Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0805(01)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 212, 5.8.2010, p. 9–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 212/9


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2010/C 212/07

    Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    Applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 9

    “MONTASIO”

    Nru tal-KE: IT-PDO-0217-0012-10.03.2006

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni għall-emendar:

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Image

    Metodu ta' produzzjoni

    Rabta

    Image

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn ( )

    2.   Tip ta' emenda/i:

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sinteżi

    Image

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP reġistrata li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sinteżi ma ġew ippubblikati

    Emenda għall-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġx emendi għad-dokument uniku ppublikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-adozzjoni ta' miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda (emendi):

    3.1.   Metodu ta' produzzjoni:

    Qed tiddaħħal il-possibbiltà li jintuża ħalib minn 4 ħalbiet.

    In-nuqqas ta' mezzi adegwati għall-konservazzjoni tal-ħalib, speċjalment fix-xhur tas-sajf, wassal sabiex l-azjendi jdaħħlu sistemi tat-tkessiħ tal-ħalib sabiex il-ħalib jiġi kkonservat u tittejjeb il-kwalità tiegħu.

    Bħalissa kważi l-azjendi kollha jinsabu attrezzati b'dan il-mod u għalhekk l-azjendi tal-produzzjoni tal-ġobon jiġbru l-ħalib li jkun ġie mkessaħ sakemm jilħaq temperatura regolari ta' bejn + 4 °C u + 8 °C, li huma temperaturi tal-ħżin stabbiliti mir-regoli tal-produzzjoni fis-seħħ. L-introduzzjoni tas-sistemi awtomatiċi tat-tkessiħ flimkien mat-titjib tal-kwalità tal-ħalib jippermettu li fl-azjendi jintuża ħalib li jkun ġej minn erba' ħalbiet konsekuttivi. B'hekk jiġu frankati b'mod konsiderevoli kemm il-ħin kif ukoll l-ispejjeż.

    Iddaħħlet is-sentenza “Fir-rigward tal-kontenut tal-batterji (għal kull millilitru) f'temperatura ta' 30 °C u ċ-ċelluli somatiċi (għal kull millilitru), il-ħalib użat għandu jikkonforma u jirrispetta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tad-29 ta' April 2004”. Dan ir-Regolament KE jissupera u jieħu post id-Direttiva 92/46/KEE, li ġiet trasposta bil-Kapitoli IV tal-Anness A għad-Decreto del Presidente della Repubblica, Nru 54, tal-14 ta' Diċembru 1997, li wara ġie mħassar.

    Tneħħiet il-limitazzjoni “ġewwa l-azjenda tal-produzzjoni tal-ġobon” minħabba li kienet inutli u qarrieqa għaliex il-maturazzjoni tista' titwettaq u tinvolvi wkoll l-azjendi tal-maturazzjoni rikonoxxuti u mhux biss l-istabbiliment tal-poduzzjoni (l-azjenda tal-produzzjoni).

    Ġew emendati t-temperaturi tat-tisħin tal-ħalib u tas-sajran, minħabba li wara żmien twil ta' esperjenza, speċjalment fl-ambitu tal-kontrolli li saru minn terzi, deher biċ-ċar li l-firxa proposta kienet dejqa wisq minħabba li l-istrumenti tal-kejl preżenti fl-azjenda tal-produzzjoni (termometri tal-idejn jew dawk mekkaniċi) kienu jvarjaw meta mqabbla mal-istrumenti preċiżi tal-ispetturi. Barra minn hekk anke l-veloċità differenti li biha tiġi trażmessa s-sħana (mill-fwar għar-ram, mir-ram għall-azzar) u l-effetti li jirriżultaw minn dan il-proċess issuġerewlna li nwessgħu ż-żewġ firxiet tat-tempertura eżaminata. It-twessigħ tal-firxiet ma għandu l-ebda impatt tekniku sinifikanti fil-każ tat-temperatura ta' meta jiżdied it-tames, filwaqt li t-twessigħ fil-firxa tat-temperatura tas-sajran tiffavorixxi l-iżvilupp tal-batterji termofili tal-ħalib preżenti minħabba li l-ħalib konformi mar-regola fih ammont baxx ta' batterji.

