EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0424

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonkludi Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra

/* COM/2010/0424 final - NLE 2010/0229 */

52010PC0424

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonkludi Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra /* COM/2010/0424 final - NLE 2010/0229 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.8.2010

KUMM(2010) 424 finali

2010/0229 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonkludi Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-Ftehimiet Ewro-Mediterranji fihom dispożizzjonijiet li jilliberalizzaw il-kummerċ fi prodotti, imma r-regoli tas-soluzzjoni tal-tilwim applikabbli għat-tilwimiet li jolqtu lil dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati prinċipalment fuq mudell diplomatiku li faċilment jista’ jkun imblukkat mill-parti li jkun sar ilment kontriha.

2. Fil-kuntest tat-twessigħ u t-titjib tar-relazzjonijiet kummerċjali Ewro-Mediterranji, kien opportun li jinħoloq mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għat-tilwimiet kummerċjali msejjes fuq proċeduri effiċjenti u effettivi li jitwettqu f’termini ta’ skadenza stretti, u mmudellat fuq il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-aktar ftehimiet riċenti konklużi mill-Unjoni Ewropea u fuq il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Tali mekkaniżmu se jżid is-sigurtà u l-prevedibbiltà tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tagħna. Għal dan il-għan, fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE u l-Eġittu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat il-partijiet ftehmu li jelaboraw regoli tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim.

3. Fl-24 ta’ Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-imsieħba tagħha mir-reġjun tal-Mediterran sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim relatat ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali (id-dokument 6489/06 MED 4 WTO 37).

4. Il-Kummissjoni nnegozjat ma’ għadd ta’ msieħba Mediterranji b’mod reġjonali u bilaterali. Dawn in-negozjati seħħew b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-qafas tad-direttivi tal-innegozjar maħruġa mill-Kunsill.

5. In-negozjati mal-Eġittu mxew ’il quddiem sewwa u rriżultaw f’abbozz ta’ Ftehim li kien inizjalat fil-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-UE u l-Eġittu li ltaqa’ fil-Lussemburgu fis-27 ta’ April 2010. Dan il-Ftehim isegwi l-mudell tal-kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim tan-negozjati attwali tal-FTA, u huwa msejjes fuq il-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, adattat għal kuntest bilaterali. L-ambitu tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jinkludi t-Titolu II tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-UE u l-Eġittu, bl-eċċezzjoni tas-soltu tal-Artikoli dwar id-difiża tal-kummerċ. It-test jipprevedi wkoll proċeduri effiċjenti u effettivi (inklużi dwar il-kompożizzjoni tal-bord u l-proċeduri ta’ konformità) b’limiti taż-żmien ċari. Fih ukoll opportunitajiet biex ikunu solvuti t-tilwimiet qabel ma jkun hemm il-ħtieġa li jkun stabbilit bord, permezz ta’ konsultazzjonijiet u medjazzjoni. Fl-aħħar nett, it-test jinkorpora r-regoli dwar il-ftuħ u t-trasparenza (seduti miftuħa, sottomissjonijiet mhux mitluba “amicus curiae”, il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-bord), kif ukoll artikolu dwar il-konnessjoni mal-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO.

6. B’mod parallel, qed tiġi sottomessa wkoll proposta separata dwar l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. Wara l-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim mill-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet Eġizzjani, dan il-Protokoll se jkun anness mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2010/0229 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tikkonkludi Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[1],

Billi:

(1) Fl-24 ta’ Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-imsieħba tagħha mir-reġjun tal-Mediterran sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim relatat ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali.

(2) Dawn in-negozjati twettqu mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-qafas tad-direttivi tal-innegozjar maħruġa mill-Kunsill.

(3) Dawn in-negozjati ġew konklużi u fis-27 ta’ April 2010 ġie inizjalat Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim).

(4) Il-Ftehim kien iffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea fi[...], suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim f’data aktar tard, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill [...].

(5) Il-Ftehim għandu jkun konkluż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li jistabbilixxi Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim applikabbli għal tilwimiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, huwa hawnhekk konkluż. .

