Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0619(04)

    Avviż ta’ tnedija ta' proċediment ta' anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU C 160, 19.6.2010, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 160/20


    Avviż ta’ tnedija ta' proċediment ta' anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    2010/C 160/06

    Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qegħdin ikunu l-oġġett ta' dumping u b'hekk qegħdin jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    1.   L-ilment

    L-ilment tressaq fis-7 ta' Mejju 2010 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Madum taċ-Ċeramika (“CET”) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta' aktar minn 30 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' madum taċ-ċeramika.

    2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

    Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċangaturi u ċangar, madum għall-qigħan tal-funikulari jew għall-ħitan, taċ-ċeramika glejżjata jew mhix glejżjata; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika glejżjata u mhix u affarijiet simili, sew jekk impoġġija fuq dahar jew le (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    3.   Allegazzjoni ta’ dumping  (2)

    Il-prodott li allegatament qed ikun l-oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment għandu l-kodiċi NM 6907 10 00, 6907 90 10, 6907 90 91, 6907 90 93, 6907 90 99, 6908 10 10, 6908 10 90, 6908 90 11, 6908 90 21, 6908 90 29, 6908 90 31, 6908 90 51, 6908 90 91, 6908 90 93, 6908 90 99. Dawn il-kodiċi NM qegħdin jingħataw biss bħala informazzjoni.

    Peress li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hi kkunsidrata bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina abbażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika. L-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' ġbir mill-post tal-manifattura) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Fuq din il-bażi l-marġnijiet ikkalkulati ta’ dumping huma sinifikanti għall-pajjiż esportatur ikkonċernat.

    4.   L-allegazzjoni tal-ħsara

    Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem tas-suq.

    L-evidenza prima facie mogħtija mill-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżulta f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

    5.   Il-proċedura

    Billi ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat hux qed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

    5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

    Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.1.1.1.   Pajjiżi li għalihom jista' japplika t-teħid ta' kampjuni, jiġifieri pajjiżi b'għadd kbir ta' produtturi esportaturi

    (a)   It-teħid ta' kampjuni

    Fid-dawl tan-numru potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f'dan il-proċediment u biex titlesta l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal numru raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw lilhom infushom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom:

    l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks u l-persuna ta’ kuntatt,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'm2 tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 (Perjodu ta' Investigazzjoni jew “PI”) għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (4) individwali u flimkien,

    il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f’m2 tal-prodott li qed jiġi investigat, mibjugħ fis-suq lokali bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta’ Marzu 2010,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (5) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għal finijiet ta' esportazzjoni u/jew lokali) tal-prodott li qed jiġi investigat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Il-produtturi esportaturi għandhom jindikaw ukoll jekk, f’każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiqux jirċievu kwestjonarju u formoli oħrajn ta' talba sabiex jimlewhom u b’hekk jitolbu marġni individwali ta’ dumping skont is-sezzjoni (b) hawn taħt.

    Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fuq il-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi esportaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

    Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu xi informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jistgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data ta’ notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kumpaniji li jkunu aċċettaw li possibbilment jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw”). Mingħajr preġudizzju għas-sezzjoni (b) hawn taħt, id-dazju fuq l-anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw m'għandux jaqbeż il-marġni medju ddifferenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun.

    (b)   Marġni individwali ta’ dumping għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

    Il-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġni individwali ta’ dumping tagħhom (“marġni individwali ta’ dumping”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta’ talba skont is-sezzjoni (a) ta’ hawn fuq u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati hawn taħt. Il-kwestjonarju mwieġeb u komplut għandu jitressaq fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġni individwali ta’ dumping għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew għall-inqas trattament individwali (“TI”) kif speċifikat fit-Taqsima 5.1.2.2. hawn taħt.

    Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni individwali ta’ dumping tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi jkun tant kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tippermettix li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    5.1.2.   Il-proċedura fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li m’għandux ekonomija tas-suq

    5.1.2.1.   L-għażla ta’ Pajjiż b’Ekonomija tas-Suq

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur ikkalkolat f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq addattat. Il-Kummissjoni proviżorjament għażlet lill-Istati Uniti tal-Amerika. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkumentaw dwar l-adegwatezza ta' din l-għażla fi żmien 10t ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.1.2.2.   It-trattament ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    B’konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat, għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jistgħu jissottomettu talba sostanzjata kif suppost għal dan il-għan (“talba għat-TES”). Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jingħata jekk l-evalwazzjoni tat-talba għat-TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament (6) bażiku huma ssodisfati. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

    Produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Biex jingħataw TI dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu evidenza li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (7). Il-marġini ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jkun ibbażat fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz magħżul b’ekonomija tas-suq kif deskritt fuq.

