Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0524

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

    /* KUMM/2010/0524 finali */

    52010PC0524




    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 29.9.2010

    KUMM(2010) 524 finali

    2010/0278 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali kixfet u kabbret il-bżonn għal koordinament ikbar u sorveljanza msaħħa tal-politiki ekonomiċi fl-unjoni ekonomika u monetarja (UEM). L-istrumenti u l-metodi eżistenti ta' koordinament u sorveljanza ppermettew lill-UE tikkumbatti tempesta li l-ebda Stat Membru ma kien jiflaħ għaliha waħdu. L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri rreaġixxew malajr u qed ikomplu jaħdmu flimkien biex jirkupraw minn kriżi bla preċedenti għall-ġenerazzjoni tagħna.

    Madankollu, dawn l-esperjenzi reċenti żvelaw ukoll lakuni u dgħufijiet li għad fadal fis-sistema ta' koordinament ta' bħalissa u fil-proċeduri ta' sorveljanza eżistenti. Il-qbil ġenerali hu li l-qafas tal-UEM għandu jissaħħaħ urġentement sabiex jiġu ankrati l-istabilità makroekonomika u s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi, li huma prekundizzjonijiet għal riżultat fit-tul u żieda fl-impjiegi.

    Il-kriżi qalbet drastikament il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji favorevoli li kien hemm sal-2007 u reġgħet għamlitha ċara li d-dħul straordinajru akkumulat matul żminijiet tajbin ma ntużawx biżżejjed biex jinħoloq spazju ta' manuvra għal meta ż-żminijiet iduru għall-agħar. Se jkun hemm bżonn ta' konsolidament imdaqqas ħafna fil-parti l-kbira tal-Istati Membri biex id-dejn pubbliku jerġa' jaqbad it-triq tan-niżla. Dan huwa dejjem iktar urġenti peress li s-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej qed jiffaċċjaw l-effetti ta' popolazzjonijiet li qed jixjieħu, li se jitfgħu pressjoni ulterjuri fuq il-provvista tal-ħaddiema u l-baġits pubbliċi. It-tnaqqis tal-livelli tad-dejn huwa rilevanti ħafna għall-parti l-kbira tal-pajjiżi minħabba l-effetti negattivi tagħhom fuq it-tkabbir u l-inċentivi ekonomiċi permezz ta' taxxi u premji tar-riskju ogħla.

    L-istrument ewlieni għal koordinament u sorveljanza tal-politika fiskali huwa l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dixxiplina baġitarja. It-tisħiħ tal-Patt huwa importanti kemm għaż-żieda tal-kredibilità tal-istrateġija ta' ħruġ fiskali koordinat kif ukoll biex ma jerġgħux jiġru l-iżbalji tal-imgħoddi. Is-sett ta' proposti li qed jiġu ppreżentati bħalissa għandhom l-għan li jsaħħu l-Patt billi: (i) itejbu d-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-esperjenza kif ukoll tal-kriżi; (ii) jgħammruh bi strumenti ta' infurzar iktar effettiv; u (iii) jikkomplementawh b'dispożizzjonijiet dwar l-oqfsa fiskali nazzjonali. Dan is-sett ta' proposti huwa parti minn riforma usa' ta' governanza ekonomika li taqa' fl-ambitu tal-istrateġija Ewropa 2020, li jinkludi proposti biex jiġu indirizzati żbilanċi makroekonomiċi permezz ta' sorveljanza qawwija, inklużi mekkaniżmi ta' twissija u sanzjoni. Ix-xejriet differenti ta' koordinament tal-politika ekonomika, inkluża sorveljanza għar-riformi strutturali, iridu jiġu integrati f'ċiklu ta' sorveljanza ġdid, is-Semestru Ewropew, li jiġbor flimkien il-proċessi eżistenti skont il-PST u l-Linji Gwida Politiċi Ekonomiċi Wiesgħa, inkluż it-tressiq simultanju tal-programmi ta' stabilità u konverġenza u tal-programmi ta' riforma nazzjonali.

    2. IR-RIŻULTATI TA' KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

    Il-partijiet ewlenin tal-proposti preżenti tħabbru mill-Kummissjoni f'żewġ komunikazzjonijiet: It-tisħiħ tal-koordinament politiku ekonomiku tat-12 ta' Mejju 2010 u It-tisħiħ tal-koordinament tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE iktar b'saħħitha tat-30 ta' Ġunju 2010. Bl-għażla ta' komunikazzjoni formali, il-Kummissjoni xtaqet turi l-impenn tagħha għat-trawwim ta' djalogu mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati kollha, filwaqt li jitwasslu proposti konkreti għall-azzjoni.

