Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XR0284

    Riżoluzzjoni dwar “Is-Summit dwar il-Klima ta’ Cancún il-kontribuzzjoni tal-KTR għall-UNFCCC (COP 16) tad- 29 ta’ Novembru sal- 10 ta’ Diċembru 2010 ”

    ĠU C 15, 18.1.2011, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 15/1


    Riżoluzzjoni dwar “Is-Summit dwar il-Klima ta’ Cancún il-kontribuzzjoni tal-KTR għall-UNFCCC (COP 16) tad-29 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru 2010”

    2011/C 15/01

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Dwar il-bżonn urġenti li l-UE tagħmel iktar progress fuq l-aġenda tat-tibdil tal-klima globali

    1.

    Ifakkar fl-impenn tiegħu ddikjarat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-summit ta’ Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima, adottata waqt is-Sessjoni Plenarja tal-KtR f’Ġunju 2009.

    2.

    Isostni mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għal ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li għandu l-għan li jillimita t-tisħin globali għal mhux aktar minn 2 gradi Celsius sal-2012;

    3.

    Jiddispjaċih li minkejja l-attenzjoni li qed tingħata fid-dinja kollha lill-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u t-tħassib ambjentali li kien hemm fix-xhur qabel is-Summit ta’ Kopenħagen, il-ftehim li rriżulta naqas milli jilħaq l-aspettattivi għoljin ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati importanti fil-politika dwar it-tibdil fil-klima madwar l-UE, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    4.

    Japprova l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi assigurat ftehim internazzjonalment vinkolanti dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u jsejjaħ lill-UE biex titkellem b’leħen wieħed u determinat fil-UNFCCC COP 16 f’Cancún, b’konformità mal-ispirtu u l-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona, biex b’hekk terġa’ tieħu rwol ta’ tmexxija fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima;

    5.

    Jirrikonoxxi li l-objettivi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima jistgħu jintlaħqu biss jekk, fuq naħa, tnaqqis futur fl-emissjonijiet jiġi distribwit b’mod ġust mal-komunità internazzjonali kollha, b’konsiderazzjoni dovuta għall-kapaċitajiet u l-punti tat-tluq differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni, u fuq in-naħa l-oħra, jiġi stabbilit kunsens globali għal azzjoni deċiżiva appoġġjata minn standards bażiċi komuni għal monitoraġġ, rappurtaġġ u verifika regolari (MRV);

    6.

    Jirrikonoxxi l-bżonn li jsir iktar progress fl-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li jibqgħu jiġu stabbiliti objettivi ambizzjużi u li jiġu appoġġjati u promossi s-suċċessi fl-implimentazzjoni tagħhom, b’mod speċjali fil-livell lokali u reġjonali, u jsejjaħ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadattaw u jsaħħu l-istrateġija tagħhom għal politika dwar il-klima tal-UE f’każ li ma jkun mistenni l-ebda trattat internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima;

    7.

    Jittama b’mod speċjali li jsir ftehim dwar l-arkitettura neċessarja għal kwistjonijiet bħall-adattament, il-mitigazzjoni, il-finanzjament, it-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni (REDD), it-tnaqqis fit-trasport internazzjonali bl-ajru u dak marittimu, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġodda għas-suq tal-karbonju kif ukoll l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk li huma l-inqas żviluppati li qed jintlaqtu l-iżjed mit-tibdil fil-klima;

    Ir-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    8.

    Itenni l-impenn determinat tiegħu għall-objettivi 20-20-20 tal-UE u jħeġġeġ lil-livelli sottonazzjonali kollha tal-gvernijiet fid-dinja biex jinvestu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżidu l-għarfien tal-pubbliku, jimmobilizzaw l-appoġġ politiku tal-pubbliku, l-investiment fin-negozju u s-sorsi ta’ finanzjament, u jimmotivaw lill-produtturi u l-konsumaturi biex ibiddlu l-imġieba tagħhom sabiex ikollna iktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ekonomija li ma tkunx ta’ ħsara għall-klima;

    9.

    Jenfasizzza li “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020”, kif propost mill-KtR, jista’ jservi ta’ għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi l-objettivi ta’ “Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” jistgħu jintlaħqu b’mod effettiv biss permezz ta’ sħubija mill-qrib bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-gvern fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    10.

