This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010XC0629(02)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 169, 29.6.2010, p. 12–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.6.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 169/12 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2010/C 169/07
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont il-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“FAGIOLI BIANCHI DI ROTONDA”
Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0683-25.02.2008
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Isem:
“Fagioli Bianchi di Rotonda”
2. Stat Membru jew Pajjiż terz:
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta' prodott (l-Anness III):
Klassi 1.6: |
Frott, ħaxix u ċereali friski u pproċessati. |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:
Id-denominazzjoni protetta tal-oriġini (DPO) “Fagioli Bianchi di Rotonda” tinkiseb mill-ekotipi Fagiolo Bianco u Tondino jew Poverello Bianco li jitnisslu mill-ispeċi Phaseolus Vulgaris. L. Meta jitqiegħdu fis-suq għall-konsum bħala fsiedaq fl-istat tal-konsistenza li tixbaħ ix-xema', il-“Fagioli Bianchi di Rotonda” għandu jkollhom il-karatteristiki li ġejjin: fosdqa: it-tul sa massimu ta' 20 ċentimetru, il-wisa’ sa massimu ta' 20 millimetru; il-kulur: abjad fl-isfar ċar jew li jagħti fil-lewn tal-avorju; il-fesdaq huwa tad-dehra friska u tal-konsistenza li tixbaħ ix-xema, b'saħħtu u sod, nadif, prattikament nieqes minn kull sustanza barranija viżibbli, mingħajr riħa u/jew togħma barranija, mingħajr umdità barranija. I. Meta jitqiegħdu fis-suq għall-konsum bħala żrieragħ imnixxfa, il-“Fagioli Bianchi di Rotonda” għandu jkollhom il-karatteristiki li ġejjin: żerriegħa: it-tul sa massimu ta' 18-il millimetru, il-wisa’ sa massimu ta' 15-il millimetru; mingħajr vini, ta' kulur abjad, tleqq xi ftit, ta' forma kubika jew tonda, il-piż ta' 100 żerriegħa: sa massimu ta' 90 gramma; żerriegħa nadifa, prattikament nieqsa minn kull sustanza barranija viżibbli, mingħajr riħa u/jew togħma barranija, mingħajr umdità barranija. Il-kontenut tal-umdità taż-żerriegħa fl-istat tal-konsistenza li tixbaħ ix-xema ma għandux ikun inqas minn 60 %, filwaqt li ta' dak taż-żerreigħa niexfa ma għandux ikun anqas minn 10 %. Il-kontenut ta' proteina għandu jkun aktar minn jew ugwali għal 9,0 (% fi stat idrat) għaż-żerriegħa fl-istat tal-konsistenza li tixbaħ ix-xema', filwaqt għaż-żerriegħa niexfa għandu jkun ugwali jew aktar minn 24 (% fi stat niexef). Il-perċentwal tat-tegument tal-“Fagioli Bianchi di Rotonda” ma għandux ikun ta' aktar minn 6 % fir-rigward tal-piż totali.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
—
3.5. Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:
Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-“Fagioli Bianchi di Rotonda” isiru ġewwa t-territorju indikat fil-punt 4.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:
It-tqegħid fis-suq tad-DPO “Fagioli Bianchi di Rotonda” għandu jsir skont il-modalitajiet li ġejjin:
— |
il-prodott frisk għandu jitqiegħed għall-bejgħ fl-imballaġġ issiġġilat kif ġej: xbiek tal-piż sa massimu ta' 10 kilogrammi, kaxex tal-piż sa massimu ta' 15-il kilogramma; |
— |
il-prodott niexef għandu jitqiegħed għall-bejgħ fl-imballaġġ issiġġilat kif ġej: kaxex tal-kartun, boroż tal-ġuta jew magħmula minn materjal riċiklabbli ieħor tal-piż sa massimu ta' 5 kilogrammi. |
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:
Fuq it-tikketti li jitpoġġew fuq l-ippakkjar għandu jkun hemm, b'tipa ċara u li tinqara, il-kliem li ġej: Fagioli Bianchi di Rotonda u “denominazzjoni protetta tal-oriġini” u l-akronimu tiegħu DPO b’tipa akbar minn dik użata fil-kliem l-ieħor. L-isem, isem il-kumpanija u l-indirizz tal-kumpanija tal-ippakkjar jew tal-produzzjoni; il-kwantità tal-prodott li fil-fatt ikun hemm fl-imballaġġ, espressa f’konformità mar-regoli fis-seħħ; il logo tal-prodott kif jidher hawn taħt. Hija pprojbita ż-żieda ta’ kwalunkwe kwalifika oħra minbarra dawk previsti, inklużi aġġettivi bħal: tip, togħma, użu, magħżul u kliem ieħor bħal dan. Madankollu, l-użu tal-kliem li jirreferi għall-kumpaniji, ismijiet, kumpaniji, ditti privati, li ma għandux għan ta’ tifħir u ma jqarraqx bil-konsumatur, huwa awtorizzat. Dan il-kliem jista’ jidher fuq it-tikketta b’tipa ta’ għoli u wisa’ iżgħar minn dawk użati biex jindika d-denominazzjoni protetta tal-oriġini.
4. Deskrizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:
Iż-żona ta' produzzjoni tad-D.P.O. “Fagioli Bianchi di Rotonda” tinkorpora t-territorju sħiħ definit miż-żona ta' irrigazzjoni fuq in-naħa magħrufa bħala Lucano fir-Reġjun tal-Basilicata tal-Valle del Mercure li fiha l-muniċipalitajiet tal-Provinċja ta' Potenza li ġejjin: Rotonda, Viggianello, Castelluccio Superiore, Castelluccio Inferiore.
5. Ir-rabta maż-żona ġeografika:
5.1. L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:
L-art fejn jitkabbru l-“Fagioli Bianchi di Rotonda” hija ċirkondata bil-muntanji f'Valle del Mercure, li oriġinarjament il-baċin tagħha ġie ffurmat minn lagi u jmur lura għall-perjodu Kwaternarju. Għalhekk, il-ħamrija tal-artijiet hija ta' oriġini alluvjali, hija ramlija u bil-ħama tafli, frisk u fond u fertili, b'esponiment tajjeb u b'kapaċità tajba li jżomm l-ilma, mogħnija bin-nitroġenu u l-kubrit u ma fiha l-ebda kalċju. Iż-żona ta' kultivazzjoni hija kkaratterizzata b'temperaturi medji li għal perjodu qasir biss f'Lulju jaqbżu l-20 °C, u dan jaħbat fiż-żmien iż-żrigħ. Il-klima bażikament hija moderata b'temperaturi mhux għoljin ħafna matul il-perjodu tal-produzzjoni u t-temperatura tvarja mill-jum għal-lejl u dan jiffavorixxi l-fertilizzazzjoni tal-fsiedaq u għadd sostanzjali ta' fażola. Ix-xita hija abbundanti u tinżel l-aktar fil-perjodu minn Ottubru sa Mejju. It-territorju huwa mogħni sew b'ilma frisk mhux kontaminat ġej min-nixxigħat tal-Park Nazzjonali ta' Pollino.
It-tekniki tat-tkabbir użati fil-produzzjoni tal-“Fagioli Bianchi di Rotonda” huma kkaratterizzati mill-kontribut evidenti tal-bniedem fil-proċess tal-produzzjoni u l-użu tal-għodod li huma speċifiċi għall-Valle del Mercure, bħall-użu esklussiv tal-bsaten tal-injam tas-siġar tal-qastan biex isostnu l-fażola miġbura mill-imsaġar tal-wied. It-teknika użata biex jitkabbru l-“Fagioli Bianchi di Rotonda” intirtet minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni u tinvolvi serje ta' operazzjonijiet ta' kultivazzjoni mwettqa kompletament bl-idejn, bħal ngħidu aħna l-bini tal-istruttura ta' sostenn għall-fażola li tixxeblek, t-tneħħija tas-sikrana u l-ħsad tal-prodott. Għall-istruttura użata bħala sostenn għall-fażola jintużaw zkuk tas-siġar tal-qastan li jvarjaw fid-daqs f'konformità mas-sistema “a postarella” (bil-ħofor) jew “a rete” (bix-xibka), li tippermetti l-fażola titla’ magħhom.