    F'Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-bżonn urġenti biex isaħħaħ il-koordinament tal-politiki ekonomiċi tagħna. Il-ftehim inkluda l-ewwel orjentazzjonijiet fir-rigward tas-sorveljanza baġitarja u tal-PST. B'mod partikolari, il-Kunsill Ewropew qabel dwar: (i) it-tisħiħ kemm tal-partijiet preventivi u kemm ta' dawk korrettivi tal-PST, inklużi sanzjonijiet filwaqt li jqis is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri taż-żona tal-euro; (ii) l-għoti ta' rwol iktar prominenti, fis-sorveljanza baġitarja, lil-livelli u l-evoluzzjonijiet tad-dejn u s-sostenibilità kumplessiva; (iii) l-iżgurar li l-Istati Membri kollha għandhom regoli baġitarji nazzjonali u oqfsa baġitarji għat-terminu medju b'konformità mal-PST; (iv) l-iżgurar tal-kwalità tad-dejta statistika

    Il-Kunsill Ewropew stieden lit-Task Force dwar il-governanza ekonomika preseduta mill-President tiegħu u stabbilita f'Marzu 2010 u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw ulterjorment u malajr dawn l-orjentazzjonijiet u jagħmluhom operattivi. Bejn il-Kummissjoni u t-Task Force żviluppat relazzjoni kostruttiva. Il-Kummissjoni kkontribwiet għax-xogħol tat-Task Force permezz tal-Komunikazzjonijiet imsemmija hawn fuq u permezz ta' kontribuzzjonijiet ad hoc .

    3. L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

    Il-bażi ġuridika għall-PST tinsab fl-Artikoli 121 u 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-PST huwa magħul minn: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (imsemmi fil-parti preventiva); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (imsemmi fil-parti korrettiva); u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn ir-Regolamenti kienu emendati fl-2005 mir-Regolamenti (KE) Nru 1055/2005 u (KE) Nru 1056/2005 u kkomplementati mir-Rapport tal-Kunsill tal-20 ta' Marzu 2005 dwar "It-titjib tal-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir." Il-proposti preżenti jitolbu emendi ulterjuri għar-Regolamenti Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97. Regolament ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, ibbażat fuq l-Artikolu 136 tat-Trattat flimkien mal-Artikolu 121(6) jipproponi strumenti ta' infurzar addizzjonali. Ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri huma s-suġġett ta' Direttiva ġdida tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 126(14): id-Direttiva għandha l-mira b'mod partikolari li tispeċifika l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 12 tat-Trattati dwar il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

    Il-parti preventiva tal-PST hija maħsuba biex tiżgura li l-Istati Membri jsegwu politiki fiskali prudenti ħalli ma jkunx hemm bżonn li jiġu adottati forom iktar rigorużi ta' koordinament biex jiġi evitat li s-sostenibilità finanzjarja tiġi f'riskju, b'konsegwenzi potenzjalment negattivi fuq l-UEM kollha kemm hi. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżentaw il-programmi ta' stabbiltà u konverġenza fejn jiddeskrivu l-pjanijiet tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet baġitarji għall-medda medja taż-żmien (MTOs), li huma definiti bħala perċentwali tal-PGD fit-termini strutturali (jiġifieri aġġustati għall-effett taċ-ċiklu u bit-tneħħija tal-miżuri temporanji u ta' darba) u huma differenzjati minn pajjiż għall-ieħor madwar pożizzjoni qrib il-bilanċ biex jirriflettu l-livell ta' dejn pubbliku u responsabilitajiet relatati mat-tixjiħ. L-Istati Membri li ma jkunux laħqu l-MTO tagħhom huma mistennija jibdew jersqu lejh b'pass annwali ta' 0,5% tal-PGD f'termini strutturali.