It-test tal-Ftehim li se jkun konkluż huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna bil-kapaċità li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifikazzjoni prevista fl-Arikolu 23 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta b’dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Għandha tkun ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

PROTOKOLL BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA GĦARBIJA TAL-EĠITTU LI JISTABBILIXXI MEKKANIŻMU GĦAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM APPLIKABBLI GĦAL TILWIMIET LI JAQGĦU TAĦT ID-DISPOŻIZZJONIJIET KUMMERĊJALI TAL-FTEHIM EWRO-MEDITERRANJU LI JISTABBILIXXI ASSOĊJAZZJONI BEJN IL-KOMUNITAJIET EWROPEJ U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHOM, MINN NAĦA WAĦDA, U R-REPUBBLIKA GĦARBIJA TAL-EĠITTU, MIN-NAĦA L-OĦRA

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”, minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA GĦARBIJA TAL-EĠITTU, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Eġittu”, min-naħa l-oħra,

IDDEĊIDEW KIF GEJ:

KAPITOLU I

OBJETTIV U AMBITU

Artikolu 1

Objettiv

L-objettiv ta’ dan il-Protokoll huwa li tkun evitata u tiġi solvuta kwalunkwe tilwima kummerċjali bejn il-Partijiet sabiex, fejn ikun possibbli, tintlaħaq soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat.

Artikolu 2

Applikazzjoni tal-Protokoll

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe differenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (għajr l-Artikoli 22, 23 u 24), tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”)[2], ħlief fejn espressament stipulat mod ieħor. L-Artikolu 82 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni japplika għat-tilwim relatat mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2. Il-proċeduri ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw jekk, 60 jum wara li tilwima tkun tressqet quddiem il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 82 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni ma jkunx solva t-tilwima.

3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, tilwima għandha titqies riżolta meta l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jkun ħa deċiżjoni kif previst fl-Artikolu 82.2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jew meta jkun iddikjara li m’għadx hemm tilwima.

KAPITOLU II

KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

Artikolu 3

Konsultazzjonijiet

1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex isolvu kwalunkwe differenza rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiiet imsemmija fl-Artikolu 2 billi jibdew konsultazzjonijiet b’rieda tajba bil-għan li jiksbu soluzzjoni rapida, ġusta u bi qbil reċiproku.

2. Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b’kopja mibgħuta lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, li tidentifika kwalunkwe miżura inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-Assoċjazzjoni li tqis applikabbli.

3. Il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu fi żmien 40 jum mid-data tal-wasla tat-talba u jsiru, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fit-territorju tal-Parti li sar l-ilment dwarha. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 60 jum mid-data tal-wasla tat-talba, sakemm iż-żewg Partijiet ma jaqblux li jkomplu l-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, b’mod partikolari l-informazzjoni kollha żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċedimenti ulterjuri.

4. Konsultazzjonijiet dwar affarijiet urġenti, inklużi dawk dwar prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, għandhom iseħħu fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tat-talba, u għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

5. Jekk il-Parti li lilha ssir it-talba ma tweġibx għat-talba għall-konsultazzjonijiet fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tat-talba, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jseħħux fl-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 4 rispettivament, jew jekk il-konsultazzjonijiet ikunu konklużi u ma jkunx intlaħaq ftehim dwar soluzzjoni miftiehma reċiprokament, il-Parti li tressaq l-ilment tista’ titlob li jitwaqqaf bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 5.

Artikolu 4

Medjazzjoni

1. Jekk il-konsultazzjonijiet ma jwasslux għal soluzzjoni miftiehma reċiprokament, il-Partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jirrikorru għand medjatur. Kwalunkwe talba għall-medjazzjoni għandha ssir bil-miktub lil-Parti li sar l-ilment dwarha u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” u tiddikjara kwalunkwe miżura li kienet is-suġġett tal-konsultazzjonijiet kif ukoll it-termini tar-referenza għall-medjazzjoni maqbula reċiprokament. Kull Parti timpenja lilha nnifisha biex tagħti kunsiderazzjoni pożittiva lit-talbiet għall-medjazzjoni.

2. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux rigward medjatur fi żmien 15-il jum mid-data tal-wasla tat-talba għall-medjazzjoni, il-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu bix-xorti medjatur mill-grupp ta’ individwi li jkunu fil-lista msemmija fl-Artikolu 19 u li mhumiex ċittadini ta’ xi waħda mill-Partijiet. L-għażla għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data tal-wasla tat-talba. Il-medjatur għandu jsejjaħ laqgħa mal-Partijiet mhux qabel 20 jum u mhux aktar tard minn 30 jum wara li jintgħażel. Il-medjatur għandu jirċievi s-sottomissjonijiet ta’ kull Parti sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa u jista’ jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-Partijiet jew mingħand l-esperti jew il-konsulenti tekniċi skont kif jidhirlu. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tintwera lil kull waħda mill-Partijiet u titressaq għall-kummenti tagħhom. Il-medjatur għandu jinnotifika opinjoni mhux aktar tard minn 45 jum wara li jintgħażel.

