Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC1126(04)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 321, 26.11.2010, p. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 321/18


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2010/C 321/09

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “PIMIENTO ASADO DEL BIERZO”

    Nru tal-KE: ES-PGI-0105-0262-30.06.2009

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda:

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Image

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Image

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn (għandu jiġi speċifikat)

    2.   Tip ta’ emenda/i:

    Image

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP rreġistrata, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda/i:

    3.1.   Żona ġeografika:

    L-ispeċifikazzjoni inizjali kif ukoll is-sommarju ppubblikat, stabbilew li ż-żona tal-produzzjoni agrikola u dik tal-ipproċessar jew tat-tisjir tal-bżar jikkoinċidu b’tali mod li jkopru 17-il muniċipalità tar-reġjun ta’ Bierzo. L-emenda proposta tikkonsisti fin-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet ġeografiċi għaż-żona tal-ipproċessar b’tali mod li jkun jista’ jitwettaq it-tisjir tal-bżar fi kwalunkwe reġjun. Fil-fatt, ma hemmx aspetti naturali marbuta mal-ambjent ġeografiku li jiġu trasmessi lill-prodott waqt it-tisjir tal-bżar.

    3.2.   Tikkettar:

    Qed jiġu introdotti preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar l-użu tal-indikazzjoni ġeografika fil-każ tal-prodotti pproċessati sabiex ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal kontrolli.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “PIMIENTO ASADO DEL BIERZO”

    Nru tal-KE: ES-PGI-0105-0262-30.06.2009

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem:

    “Pimiento Asado del Bierzo”

    2.   Stat membru jew Pajjiż Terz:

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

    3.1.   Tip ta’ prodott:

    Klassi 1.6:

    Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

    Il-prodott li għandu jiġi protett huwa l-frotta tal-pjanta tal-bżar (Capsicum annuum L.) tal-ekotip Bierzo, maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tiġi ggrilljata u kkonservata.

    Il-bżar, li jappartjeni lill-ekotip ta’ Bierzo, jiġbor individwi b’karatteristiċi ġenetiċi identiċi għal dawk tal-varjetà ta’ appartenenza, adattati għall-kundizzjonijiet tar-reġjun ta’ Bierzo u li għandhom differenzi morfoloġiċi u fiżjoloġiċi marbuta mal-ambjent li jagħtihom preċiżament l-isem ta’ “pimiento del Bierzo”.

    1.

    Il-karatteristiċi fiżiċi u morfoloġiċi li għandu jkollu bżar frisk huma dawn li ġejjin:

    —   Superfiċje: uċuħ lixxi bi ftit xquq u bi ftit marki fuqhom, mingħajr għafsiet. Qoxra lixxa u tleqq, mingħajr tikmix u partijiet ratba, b’kulur li jvarja minn aħmar ċar sa aħmar skur. Il-bżar li jkollu partijiet ħodor għandu jiġi skartat.

    —   Numru ta’ lobi: 3-4

    —   Konformazzjoni: trijangolari mtawla, tul ta’ iktar minn 10 ċm u wisa’ ta’ iktar minn 6 ċm.

    —   Tarf ta’ fuq: ponta spuntata.

    —   Perikarpu: intern sod li jittollera l-pressjoni manwali mingħajr ma ssirlu ħsara. Il-ħxuna medja tal-intern tal-bżar hija inqas minn 8 mm.

    —   Piż għal kull unità: iktar minn 160 g.

    2.

    Il-karatteristiċi ta’ kwalità minimi li għandu jkollu l-bżar frisk huma dawn li ġejjin:

    Bżar sħiħ, żviluppat sew, mogħni b’pedunkulu, nadif u mingħajr indewwa esterna, ħielsa minn kull materja barranija viżibbli jew minn kull riħa stramba.

    F’każ ta’ difett fis-superfiċje li għandu oriġini sanitarja jew klimatika, l-erja totali tas-superfiċje ta’ dan ma għandux jaqbeż il-1 ċm2 għal kull bżara.

    Il-bżar għandu jżomm il-forma u l-konsistenza tiegħu; il-frott b’malformazzjoni jew b’deformazzjoni jiġi kkunsidrat bħala difettuż.

    3.

    Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi li għandu jkollu bżar frisk huma dawn li ġejjin:

    —   Kulur: minn aħmar ċar sa aħmar skur.

    —   Riħa: riħa tipika ta’ bżar iggrilljat u ta’ affumikazzjoni.