    Madankollu, il-progress lejn l-MTOs kien ġeneralment insuffiċjenti, li ħalla l-finanzi pubbliċi esposti ħażin għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Barra minn hekk, il-bilanċ strutturali fil-prattika deher li kien miżura insuffiċjenti tal-pożizzjoni fiskali bażi ta' pajjiż, minħabba d-diffikultà li tiġi vvalutata l-pożizzjoni ċiklika tal-ekonomija fil-ħin reali u minħabba li ma tqisx biżżejjed id-dħul straordinarju u n-nuqqasijiet mhux relatati direttament maċ-ċiklu ekonomiku (b'mod partikolari d-djar u l-iżviluppi tas-suq finanzjarju). Minħabba f'hekk, f'għadd ta' pajjiżi, anke pożizzjonijiet baġitarji apparentement sodi qabel il-kriżi ħbew dipendenza qawwija fuq dħul straordinarju għall-finanzjament tal-infiq, li ladarba s-sitwazzjoni daret wassal biex id-defiċits tal-baġit jogħlew sew.

    Bħala reazzjoni għal dawn in-nuqqasijiet, ir-riforma tal-parti preventiva li qiegħda tiġi proposta, filwaqt li jinżammu l-MTOs ta' bħalissa u r-rekwiżit ta' konverġenza annwali ta' 0,5% tal-PGF, tagħmilhom operattivi f'termini ta' prinċipju ġdid ta' tfassil ta' politika fiskali prudenti. Dan il-prinċipju jimplika li t-tkabbir fl-infiq annwali ma għandux jaqbeż - u jekk l-MTO ma jkunx intlaħaq irid ikun biċ-ċar taħt - rata prudenti ta' tkabbir tal-PGD għall-medda medja taż-żmien, sakemm l-MTO ma jkunx intlaħaq b'mod sinifikanti jew l-eċċess tat-tkabbir tal-infiq tul ir-rata prudenti għall-medda medja taż-żmien tkun ibbilanċjata ma' miżuri diskrezzjonarji fuq in-naħa tad-dħul. L-għan essenzjali huwa li jiġi żgurat li dħul straordinarju ma jintefaqx imma minflok jiġi allokat għat-tnaqqis tad-dejn. Il-prinċipju l-ġdid se jipprovdi l-punt ta' riferiment li skontu l-pjanijiet fiskali tal-pajjiżi fil-programm ta' stabbiltà u konverġenza se jiġu eżaminati. Barra minn hekk, fil-każ li ma tiġix rispettata r-rata maqbula taż-żieda fl-infiq, flimkien mal-miżuri stipulati tad-dħul, l-Istat Membru kkonċernat jirċievi twissija mill-Kummissjoni u, jekk tkun persistenti u/jew tkun partikolarment serja, issir rakkomandazzjoni mill-Kunsill biex tittieħed azzjoni korrettiva maħruġa skont l-Artikolu 121 tat-Trattat. Rakkomandazzjoni bħal din, filwaqt li tinħareġ fil-kuntest tal-parti preventiva, tkun appoġġata, għall-ewwel darba u għall-pajjiżi taż-żona tal-euro biss, minn mekkaniżmu ta' infurzar skont l-Artikolu 136 tat-Trattat, fil-forma ta' depożitu li jħalli l-interessi, li jammonta għal 0,2% tal-PGD. Proċedura ta' mekkaniżmu ta' "votazzjoni bil-kontra" ġiet introdotta għall-impożizzjoni tad-depożitu li jħalli l-interessi: rigward il-kwisjoni ta' rakkomandazzjoni, l-obbligu tad-depożitu jibda bi proposta tal-Kummissjoni, sakemm il-Kusill ma jiddeċidix bil-kontra b'maġġoranza kkwalfikata fi żmien għaxart ijiem. Il-Kunsill jista' jnaqqas l-ammont tad-depożitu unanimament biss jew fuq bażi ta' proposta mill-Kummissjoni u talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat. Id-depożitu jiġi rritornat bl-interessti akkumulati ladarba l-Kunsill ikun sodisfatt li s-sitwazzjoni li wasslet għaliha tkun intemmet.

    Il-parti korrettiva tal-PST hija intenzjonata li tevita żbalji kbar fil-politiki baġitarji, li jistgħu joħolqu riskju għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u potenzjalment jipperikolaw l-UEM. Dan jissarraf fl-obbligu għall-Istati Membri biex jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern, li huma definiti skont limitu numeriku għad-defiċit (3% tal-PGD) u għad-dejn (60% tal-PGD jew riesaq biżżejjed lejh). Il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (PŻE) li timplimenta l-projbizzjoni fuq id-defiċits eċċessivi tistipula sekwenza ta' passi, li, għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, jinkludu l-impożizzjoni eventwali tas-sanzjonaijiet finanzjarji.

