Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0794

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004

    /* KUMM/2010/0794 finali - COD 2010/0380 */

    52010PC0794

    /* KUMM/2010/0794 finali - COD 2010/0380 */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 20.12.2010

    KUMM(2010) 794 finali

    2010/0380 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Isvizzera)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Din il-proposta hija maħsuba biex taġġorna r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 biex jirriflettu l-bidliet fil-leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u biex iżżomm il-pass mar-realtà soċjali li taffettwa l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

    Barra minn hekk, din il-proposta tinkludi proposti mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni ta’ Sistemi tas-Sigurtà Soċjali (minn hawn ‘il quddiem: Kummissjoni Amministrattiva) li għandhom l-għan li jtejbu u jimmodernizzaw l- acquis skont l-Artikolu 72 (f) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    L-emendi f’din il-proposta għandhom l-għan li jiggarantixxu ċertezza legali għal partijiet interessati.

    Kuntest ġenerali

    Il-proposta tikkonċerna aġġornament regolari tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009. L-għan tagħha huwa li tiżgura koordinazzjoni xierqa tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali fl-UE. Din tirrifletti bidliet legali fil-livell nazzjonali u tqis l-iżviluppi riċenti fil-mobilità transkonfinali li jaffettwaw il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali.

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Id-dispożizzjonijiet eżistenti huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009) u r-Regolament (KE) Nru 987/2009.

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 għandhom jiġu aġġustati biex jinżammu aġġornati mal-iżviluppi fil-leġislazzjoni nazzjonali u l-bidliet fir-realtà soċjali li jaffetwaw il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, ġew riċevuti proposti relevanti li għandhom l-għan li jtejbu s-sistema ta’ koordinazzjoni mill-Kummissjoni Amministrattiva. Dawn il-proposti flimkien ma' adattamenti tekniċi oħra għat-test huma inkorporati f’din il-proposta. Din il-proposta se taġġorna wkoll u temenda r-referenzi għal-leġislazzjoni nazzjonali f’ċerti annessi mar-Regolamenti.

    Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

    Mhux applikabbli.

    2. IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    211 Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali ta' dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni

    L-Istati Membri ġew mistiedna biex jissottomettu proposti għal emendi mixxellanji għar-Regolamenti għall-2010. Il-Kummissjoni Amministrattiva talbet ukoll emendi li jaġġornaw u jiċċaraw ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009.

    Taqsira tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu

    Il-proposti li huma kkunsidrati li huma kompatibbli mal-liġi tal-UE u li l-Kummissjoni Amministrattiva qablet dwarhom huma inkorporati f’din il-proposta.

    221 Dominji xjentifiċi/ta’ għarfien espert ikkonċernati

    Koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

    222 Metodoloġija użata

    Diskussjoni f’żewġ laqgħat tal-Kummissjoni Amministrattiva fl-2010 u, fejn meħtieġ, aktar diskussjoni biex tinkiseb kjarifika, b’mod partikolari dwar id-dettalji ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Amministrattiva mill-Istati Membri kkonċernati.

    223 Organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

    Il-Kummissjoni Amministrattiva, kif ukoll rappreżentanti mill-Istati Membri individwali kkonċernati.

    2249 Taqsira tal-pariri li ngħataw u ntużaw

    Ma ssemmietx l-eżistenza ta’ riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi irreversibbli.

    Ftehim tal-Kummissjoni Amministrattiva biex taġġorna, tlesti u ttejjeb it-test u biex taġġorna ċerti annotazzjonijiet għall-Istati Membri fl-annessi mar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009.

    226 Mezzi użati sabiex il-parir tal-esperti jsir disponibbli pubblikament

    L-ebda.

    Il-valutazzjoni tal-impatt

    Sa mill-1 ta' Mejju 2010, żewġ Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 modernizzati dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali huma applikati fl-Istati Membri kollha tal-UE. Ir-Regolamenti modernizzati tas-sigurtà soċjali huma r-riżultat ta’ għaxar snin ta’ negozjati bejn l-Istati Membri. Il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni ġiet, fost affarijiet oħra, mill-bidliet fil-leġislazzjoni nazzjonali u mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE).

    L-Istati Membri jemendaw ta’ spiss il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar is-sigurtà soċjali. Konsegwenza ta’ hekk, ir-referenzi magħmula għal-liġi nazzjonali fil-leġislazzjoni tal-UE li tikkoordina sistemi tas-sigurtà soċjali jistgħu ma jibqgħux jgħoddu u dan joħloq inċertezza legali għal partijiet interessati meta japplikaw ir-Regolamenti.

    Għalhekk ir-referenzi fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 jeħtieġu jiġu aġġornati sew biex jirriflettu sew il-bidliet legali fil-livell nazzjonali u l-bidliet fir-realtà soċjali. Ir-Regolamenti jistgħu jiġu aġġornati permezz ta’ Regolament.