    —   Togħma: togħma primarja ftit morra u jħalli togħma, bejn medja u dgħajfa, ta’ affumikazzjoni u ftit pikkanti.

    —   Superfiċje: bi ftit xquq.

    —   Frammenti ta’ qoxra maħruqa: inqas minn 1,5 ċm2 għal 100 g. ta’ bżar.

    —   Preżenza ta’ żerriegħa: sa 10 żerrigħat għal kull 100 g. ta’ bżar.

    —   Stokk: likwidu ftit magħqud.

    —   Struttura: tarija jew ratba b’konsistenza li tvarja minn medja sa ratba.

    —   Omoġeneità: il-kontenut tar-reċipjent għandu jkun omoġenju fejn għandhom x’jaqsmu l-kulur, il-forma, id-daqs u l-konsistenza.

    —   Karboidrati: inqas minn 5 %. Dan jagħti t-togħma tipika, ftit morra.

    —   Fibri tal-ikel: inqas minn 3 %. Dan jagħti l-konsistenza tarija tal-bżar.

    Il-bżar iggrilljat ikkonservat jista’ jkun sħiħ jew imqatta’ f’biċċiet. Meta jkun sħiħ, huwa għandu jappartjeni għall-kategorija kummerċjali Extra jew I u meta jkun imqatta’ f’biċċiet, għall-kategorija I, f’konformità mal-istandard ta’ kwalità fis-seħħ għall-ħaxix ippreżervat, applikabbli għall-bżar ippreżervat.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

    3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

    Il-produzzjoni tal-bżar għandha ssir fiż-żona ġeografika identifikata, li tinsab fiċ-ċentru tar-reġjun ta’ Bierzo.

    L-art irid ikollha ħamrija mhux kompatta, li jkollha pH bejn 5,0 u 7,0 u tkun iddedikata għall-kultivazzjoni tal-bżar tal-ekotip ta’ Bierzo. Hija awtorizzata biss tisqija permezz ta’ tisqija bil-qatra jew bil-friefet sabiex ikun evitat li l-parti ta’ isfel tal-pjanta tiġi f’kuntatt mal-ilma. Il-ħsad isir manwalment u jinfirex tul perjodu ta’ żmien, f’diversi passaġġi. F’kull passaġġ, jintgħażel il-bżar li jkollu l-karatteristiċi l-iktar konformi ma’ dawk indikati fl-ispeċifikazzjoni.

    Il-produzzjoni tal-bżar tal-ekotip “El Bierzo” f’din iż-żona hija l-element fundamentali li jagħti l-kwalitajiet lill-prodott finali, anki meta t-tisjir tiegħu ma jsirx fiż-żona msemmija.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

    L-istabbilimenti tal-ipproċessar u tal-ippakkjar awtorizzati mill-Kunsill Regolatur għandhom jużaw tikketti li għandhom fuqhom il-kelmiet “Indicación Geográfica Protegida Pimiento Asado del Bierzo” u l-logo tal-Kunsill Regolatur.

    Kwalunkwe tip ta’ reċipjent li fih jinbiegħ il-bżar iggrilljat protett għandu jkollu kodiċi numeriku mogħti mill-Kunsill Regolatur, li jitwaħħal mill-istabbilment tal-ippakkjar awtorizzat.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni agrikola identifikata tinsab fiċ-ċentru tar-reġjun ta’ Bierzo, fl-ibgħad Grigal tal-provinċja ta’ Léon, li tagħmel parti mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-Léon u li tkopri l-muniċipalitajiet li ġejjin:

    Arganza, Bembibre, Borrenes, Cabañas Raras, Cacabelos, Camponaraya, Carracedelo, Carucedo, Castropodame, Congosto, Cubillos del Sil, Molinaseca, Ponferrada, Priaranza, Sobrado, Villadecanes-Toral de los Vados u Villafranca del Bierzo.

    Mhija applikata l-ebda restrizzjoni ġeografika għaż-żona fejn jiġi ggrilljat il-bżar.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika:

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

    Iż-żona ġeografika identifikata tikkonsisti f'wied tettoniku mdawwar minn barriera muntanjuża magħmula minn diversi sierras (sjerri) u muntanji, bil-wied ta’ Sil jikkostitwixxi l-uniku ħruġ faċli. L-altitudni medja tal-muniċipalitajiet produtturi tal-bżar hija bejn wieħed u ieħor ta’ 550 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.

