EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0723(04)

Notifika tal-inizjazzjoni tal-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' Tris(2-chloro-1-methylethyl)phosphate li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU C 201, 23.7.2010, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 201/5


Notifika tal-inizjazzjoni tal-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' Tris(2-chloro-1-methylethyl)phosphate li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2010/C 201/05

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' tris(2-chloro-1-methylethyl)phosphate, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qegħdin ikunu l-oġġett ta' dumping u b'hekk qegħdin jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fid-9 ta' Ġunju 2010 mill-Kunsill Ewropew tal-Industrija Kimika (CEFIC) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' tris(2-chloro-1-methylethyl)phosphate.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa tris(2-chloro-1-methylethyl)phosphate (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-prodott għandu n-numru CUS (Customs Union and Statistics) 0024577-2. Dan jissejjaħ ukoll “TCPP” u huwa magħruf ukoll b'dawn is-sinonimi li ġejjin:

2-Propanol, 1-chloro, phosphate (3:1)

tris(monochloroisopropyl)phosphate (TMCP)

tris(2-chloroisopropyl)phosphate (TCIP)

aċidu fosforiku, tris(2-chloro-1-methylethyl)ester

tris(beta-chloroisopropyl)phosphate

1-chloro-2-propanol phosphate (3:1).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping  (2)

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2919 90 00. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   Allegazzjoni ta' ħsara

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, il-livell tal-prezzijiet mitluba u s-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, il-qagħda finanzjarja u l-qagħda tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Billi ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata l-inizjazzjoni ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat hux qed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Fid-dawl tan-numru potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f'dan il-proċediment u biex titlesta l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal numru raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw lilhom infushom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

il-qligħ fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu (“PI”) (mill-1 ta' Lulju 2009 sat-30 ta' Ġunju 2010) għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (4) separatament u f'totali,

id-dħul fil-munita lokali u l-volum f’tunnellati tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ fis-suq lokali matul il-PI (mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010),

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (5) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Il-produtturi esportaturi għandhom jindikaw ukoll jekk, f’każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiqux jirċievu kwestjonarju u formoli oħra ta’ talba sabiex jimlewhom u b’hekk jiddikjaraw marġni ta’ dumping individwali skont it-Taqsima b) hawn taħt.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi esportaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jistgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data ta’ notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kumpaniji li kienu aċċettaw l-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun”). Bla ħsara għat-Taqsima b) hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, ma għandux jaqbeż il-marġni medju b’piż differenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku.

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni ta’ dumping individwali għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta’ talba skont it-Taqsima a) ta’ hawn fuq u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi stipulati hawn taħt. Il-kwestjonarju mwieġeb u komplut għandu jitressaq fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġni ta’ dumping individwali għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) jew għall-inqas trattament individwali (“IT”) kif speċifikat fit-Taqsima 5.1.2.2. hawn taħt.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi jkun tant kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tippermettix li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   Il-proċedura fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-għażla ta’ Pajjiż b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq addattat. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lill-Istati Uniti tal-Amerika. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   It-trattament ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat, għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jistgħu jissottomettu talba sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal MET”). Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) jingħata jekk l-evalwazzjoni tat-talba għal MET turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (6) huma ssodisfati. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw MET se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“IT”). Biex jingħataw IT, dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu evidenza li huma jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (7). Il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw IT se jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw IT se jkun imsejjes fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz magħżul b’ekonomija tas-suq kif deskritt hawn fuq.

(a)   It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (MET)

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ talba għal MET lill-produtturi esportaturi kollha magħżula fil-pajjiż ikkonċernat biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu MET għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għal MET mimlija fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   Trattament individwali (IT)

Biex japplikaw għal IT, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għal MET bit-taqsimiet rilevanti għal IT mimlija kif xieraq fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati  (8)  (9)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal numru raġonevoli l-importaturi mhux relatati li sejrin ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

id-dħul totali matul il-PI (mill-1 ta' Lulju 2009 sat-30 ta' Ġunju 2010),

il-volum f’tunnellati u l-valur f’EUR tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u tal-bejgħ mill-ġdid li jsir fis-suq tal-Unjoni matul il-PI (mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010) tal-prodott importat li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (10) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal importaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija. Id-determinazzjoni ta’ ħsara hija msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi determinazzjoni oġġettiva tal-volum ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni ta' produtturi tal-Unjoni

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħrufa u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni kollha u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi tal-Unjoni huma mistiedna li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih bil-faks, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni għandhom jibagħtu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija/kumpaniji tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/kumpaniji fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżata minħabba f’hekk, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, il-fornituri u l-assoċjazzjonijiet rapreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-iskadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fil-limitu tal-iskadenza msemmija hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata kemm f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif imressaq skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk ikun appoġġjat minn evidenza fattwali meta jitressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-evidenza ta’ appoġġ għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Il-proċedura biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif ippreżentat għall-għażla tal-kampjun, il-formoli mimlija tat-talba għal MET, il-kwestjonarji kompluti u aġġornamenti tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, li għandhom ikunu identiċi u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (11).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u tal-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jiġi injorat.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/092

1049 Bruxelles/Brussels

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu msejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   Uffiċjal tas-Smigħ

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. L-uffiċjal tas-Smigħ jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn terzi persuni. L-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ għandha issir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Smigħ jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Smigħ bħal dan, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/ho/index_en.htm).

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Ipproċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (12).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika ta' bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali ġeneralment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż li jesporta. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott.

(3)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ terza persuna , inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esportaturi li mhumiex produtturi normalment ma jkunux intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

(4)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija.

(5)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala msieħba fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew tal-kwoti ta' ishma li jivvutaw jew it-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (Il-ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(6)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż ta’ negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabbiltà bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabbiltà u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) ma hemmx distorsjoni sinifikanti ttrasferita mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(7)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ kumpaniji jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament; (iii) il-parti l-kbira tal-ishma jappartjenu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(8)  Importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li jkunu relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 mal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(9)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.

(10)  Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(11)  Dan id-dokument huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(12)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top