Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0992

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni” COM(2010) 642 finali

    ĠU C 248, 25.8.2011, p. 68–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 248/68


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”

    COM(2010) 642 finali

    2011/C 248/12

    Relatur: is-Sur CEDRONE

    Nhar id-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni

    COM(2010) 642 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

    Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'133 vot favur, 7 voti kontra u 14-il astensjoni.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1   Fil-qosor, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-punti prinċipali għall-politika ta’ koezjoni stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea:

    iż-żieda fil-valur miżjud Ewropew;

    it-tisħiħ tal-governanza;

    ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ġestjoni;

    it-titjib tal-organizzazzjoni.

    1.2   Skont il-KESE, dawn l-għanijiet jistgħu jitwettqu jekk fl-istess ħin:

    jissaħħaħ l-ipprogrammar strateġiku billi tingħata għajnuna lill-Istati Membri biex jikkompletaw ir-riformi istituzzjonali sabiex tingħata l-funzjonalità lill-amministrazzjonijiet;

    ir-riżorsi tal-UE jiġu kkonċentrati fuq għadd żgħir ta’ għanijiet ta’ prijorità;

    jiżdiedu l-mobilizzazzjoni ekonomika u soċjali u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjoekonomiċi fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni;

    jiġu introdotti riformi fil-prinċipji tal-addizzjonalità u tal-kofinanzjament;

    il-valutazzjoni tal-impatt issir obbligatorja.

    1.3   Fil-fatt, m'għandniex ninsew li l-politika ta’ koeżjoni, flimkien mal-iżvilupp u t-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni, għandha tikkontribwixxi b'mod attiv għat-titjib tas-servizzi u tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini.

    1.4   Dan jiġi ffaċilitat jekk, b'mod ġenerali, jittejbu n-nisġa ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-intrapriżi, il-produttività tagħhom u l-kompetittività, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi artiġjanali. Għaldaqstant, għandhom jiġu involuti direttament l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-intrapriżi b'dimensjoni territorjali jew, b'mod partikolari, dawk li jagħmlu parti minn setturi li huma meqjusa bħala ta’ prijorità mill-UE, flimkien mat-trejdjunjins u s-soċjetà ċivili

    1.5   Approċċ interessanti li għandu jitħeġġeġ, fid-dawl tal-koeżjoni territorjali, minbarra dik infraterritorjali, infrareġjonali u infrasettorjali, jista' jkun dak li tiġi żviluppata (b'konformità mal-għan 3) l-kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali, u jingħataw aktar riżorsi lill-koeżjoni territorjali fir-reġjuni u l-istrateġija makroreġjonali tal-Ewroreġjuni (il-Baħar Baltiku, il-Mediterran, il-Baħar Adrijatiku, l-Alpi Adrija-Danubju, u l-hekk imsejħa Atlantic Arc (ir-rotta tal-Atlantiku)).

    1.6   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jsir l-akbar sforz possibbli, min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prattiki tajba u l-għoti ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet lokali għall-ġestjoni tal-programmi, anke permezz ta’ proċessi ta’ riforma interna kif ukoll tas-setturi kkonċernati.

    1.7   Fil-fatt, huwa biss permezz ta’ livell akbar ta’ għarfien dwar ir-riżultati tal-investimenti, li llum il-ġurnata mhuwiex suffiċjenti, u permezz tat-tfassil ta’ studji speċifiċi dwar l-impatt, li se jkun possibbli li jiġu identifikati l-prijoritajiet fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-konċentrazzjoni tematika.

    1.8   Il-KESE jaqbel ukoll mal-għażla li titqies id-distribuzzjoni tas-setturi b'rata għolja ta’ tkabbir fir-reġjuni Ewropej kollha, maqsuma bejn ir-reġjuni tal-objettiv ta’ konverġenza, ir-reġjuni fi tranżizzjoni u r-reġjuni tal-objettiv ta’ kompetittività u impjieg. Madankollu, għad trid tinstab soluzzjoni għall-problema tad-distribuzzjoni tar-riżorsi bejn ir-reġjuni foqra (80 % tal-fondi) u l-oħrajn (l-20 % li jkun fadal), anke jekk din l-għażla tgħin biex issolvi l-problema tal-kofinanzjament.

    1.9   Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li huwa fundamentali li jkun hemm koordinazzjoni tal-proposti u tal-politiki kollha msemmija mill-Kummissjoni, jiġifieri bejn l-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni, il-PAK, il-politika tal-enerġija, it-trasport, l-ambjent, ir-riċerka, eċċ. B'mod partikolari, bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FSE u dawk tal-FEŻR, anke minħabba l-fatt li l-FSE għandu jiffavorixxi lill-istrateġija Ewropea għall-impjieg, lit-twaqqif tal-Aġenda Soċjali, lit-taħriġ ta’ kwalità tajba, lill-inizjattivi għaż-żgħażagħ u lit-taħriġ Ewropew għall-operaturi tal-politika ta’ koeżjoni.