    Il-ħamrija li fiha jiġi kkultivat il-bżar mhijiex kompatta, imma hija fonda, ratba, permeabbli u l-ilma jiskula pjuttost sew minnha. Hija fqira f’materja organika, fil-kalċju, fil-fosfru, fil-potassju u fis-sodju, b’relazzjoni bejn il-karbonju u n-nitroġenu ta’ bejn 8 u 10. Il-valuri tal-pH tagħha huma xi ftit aċidużi, bejn 5,5 u 7,0.

    Ir-reġjun ta’ Bierzo jgawdi minn klima Mediterranja (“indiċi ta’ Mediterranjetà” ta’ 5,28). Hija żona adattata għall-kultivazzjoni tal-bżar, għaliex ikollha diversi sigħat ta’ xemx, temperaturi medji annwali ta’ 12,5 °C u livell medju annwali ta’ xita ta’ 800 mm.

    Il-perjodu twil tal-ġlata jibda immedjatament fil-11 ta’ Novembru u jibqa’ sejjer sal-4 ta’ April u ġeneralment jippermetti li l-bżar jitħawwel fil-bidu tax-xahar ta’ Mejju u li jinħasad bejn nofs Awwissu u l-bidu tax-xahar ta’ Novembru.

    In-numru ta’ sigħat ta’ xemx, ir-radjazzjoni tax-xemx u t-temperatura għandhom impatt dirett fuq ir-rata baxxa ta’ karboidrati ġġenerati mill-attività fotosintetika tal-pjanta (inqas minn 5 %), li jagħti lill-bżar dik it-togħma ftit morra tiegħu, waħda mill-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott.

    Il-kontenut ta’ fibri tal-ikel – prinċipalment iċ-ċelluloża – li jiddependi wkoll mill-attività fotostintetika, huwa baxx (inqas minn 3 %) u dan jagħti konsistenza tarija lill-bżar li faċilment tingħaraf fost il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

    L-ispeċifiċità tal-prodott hija attribwibbli għall-oriġini ġeografika tal-produzzjoni li tagħti lill-bżaru tal-ekotip ta’ Bierzo livelli baxxi ta’ karboidrati u ta’ fibri tal-ikel, u dan jissarraf fil-konsistenza tarija u t-togħma xi ftit morra tal-bżaru ggrilljat.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

    Ir-rata baxxa ta’ karboidrati ġġenerati mill-attività fotosintetika tal-pjanta hija marbuta direttament man-numru ta’ sigħat ta’ xemx, mar-radjazzjoni tax-xemx u mat-temperatura.

    Il-kontenut ta’ fibri tal-ikel – prinċipalment iċ-ċelluloża – li wkoll jiġi ddeterminat mill-attività fotosintetika, huwa baxx.

    Barra min hekk, ir-referenzi storiċi u letterarji jixhdu r-reputazzjoni tal-prodott, ibbażata fuq it-tradizzjoni tal-kultivazzjoni tal-bżar kif ukoll fuq il-karatteristiċi tat-tisjir tiegħu u tal-ippakkjar tiegħu.

    Il-metodu tradizzjonali tat-tisjir, fuq grill jew fil-forn, li jaħdem bil-ħatab jew bil-gass, ma jbiddilx il-kwalità tal-prodott. B’dan il-metodu l-bżar ikollu, u jħalli, togħma ta’ affumikazzjoni li ma tinbidilx biż-żieda ta’ kwantità żgħira ta’ żejt, ta’ melħ u ta’ meraq tal-lumi jew ta’ aċidu ċitriku.

    Il-proċess kollu li jikkonsisti fl-iggrilljar, fit-tneħħija taż-żerriegħa u ta’ materjal ieħor ta’ ġewwa u fit-tneħħija tal-qoxra tal-bżar jitwettaq manwalment mingħajr l-użu ta’ soluzzjonijiet kimiċi u lanqas ta’ tlaħliħ bl-ilma. Din hija r-raġuni għaliex il-bżar iggrilljat xi drabi jibqagħlu xi żerriegħa u xi frammenti ta’ qoxra maħruqa li jattestaw l-ipproċessar manwali tiegħu.

    Meta jiġi kkunsidrat li dawn l-operazzjonijiet ta’ tisjir jistgħu jitwettqu fl-istess kundizzjonijiet fi kwalunkwe reġjun ieħor, ġie deċiż li ż-żona tal-ipproċessar ma tiġix ristretta.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    http://www.itacyl.es/opencms_wf/opencms/system/modules/es.jcyl.ita.extranet/elements/galleries/galeria_downloads/calidad/pliegos_IGP/IGP_Pimiento_Asado_Bierzo.pdf


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top