    Il-PŻE ġiet applikata regolarment b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti, anke fl-isfond taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-kriżi finanzjarja u b'hekk tat kontribuzzjoni biex jissaħħu l-istennijiet għal riżoluzzjoni ordinata. Madankollu tfaċċaw għadd ta' nuqqasijiet. Filwaqt li l-kriterju tad-defiċit u d-dejn huma fil-prinċipju fl-istess grad, u livelli persistentement għoljin ta' dejn jistgħu jirrappreżentaw theddida iktar serja għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi milli defiċits għoljin, fil-prattika l-limitu ta' "3% tal-PGD" kien il-fokus esklussiv tal-PŻE, bid-dejn ikollu rwol marġinali s'issa. Dan ġej min-natura inqas diretta tal-limitu tad-dejn meta mqabbel mad-defiċit, inkluża l-ambigwità tan-nozzjon ta' pass ta' tnaqqis li jonqos suffiċjentement u l-impatt ikbar tal-proporzjon tad-dejn fuq il-varjabbli li m'għandux kontroll fuqhom il-gvern, l-iktar l-inflazzjoni. Il-PŻE hija appoġġjata fil-prinċipju minn mekkaniżmu ta' infurzar qawwi, peress li s-sanzjonijiet finanzjarji jistgħu, u għandhom, ikunu imposti fil-każ ta' nuqqas persistenti li jitranġa defiċit eċċessiv. Madankollu, sanzjonijiet bħal dawn jibdew tard wisq fil-proċess biex jirrappreżentaw deterrent effettiv għal żbalji grossi fil-politika fiskali, anke minħabba li s-sitwazzjoni finanzjarja fil-pajjiż ikkonċernat tista' tkun iddeterjorat tant li tagħmel it-theddida ta' multa inqas kredibbli fil-mument proprju meta għandha ssir realtà. Finalment, il-kriżi reċenti enfasizzat li jekk l-obbligu biex jitranġaw defiċits eċċessivi jikkontribwixxi biex tissaħħaħ l-istennija li s-solvenza tal-gvern tinżamm, il-mument tat-tiswija u l-profil tal-aġġustament jista' jkollhom jirriflettu konsiderazzjonijiet għall-UEM kollha.

    Bħala reazzjoni għal dawn in-nuqqasijiet qed jitressqu l-proposti ewlenin li ġejjin għal riforma tal-parti korrettiva.

    Il-kriterju tad-dejn tal-PŻE jrid isir operattiv, l-iktar permezz tal-adozzjoni ta' punt numeriku ta' riferiment biex ikun jista' jiġi ddeterminat jekk il-proporzjon tad-dejn ikunx naqas biżżejjed lejn il-limitu ta' 60% tal-PGD. Speċifikatament, proporzjon ta' dejn mal-PGD 'il fuq minn 60% jrid jitqies li qiegħed jonqos biżżejjed jekk id-distanza tiegħu fir-rigward tal-valur ta' referenza tal-PGD ta' 60% tkun naqset tul it-tliet snin preċedenti b'rata ta' ritmu ta' wieħed minn għoxrin fis-sena. In-nuqqas ta' konformità ma' dan il-punt ta' riferiment numeriku mhuwiex, madankollu, neċessarjament mistenni li jirriżulta fit-tqegħid tal-pajjiż ikkonċernat f'defiċit eċċessiv, peress li din id-deċiżjoni hemm bżonn li tqis il-fatturi kollha li jkunu rilevanti, b'mod partikolari għall-istima tal-iżviluppi tad-dejn, bħal jekk tkabbir nominali baxx ħafna jkunx qed ixekkel it-tnaqqis tad-dejn, flimkien ma' fatturi ta' riskju marbuta mal-istruttura tad-dejn, dejn tas-settur privat u responsabilitajiet impliċiti relatati mat-tixjiħ. B'konformità ma' enfasi ikbar fuq id-dejn, għandha tingħata iktar kunsiderazzjoni għal fatturi rilevanti fil-każ ta' nonkonformità mal-kriterju tad-defiċit, jekk pajjiż ikollu dejn taħt il-limitu ta' 60% tal-PGD.