    Jinsab lest li jgħolli l-mira għal 30 % jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet;

    11.

    Jinnota li l-Kummissjoni analizzat il-possibilitajiet għat-tnaqqis b’iktar minn 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-Kumitat jiddispjaċih li fuq il-bażi ta’ dik l-analiżi, il-Kummissjoni tħoss li l-kundizzjonijiet attwali ma jippermettux żjieda unilaterali fl-objettiv tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 30 % u li mhijiex, għalissa, taħdem fuq inizjattivi ta’ politika oħrajn;

    12.

    Jenfasizza l-isforzi tal-bliet u r-reġjuni madwar l-Ewropa li adottaw strateġiji lokali jew reġjonali dwar il-klima u l-enerġija b’objettivi speċifiċi għall-mitigazzjoni tal-klima u li ffirmaw il-Patt tas-Sindki, bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 b’20 % mill-inqas sas-sena 2020.

    13.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea biex jinvolvu lill-KtR fil-proċess li jwassal għall-UNFCCC COP 16 f’Cancún, sabiex jiġi żgurat għarfien sħiħ u xieraq tar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

    Dwar enfasi prijoritarja transsettorjali fir-rigward tat-tħassib dwar it-tibdil fil-klima u l-ekonomija b’użu baxx tal-karbonju

    14.

    Huwa tal-fehma li l-adattament għall-klima u l-mitigazzjoni tagħha għandhom isiru objettiv espliċitu f’kull qafas ta’ politika tal-UE, inklużi l-politiki tal-iżvilupp ambjentali u rurali tal-UE, il-politiki mmirati lejn li tiġi evitata d-deforestazzjoni, it-trasport, il-bijodiversità, il-ġestjoni tal-iskart u l-ilma, u l-programmi ta’ finanzjament f’oqsma bħall-politika tal-UE ta’ koeżjoni, dik industrijali u agrikola u l-politika tal-UE tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp;

    15.

    Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm l-impenn tagħha fir-rigward ta’ pakkett komprensiv tat-trasport u t-tibdil fil-klima u jfakkar li l-inklużjoni tat-trasport bl-ajru u fuq il-baħar f’sistema globali tal-iskambju tal-emissjonijiet tkun pass importanti ’l quddiem biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju; jemmen li dan il-pakkett għandu jqis il-qagħda partikolari tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi, li tant huma dipendenti fuq it-trasport bl-ajru u dak marittimu, sabiex jinkiseb bilanċ bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-ispejjeż enormi li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawn ir-reġjuni;

    16.

    Huwa tal-fehma li sabiex issir l-iktar reġjun li jirrispetta l-ambjent fid-dinja, l-UE, fuq il-bażi tal-Istrateġija UE 2020 għat-tkabbir sostenibbli, għandha tniedi proġetti speċifiċi li jappoġġjaw il-bidla għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju;

    17.

    Jaħseb li l-politika tal-enerġija tal-UE trid tipprovdi spinta deċiżiva għall-innovazzjoni fil-qasam tal-użu baxx tal-karbonju u l-effiċjenza enerġetika, biex b’hekk jiġi żgurat li l-innovazzjoni, l-effiċjenza enerġetika u l-użu bikri ta’ teknoloġiji ġodda jikkonsolidaw ir-rwol ta’ tmexxija tal-qasam tan-negozju Ewropew f’setturi ewlenin tal-ekonomija “ħadra”;

    18.

    Ifakkar li ser ikun hemm bżonn ta’ investiment qawwi fis-setturi tal-industrija, tat-trasport u tad-djar u fil-bini pubbliku u kummerċjali sabiex tiġi ffrankata l-enerġija b’konformità mal-objettivi 20-20-20 tal-UE;

    19.

    Jemmen li taxxa fuq il-karbonju, jew forma ta’ taxxa diretta fuq l-emissjonijiet, tista’ tkun għodda utli kemm fil-ħolqien ta’ inċentivi għall-użu ta’ inqas enerġija u enerġija aktar nadifa, kif ukoll fil-ġenerazzjoni tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex jitwettqu l-bidliet meħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    20.

