Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC1126(06)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 321, 26.11.2010, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 321/28


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 321/11

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“LIQUIRIZIA DI CALABRIA”

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0644-24.09.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Liquirizia di Calabria”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.8.

Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

Klassi 2.4.

Ħobż, prodotti tal-għaġina, ħelu, gallettini u xogħol ieħor tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

Id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Liquirizia di Calabria” hi rriżervata biss għal-likorizja friska jew mnixxfa u għall-estratt tagħha. Din il-likorizja għandha tiġi mill-kultivazzjonijiet u mill-pjanti spontanji ta' Glychirrhiza glabra (Fam. Legumi), fil-“varjetà typika” tal-Calabria msejħa “Cordara”.

Meta tinħareġ għall-konsum, il-“Liquirizia di Calabria” DPO tippreżenta l-karatteristiċi li ġejjin:

 

Għerq frisk

Kulur isfar lewn it-tiben

Togħma ħelwa, aromatika, qawwija u persistenti

Indewwa bejn 48 u 52 %.

Aċidu gliċirriziku bejn 0,60 u 1,40 %;

 

Għerq imnixxef

Kulur minn isfar lewn it-tiben għall-isfar ċar fil-kannella

Togħma ħelwa, ta' frott u kemxejn qawwija

Indewwa bejn 6 u 12 %.

Aċidu gliċirriziku bejn 1,2 u 2,4 %

 

Estratt tal-għerq:

Kulur minn kannella skur għall-iswed

Togħma ħelwa-qarsa, aromatika, qawwija u persistenti

Indewwa bejn 9 u 15 %.

Aċidu gliċirriziku bejn 3 u 6 %.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-fażijiet kollha ta' produzzjoni, mill-kultivazzjoni sal-ħsad, u l-attivitajiet ta' tnixxif u ta' pproċessar iridu jsiru fiż-żona identifikata fil-punt 4.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

Il-“Liquirizia di Calabria” DPO tinbiegħ f'pakketti tal-kartun, tal-ħġieġ, tal-metall, taċ-ċeramika, tal-polipropilene u tal-polietilen u fil-materjali kollha aċċettati mil-liġijiet fis-seħħ dwar l-ippakkjar ta' prodotti tal-ikel. Il-pakketti jista' jkollhom piż li jvarja bejn 5 g u 25 kg. Madankollu kull pakkett irid ikun issiġillat b'mod li meta jinfetaħ jinkiser is-siġill.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Fuq it-tikketta, għandu jiġi indikat, il-logo tad-denominazzjoni, in-numru tas-serje maħruġ mill-entità ta' kontroll, u d-data tal-ippakkjar tal-prodott f'kull wieħed mill-kontenituri. Il-logo tad-denominazzjoni “Liquirizia di Calabria” DPO jirrappreżenta b'mod stilizzat, kaxxa b'forma ta' djamant bi ġnub indaqs u b'angoli ta' 90° grad. Id-daqs minimu għall-istampar ta' ġewwa l-logo hu ta' 0,5 ċm kemm fit-tul u kemm fil-wisa'. Il-logo tad-denominazzjoni jista' jiġi stampat f'kull kulur.