    2.   Proposti

    2.1   Proposti politiċi

    2.1.1   L-Istrateġija Ewropa 2020: il-KESE huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni ma għandhiex taqdi biss l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; anzi, sabiex din tkun kredibbli għandha ssib tipi ta’ finanzjament awtonomu permezz tal-ħruġ ta’ Eurobonds.

    2.1.2   Il-politika ta’ koeżjoni għandha żżomm l-għanijiet bażiċi tagħha bħas-solidarjetà fost il-popli, it-territorji u l-iżvilupp.

    2.1.3   Summit Ewropew: il-politika ta’ koeżjoni u l-fondi kollha ddedikati għaliha għandhom jiġu diskussi u analizzati fuq bażi annwali fil-kuntest ta’ Summit Ewropew speċifiku. Dan għandu jsir kemm għall-importanza strateġika li għandha l-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll għall-konnessjonijiet li għandha mal-politika makroekonomika, fil-kuntest ta’ “governanza” ekonomika u soċjali Ewropea.

    2.1.4   Il-Patt ta’ Stabbiltà u s-sanzjonijiet: fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li ssir aktar enfasi fuq l-inċentivi milli fuq is-sanzjonijiet sabiex ir-reġjuni l-aktar midjuna u, għalhekk, l-aktar fir-riskju, ma jiġux penalizzati aktar. Anzi, huwa ttamat li fil-kuntest tar-riformi fis-seħħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jiġi eskluż minn dan il-patt l-infiq relatat mar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li mhumiex meqjusa bħala spejjeż kurrenti. Dan għandu jsir bil-għan li l-ifqar reġjuni, li l-iżjed li għandhom bżonn l-għajnuna Komunitarja, ma jiġux penalizzati.

    2.1.5   In-numru ta’ prijoritajiet li jiġu stabbiliti għandu jkun limitat, filwaqt li jiġi kkunsidrat dak kollu li ġie previst mill-għanijiet tal-fondi differenti u mill-Istrateġija Ewropa 2020. B'mod partikolari, dawn il-prijoritajiet għandhom jirreferu għall-politiki li l-għan tagħhom huwa li jitwettaq is-suq uniku, li għalih għandha tikkontribwixxi l-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet għandhom jiġu deċiżi minn Summit Ewropew, preċedut minn kooperazzjoni bejn il-partijiet pubbliċi u l-imsieħba soċjoekonomiċi fil-livelli kollha.

    2.1.6   Is-sħubija soċjoekonomika, bit-tixrid tal-prattiki tajba, b'mod parallel u/jew mal-ftehimiet bejn il-partijiet pubbliċi, għandha ssir proċedura ordinarja u obbligatorja, li takkumpanja l-proċessi kollha ta’ definizzjoni, implimentazzjoni u valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Għaldaqstant, għandha tintrabat b'mod dirett mal-kundizzjonalità. Il-KESE jixtieq li l-prinċipju tal-Artikolu 11 tar-regolament ġenerali, li jiddefinixxi r-regoli tas-sħubija, jiġi estiż għall-Fondi Strutturali kollha.

    2.2   Proposti tekniċi u operattivi

    2.2.1   Ir-regoli tal-kofinanzjament għandhom ivarjaw fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ta’ żvilupp u tad-disponibbiltajiet ekonomiċi u soċjali taż-żoni u tal-oqsma kkonċernati mill-politika ta’ koeżjoni, b'mod partikolari fuq il-bażi tad-dħul, li l-kriterji ta’ kalkolu tagħhom għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod adegwat (1), u tal-baġit tar-reġjuni.

    2.2.2   Il-kundizzjonalità ex ante għandha tiġi mmirata lejn it-titjib tal-kwalità tal-infiq, marbuta mat-twettiq tal-għanijiet, biex l-amministrazzjonijiet ikkonċernati jkunu aktar effettivi u biex il-fondi jintużaw bl-aqwa mod possibbli, waqt li jiġi evitat li tippenalizza, pereżempju, ir-reġjuni l-aktar midjuna.

    2.2.2.1   L-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġuti jwettqu r-riformi istituzzjonali meħtieġa biex jiżguraw l-adegwament strutturali, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, bil-għan li titnaqqas l-esklużjoni soċjali. Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li huwa kruċjali li din il-politika tiġi implimentata bil-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjoekonomiċi fil-livelli kollha, bħala kundizzjoni għall-għoti tal-fondi.

    2.2.3   L-indikaturi tradizzjonali għall-għażla tal-oqsma ta’ intervent għandhom ikunu integrati ma’ parametri oħra, fosthom pereżempju, ir-rata tal-impjieg, tal-faqar, tal-attendenza fl-iskola, il-livell ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ professjonali, tas-servizzi u ta’ sostenibbiltà ambjentali.

    2.2.4   Il-valutazzjoni ta’ impatt għandha ssir element ċentrali tal-politika ta’ koeżjoni, mhux biss bħala kundizzjonalità ex ante, biex tiġi verifikata l-effettività u l-livell tal-għanijiet milħuqa. Din għandha ssir permezz ta’ parametri komuni stabbiliti fil-livell Komunitarju, u li saru obbligatorji fit-territorju Ewropew kollu.

