EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0995

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja — l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja — l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

2011/C 248/02

Relatur: is-Sur DANTIN

Fil-15 ta’ Novembru 2010, ir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Ungerija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, is-Sur Péter GYÖRKÖS, f'isem il-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja – l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'164 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li faqqgħet matul l-2007 u ggravat fl-2008, kellha konsegwenzi ħorox fuq il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej u laqtet ħażin b'mod partikolari s-sitwazzjoni baġitarja tagħhom.

1.2   Il-ħtieġa ta’ bħalissa li l-baġits pubbliċi jissaffew mill-ispejjeż relatati mal-pjani differenti kollha ta’ rilanċ ekonomiku, ta’ għajnuna lill-banek – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – u livell dgħajjef ta’ tkabbir, li ma kienx ġie kkunsidrat biżżejjed fil-politiki ekonomiċi ta’ qabel il-kriżi, qed twassal sabiex numru ta’ Stati Membri jnaqqsu l-infiq pubbliku. Hemm riskju li din l-għażla tiġġenera diżimpenn min-naħa tal-Istati Membri u ddgħajjef l-effett ridistributtiv tas-sistemi ta’ solidarjetà kollettiva, kemm f'dak li hu protezzjoni soċjali u kemm f'dak li jolqot is-servizzi pubbliċi.

1.3   Dan il-metodu ta’ kif jerġa' jinkiseb bilanċ ta’ malajr, barra l-ispiża soċjali kbira li jġib miegħu, hemm ir-riskju li jwassal għal tkabbir dgħajjef, fuq perjodu twil, b'mod partikolari minħabba l-isterilizzazzjoni tad-domanda li ser taggrava d-defiċits baġitarji. Min-naħa tagħhom, dawn ser jikkawżaw tnaqqis fid-domanda u b'hekk ser ikun hemm bħal ċirku vizzjuż li jista' jkaxkar miegħu l-ekonomija Ewropea f'burraxka bla tmiem.

1.3.1   Jeħtieġ li politika baġitarja “intelliġenti” twaqqaf dan iċ-ċirku.

1.4   “L-intelliġenza” tal-konsolidazzjoni baġitarja tinsab f'bilanċ “intelliġenti” bejn l-infiq u d-dħul u bejn l-offerta u d-domanda. Għaldaqstant, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun l-għan ewlieni tal-politika ekonomika, kif ukoll ta’ kull politika oħra.

1.4.1   Għalhekk, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-UE.

1.5   Għal dan il-għan, jeħtieġ:

1.5.1

li tinħoloq regolazzjoni aktar ambizzjuża u sħiħa tas-swieq finanzjarji sabiex titwaqqaf l-ispekulazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, il-persistenza tal-ispekulazzjoni xxejjen l-isforzi kollha li jsiru favur “konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti”.

1.5.2

li tiġi segwita politika baġitarja li tkun għas-servizz tat-tkabbir:

billi jiġi stabbilit bond Ewropew maħsub biex jiffinanzja l-proġetti tal-infrastruttura permezz tal-mobilizzazzjoni tat-tfaddil;

billi jinħolqu eurobonds li permezz tagħhom tkun tista', b'mod partikolari, titnaqqas l-ispiża tal-finanzjament mill-ġdid tal-Istati taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà;

billi tintuża kemm jista' jkun l-elastiċità tal-perjodu ddedikat għall-konsolidazzjoni, għax “big bang” jikkomprometti l-perspettivi tat-tkabbir.

1.5.3

li l-politika fiskali titqiegħed għas-servizz tat-tkabbir:

billi wieħed jimmira lejn koordinazzjoni msaħħa bejn il-politiki fiskali tal-Istati Membri b'konformità mat-Trattati Ewropej;

billi tittejjeb il-kooperazzjoni kontra l-frodi fiskali bis-saħħa tal-aħjar użu tal-Eurofisc;

billi l-pressjoni fiskali tiġi trasferita permezz ta’ sorsi ġodda ta’ dħul, bħat-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, it-tassazzjoni fuq l-enerġija, it-taxxi fuq l-istabbilimenti finanzjarji, fuq l-emissjonijiet ta’ CO2, billi titfassal organizzazzjoni ġdida tas-suq tal-kwoti, eċċ.

1.5.4

li jinħolqu taxxi maħsuba għall-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet iġġenerati mill-imġiba tas-settur finanzjarju, sakemm jikkontribwixxu sabiex joħolqu kundizzjonijiet aktar ġusti fil-proċess ta’ żvilupp u ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern Ewropew.

1.5.4.1

Il-Kummissjoni Ewropea, bl-approvazzjoni tal-Kumitat, beħsiebha twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tiddefinixxi l-istruttura potenzjali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din it-tassazzjoni. Fi kwalunkwe każ, m'għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar din it-tassazzjoni mingħajr ma jkunu magħrufa r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni.