3. L-opinjoni tal-medjatur tista’ tinkludi rakkomandazzjoni dwar kif tiġi riżolta t-tilwima b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. L-opinjoni tal-medjatur mhijiex vinkolanti.

4. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jemendaw it-termini ta’ skadenza msemmija fil-paragrafu 2. Il-medjatur jista’ jiddeċiedi wkoll li jemenda dawn it-termini ta’ skadenza wara talba ta’ xi waħda mill-Partijiet, minħabba diffikultajiet partikolari ffaċċjati mill-Parti kkonċernata jew il-kumplessità tal-każ.

5. Il-proċedimenti li jinvolvu medjazzjoni, b’mod partikolari l-opinjoni tal-medjatur u l-informazzjoni kollha żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċedimenti ulterjuri.

6. Jekk il-Partijiet jaqblu, il-proċeduri għall-medjazzjoni jistgħu jkomplu waqt li tipproċedi l-proċedura tal-arbitraġġ.

7. Medjatur jista’ jinbidel biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri deskritti fil-paragrafi 18 sa 21 tar-Regoli tal-Proċedura.

KAPITOLU III

PROĊEDURI GĦAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

TAQSIMA I – PROĊEDURA TAL-ARBITRAĠĠ

Artikolu 5

Bidu tal-proċedura tal-arbitraġġ

1. Meta l-Partijiet ma jkunux solvew it-tilwima permezz tal-konsultazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 3, jew permezz tal-medjazzjoni kif previst fl-Artikolu 4, il-Parti li tressaq l-ilment tista’ titlob li jitwaqqaf bord tal-arbitraġġ.

2. It-talba li jitwaqqaf bord tal-arbitraġġ għandha ssir bil-miktub lill-Parti li sar l-ilment dwarha u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”. Fit-talba tagħha, il-Parti li tressaq l-ilment għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni, u għandha tispjega kif it-tali miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. It-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ għandu jintalab mhux aktar tard minn 18-il xahar mid-data tal-wasla tat-talba għall-konsultazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Parti li tressaq l-ilment li titlob konsultazzjonijiet ġodda dwar l-istess suġġett fil-ġejjieni.

Artikolu 6

Twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ

1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

2. Fi żmien 15-il jum mid-data meta l-Parti li sar l-ilment dwarha tirċievi t-talba għat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jilħqu ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

3. Fil-każ li l-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kompożizzjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob lill-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, biex jagħżlu t-tliet membri kollha bix-xorti mil-lista stabbilita taħt l-Artikolu 19, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li tressaq l-ilment, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li sar l-ilment dwarha u persuna waħda minn fost l-individwi magħżula mill-Partijiet biex taġixxi bħala president. Meta l-Partijiet jaqblu dwar membru wieħed jew aktar tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe membri li jkun fadal għandhom jintgħażlu bl-istess proċedura.

4. Il-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu l-arbitri fi żmien 10 ijiem mit-talba msemmija fil-paragrafu 3 minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

5. Id-data meta jitwaqqaf il-bord tal-arbitraġġ għandha tkun id-data meta jintgħażlu t-tliet arbitri.

6. L-arbitri jistgħu jinbidlu biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri deskritti fil-paragrafi 18 sa 21 tar-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 7

Rapport interim tal-bord

Il-bord tal-arbitraġġ għandu joħroġ rapport interim lill-Partijiet li jippreżenta l-fatti kkonstatati, l-applikabilità tad-dispożizzjonijiet rilevanti u r-raġunament bażiku wara kwalunkwe konstatazzjoni u rakkomandazzjoni li jagħmel, bħala regola ġenerali, sa mhux aktar tard minn 120 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Kwalunkwe Parti tista’ tressaq talba bil-miktub biex il-bord tal-arbitraġġ janalizza elementi speċifiċi tar-rapport interim fi żmien 15-il jum min-notifika tiegħu. Ir-riżultati tad-deċiżjoni finali tal-bord għandhom jinkludu diskussjoni dwar l-argumenti magħmula fl-istadju tal-analiżi interim.