    Iddaħħal valur minimu ta' temperatura għall-ewwel 60 jum ta' maturazzjoni minħabba li riċerka li saret mill-Consorzio per la tutela del formaggio “Montasio” (Konsorjzu tal-ħarsien tal-ġobon “Montasio”) mal-Istituto lattiero – ceseario (l-Istituto tal-ħalib u tal-produzzjoni tal-ġobon) ta' Thiene ġie aċċertat li temperatura baxxa wisq, minbarra li tnaqqas ir-ritmu tal-fenomeni bijokimiċi tal-ġobon, twaqqfu milli jitlef l-umdità li tikkaratterizza l-ġobon “Montasio”. Barra minn hekk, it-temperaturi minimi ta' + 8 °C jistgħu jiġu użati sat-30 jum ta' maturazzjoni. Meta jgħaddi dan il-perjodu it-temperatura għandha tittella' minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq. Il-projbizzjoni li jinqabeż il-limitu tat-temperatura ta' 12 °C, ma tantx hija effettiva minħabba li l-perjodu minimu tal-maturazzjoni jibqa' l-istess.

    Inbidel kemxejn il-valur tal-umdità fl-għaxar jum ta' maturazzjoni minħabba li tqies li huwa meħtieġ li tiddaħħal tolleranza massima ta' 2 % fuq il-valuri analitiċi tal-umdità aċċertati fil-perjodu tal-maturazzjoni li jvarja bejn l-għaxar (10) u s-sittin (60) jum. L-iskop ta' dan huwa li jagħmel tajjeb għal xi devjazzjoniijiet li jirriżultaw minħabba l-kejl bl-istrumenti. Barra minn hekk, ġew emendati wkoll xi parametri marbutin mal-karatteristiċi tal-konsum tas-sittin jum ta' maturazzjoni li huma l-umdità massima (dejjem fl-ambitu ta' 2 %), il-piż tal-forma u d-dijametru (valuri iktar restrittivi). Il-korrezzjoni tinvolvi l-introduzzjoni tat-tolleranza ta' 2 %, bl-istess mod bħalma ġie definit fir-rigward tal-umdità massima stabbilita għas-sittin (60) jum ta' maturazzjoni. Il-piż tal-forma jipprevedi inqas varjabbiltà sabiex jinżamm iktar viċin l-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni; anke d-dijametru ġie ffissat b'iktar preċiżjoni minħabba li l-fatt li qatt ma ġew ikkumerċjalizzati forom b'dijametru ikbar minn 35 ċm.

    Minħabba li l-prodott huwa prodott bijoloġiku u għalhekk ivarja skont ir-rendiment, it-tnaqqis fil-piż eċċ, li huma kkundizzjonati b'mod estrem l-ewwel nett mill-materja prima tal-ħalib, mill-kundizzjonijiet tat-temp tal-ambjent, eċċ, minflok ma jitwessgħu l-parametri fittizji tal-analiżi, tqies li jkun iktar għaqli, mill-aspett xjentifiku u tekniku, li jingħata perjodu ta' żmien itwal għal maturazzjoni sabiex il-prodott jitlef il-kwantità ta' ilma meħtieġa sabiex jissodisfa l-parametri ta' 60 jum ta' maturazzjoni. Għalhekk il-ġobon li jaqbeż il-valur meħtieġ ta' maturazzjoni ta' għaxart (10) ijiem, ma jista' fl-ebda każ jiġi kkummerċjalizzat qabel ma jgħaddu s-60 jum u dakinhar (fis-60 jum) għandu jiġi ttestjat sabiex issir verifika dwar jekk il-piż li ntilef fil-maturazzjoni jkunx ikkumpensa għall-valur massimu tal-bidu. Jekk il-prodott ma jkunx konformi mal-valur previst, għandha titneħħa l-marka tal-oriġini minn fuq il-lott. Bl-istess mod, fil-każ ta' ġobon li fis-60 jum tal-maturazzjoni ma jkollux il-valuri tal-umdità previsti, dan ukoll jerġa' jiġi ttestjat għal darb'oħra fid-90 jum tal-maturazzjoni qabel jikseb it-tkketta Montasio. Anke f'dan il-każ, jekk il-prodott ma jkunx konformi mal-valur previst, għandha titneħħa l-marka tal-oriġini minn fuq il-lott.