    Wieħed mill-karatteristiċi prinċipali tad-dispożizzjonijiet modernizzati ta' koordinazzjoni hija s-simplifikazzjoni. Is-simplifikazzjoni tar-Regolamenti tagħmilhom aktar faċli biex jiġu interpretati u tnaqqas l-iskop għal opinjonijiet kuntrastanti. Sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet simplifikati jipproteġu bi sħiħ d-drittijiet taċ-ċittadini, xi dispożizzjonijiet jeħtieġu jiġu emendati, b’mod partikolari fil-qasam ta’ leġislazzjoni applikabbli u benefiċċji tal-qgħad. Fid-dispożizzjoni li tiddetermina l-leġislazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni meta persuna tkun qegħda taħdem f’żewġ Stati Membri jew aktar, il-kriterju ta’ “parti sostanzjali tal-attività” jiġi estiż u l-idea ta’ "uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju" jiġi konkretizzat. Huma meħtieġa emendi fil-qasam tal-benefiċċji tal-qgħad biex jipprovdu soluzzjoni sodisfaċenti fis-sitwazzjoni meta persuna li taħdem għal rasha tkun assigurata għal qgħad fl-Istat Membru tal-aħħar attività iżda tirritorna għall-Istat Membru ta’ residenza tagħha li m’għandux assigurazzjoni ta’ qgħad għal persuni li jaħdmu għal rashom.

    L-aħħar ftit snin urew żieda fit-tendenza lejn forom ġodda ta’ mobilità. Strutturi ġodda tax-xogħol jistgħu jiġu nnutati fost oħrajn fit-trasport bl-ajru, meta kumpaniji jipprovdu s-servizzi tagħhom minn l-hekk imsejħa "bażijiet ta’ residenza" fi Stati Membri differenti. Fl-2011, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li toħroġ Komunikazzjoni dwar xejriet ta' mobilità li nbiddlu fir-rigward tad-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-sigurtà soċjali li fiha tidentifika liema azzjonijiet speċifiċi jeħtieġ li l-Kummissjoni tieħu sabiex twieġeb aħjar għall-ħtiġijiet ta’ tipi differenti ta’ ħaddiema migranti. Mingħajr ma tixtieq tantiċipa l-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tispeċifika diġà l-idea ta’ "uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat” għal membri tal-ekwipaġġ tal-ajru, sabiex tgħin lill-istituzzjonijiet biex jiddeterminaw il-post tal-“uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat" u biex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 f’dan is-settur. Il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza” li huwa partikolarment relevanti hawnhekk diġà ġie definit fir-Regolament (KE) 1899/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u diġà qiegħed fis-seħħ f'dak is-settur.

    Għalkemm ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 huma applikati mill-1 ta’ Mejju 2010, huma jirriflettu s-sitwazzjoni attwali tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri tas-26 ta’ Jannar 2004 (għar-Regolament (KE) Nru 883/2004) u tas-17 ta’ Diċembru 2008 (għar-Regolament (KE) Nru 987/2009). Huwa fl-interess taċ-ċittadini kkonċernati li r-Regolamenti jkunu aġġornati fi żmien raġonevoli wara li jkunu saru l-bidliet fil-leġislazzjoni nazzjonali. Huma biss ir-Regolamenti li huma aġġornati bl-iżviluppi fil-leġislazzjoni nazzjonali biss u d-dispożizzjonijiet tagħhom huma ċari u kompleti li jistgħu jiggarantixxu trasparenza u ċertezza għal partijiet interessati u jipprovdu protezzjoni sħiħa għal ċittadini mobbli.

    Din il-proposta tiffaċilita l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri u tikkontribwixxi għall-ħarsien taċ-ċittadini li jemigraw fi ħdan l-UE. Ħafna mill-bidliet ġew proposti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni Amministrattiva. Fir-rigward tal-ammont tax-xogħol jew spejjeż, huwa stmat li r-Regolament propost li jemenda mhu se jagħmel ebda differenza sostantiva għas-sitwazzjoni preżenti tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għal istituzzjonijiet u amministrazzjonijiet, ħaddiema jew impjegaturi jew ċittadini mhux attivi.

    3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Taqsira tal-azzjoni proposta

    Din il-proposta tissuplimenta, tikkjarifika u taġġorna uħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 biex tirrifletti bidliet fil-leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u xejriet ta’ mobilità li nbiddlu li jaffettwaw il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-bidliet se jiffaċilitaw l-applikazzjoni effiċjenti tal-leġislazzjoni tal-UE li tikkordina skemi tas-sigurtà soċjali u ttejjeb il-ħarsien ta’ individwi li jiċċaqilqu fi ħdan l-UE.

    Bażi legali

    L-Artikolu 48 TFUE.

    Prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE.

    L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin.

    Hija meħtieġa azzjoni tal-UE f’għamla ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali mill-Artikolu 48 tat-TFUE u hija neċessarja sabiex tiggarantixxi li d-dritt għall-moviment ħieles li hu stabbilit fit-TFUE ikun jista’ jiġi eżerċitat b’mod sħiħ. Mingħajr din il-koordinazzjoni, ikun hemm riskju li l-moviment ħieles ma jitħaddanx, għaliex iċ-ċittadini jkunu anqas lesti li jagħmlu użu minn dan id-dritt, jekk dan, fondamentalment, iwassal għat-telf tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali diġà akkwistati fi Stat Membru ieħor. Leġislazzjoni eżistenti tal-UE dwar is-sigurtà soċjali ma għandhiex l-għan li tissostittwixxi s-sistemi nazzjonali differenti. Ta’ min jenfasizza li r-Regolament propost li jemenda mhuwiex miżura ta’ armonizzazzjoni u ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju għal koordinazzjoni effettiva. Bażikament il-proposta għandha l-għan li taġġorna r-regoli eżistenti ta’ koordinazzjoni biex tirrifletti l-bidliet legali li saru fil-livell nazzjonali u biex timplimenta bidliet li saru neċessarji minħabba l-bidla fir-realtà soċjali. Għandha wkoll l-għan li tikkumplimenta u ttejjeb it-test tar-Regolamenti bil-għan li tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini meta dawn ikunu qed jiċċaqilqu fi ħdan l-UE.