    (a)   It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

    Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ applikazzjoni għat-TES lill-produtturi esportaturi kollha magħżula fil-pajjiż ikkonċernat biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw u li jixtiequ japplikaw għal marġni individwali ta’ dumping, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

    Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għat-TES mimlija fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    (b)   It-Trattament individwali (TI)

    Biex japplikaw għat-TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw u li jixtiequ japplikaw għal marġni individwali ta’ dumping għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għat-TES bit-taqsimiet rilevanti għat-TI mimlija kif xieraq fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.1.3.   L-investigazzjoni ta' produtturi mhux relatati  (8)  (9)

    Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni qabel l-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal għadd raġonevoli l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati li sejrin ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

    l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks u l-persuna ta’ kuntatt,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

    il-fatturat totali għall-perjodu bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

    il-volum f’m2 u l-valur f’euro tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 tal-prodott importat li qed jiġi investigat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (10) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi kkunsidrat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa jkunu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati li qegħdin fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jinkludi tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott li qed jiġi investigat.

    5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

    Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija. Id-determinazzjoni ta’ dannu hija bbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum ta’ importazzjonijiet soġġetti għal dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.2.1.   L-investigazzjoni ta' produtturi tal-Unjoni

    Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal numru raġonevoli l-għadd ta’ produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi tal-Unjoni kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jidentifikaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

    l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks u l-persuna ta’ kuntatt,

    l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

    il-valur f'euro tal-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat li sar fis-suq tal-Unjoni bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

    il-volum f'm2 tal-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat li sar fis-suq tal-Unjoni bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

    il-volum f'm2 tal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

    il-volum f'm2 importat fl-Unjoni, tal-prodott li qed jiġi investigat manifatturat fil-pajjiż ikkonċernat bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010, jekk applikabbli,

    l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (11) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat (kemm jekk prodott fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiż ikkonċernat),

    kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    Jekk kwalunkwe parti minn dan it-tagħrif ikun diġà tressaq lis-Servizzi tal-Kummissjoni għad-Difiża tal-Kummerċ, il-kumpaniji ma għandhomx għalfejn jerġgħu jissottomettuha. Meta tidentifika lilha nnifisha u tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi tal-Unjoni li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni.

    Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jkunu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija (jew kumpaniji) tagħhom, dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija (jew kumpaniji) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija (jew kumpaniji) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispiża tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

    5.3.    Il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżata minħabba f’hekk, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Il-produtturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, il-fornituri u l-assoċjazzjonijiet rapreżentattivi tagħhom u organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi tal-Unjoni huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-iskadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata kemm billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni u kemm f'format ħieles li idealment ikopri kwistjonijiet koperti minn dan il-kwestjonarju. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif imressaq skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk ikun appoġġjat minn evidenza fattwali meta jitressaq.

    5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

    Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    Il-proċedura biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet kollha, inklużi t-tagħrif sottomess għall-għażla tal-kampjuni, il-formoli mimlija ta' talba għat-TES, il-kwestjonarji mimlija u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, din għandha tinforma lill-Kummissjoni minnufih.

    Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inklużi l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (12)

    Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u tal-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jiġi injorat.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N-105 04/092

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Feks +32 22979805

    Posta elettronika: trade-ad-ceramic-tiles-china@ec.europa.eu

    6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati, jew b’mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    7.   L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. L-uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

    Talba għal seduta mal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ għandha issir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati opinjonijiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Smigħ bħal dan, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

    Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/ho/index_en.htm).

    8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni għandha tingħalaq, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

    Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (13).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Id-dumping huwa l-prattika ta' bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali ġeneralment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż li jesporta. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott.

    (3)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ intern jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esportaturi li mhumiex produtturi normalment ma jkunux intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

    (4)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija.

    (5)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjiega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew it-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

    (6)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż ta’ negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabilità bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabilità u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) m’hemmx tagħwiġ sinifikanti ttrasferit mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

    (7)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ kumpaniji jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) iil-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament; (iii) il-parti l-kbira tal-ishma jappartjenu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

    (8)  Importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li jkunu relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 mal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna.

    (9)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni barra mid-determinazzjoni tad-dumping.

    (10)  Ara n-nota 5, f’qiegħ il-paġna.

    (11)  Ara n-nota 5, f’qiegħ il-paġna.

    (12)  Dan id-dokument huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343 22.12.2009 p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehima tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 (Ftehima dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top