1.5.5

li jinħoloq it-tkabbir tal-ġejjieni:

permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 li timmira, b'mod partikolari, lejn l-iżvilupp ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv fuq il-bażi ta’ koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, billi tiġġieled kontra l-ostakli ewlenin għat-tkabbir, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-suq intern;

permezz tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika industrijali ambizzjuża u effiċjenti mmirata b'mod prijortarju lejn is-setturi li għandhom valur miżjud qawwi, livell għoli ta’ teknoloġija u potenzjal qawwi ta’ tkabbir kemm fil-qasam tal-industrija kif ukoll f'dak tas-servizzi;

permezz tal-ħolqien ta’ “Small Business Act” Ewropew ġenwin;

permezz ta’ enfasi fuq it-“triangolu maġiku” tat-tkabbir: it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Għal dan il-għan, jeħtieġ:

li l-investimenti fl-edukazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) jitkomplew u jissaħħu, minkejja t-tnaqqis baġitarju, sabiex jiġi evitat li l-UE tiddgħajjef b'mod inevitabbli;

li wieħed iqis li t-taħriġ u l-kwalifiki mogħtija jkunu adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

li l-leġislazzjoni fiskali tiġi adattata sabiex l-industrija tkun imħeġġa tinvesti aktar fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni;

li l-ħidma u l-kooperazzjoni tar-riċerkaturi u l-innovaturi jiġu ffaċilitati madwar l-UE kollha billi jiġi żgurat li ż-“Żona Ewropea tar-Riċerka” titwettaq b'suċċess;

li numru ta’ ostakli jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati: l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, l-ispejjeż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u li jintlaħaq ftehim b'mod urġenti dwar l-implimentazzjoni tal-privattiva Ewropea fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni msaħħa;

li jingħataw aktar importanza, aktar mezzi u aktar missjonijiet liċ-“ċentri ta’ kompetittività”. Għal dan il-għan, il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew jista' jwassal sabiex ir-relazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni titjieb.

1.6   Meta dawn il-politiki jitwettqu fil-prattika, fid-dawl tal-fatt li jidependu mid-deċiżjoni individwali ta’ kull Stat Membru, għandha titqies il-varjetà wiesgħa tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tas-27 Stat Membru. Ir-rati ta’ tkabbir tal-PDG, il-livelli u x-xejriet tal-qgħad, il-livelli tad-dejn nazzjonali u l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ivarjaw ħafna, għalkemm jeżistu tendenzi ċari.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Presidenza Ungeriża talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar “Strateġiji intelliġenti ta’ konsolidazzjoni tal-politika baġitarja - l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju”.

2.2   Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir din il-konsultazzjoni.

2.3   Fil-fatt, permezz tagħha l-KESE ntalab jirrifletti dwar kwistjoni li torbot mat-tħassib tal-Kumitat u mal-ħidma li diġà wettaq sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja.

2.4   Din l-opinjoni ser tippermetti aġġornament tar-riflessjonijiet preċedenti tal-Kumitat. Dawn ser jirfdu t-tfassil ta’ dan il-kontribut, li għandu l-għan li jkompli jiżviluppa din ir-riflessjoni sabiex jagħti tweġiba għas-suġġett tal-konsultazzjoni (1).

2.5   Għal dan il-għan, wara li nanalizzaw fil-qosor ir-raġunijiet tal-kriżi, ser neżaminaw il-konsegwenzi tagħha u r-riskji ekonomiċi u soċjali ta’ konsolidazzjoni baġitarja “mhux intelliġenti” u mbagħad ser nagħmlu xi proposti favur l-iżvilupp ta’ tkabbir sostenibbli li mingħajru ma jistax isir rilanċ tal-ekonomija Ewropea.

3.   Il-kriżi u l-konsegwenzi tagħha

3.1   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li faqqgħet matul l-2007 u ggravat fl-2008, kellha konsegwenzi ħorox fuq il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej. Minn naħa waħda, bosta gvernijiet ħadu miżuri biex isalvaw is-sistema finanzjarja. Min-naħa l-oħra, ħadu miżuri baġitarji konsiderevoli sabiex jillimitaw kemm jista' jkun il-gravità tar-reċessjoni, bis-saħħa tal-pjani tagħhom ta’ rilanċ. L-għan ta’ dawn il-pjani kien li jikkompletaw l-azzjoni tal-istabbilizzaturi awtomatiċi biex jevitaw li l-attività ekonomika tikkrolla, iżda ggravaw ukoll is-sitwazzjoni baġitarja f'bosta pajjiżi.

3.2   Filwaqt li matul il-kriżi finanzjarja l-ispejjeż pubbliċi massivi rnexxielhom jippreservaw il-likwidità tas-swieq, il-ħtieġa ta’ bħalissa li l-baġits jissaffew mill-ispejjeż ikkawżati mill-għajnuna lill-banek – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – u minn miżuri diskrezzjonali qed twassal sabiex iż-żieda fil-qgħad u l-miżuri l-oħra ta’ awsterità adottati f'bosta pajjiżi qed jirrappreżentaw theddida għat-tkabbir ekonomiku b'mod ġenerali.

3.3   Din is-sitwazzjoni kkawżat żieda konsiderevoli fid-defiċit pubbliku fl-Unjoni Ewropea. Skont il-previżjonijiet tal-Eurostat, id-defiċit tela' minn 2,3 tal-PDG fl-2008 għal 7,5 % fl-2010 fl-UE kollha kemm hi, u minn 2 % għal 6,3 % fiż-żona tal-euro. Fl-istess ħin, il-proporzjon tad-dejn pubbliku tela' minn 61,6 % tal-PDG fl-2008 għal 80 % fl-Unjoni Ewropea u minn 69,4 % għal 78,7 % fiż-żona tal-euro. It-tkabbir kellu jkun ta’ 0,7 % fl-2010, il-qgħad kellu jikber minn 7,1 % fl-UE fl-2007 għal 9,1 % fl-2009, bi previżjoni ta’ 10,3 % fl-aħħar tal-2010, jiġifieri huma kkonċernati madwar 25 miljun ruħ, fosthom madwar 8 miljuni li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi.