    Għalhekk, anki jekk il-proposta hija essenzjalment ibbażata fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, dawn ma jistgħux jaddottaw dawn id-dispożizzjonijiet fil-livell nazzjonali billi dawn jistgħu jkunu potenzjalment f’kunflitt mar-Regolamenti. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-korpi tar-Regolamenti u l-annessi tagħhom huma adottati sew sabiex ir-Regolamenti jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod effettiv fi ħdan l-UE.

    Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tinkludi sitwazzjonijiet transkonfinali li fihom ebda Stat Membru ma jista’ jaġixxi waħdu. Il-leġislazzjoni tal-UE li tikkoordina tissostittwixxi l-bosta ftehimiet bilaterali eżistenti. Dan mhux biss jissimplifika l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-Istati Membri, iżda jiżgura wkoll trattament ugwali għaċ-ċittadini tal-UE li huma assiguarti f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

    Azzjoni mill-UE tikseb aħjar l-għanijiet tal-proposta għal din/dawn ir-raġuni(jiet):

    Il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħmel biss sens fil-livell tal-UE. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-koordinazzjoni ta’ skemi tas-sigurtà soċjali taħdem b’mod effettiv fl-Istati Membri kollha. Dan huwa bbażat fuq il-moviment ħieles ta’ persuni fi ħdan l-UE u ġġustifikat minnhom.

    Ma jeżistu ebda indikaturi kwalitattivi, iżda r-Regolamenti jikkonċernaw lil kull ċittadin tal-UE li jiċċaqlaq, għal kwalunkwe raġuni, fit-territorju tal-UE.

    Din il-proposta hija purament miżura ta’ koordinazzjoni li tista’ tiġi adottata biss fil-livell tal-UE. L-Istati Membri dejjem jibqgħu responsabbli għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom.

    Għalhekk il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja(ġejjin):

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 jeħtieġu din it-tip ta' azzjoni minħabba li Regolament jista’ jiġi emendat biss b’Regolament. L-azzjoni ma tolqotx is-sistema ta’ koordinazzjoni nnifisha. L-Istati Membri dejjem jibqgħu responsabbli mill-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom.

    Il-proposta tagħmilha iktar faċli għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom biex jikkoordinaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u għandha l-għan li tipproteġi lil individwi li jiċċaqilqu fi ħdan l-UE, billi taġġorna u ttejjeb ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 u uħud mill-annessi mar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Id-dispożizzjonijiet emendati huma ġeneralment ibbażati fuq proposti mill-Istati Membri li jfisser li kwalunkwe piż finanzjarju u amministrattiv potenzjali huwa minimizzat u proporzjonat mal-objettivi msemmija hawn fuq. Għall-kuntrarju, mingħajr aġġornament bħal dan tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 l-piżijiet finanzjarji u amministrattivi għandhom tendenza li jkunu akbar, minħabba li d-dispożizzjonijiet ma jilħqux il-ħtiġijiet li dejjem jinbidlu tal-Istati Membri.

    Għażla tal-istrumenti

    Strumenti proposti: Regolament.

    Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni(jiet) li ġejja(ġejjin):

    M’hemmx alternattiva minħabba li Regolament jista’ jiġi emendat biss b’Regolament.

    4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

    5. ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

    Iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Isvizzera

    L-att propost għandu relevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Isvizzera u għalhekk għandu jiġi estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Isvizzera.

    Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1 jikkonċerna l-emendi tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    A. Emenda tal-Artikolu 9

    1. Emenda tal-Artikolu 9(1)

    Fl-Artikolu 9, ir-referenza għall-Artikolu 1, paragrafu (1) fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandha taqra "Artikolu 1, ittra (l)”. Barra minn hekk, in-notifika ta’ dispożizzjoni kuntrattwali f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(l) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandha ssir separatament mid-dikjarazzjoni li għandha ssir f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u hija prerekwiżit għaliha.

    2. Emenda tal-Artikolu 9(2)

    L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu jiġi emendat sabiex ikun konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    B. Emenda tal-Artikolu 12(1)

    L-emenda proposta tiċċara li persuna stazzjonata ma tistax tiġi sostitwita minn persuna oħra stazzjonata wara li jiskadi l-perjodu ta’ stazzjonament tal-ewwel persuna. Il-kelma “stazzjonata” tneħħiet bi żball hawnhekk.

    C. Emenda tal-Artikolu 13(1)

    Fit-test attwali tal-Artikolu 13(1), il-kundizzjoni li twettaq "parti sostanzjali" tal-attività ma tapplikax għas-sitwazzjoni li fiha persuna tkun qed taħdem f'żewġ Stati Membri jew aktar għal bosta impriżi jew impjegaturi. Din mhijiex konformi mal-intenzjoni meta ġiet negozjata fil-Kunsill, b’mod partikolari mhux għas-sitwazzjoni li fiha l-attività segwita fl-Istat Membru ta' residenza hija relattivament żgħira. L-iskop ta’ din l-emenda huwa biex tagħmilha ċara li l-kundizzjoni ta’ twettiq ta' "parti sostanzjali" tal-attività tapplika wkoll għal persuna li normalment issegwi attività għal bosta impriżi jew għal impjegaturi f’żewġ Stati Membri jew aktar. Fis-sitwazzjoni fejn il-kundizzjoni ta’ "parti sostanzjali" tal-attività ma twettqitx fl-Istat Membru ta’ residenza, il-leġislazzjoni applikabbli hija l-leġislazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju tal-impriża/i jew impjegatur/i.. Jekk mhuwiex possibbli li jinħatar Stat Membru wieħed li fih jinsab uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju, eż. meta hemm żewġ impjegaturi jew aktar li huma stabbiliti f'żewġ Stati Membri differenti barra l-Istat Membru ta' residenza, tapplika l-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta' residenza. L-emenda għandha l-għan li tevita l-manipulazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ simplifikazzjoni u prammatiżmu.