    2.2.4.1   L-analiżi bbażata fuq ir-riżultati: filwaqt li huwa minnu li din tqajjem interess ikbar minn analiżi bbażata fuq il-kontroll tal-ġestjoni finanzjarja, l-implimentazzjoni prattika tagħha titlob tħejjija twila u kriterji preċiżi. Ir-riżultati ta’ azzjoni meħuda, speċjalment jekk hija ta’ natura “intanġibbli” bħat-taħriġ u l-investiment fl-iżvilupp, jistgħu jitkejlu biss wara perjodu ta’ żmien. Biex ikunu jistgħu jagħmlu analiżi bbażata fuq ir-riżultati, jeħtieġ li l-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet amministrattivi jingħataw taħriġ minn qabel, u l-KESE jipproponi li din il-formula tiġi ttestjata matul il-perjodu 2011-2013 f'ċerti reġjuni magħżula għall-kwalità tal-governanza eżistenti fuq il-bażi tas-sħubija.

    2.2.5   Is-semplifikazzjoni għandha ssir l-għan prinċipali tal-politika ta’ koeżjoni. Tista' tiġi indirizzata permezz ta’ tnaqqis tal-proċeduri amministrattivi u tal-kontabilità, titjib u tisħiħ tal-kriterji ta’ monitoraġġ u valutazzjoni u tnaqqis tal-proċeduri li jakkumpanjaw il-preżentazzjoni tal-pjani u/jew tal-proġetti. Ir-reviżjoni tal-proċeduri tal-kontabilità tista' titwettaq bejn il-partijiet kollha interessati flimkien mal-Qorti tal-Awdituri.

    2.2.5.1   B'mod partikolari, huwa importanti li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “darba waħda biss” (one stop shop) kemm fil-fażi tal-preżentazzjoni tal-proġetti, billi jingħaqdu flimkien il-formoli differenti tal-fondi u bejniethom, kif ukoll fil-fażi tal-ivverifikar, billi jiġu armonizzati r-regoli finanzjarji u r-regoli tal-programmi differenti, u billi jitwettaq kontroll ta’ tip wieħed li jgħodd għall-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha.

    2.2.5.2   Is-sinerġija bejn il-programmi differenti: għall-finijiet ta’ ċarezza, sempliċità u effikaċja, jeħtieġ li tinstab l-aħjar komplementarjetà possibbli bejn il-programmi kollha li jikkonċernaw l-istess atturi fl-istess territorju, kemm bejn il-programmi Ewropej, nazzjonali u territorjali, kif ukoll bejn il-finanzjamenti differenti tal-UE. In-nuqqas ta’ sinerġija huwa wieħed mir-raġunijiet għala l-fondi strutturali u l-programmi tal-UE inġenerali ma jintużawx biżżejjed jew ikollhom impatt dgħajjef.

    2.3   Taħriġ: dan hu strument fundamentali ieħor meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-koeżjoni, inkluż dak tal-aħjar użu tal-fondi.

    3.   Introduzzjoni

    3.1   Il-prinċipji tal-koeżjoni u tas-solidarjetà huma żewġ pilastri fundamentali tat-Trattat, li fl-Artikolu 174 jistabbilixxi li: “Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha”.

    3.2   Barra minn hekk, hemm punt ieħor ta’ importanza partikolari fid-dawl tal-aħħar żewġ tkabbiriet: “B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti”.

    3.3   Dawn iż-żewġ prinċipji, li jirrappreżentaw il-bażi tal-integrazzjoni tal-popli u tat-territorji Ewropej, m'għandhom jintesew qatt, l-iktar minn min jaġixxi f'isem l-UE.

    3.4   Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ proposta għall-baġit Ewropew il-ġdid għal wara l-2013, (diġà ġiet ippubblikata Komunikazzjoni speċifika fid-19 ta’ Ottubru 2010), iżda t-talba tal-Kunsill (Diċembru 2010) min-naħa ta’ xi gvernijiet biex ma jiżdidx il-baġit tal-UE ma tantx jidher li ħolqot prospetti tajbin, anke jekk se tiġi akkumpanjata minn proposta leġislattiva dwar il-fondi strutturali.

    3.5   Il-Ħames Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta’ Koeżjoni, u l-konklużjonijiet tiegħu, imħejji b'lingwaġġ ġdid, għandu jitqies f'dan il-kuntest, b'rabta mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020.

    4.   Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: sommarju

    4.1   Fil-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport, il-Kummissjoni Ewropea tuża approċċ pjuttost differenti minn tas-soltu biex tittratta diversi suġġetti u tipprova tagħti risposti u indikazzjonijiet, filwaqt li tistenna li tiġi konkluża l-konsultazzjoni li nediet, billi għamlet 13-il mistoqsija dwar ir-rapport tagħha.

    4.2   Dawn huma s-suġġetti prinċipali indirizzati:

    4.2.1   It-tkabbir tal-valur miżjud Ewropew tal-politika ta’ koeżjoni

    4.2.1.1   Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan l-għan għandu jintlaħaq permezz ta':

    il-konsolidazzjoni tal-programmazzjoni strateġika;

    konċentrazzjoni tematika akbar fir-rigward tar-riżorsi;

    iż-żieda tal-prestazzjoni permezz ta’ grupp ta’ kundizzjonijiet u inċentivi, inklużi l-kofinanzjament u l-patt ta’ stabbiltà;

    it-titjib tal-valutazzjoni, tal-effetti u tar-riżultati;

    l-użu ta’ strumenti finanzjarji ġodda.