3.4   Barra minn hekk, wieħed josserva li l-azzjonijiet imwettqa f'numru ta’ Stati Membri, li fil-biċċa l-kbira jikkonsistu fit-tnaqqis tal-infiq pubbliku sabiex jerġa' jinkiseb malajr bilanċ baġitarju u sabiex jitnaqqas id-dejn, qed jirriskjaw li jikkawżaw diżimpenn min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-effett ridistributtiv tas-sistemi ta’ solidarjetà kollettiva. Għaldaqstant, ta’ min jibża' bil-kbir dwar it-tneħħija tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-servizzi pubbliċi, filwaqt li r-rwol tagħhom ta’ stabilizzaturi awtomatiċi u l-fatt li taffew b'mod effettiv il-konsegwenzi tal-kriżi ntlaqgħu tajjeb b'mod unanimu.

3.4.1   Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjali li l-kapital soċjali Ewropew u l-kapital naturali jiġu salvagwardjati bħala fatturi indispensabbli tat-tisħiħ tat-tkabbir.

3.4.2   L-effetti fuq il-kredibbiltà tal-UE (u tal-Istati Membri tagħha) jkunu diżastrużi kemm-il darba din tħalli liċ-ċittadini tagħha jixhdu l-ispettaklu ta’ Ewropa li minn naħa turi li hija determinata li – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – tieħu miżuri konsiderevoli favur is-settur finanzjarju u bankarju, li għandu sehem mir-resposabbiltà fil-kriżi attwali, u li min-naħa l-oħra, meta hemm bżonn li tiġġieled kontra t-tnaqqis fit-tkabbir, iż-żieda qawwija fil-qgħad u fil-prekarjetà tal-impjiegi u li tiżgura s-solidarjetà permezz tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi, din tieħu azzjoni ineffiċjenti li tkun ta’ detriment għaċ-ċittadini Ewropej, li bl-ebda mod ma kkawżaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Sitwazzjoni bħal din tista' biss tkompli tbiegħed liċ-ċittadini mill-UE aktar milli diġà huma.

3.5   Dan il-metodu ta’ kif jerġa' jinkiseb bilanċ baġitarju ta’ malajr jikkonsisti qabel kollox fit-tnaqqis tal-infiq pubbliku; barra l-ispiża soċjali li jġib miegħu, qed jirriskja li jwassal għal tkabbir dgħajjef – b'mod partikolari minħabba t-tnaqqis tad-domanda – fuq perjodu twil, kif ukoll qgħad persistenti, jew saħansitra dejjem jiżdied, u għalhekk erożjoni tal-kompetittività dinjija tal-Ewropa.

3.5.1   L-awsterità baġitarja qed tirriskja li tikkawża tnaqqis fid-domanda u dan jista' jwassal għal reċessjoni li ġġib magħha defiċits ġodda li jistgħu jwasslu lill-ekonomija Ewropea lejn burraxka bla tmiem.

3.5.2   Dan it-tnaqqis fid-domanda ser ikun aktar u aktar b'saħħtu peress li l-inugwaljanzi ser ikomplu jiggravaw (pereżempju fi Franza bejn l-1998 u l-2005, is-salarju medju ta’ 0,01 % tal-persuni bl-ogħla ħlas kiber b'51 %) u li l-poter tal-akkwist tal-familji ser jonqos b'mod mekkaniku minħabba s-sitwazzjoni ekonomika, iżda wkoll minħabba t-tnaqqis kbir tas-sehem tas-salarji fl-iskambju tal-valur miżjud. Fil-fatt, fl-2007, l-FMI qies li s-sehem tas-salarji fil-PDG fl-Ewropa niżel minn 73 % fl-1980 għal 64 % fl-2005.

4.   Lejn konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti

4.1   Il-kwistjoni mhix daqstant jekk jaqbilx li mmorru lura għall-bilanċ baġitarju iżda pjuttost li nkunu nafu “kif?” u “min iħallas?” u “b'liema ritmu?” sabiex it-tkabbir ikun jista' jerġa' jieħu spinta tajba 'l quddiem.

4.1.1   “L-intelliġenza” tal-konsolidazzjoni baġitarja tinsab f'bilanċ “intelliġenti” bejn l-infiq u d-dħul u bejn l-offerta u d-domanda. Għal dan il-għan, li terga' tinstab it-triq lejn it-tkabbir, fil-kuntest ta’ politika espansjonista li toħloq kuntest favorevoli għall-konsum u għall-investiment, hija muftieħ indispensabbli sabiex noħorġu mill-kriżi bit-tajjeb.

4.1.2   Il-konsolidazzjoni baġitarja parzjalment ġejja wkoll mill-esiġenzi tal-politika monetarja, li għandha titmexxa b'mod li tkun tista' tilħaq l-għanijiet tagħha stess ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u ta’ fiduċja fis-swieq filwaqt li tkompli toħloq il-kundizzjonijiet tat-tkabbir ekonomiku.

4.2   Politika baġitarja għas-servizz tat-tkabbir

4.2.1   Ferm qabel il-kriżi attwali, l-Ewropa kellha tkabbir insuffiċjenti. L-għan ta’ tkabbir annwali ta’ 3 %, li jinsab fl-essenza tiegħu fil-bażi tal-Istrateġija ta’ Lisbona, intlaħaq darbtejn biss. Dan in-nuqqas ta’ tkabbir, b'mod ġenerali, ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed fil-politiki ekonomiċi u baġitarji mfassla mill-gvernijiet. Ġie sostitwit bis-self, kemm pubbliku kif ukoll privat, u fil-każ tal-aħħar is-sistema finanzjarja kellha responsabbiltà qawwija pereżempju fis-self għall-proprjetà. Għaldaqstant, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun l-għan ewlieni tal-politika ekonomika kif ukoll ta’ kull politika oħra. F'dan il-kuntest, il-konsolidazzjoni baġitarja, li tinkludi b'mod partikolari allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi finanzjarji, ser tkun tista' ssib il-mezzi biex tistabbilixxi triq lejn ibbilanċjar mill-ġdid tal-baġits pubbliċi fuq perjodu medju mingħajr ma xxekkel l-għan ta’ livell għoli ta’ tkabbir.