Artikolu 8

Deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu, bħala regola ġenerali, jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” fi żmien 150 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Meta jikkunsidra li din l-iskadenza ma tistax tintlaħaq, il-president tal-bord tal-arbitraġġ irid jinnotifika bil-miktub lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, u jiddikjara r-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord jippjana li jikkonkludi l-ħidma tiegħu. Id-deċiżjoni fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun innotifikata aktar tard minn 180 jum mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ.

2. Il-bord tal-arbitraġġ għandu, fuq talba taż-żewġ Partijiet, jissospendi l-ħidma tiegħu fi kwalunkwe żmien għal perjodu maqbul mill-Partijiet li ma jaqbiżx it-12-il xahar u għandu jkompli l-ħidma tiegħu fi tmiem dan il-perjodu maqbul fuq talba tal-Parti li tressaq l-ilment. Jekk il-Parti li tressaq l-ilment ma titlobx li titkompla l-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu maqbul ta’ sospensjoni, il-proċedura għandha tiġi mitmuma. Is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ huma bla preġudizzju għad-drittijiet ta’ kull waħda mill-Partijiet f’xi proċediment ieħor dwar l-istess kwistjoni.

3. F’każijiet urġenti, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 75 jum mid-data tat-twaqqif tiegħu. Fl-ebda ċirkostanza m’għandu jieħu aktar minn 90 jum mit-twaqqif tiegħu. Fi żmien 10 ijiem mit-twaqqif tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk iqisx li l-każ huwa urġenti.

TAQSIMA II – KONFORMITÀ

Artikolu 9

Konformità mad-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ u l-Bord tal-Appell

Kull Parti għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, u l-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar il-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jikkonformaw mad-deċiżjoni.

Artikolu 10

Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-konformità

1. Mhux aktar tard minn 30 jum wara li l-Partijiet jirċievu n-notifika tad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tinnotifika lill-Parti li tressaq l-ilment u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” dwar iż-żmien li se tkun teħtieġ għall-konformità (perjodu ta’ żmien raġonevoli), jekk ma tkunx possibbli konformità immedjata.

2. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet rigward il-perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li tressaq l-ilment għandha, fi żmien 20 jum mill-wasla tan-notifika magħmula taħt il-paragrafu 1 mill-Parti li sar l-ilment dwarha, titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddetermina t-tul tal-perjodu ta’ żmien raġonevoli. Tali talba għandha tkun innotifikata fl-istess ħin lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

3. Il-perjodu ta’ żmien raġonevoli jista’ jkun estiż bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

Artikolu 11

Analiżi ta’ kwalunkwe miżura meħuda biex tinkiseb konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

1. Qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Bord tal-arbitraġġ.

2. F’każ li ma jkunx hemm qbil bejn il-Partijiet rigward l-eżistenza jew il-konsistenza ta’ kwalunkwe miżura nnotifikata taħt il-paragrafu 1 mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tressaq l-ilment tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u għandha tispjega kif tali miżura mhijiex konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 90 jum mid-data tal-wasla tat-talba.

Artikolu 12

Rimedji temporanji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

1. Jekk il-Parti li sar l-ilment dwarha tonqos milli tinnotifika kwalunkwe miżura meħuda biex tikseb konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ żmien raġonevoli, jew jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura nnotifikata taħt l-Artikolu 11 paragrafu 1 mhijiex konsistenti mal-obbligi ta’ dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha, jekk tintalab mill-Parti li tressaq l-ilment, tagħmel offerta għal kumpens temporanju.

2. Jekk ma jintlaħaqx qbil dwar il-kumpens fi żmien 30 jum wara t-tmiem tal-perjodu ta’ żmien raġonevoli jew mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ taħt l-Artikolu 11 li l-miżura meħuda biex tinkiseb konformità hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tressaq l-ilment għandha tkun intitolata, wara li tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, li tissospendi l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 f’livell ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni. Il-Parti li tressaq l-ilment tista’ timplimenta s-sospensjoni 15-il jum wara d-data tal-wasla tan-notifika għand il-Parti li sar l-ilment dwarha, sakemm il-Parti li sar l-ilment dwarha ma tkunx talbet arbitraġġ taħt il-paragrafu 3.