    (ara l-ewwel 5 mistoqsijiet tal-Kummissjoni)

    4.2.2   It-tisħiħ tal-governanza tal-politika ta’ koeżjoni (il-governanza)

    4.2.2.1   Dan l-għan għandu jintlaħaq permezz ta':

    l-introduzzjoni tat-tielet dimensjoni: il-koeżjoni territorjali;

    il-konsolidazzjoni tas-sħubija (pubblika u privata).

    (ara l-mistoqsijiet 6 u 7)

    4.2.3   Ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ġestjoni

    4.2.4   Dan jista' jsir pemezz ta':

    ġestjoni finanzjarja;

    tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;

    dixxiplina finanzjarja;

    kontroll finanzjarju.

    (ara l-mistoqsijiet 8, 9, 10 u 11)

    4.2.5   L-organizzazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni

    (ara l-mistoqsijiet 12 u 13)

    4.3   Il-passi li jmiss

    4.3.1   Il-Kummissjoni tista', fuq il-bażi tat-tweġibiet tal-kwestjonarju, tirfina l-proposti li ressqet fil-Ħames Rapport.

    5.   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: osservazzjonijiet ġenerali  (2)

    5.1   Bil-għan li jiżdied il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni, il-Ħames Rapport tal-Kummissjoni jipproponi sensiela ta’ riformi ambizzjużi ħafna mmirati lejn it-titjib tal-livell tal-effiċjenza tal-kapaċità tal-infiq tal-Istati Membri u lejn is-semplifikazzjoni tal-ġestjoni tagħha. Il-KESE jaqbel mal-pożizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni għażlet li tieħu fir-rigward tal-proposti ta’ riforma.

    5.2   Huwa sforz li għandu jiġi aċċettat u żviluppat iżjed, iżda hemm il-periklu li ma jkunx suffiċjenti jekk xi proposti ppreżentati b'mod timidu ma jinbidlux f'deċiżjonijiet u azzjonijiet konkreti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-rabta stretta, u kważi unika, bejn il-fondi strutturali u l-Istrateġija Ewropa 2020.

    5.3   Fil-fatt, minkejja l-isforz, l-analiżi tas-sitwazzjoni mhijiex realistika, anke jekk hija koperta minn konsultazzjoni (pjuttost ġenerika), li tagħti importanza sekondarja lill-kwistjonijiet ewlenin.

    5.4   Pereżempju, li l-“missjoni” ta’ xprun prinċipali tat-tkabbir tiġi assenjata biss lill-politika ta’ koeżjoni jidher li hu proġett tassew ambizzjuż u aċċettabbli, bil-kundizzjoni li jkun hemm bidla radikali fil-politika ta’ koeżjoni u politika ta’ segwitu dewwiema li tħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħha. Dan flimkien mal-ħtieġa li l-Unjoni jkollha politika ekonomika komuni.

    5.4.1   Jekk dan ma jkunx il-każ, hemm il-periklu li l-proposta tkun illużorja, jew tal-inqas restrittiva. Għaldaqstant, biex tiffavorixxi dan l-għan u biex il-prinċipju tal-koeżjoni ma jitwarrabx, l-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha l-fondi tagħha stess, anke permezz ta’ self Ewropew, u għandha timxi fuq l-istess prinċipju. Barra minn hekk, għandhom jiġu involuti b'mod ugwali l-politiki l-oħra kollha tal-UE, inkluża l-PAK. Hekk biss jista' jiġi evitat li l-fondi strutturali jitilfu l-“vokazzjoni” oriġinali tagħhom, billi jsiru wieħed mill-istrumenti tal-iżvilupp territorjali. Il-KESE jiddispjaċih li fil-Ħames Rapport ma ġietx indirizzata l-politika rurali, u jiddispaċih ukoll li fil-PAK ma ġietx indirizzata l-politika ta’ koeżjoni.

    5.5   Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tosserva tajjeb li l-valur miżjud tal-politiki ta’ koeżjoni kemm-il darba ġie diskuss bejn l-akkademiċi, li l-analiżi empiriċi tagħhom ta’ spiss juru li l-impatt ta’ dawn il-politiki jitkejjel diffiċilment. Waħda mir-raġunijiet għal dan tista' tkun dovuta għall-fatt li l-indikaturi tal-koeżjoni territorjali mhux dejjem jintgħażlu b'mod adegwat. Fil-fehma tal-Kumitat, dawn il-kwistjonijiet għandhom jingħataw iżjed attenzjoni minn dik li ngħatat s'issa.

    6.   Kummenti speċifiċi (dwar l-4 għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni)

    6.1   F'dak li jirrigwarda l-għan tat-tisħiħ tal-ipprogrammar strateġiku li għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ qafas strateġiku, il-proposta ġdida tal-Kummissjoni tikkonsisti prinċipalment fl-għoti ta’ koerenza u fil-ħolqien ta’ rabta aktar funzjonali bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-interventi definiti fil-livell nazzjonali permezz tal-programmi operattivi.

