Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XG1130(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-ħiliet bażiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel għas-seklu 21

ĠU C 323, 30.11.2010, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 323/11


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-ħiliet bażiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel għas-seklu 21

2010/C 323/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (1), li tippreżenta l-qafas Ewropew ta' referenza ta' tmien kompetenzi ewlenin li ż-żgħażagħ kollha għandhom jiżviluppaw matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali tagħhom. Il-kisba ta' ħiliet bażiċi (2) fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza fil-livell skolastiku hija kruċjali għall-ħiliet ewlenin fil-kontinwazzjoni sħiħa tat-tagħlim tul il-ħajja. Dawn il-ħiliet jevolvu tul il-proċess ta' kisba ta' kompetenzi ewlenin, hekk kif l-istudenti jaħdmu b'informazzjoni aktar u aktar kumplessa b'akkuratezza u fehim, u għalhekk huma l-pedamenti ta' kwalitajiet bħas-soluzzjoni ta' problemi, il-ħsieb kritiku u l-kreattività.

U BILLI

1.

It-titjib tal-ħiliet fil-qari kien wieħed mit-tlettax-il obbjettiv stabbilit taħt il-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ” fl-2002. Kien ukoll wieħed mill-ħames livelli ta' referenza tal-prestazzjoni medja Ewropea (“Punti ta' riferiment Ewropej”) stabbiliti mill-Kunsill fl-2003: jiġifieri li, sal-2010, il-perċentwal ta' dawk ta' ħmistax-il sena li jkollhom livell baxx ta' ħiliet fil-qari fl-Unjoni Ewropea għandu jkun tbaxxa b'mhux inqas minn 20 % meta mqabbel mas-sena 2000. Fir-rigward tal-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija (MXT), punt ta' riferiment ieħor li għandu jintlaħaq sal-2010 kien li jiżdied b'mhux inqas minn 15 % n-numru totali ta' gradwati f'dawn is-suġġetti.

2.

Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2008 ġedded l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex inaqqsu b'mod sostanzjali n-numru ta' żgħażagħ li ma jistgħux jaqraw b'mod xieraq u biex itejbu r-riżultati tal-istudenti li ġejjin minn ambjenti ta' immigrazzjoni jew dawk żvantaġġati (3).

3.

Il-konklużjonijiet ta' Novembru 2008 tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill (4), stabbilew aġenda għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel u tennew li ma kienx sar progress biżżejjed lejn il-miri stabbiliti għall-ħiliet fil-qari. Il-Kunsill qabel dwar il-ħtieġa li tiġi garantita u mtejba l-kisba tal-ħiliet fil-qari u n-numeriżmu bħala komponenti essenzjali tal-kompetenzi ewlenin. L-Istati Membri ġew mistiedna biex jiffokaw il-kooperazzjoni fuq iż-żieda ta' livelli ta' litteriżmu u numeriżmu u fuq l-istimolar ta' interess akbar fil-MXT.

4.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2009 dwar il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET2020”) (5) irriaffermaw l-importanza tal-litteriżmu u n-numeriżmu bħala elementi fundamentali tal-kompetenzi ewlenin u biex il-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija jsiru aktar attraenti. Il-punt ta' riferiment ġdid adottat mill-Kunsill taħt il-qafas jimmira għal livell adegwat ta' ħiliet bażiċi fil-qari, il-matematika u x-xjenza, billi jappella biex is-sehem ta' dawk li jibqgħu lura fil-qari, il-matematika u x-xjenza jinżel għal inqas minn 15 % sal-2020.

5.

Ir-rapport ta' progress konġunt tal-2010 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010” (6) enfasizza l-importanza ta' sħubiji bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol bħala mezz ta' tisħiħ tal-kompetenzi u l-kisba ta' esperjenza mill-ħajja professjonali u l-karrieri. L-iskemi ta' kollaborazzjoni bejn l-iskejjel, l-universitajiet u l-industriji ġew rikonoxxuti mill-esperti bħala li għandhom impatt pożittiv fuq it-tagħlim tal-MXT.