5.2. L-ispeċifiċità tal-prodott:
Il-karatteristiki ewlenin ta' kwalità tal-“Fagioli Bianchi di Rotonda”, huma l-kontenut għoli ta' proteina fiż-żerriegħa; it-tegument irqiq ħafna u d-dehra tal-fsiedaq, li huma kompletament bojod, bil-fażola ta' daqs kbira u bil-forma karatteristika tonda/ovali u mingħajr vini;
Storikament, il-kontenut għoli ta' proteina fisser li l-fażola kienet tintuża ta' sikwit ħafna fiż-żona tal-produzzjoni, sal-punt li saru magħrufa bħala l-“laħam tal-fqar” preċiżament għaliex kienet toffri proteina veġetali fid-dieta bi prezz baxx. Barra minn hekk, l-irquqija tat-tegument, li tnaqqas b'mod sostanzjali l-ħin tat-tisjir, u n-nuqqas ta' vini fil-fsiedaq – karatteristika oħra li hija apprezzata ħafna mill-konsumaturi għaliex dan ifisser li l-likwidu tat-tisjir ma jkollux daqstant kulur – jikkontribwixxi sabiex il-“Fagioli Bianchi di Rotonda” jkunu apprezzati b'mod partikolari għall-użu tagħhom fit-tisjir.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DOP) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):
Il-karatteristiki tipiċi tal-“Fagioli Bianchi di Rotonda”, li jiddifferenzjaw il-kwalità tagħhom, bħall-kontenut għoli ta' proteina fiż-żerriegħa; il-perċentwal baxx tat-tegument meta mqabbel mal-piż totali (kif jidher mill-ħidma li twettqet mill-Kunsill Nazzjonali għar-Riċeerka f'Bari u li tinsab ippubblikata fuq: “Gli agro-ecotipi di fagioli della Basilicata” (L-ekotipi agro tal-fażola tal-Basilicata), il-kulur u n-nuqqas ta' vini; jitjiebu aktar minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari taż-żona li kienu ffavorixxew il-firxa ta' dan il-prodott. Il-kontenut għoli ta' nitroġenu u kubrit u n-nuqqas ta' kalċju fil-ħamrija li fiha jitkabbru l-“Fagioli Bianchi di Rotonda” huma marbuta direttament mal-produzzjoni ta' fażola b'kontenut għoli ta' proteina u l-formazzjoni ta' tegument irqiq ħafna. Il-fatt li ż-żona hija mogħnija bl-ilma ppermettiet minn dejjem tisqija tajba tal-għelieqi min-naħa tal-bdiewa. Din l-abbundanza ta' ilma mhux biss tippermetti l-akkumulazzjoni ta' lamtu iżda tgħin ukoll fit-tnaqqis tal-ħxuna tat-tegment tal-fażola. Is-sistema tat-tkabbir, li tintuża esklussivament mill-produtturi fil-Valle del Mercure, tvarja ħafna mis-sistemi l-oħra użati fl-Italja u minbarra li tiffaċilita l-ħsad tal-fsiedaq, tippermetti l-ventilazzjoni tabja tal-arja li tevita l-akkumulazzjoni ta' nida bejn ir-ringieli li kieku twassal biex il-fsiedaq bojod u delikati ħafna jiskuraw u jittebbgħu. Il-“Fagioli Bianchi di Rotonda” f'din iż-żona ta' Pollino jirrappreżentaw espressjoni fundamentali tal-istorja u l-gastronomija lokali. Illum, il-platti b'din il-fażola mhux biss għadhom qed jiġu kkunsmati fid-djar, imma qed jiġu servuti wkoll fir-risotranti u fl-istabbilimenti tat-turiżmu agrikolu u waqt festivals bħal dak ta' “Sagra del Fagiolo Bianco di Rotonda” (Il-Festival Annwali tal-Fagioli Bianchi di Rotonda), li laħaq l-għoxrin sena tiegħu. Dan l-avveniment għadu jiġbed eluf ta' nies lejn Rotonda fil-Park Nazzjonali ta' Pollino u juri biċ-ċar ir-rabta mill-qrib bejn dan il-prodott u ż-żona fejn jitkabbar. Fit-tradizzjoni gastronomika il-“Fagioli Bianchi di Rotonda” sabu posthom fuq l-imwejjed kollha speċjalment fid-dinja tas-settur ta' ristoranti lokali u reġjonali ta’ kwalità u l-fama tagħhom hija kkonfermata bis-sħiħ bil-preżenza tagħhom f'diversi programmi tat-televiżjoni, f'rivisti speċjalizzati u fil-kotba tat-tisjir. Fl-2004, il- “Fagioli Bianchi di Rotonda” iddaħħlu fil-lista tal-prodotti tradizzjonali tar-Reġjun tal-Basilicata.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
Din l-amministrazzjoni tat bidu lil proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta ta' rikonoxximent tad-DPO “Fagioli Bianchi di Rotonda” fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Republika Taljana Nru 7 tad-9 ta’ Jannar 2008. It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni jista' jiġi kkonsultat fuq dan is-sit tal-internet:
http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare %20in %20esame %20UE&txtDocArgomento=Prodotti %20di %20Qualit %E0>Prodotti %20Dop,%20Igp %20e %20Stg
jew
billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.