4.2.2   Il-kriżi finanzjarja u d-dgħufija tar-reżistenza tal-ekonomija tal-UE għax-xokkijiet juru l-ħtieġa li l-politika ekonomika tingħata direzzjoni ġdida. Skont il-Kumitat, abbinament aktar ibbilanċjat ta’ miżuri makroekonomiċi, li jiġbor flimkien b'mod arrmonjuż l-aspetti ffukati fuq l-offerta u politika ekonomika diretta lejn id-domanda, għandu jkun parti integrali mill-istrateġija Ewropea. Permezz ta’ dan, f'dinja finanzjarizzata li tiffavorixxi l-investimenti fuq perjodu qasir u li għalhekk hija soġġetta għar-riskju ta’ tnaqqis fir-ritmu tal-progress tekniku, jeħtieġ li nabbandunaw tkabbir ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq il-“bżieżaq spekulattivi” u nerġgħu lura lejn tkabbir ibbażat fuq il-konsum u l-investiment, b'mod partikolari fis-setturi innovattivi tal-ekonomija reali (2), li jippromovi metodi ta’ produzzjoni b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u b'anqas konsum ta’ riżorsi naturali.

4.2.3   Jista' jiġi stabbilit bond Ewropew maħsub biex jiffinanzja l-proġetti Ewropej tal-infrastruttura. Dan ikun għodda essenzjali li tista' tattira flus imfaddla li bħalissa huma disponibbli u li mhumiex użati sabiex tappoġġja l-ekonomija Ewropea. Dan l-isforz għandu jimxi id f'id ma’ approċċ ikkoordinat lejn il-politika industrijali (3) favur il-kompetittività, skont il-linji gwida stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (4). Minn din il-perspettiva, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-istqarrija li l-President tal-Kummissjoni għamel quddiem il-Parlament Ewropew, li fl-14 ta’ Diċembru 2010 indika li ser jinsisti sabiex jiġu ppreżentati pjani maħsuba sabiex jintroduċu bonds. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ bonds ma tistax tkun alternattiva jew sostitut għall-ħolqien tal-eurobonds.

4.2.4   Il-Kumitat jadotta pożizzjoni favur il-ħolqien tal-eurobonds, għax dawn mhux biss jippermettu l-finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura bil-għan li jimmodernizzaw l-Ewropa billi joħolqu l-impjiegi u billi jniedu mill-ġdid it-tkabbir bħalma jistgħu jagħmlu l-bonds, iżda jnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament mill-ġdid tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà, billi jagħtu dimensjoni Ewropea lis-suq tas-self tal-Istat. Wara l-ħolqien tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, il-ħolqien tal-eurobonds ikun jista' jiddikjara lis-suq is-solidarjetà interna tal-Unjoni Ewropea filwaqt li jagħti xhieda tal-impenn politiku tagħha favur l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-irriversibbiltà tal-euro.

4.2.4.1   Ta' min jinnota li din il-prattika, li sseħħ fl-Istati Uniti permezz tat-Teżor u li kienet ġiet approvata fl-2009 mill-Parlament Ewropew u mill-FMI, tippermetti li l-pajjiżi taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà jnaqqsu l-piż tas-servizz tad-dejn tagħhom u jiksbu mill-ġdid ċerta flessibbiltà sabiex jistimolaw it-tkabbir.

4.2.5   L-Istati Membri li għandhom bilanċ pożitiv fil-kontijiet kurrenti u/jew li għandhom dejn pubbliku baxx għandhom jadottaw politika espansjonista biex jistimolaw id-domanda. B'mod ġenerali, dan ma jagħmluhx l-aktar minħabba l-biża' li jiġu penalizzati mill-aġenziji tal002Dklassifikazzjoni tal-kreditu. “Ir-rwol [tagħhom] huwa ċentrali għat-tħaddim tas-sistema finanzjarja u għaldaqstant din ma tistax ma tkunx monitorjata” (5). Minn dan il-lat, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li ma rnexxilux jitwaqqaf “korp Ewropew għall-valutazzjoni tad-dejn sovran” (6).

4.3   Tkabbir u fiskalità

4.3.1   Il-fiskalità, ladarba tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għall-kompetittività, għat-tnaqqis tal-piż li jġorru l-finanzi pubbliċi, eċċ., hija fattur li tippromovi t-tkabbir. Il-Kumitat jiddispjaċih li, fil-qasam tal-konsolidazzjoni baġitarja, il-Kummissjoni tinteressa ruħha b'mod kważi esklużiv fl-infiq u ma tagħtix kas id-dħul. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-każi, approċċ bħal dan ikun għad-detriment ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli soċjalment u jxekkel it-tkabbir billi jnaqqas id-domanda.

4.3.2   “B'konformità mat-Trattati tal-UE, hemm bżonn li jsir sforz għal iktar koordinazzjoni bejn il-politiki fiskali fl-Istati Membri (inklużi bażijiet tat-taxxa armonizzati u rati minimi), b'mod partikolari f'dawk l-oqsma fejn il-bażijiet tat-taxxa huma mobbli fil-livell internazzjonali u r-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri huwa l-ogħla.” Din il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew għandu jkollha b'mod speċjali l-għan li tipproteġi u tkabbar id-dħul fiskali (7).