    6.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din l-innovazzjoni, iżda huwa tal-fehma li l-problema ewlenija li għandha tiġi solvuta tirrigwarda r-rabta bejn il-pjani annwali, imħejjija mill-Istati Membri u miftiehma mal-UE għall-istabbilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi (pjani nazzjonali ta’ riforma) u l-politika ta’ koeżjoni. Dan is-suġġett huwa wieħed attwali ħafna, minħabba d-diversità tal-liġijiet amministrattivi fis-seħħ bħalissa fil-pajjiżi tal-UE u l-livelli differenti ta’ dejn pubbliku.

    6.3   Barra minn hekk, għad trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-politika ta’ koeżjoni għandhiex tibqa' fundamentalment politika indipendenti fl-għażla tal-prijoritajiet u tal-interventi li għandhom jitwettqu, jew jekk għandhiex iżżomm forma ta’ kundizzjonalità fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-politika ekonomika li jittieħdu fil-livell nazzjonali għat-trażżin tad-dejn pubbliku. Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE (il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-Kunsill) u l-istituzzjonijiet nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni kbira lil din il-problema, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet biex tinżamm il-koerenza bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-governanza ġdida tal-politika ta’ koeżjoni, li però ma tistax tingħata inqas importanza milli tingħata lill-ewwel waħda.

    6.4   It-tieni aspett importanti li jirrigwarda l-ipprogrammar strateġiku huwa relatat mal-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ kundizzjonalità ex ante mmirata biex tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom isegwu u japplikaw il-pajjiżi membri biex itejbu l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni. Fid-dawl tal-kritiki li saru minn bosta pajjiżi, huwa evidenti li l-Kummissjoni għamlet sforz immirat lejn l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jiżguraw effettività akbar lill-investimenti. Madankollu, huwa meħtieġ li l-proċeduri ma jitgħabbewx b'piż żejjed u li r-reġjuni ma jiġux “ikkastigati” fejn ma jkunux ħatja (defiċits tal-Istati nazzjonali).

    6.5   Il-KESE jikkunsidra b'mod pożittiv il-kundizzjonijiet minimi għall-aċċess għall-fondi u għall-iżgurar tal-governanza tar-riżorsi, ippreżentati mill-Kummissjoni, anke bl-għoti ta’ inċentivi lill-Istati Membri biex dawn iwettqu r-riformi meħtieġa. Barra minn hekk, il-KESE jsostni li l-isforz prinċipali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għandu jsir fuq kollox fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ proċessi ta’ riforma interni li għandhom x'jaqsmu mal-istituzzjonijiet u mas-setturi li huma l-aktar ikkonċernati mill-politika ta’ koeżjoni (l-ambjent, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali, l-innovazzjoni).

    6.6   L-użu ta’ sanzjonijiet jew miżuri simili mill-Kummissjoni kontra Stat Membru, li jwassal għas-sospensjoni jew ħlas lura tal-fondi tal-UE, għandu jiġi kkunsidrat biss fl-aktar każijiet rilevanti ta’ ksur u/jew nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji u r-regolamenti tal-politika ta’ koeżjoni.

    6.7   Aspett pożittiv ieħor jirrigwarda l-proposta, li jaqblu magħha l-Kummissjoni u l-Istati Membri, li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni jiġu diretti lejn numru limitat ta’ prijoritajiet (ara wkoll l-opinjoni ECO/230) peress li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni mhumiex biżżejjed biex jiffinanzjaw il-bosta ħtiġijiet tar-reġjuni li għadhom lura. Fil-fatt, il-KESE jsostni li l-politika ta’ koeżjoni tista' tkun aktar effettiva jekk tiġi mmirata lejn l-appoġġjar ta’ inizjattivi tanġibbli u mhux tanġibbli li għandhom impatt ekonomiku, soċjali u territorjali kbir.

    6.8   Madankollu, it-tfassil tal-prijoritajiet u t-trażżin tal-inizjattivi li għandhom jiġu ffinanzjati huma waħda mill-problemi li mhumiex faċli biex jiġu solvuti minħabba d-diversi talbiet ġejjin mill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali favur azzjoni f'direzzjoni għalkollox opposta.

    6.9   Is-sħubija, kif il-KESE sostna kemm-il darba (3), tista' tirrappreżenta valur miżjud ġenwin f'din id-direzzjoni; għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon l-indikazzjoni tal-Kummissjoni, sakemm m'għandhiex x'taqsam mas-sħubija pubblika biss, imma, b'mod partikolari, mas-sħubija ekonomika, soċjali u ċivili, bis-sehem konkret tal-partijiet soċjali u ċivili kkonċernati bid-dritt tal-vot, fil-fażijiet u fil-livelli kollha. Barra minn hekk, ikun utli li l-partijiet jingħataw il-fondi għall-għajnuna teknika.

