u ppromoviet l-azzjoni tal-UE f'dan ir-rigward.

    7.6.2   Is-settur tat-trasport marittimu ukoll huwa karatterizzat minn forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Iż-żamma ta’ uffiċjali meta jaqbżu l-età tal-irtirar hija kkawżata l-aktar min-nuqqas attwali ta’ uffiċjali u n-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-kumpaniji li jippromovu lill-ħaddiema mill-funzjoni ta’ baħri ordinarju għal-livell ta’ uffiċjal.

    7.6.3   Madankollu, proġett li sar fil-qafas tad-Djalogu Soċjali Ewropew wera li l-problema mhijiex nuqqas ta’ apprendisti żgħażagħ Ewropej li lesti jibdew karriera fuq il-baħar iżda pjuttost nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u pożizzjonijiet ta’ taħriġ abbord. Hemm ħtieġa ċara li jinħoloq ambjent li jiffaċilita r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-baħrin Ewropej u l-promozzjoni minn baħrin ordinarji għal uffiċjali. Dan jista' jitħeġġeġ billi jintużaw b'mod aħjar u aktar strett skemi ta’ Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (SAG), b'mod partikolari billi tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għoti ta’ sussidji pubbliċi jew eżenzjonijiet fiskali u kemm il-garanziji tal-impjieg kif ukoll l-obbligi ta’ taħriġ.

    7.6.4   Is-sidien tal-bastimenti qed jinnegozjaw lil hinn mill-Ewropa u qed jinvestu aktar u aktar f'ċentri ta’ taħriġ u f'akkademji marittimi f'pajjiżi terzi, l-aktar fil-Lvant Imbiegħed. Jeħtieġ li jiġi żviluppat netwerk ta’ Istituti ta’ Taħriġ u tal-Edukazzjoni fl-Ewropa sabiex jinħolqu sistemi tal-edukazzjoni marittima li jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda li qed jiżviluppaw u li jadattaw ruħhom għalihom. Rigward dan l-aħħar aspett b'mod partikolari, hemm każ b'saħħtu sabiex isir stħarriġ dwar metodi ta’ tagħlim aktar flessibbli u mħalltin kemm għall-edukazzjoni inizjali kif ukoll għat-tagħlim tul il-ħajja. Is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol għandhom iwieġbu għall-ħtieġa ta’ karrieri aktar flessibbli (transizzjoni mill-baħar għall-art jew bil-kontra), inklużi moduli tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar l-immaniġġjar, in-negozju u l-kummerċ kif ukoll dwar ħiliet speċifiċi għas-settur.

    7.6.5   Rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, qed jinħolqu problemi minħabba impjiegi temporanji, użu li kulma jmur qed jiżdied ta’ aġenziji ta’ reklutaġġ u n-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg diretta jew remota mal-kumpaniji tat-trasport marittimu. Ta' sikwit, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord ikunu ħżiena, l-akkomodazzjoni abbord ma tkunx adegwata, l-aktar għan-nisa u l-kadetti, u jkun hemm nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, livelli mhux adegwati ta’ ekwipaġġ iżidu l-għeja u jqiegħdu f'riskju t-tħaddim sigur tal-bastimenti. Il-problema tal-piraterija u tal-kriminalizzazzjoni tal-baħrin ikkontribwiet għad-deterjorazzjoni tal-immaġni tal-industrija u r-rieda li wieħed jikkunsidra li jibda karriera fuq il-baħar.

    7.6.6   Fir-rigward tal-konnessjonijiet bil-baħar bejn il-kontinent Ewropew u l-gżejjer u bejn il-gżejjer, il-KESE jemmen li għandhom jissaħħu l-obbligi tas-servizz pubbliku sabiex tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, mingħajr ma r-regolazzjoni tal-għajnuna tal-istat tkun ta’ ħsara għall-offerta tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    7.6.7   Xi inizjattivi urġenti u pendenti huma:

    valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ inizjattiva Komunitarja ġdida, li tkopri l-kummerċ fl-UE fl-għamla ta’ proposta leġislattiva mġedda dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-ekwipaġġ;

    valutazzjoni tal-fattibbiltà tar-reviżjoni tas-SAG, billi tinstab soluzzjoni għal-lakuni li hemm sabiex jiġi żgurat li l-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE jintefqu primarjament għall-appoġġ tal-impjiegi u t-taħriġ tal-baħrin tal-UE u l-inklużjoni tagħhom fil-leġislazzjoni soċjali kollha li bħalissa jinsabu esklużi minnha;

    ratifika tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) 2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO) u infurzar permezz tal-Kontroll effettiv tal-Portijiet mill-Istat;

    metodoloġija uniformi u konsistenti tal-UE għall-ġbir ta’ data dwar l-impjieg tal-baħrin.

    7.7   Is-settur tal-portijiet

    7.7.1   Bħal f'setturi oħrajn tat-trasport, anke l-analiżijiet tal-impjiegi fil-portijiet ibatu minn nuqqas ta’ statistika u data kwantitattiva. Billi rrikonoxxa din il-problema, id-DĠ Move dan l-aħħar ikkummissjona studju dwar l-impjiegi fil-portijiet. Madankollu, dan jaf ma jkunx biżżejjed sabiex il-lakuna timtela b'mod sistematiku, u kemm l-Eurostat kif ukoll l-Istati Membri għandhom ikunu mistiedna jikkontribwixxu għal dan l-eżerċizzju. Problema ewlenija hi d-definizzjoni ta’ x'inhu ħaddiem li jaħdem fil-portijiet. Storikament, ħaddiem li jaħdem fil-portijiet kien burdnar – li jgħabbi u jħott il-merkanzija billi juża s-saħħa fiżika tiegħu – iżda bil-wasla tal-kontejners u ta’ titjibiet teknoloġiċi x-xogħol fil-portijiet sar diversifikat u dan jagħmilha aktar diffiċli sabiex tinstab definizzjoni. Dan ikompli jikkomplika aktar ruħu minħabba l-fatt li aktar u aktar ħaddiema loġistiċi joperaw fiż-żona tal-portijiet iżda ta’ sikwit jaħdmu f'kundizzjonijiet differenti ħafna. Il-KESE jqis li mhuwiex aċċettabbli li tiġi imposta l-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-portijiet.