4.3.3   Kooperazzjoni amministrattiva mtejba hija wkoll parti mis-sisien meħtieġa għal ġlieda effiċjenti kontra l-frodi fiskali. Il-ħolqien tal-Eurofisc, li huwa netwerk deċentralizzat miftuħ għall-Istati Membri kollha bil-għan li jippermetti azzjoni rapida u mmirata lejn il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa l-ewwel pass 'il quddiem (8). Fl-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rabtiet u kooperazzjoni mal-entitajiet l-oħra li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus (9).

4.3.4   Jeħtieġ li l-pressjoni fiskali tiġi trasferita lejn sorsi ġodda ta’ dħul, bħat-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, it-tassazzjoni fuq l-enerġija, it-taxxi fuq l-istabbilimenti finanzjarji, fuq l-emissjonijiet ta’ CO2  (10), permezz tat-tfassil ta’ organizzazzjoni ġdida tas-suq tal-kwoti, eċċ. Dan it-tip ta’ tassazzjoni jista' jġib miegħu benefiċċju doppju: fuq perjodu qasir u medju, iserraħ il-baġits pubbliċi, u fuq perjodu twil, jikkontribwixxi għall-għoti ta’ direzzjoni ġdida lir-riżorsi lejn l-investiment sostenibbli fl-ekonomija reali b'mod ġenerali u fit-teknoloġiji u s-setturi ekoloġiċi b'mod partikolari (11). Jista' wkoll ikun utli biex il-baġit tal-Unjoni Ewropea jiġi attrezzat b'riżorsi proprji (12).

4.4   It-tassazzjoni tas-settur finanzjarju

4.4.1   B'mod konkret, it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju tista' żżid l-istabbiltà u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, billi tnaqqas il-volatilità tagħhom u l-effeti ħżiena ta’ teħid ta’ riskju eċċessiv (13). Għalhekk, tidher ħaġa raġonevoli li jinħolqu taxxi maħsuba għall-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet iġġenerati mill-imġiba ta’ dan is-settur, sakemm jikkontribwixxu sabiex joħolqu kundizzjonijiet aktar ġusti fil-proċess ta’ żvilupp u ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern Ewropew.

4.4.2   Taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

4.4.2.1   Il-KESE approva l-prinċipju ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-Grupp de Larosière (14): “Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ tranżizzjoni minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta’ żmien, b'mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji [TTF]”. “It-tieni objettiv tat-TTF huwa li jkun hemm żjieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors il-ġdid ta’ dħul jista' jintuża wkoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati l-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew biex jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Dan tal-aħħar jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta’ żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku” (15). Barra minn hekk, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha wkoll effetti ta’ lieva li ta’ min jifraħ bihom, peress li ġġib magħha tibdil fl-imġiba tal-atturi tas-suq.

4.4.2.2   F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, f'dikjarazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2010, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ddefenda l-prinċipju ta’ taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji.

4.4.2.3   Fil-kuntest tal-pożizzjonijiet li adotta preċedentement, il-Kumitat iqis li l-UE u l-Istati Membri llum il-ġurnata għandhom bżonn ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji sabiex jiġbru dħul maħsub għat-tiswija tal-iżbilanċi baġitarji, sabiex jiffinanzjaw miżuri ta’ rilanċ biex jistimolaw it-tkabbir u sabiex jiġġieldu kontra l-attivitajiet purament spekulattivi.

4.4.3   Taxxi fuq l-attivitajiet finanzjarji

4.4.3.1   It-taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji (16), fl-usa' forma tagħha (metodu b'addizzjoni), hija maħsuba biex tintaxxa l-benefiċċji u r-rimunerazzjonijiet kollha tal-attività imprenditorjali tal-istabbilimenti finanzjarji, ikunu xi jkunu l-prodotti li jqiegħdu fis-suq.

4.4.3.2   Tista' titqies bħala taxxa fuq il-valur miżjud iġġenerat mill-kumpaniji tas-settur finanzjarju, li tista' tkun ta’ rimedju għall-kontribuzzjoni fiskali, bħalissa aktar baxxa, ta’ dan is-settur, minħabba l-eżenzjoni mill-VAT li jibbenefikaw minnha numru kbir tal-operazzjonijiet tiegħu.

4.4.3.3   Id-dħul iġġenerat fil-livell Ewropew jista' jintuża għall-konsolidazzjoni baġitarja tal-Istati Membri.

4.4.4   Il-Kummissjoni Ewropea, bl-approvazzjoni tal-Kunsill, beħsiebha twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tiddefinixxi l-istruttura potenzjali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din it-tassazzjoni u tivvaluta l-firxa ta’ riformi ġodda tas-settur finanzjarju li huma relatati mas-sistema ta’ garanzija tad-depożiti, l-eżiġenzi l-ġodda fil-qasam ta’ fondi proprji u likwidità, eċċ. Abbażi ta’ dan, jeħtieġ li jinsab bilanċ tajjeb bejn, minn naħa, l-għan tal-ġlieda kontra l-iżbilanċi baġitarji u, min-naħa l-oħra, l-għan li tinżamm il-kapaċità tas-settur bankarju li jsellef u li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Fi kwalunkwe każ, m'għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar din it-tassazzjoni mingħajr ma jkunu magħrufa r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni.