6.

Dan l-aħħar, fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010, l-Istati Membri qablu dwar l-objettiv li jtejbu l-livelli tal-edukazzjoni fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi (7), li fiha l-kwistjoni tal-ħiliet bażiċi tifforma parti integrali kemm mill-aġenda tat-“tkabbir intelliġenti” u kif ukoll dik tat-“tkabbir inklussiv” u tikkontribwixxi għal inizjattivi ewlenin bħall-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda u l-Aġenda Diġitali;

JINNOTA LI

1.

Filwaqt li kien hemm titjib ġenerali fil-prestazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE matul l-għaxar snin li għaddew, il-progress ma kienx biżżejjed biex jintlaħqu l-punti ta' riferiment Ewropej maqbula għall-2010. Fil-fatt, il-ħiliet fil-qari u l-matematika ta' dawk li għandhom 15-il sena fl-Ewropa, fil-medja, iddgħajfu. Ir-rata ta' dawk li għandhom livell baxx fil-ħiliet fil-qari żdied minn 21,3 % fl-2000 għal 24,1 % fl-2006 (8), waqt li għall-matematika r-rata żdiedet minn 20,2 % għal 24% (9). Ir-rata medja għal dawk li għandhom livell baxx fix-xjenza fl-Istati Membri kienet ta' 20,2 % fl-2006 (10).

2.

Hemm ukoll evidenza li l-prestazzjoni tal-istudenti fil-ħiliet bażiċi hija influwenzata mill-ambjent soċjoekonomiku tagħhom u l-livell edukattiv tal-ġenituri tagħhom. Fl-Istati Membri kollha li dwarhom teżisti data komparabbli, il-prestazzjoni fil-qari, il-matematika u x-xjenza tal-istudenti li ġejjin minn ambjent ta’ migrazzjoni hija aktar baxxa minn dik tal-istudenti nattivi (11).

3.

Fl-aħħar deċenni l-Ewropa ffaċċjat domanda li qed tikber għal riżorsi umani kwalifikati fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija. Waqt li l-punt ta' riferiment Ewropew korrispondenti għall-2010 ntlaħaq, il-ħtiġiet li rrefera għalihom għadhom rilevanti. Ir-rati ġenerali ta' gradwazzjoni għolew, prinċipalment grazzi għax-xjenza tal-kompjuter u t-tkabbir, iżda ż-żieda kienet ħafna iżjed dgħajfa fil-matematika, l-istatistika u l-inġinerija, waqt li fil-fiżika, fil-fatt, waqgħet. Barra minn hekk, l-istudenti bniet għadhom sottorappreżentati b'mod qawwi f'dawn is-suġġetti (12).

4.

Hemm ħafna inizjattivi mmirati għat-titjib tal-ħiliet fil-qari fl-Istati Membri, kif ukoll miżuri nazzjonali, reġjonali u lokali mfassla biex itejbu kemm l-atteġġament għall-matematika u x-xjenza, kif ukoll ir-riżultati f'dawn l-oqsma. Barra minn hekk, fl-aħħar snin ħafna Stati Membri inkludew kwistjonijiet relatati mar-riżultati u l-atteġġament fir-rigward tal-matematika u x-xjenza fl-aġendi ta' politika tagħhom. Huma assenjaw ukoll riżorsi sinjifikanti għat-titjib tal-edukazzjoni tax-xjenza skolastika. Il-programmi mmirati lejn il-kisba bikrija tal-ħiliet bażiċi u approċċi personalizzati għat-tagħlim qed ifeġġu bħala strateġiji espliċiti fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi (13).

U FILWAQT LI JFAKKAR LI

B'rigward speċifiku għall-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija:

1.