    6.10   Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li ssir riforma tal-prinċipju tal-addizjonalità u tal-kofinanzjament għal liema huma previsti riformi li kapaċi jorbtu t-tnejn li huma mal-ħtieġa li jiġu previsti r-rati ta’ parteċipazzjoni finanzjarja li huma ddivrenzjati “biex jirriflett[u] aħjar il-livell tal-iżvilupp, il-valur miżjud tal-UE, it-tipi ta’ azzjonijiet u l-benefiċjarji”.

    6.11   Jaqbel ukoll dwar il-proposta li jiġi stabbilit it-tielet livell tar-reġjuni, dawk li attwalment jinsabu f'sitwazzjoni ekonomika li tqiegħdhom f'livell ogħla minn 75 % tal-medja tal-UE iżda li għadu inqas minn 100 % (90 %) minħabba li dan jista' jissemplifika l-verifika u l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-kofinanzjament, filwaqt li titqies il-possibbiltà li jiġi estiż l-użu tar-riżorsi, anke jekk b'ammont żgħir, għar-reġjuni kollha.

    6.12   Rigward il-prinċipju tal-addizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu identifikati aħjar it-tipi ta’ interventi li għalihom jintalab l-impenn finanzjarju nazzjonali, filwaqt li jiġi speċifikat il-kontribut mil-lat tal-valur miżjud, tal-effetti fuq l-impjieg u tal-elementi li jistimolaw it-tkabbir. It-tnaqqis tal-prijoritajiet u tal-interventi li għandhom jiġu ffinanzjati fl-Istati Membri għandu jiffaċilita u fl-istess ħin jagħmel aktar flessibbli l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-addizzjonalità.

    6.13   Rigward it-tieni prinċipju, jistgħu jiġu previsti rati diversi ta’ kofinanzjament, aktar imnaqqsa fil-każ tar-reġjuni l-aktar diverġenti bl-għan evidenti li jiġi faċilitat il-finanzjament ta’ interventi speċifiċi ta’ żvilupp lokali, aktar għolja għar-reġjuni li huma eqreb tal-medja tal-UE.

    6.14   It-tielet għan ewlieni jirrigwarda s-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-ġestjoni tal-programmi komuni. Dan huwa suġġett li ngħata l-kunsens unanimu tal-Istati Membri kollha u li l-KESE dejjem tkellem favuru fl-opinjonijiet tiegħu biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Dan l-għan jikkunsidra r-regoli differenti – amministrattivi, tal-kontabilità eċċ. – tal-Istati u tar-reġjuni, u jqis li anke tibdiliet kontinwi joħolqu ostakoli u dewmien, speċjalment meta jikkoinċidu f'xi oqsma.

    6.15   Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta li l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi jintalbu biex jippreżentaw rapport annwali tal-ispejjez kofinanzjati mill-UE (flimkien mal-opinjonijiet ta’ reviżuri indipendenti) mhijiex f'lokha, u li din mhijiex faċli biex tiġi implimentata, fid-dawl tal-metodi u t-tul ta’ żmien mitlub attwalment biex jitwettqu l-proċeduri marbuta mal-għoti ta’ kuntratti tal-UE.

    6.16   Iżda, jekk is-suġġett huwa t-“tisħiħ” tar-responsabbiltajiet tal-entitajiet nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari dawk li jinsabu f'diffikultajiet akbar u/jew affettwati minn dewmien akbar fl-implimentazzjoni, il-verifika tar-riżultati tista' titħalla f'idejn l-istrutturi indipendenti akkreditati f'livell Ewropew, għallinqas wara sentejn mit-tnedija tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Fil-każ ta’ responsabbiltajiet amministrattivi jew devjazzjonijiet sinifikattivi fir-rigward tar-riżultati mistennija, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skont il-gravità tal-irregolaritajiet li ltaqgħet magħhom, li tagħlaq il-programm, li tissospendi l-ħlasijiet jew li titlob ħlas lura tal-ammonti diġà mogħtija.

    6.17   L-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali għandhom jagħtu evidenza tal-kapaċità tagħhom li jippjanaw u jimmaniġġjaw b'mod effettiv l-ispejjeż kofinanzjati. Dan ir-riżultat jista' jinkiseb mhux billi titħaffef il-verifika taż-żminijiet tal-ispejjeż (billi jintalbu baġits annwali) iżda billi jiġi verifikat li hija żgurata l-kwalità lill-investimenti stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti, li jiġu rispettati ż-żminijiet għall-implimentazzjoni tal-interventi u li ġew applikati proċeduri effettivi ta’ valutazzjoni u kontroll.

    6.18   Barra minn hekk, hemm innovazzjonijiet importanti oħra li l-KESE jaqbel magħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta':

    l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda ta’ inġinerija finanzjarja li għandhom jitwessgħu u jiġu estiżi għal setturi li bħalissa ma jibbenefikawx minnhom (it-trasport urban, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija u l-ambjent, it-telekomunikazzjonijiet, eċċ.);

    l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ sħubija pubblika-privata;

    ir-reviżjoni tal-istrateġiji ta’ kull Fond Strutturali, fuq il-bażi tal-FSE u l-kontribut li dan jista' jagħti lill-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għall-impjieg;

    l-attenzjoni akbar li għandha tingħata liż-żoni urbani;

    l-introduzzjoni ta’ inċentivi li jippromwovu r-riformi li jgħinu lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jużaw ir-riżorsi tal-UE b'mod aktar effiċjenti;

    l-introduzzjoni, fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni, ta’ riżerva li għandha tkun disponibbli għar-reġjuni li kellhom l-aqwa riżultati fir-rigward tal-ksib tal-għanijiet stabbiliti mill-istrateġija Ewropea.