    D. Emenda tal-Artikolu 36(2a)

    L-Artikolu 36(2a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu jiġi emendat biex il-qasam ta' applikazzjoni personali tiegħu jiġi konformi ma' dak tal-kumplament ta' Kapitlu 2 tat-Titlu III tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jiggverna l-kwistjoni parallela fil-qasam tal-mard, il-maternità u benefiċċju ekwivalenti tal-paternità.

    E. Emenda tal-Artikolu 65(5)

    L-emenda tindirizza s-sitwazzjoni meta persuna li taħdem għal rasha tkun ġiet assigurata għal qgħad fl-Istat Membru tal-aħħar attività u, ladarba l-persuna tkun qiegħda, tirritorna lejn l-Istat Membru tal-pajjiż ta’ residenza tagħha li m’għandu l-ebda assigurazzjoni tal-qgħad għal persuni li jaħdmu għal rashom.

    F’sitwazzjoni bħal din, għall-kuntrarju tal-persuni impjegati, it-trasferiment tar-responsabilità għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ qgħad mill-Istat Membru tal-aħħar attività lill-Istat Membru ta’ residenza mhuwiex possibbli minħabba li l-leġislazzjoni tal-aħħar Stat Membru ma tipprovdix benefiċċji għall-qgħad għal persuni li jaħdmu għal rashom. Madankollu, skont l-iskop tal-Artikolu 65 kif ikkonfermat mill-każistika tal-QĠUE (ara d-deċiżjonijiet tal-QĠUE dwar l-Artikolu 71 tar-Regolament 1408/71 li jikkorrispondi mal-Artikolu 65 l-ġdid tar-Regolament 883/2004, eż. Każijiet C-454/93 Van Gestel [1995] ECR I-1707, 58/87 Rebmann [1988] ECR 3467) il-persuni soġġetti għal dak l-Artikolu għandhom dritt, ladarba huma qiegħda, li jirritornaw lejn l-Istat tagħhom ta’ residenza u jfittxu xogħol hemmhekk. Ir-raġunar wara dan l-Artikolu huwa li dawn il-persuni għandhom l-aqwa prospett ta’riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, minħabba r-rabtiet mill-qrib li għandhom hemm. Għaldaqstant, id-dritt tagħhom għal benefiċċji soċjali m’għandux ikun ristrett, b'mod partikolari meta dawk il-benefiċċji jirrappreżentaw il-kontraparti ta' kontribuzzjonijiet li huma kienu ħallsu (Każ C-228/07 Petersen [2008] ECR I-6989). Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani sabet li dritt għal benefiċċji tal-qgħad marbut mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-fond ta' assigurazzjoni għall-qgħad għandu jitqajjem - bħala dritt pekunarju - taħt il-ħarsien tal-Artikolu 1 Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea (Gaygusuz v. Austria).

    F. Emenda tal-Artikolu 71 (2)

    Il-ħtieġa biex tiġi ċċarata l-proċedura ta’ votazzjoni tal-Kummissjoni Amministrattiva ħarġet mid-diskussjoni dwarha. Il-proċedura ta’ votazzjoni proposta tirrifletti l-iżviluppi l-ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari l-Artikolu 48 TFUE l-ġdid.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 2 jikkonċerna l-emendi tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

    A. Emenda tal-Artikolu 6(1)

    Il-kliem ta’ dan l-Artikolu ġie allinjat mill-ġdid aktar viċin għal dak li ġie miftiehem fil-Kunsill. F’punt 1(b) issa huwa ċċarat li l-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ma tistax tiġi applikata proviżorjament jekk il-persuna kkonċernata ma ssegwix xi attivitajiet fl-Istat Membru ta’ residenza.

    B. Emenda tal-Artikolu 14(5)

    L-emenda tiċċara li attivitajiet marġinali u anċillari, li huma insinifikanti f’termini ta’ ħin u qligħ ekonomiku, m’għandhomx jiġu kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli fuq il-bażi tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. L-attivitajiet per se jibqgħu relevanti għall-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali; jekk l-attività marġinali tiġġenera affiljazzjoni tas-sigurtà soċjali, il-kontribuzzjonijiet għandhom jitħallsu fl-Istat Membru kompetenti għad-dħul kollu mill-attivitajiet.

    L-objettiv tal-emenda għandu żewġ għanijiet:

    1) biex tiġi ssimplifikata d-dispożizzjoni eżistenti billi tħassar id-distinzjoni bejn “simultanja” jew “li talterna” attivitajiet u għaldaqstant issaħħaħ iċ-ċertezza legali għal persuni li jsegwu attività effettiva u ġenwina fi Stat Membru wieħed u b’mod parallel attività marġinali biss fi Stat Membru, u

    2) biex tevita użu ħażin possibbli tad-dispożizzjonijiet dwar leġislazzjoni applikabbli tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    C. Inserzjoni tal-Paragrafu 14(5a)

    Din l-emenda tiżgura li t-tifsira ta’ “uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju” hija applikata f’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u Regolamenti oħra tal-UE. L-emenda sservi bħala tarġa għal elementi addizzjonali li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni Amministrattiva.