Il-ħidma fuq il-MXT taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni sabet li l-pedagoġiji innovattivi kif ukoll l-għalliema kwalifikati tajjeb jistgħu jtejbu l-atteġġament tal-istudenti lejn l-MXT, u r-riżultati f'dawn l-oqsma. Dan jista' min-naħa tiegħu jwassal biex aktar studenti jsegwu studji f'dawn l-oqsam f'livelli ogħla u fl-aħħar nett biex jiżdied l-għadd ta' gradwati fil-MXT.

2.

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2007 Science education now: a renewed pedagogy for the future of Europe  (14) irrakkomanda użu akbar ta' xjenza skolastika bbażata fuq ir-riċerka, li tkisser l-iżolament tal-għalliema tax-xjenza permezz ta' netwerks, b'attenzjoni speċjali għall-atteġġament tal-bniet għall-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija, u l-ftuħ tal-iskejjel għall-komunità usa'.

JIRRIKONOXXI LI

1.

Il-kisba ta' ħiliet bażiċi – pedament għall-iżvilupp ta' kompetenzi ewlenin għal kulħadd fuq bażi ta' tagħlim tul il-ħajja ser ikollu rwol kruċjali fit-titjib tal-impjegabbiltà taċ-ċittadini, l-inklużjoni soċjali u s-sodisfazzjon personali tagħhom. Għalhekk hija meħtieġa azzjoni biex jiġu miġġielda l-prestazzjonijiet edukattivi baxxi u l-esklużjoni soċjali.

2.

Livell tajjeb ta' qari u numeriżmu, flimkien ma' konoxxenza solida tal-prinċipji bażiċi tad-dinja naturali u tal-kunċetti xjentifiċi fundamentali, jipprovdu l-bażi għall-kisba ta' kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja u b'hekk il-ħtieġa li jiġu indirizzati minn età bikrija.

3.

Il-ħiliet bażiċi tal-qari u l-matematika huma wkoll partijiet fundamentali mill-kompetenza ta' “tagħlim biex titgħallem”: jgħinu lill-individwi jaċċessaw, jiksbu, jipproċessaw, jassimilaw u jikkomunikaw għarfien u ħiliet ġodda, kif ukoll jgħinuhom isiru studenti awtonomi.

4.

Id-data internazzjonali, inkluż l-istudji PISA u TIMSS, identifikaw kwistjonijiet sistematiċi bħal differenzi bejn l-iskejjel u varjazzjonijiet tal-ambjenti tal-istudenti (pereżempju minħabba ċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi, il-livell tal-edukazzjoni tal-ġenituri, id-disponibbiltà tat-tagħmir tat-TIK fid-dar, eċċ) bħala fatturi li jaffettwaw il-prestazzjoni fil-qari, il-matematika u x-xjenza.

5.

Il-kwalifiki, il-kompetenzi u l-impenn tal-għalliema, il-kapijiet tal-iskejjel u l-edukaturi tal-għalliema huma fatturi importanti fil-kisba ta' eżiti edukattivi ta' kwalità għolja. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi pprovdut l-ogħla standard ta' edukazzjoni tal-bidu, induzzjoni u żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel, b'appoġġ minn servizzi ta' sostenn edukazzjoni u professjonali neċessarji.

6.

Il-kisba tal-punt ta' riferiment ġdid u ambizzjuż stabbilit taħt il-qafas strateġiku “ET2020” ser teħtieġ inizjattivi nazzjonali aktar effettivi. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, flimkien mal-isfida demografika, jenfasizza l-urġenza għat-titjib safejn ikun l-aktar possibbli tal-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni, filwaqt li jkompli jsir investiment b'mod effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex jintlaħqu l-isfidi ekonomiċi u soċjali attwali u dawk futuri.

