This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010PC0444
Proposal for a COUNCIL DECISION concerning the non-inclusion of 1,3-dichloropropene in Annex I to Council Directive 91/414/EEC
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE
/* COM/2010/0444 final */
/* COM/2010/0444 final */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 1.9.2010 KUMM(2010) 444 finali 2010/0239 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI L-abbozz ta’ proposta mehmuż għal Deċiżjoni tal-Kunsill huwa dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża bħala sustanza attiva fil-lista pożittiva (l-Anness I) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE. Il-proposta biex din ma tkunx inkluża hija msejsa fuq xi tħassib li qam matul it-tieni evalwazzjoni ta' din is-sustanza attiva, li ilha mhix approvata minn Settembru 2007. Id-Direttiva 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti toħloq qafas armonizzat għall-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. L-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva jipprovdi programm, li għandu jitwettaq tul perjodu ta’ 12-il sena, għall-eżaminazzjoni gradwali tas-sustanzi attivi inklużi fil-pestiċidi u li jinsabu fis-suq sabiex jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva. Ir-Regolament (KE) Nru 451/2000 u r-Regolament (KE) Nru 1490/2002 jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm ta’ ħidma msemmi hawn fuq. Is-sustanza 1,3-dikloropropen hija waħda mis-sustanzi attivi koperti mit-tieni stadju ta’ dan il-programm ta’ ħidma. Ma kinitx ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/619/KE, b’mod partikolari minħabba l-ħruġ fl-ambjent ta’ ammonti kbar ta’ impuritajiet poliklorinati, magħrufa u mhumiex, li dwarhom ma kienet disponibbli ebda informazzjoni fir-rigward ta’ persistenza, imġiba tossikoloġika, kemm jiġu assorbiti mill-għelejjel, akkumulazzjoni, destin metaboliku u livell ta’ residwi, u anki minħabba n-natura mhux konklużiva tal-analiżi tar-riskju għall-konsumaturi u tar-riskju ta’ potenzjal ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, tar-riskju għall-għasafar, għall-mammali, l-organiżmi akkwatiċi u organiżmi oħrajn mhux fil-mira. F’Ġunju 2008, in-notifikatur tas-sustanza attiva reġa’ ressaq dossier ġdid skont il-proċedura aċċelerata li jipprovdi għaliha r-Regolament (KE) Nru 33/2008. Dan id-dossier kien evalwat mill-Istat Membru relatur maħtur (Spanja) u mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel (l-EFSA), li fit-30 ta’ Settembru 2009 ħarġet bil-konklużjonijiet tagħha dwar l-analiżi tar-riskju għas-sustanza 1,3-dikloropropen. Minkejja dan, id-dejta u l-informazzjoni addizzjonali mogħtija min-notifikant ma wasslux biex jeliminaw it-tħassib kollu speċifiku li wassal biex is-sustanza ma tkunx inkluża l-ewwel darba. Għaldaqstant, fid-9 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali biex is-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE. Il-Kumitat ma ta ebda opinjoni u r-riżultati tal-vot kienu kif ġej: - 14-il Stat Membru vvutaw favur (150 vot) - 11-il Stat Membru vvutaw kontra (154 vot) - 2 Stati Membri astjenew (41 vot) Għalhekk, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414/KEE u skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, il-Kummissjoni hija mitluba tressaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu, filwaqt li l-Kunsill għandu tliet xhur biex jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. L-abbozz ta' Deċiżjoni mhuwiex suġġett għad-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew (Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE). 2010/0239 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar li s-sustanza 1,3-dikloropropen ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[1], u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha, Billi: 1. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/619/KE[2] ġie deċiż li s-sustanza attiva 1,3-dikloropropen ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik id-Deċiżjoni ttieħdet fil-qafas tat-tieni stadju tal-programm ta' ħidma previst fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000[3] u (KE) Nru 703/2001[4] li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u li jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan tal-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. 2. In-notifikant oriġinali ressaq applikazzjoni ġdida skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta' Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha[5]. Huwa talab l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u ressaq dossier aġġornat. L-applikazzjoni tressqet lil Spanja, li kienet inħatret bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. 3. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 u tressqet fl-istess perjodu ta' żmien stipulat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament. 4. Spanja evalwat l-informazzjoni l-ġdida u d-dejta mressqa min-notifikant u ħejjiet rapport addizzjonali fil-15 ta' April 2009. 5. Ir-rapport addizzjonali saritlu analiżi inter pares mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel, minn hawn 'il quddiem “l-EFSA”, u tressaq quddiem il-Kummissjoni fit-30 ta' Settembru 2009 fil-format tar-Rapport Xjentifiku tal-EFSA għas-sustanza 1,3-dikloropropen[6]. Dan ir-rapport kien rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u kien iffinalizzat fid-9 ta’ Lulju 2010 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għas-sustanza 1,3-dikloropropen. 6. L-analiżi l-ġdida mill-Istat Membru relatur u l-konklużjoni l-ġdida mill-EFSA kienu jikkonċentraw fuq it-tħassib li wassal biex is-sustanza ma tkunx inkluża, kawża tal-ħruġ fl-ambjent ta’ ammonti kbar ta’ impuritajiet poliklorinati, magħrufa u mhumiex, li dwarhom ma kienet disponibbli ebda informazzjoni fir-rigward ta’ persistenza, imġiba tossikoloġika, kemm jiġu assorbiti mill-għelejjel, akkumulazzjoni, destin metaboliku u livell ta’ residwi, u anki minħabba n-natura mhux konklużiva tal-analiżi tar-riskju għall-konsumaturi u tar-riskju ta’ potenzjal ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, tar-riskju għall-għasafar, għall-mammali, l-organiżmi akkwatiċi u organiżmi oħrajn mhux fil-mira. 7. Fid-dossier aġġornat, in-notifikatur ressaq dejta u informazzjoni ġdida biex jindirizza t-tħassib li wassal biex is-sustanza ma tkunx inkluża, b'mod partikolari fir-rigward tal-identità ta' għadd ta' impuritajiet, il-livell tar-residwi mistennija li jkun hemm fl-għelejjel, ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u r-riskju lill-għasafar, lill-mammiferi, l-organiżmi akkwatiċi u l-organiżmi li mhumiex fil-mira. Kif jidher fir-rapport addizzjonali u fil-Konklużjoni tal-EFSA dwar is-sustanza 1,3-dikloropropen, saret analiżi ġdida. 8. Minkejja dan, id-dejta u l-informazzjoni addizzjonali mogħtija min-notifikant ma wasslux biex jeliminaw il-punti speċifiċi ta' tħassib li wasslu biex is-sustanza ma tiġix inkluża. 9. B’mod partikolari, hemm il-biża’ li l-konsumatur ikun espost għal ħdax-il impurità tal-manifattura li mhumiex identifikati. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kawża tas-sustanza 1,3-dikloropropen, tal-prodott derivat tossiku tagħha ( EZ )-l-aċtu kloroakriliku-3 u tal-ħdax-il impurità tal-manifattura li mhumiex identifikati ma kinux inidirizzati b’mod adegwat, u hemm il-potenzjal li fl-atmosfera, u fit-tul, jinġarru għaxar impuritajiet tal-manifattura. Barra minn hekk ma ntweriex li r-riskju għal organiżmi li mhumiex fil-mira kien wieħed aċċettabbli. 10. Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa s-sustanza jew le. Barra minn dan, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq kummenti dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa. 11. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, il-punti ta’ tħassib identifikati ma setgħux jitneħħew, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat tal-esperti tal-EFSA ma wrewx li wieħed jista' jistenna li, fil-kundizzjonijiet ta' użu proposti, il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza 1,3-dikloropropen b'mod ġenerali jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE. 12. Għalhekk, is-sustanza 1,3-dikloropropen ma għandhiex tkun inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. 13. Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/619/KE għandha tiġi revokata. 14. Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għat-tressiq ta' applikazzjoni ulterjuri tas-sustanza 1,3-dikloropropen skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 33/2008. 15. Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Is-sustanza 1,3-dikloropropen ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 2007/619/KE tħassret. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. [2] ĠU L 249, 25.9.2007, p. 11. [3] ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. [4] ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6. [5] ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5. [6] L-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel; Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju għas-sustanza attiva ( EZ )-1,3-dikloropropen fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Ġurnal EFSA 2009; 7(10):1341. [102 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2009.1341. Disponibbli fuq l-internet: www.efsa.europa.eu