    7.7.2   Il-ħtiġijiet ta’ taħriġ: id-dispożizzjonijiet u l-ħtiġiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-portijiet ivarjaw ħafna madwar l-Ewropa, fejn xi pajjiżi żviluppaw sistemi ta’ taħriġ estensivi mentri oħrajn joffru livell baxx ta’ taħriġ. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji l-kbar żviluppaw l-iskemi ta’ taħriġ tagħhom stess u l-biċċa l-kbira tal-portijiet il-kbar għandhom iċ-ċentri ta’ taħriġ tagħhom stess. Madankollu, il-kumpaniji ż-żgħar u l-portijiet iż-żgħar ibatu minn nuqqas ta’ taħriġ adegwat u dan għandu konsegwenzi negattivi fuq is-sigurtà. Sfida kbira għat-taħriġ fil-portijiet hija l-ħtieġa li l-iskemi eżistenti jiġu adattati għal bidliet teknoloġiċi rapidi u wkoll li dawn jiġu antiċipati.

    7.7.3   Għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ qafas komuni għat-taħriġ (fejn ikunu identifikati elementi u moduli li għandhom ikunu preżenti f'kull programm ta’ taħriġ u fejn il-pajjiżi bi skemi anqas effettivi jkunu jistgħu jtejbu l-programmi ta’ taħriġ tagħhom). B'mod ġenerali, jeħtieġ li jkun hemm aktar taħriġ sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-portijiet tal-UE u sabiex dawn il-portijiet isiru postijiet tax-xogħol aktar siguri. Fattur ieħor huwa r-rabta bejn it-taħriġ u impjiegi aħjar: il-ħaddiema tal-portijiet huma ħaddiema professjonali u d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ għandhom jitfasslu b'mod li tkun żgurata karriera professjonali u li l-ħaddiema jkunu jistgħu jakkumulaw diversi ħiliet. It-taħriġ fil-portijiet għandu jkun ġestit b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali u mill-awtoritajiet pubbliċi, bħalma hu diġà l-każ f'ħafna portijiet.

    7.7.4   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol: is-sigurtà għadha kwistjoni ewlenija fil-portijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontejners. Jeħtieġ li jittejjeb ir-rappurtar tal-inċidenti u li dan ikun jinkludi wkoll data mtejba dwar l-inċidenti u aktar dettall (kawżi, postijiet, eċċ.). Ir-rappurtar tal-inċidenti għandu jiġi standardizzat madwar l-Ewropa (għandu jintlaħaq qbil dwar definizzjoni komuni ta’ x'inhu inċident, eċċ.).

    7.7.5   Kwistjoni oħra hija n-nuqqas ta’ infurzar tal-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Bħalissa m'hemm l-ebda leġislazzjoni speċifika tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-portijiet u qed tiġi applikata d-direttiva qafas ġenerali. Il-ħtieġa li jitressaq regolament speċifiku għas-settur f'dan il-qasam għandha tiġi vvalutata b'attenzjoni. Barra minn hekk, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-portijiet għandu jiġi implimentat permezz ta’ djalogu soċjali mtejjeb fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. Fil-kuntest partikolari tal-bidliet industrijali (pereżempju l-privatizzazzjoni tal-portijiet), dan id-djalogu għandu jirriżulta f'soluzzjonijiet innegozjati maħsuba biex jipprevjenu kwalunkwe konsegwenza avversa fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

    Il-Président tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Ara wkoll Premessa nru 17 flimkien mal-Artikoli 4(5) u 4(6) fir-Regolament tal-UE 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq.

    (2)  Ktejjeb tal-Istatistika 2010 tal-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ Move).

    (3)  Ktejjeb tal-Istatistika 2006, 2007/2008, 2009, 2010 tal-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport (DĠ TREN).

    (4)  Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), li kkummissjona studju dwar “L-Investiment fil-Ġejjieni tal-Impjiegi u tal-Ħiliet”, janalizza xi xenarji.

    (5)  Studju TRANSVISION ibbażat fuq xenarji (l-iżviluppi fit-trasport sal-2050) mingħajr stimi dwar l-iżvilupp tal-impjiegi. http://ec.europa.eu/transport/strategies/studies/doc/future_of_transport/2009_02_transvisions_report.pdf.

    (6)  It-tielet u r-raba' Stħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol; analiżijiet settorjali tal-2002 u tal-2009; http://www.eurofound.europa.eu/surveys/index.htm.

    (7)  Ara nota 2 f'qiegħ il-paġna.

    (8)  Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DG EMPL) ikkummissjona studju dwar “L-Investiment fil-Ġejjieni tal-Impjiegi u tal-Ħiliet – Xenarji, implikazzjonijiet u għażliet bil-quddiem”.

    (9)  Ara nota 5 f'qiegħ il-paġna.

    (10)  Komunikazzjoni COM (2006) 314 dwar “Inżommu lill-Ewropa miexja”, paġna 3.

    (11)  Valutazzjoni tal-Politika Komuni dwar it-Trasport (CTP) mill-2000 sal-2008. http://ec.europa.eu/transport/strategies/studies/strategies_en.htm.

    (12)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 94.

    (13)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 92.

    (14)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 50.


    Top