JAQBEL LI

Fl-indirizzar tal-kwistjoni kumplessa tat-titjib tal-kisbiet fil-ħiliet fil-qari u l-MXT, għandha tingħata attenzjoni għal li ġej:

1.   It-tfassil tal-Curriculum

Dan jista' jinkludi kwistjonijiet bħal: bidu bikri għall-kisba ta' ħiliet bażiċi, approċċ ħolistiku għall-edukazzjoni li jinkludi l-iżvilupp tal-abbiltajiet kollha ta' kull tifel u tifla, l-użu ta' metodi ta' valutazzjoni ġodda u l-effett tagħhom fuq il-curriculum, l-użu ta' approċċi pedagoġiċi innovattivi bħall-edukazzjoni xjentifika bbażata fuq ir-riċerka (IBSE) u tagħlim ibbażat fuq il-problemi (PBL) fil-matematika u x-xjenza, attenzjoni kontinwa għall-ħiliet fil-qari fil-livelli kollha tal-edukazzjoni meta mqabbel ma' dak fil-fażijiet ta' qabel il-primarja u tal-primarja, u approċċi aktar personalizzati għall-istruzzjoni u t-tagħlim.

2.   Motivazzjoni għall-ħiliet fil-qari u l-MXT

Li jkun hemm kultura ta' qari fid-dar (kotba, gazzetti, kotba tat-tfal) kif ukoll fl-iskejjel, attivitajiet bikrija ta' litteriżmu qabel il-bidu tal-iskola, il-qari tal-ġenituri stess u l-atteġġament tagħhom, l-interessi, l-awtoeffikaċja u l-impenn tal-istudenti fl-attivitajiet tal-qari kemm fl-iskola u barra mill-iskola, kollha taw prova li għandhom impatt kruċjali fuq it-titjib tal-livelli tal-qari. Il-metodi tat-tagħlim għandom jisfruttaw aktar l-kurżità naturali tat-tfal fil-matematika u x-xjenza minn età bikrija. Huwa importanti li t-tfal jingħataw għajnuna biex isiru studenti awtonomi u motivati, li għalihom il-litteriżmu kif ukoll l-użu tal-kompetenzi matematiċi u xjentifiċi jsiru parti mill-ħajja ta' kuljum.

3.   L-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq il-ħiliet bażiċi u l-użu tagħhom biex l-istudenti jingħataw għajnuna ħalli jiksbu l-awtonomija u jibqgħu motivati

Dawn it-teknoloġiji, bħall-użu estiż tat-teknoloġiji tal-internet u t-telefowns ċellulari, biddlu n-natura u l-perċezzjoni tal-ħiliet fil-qari fis-seklu 21. L-influwenza tat-teknoloġiji l-ġodda fuq il-qari tat-tfal u l-kompetenzi matematiċi u xjentifiċi tagħhom għandhom jiġu studjati bir-reqqa, sabiex jiġu żgurati metodi xierqa biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tali teknoloġiji għal form ġodda ta' tagħlim.

4.   Id-dimensjoni tas-sessi

Hemm differenzi sinjifikanti bejn is-sessi fl-oqsma tal-ħiliet fil-qari, il-matematika u x-xjenza, kemm f'termini ta' atteġġament kif ukoll ta' prestazzjoni. Il-bniet spiss huma aktar motivati mis-subien biex jaqraw, u dan jagħmluh aħjar. Id-differenzi bejn is-sessi fil-prestazzjoni fil-MXT mhumiex sinjifikanti bħal dawk fil-qari. L-għażliet edukattivi għadhom fil-parti l-kbira ssegregati skont is-sessi. Is-subien għandhom tendenza li jkunu aktar interessati f'aktar studju u f'karriera fil-MXT mill-bniet. Ir-raġunijiet sottostanti għal tali xejriet għandhom jiġu investigati aktar u għandhom jiġu identifikati strateġiji effettivi bil-ħsieb li titnaqqas id-differenza bejn is-sessi kemm fil-prestazzjoni kif ukoll fl-atteġġament (15).