5.   Il-ħolqien tat-tkabbir tal-ġejjieni

5.1   L-Ewropa qed tiffaċċja theddidiet kbar, bħal:

dinja ffinanzjarizzata li ma taqax taħt id-demokrazija politika, parzjalment skonnessa mill-ekonomija reali u li tiffavorixxi l-investimenti fuq perjodu qasir li jirriskjaw li jnaqqsu r-ritmu tal-progress tekniku. L-abbandun tal-investimenti reali għall-benefiċċju tal-investimenti finanzjarji jxekkel ukoll l-iżvilupp tal-impjiegi, tad-dħul, tad-domanda u tal-baġits pubbliċi;

it-tiġrif tal-mudelli soċjali eżistenti flimkien mar-riskji marbuta ma’ ftehim privat bejn l-Istati Uniti u l-pajjiżi emerġenti l-kbar li jeskludi lill-Ewropa u li jqiegħed fid-dubju s-suq tax-xogħol. Sabiex l-isfidi tal-lum jiġu indirizzati, jeħtieġ li jiġu identifikati l-linji politiċi li joħolqu t-tkabbir tal-ġejjieni.

5.2   Sabiex terġa' lura lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-Unjoni adottat l-Istrateġija Ewropa 2020. Fuq il-bażi ta’ koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, din l-istrateġija l-ġdida għandha l-għan li tiġġieled kontra l-ostakli ewlenin għat-tkabbir fil-livell tal-UE, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-suq intern u l-infrastruttura, kif ukoll il-ħtieġa ta’ politika komuni dwar l-enerġija u politika industrijali ġdida ambizzjuża. Il-Kunsill Ewropew saħaq fuq il-fatt li l-politiki komuni kollha, inklużi l-Politika Agrikola Komuni u l-politika ta’ koeżjoni, ser ikollhom jappoġġjaw din l-istrateġija u li din ser ikollha dimensjoni esterna kbira (17).

5.3   Il-KESE ħoloq kumitat ta’ tmexxija li jaħdem f'kollaborazzjoni mill-qrib mas-sezzjonijiet speċjalizzati, is-CCMI, il-KES nazzjonali u l-osservatorji dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, u b'mod partikolari dwar is-seba' inizjattivi ewlenin li għandhom l-għan li jistimolaw il-progress fil-qasam tat-tkabbir u l-impjiegi. F'dan il-kuntest, il-Kumitat se joħroġ opinjonijiet dwar “l-inizjattivi ewlenin” biex jilħaq il-“ħames objettivi” ta’ din l-istrateġija. Hemm bżonn li ssir riflessjoni fil-fond dwar is-setturi, l-atturi u l-azzjonijiet prijoritarji sabiex jiġi ddeterminat kif din l-istrateġija l-ġdida tista' tiġi implimentata.

5.4   Is-setturi prijoritarji. Mil-lat settorjali, mingħajr ma nkunu eżawrjenti, ejjew nelenkaw uħud mill-fatturi li jistimolaw dan it-tkabbir li kultant diġà jeżistu llum il-ġurnata iżda, fil-biċċa l-kbira, li qed jiġu żviluppati għall-ġejjieni minħabba li għandhom valur miżjud qawwi, livell għoli ta’ teknoloġija u potenzjal qawwi ta’ tkabbir. Naturalment, il-kontenut tagħhom jirrigwarda kemm l-industrija kif ukoll is-servizzi:

l-enerġija mingħajr karbonju, it-trasport u l-bini ekoloġiku, eċċ., li joħolqu “impjiegi ekoloġiċi” (18);

“l-ekonomija tal-anzjani”: il-bijoinġenerija għas-servizz tas-saħħa, ix-xjenzi tal-ħajja (19), eċċ.;

il-bijoteknoloġija (20);

is-soċjetà diġitali, in-nanoteknoloġiji (21), ir-robotika, eċċ.;

l-agronomija u s-settur idrawliku bħala tweġiba għal-limitazzjoni tal-art tajba għall-ħrit, kif ukoll tibdil fil-proċessi ta’ produzzjoni sabiex dawn isiru aktar ekonomiċi fil-materja prima, l-ipproċessar tal-elementi metalliċi rari (rare earths), eċċ.;

riċerka f'kull settur industrijali dwar proċessi u metodi ta’ żvilupp b'anqas karbonju b'mod li joħloq kunċett ġdid ta’ x'inhi politika industrijali;

eċċ.

5.4.1   L-edukazzjoni wkoll għandha tkun settur prijoritarju li jappoġġja s-setturi l-oħrajn kollha. Hija wieħed mill-elementi indispensabbli għat-tkabbir għax tippromovi l-ħolqien ta’ kapital uman li huwa essenzjali għall-iżvilupp tiegħu. Minn dan il-lat, jeħtieġ li noqogħdu attenti li l-kwalifiki jkunu adegwati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.

5.5   Azzjonijiet prijoritarji għas-servizz tat-tkabbir

5.5.1   It-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew għandu jkun prijorità tal-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jqis li hekk biss ser ikun jista' jinkiseb progress sinifikanti – fir-rigward ta’ tkabbir ekonomiku b'saħħtu, sostnut u aktar ġust – fl-iżvilupp tal-Istati Membri.

5.5.2   Għall-implimentazzjoni ta’ politika industrijali effiċjenti

5.5.2.1   Is-sens tal-espressjoni “politika industrijali” inbidel ħafna matul is-snin. Għalhekk, huwa importanti li jiġu identifikati l-prinċipji li jagħmluha possibbli li dan it-terminu jiġi definit b'mod rigoruż u f'perspettiva adatta skont iż-żmien.

L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġu speċifikati s-setturi li għandhom jingħataw l-aktar attenzjoni (22). Imbagħad, id-dispożizzjonijiet ta’ azzjoni għandhom, ovvjament, ikunu diversifikati ħafna. F'ċerti każi, bħall-enerġija, ser ikun hemm bżonn proġetti Ewropej kbar. F'każi oħra, ser ikun hemm bżonn finanzjament ta’ kapital. Jew inkella, fil-każ ta’ start-ups u intrapriżi li qed jikbru, dawn ser jeħtieġu l-appoġġ sabiex jiżviluppaw teknoloġiji ġodda. Ikun xi jkun il-każ, din il-politika industrijali trid titfassal kemm bl-objettiv tas-suq intern u kemm b'dak tal-esportazzjoni.

