Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XX0629(02)

Notifika mill-Gvern tar-Renju Unit dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi

ĠU C 169, 29.6.2010, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/4


Notifika mill-Gvern tar-Renju Unit dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi

2010/C 169/04

Dikjarazzjoni dwar id-disponibbilità taż-żona fuq l-art tal-Irlanda ta' Fuq għall-applikazzjonijiet tal-liċenzjar ta' żejt u gass skont il-proċedura “bibien miftuħa”

Liċenzjar taż-żona fuq l-art tal-Irlanda ta' Fuq

1.

B'referenza għall-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 94/22/KE, id-Department for Enterprise, Trade and Investment hawnhekk jiddikkjara li fl-ambitu tal-provvedimenti tal-Petroleum (Production) Act (Northern Ireland) tal-1964, iż-żona onshore tal-Irlanda ta' Fuq hija disponibbli fuq bażi permanenti għal-liċenzji għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi.

2.

Skont ir-Regolament 3 tal-Petroleum Production Regulations (Northern Ireland) tal-1987, hekk kif mibdula mill-Petroleum Production (Amendment) Regulations (Northern Ireland) tal-2010 u Regolament 3 tal-Hydrocarbons Licensing Directive Regulations (Northern Ireland) tal-2010, jistgħu jiġu magħmula l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni tal-idrokarburi marbutin maż-żona onshore tal-Irlanda ta' Fuq skont il-proċeduri stabbiliti hawn isfel.

Ftuħ inizjali – Applikazzjonijiet li għandhom ikunu sottomessi sas-27 ta' Awwissu 2010

3.

Il-partijiet kollha interessati jridu jissottomettu applikazzjoni għal liċenzja fir-rigward ta' żona definita u speċifikata fuq mappa sas-27 ta' Awwissu 2010. L-applikazzjonijiet kollha sottomessi fil-perjodu sas-27 ta' Awwissu 2010 għandhom jiġu trattati daqs li kieku riċevuti fl-istess ġurnata, jiġifieri fis-27 ta' Awwissu 2010 u għandhom ikunu determinati skont dan.

4.

Għandhom japplikaw arranġamenti speċjali stabbiliti fir-regolamenti 13 u 14 tal-Hydrocarbons Licensing Directive Regulations (Northern Ireland) tal-2010 jekk l-applikazzjonijiet li jikkwalifikaw huma riċevuti mid-detentur tal-liċenzja ta' qabel u minn applikant ġdid għaż-żona kollha jew parti minnha li qabel kienet diġà ngħatat lil dak id-detentur permezz tal-liċenzja. Jekk l-applikazzjonijiet ikunu ndaqs fil-meritu u ma jkunx possibbli l-għoti ta’ liċenzji, bil-kunsens tal-applikanti, permezz ta' arranġament għaż-żoni li saret applikazzjoni għalihom skont ir-Regolament 13, għandhom japplikaw l-arranġamenti stabbiliti fir-Regolament 14.

Għoti ta' liċenzji suċċessivi sussegwenti – fit-30 ta' Awwissu 2010 jew wara

5.

B'effett mit-30 ta' Awwissu 2010, l-applikazzjonijiet għal żoni li mhumiex diġà s-suġġett ta' applikazzjonijet li jikkwalifikaw jew ta' żoni li mhumiex liċenzjati jistgħu jkunu sottomessi lid-Dipartiment kull ħin u jkunu kkunsidrati fl-ordni li fiha ġew riċevuti.

Żona u informazzjoni disponibbli

6.

Iż-żona onshore disponibbli skont din in-notifika tidher fuq il-mapep li hemm fl-uffiċċji tad-Department of Enterprise, Trade and Investment (Minerals and Petroleum Branch), Colby House, Stranmillis Court, Belfast BT9 5BF, UNITED KINGDOM. Hemm ukoll disponibbli gwida dwar il-liċenzji, dwar it-termini li se jkunu inklużi f'dawk il-liċenżji u l-mod kif għandek tapplika. Wieħed jista' jara l-mapep u l-gwida billi jagħmel appuntament minn qabel (Tel. +44 2890388462, Fax +44 2890388461, Posta elettronika: minerals@detini.gov.uk) bejn id-9.30 a.m. u l-4.30 p.m. mit-Tnejn sal-Ġimgħa u huma wkoll disponibbli fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment: http://www.detini.gov.uk. Il-mapep se jkunu aġġornati b'mod regolari hekk kif ikunu riċevuti l-applikazzjonijiet li jikkwalifikaw u jkunu mogħtija l-liċenzji.

Kriterji għall-applikazzjoni

7.

L-applikazzjonijiet kollha se jiġu ġġudikati fuq l-isfond tal-ħtieġa kontinwa għal tiftix komprensiv, effiċjenti, sikur u bla telf ta’ żmien sabiex ikunu identifikati r-riżorsi taż-żejt u l-gass fiż-żona onshore tal-Irlanda ta' Fuq.

8.

L-applikazzjonijiet se jiġu ġġudikati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-vijabilità finanzjarja tal-applikant u l-ħila finanzjarja tiegħu li jwettaq l-attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenzja waqt il-perjodu inizjali, inkluż il-programm ta’ ħidma sottomess għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona li saret l-applikazzjoni għaliha;

(b)

il-kapaċità teknika tal-applikant li jwettaq attivitajiet li jkunu permessi mil-liċenzja waqt il-perjodu inizjali, inkluża l-identifikazzjoni ta’prospetti tal-idrokarburi fiż-żona li saret l-applikazzjoni għaliha;

(c)

il-mod li bih l-applikant jipproponi li jitwettqu l-attivitajiet li jkunu permessi bil-liċenzja inkluża l-kwalità tal-programm ta' ħidma sottomess għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona li saret l-applikazzjoni għaliha. Il-programm ta' ħidma għandu jkun strutturat bil-għan li jitħaffer bir wieħed fiż-żona qabel jagħlaq it-tul ta' żmien inizjali tal-liċenzja li hu perjodu ta' 5 snin.

(d)

fejn l-applikant ikollu jew kellu liċenzja skont il-Petroleum (Production) Act (Northern Ireland) tal-1964, kwalunkwe nuqqas ta’ effiċjenza u ta’ responsabbiltà murija mill-applikant f’operazzjonijiet skont dik il-liċenzja.

Operatur

9.

Id-Dipartiment normalment mhuwiex se jagħti liċenzja jekk fl-istess ħin ma jkunx lest japprova lill-operatur li jkun għażel l-applikant. Qabel japprova operatur, id-Dipartiment għandu jkun sodisfatt li n-nominat se jkun kompetenti sabiex jippjana u jmexxi operazzjonijiet ta' tħaffir (ara noti ta' gwida). Flimkien mal-kriterji msemmija fil-paragrafu 8 hawn fuq, id-Dipartiment se jibbaża l-valutazzjoni tiegħu rigward is-servizzi tal-operatur fuq il-kwalifikazzjonijiet u l-esperjenza tal-operatur fiż-żamma ta' livelli għoljin fil-protezzjoni tas-sigurtà u l-ambjent.

Tariffi u spejjeż tal-liċenżja

10.

Għandha titħallas is-somma ta' GBP 1 000 mas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Id-Dipartiment ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà għal kwalunkwe spejjeż imġarrba minn kwalunkwe parti li għandha l-intenzjoni li tapplika għal liċenzja jew minn kwalunkwe applikant li qed jikkunsidra li japplika jew li qed jagħmel l-applikazzjoni tiegħu.


Top