Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0921(02)

    Proposta ta’ Għeluq tal-Ilment CHAP 2010/19

    ĠU C 253, 21.9.2010, p. 5–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 253/5


    Proposta ta’ Għeluq tal-Ilment CHAP 2010/19

    2010/C 253/03

    Is-servizzi tal-Kummissjoni lestew l-inkjesta tagħhom dwar l-ilment CHAP 2010/19 dwar ir-rimunerazzjoni tal-persuni li m’għandhomx il-kwalifika bażika fil-mediċina iżda li għandhom aċċess, fl-Italja, għal taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni f’sitt oqsma speċifiċi: il-biokimika klinika, il-mikrobiologija u l-viroloġija, il-patoloġija klinika, il-ġenetika medika, ix-xjenza alimentari u l-farmakoloġija medika.

    Wara eżami tal-ilment u d-dokumentazzjoni trasmessa mill-awturi tal-ilmenti, fid-dawl tal-liġi komunitarja applikabbli fil-qasam, is-servizzi tal-Kummissjoni waslu għall-konklużjoni li f’dan l-istadju, ma jista’ jinstab l-ebda ksur tad-Direttiva 2005/36/KE f’dan il-każ partikolari.

    Billi d-Direttiva 93/16/KEE tapplika biss għat-tobba, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li t-tobba speċjalisti li jkunu f’taħriġ jiksbu rimunerazzjoni xierqa japplika biss għall-persuni li jkunu kisbu t-taħriġ mediku bażiku. Dan l-obbligu ġej speċifikament mid-Direttiva 82/76/KEE li kienet emendat id-Direttiva 75/363/KEE, li t-tnejn ġew ikkodifikati permezz tad-Direttiva 93/16/KEE, li ġiet revokata mid-Direttiva 2005/36/KE. Din tal-aħħar tistipula fl-Artikolu 25(3) din it-tip ta’ rimunerazzjoni xierqa għat-tobba li jkunu kisbu t-taħriġ mediku bażiku.

    L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 82/76/KEE kienet l-1 ta’ Jannar 1983. B’sentenza tas-7 ta’ Lulju 1987, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-KE għarfet li l-Italja kienet naqset mill-obbligi tagħha billi ttrasponiet biss id-Direttiva 82/76/KEE fiż-żmien stipulat. Permezz tad-digriet leġislattiv Nru 257/91 adottat fl-1991 (dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1991), l-Italja ttrasponiet id-Diretttiva.

    Il-fatt li l-Italja tagħti aċċess għal persuni li jkunu kisbu ċertu tip ta’ taħriġ xjentifiku minbarra t-taħriġ mediku bażiku għal ċertu taħriġ speċjalizzat, ma jbiddel bl-ebda mod l-obbligu li jirriżulta lill-Istati Membri li jiggarantixxu rimunerazzjoni xierqa lit-tobba kollha li jsegwu taħriġ mediku speċjalizzat.

    Minħabba dan u ħlief jekk fl-erba’ ġimgħat ta’ wara din il-pubblikazzjoni, jiġu ppreżentati elementi ġodda li juru ksur, is-servizzi tal-Kummissjoni jagħlqu l-każ irreġistrat.


    Top