Fl-aħħar, ir-restrizzjoni ewlenija hija li jinsabu mezzi sabiex jiġu ffinanzjati din il-politika industrijali u t-tkabbir fuq perjodu twil li tista' ġġib magħha fi żmien ta’ aġġustament baġitarju. Wieħed mill-metodi jkun jikkonsisti f'li t-tfaddil Ewropew jingħata direzzjoni massiva lejn investimenti produttivi fuq perjodu twil (23) li jkunu vijabbli mil-lat ekonomiku u soċjali, jiġifieri li għandhom potenzjal qawwi ta’ ħolqien ta’ impjiegi. Id-diffikultà tista' tkun li teżisti averżjoni qawwija għar-riskju. Din tista' tingħeleb permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi għall-qsim tar-riskju bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri privati, b'tali mod li l-awtoritajiet pubbliċi jerfgħu l-biċċa l-kbira tar-riskju fuq perjodu twil bħalma jagħmel riassiguratur. Metodu ieħor jista' jkun li jinħoloq bond Ewropew kbir (24).

5.5.2.2   Madankollu, biex tiġi żviluppata sistema ta’ produzzjoni bbilanċjata u b'saħħitha, jeħtieġ naturalment li jintużaw żewġ politiki ewlenin: il-politika fiskali u l-politika tal-impjieg. Il-politika fiskali hija ttrattata fil-punt 4.3.1; rigward il-politika tal-impjieg, l-isfida ewlenija ser tkun li jiġi attivat il-potenzjal ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u b'hekk ukoll li jiġu integrati fuq skala kbira ħafna ż-żgħażagħ u l-anzjani. Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li tiġi proposta offerta kbira ta’ servizzi ta’ kwalità għolja għall-kura tat-tfal bħala għajnuna għall-ġenituri fl-attività professjonali tagħhom (25).

5.5.3   Għal “Small Business Act” Ewropew

5.5.3.1   Din il-proposta tressqet kemm-il darba iżda qatt ma twettqet perfettament; safrattant, hija neċessarja. Is-“Small Business Act” (SBA) Amerikan, pereżempju, huwa għodda effiċjenti ħafna, għax permezz tiegħu jiġu ffinanzjati kemm l-innovazzjoni kif ukoll l-investiment tradizzjonali, u l-SMEs jistgħu jingħataw garanzija għal parti mis-swieq pubbliċi. Il-kwistjoni tikkonċerna kemm l-istart-ups kif ukoll l-intrapriżi b'ritmu mgħaġġel ta’ tkabbir. L-SBA Ewropew (SBAE), bħal dak Amerikan, għandu jimplimenta firxa ta’ strumenti li jikkonċernaw kemm is-swieq pubbliċi kif ukoll il-finanzjament. Għalhekk, il-KESE jipproponi SBAE ambizzjuż (26).

5.5.4   Għal politika tal-edukazzjoni u tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

5.5.4.1   Dan is-suġġett ġie ttrattat f'bosta opinjonijiet imfassla mill-Kumitat (27). Dan minn dejjem indika sostanzjalment li r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni huma attivitajiet ewlenin li ser jiddeterminaw il-post li, għada pitgħada, se tokkupa l-Ewropa fid-dinja skont il-prijorità u l-mezzi li l-Ewropa ser talloka għal dawn l-oqsma.

5.5.4.2   F'dan il-perjodu kkaratterizzat mir-restrizzjonijiet baġitarji, l-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jinvestu fl-edukazzjoni u fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Dawn l-investimenti mhux biss m'għandhomx ikunu soġġetti għat-tnaqqis baġitarju, iżda saħansitra għandhom jissaħħu (28). Jekk dan ma jsirx, l-UE ser tiddgħajjef b'mod inevitabli u dan ifisser telf ta’ impjiegi u deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha.

5.5.4.3   L-Unjoni għandha taħdem sabiex tiżgura li l-leġislazzjoni fiskali tkun aktar adattata għall-objettiv li jinħolqu miżuri ta’ inċentiv għall-industrija sabiex din tinvesti aktar fir-riċerka u l-iżvilupp (29). Dan l-adattament għandu jagħmilha possibbli b'mod partikolari li l-iżvilupp tal-SMEs li l-aktar jiffukaw fuq ir-R&Ż jiġi appoġġjat matul l-ewwel snin tal-attività tagħhom. Meta wieħed iqis ir-rwol strateġiku li jaqdu l-SMEs fl-ekonomija Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru juża l-aħjar taħlita ta’ inċentivi fiskali possibbli sabiex jiffaċilita s-sopravvivenza u t-tkabbir tal-SMEs fi ħdan l-ekonomija tiegħu (30). Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li l-proġetti komuni bejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-SMEs jiġu promossi u msaħħa, taħt il-patroċinju pereżempju tal-aġenziji pubbliċi tar-riċerka (nazzjonali jew Ewropej), sabiex il-kooperazzjoni bejn dawn l-atturi tiġi appoġġjata.

5.5.4.4   Sabiex ir-R&Ż ikunu effettivi, ir-riċerkaturi u l-innovaturi għandhom ikunu f'pożizzjoni li jaħdmu u jikkooperaw madwar l-UE kollha faċilment bħalma jagħmlu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali. Għal dan il-għan, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (31), li għandha titwettaq minn hawn u erba' snin oħra, ser ikollha tintroduċi l-istrutturi meħtieġa għal moviment tassew liberu tat-tagħrif, li tassew jirrappreżenta l-valur miżjud li l-Unjoni ġġib magħha għas-setturi nazzjonali tar-riċerka.