3. Jekk il-Parti li sar l-ilment dwarha tqis li l-livell ta’ sospensjoni m’huwiex ekwivalenti għan-nullifikazzjoni jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni, hija tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tkun innotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” qabel jiskadi l-perjodu ta’ 15-il jum imsemmi fil-paragrafu 2. Fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tat-talba, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikseb jekk ikun xieraq l-opinjoni tal-esperti, għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu rigward il-livell tas-sospensjoni tal-obbligi lill-Partijiet u lill-korp istituzzjonali responsabbli għall-kwistjonijiet kummerċjali. L-obbligi m’għandhomx ikunu sospiżi qabel ma l-bord tal-arbitraġġ ikun innotifika d-deċiżjoni tiegħu, u kwalunkwe sospensjoni għandha tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

4. Is-sospensjoni tal-obbligi għandha tkun temporanja u għandha tkun applikata biss sakemm kwalunkwe miżura li tinstab li hija inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex issir konformi ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif stabbilit taħt l-Artikolu 13, jew sakemm il-Partijiet jaqblu li jsolvu t-tilwima.

Artikolu 13

Analiżi ta’ kwalunkwe miżura meħuda biex tinkiseb il-konformità wara s-sospensjoni tal-obbligi

1. Il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Bord tal-arbitraġġ u dwar it-talba tagħha biex tintemm is-sospensjoni tal-obbligi applikati mill-Parti li tressaq l-ilment.

2. Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 fi żmien 30 jum mid-data tal-wasla tan-notifika, il-Parti li tressaq l-ilment għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ biex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Tali talba għandha tkun innotifikata fl-istess ħin lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”. Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun innotifikata lill-Partijiet u lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” fi żmien 45 jum mid-data tal-wasla tat-talba. Jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li kwalunkwe miżura meħuda biex tinkiseb il-konformità tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, is-sospensjoni tal-obbligi għandha tiġi mitmuma.

TAQSIMA III – DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu14

Soluzzjoni Miftiehma Reċiprokament

F’kull waqt, il-Partijiet jistgħu jaslu għal soluzzjoni miftiehma reċiprokament għal tilwima taħt dan il-Protokoll. Huma għandhom jinnotifikaw lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” u lill-bord tal-arbitraġġ dwar kwalunkwe soluzzjoni ta’ dan it-tip. Malli jkun innotifikat dwar is-soluzzjoni miftiehma reċiprokament, il-bord għandu jtemm il-ħidma tiegħu u l-proċedura għandha tiġi mitmuma.

Artikolu 15

Regoli tal-Proċedura

1. Il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim taħt il-Kapitolu III ta’ dan il-Protokoll għandhom ikunu rregolati mir-Regoli tal-Proċedura annessi ma’ dan il-Protokoll.

2. Kwalunkwe laqgħa tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun miftuħa għall-pubbliku skont ir-Regoli tal-Proċedura, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

Artikolu 16

Informazzjoni u pariri tekniċi

Fuq talba ta’ xi Parti, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jikseb informazzjoni li jqis xierqa għall-proċediment tal-bord tal-arbitraġġ. B’mod partikolari, il-bord tal-arbitraġġ għandu wkoll id-dritt li jikseb l-opinjoni rilevanti tal-esperti kif iqis li huwa xieraq. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jikkonsulta lill-Partijiet qabel jagħżel tali esperti. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tintwera lil kull waħda mill-Partijiet u titressaq għall-kummenti tagħhom. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi interessati stabbiliti fil-Partijiet huma awtorizzati jressqu komunikazzjonijiet bil-miktub quddiem il-bordijiet tal-arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Proċedura. Tali komunikazzjonijiet għandhom ikunu limitati għall-elementi fattwali tat-tilwima u m’għandhomx jindirizzaw punti ta’ liġi.

Artikolu 17

Regoli tal-interpretazzjoni

Kwalunkwe bord tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont ir-regoli konswetudinali tal-interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 18

Sentenza u deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ

1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex kwalunkwe deċiżjoni tittieħed b’konsensus. Madankollu, meta deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b’konsensus, il-kwistjoni għandha tkun deċiża b’vot maġġoritarju. Madankollu, fl-ebda każ m’għandhom ikunu ppubblikati l-opinjonijiet tal-arbitri li ma jaqblux.