    Għall-membri tal-ekwipaġġ tal-ajru, l-“uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju” għandu jkun il-“bażi ta’ residenza". Il-kunċett ta’ “bażi ta’ residenza" huwa rikonoxxut u użat f’dan is-settur u diġà huwa definit mir-Regolament (KEE) Nru 3922/91, li jiffaċilita u jiġġustifika l-użu tiegħu fi ħdan il-qasam ta’ koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Ir-referenza għall-“bażi ta’ residenza" għal membri tal-ekwipaġġ tal-ajru ma taffettwax il-prinċipju li s-sitwazzjoni ta’ kull membru tal-ekwipaġġ għandu jiġi eżaminat separatament u fuq il-bażi ta’ informazzjoni objettiva sabiex tiġi determinata liema leġislazzjoni hija applikabbli fuq il-bażi tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    D. Emenda tal-Artikolu 15(1)

    Din l-emenda tagħmel lit-test ta’ dan l-Artikolu konformi mal-ftehima finali fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni biex jadotta r-Regolament (KE) Nru 987/2009 biex jinforma lill-persuna kkonċernata dwar il-leġislazzjoni applikabbli għalih/għaliha f’każijiet ta’ stazzjonament.

    E. Emenda tal-Artikolu 54(2)

    L-emenda ssolvi żball li sar matul il-verifika lingwistika fil-Kunsill u tirrestawra t-tifsira oriġinali tad-dispożizzjoni.

    F. Inserzjoni tal-Artikolu 55(7)

    Żdied paragrafu ġdid sabiex japplika l-proċedura użata għall-esportazzjoni ta' benefiċċji mutatis mutandis għas-sitwazzjoni koperta mid-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 65(5)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, ħlief għad-dispożizzjoni li tirrigwarda r-restrizzjoni tal-ħin tat-titolu msemmi f’paragrafu 1 (c) tal-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

    G. Emenda tal-Artikolu 56(2)

    It-test jeħtieġ jiġi emendat sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fejn persuna soġġetta għall-Artikolu 65(5)(b) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tirreġistra lilha nnifisha bħala pass supplimentari wkoll mas-servizzi tal-impjiegi fl-Istat tal-aħħar attività tagħha.

    F’każ bħal dan, għandhom ikunu l-obbligi u l-attivitajiet ta’ tfittxija ta’ impjieg fl-Istat tal-aħħar attività li jkollhom prijorità minħabba li dak l-Istat jipprovdi l-benefiċċji lill-persuna. Il-kliem il-ġdid jagħti prijorità lill-obbligi u lill-attivitajiet ta’ tfittxija ta’ impjieg fl-Istat li jipprovdi l-benefiċċji u jeskludi effett negattiv meta dawn ma jitwettqux fl-Istat Membru l-ieħor.

    Anness

    A. Emenda tal-Anness X mar-Regolament (KE) Nru 883/2004

    L-anness X jelenka l-benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji. Fit-Taqsima “PAJJIŻI L-BAXXI”, l-Att dwar l-Għajnuna ta’ Diżabilità għal Żgħażagħ b’Diżabilità, tal-24 ta’ April 1997 (Wajong), se jiġi sostitut bl-“Att dwar l-Għajnuna fix-Xogħol u l-Impjiegi għal Persuni b’Diżabilità” (Wet Wajong).

    Bħall-Att ta’ qabel, l-appoġġ għad-dħul provdut mill-Att il-ġdid huwa offrut lil persuni żgħażagħ li huma diżabbli li, minħabba d-diżabilità tagħhom, għandhom kapaċitajiet limitati biex jaħdmu u li d-dħul tagħhom jaqa’ taħt il-paga minima statutorja. Il-persuni żgħażagħ b’diżabilità li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet jistgħu jirċievu appoġġ tad-dħul, biex jissupplimentaw id-dħul tagħhom sal-livell ta' paga minima statutorja, jekk id-dħul li jirċievu huma mix-xogħol huwa taħt il-75% tal-paga minima statutorja. Il-protezzjoni tad-dħul jista' jingħata wkoll lil persuni żgħażagħ b'diżabilità li qed jistudjaw u jeħtieġu appoġġ finanzjarju kif ukoll lill-persuni żgħażagħ li ma jistgħux jaħdmu għal kollox, i.e. dawk li ma jistgħux jaħdmu xejn u b’mod permanenti.

    Din l-annotazzjoni l-ġdida mill-Pajjiżi l-Baxxi ġiet eżaminata mill-Kummissjoni Amministrattiva u l-appoġġ fuq id-dħul ġie kkunsidrat li hu benefiċċju speċjali fi flus kontanti mhux kontributorju fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    Fit-Taqsima “RENJU UNIT” benefiċċju speċjali ġdid ta’ flus kontanti mhux kontributorju se jiġi elenkat għar-Renju Unit, jiġifieri Għoti ta’ Flus tal-Impjiegi u l-Appoġġ marbuta mad-Dħul (hawnhekk ESA(IR)).