    L-approċċ l-iktar flessibbli mressaq fir-rigward tal-konsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti fil-passi biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv jista' jibbenefika wkoll lill-pajjiżi li qed jagħmlu riformi tal-pensjonijiet sistemiċi, lil hinn mill-perjodu tranżitorju previst ta' ħames snin. Id-dispożizzjonijiet speċjali tal-PST għal riformi sistemiċi tal-pensjonijiet fir-rigward tal-kriterju tad-defiċit huma estiżi wkoll għall-kriterju tad-dejn; billi jiġi stabbilit l-istess perjodu tranżitorju ta' ħames snin għall-konsiderazzjoni tal-ispejjeż netti ta' riformi bħal dawn fil-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterju tad-dejn. Finalment, għandha tingħata l-istess kunsiderazzjoni għat-treġġija lura parzjali jew totali tar-riformi ta' pensjonijiet sistemiċi implimentati preċedentement, kemm waqt it-tnedija u kemm waqt l-abrogazzjoni ta' PŻE.

    L-infurzar jitqawwa bl-introduzzjoni ta' sett ġdid ta' sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, li japplikaw ħafna qabel fil-proċess skont approċċ gradwat. B'mod speċifiku, depożitu li ma jħallix interessi li jammonta għal 0,2% tal-PGD ikun japplika fuq deċiżjoni li pajjiż jitqiegħed f'defiċit eċċessiv, li jiġi konvertit f'multa fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjoni inizjali biex jitranġa d-defiċit. L-ammont huwa daqs il-komponent fiss tas-sanzjonijiet diġà stipulati fl-aħħar pass tal-PŻE. Huwa marbut ukoll mal-baġit tal-UE, li għandu jiffaċilita ċ-ċaqliq lejn sistema ta' infurzar ibbażata fuq il-baġit tal-UE kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tat-30 ta’ Ġunju 2010. Aktar nuqqas ta’ konformità jirriżulta f’żieda fis-sanzjoni, b’konformità mad-dispożizzjonijiet eżistenti diġà fil-PST. Biex titnaqqas id-diskrezzjoni fl-infurzar, huwa previst il-mekkaniżmu ta’ "votazzjoni bil-kontra" biex ikunu imposti s-sanzjonijiet il-ġodda f’rabta mal-passi suċċessivi tal-PŻE. B’mod speċifiku, ma’ kull pass tal-PŻE, il-Kummissjoni se tagħmel proposta għas-sanzjoni rilevanti, u din se titqies bħala adottata, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix bil-kontra b’maġġoranza kkwalifikata fi żmien għaxart ijiem. Id-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi jew tal-multa jista’ jitnaqqas jew jiġi kkanċellat biss mill-Kunsill b'mod unanimu fuq il-bażi ta’ proposta speċifika mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat.

    Barra minn hekk, il-kriterji għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet f’kull pass, inkluża l-possibilità li tingħata estensjoni tal-iskadenzi għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, huma ċċarati billi jitpoġġa enfasi espliċitu fuq l-elementi fiskali varjabbli li jista’ jkun ipotizzat li huma taħt il-kontroll dirett tal-gvern, b’mod partikolari l-infiq, b’analoġija mal-mudell propost għall-parti preventiva. Lil hinn minn dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi għal pajjiż partikolari, hija introdotta l-possibilità ta’ estensjoni tal-iskadenzi anki fil-każ ta’ kriżi ekonomika ġenerali.