    6.18.1   Il-KESE huwa tal-fehma li, għal kull waħda minn dawn l-innovazzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti bir-reqqa l-għanijiet, għandha ssir valutazzjoni tar-riżorsi disponibbli u għandhom jiġu deskritti, fuq bażi individwali, il-metodi u t-tul ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

    6.18.2   Il-koerenza u s-sostenibbiltà ta’ dawn il-proposti għandhom jiġu verifikati bir-reqqa fid-dawl tal-erba' għanijiet prinċipali preżentati mir-riforma tal-politika u tal-applikabilità effettiva tagħhom fir-reġjuni u t-territorji li għadhom 'il bogħod ħafna mill-medja tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, tal-effiċjenza tal-produzzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-kwalità tal-għajxien.

    6.19   Għall-perspettiva finanzjarja l-ġdida, il-Kummissjoni għal darb'oħra tipproponi li jiġi applikat il-kriterju ta’ 75 % tal-PDG medju per capita, espress fil-Parità ta’ Kapaċità għall-Infiq sabiex jiġi determinat jekk dawn ir-reġjuni humiex eliġibbli, waqt li jiġi applikat il-kriterju ta’ konverġenza. Madankollu, il-KESE jipproponi li titqies il-possibbiltà li jiġu introdotti parametri oħra li jirrappreżentaw bl-aħjar mod il-kundizzjonijiet suġġettivi tar-reġjuni individwali u tat-territorji tal-UE.

    7.   Il-baġit tal-UE, il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020

    7.1   Il-prospetti tal-baġit tal-UE wara l-2013 xejn ma huma inkoraġġanti. Is-Summit li sar fi tmiem l-2010 ma jħallix dubji f'dan ir-rigward. Xi wħud mill-Istati Membri (xi wħud biss?), fid-dawl tal-awsterità kkawżata mill-kriżi, jagħtu ġustifikazzjoni biex ma tiżdiedx id-disponibbiltà tagħhom, ħlief b'mod simboliku, u jinsew li l-politika ta’ koeżjoni tassorbi inqas minn 1 % tal-PDG, filwaqt li ċerti Stati Membri investew madwar 24 % tal-PDG biex isalvaw il-banek!

    7.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istrateġija Ewropa 2020, li l-Unjoni tidher li tixtieq tqiegħed it-tama kollha tagħha fiha, hija importanti. Iżda, hemm ir-riskju li tfalli jekk ma jkunx hemm finanzjament dirett. L-aħjar huwa li dan il-finanzjament isir permezz tal-bonds Ewropej. Barra minn hekk, ikun tajjeb li jitħalla ċertu marġni ta’ azzjoni fil-konfront tar-reġjuni l-aktar dgħajfa u li huma interessati fil-koeżjoni, skont l-ispeċifiċitajiet tagħhom, bil-għan li titħeġġeġ integrazzjoni bejn iż-żewġ politiki.

    7.3   Din l-integrazzjoni tista' tiġi faċilitata permezz ta’ għarfien akbar tal-ħtiġijiet u tal-prijoritajiet territorjali fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020 biex jiġi żgurat l-għan tal-konċentrazzjoni tematika.

    8.   Il-futur tal-koeżjoni wara l-2013: punti strateġiċi

    8.1   Il-proposti dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni ppreżentati mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, marbuta mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, ifasslu direzzjoni tajba li l-KESE, bħalma ntqal diġà, jaqbel magħhom fil-biċċa l-kbira, peress li huma orjentati biex itejbu l-effettività ta’ waħda mill-aktar politiki importanti tad-distribuzzjoni ekonomika mill-ġdid tal-UE. Madankollu, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li jiġu stabbiliti xi kundizzjonijiet strateġiċi bażiċi, flimkien ma’ dawk li diġà ssemmew qabel.

    8.2   L-ewwel kundizzjoni: il-KESE huwa tal-fehma li l-impenji mitluba lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jwasslu għal riżultati konkreti jekk dan il-proġett jagħmel parti minn analiżi aktar ġenerali tal-arkitettura tal-governanza ekonomika Ewropea u tal-għanijiet li l-UE beħsiebha tikseb kemm f'livell Ewropew kif ukoll f'livell internazzjonali. Din l-analiżi saret dejjem aktar meħtieġa fid-dawl tal-kriżi u tal-attakki fuq id-dejn sovran, li tobbliga lill-UE biex taġġorna wkoll il-politika monetarja tagħha, li sal-lum kienet iffukata fuq l-aktar żoni sinjuri tal-UE (stabbiltà), bi ħsara għal dawk l-inqas żviluppati, u li għandhom bżonn jikbru (tkabbir).