    Iddaħħlet dispożizzjoni adatta li tippermetti li l-prodott jinqasam f'porzjonijiet u li jiġi ppakkjat minn qabel dejjem jekk il-ġobon ikun għadda mill-proċess ta' għall-inqas sittin jum ta' maturazzjoni.

    3.2.   Tikkettar:

    Il-parti li tirrigwarda d-deżinjazzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodott meta jitqiegħed fis-suq, ġiet spjegata fid-dettall. Din l-emenda kienet meħtieġa sabiex jingħata tagħrif iktar speċifiku u preċiż lill-konsumatur.

    Ingħatat il-possibbiltà li l-forom tal-ġobon Montasio DPO “prodott tal-muntanja” jiġu identifikati b'mod ċar, permezz tat-twaħħil ta' tikketta żgħira fuq il-qoxra bil-kitba PDM, dejjem jekk iċ-ċiklu produttiv kollu, mill-produzzjoni tal-ħalib, sal-maturazzjoni ta' mill-inqas 60 jum titwettaq fiż-żoni meqjusa bħala tal-muntanji, li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni tad-DPO, hekk kif huma definiti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

    SINTEŻI

    IL-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “MONTASIO”

    Nru tal-KE: IT-PDO-0217-0012-10.03.2006

    DPO ( X ) IĠP ( )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat membru:

    Isem:

    Ministero delle politiche agricole alimentri e forestali

    Indirizz:

    Via XX Settembre 20

    00187 Roma RM

    ITALIA

    Tel.

    +39 0646655104

    Fax

    +39 0646655306

    Posta elettronika:

    saco7@politicheagricole.gov.it

    2.   Grupp:

    Isem:

    Consorzio per la tutela del formaggio Montasio

    Indirizz:

    Vicolo Resia ½

    33030 Codroipo UD

    ITALIA

    Tel.

    +39 0432905317

    Fax

    +39 0432912052

    Posta elettronika:

    info@formaggiomontasio.net

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/Proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.3.

    Ġobnijiet

    4.   Speċifiċikazzjoni:

    (sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem:

    “Montasio”

    4.2.   Dekrizzjoni:

    Ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqra, b'perjodu medju u twil ta' maturazzjoni, b'forma ċilindrika bil-qoxra dritta jew kważi dritta b'uċuħ ċatti jew kemxejn kunvessi. Il-ġobon Montasio huwa prodott minn ħalib mhux pasturizzat, juża biss batterji tal-ħalib naturali jew fermenti awtorizzati; għandu jkollu perjodu ta' maturazzjoni ta' mill-inqas 60 jum b'livell ta' umdità kontrollat permezz ta' kampjuni li jittieħdu fl-għaxar (10) u s-sittin (60) jum tal-maturazzjoni. Ir-razez ta' baqar l-iktar imrobbija huma l-Bruno alpina u l-Pezzata Rossa Italiana u l-Pezzata Nera.

    Minbarra ċ-ċereali, l-iktar il-qamħirrum u x-xgħir, l-għalf tal-annimali bovini hu bbażat fuq ħxejjex ħodor u nixfin (polifiti u alfalfa), u ħaxix maħżun (l-iktar tal-qamħirrum). Dawn il-prodotti jammontaw għal madwar 80/85 % tad-dieta kollha u jiġu prinċipalment miż-żona tal-produzzjoni. Il-konċentrati u n-nuklei tal-proteini jinxtraw minn azjendi tal-għalf li ġeneralment jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni u jużaw l-iktar ċereali lokali. Dawn jixtru għalf tal-proteini (pereżempju soja u alfalfa li wkoll jiġu prodotti fuq il-post) u supplimenti tal-minerali u tal-vitamini.

    Fis-sebgħin jum ta' maturazzjoni l-ġobon “Montasio” DPO irid ikollu l-karatteristiċi li ġejjin: umdità massima li ma taqbiżx is-36,72 %; xaħam fis-sustanza xotta: minimu ta' 40 %; piż: 6-8 kg; dijametru: forma 30-35 ċm; qoxra tal-ġenb: massimu ta’ 8 ċm; skorċa: lixxa, regolari u elastika; konsistenza: kompatta bi ftit toqob; kulur: naturali, kemxejn dehbi; aroma: distinta; togħma: pikkanti u pjaċevoli.