    Infurzar effettiv tal-qafas ta’ koordinament baġitarju tal-UEM ma jistax ikun mistenni li jinkiseb biss mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-livell tal-UE. In-natura deċentralzzata partikolari tat-tfassil tal-politika fiskali fl-UE u l-ħtieġa ġenerali għal sjieda nazzjonali tar-regoli tal-UE jagħmluha essenzjali li l-objettivi tal-qafas ta’ koordinazzjoni baġitarja tal-UEM ikunu riflessi fl-oqfsa baġitarji nazzjonali. Qafas baġitarju nazzjonali huwa s-sett ta’ elementi li jiffurmaw il-bażi tal-governanza fiskali nazzjonali, jiġifieri l-qafas tal-politika istituzzjonali speċifika għall-pajjiż li jifforma t-tfassil tal-politika fiskali fuq livell nazzjonali. Dan jinkludi s-sistemi ta’ kontabilità pubblika, l-istatistika, il-prattiki tat-tbassir, ir-regoli fiskali numeriċi, il-proċeduri baġitarji li jirregolaw l-istadji kollha tal-proċess baġitarju u b’mod partikolari l-oqfsa baġitarji b'mod partikolari, u relazzjonijiet fiskali fost is-sottosetturi tal-gvern. Filwaqt li jridu jiġu rispettati l-ħtiġijiet u l-preferenzi speċifiċi tal-Istati Membri, għadd ta’ fatturi jispikkaw bħala meħtieġa f'termini tal-iżgurar ta' kwalità minima u konsistenza mal-qafas baġitarju tal-UEM. Dawn huma s-suġġett tad-Direttiva dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali li qiegħda tkun proposta biex tikkomplementa r-riforma tal-PST. Fatturi bħal dawn l-ewwel nett jeħtieġu li l-aktar elementi primarji tal-oqfsa baġitarji nazzjonali, jiġifieri l-kwistjonijiet tal-kontabilità u statistika u l-prattiki tat-tbassir, jaħdmu skont l-istandards minimi Ewropej biex ikunu ffaċilitati kemm it-trasparenza kif ukoll il-kontroll tal-iżviluppi fiskali. L-oqfsa baġitarji domestiċi jeħtieġu wkoll li jadottaw perspettiva ta’ ppjanar fiskali multiannwali sabiex tkun żgurata l-kisba tal-objettivi għall-medda medja taż-żmien stabbiliti fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri jrid ikollhom fis-seħħ regoli fiskali numeriċi li jwasslu għal konformità mal-limiti tad-defiċit u tad-dejn. L-Istati Membri jridu jiżguraw li dawn il-fatturi japplikaw għas-sottosetturi tal-gvern ġenerali kollha. L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiggarantixxu wkoll it-trasparenza tal-proċess tal-baġit billi jipprovdu informazzjoni dettaljata rigward fondi ekstrabaġitarji eżistenti, l-infiq fuq it-taxxa u r-responsabiltajiet kontinġenti.

    2010/0278 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom interess u responsabilità partikolari biex ikollhom politiki ekonomiċi li jippromwovu t-tħaddim proprju tal-unjoni ekonomika u monetarja u biex jiġu evitati politiki li jipperikolawha.

    (2) It-Trattat jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi fiż-żona tal-euro li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kollha, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sew tal-unjoni ekonomika u monetarja.

    (3) Hemm bżonn ta' sanzjonijiet addizzjonali dwar l-infurzar iktar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro. Dawk is-sanzjonijiet għandhom isaħħu l-kredibilità tal-qafas ta' sorveljanza fiskali tal-Unjoni.

    (4) Ir-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom jiżguraw mekkaniżmi ġusti, tempestivi, gradwati u effettivi għall-konformità mal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, b'mod partikolari ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[2] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv[3].

    (5) Sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandhom jipprovdu inċentivi għal tfassil politiku fiskali prudenti. Tfassil politiku ta' dan it-tip għandu jiżgura li r-rata ta' tkabbir tal-infiq mill-gvern normalment ma teċċedix rata ta' tkabbir prudenti tal-prodott gross domestiku (PGD), sakemm l-eċċess ma jitpaċiex b'żiediet fid-dħul tal-gvern jew tnaqqis diskrezzjonarju fid-dħul jiġi kkumpensat minn tnaqqis fl-infiq.

    (6) Tfassil prudenti tal-politika fiskali għandu effettivament jilħaq u jżomm l-għan baġitarju għall-medda medja taż-żmien. Aderenza mal-għan għall-medda medja taż-żmien għall-pożizzjonijiet baġitarji għandha tippermetti lill-Istati Membri li jkollhom marġini ta' sikurezza fir-rigward tal-valur ta' referenza tat-3% tal-PGD għad-defiċit tal-gvern, biex jiġi żgurat progress rapidu lejn is-sostenibilità, u fl-istess waqt ikollhom spazju għal immanuvrar baġitarju, b'mod partikolari meta jitqiesu l-bżonnijiet ta' investiment pubbliku.

    (7) Fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-inċentiv għal tfassil politiku fiskali prudenti għandu jikkonsisti f'obbligu li jsir depożitu li jħalli l-interessi impost temporanjament fuq Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u li ma jkunx qed jagħmel biżżejjed progress fil-konsolidazzjoni baġitarja. Dan għandu jkun il-każ meta, wara twissija inizjali mill-Kummissjoni, Stat Membru jippersisti f'imġiba li, filwaqt li ma tammontax għal vjolazzjoni tal-projbizzjoni fuq id-defiċits eċċessivi, tkun imprudenti u potenzjalment detrimentali għat-tħaddim sew tal-unjoni ekonomika u monetarja, u l-Kunsill għalhekk joħroġ rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat.