5.   In-natura tar-rabta bejn l-ambjent tal-istudent (kemm l-aspett soċjoekonomiku u dak kulturali) u l-livell ta' padrunanza soda fil-ħiliet bażiċi

Aktar hemm ċans li studenti li ġejjin minn ambjent soċjoekonomiku żvantaġġat u/jew ambjent ta' migrazzjoni, partikolarment dawk li jitkellmu lingwa differenti minn dik tal-pajjiż ospitanti, ikollhom prestazzjoni aktar baxxa fl-iskola. L-impatt tal-profil soċjali tal-istudenti u l-familji tagħhom jidher li huwa akbar fl-iskejjel fejn ikun hemm aktar studenti żvantaġġati (16).

6.   Għalliema u edukaturi tal-għalliema

L-edukazzjoni inizjali tal-għalliema, l-induzzjoni u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema għandhom jiffokaw fuq l-iżvilupp u l-prattika tal-kompetenzi meħtieġa biex l-għalliema ta' kwalunkwe suġġett ikunu jistgħu jirrinforzaw il-kisba ta' ħiliet bażiċi (b'mod partikolari l-ħila tal-qari), kemm fil-livell primarju u kif ukoll sekondarju. Barra minn hekk, sabiex jintgħelbu n-nuqqasijiet ta' kwalifiki, għandu jkun hemm aktar enfasi fuq l-edukazzjoni speċifika għas-suġġett ta' dawk li jispeċjalizzaw fl-edukazzjoni tal-ħiliet bażiċi (b'mod partikolari l-MXT). L-inkoraġġiment tan-netwerking bejn l-għalliema tal-MXT u r-rabta bejn l-edukazzjoni tal-MXT mal-komunità tar-riċerka u dik xjentifika u d-dinja tax-xogħol jistgħu wkoll jkunu ta' għajnuna f'dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi indirizzat l-iskwilibriju ġenerali fil-professjoni tat-tagħlim billi l-karrieri fit-tagħlim isiru aktar attraenti għall-irġiel, sabiex jiġi żgurat li l-istudenti jkollhom mudelli fiż-żewġ sessi.

7.   L-ethos u l-karatteristiċi tal-iskejjel

Dan jinkludi enfasi fuq l-istruzzjoni tal-qari, fuq l-innovazzjoni fl-istruzzjoni u fit-tagħlim, fuq il-kwalità tal-ħajja skolastika, kif ukoll il-post, id-daqs tal-iskola u l-ftuħ għad-dinja 'l barra mill-iskola, fuq il-kooperazzjoni mal-ġenituri u ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX

1.

Jistabbilixxu jew jiżviluppaw aktar approċċi nazzjonali strateġiċi għat-titjib tal-prestazzjoni tal-istudenti tal-iskejjel fil-ħiliet fil-qari, il-matematika u x-xjenza, waqt li tingħata attenzjoni partikolari għal studenti li ġejjin minn ambjent soċjoekonomiku żvantaġġat.

2.

Janalizzaw u jevalwaw l-effettività ta' approċċi eżistenti fil-livell nazzjonali sabiex jiżviluppaw aktar bażi ta' evidenza għat-tfassil ta' politika.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Tistabbilixxi grupp ta' esperti ta' livell għoli, li l-kompitu tiegħu għandu jkun li janalizza riċerka eżistenti, studji u rapporti internazzjonali dwar il-ħiliet fil-qari ffokati fuq il-kwistjonijiet deskritti f'dawn il-konklużjonijiet. Dan il-grupp għandu jeżamina l-iżjed modi effettivi u effiċjenti għall-appoġġar tal-ħiliet fil-qari fit-tagħlim tul-ħajja u, abbażi ta' eżempji ta' politika tajbin, għandu jislet konklużjonijiet u jagħmel proposti mmirati għall-appoġġar tal-politika fl-Istati Membri sal-ewwel nofs tal-2012.

2.