5.5.4.5   Barra minn hekk, għandhom jiġu eliminati għadd ta’ ostakli: l-aċċess għall-finanzjament għandu jittejjeb, b'mod speċjali għall-SMEs, l-ispejjeż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu raġonevoli, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet aktar ambizzjużi u għandu jiġi adottat approċċ strateġiku lejn l-użu tal-baġits kbar allokati għall-kuntratti pubbliċi. Bħalissa, hemm bżonn urġenti għall-aħħar li jintlaħaq ftehim dwar il-privattiva Ewropea. L-introduzzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar dan is-suġġett tista' tkun soluzzjoni provviżorja possibbli.

5.5.4.6   L-Istrateġija ta’ Lisbona kienet tipprevedi li l-UE kellha talloka 3 % tal-PDG għar-R&Ż, li minnhom żewġ terzi kellhom jiġu mis-settur privat. Għadna 'l bogħod f'dan ir-rigward. Sadattant, huwa assolutament importanti li jintlaħaq dan il-għan, li permezz tiegħu, minn hawn u l-2020, ikunu jistgħu jinħolqu 3,7 miljun impjieg u minn hawn u l-2027 il-PDG annwali jkun jista' jiżdied b'madwar EUR 800 biljun (32). Aktar minn qatt qabel, it-twettiq ta’ dan il-għan għandu jibqa' l-prijorità tal-Unjoni.

5.5.4.7   Fl-aħħar nett, il-ħolqien ta’ ċentri ta’ kompetittività kien inizjattiva pożittiva ħafna f'għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Sabiex jingħataw aktar importanza, aktar mezzi u aktar missjonijiet, il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew aktarx huwa l-aħjar mod kif tista' tittejjeb ir-relazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, kemm-il darba l-atturi kollha jkunu involuti fit-tmexxija tagħhom.

6.   Is-soċjetà ċivili

6.1   Ta' min jenfasizza li, minħabba l-ħafna konsegwenzi li l-aġġustamenti baġitarji u t-tfittxija ta’ metodi biex jintlaħaq it-tkabbir għandhom fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin, id-djalogu soċjali u d-djalogu ċivili għandhom ikunu eżemplari kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-Unjoni Ewropea.

6.2   Is-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-KES nazzjonali jew l-organizzazzjonijiet li jaqdu l-funzjoni ta’ KES nazzjonali, għandha tiġi kkonsultata qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Għandu jkun hemm livell għoli ta’ sħubija soċjali, għax ma jistgħux isiru għażliet vijabbli u ta’ suċċess fuq perjodu medju jew twil f'dan il-qasam hekk sensittiv jekk iċ-ċittadini ma jaċċettawx ir-riformi.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali”, ĠU C 255, 22.09.2010, p. 10, u l-opinjoni tal-KESE dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi”, ĠU C 48, 15.02.2011, p. 57.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.

(3)  Ara l-punt 5.5.1.

(4)  Ara l-ittra mill-President tal-KESE lill-President tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117, punt 1.1.

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Aġenziji li jiggradaw il-kreditu”, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37, punt 1.4.

(7)  Ara n-nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.

(8)  Regolament Nru 904/2010 tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (riformulazzjoni), ĠU L 268, 12.10.2010, p.1.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (riformulazzjoni)”, ĠU L 347, 18.12.2010, p.74, punt 1.10.

(10)  Ara n-nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.

(11)  Ara n-nota nru 4 f'qiegħ il-paġna.

(12)  “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE”, COM(2010) 700 finali, 19.10.2010.

(13)  Ara COM(2010) 549 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tassazzjoni tas-settur finanzjarju.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Rapport tal-Grupp de Larosière”, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, CESE 969/2010, Sinteżi u konklużjonijiet, punt 1.10.

(16)  Din il-proposta ġejja mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

(17)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2010 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010.

(18)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, ĠU C 44, 11.02.2011, p. 110.

(19)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija – Strateġija għall-Ewropa. Rapport ta’ progress u linji gwida għall-ġejjieni”, ĠU C 234, 30.09.2003, p. 13 (mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Lejn viżjoni strateġika tax-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija: dokument ta’ konsultazzjoni”, ĠU C 94, 18.04.2002, p. 23 (mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Nanoxjenzi u nanoteknoloġiji: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa 2005-2009”, ĠU C 185, 8.08.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Ara l-punt 5.4.

(23)  Ara l-punt 4.2.3.

(24)  Ara n-nota nru 19 f'qiegħ il-paġna.

(25)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26, punt 4.2.

(26)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir: Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa”, ĠU C 182, 4.08.2009, p. 30.

(27)  B'mod partikolari, dawk li jikkonċernaw is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-aktar l-opinjoni dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)”, ĠU C 65, 17.3.2006, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti).

(28)  “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”, COM(2010) 546 finali, 6.10.2010.

(29)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Lejn użu iktar effettiv tal-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp”, ĠU C 10, 15.01.2008, p.13.

(30)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Nilliberaw u nsaħħu l-potenzjal tal-Ewropa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni”, ĠU C 325, 30.12.2006, punt 3.5 (mhux disponibbli bil-Malti).

(31)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka: professjoni waħda, ħafna karrieri”, ĠU C 110, 30.04.2004, p.3, (mhux disponibbli bil-Malti) u l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda”, ĠU C 44, 16.02.2008, p.1.

(32)  Ara P. Zagamé (2010): Les coûts d'une Europe non innovante (L-ispejjeż ta’ Ewropa mhux innovativa).


Top