Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XG0529(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tal- 25 ta' Mejju 2010 dwar ir-reviżjoni futura tas-sistema tat-Trade Marks fl-Unjoni Ewropea

    ĠU C 140, 29.5.2010, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.5.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 140/22


    Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2010 dwar ir-reviżjoni futura tas-sistema tat-Trade Marks fl-Unjoni Ewropea

    2010/C 140/07

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    1.

    IFAKKAR li f'Mejju 2007 huwa adotta konklużjonijiet rigward il-perspettivi finanzjarji tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “UASI”) u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema Komunitarja tat-trade marks (1);

    2.

    JIRRIKONOXXI l-qbil li ntlaħaq fit-18/19 ta' Settembru 2008 fil-laqgħa konġunta tal-Bord Amministrattiv u l-Kumitat tal-Baġit tal-UASI dwar pakkett ta' miżuri baġitarji immirati lejn bilanċjar aħjar tal-baġit tal-UASI fil-futur, dan il-pakkett jikkonsisti fi tliet elementi prinċipali: (i) it-tnaqqis tat-tariffi biex tinkiseb protezzjoni Komunitarja tat-trade marks, (ii) il-ħolqien ta' Fond ta' Kooperazzjoni u (iii) id-distribuzzjoni futura ta' 50 % tat-tariffi ta' tiġdid għall-uffiċċji nazzjonali tat-trade marks tal-Istati Membri (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Uffiċċji Nazzjonali”);

    3.

    JAQBEL li dawn il-miżuri baġitarji mhux biss jikkostitwixxu strumenti adatti u utli biex jiggarantixxu baġit ibbilanċjat għall-UASI fil-futur, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-immodernizzar, l-integrazzjoni, l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tas-sistema tat-trade marks fl-Ewropa kollha kemm hi fil-qafas ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-UASI u l-Uffiċċji Nazzjonali;

    4.

    JILQA' l-fatt li b'żieda mal-qbil ta' Settembru 2008, it-tariffi biex tinkiseb reġistrazzjoni Komunitarja tat-trade marks ġew imnaqqsa sostanzjalment bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 355/2009 b'effett mill-1 ta' Mejju 2009;

    5.

    JILQA' l-progress sinifikanti li l-UASI għamel fl-istabbiliment ta' Fond ta' Kooperazzjoni u JĦEĠĠEĠ lill-UASI biex jiffinalizza din il-ħidma bħala prijorità, sabiex il-Fond ikun kompletament operattiv bħala kwistjoni ta' urġenza u bil-parteċipazzjoni attiva tal-Uffiċċji Nazzjonali;

    6.

    IFAKKAR fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali (2);

    7.

    JILQA' t-tnedija mill-Kummissjoni tal-istudju dwar il-funzjonament ġenerali tas-sistema tat-trade marks fl-Ewropa u JAPPOĠĠA l-objettivi tagħha kif speċifikati fit-termini ta' referenza;

    8.

    JIEĦU NOTA tar-riżultati intermedji tal-istudju ppreżentat lill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Proprjetà Intellettwali fil-25 ta' Marzu 2010;

    9.

    IĦEĠĠEĠ lill-Kummissjoni biex tiffinalizza l-istudju bil-għan li tibni pedament sod għall-inizjattivi leġislattivi sussegwenti tagħha;

    10.

    JIRRIKONOXXI l-fatt li l-parti l-kbira tal-assoċjazzjonijiet ta' utenti tas-sistema Komunitarja tat-trade marks huma sodisfatti b'din is-sistema, kif ukoll bil-prinċipju ta' koeżistenza bejn it-trade marks Komunitarji u dawk nazzjonali, u jaraw il-ħtieġa li din tiġi rfinata permezz ta' reviżjoni futura, b'kont meħud tal-ħtieġa għal relazzjoni bbilanċjata bejn is-sistema Komunitarja tat-trade marks u dawk nazzjonali;

    11.

    JAGĦRAF li t-trade marks nazzjonali jkomplu jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' numru kbir ta' applikanti, u li, għalhekk, il-protezzjoni nazzjonali tat-trade marks għandha tibqa' possibbiltà għal dawn l-applikanti;

    12.

    IFAKKAR fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Settembru 2009 dwar it-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (3);

    13.

    IFAKKAR fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (4);

    14.

    JAPPELLA lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u d-Direttiva 2008/95/KE biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks.

    Din ir-reviżjoni għandha tinkludi b'mod partikolari:

    l-introduzzjoni ta' dispożizzjoni speċifika biex jiġi ddefinit il-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-UASI u l-Uffiċċji Nazzjonali;

    ikun ċar li l-armonizzazzjoni tal-prattika u l-għodod hija għan li l-uffiċċji kollha tat-trade marks fl-UE għandhom isegwu u li l-isforzi f'dan il-qasam għandhom jiġu appoġġati u ffaċilitati mill-UASI bl-involviment attiv tal-Bord Amministrattiv tiegħu;

    l-istabbiliment ta' bażi legali ċara għall-involviment tal-UASI f'attivitajiet relatati mal-infurzar, inkluża l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, b'mod partikolari permezz tat-trawwim tal-kooperazzjoni tiegħu mal-Uffiċċji Nazzjonali, f'konformità mal-kompetenzi nazzjonali tagħhom, u l-Osservatorju Ewropew għall-ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni u l-Piraterija (5);

    il-ħolqien ta' bażi legali għad-distribuzzjoni ta' ammont ekwivalenti għal 50 % tat-tariffi ta' tiġdid tal-UASI għall-Uffiċċji Nazzjonali f'konformità ma' kriterji ta' distribuzzjoni ġusti, ekwi u rilevanti, li għandu jiġi ddefinit b'mod li jiggarantixxi, fost l-oħrajn, ammont minimu għal kull Stat Membru, kif ukoll l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi adatti li jqisu b'mod dovut l-arranġamenti finanzjarji applikabbli għall-Uffiċċji Nazzjonali individwali, biex jiġi żgurat li dawn il-fondi jkunu disponibbli għall-Uffiċċji Nazzjonali u jintużaw għal finijiet relatati mill-qrib mal-protezzjoni, il-promozzjoni u/jew l-infurzar tat-trade marks, inkluża l-ġlieda kontra l-falsikfikazzjoni;

    emendi u miżuri oħra, fejn adatt, immirati li jappoġġaw ir-relazzjoni komplementari bejn is-sistema Komunitarja tat-trade marks u dawk nazzjonali;

    miżuri sabiex id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (verżjoni kodifikata) (6) tkun aktar konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (verżjoni kodifikata) (7) u biex b'hekk jikkontribwixxu aktar għat-tnaqqis ta' oqsma ta' diverġenza ġewwa s-sistema tat-trade marks fl-Ewropa kollha kemm hi.


    (1)  Dokument tal-Kunsill 9427/07.

    (2)  Dokument tal-Kunsill 12267/08.

    (3)  Dokument tal-Kunsill 13286/09.

    (4)  ĠU C 56, 6.3.2010, p. 1.

    (5)  B'riferiment speċjali għall-punti 24 u 38 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

    (6)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25.

    (7)  ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.


    Top