    Għaldaqstant jissuġġerixxi li jinħolqu strumenti ġodda bħala linji prijoritarji fil-Fondi Strutturali jew bħala Fond tal-Investiment fl-Enerġija separat;

    21.

    Huwa konvint li l-bidla għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju trid issir b’mod soċjalment responsabbli u vijabbli ekonomikament billi jinżammu u jekk ikun hemm bżonn jiġu adattati l-impjiegi attwali, flimkien mal-impjiegi “ħodor” ġodda li huma mistennija li jinħolqu;

    22.

    Jirrakkomanda sħubijiet strateġiċi bejn il-pubbliku u l-privat bħal alleanzi bejn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li jiġu żviluppati u applikati aktar teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju u jistieden lir-rejġuni u l-bliet jikkonkludu pattijiet lokali ta’ azzjoni rigward il-klima bejn l-imsieħba pubbliċi u privati, li jistabbilixxu miżuri konkreti ta’ azzjoni rigward il-klima sabiex jintlaħaq l-għan 20-20-20;

    Nibnu tmexxija globali tal-UE fir-rigward tal-klima: governanza fuq ħafna livelli u s-saħħa baġitarja f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali

    23.

    Jenfasizza li azzjoni effettiva tal-UE kontra t-tibdil fil-klima tesiġi koordinazzjoni tal-isforzi bejn il-livell governattiv lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali;

    24.

    Jenfasizza l-importanza li jitqies ir-rwol tal-gvernijiet reġjonali u lokali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, u waqt li jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, nenfasizzaw il-bżonn li jitqiesu dawn il-livelli ta’ gvern peress li fost il-poteri tagħhom hemm it-tħejjija ta’ pjani ta’ mitigazzjoni, adattar u attivitajiet oħra fil-livell reġjonali u lokali li huma ta’ importanza kbira fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

    25.

    Jinnota li billi ż-żoni urbani jipproduċu 75 % tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-bliet huma fuq quddiem fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima u jirrimarka dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ qbil f’Kopenħagen fuq miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitfa’ fuq spallejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali responsabbiltà partikolarment kbira biex iwettqu azzjoni deċiżiva u urġenti fl-avangwardja tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu. Il-Patt tas-Sindki huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba;

    26.

    Jenfasizza li l-viżjoni tal-UE dwar sinerġiji tal-ekonomija ħadra u l-politiki dwar it-tibdil fil-klima tista’ tispira l-bqija tad-dinja jekk il-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġi rikonoxxut bis-sħiħ u anke jitqawwa;

    27.

    Jenfasizza li tali viżjoni għandha tinkludi firxa integrata u innovattiva ta’ miżuri fit-trasport, il-kostruzzjoni u l-ġenerazzjoni tal-enerġija, li jirrappreżentaw rivoluzzjoni industrijali ġdida li tinvolvi d-djar individwali fil-produzzjoni tal-enerġija;

    28.

    Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex iniedu mill-ġdid tmexxija fit-tul u kredibbli tal-UE fil-proċess globali tat-tiswir tal-politika dwar it-tibdil fil-klima billi jiġu żviluppati u msaħħa l-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-istituzzjonijiet lokali, sottonazzjonali, nazzjonali jew reġjonali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi dan l-approċċ fir-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba globali;

    29.

    Għandu fiduċja qawwija fil-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej biex jikkontribwixxu għat-tmexxija globali tal-UE li bis-saħħa tagħha tagħti eżempju lill-oħrajn biex isegwuha u għaldaqstant jinsab ħerqan biex jaġixxi fuq il-Memorandum ta’ Fehim mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, sabiex jiġi żgurat li l-muniċipalitajiet Ewropej u tal-Istati Uniti jakkwistaw riżultati konkreti fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

    30.

    Jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar kif għandhom jindirizzaw it-tibdil fil-klima fil-livell l-iktar bażiku, kif ukoll kampanji ta’ tqajjim tal-kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima mmexxija għaċ-ċittadini;

    31.