2. Kull deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun vinkolanti fuq il-Partijiet u m’għandha toħloq l-ebda dritt jew obbligu għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Id-deċiżjoni għandha tippreżenta l-fatti kkonstatati, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-kunċett bażiku wara kwalunkwe konstatazzjoni u konklużjoni li tagħmel. Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” għandu jagħmel id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ disponibbli pubblikament fl-intier tagħha sakemm ma jiddeċidix li ma jagħmilx hekk sabiex jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 19

Listi ta’ arbitri

1. Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” għandu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dhul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 15-il individwu li huma lesti u kapaċi biex iservu ta’ arbitri. Kull waħda mill-Partijiet għandha tipproponi mill-anqas ħames individwi biex iservu ta’ arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħżlu wkoll mill-inqas ħames individwi li mhumiex ċittadini ta’ xi waħda mill-Partijiet u li għandhom jaġixxu bħala president tal-bord tal-arbitraġġ. Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” għandu jiżgura li l-lista tinżamm dejjem f’dan il-livell.

2. L-arbitri għandu jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza tal-liġi u l-kummerċ internazzjonali. Huma għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċijtiaet individwali tagħhom u m’għandhomx jieħdu struzzjonijiet minn xi organizzazzjoni jew gvern, jew ikunu affiljati mal-gvern ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi tal-Kondotta annessa ma’ dan il-Protokoll.

3. Is-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” jista’ jistabbilixxi listi addizzjonali ta’ mill-inqas 15-il individwu li jkollhom tagħrif espert settorjali f’affarijiet speċifiċi koperti minn dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Meta jsir rikors għall-proċedura tal-għażla tal-Artikolu 6 paragrafu 2, il-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” jistgħu jużaw lista settorjali bil-qbil taż-żewġ Partijiet.

4. Jekk il-lista prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx stabbilita meta ssir talba għal medjazzjoni jew għat-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ, l-arbitri għandhom jintgħażlu bix-xorti mill-individwi li jkunu ġew proposti formalment minn Parti waħda jew miż-żewġ Partijiet. L-individwi proposti għal president tal-bord tal-arbitraġġ jew medjatur ma jistgħux ikunu ċittadini ta’ waħda mill-Partijiet.

Artikolu 20

Ir-relazzjoni mal-obbligi tad-WTO

1. Meta Parti tfittex is-soluzzjoni ta’ tilwima rigward obbligu taħt il-Ftehim tad-WTO, hija għandha tirrikorri għar-regoli u l-proċeduri rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, li japplikaw minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

2. Meta Parti tfittex is-soluzzjoni ta’ tilwima rigward obbligu li jaqa’ fil-firxa ta’ dan il-Ftehim kif iddefinit fl-Artikolu 2, hija għandha tagħmel rikors għar-regoli u l-proċeduri ta’ dan il-Ftehim.

3. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, meta Parti tfittex is-soluzzjoni ta’ tilwima rigward obbligu li jaqa’ fil-firxa ta’ dan il-Ftehim kif iddefinit fl-Artikolu 2, li huwa ekwivalenti fis-sustanza għal obbligu taħt id-WTO, hija għandha tirrikorri għar-regoli u l-proċeduri rilevanti tal-Ftehim tad-WTO, li japplikaw minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

4. Ladarba jkunu nbdew proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-forum magħżul skont il-paragrafi ta’ hawn fuq, jekk ma jkunx irrinunzja l-ġurisdizzjoni tiegħu, għandu jintuża għall-esklużjoni tal-ieħor.

5. F’dan il-Ftehim, xejn ma jżomm Parti milli timplimenta s-sospenzjoni tal-obbligi awtorizzati mill-Korp tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. Il-Ftehim tad-WTO m’għandux ikun invokat biex iżomm lil xi Parti milli tissospendi l-obbligi taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 21

Termini ta’ skadenza

1. It-termini ta’ skadenza kollha stabbiliti f’dan il-Protokoll, inklużi l-limiti għall-bordijiet tal-arbitraġġ biex jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li jirreferu għalih.