    4.3.   Żona ġeografika:

    Iż-żona tal-produzzjoni tad-DPO “Montasio” tinkludi l-Friuli Venezia Giulia: it-territorju kollu Veneto: it-territorju kollu mill-provinċji ta' Belluno u Treviso u parti mit-territorju tal-provinċji ta' Padova u Venezia hekk kif definit: “minn fejn il-linja tal-konfini tal-provinċja ta' Treviso tiltaqa' ma' dik ta' Padova, u minn dan il-punt wieħed jibqa' sejjer sakemm jasal sal-awtostrada Serenissima. Jibqa' sejjer matul din il-linja sakemm jasal fuq il-pont tal-awtostrada tax-xmara Brenta u imbagħad matul din ix-xmara sal-punt fejn din tiżbokka.”

    4.4.   Prova tal-oriġini:

    Kull fażi tal-proċess tal-produzzjoni tiġi mmonitorjata billi jiġi ddokumentat kull element li jiddaħħal jew joħroġ. Dan il-monitoraġġ, u permezz tat-tniżżil fil-listi apposta ġestiti mill-organu ta' spezzjoni tal-istabbilimenti kollha involuti fil-proċess, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet dwar is-sistema għall-monitoraġġ tal-kwantitajiet prodotti, jiggarantixxi li tkun żgurata t-traċċabilità tal-prodott. Il-persuni kollha, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll min-naħa tal-entità ta' spezzjoni.

    Il-proċess tal-produzzjoni huwa magħmul minn azjendi rikonoxxuti u identifikati u spezzjonati skont il-kampjuni kkontrollati. Il-ġbir tal-ħalib maħsub għall-użu tal-produzzjoni tal-ġobon Montasio DPO huwa kkontrollat kuljum permezz ta' kontrolli u rikonoxximent tal-mezzi użati għat-trasport, tal-kontenituri tal-ġbir tal-azjenda, tas-sistemi ta' trattament termiku tal-ħalib (għall-Montasio il-ħalib ma għandux jiġi ppasturizzat). Għalhekk il-Montasio prodott jiġi identifikat mill-ewwel permezz ta' forom apposta li jimmarkaw il-kodiċi ta' identifikazzjoni, kif ukoll is-sena/ix-xahar u l-jum tal-produzzjoni. Ir-reġistrazzjonijiet kollha marbutin mal-produzzjoni tal-Montasio huma dokumentati kif xieraq fuq il-karta, u fejn hu possibbli, anke onlajn permezz tal-internet.

    L-azjendi li jipproduċu l-ħalib, l-azjendi tal-produzzjoni tal-ġobon u dawk tal-maturazzjoni biss għandu jkollhom stabbilimenti li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni.

    4.5.   Metodu tal-produzzjoni:

    Il-produzzjoni tal-ħalib, it-trasformazzjoni, il-maturazzjoni u l-operazzjonijiet tal-immarkar tal-ġobon “Montasio” għandhom jitwettqu fiż-żona indikata fil-punt 4.3.

    Wara l-koagulazzjni tal-ħalib bit-tames tal-għoġol, l-baqta titqatta' sakemm tiġi donnha pejst magħmula minn boċċi żgħar tar-ross, li meta tissajjar titmellaħ u tiġi mmaturata għal perjodu ta' żmien bejn medju u twil. Il-maturazzjoni tal-Montasio għandha ddum għall-inqas sittin jum f'temperaturi ta' mhux inqas minn 8 °C għall-ewwel tletin jum. Għall-kumplament taż-żmien tal-maturazzjoni it-temperatura għandha tkun ogħla.

    It-trasferimenti kollha tal-lottijiet tal-ġobon Montasio li jkun għadda minn 60 jum ta' maturazzjoni huma rreġistrati kemm min-naħa tal-Azjenda tal-Produzzjoni tal-Ġobon kif ukoll min-naħa tal-Azjenda tal-Maturazzjoni, bil-karta kif ukoll onlajn fuq l-internet.

    4.6.   Rabta maż-żona ġeografika:

    Il-fatturi naturali huma marbutin mal-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona tal-produzzjoni, l-iktar fil-muntanji u fiż-żoni fejn hemm l-għoljiet fejn għadu jiġi prattikat ir-rigħi u r-rigħi tal-muntanji li mbagħad jaffettwa l-ħaxix li jintuża għall-kwalità tal-għalf tal-annimali tal-ħalib.