    (8) Id-depożitu li jħalli l-interessi impost għandu jiġi rilaxxat lill-Istat Membru kkonċernat bl-interessi li jkunu nġemgħu minnu ladarba l-Kunsill ikun sodisfatt li s-sitwazzjoni li twassal għall-obbligu biex isir id-depożitu tkun għaddiet.

    (9) Fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, is-sanzjonijiet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jieħdu l-forma ta' obbligu li jħallu depożitu li ma jħallix interessi marbut ma' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv u l-obbligu li titħallas multa fil-każ ta' nonkonformità ma' rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jitranġa defiċit eċċessiv tal-gvern. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu imposti irrispettivament minn jekk kienx diġà ġie impost preċedentement depożitu li jħalli l-interessi fuq l-Istat Membru kkonċernat.

    (10) Id-daqs tad-depożitu li jħalli l-interessi, tad-depożitu li ma jħallix interessi u tal-multa stipulati f'dan ir-Regolament għandu jkun stabbilit b'tali mod li tiġi żgurata l-gradwazzjoni tas-sanzjonijiet fil-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u biex jingħataw inċentivi biżżejjed lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biex jikkonformaw mal-qafas fiskali tal-Unjoni. Il-multa marbuta mal-Artikolu 126(11) tat-Trattat kif speċifikat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97[4] hija magħmula minn komponent fiss li huwa ta' 0,2% tal-PGD u komponent varjabbli. Għalhekk, il-gradwazzjoni u t-trattament ugwali bejn l-Istati Membri jkunu żgurati jekk id-depożitu li jħalli l-interessi, id-depożitu li ma jħallix interessi u l-multa speċifikata f'dan ir-Regolament jkunu ta' 0,2% tal-PGD, bid-daqs tal-komponent fiss tal-multa marbut mal-Artikolu 126(11) tat-Trattat.

    (11) Għandu jkun hemm il-possibilità għall-Kunsill li jnaqqas jew iħassar is-sanzjonijiet imposti fuq l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun tista' tipproponi li jitnaqqas id-daqs ta' sanzjoni jew li titħassar għal kollox fuq il-bażi ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.

    (12) Id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi rilaxxat wara korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv filwaqt li l-interessi fuq dawn id-depożiti u l-multi miġbura għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro li ma għandhomx defiċit eċċessiv u li lanqas mhuma suġġetti għal proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

    (13) Is-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet individwali li jimplimentaw is-sanzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament għandha tingħata lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri li saru fi ħdan il-Kunsill kif speċifikat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għall-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikoli 121 u 126 tat-Trattat u r-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97.

    (14) Peress li dan ir-Regolament fih regoli ġenerali għall-infurzar effettiv tar-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97, huwa għandu jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja msemmija fl-Artikolu 121(6).

    (15) Peress li l-għan li jinħoloq mekkaniżmu ta' sanzjoni uniformi ma jistax jintlaħaq suffiċjentement fil-livell tal-Istati Membri, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu I Suġġett

    Artikolu 1 Suġġett u ambitu

    1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta' sanzjonijiet għat-tisħiħ tal-infurzar tal-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir fiż-żona tal-euro.

    2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    Artikolu 2 Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

    1. "il-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir" tfisser is-sistema ta' sorveljanza multilaterali kif organizzata skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 ta' Lulju 1997;

    2. "il-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir" tfisser il-proċedura għall-kontroll tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri kif regolata mill-Artikolu 126 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997;

    3. "ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali" tfisser ċirkostanzi fejn eċċess ta' defiċit tal-gvern 'il fuq mill-valur ta' referenza huwa meqjus eċċezzjonali fl-ambitu tat-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 126(2)(a) tat-Trattat u kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1467/97.

    Kapitolu IIIs-sanzjonijiet fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

    Artikolu 3 Depożitu li jħalli l-interessi

    1. Jekk il-Kunsill jindirizza rakkomandazzjoni lil Stat Membru skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat biex jittieħdu l-miżuri ta' aġġustament neċessarji fil-każ ta' devjazzjonijiet sinifikanti persistenti u partikolarment serji minn tfassil politiku fiskali prudenti kif stipulat fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, it-tqegħid ta' depożitu li jħalli l-interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

    2. Id-depożitu li jħalli l-interessi li jrid jiġi propost mill-Kummissjoni għandu jammonta għal 0,2% tal-prodott gross domestiku (PGD) tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena preċedenti.

    3. Id-depożitu għandu jkollu rata ta' interessi li tirrifletti r-riskju ta' kreditu tal-Kummissjoni u l-perjodu ta' investiment rilevanti.