    8.3   It-tieni kundizzjoni tirrigwarda wieħed mill-punti ċentrali tal-proġett ta’ reviżjoni tal-politika ta’ koeżjoni; jiġifieri, l-ħtieġa li tinbena koordinazzjoni funzjonali u strateġika, li llum il-ġurnata ma teżistix, bejn id-diversi Fondi Strutturali. Għaldaqstant, l-għażla u l-finanzjament relattiv tal-interventi f'livell reġjonali għandhom iseħħu bħala parti minn djalogu u minn metodu ta’ ħidma mibnija mhux biss mal-Istati Membri (kuntratti ta’ sħubija) u l-partijiet soċjoekonomiċi, iżda wkoll bl-appoġġ tekniku u r-riżorsi tal-ħames Fondi Strutturali, sakemm tiġi stabbilita awtorità unika għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-fondi differenti.

    8.4   It-tielet kundizzjoni tirreferi għall-ħolqien ta’ koordinazzjoni u ta’ sinerġija bejn l-interventi tal-politika ta’ koeżjoni u l-politiki l-oħra marbutin magħha (politiki settorjali ambjentali u tal-enerġija, politiki għar-riċerka u l-innovazzjoni, politika għall-impjieg, eċċ.) u bħala konsegwenza, għall-istrumenti l-oħra ta’ finanzjament tal-UE (il-BEI, il-finanzjament għall-innovazzjoni, għan-netwerks infrastrutturali, għall-iżvilupp tat-telekomunikazzjonijiet, eċċ.). Il-politika ta’ koeżjoni għandha ssir l-istrument ta’ pjan aktar wiesa' li jiffavorixxi l-iżvilupp kumplessiv tar-reġjuni u t-territorji, anke bil-għan li jdaħħlu fis-seħħ interventi u finanzjamenti settorjali differenti, anke min-naħa tal-entitajiet privati, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorji.

    8.5   Ir-raba' kundizzjoni tirrigwarda l-possibbiltà, fil-kuntest ta’ dan l-approċċ il-ġdid imsejjes fuq il-governanza ekonomika Ewropea, li jiġu żviluppati tipi ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-għanijiet kondiviżi li jirrigwardaw settur partikolari, makroreġjun jew l-iżvilupp ta’ attivitajiet li fil-fehma tal-Istati Membri huma ta’ importanza strateġika. Dan l-istrument li, minkejja li ġie previst mit-Trattat, s'issa ftit ġie użat, jista' jiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jagħmilha possibbli li, bis-saħħa tas-sinerġiji u l-ekonomiji ta’ skala li jistgħu jiġu stabbiliti fost l-Istati parteċipanti, ikun hemm riżultati aħjar fi żmien ħafna iqsar.

    8.6   Il-ħames kundizzjoni, fl-istess kuntest tal-koordinazzjoni, tirreferi għall-ħtieġa, mill-iktar fis, jiġifieri qabel il-bidu taċ-ċiklu ġdid tal-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, li tiġi mnedija koordinazzjoni interistituzzjonali (il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-korpi konsultattivi, il-KESE u l-KtR u l-imsieħba soċjoekonomiċi). L-għan hu li jiġu ffaċilitati d-diskussjoni u l-iskambju ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-futur tal-politika ta’ koeżjoni, qabel ma jsir it-tfassil finali tal-proposti li għandhom jiġu approvati mill-entitajiet kompetenti. Din il-koordinazzjoni għandha tibqa' għaddejja u takkumpanja l-implimentazzjoni tal-programmi u l-valutazzjoni tar-riżultati.

    8.7   Il-KESE huwa favur it-twaqqif (mill-ġdid) ta’ programmi ta’ inizjattiva Komunitarja ladarba ssir ir-reviżjoni f'nofs it-term tal-politiki strutturali. Fil-fatt, it-tneħħija ta’ programmi li taw prova tal-effettività tagħhom, bħall-programmi URBAN, EQUAL, Interprise u oħrajn, kienet ta’ telf għall-kooperazzjoni territorjali tematika u l-innovazzjoni soċjali, minħabba li dan ir-rwol la ttieħed fil-“mainstreaming” tal-fondi u lanqas xi mkien ieħor.

    8.8   Madankollu, il-KESE jittama li, fuq il-bażi ta’ dak li diġà ġie mniedi bil-konklużjonijiet annessi għall-Ħames Rapport, il-Kummissjoni, fid-dawl tar-riforma li jmiss, tippreżenta proposti aktar kuraġġużi, b'mod li jirrappreżentaw bidla konkreta b'relazzjoni għall-passat.

    Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni biex tkun provduta informazzjoni dwar il-Parità ta’ Kapaċità għall-Infiq u għall-kalkulazzjoni u t-tixrid tagħha”, ĠU C 318/08, 23/12/2006, p. 45 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (2)  COM(2010) 642 finali.

    (3)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin: “Ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013”, ĠU C 228/26, 22.9.2009, p. 141; “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-20133”, ĠU C 44/01, 11.2.2011, p. 1; u “Il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020”.


    Top