    L-objettiv ewlieni tal-ESA (IR) huwa li jiggarantixxi dħul minimu sostanzjali li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fir-Renju Unit. ESA marbut mad-dħul huwa disponibbli meta r-rekord tal-kontribuzzjoni jew is-sitwazzjoni finanzjarja ta' persuna hija waħda li ma tħallas ebda kontribuzzjoni ta' Għoti ta’ Flus tal-Impjiegi jew Għajnuna, jew hija inadegwata.

    ESA (IR) kien ikkunsidrat mill-Kummissjoni Amministrattiva bħala benefiċċju speċjali fi flus kontanti mhux kontributorju f’dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li jista’ jiġi elenkat f'Anness X tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    Fit-taqsima tar-“RENJU UNIT" ukoll, l-Appoġġ għad-Dħul se jitħassar mill-Anness. Il-ħolqien ta' benefiċċji skont eżami tal-mezzi (Għoti ta’ Flus lilll-Persuni li qed ifittxu impjieg, Għoti ta’ Flus tal-Impjieg u tal-Appoġġ u Kreditu tal-Pensjoni tal-Istat) għal kategoriji speċifiċi ta' riskju għandhom bħala effett li l-Appoġġ tad-dħul sar benefiċċju limitat ta' sussistenza, pagabbli lil persuni mingħajr dħul jew bi dħul baxx. Minħabba li l-appoġġ soċjali huwa eskluż mill-qasam ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, l-Appoġġ tad-Dħul għandu jitneħħa mil-lista.

    B. Emenda tal-Anness XI mar-Regolament (KE) Nru 883/2004

    1. Emenda tat-Taqsima “PAJJIŻI L-BAXXI”

    L-annotazzjoni ta' punt 1(h) testendi d-dritt lill-pensjonant/a u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha li huma assigurati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jirċievu benefiċċji in natura tul iż-żjara fil-Pajjiżi l-Baxxi u toffri vantaġġ addizzjonali lill-pensjonanti u lill-membri tal-familji tagħhom fil-qasam ta’ benefiċċji ta’ mard.

    Punt 1(g) jista’ jitħassar minħabba li r-rimborż għal nuqqas ta' klejms ġie sostitwit bl-introduzzjoni ta' riskju mandatorju eċċessiv fis-Sistema Olandiża tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

    Il-bidliet l-oħra fl-Anness XI jikkonċernaw emendi lingwistiċi biex jiżguraw konsistenza fir-referenzi għal-leġislazzjoni Olandiża.

    2010/0380 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Isvizzera)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,[1]

    Jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    1. Biex jiġu kkunsidrati l-bidliet legali f’ċerti Stati Membri u biex ikun hemm garanzija ta’ ċertezza legali għall-partijiet interessati, ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 jeħtieġu jiġu adattati.

    2. Ġew riċevuti proposti relevanti tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali li jirrigwardjaw il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali bil-għan li jtejbu u jimmodernizzaw l-acquis. Il-proposti mifthiema ġew inklużi f'dan it-test.

    3. Bidliet fir-realtà soċjali jistgħu jaffettwaw il-koordinazzjoni ta' sistemi tas-sigurtà soċjali. Biex iwieġbu għal dawn il-bidliet, ġew proposti emendi fil-qasam tad-determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli u benefiċċji tal-qgħad.

    4. F'sitwazzjonijiet meta persuna qed taħdem fi Stat Membru wieħed jew aktar, għandu jiġi ċċarat li l-kundizzjoni li ssegwi "parti sostanzjali tal-attività" fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tapplika wkoll għal persuni li jsegwu attivitajiet għal bosta impriżi jew impjegaturi.

    5. Id-diversità u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom qed jiġu segwiti attivitajiet professjonali iqanqlu l-bżonn li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ta' ħaddiema mobbli ħafna. Strutturi ġodda tax-xogħol saru evidenti fost oħrajn fis-settur tat-trasport bl-ajru. Ir-rabta tal-leġislazzjoni applikabbli għal membri tal-ekwipaġġ tal-ajru mal-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat tal-impriża jew tal-impjegatur, hija effettiva biss jekk hemm biżżejjed konnessjoni mill-qrib mal-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju. Għal membri tal-ekwipaġġ tal-ajru, huwa kkundsidrat xieraq li jirreferu għal “bażi ta’ residenza" bħala speċifikazzjoni tal-idea ta’ “uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat” għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

    6. L-Artikolu 65 (5) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu jiġi emendat biex jiżgura li persuni li jaħdmu għal rashom jirċievu benefiċċji skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru kompetenti biex joffrilhom l-aqwa prospetti ta' integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom meta jirritornaw lejn dak l-Istat.

    7. Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 għalhekk għandhom jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 huwa emendat kif ġej:

    8. Fl-Artikolu 9(1), l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

    "1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-dikjarazzjonijiet li saru f’konformità mal-Artikolu 1(l), dwar il-leġislazzjoni u l-iskemi msemmija fl-Artikolu 3, dwar il-konvenzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 8(2) u dwar il-benefiċċji minimi msemmija fl-Artikolu 58, kif ukoll dwar emendi sostanzjali li jsiru sussegwentament.

    9. Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "2. Dawn in-notifiki għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni Ewropea kull sena u għandhom jingħataw il-pubbliċità meħtieġa.