2. Kwalunkwe limitu taż-żmien imsemmi f’dan il-Protokoll jista’ jkun estiż bil-ftehim reċiproku tal-Partijiet. Il-Partijiet jimpenjaw lilhom infushom biex jagħtu kunsiderazzjoni pożittiva lit-talbiet għal estenzjonijiet ta’ kwalunkwe limitu taż-żmien minħabba diffikultajiet iffaċċjati minn kwalunkwe Parti biex tikkonforma mal-proċeduri ta’ dan il-Protokoll. Fuq talba ta’ Parti, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jestendi t-termini ta’ skadenza applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jqis il-livell differenti ta’ żvilupp tal-Partijiet.

Artikolu 22

Reviżjoni u Modifika tal-Protokoll

1. Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jirrevedi l-implimentazzjoni tagħhom, bil-għan li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni, il-modifika jew it-tmiem tagħhom.

2. F’din ir-reviżjoni, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jqis il-possibilità li joħloq Korp tal-Appell komuni għal għadd ta’ Ftehimiet Ewro-Mediterranji.

3. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jimmodifika dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri tagħhom stess. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu jkunu tlestew.

Magħmul fi ………….., f’żewġ kopji, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Spanjola, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Għarbija, kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

Għall-Unjoni Ewropea Għar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu

[…] […]

ANNESSI

ANNESS I: REGOLI TAL-PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

ANNESS II: KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI

ANNESS I

REGOLI TAL-PROĊEDURA

GĦALL-ARBITRAĠĠ

DISPOżIZZJONIJIET ġENERALI

1. Fil-Protokoll u taħt dawn ir-regoli:

“konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tgħin lil dik il-Parti fil-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ;

“il-Parti li tressaq l-ilment” tfisser kwalunkwe Parti li titlob it-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ taħt l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll;

“il-Parti li sar l-ilment dwarha” tfisser il-Parti li hija allegata li tinsab fi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll;

“bord tal-arbitraġġ" tfisser bord imwaqqaf taħt l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll;

“rappreżentant ta’ Parti” tfisser impjegat jew kwalunkwe persuna maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta’ Parti;

“jum” tfisser jum kalendarju.

2. L-Unjoni Ewropea għandha tħallas l-ispejjeż konnessi mal-affarijiet organizzattivi fir-rigward tal-konsulenzi, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ, bl-eċċezzjoni tar-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-medjaturi u l-arbitri, li għandhom ikunu kondiviżi.

NOTIFIKI

3. Il-Partijiet u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jgħaddu kull talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokumenti oħra permezz tal-posta elettronika, b’kopja mibgħuta fl-istess jum bil-faks, bil-posta rreġistrata, b’kurjer, b’kunsinna li għaliha tintalab riċevuta jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ telekomunikazzjoni li jipprovdi rekord li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor, messaġġ bil-posta elettronika għandu jitqies li wasal fl-istess jum li jintbagħat.

4. Parti għandha tipprovdi kopja elettronika ta’ kull sottomissjoni bil-miktub tagħha lill-Parti l-oħra u lil kull wieħed mill-arbitri. Kopja stampata tad-dokument għandha tkun ipprovduta wkoll.

5. In-notifiki kollha għandhom ikunu indirizzati lill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea, rispettivament.

6. Żbalji żgħar ta’ natura klerikali fi kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokumenti oħra relatati mal-proċeduri tal-bord tal-arbitraġġ jistgħu jkunu kkorreġuti bil-kunsinna ta’ dokument ġdid li jindika t-tibdiliet b’mod ċar.

7. Jekk l-aħħar jum għall-kunsinna ta’ dokument jaħbat jum ta’ btala uffiċjali jew jum ta’ mistrieħ fl-Eġittu jew fil-Komunità, id-dokument jista’ jkun ikkunsinnat fil-jum tan-negozju li jkun imiss. Fl-ewwel Tnejn ta’ kull Diċembru, il-Partijiet għandhom jiskambjaw lista tad-dati tal-btajjel uffiċjali u l-jiem tal-mistrieħ tagħhom b’referenza għas-sena li jmiss. L-ebda dokument, notifika jew talba ta’ kwalunkwe tip m’għandu jitqies li jkun wasal f’jum ta’ btala uffiċjali jew f’jum ta’ mistrieħ.

8. Skont l-oġġett tad-dispożizzjonijiet fit-tilwima, lis-sottokumitati l-oħra rilevanti mwaqqfa taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandha tintbagħtilhom kopja tat-talbiet u n-notifiki kollha skont dan il-Ftehim indirizzata lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”.