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ta' produzzjoni tal-“Liquirizia di Calabria” tiġbor fiha t-territorji muniċipali mniżżla b'mod iddettaljat fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, fejn tiġi rreġistrata l-preżenza spontanja jew ikkultivata tal-pjanta Glycyrrhiza Glabra“varjeta' typika” tal-Kalabrija msejħa “Cordara” sa altitudni ta' 650 m mil-livell tal-baħar. Din iż-żona hi identifikata mit-Tramuntana tal-grupp ta' qċaċet ta' muntanji ta' Pollino u tibqa' nieżla naqra naqra lejn il-Grigal sat-territorju ta' Rocca Imperiale, biex b'hekk tiġi separata mir-reġjun tal-Basilicata. Iż-żona tinkludi t-territorji tal-wied ta' Crati fuq iż-żewġ naħat tax-xmara li tgħaddi min-Nofsinhar għat-Tramuntana u tiżbokka fil-Grigal fil-Baħar Jonju, u li taqsam ukoll il-pjanura ta' Sibari. Fuq in-naħa tal-Baħar Tirren, iż-żoni kkonċernati, huma dawk inklużi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar bejn it-territorju ta' Falconara Albanese u dak ta' Nicotera. Fuq in-naħa tal-Baħar Jonju, huma inklużi ż-żoni li mit-Tramuntana jiltaqgħu mal-Pjanura ta' Sibari, il-pjanura vasta ta' Crotone, fit-tarf nett tal-Calabria.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona storika ta' produzzjoni tal-likorizja kienet iż-żona kostali tal-Calabria u b'mod partikolari, iż-żona prinċipali li qiegħda bejn il-muniċipalitajiet ta' Villa Piana, Cerchiara di Calabria, Cassano-Sibari, Corigliano Calabro u Rossano li qegħdin fil-pjanura ta' Sibari, minħabba l-predispożizzjoni naturali tal-ħamrija tal-pjanura, magħmula minn elementi silikużi, mimlija żrar u b'fattur ta' ph newtrali. Anke mil-lat klimatiku, il-pjanura ta' Sibari, fejn sal-lum għad hemm l-akbar produzzjoni ta' likorizja, għandha kundizzjonijiet favorevoli għad-diffużjoni ta' din il-pjanta, minħabba l-viċinanza tal-muntanji u n-nuqqas ta' rjieħ, peress li l-Pollino u s-Sila tal-madwar iservu ta' barriera naturali. Il-pjanti tal-likorizja jikbru kemm b'mod spontanju kif ukoll jiġu kkultivati mal-kosta u huma mifruxa fuq il-pjanuri tal-kosta tal-Baħar Tirren (Lamezia, Falerna, Nocera Tirenese...) u tal-Baħar Jonju (Crotone, Isola Capo Rizzuto, Chiaravalle, Badolato, Roccella Jonica...) għaż-żoni interni tal-għoljiet, jibqgħu sejrin matul il-widien tax-xmajjar prinċipali tal-Calabria sal-muntanji ta' ġewwa li minħabba l-konformazzjoni partikolari tagħhom igawdu benefiċċji mill-influwenza tal-baħar. Għalhekk, anke bosta kilometri 'l bogħod mill-kosta, il-likorizja għandha l-istess karatteristiċi. Il-klima, bla ebda dubju mediterranja, bi sjuf twal, sħan u xotti u xtiewi mhux ħorox, tiddetermina d-diffużjoni uniformi tal-Glychyrrhiza glabra“varjetà typika” (msejħa Cordara) fiż-żona kollha kkunsidrata.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-“Liquirizia di Calabria” DPO, bla dubju tiddistingwi ruħha minn varjetajiet simili mil-lat kimiku-fiżiku, minħabba l-preżenza ta' metaboliti sekondarji fosthom is-sustanza attiva li tiddefinixxi l-karatteristiċi kummerċjali u farmaċewtiċi. Aċidu gliċirriziku. Dan hu saponin preżenti fil-likorizja ta' Kalabrija li għandha perċentwali medja inqas fir-rigward tal-prestazzjoni tal-istess speċi u varjetà u li proprju minħabba din ir-raġuni hija mfittxa ħafna fis-suq. Kif intqal, ir-riżultati ta' studji riċenti enfasizzaw aħjar id-differenza bejn il-“liquirizia di Calabria” u dawk li ġejjin minn reġjuni oħra li huma viċin fil-kontenut ta' aċidu gliċirriziku, li huma nettament inferjuri għal dak li jinstab fl-għeruq li ġejjin minn reġjuni oħra, iżda anke minħabba l-kontenut baxx ta' zokkrijiet.

Studju ieħor li sar fuq il-frazzjoni volatili enfasizza d-differenza kbira bejn l-għamla tal-“liquirizia di Calabria” meta mqabbla ma' oħrajn ta' oriġini kemm Taljana kif ukoll ta' oriġini barranija. Fl-aħħar, it-tqabbil bejn l-estratti tal-likorizja li ġejjin minn pajjiżi oħra, wera li fil-“liquirizia di Calabria” hemm kompożizzjoni differenti bejn il-kwantità u l-kwalità fil-komposti fenoliċi.

B'mod partikolari tidher biċ-ċar il-preżenza ta' frazzjoni żgħira ta' liquiritigenina, isoliquiritigenina filwaqt li proporzjonijiet sinifikanti huma rappreżentati mil-Licochalcone A li jidher nieqes f'kampjuni oħra u preżenti flimkien mal-Licochalcone B f'oħrajn.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-Calabria hi reġjun li, minħabba l-konformazzjoni u t-terren tagħha, tippreżenta karatteristiċi totalment uniċi fir-rigward tar-reġjuni l-oħra Taljani.

It-tarf estrem tal-peniżola Taljana, il-Calabria hi minnha stess ikkunsidrata peniżola twila u dejqa mdawra bil-baħar għal madwar 800 km li, għalkemm minn ċertu aspetti tista' tiġi mqabbla mal-Puglia, f'oħrajn turi li hi totalment differenti minnha. Fil-fatt, il-Calabria hi maqsuma b'mod lonġitudinali f'żewġ partijiet mill-katina ta' muntanji Apenninni, element li hu assolutament uniku fil-panorama tar-reġjuni Taljani.