    10. Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "1. Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f'isem l-impjegatur, li normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat mill-impjegatur fi Stat Membru ieħor biex taħdem f'isem l-impjegatur għandha tibqa' suġġetta għal-leġislazzjoni tal-ewwel Stat Membru sakemm mhux maħsub li x-xogħol idum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna stazzjonata oħra.

    11. Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "1. Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f'żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun suġġetta għal:

    (a) il-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f'dak l-Istat Membru, jew

    (b) jekk ma twettaqx parti sostanzjali tal-attività tagħha fl-Istat Membru ta’ residenza:

    (i) il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat tal-impriża jew tal-impjegatur jekk il-persuna hija impjegata minn intrapriża waħda jew impjegatur, jew

    (ii) il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew tal-impjegatur qiegħed barra mill-Istat Membru ta’ residenza jekk hija impjegata minn żewġ impriżi jew impjegaturi jew aktar u minn tal-inqas waħda minn dawn l-impriżi għandha l-uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat tagħha fi Stat Membru wieħed barra l-Istat Membru ta' residenza, jew

    (iii) il-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta' residenza jekk hija impjegata minn żewġ intrapriżi jew impjegaturi jew aktar, li għandhom l-uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat tagħhom fi Stati Membri differenti barra l-Istat Membru ta’ residenza.”

    12. Fl-Artikolu 36, il-paragrafu 2a huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "2a. L-istituzzjoni kompetenti ma tistax tiċħad li tagħti l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) lil persuna assigurata li kellha aċċident fuq il-post tax-xogħol jew li qabditha marda kkaġunata mix-xogħol u li hija intitolata għal benefiċċji li ħa tagħmel tajjeb għalih dik l-istituzzjoni, fejn it-trattament xieraq għall-kundizzjoni tagħha ma jistax jingħata fl-Istat Membru li toqgħod fih il-persuna f'limitu ta' żmien li huwa medikament ġustifikabbli, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-istat attwali ta' saħħitha u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha."

    13. Fl-Artikolu 65, paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "5.

    14. Sakemm punt (b) ma jipprovdix mod ieħor, il-persuna qiegħda li hija msemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenzi ta’ paragrafu 2 għandha tirċievi benefiċċji skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza bħallikieku kienet suġġetta għal dik il-leġislazzjoni matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Dawk il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta' residenza.

    15. (b) Meta l-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ma tipprovdix assigurazzjoni għal persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta' qgħad, il-persuna qiegħda li hija msemmija fl-ewwel u t-tieni sentenza ta' paragrafu 2, li kienet assigurata kontra l-qgħad fl-Istat Membru tal-aħħar attività tagħha bħalha persuna li taħdem għal rasha , għandha tirċievi benefiċċji skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru tal-aħħar.

    16. (c) Madankollu, ħaddiem, minbarra ħaddiem li jaħdem bejn il-fruntieri, li rċieva benefiċċji bl-ispejjeż għall-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-aħħar li kien suġġett għal-leġislazzjoni tiegħu, għandu malli jmur lura lejn l-Istat Membru fejn għandu r-residenza tiegħu, jibbenefika skont l-Artikolu 64, il-qlugħ ta' benefiċċji skont (a) għandhom ikunu sospiżi matul il-perjodu li fih jirċievi benefiċċji skont il-leġislazzjoni li l-aħħar kien suġġett għaliha.

    17. Fl-Artikolu 71, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "2. Ir-regoli tal-Kummissjoni Amministrattiva għandhom jiġu mfassla fuq ftehim reċiproku fost il-membri tagħha.

    Fil-każijiet l-oħra kollha, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha taġixxi b'maġġoranza kwalifikata kif definit fit-Trattati.

    Id-Deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' interpretazzjoni msemmija fl-Artikolu 72(a) għandhom jingħataw il-pubbliċità meħtieġa”.

    18. L-Annessi X u XI huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 huwa emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 6(1) huwa emendat kif ġej:

    (a) punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(b) il-leġislazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza fejn il-persuna kkonċernata twettaq xogħol jew xogħol għal rasha f’żewġ Stati Membri jew aktar u twettaq parti mill-attività jew attivitajiet tagħha f’dak l-Istat Membru, jew fejn il-persuna mhijiex impjegata jew taħdem għal rasha;"

    (b) punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "(c) f’każijiet oħra, il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li ntalbet l-applikazzjoni tiegħu l-ewwel fejn il-persuna twettaq attività jew attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar.”

    2. Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "5. Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, persuna li “normalment twettaq attività bħalha persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar”, għandha tirrefri għal persun li simultanjament, jew b’alterazzjoni, għall-istess impriża jew persuna li tħaddem jew għal bosta impriżi jew impjegaturi, teżerċita attività waħda jew aktar f’żewġ Stati Membri jew aktar, bl-eċċezzjoni ta' attivitajiet marġinali.

    3. Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 5a li ġej qiegħed jiżdied:

    “5a. Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta' Titolu II tar-Regolament bażiku, "uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat" għandhom jirreferu għal uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat fejn id-deċiżjonijiet essenzjali tal-impriża huma adottati u fejn jitwettqu l-funzjonijiet tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha.

    Fis-sitwazzjoni ta’ membri tal-ekwipaġġ tal-ajru li jwettqu servizzi għall-passiġġieri jew għall-merkanzija tal-ajru l-“uffiċċju jew post tan-negozju reġistrat" kif definiti fit-Titolu II tar-Regolament bażiku għandhom ikunu l-"bażi residenzjali", kif definita f'Anness III fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91[2] dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili.”

