EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC0601(01)

Sommarju ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta’ April 2010 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.351 – Interkonnetturi Żvediżi) (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

ĠU C 142, 1.6.2010, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/28


Sommarju ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-14 ta’ April 2010

li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/39.351 – Interkonnetturi Żvediżi)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 142/08

Fl-14 ta’ April 2010, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat tal-KE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda b’dan tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe penalitajiet imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tinsab fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Svenska Kraftnät, (minn hawn ’il quddiem: “SvK”). Tirrendi l-impenji tal-impriża proposti minn SvK vinkolanti sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li ġej minn investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq is-suq Żvediż tat-trażmissjoni tal-elettriku.

2.   PROĊEDURA

(2)

Fl-1 ta' April 2009 l-Kummissjoni fetħet proċedimenti bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u fil-25 ta' Ġunju 2009 adottat Valutazzjoni Preliminari kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li jistabbilixxi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. Fl-4 ta' Settembru 2009, l-iSvK ippreżentat impenji lill-Kummissjoni bi tweġiba għall-Valutazzjoni Preliminari. Fis-6 ta’ Ottubru 2009, ġie ppubblikat avviż (2) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jagħti taqsira tal-każ u tal-impenji u li jistieden lill-partijiet terzi interessati jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni. Fis-26 ta' Jannar 2010 l-iSvK ippreżentat proposta emendata tal-impenji li tikkunsidra kummenti relevanti li waslu mingħand partijiet terzi. Il-Kumitat Konsultattiv dwar Ftehimiet Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ b’opinjoni favorevoli fil-15 ta’ Marzu 2010. L-Uffiċjal tas-Smigħ ta opinjoni favorevoli fuq il-proċedimenti fir-rapport finali tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010

3.   IT-TĦASSIB IDENTIFIKAT FIL-VALUTAZZJONI PRELIMINARI

(3)

Fil-valutazzjoni preliminari tal-25 ta' Ġunju 2009 il-Kummissjoni qajmet tħassib dwar il-kompetizzjoni, fis-sens li l-iSvK setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Żvediż tat-trażmissjoni tal-elettriku. Seta' jagħti l-każ li l-iSvK illimitat il-kapaċità ta' esportazzjoni fuq l-interkonnetturi Żvediżi meta antiċipat konġestjoni interna fi ħdan is-sistema Żvediża tat-trażmissjoni, u b'hekk iddiskriminat bejn utenti differenti tan-netwerk u ssegmentat is-suq intern.

4.   L-IMPENJI

(4)

L-iSvK daħlet għal impenji li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni fis-suq Żvediż tat-trażmissjoni. L-ewwel nett, l-iSvK se taqsam is-sistema Żvediża tat-trażmissjoni f’żewġ taqsimiet tal-offerti jew aktar u se tħaddem is-sistema Żvediża tat-trażmissjoni fuq din il-bażi sal-1 ta' Novembru 2011 l-aktar tard. Il-konfigurazzjoni tat-taqsimiet tal-offerti se tkun flessibbli biżżejjed biex tkun tista’ tiġi mmodifikata biex tadatta għal tibdiliet ippjanati u mhux ippjanati fil-mudelli futuri tal-fluss fis-sistema Żvediża tat-trażmissjoni. Mid-data meta t-taqsimiet tal-offerti jibdew jaħdmu, l-iSvK se tiġġestixxi l-konġestjoni fis-sistema Żvediża tat-trażmissjoni mingħajr ma tillimita l-kapaċità kummerċjali fuq l-interkonnetturi. L-unika eċċezzjoni għal dan il-prinċipju hija sezzjoni waħda fin-netwerk fl-Iżvezja, l-hekk imsejħa “West-Coast-Corridor”. F'din is-sezzjoni hemm nuqqas ta' riżorsi adegwati għall-produzzjoni biex tinżamm taqsima tal-offerti separata. It-tieni nett, fil-“West-Coast-Corridor” l-iSvK timpenja ruħha li tirrinforza n-netwerk billi tibni u topera linja ġdida tat-trażmissjoni ta' 400 kV sat-30 ta' Novembru 2011. It-tielet nett, bejn id-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta' impenn u d-data li fiha t-taqsimiet tal-offerti jibdew jaħdmu, l-iSvK se żżid l-użu tal-kontrokummerċ sabiex tnaqqas il-limiti tal-interkonnetturi minħabba konġestjoni interna.

(5)

L-impenji meħuda minn SvK huma rimedji adegwati biex jakkomodaw it-tħassib tal-Kummissjoni. Is-suddiviżjoni tan-netwerk fl-Iżvezja tindirizza t-tħassib għax tneħħi l-bżonn li titnaqqas il-kapaċità disponibbli tal-interkonnetturi minħabba konġestjoni interna fuq l-imblokki identifikati fin-netwerk fl-Iżvezja, bl-eċċezzjoni tal-“West-Coast-Corridor”. Fir-rigward ta' dan tal-aħħar linja ġdida ta' 400kV, li l-iSvK timpenja ruħha li tibni u li tħaddem sat-30 ta' Novembru 2011 l-aktar tard, viċin ta' Gothenburg fil-punent tal-Iżvezja, se tkun biżżejjed biex tnaqqas l-ostakoli fit-trażmissjoni fil-“West-Coast-Corridor”. Ir-rimedji mhuma sproporzjonati la għall-iSvK u lanqas għal partijiet terzi.

5.   KONKLUŻJONI

(6)

Id-Deċiżjoni tirrendi l-impenji vinkolanti għal 10 snin mid-data tan-notifika. Id-Deċiżjoni tqis li ma għadx hemm raġunijiet għal azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u li, bla ħsara għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-proċedimenti f'dan il-każ għandhom għalhekk jintemmu.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 239, 6.10.2009, p. 9.


Top