Il-konformazzjoni u t-terren jiddeterminaw fil-Calabria kundizzjonijiet bijoloġiċi, pedoloġiċi u klimatiċi li huma assolutament uniċi u speċifiċi fir-rigward tal-bqija tal-peniżola f'termini ta' temperaturi medji, varjazzjoni ta' temperaturi, umdità, xita, preċipitazzjoni, riħ, eljofanija u radjazzjoni tax-xemx u għalhekk it-temperatura tal-ħamrija, elementi li jidhru sew minn għadd kbir ta' studji xjentifiċi. Il-ħabitat partikolari, matul is-sekli, għamel pressjoni adattiva qawwija fuq l-ispeċi u għalhekk pressjoni selettiva li tinfluwenza r-rendiment f'termini ta' karatteristiċi komponentali, nutrizzjonali u aromatiċi li jispjegaw it-tip speċifiku ta' kimika. il-“liquirizia di Calabria”.

Din it-tipoloġija partikolari ta' likorizja hi distintiva tar-reġjun tal-Calabria. Fil-fatt, din kienet diġà magħrufa sew fis-seklu sbatax, kif jidher f'għadd kbir ta' dokumenti fosthom il-famuż “Trattato di terapeutica e farmacologia” Volum I (1903) fejn jiġi ddikjarat li “… L-ispeċi li qed tipprovdihom hi l-Glycyrrhiza Glabra (Legumi Papillonacee), li hija ġejja mil-Lbiċ tal-Ewropa. Xi drabi, l-għerq uffiċinali hu nnominat bl-isem ta' Liquirizia di Calabria, biex tintgħaraf mil-likorizja tar-Russja, aktar ċara, ipprovduta mill-Glycyrrhiza glandulifera jew mill-echinata li tinstab fil-Lbiċ tal-Ewropa”.

Barra min hekk, il-famuża Enċiklopedija Brittanika, fl-“erbatax -il edizzjoni” tagħha (1928) allegat: “… Il-preparazzjoni tal-meraq hi industrija estiża ħafna matul il-kosta Mediterranja: iżda l-kwalità l-aktar apprezzata fir-Renju Unit hi Magħmula fil-Calabria …”.

L-opinjoni espressa mill-Enċiklopedija Brittanika hi kkonfermata f'rapport tad-Dipartiment Statali tal-Istati Uniti “The licorice plant” (1985).

Il-“Liquirizia di Calabria” hija “prodott” kumpless riżultat tal-interazzjoni tan-natura mal-ħidma tal-bniedem, li kien trażmess seklu wara l-ieħor u sar parti dinjituża mit-tradizzjoni tar-reġjun tal-Calabria hekk kif jidher fil-Pittura ta' Saint-Non li tmur lura għall-1700, fi “Stato delle persone in Calabria. I concari.” ta' Vincenzo Padula li jmur lura għall-1864, fid-dokument SVIMEZ “Piante officinali in Calabria: rekwiżiti u prospetti” tal-1951, f' “Pece e liquirizia nei casali cosentini del Settecento: forma d'industrie e forze di lavoro” ta' Augusto Placanica tal-1980, f' “I ‘Conci’ e la produzione del succo di liquerizia in Calabria” ta' Gennaro Matacena miktub fl-1986, f' “La dolce industria. Conci e liquirizia in provincia di Cosenza dal XVIII al XX secolo” ta' Vittorio Marzi u oħrajn tal-1991, u f'ħafna aktar testi ppubblikati bejn l-1700 u l-2000.

Fil-Calabria tat-tieni parti tas-seklu tmintax, il-kultivazzjoni tal-likorizja kienet estiża tul il-kosta Jonika kollha, l-aktar fil-fruntiera tat-Tramuntana mal-Lucania u l-pjanura vasta ta' Sibari, fejn kienet tikber bil-bosta sa Crotone u Reggio Calabria. Iżda kienet abbundanti wkoll fil-wied ta' Crati li minn Cosenza jasal fil-pjanura ta' Sibari, kif ukoll f'medda wiesgħa taż-żona kostali Tirrenika.

Referenza għall-Pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni:

Din l-amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni għall-proposta ta' rikonoxximent tad-DPO “Liquirizia di Calabria”, fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 180 tal-4 ta’ Awwissu 2007. It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab disponibbli fuq:

 

http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

 

billi wieħed jidħol fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrijn) u fl-aħħar fuq “Disciplinari di produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top