    Il-ġobon Montasio jiddaħħal fil-lista tal-prezzijiet ta' San Daniele u ta' Udine (1773/1775). Dan juri li l-Montasio jiġi kkummerċjalizzat u għalhekk mhuwiex biss produzzjoni tal-lokal jew inkella produzzjoni għall-konsum personali biss. Barra minn hekk, meta wieħed iqabbel il-prezzijiet, il-Montasio jiġi kkwotat li jqum ħafna iktar minn ġobon ieħor jixbħu li jiġi prodott fiż-żoni tal-madwar. Bla dubju ta' xejn, minbarra t-togħma dan huwa dovut għall-karatteristika ewlenija tiegħu li hija dik li jżomm fit-tul, li jiġi mmaturat u li għalhekk jista' jsir prodott ta' skambju kummerċjali. Ir-rabta qawwija tal-Montasio maż-żona tal-produzzjoni tidher ukoll mill-fatt li l-poduzzjoni ta' dan il-prodott tat spinta kbira lill-iżvilupp tal-koperattivi. L-ewwel forma ta' koperattiva anke fis-settur tal-produzzjoni tal-ġobon, inħolqot f'Cadore bejn wieħed u ieħor fl-1880. Il-fabbriki tal-ħalib li kienu jaħdmu bix-xift, malajr infirxu fil-Friuli u fil-Veneto tant li bejn wieħed u ieħor fl-1915 (ftit qabel l-ewwel Gwerra Dinjija) laħqu ċ-ċifra fenomenali ta' madwar 350 struttura ta' koperattiva preżenti fit-territorju, bl-iskop tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon Montasio.

    Rabta oħra mat-territorju ta' produzzjoni tad-DPO Montasio hija l-istabbiliment tal-iScuola di Caseificio (Skola għall-produtturi tal-ġobon) fl-1925 fil-Friuli Venezia Giulia, li dak iż-żmien kienet tħarreġ tekniċi bil-ħsieb li jaħdmu fl-azjendi tal-produzzjoni tal-ġobon tal-parti tal-Lvant tal-Veneto u tal-Friuli Venezia Giulia. Fl-għoxrinijiet iż-żona tal-produzzjoni kienet diġà identika għal dik li kienet tidher f'dokumenti suċċessivi.

    Il-ġobon Montasio u t-teknika speċifika tal-produzzjoni tiegħu nfirxu malajr fil-Friuli u fil-Lvant tal-Veneto. Dan ma kienx biss dovut għall-fatturi umani u strumentali (bħall-ħolqien tal-azjendi tal-produzzjoni tal-ġobon (li jaħdmu bix-xift) jew it-twaqqif ta' Skola għal Tekniċi tal-Produzzjoni tal-Ġobon) tant li fis-sittinijiet laħqet iċ-ċifra fenomenali ta' iktar minn 650 azjenda attiva fil-produzzjoni tal-ġobon. Dan l-iżvilupp ma setax jibqa' konsistenti li kieku ma kienx għall-ambjent li fih infirxet it-teknika oriġinarjament.

    L-ewwel nett, iż-żona tal-Lvant tal-Italja, minn dejjem kienet u għadha sal-lum, ikkaratterizzata minn inżul ta' ħafna xita matul ir-rebbiegħa u l-ħarifa u dan iffavorixxa t-tkabbir tal-mergħat u l-kultivazzjoni taċ-ċereali (qamħ u xgħir) li huma l-bażi tal-għalf tal-annimali bovini. Fattur ieħor importanti li ġie wara huwa l-iżvilupp tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum u mbagħad tal-użu tiegħu bħala għalf frisk jew ikel maħżun. Fl-istess ħin, minn ftit snin ilu 'l hawn, din iż-żona ta' produzzjoni ġiet ikkaratterizzata wkoll mill-kultivazzjoni tas-soja, bħala għalf supplimentari tal-proteini.