Bħala segwitu għall-ħidma tal-Grupp tal-MXT taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, jistabbilixxu grupp ta' ħidma tematiku ta' dawk li jfasslu l-politika u esperti mill-Istati Membri biex jappoġġaw il-progress lejn il-punt ta' riferiment ġdid “ET2020”.

3.

Jiffaċilitaw it-tagħlim bejn il-pari u l-identifikazzjoni u d-disseminazzjoni ta' prattika tajba bejn l-Istati Membri biex jinkisbu riżultati fil-ħiliet bażiċi, u jissorveljaw u jirrapportaw dwar il-progress lejn il-punt ta' riferiment “ET2020”.

U JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Jiżguraw li l-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali responsabbli għall-edukazzjoni fl-iskejjel isiru meta adatt, sabiex jittieħed kont tal-progress miksub fil-kooperazzjoni politika Ewropea dwar kwistjonijiet ta' skejjel, biex jinformaw lil dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika nazzjonali u biex jiddiskutu l-prijoritajiet għall-ħidma futura fil-livell tal-UE f'dan il-qasam u biex ir-riżultati ta' tali diskussjonijiet jiġu disseminati fost il-partijiet interessati kollha relevanti u, fejn adatt, diskussi fil-livell tal-Ministri.

2.

Jippromovu opportunitajiet għall-iżvilupp ta' proġetti pilota konġunti bejn l-Istati Membri mmirati lejn it-titjib ta' ħiliet bażiċi għaż-żgħażagħ kollha permezz ta' approċċi innovattivi. Il-proġetti jkunu organizzati fuq bażi volontarja f'konformità ma' kriterji maqbula konġuntament, ikunu soġġetti għal valutazzjoni komuni, u jagħmlu użu mill-istrumenti eżistenti tal-UE.

3.

Jużaw l-istrumenti rilevanti kollha, bħal dawk li jifformaw parti mill-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u, skont il-prijoritajiet nazzjonali, il-Fondi Strutturali Ewropej, sabiex jippromovu l-għanijiet imsemmija hawn fuq.


(1)  Ir-Rakkomandazzjoni Nru 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

(2)  Għall-finijiet ta' dan it-test, it-terminu “ħiliet bażiċi” għandu jinftiehem bħala ħiliet bażiċi fil-qari, il-matematika u x-xjenza, kif imsemmi fil-punt ta' riferiment Ewropew il-ġdid taħt il-qafas strateġiku “ET 2020”.

(3)  Dok. 7652/08, paragrafu 15, p. 10.

(4)  ĠU C 319, 13.12.2008.

(5)  ĠU C 119, 28.5.2009.

(6)  ĠU C 117, 6.5.2010.

(7)  Dokumenti EUCO 7/10 tas-26 ta' Marzu 2010 u 13/10 tas-17 ta' Ġunju 2010.

(8)  http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc34_en.htm

(9)  PISA 2006. (BG u RO huma iklużi fiċ-ċifra għall-2006 iżda mhux għall-2003).

(10)  N.B. Ċifri komparabbli għall-2000 mhumiex disponibbli.

(11)  PISA 2006.

(12)  Ara “Progress towards the Lisbon objectives in education and training: Indicators and benchmarks — 2009”, Kapitolu III, p. 97 dwar l-iskwilibriju fost il-gradwati fil-MXT.

(13)  Rapport Konġunt dwar il-progress lejn l-objettivi ta' Lisbona (COM(2009) 640).

(14)  Imħejji mill-grupp ta' esperti ta' livell għoli fix-xjenza skolastika taħt il-presidenza tal-MPE Michel Rocard. Ara http://www.ec.europa.eu/research/science-society/document_library/pdf_06/report-rocard-on-science-education_en.pdf

(15)  Ara Gender differences in educational outcomes: a study on the measures taken and the current situation in Europe (Eurydice, 2010).

(16)  PISA 2006 (OECD, 2007), Messages from PISA 2000 (OECD, 2004).


Top