    Jirrakkomanda bil-qawwa li ssir enfasi partikulari fuq l-inklużjoni b’mod prijoritarju tat-tibdil fil-klima fil-baġit fil-livelli kollha ta’ governanza, u għal dan il-għan:

    a)

    itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jingħataw mill-iktar fis possibbli l-għodod Ewropej adatti biex jappoġġjaw l-isforzi lokali u reġjonali fl-indirizzar tal-kwistjoni tat-tibdil fil-klima. Għandhom jiġu adattati l-kundizzjonijiet qafas nazzjonali għall-fondi u l-finanzjament, u l-aċċess għal self mill-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jiġi ffaċilitat;

    b)

    jinnota li l-kriżi finanzjarja reċenti titfa’ pressjoni addizzjonali fuq il-baġits muniċipali. Għaldaqstant jenfasizza l-utilità ta’ sussidji u inċentivi mfassla sew għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromovu l-effiċjenza enerġetika, politiki tal-enerġija sostenibbli, u proġetti tal-enerġija rinnovabbli; isejjaħ għat-tisħiħ tal-programm Enerġija Intelliġenti fl-Ewropa, filwaqt li dan jitfassal aħjar sabiex jissodisfa l-esiġenzi li kulma jmur qed jevolvu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    c)

    għar-reviżjoni baġitarja tal-UE li jmiss, jirrakkomanda li l-isfidi tat-tibdil fil-klima jingħataw prijorità transversali fi ħdan l-iskemi ta’ finanzjament attwali, bħall-fondi strutturali, il-PAK u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku;

    d)

    jissuġġerixxi li proporzjon sostanzjali tad-dħul mis-sistema Ewropea ta’ skambju tal-emissjonijiet għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw fil-livell lokali miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u jissuġġerixxi li l-finanzi mis-suq internazzjonali tal-karbonju jintużaw ukoll biex jiġu appoġġjati proġetti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

    e)

    ifakkar fir-rwol importanti li jaqdu l-Fondi Strutturali tal-UE fit-tnaqqis tad-differenzi u biex jippermettu lir-reġjuni li jibbenefikaw mit-trinità ta’ riċerka, innovazzjoni u investiment intelliġenti sabiex jiġu kkoreġuti l-ineffiċjenzi strutturali;

    L-awtoritajiet lokali u reġjonali jsejħu għal involviment u sħubija globali fuq l-aġenda dwar it-tibdil fil-klima

    32.

    Isejjaħ biex jiġu promossi u żviluppati l-attivitajiet ta’ sħubija tal-Istati Membri tal-UE mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw, u f’dan il-kuntest iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej biex jibnu fuq l-acquis disponibbli ta’ kooperazzjoni deċentralizzata u jespanduh sabiex jaħdmu ma’ awtoritajiet sottonazzjonali f’dawk ir-reġjuni tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw u sabiex titqajjem kuxjenza, isir skambju tal-aqwa prattika, trasferiment tat-teknoloġija u jiġi żgurat li l-impenji finanzjarji li saru f’Kopenħagen jiġu investiti b’mod effettiv;

    33.

    Jaħseb li hemm bżonn ta’ konverġenza akbar fil-livelli internazzjonali u nazzjonali fl-isforzi biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità b’mod li jingħata appoġġ reċiproku, biex b’hekk isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet fil-proċessi globali li għaddejjin fi ħdan il-Konvenzjonijiet Internazzjonali;

    34.

    Isejjaħ lill-UE biex tappoġġja l-inklużjoni addizzjonali ta’ approċċi msejsa fl-ekosistema fi ħdan il-finanzjament tal-UNFCCC, inkluż il-programm tan-NU għal Tnaqqis fl-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni (REDD/REDD+), biex b’hekk dan il-programm ikun jista’ jitwessa’ iktar biex ikopri mhux biss il-foresti, iżda wkoll ekosistemi oħrajn bħall-artijiet mistagħdra;

    35.

    Itenni l-impenn tiegħu biex jintlaħaq ftehim internazzjonalment vinkolanti u jinsisti li l-gvernijiet nazzjonali se jkunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom biss bl-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    36.

    Jagħti struzzjonijiet lill-president tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Presidenza Belġjana tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll lill-UNFCCC.

    Brussell, 6 ta’ Ottubru 2010.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Mercedes BRESSO


    Top