    Bla dubju, l-ambjent li fih żviluppa l-ġobon Montasio kellu karatteristiċi mikrobijoloġiċi addattati għall-iżvilupp u t-tixrid tal-produzzjoni tiegħu. Fil-fatt il-Montasio huwa karatterizzat mill-preżenza tal-flora mikrobika termofila li kienet u għadha tippermetti li jinkiseb prodott uniku fil-kategorija tal-ġobnijiet. Dan jiġi kkunsmat frisk (illum mill-inqas wara xahrejn iżda sa ftit deċennji ilu anke wara l-ewwel xahar), jew inkella wara 36 xahar ta' maturazzjoni jew iktar mingħajr ma jeħżien iżda maż-żmien jinbidlu l-karatteristiċi organolettiċi, it-togħmiet u l-irwejjaħ. Dan jiġri bħala riżultat tal-ammont ta' batterji naturali preżenti fil-mergħat taż-żona tal-produzzjoni.

    U dan joħroġ iktar biċ-ċar jekk wieħed iqabbel il-Montasio ma' ġobnijiet tal-fruntiera tal-Alpi li, minħabba raġunijiet storiċi, it-tradizzjoni u l-karatteristiċi ambjentali, kellhom jagħmlu differenza fix-xogħol tal-produzzjoni, skont it-tip ta' ġobon li kien beħsiebhom jipproduċu: frisk jew immaturat għal 6/8 xhur.

    Bit-titjib tat-tekniki tat-trobbija tal-annimali, tar-razjonalizzazzjoni tal-kultivazzjonijiet u b'introduzzjoni ta' metodi tal-ħlib dejjem iktar iġjeniċi, inħasset il-ħtieġa li l-ħalib jiġi miżjud biss b'dawn il-mikrorganiżmi li ġejjin mill-ġobon għall-produzzjoni tal-Montasio. Għalhekk ġie esperimentat u nfirex ħafna l-użu ta' batterji tal-ħalib (b'ħafna kokkus u ftit batterji b'forma ta' baċillu) minn ħalib li ġej miż-żona tal-produzzjoni, filwaqt li f'żoni oħra tal-madwar intuża x-xorrox.

    4.7.   Organu ta' spezzjoni:

    Isem:

    CSQA Certificazioni srl

    Indirizz:

    Via San Gaetano 74

    36016 Thiene VI

    ITALIA

    Tel.

    +39 0445313011

    Fax

    +39 0445313070

    Posta elettronika:

    csqa@csqa.it

    4.8.   Tikkettar:

    L-identifikazzjoni tal-prodott issir permezz tal-immarkar fil-bidu permezz ta' forom personalizzati bit-tqegħid tal-kodiċi tal-azjenda tal-produzzjoni u l-akronimu tal-provinċja u d-data tal-produzzjoni. Il-“marchio di origine” (il-marka oriġinali) tad-DPO Montasio hija magħmula mill-kelma “montasio” miktuba f'linji djagonali kemm fid-dritt kif ukoll bil-maqlub (fig.1).

    Din il-“marka tal-oriġini” titqiegħed fuq il-prodotti kollha tal-azjendi assoċjati jew ta' dawk li mhumiex, dejjem jekk ikunu skont l-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni.

    Fig. 1

    Image

    Il-logo tad-denominazzjoni huwa magħmul minn ittra “M” b'tipa kbira stilizzata u bil-kelma “Montasio” miktuba taħt.

    Fig. 2

    Image

    Fil-każ li l-proċess kollu tal-produzzjoni, mill-produzzjoni tal-ħalib sa maturazzjoni minima ta' 60 jum, jitwettaq fiż-żoni meqjusa bħala tal-muntanji li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni tal-ġobon Montasio DPO, hekk kif definiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, il-ġobon jista' jkollu wkoll it-tikketta bil-kitba “prodotto della montagna”. Għalhekk, fuq il-qoxra tal-ġenb għandha titwaħħal tikketta apposta li ġġib il-kitba PDM, li hija akronimu ta' “prodotto della montagna”.

    Il-logo tad-denominazzjoni (fig. 2) jista' jiġi mmarkat bin-nar fuq il-qoxra tal-ġobon “Montasio” DPO li jkun għadda minn iktar minn 100 jum ta' maturazzjoni, fuq parti apposta tal-qoxra tal-ġenb, wara li ssir talba volontarja mill-produtturi kollha (assoċjati jew mhumiex). Din il-marka issir mill-Consorzio per la Tutela del Formaggio Montasio, wara li huwa jivverifika dan kollu.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top