    4. Fl-Artikolu 15 (1), it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Dik l-istituzzjoni għandha toħroġ lill-persuna kkonċernata l-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta' implimentazzjoni u għandha mingħajr dewmien tagħmel disponibbli informazzjoni dwar il-leġislazzjoni applikabbli lill-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 11(3)(b) jew l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku lill-istituzzjoni maħtura mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih qed titwettaq l-attività.”

    5. Fl-Artikolu 54, paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "2. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal-leġislazzjoni tagħha matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha għandha, mingħajr dewmien, fuq talba tal-istituzzjoni tal-post ta’ residenza, tipprovdilha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkalkula l-benefiċċji għall-qgħad li hi tista’ tikseb fl-Istat Membru fejn tinsab, partikolarment is-salarju jew id-dħul professjonali riċevut.”

    6. Fl-Artikolu 55, qiegħed jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:

    "7. Il-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persuni msemmija fl-Artikolu 65(5)(b) tar-Regolament bażiku, minbarra paragrafu 1 (c) ta' dan l-Artikolu."

    7. Fl-Artikolu 56, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "2. Meta l-leġislazzjoni applikabbli fl-Istati Membri kkonċernati teħtieġ it-twettiq ta’ ċerti obbligi u/jew attivitajiet ta’ tfittix ta’ impjieg mill-persuna qiegħda, l-obbligi u/jew l-attivitajiet ta’ tfittix ta’ impjieg mill-persuna qiegħda fl-Istat Membru li qed jipprovdi l-benefiċċji għandu jkollhom prijorità.

    In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kollha u/jew tal-attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg mill-persuna qiegħda fl-Istat Membru li ma jipprovdix il-benefiċċji m’għandhomx jaffettwaw il-benefiċċji mogħtija fl-Istat Membru l-ieħor.”

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi […],

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    ANNESS

    L-Annessi X u XI mar-Regolament (KE) Nru 883/2004 huma emendati kif ġej:

    1. L-Anness X huwa emendat kif ġej:

    (a) Fit-taqsima “PAJJIŻI L-BAXXI” punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a) Att dwar l-Għajnuna għax-Xogħol u l-Impjieg għal Żgħażagħ b’Diżabilità tal-24 ta’ April 1997 (Wet Wajong)”;

    (b) Fit-taqsima “RENJU UNIT";

    (i) Punt (c) huwa mħassar;

    (ii) Il-punt (e) li ġej huwa miżjud:

    “Għoti ta’ Flus għall-Impjiegi u l-Appoġġ marbuta mad-Dħul (l-Att dwar ir-Riforma tal-Welfare tal-2007 u l-Att dwar ir-Riforma tal-Welfare (l-Irlanda ta’ Fuq) tal-2007).”

    2. L-Anness XI huwa emendat kif ġej:

    Taqsima “PAJJIŻI L-BAXXI" hija emendata kif ġejja:

    (i) F’punt "1. Assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa” punt (g) huwa mħassar;

    (ii) Il-punt (h) li ġej huwa miżjud:

    “(h) Għall-iskopijiet tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament, il-persuni msemmija f’punt 1(a)(ii) ta’ dan l-Anness li joqogħdu temporanjament fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ikunu intitolati għall-benefiċċji in natura skont il-polza offruta lill-persuni assigurati fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza, filwaqt li jikkunsidraw l-Artikolu 11(1), (2) u (3) u l-Artikolu 19(1) taż-Zorgverzekeringswet (l-Att dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Kura tas-Saħħa), kif ukoll il-benefiċċji in natura previsti mill-Algemene Wet Bijzondere Ziektekosten (l-Att Ġenerali dwar l-Ispejjeż Mediċi Speċjali).” ;

    (iii) F’punt 2 “(il-leġislazzjoni Olandiża dwar l-assigurazzjoni ġenerali tal-età anzjana)” hija sostitwita bl-“Att Ġenerali dwar il-Pensjonijiet tal-Età Anzjana”;

    (iv) F’punt 2 (b) “dik il-leġislazzjoni” hija sostitwita minn “il-leġislazzjoni ta' hawn fuq”;

    (v) F’punt 2 (g) “(il-leġislazzjoni Olandiża dwar il-liġi ġenerali għal dipendenti li jsalvaw)” hija sostitwita bl-“(Att Ġenerali dwar il-Qraba li Jsalvaw)”;

    (vi) F’punt 3 (g) “(il-leġislazzjoni ġenerali Olandiża dwar l-assigurazzjoni għal dipendenti li jsalvaw)” hija sostitwita bl-“(Att Ġenerali dwar il-Qraba li Jsalvaw)”;

    (vii) F’punt 3 (d) “dik il-leġislazzjoni” hija sostitwita minn “il-leġislazzjoni ta' hawn fuq”;

    (viii) F’punt 4 (a) (i) l-ewwel inċiż, "(Att dwar l-Inkapaċità għax-Xogħol)” huwa sostitwit b’“(Att dwar l-Assigurazzjoni għad-Diżabilità)”;

    (ix) F’punt (4) (a) (ii) “(Att dwar Persuni Impjegati għal Rashom rigward l-Inkapaċità għax-Xogħol)” huwa sostitwit bl-“(Att tal-Benefiċċji tad-Diżabilità għal Persuni li Jaħdmu għal Rashom)”.

    [1] ĠU C , , p. .

    [2] ĠU L373, 31.12.1991, p. 4.

    Top