    4. B'deroga mill-paragrafu 2, il-Kummissjoni, wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1, tista' tipproponi li jitnaqqas l-ammont tad-depożitu li jħalli l-interessi jew li tħassru.

    5. Jekk is-sitwazzjoni li twassal għal rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tibqax teżisti, il-Kunsill, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi li d-depożitu u l-interessi li nġemgħu minnu jingħataw lura lill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

    Kapitolu IIIIs-sanzjonijiet fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

    Artikolu 4Depożitu li ma jħallix interessi

    1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, it-tqegħid ta' depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

    2. Id-depożitu li ma jħallix interessi li jrid jiġi propost mill-Kummissjoni għandu jammonta għal 0,2% tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena preċedenti.

    3. Jekk l-Istat Membru għandu depożitu li jħalli l-interessi mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3, id-depożitu li jħalli l-interessi għandu jiġi kkonvertit f'depożitu li ma jħallix interessi.

    Jekk id-daqs tad-depożitu li jħalli l-interessi li sar preċedentement u tal-interessi li nġemgħu jeċċedu d-daqs tad-depożitu meħtieġ li ma jħallix interessi, l-ammont li jibqa' jiġi rritornat lill-Istat Membru.

    Jekk id-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi jeċċedi d-daqs tad-depożitu li jħalli l-interessi li jkun sar preċedentement u l-interessi li nġemgħu minnu, l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont li jifdal meta jagħmel id-depożitu li ma jħallix interessi.

    4. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, tista' tipproponi li jitnaqqas l-ammont tad-depożitu li ma jħallix interessi jew li tħassru.

    Artikolu 5Multa

    1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat li l-Istat Membru ma ħax azzjoni effettiva b'reazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-perjodu stipulat, il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi li l-Istat Membru għandu jħallas multa. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b'maġġoranza kwalifikata li jiċħad il-proposta fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jemenda l-proposta skont l-Artikolu 293(1) tat-Trattat.

    2. Il-multa li trid tiġi proposta mill-Kummissjoni għandha tammonta għal 0,2% tal-PGD tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena preċedenti.

    3. Jekk l-Istat Membru għandu depożitu li ma jħallix interessi mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 4, id-depożitu li ma jħallix interessi għandu jiġi kkonvertit fil-multa.

    Jekk id-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi li sar preċedentement jeċċedi d-daqs tal-multa meħtieġa, l-ammont li jibqa' jiġi rritornat lill-Istat Membru.

    Jekk id-daqs tal-multa meħtieġa jeċċedi d-daqs tad-depożitu li ma jħallix interessi li jkun sar preċedentement jew jekk ma sar l-ebda depożitu li ma jaħħlix interessi, l-Istat Membru għandu jħallas l-ammont li jifdal meta jħallas il-multa.

    4. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) tat-Trattat, tista' tipproponi li jitħassar jew jitnaqqas l-ammont tal-multa.

    Artikolu 6Ħlas lura tad-depożitu li ma jħallix interessi

    Jekk il-Kunsill jiddeċiedi, skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, iħassar deċiżjoni waħda jew id-deċiżjonijiet kollha tiegħu, kwalunkwe depożitu li ma jħallix interessi li jkun sar mill-Istat Membru mal-Kummissjoni għandu jitħallas lura lill-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 7Tqassim tal-interessi u l-multi

    L-interessi li taqla' l-Kummissjoni fuq id-depożiti li jkunu tħallsu skont l-Artikolu 4 u l-multi miġbura skont l-Artikolu 5 għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-Trattat, u għandhom jitqassmu, b'mod proporzjonali ma' sehemhom mid-dħul gross nazzjonali tal-Istati Membri eliġibbli, fost l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li ma għandhomx defiċit eċċessiv kif iddeterminat skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat u li mhumiex is-suġġett ta' proċedura ta' żbilanċ eċċessiv fl-ambitu tat-tifsira tar-Regolament (UE) Nru […/…].

    KAPITOLU IV DISPOżIZZJONIJIET ġENERALI

    ARTIKOLU 8 VOTAZZJONI FIL-KUNSILL

    Għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, il-membri tal-Kunsill biss li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jivvutaw u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta lill-Istat Membru kkonċernat.

    Maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tiġi ddefinita skont l-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat.

    Artikolu 9Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi [xx] jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU C , , p. .

    [2] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    [3] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    [4] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    Top