BIDU TAL-ARBITRAĠĠ

9. (a) Jekk skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll jew tar-Regoli 19, 20 jew 49 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-membri tal-bord tal-arbitraġġ jintgħażlu bix-xorti, ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet għandhom ikunu preżenti meta ssir l-għażla bix-xorti.

(b) Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien 10 ijiem mit-twaqqif tiegħu sabiex jiddeterminaw dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ iqisu xierqa, inklużi r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri, li jkunu skont l-istandards tad-WTO. Il-membri tal-bord tal-arbitraġġ u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f’din il-laqgħa permezz tat-telefown jew ta’ konferenza awdjoviżiva.

10. (a) Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien 10 ijiem mid-data tal-għażla tal-arbitri, it-termini tar-referenza tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu:

“li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif tal-bord ta’ arbitraġġ, biex jiddeċiedi dwar il-kompatibilità tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Protokoll u biex jiddeċiedi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim.”

(b) Il-Partijiet iridu jinnotifikaw it-termini tar-referenza maqbula lill-bord tal-arbitraġġ fi żmien 5 ijiem mid-data tal-ftehim tagħhom.

SOTTOMISSJONIJIET INIZJALI

11. Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tikkunsinna s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 25 jum wara d-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tikkunsinna l-kontrosottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 25 jum wara d-data tal-kunsinna tas-sottomissjoni inizjali bil-miktub.

ĦIDMA TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ

12. Il-president tal-bord tal-arbitraġġ għandu jippresjedi l-laqgħat kollha tal-bord. Bord tal-arbitraġġ jista’ jiddelega lill-president l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

13. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkuż bit-telefown, trażmissjonijiet bil-faks jew kollegamenti bil-kompjuter.

14. L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista’ jippermetti lill-assistenti tiegħu li jkunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

15. L-abbozzar ta’ kwalunkwe deċiżjoni għandha tibqa’ r-responsabilità esklużiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma tistax tkun iddelegata.

16. Meta titfaċċa kwistjoni proċedurali li mhijiex koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, jista’ jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

17. Meta l-bord tal-arbitraġġ iqis li hemm il-ħtieġa li jimmodifika xi limitu taż-żmien applikabbli fil-proċedimenti jew li jagħmel kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, huwa għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet bir-raġunijiet għall-bidla jew l-aġġustament u bil-perjodu jew aġġustament meħtieġ. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jadotta tali bidla jew modifika wara li jikkonsulta lill-Partijiet.

SOSTITUZZJONI

18. Jekk arbitru ma jkunx jista’ jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira, jew jeħtieġ li jkun issostitwit, għandu jintgħażel sostitut skont l-Artikolu 6(3).

19. Meta Parti tqis li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għaldaqstant għandu jkun issostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun saret taf biċ-ċirkustanzi abbażi tal-ksur materjali tal-Kodiċi tal-Kondotta min-naħa tal-arbitru.

Meta Parti tqis li arbitru għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jissostitwixxu l-arbitru u jagħżlu sostitut billi jsegwu l-proċedura stipulata fl-Artikolu 6(3) tal-Protokoll.

Jekk il-Partijiet ma jaqblux dwar il-ħtieġa li jkun issostitwit arbitru, kull waħda mill-Partijiet tista’ titlob li tali kwistjoni tkun irreferuta lill-president tal-bord tal-arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu tkun finali.

Jekk il-president isib li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, huwa għandu jagħżel arbitru ġdid bix-xorti minn fost il-grupp ta’ individwi msemmija taħt l-Artikolu 19(1) tal-Protokoll, li l-arbitru oriġinali kien Membru tiegħu. Jekk l-arbitru oriġinali kien intgħażel mill-Partijiet skont l-Artikolu 6(2) tal-Protokoll, is-sostitut għandu jintgħażel bix-xorti minn fost il-gruppi ta’ individwi li jkunu ġew proposti mill-Parti li tressaq l-ilment u mill-Parti li sar l-ilment dwarha skont l-Artikolu 19(1) tal-Protokoll. L-għażla tal-arbitru l-ġdid għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data tal-wasla tat-talba lill-president tal-bord tal-arbitraġġ.

20. Meta Parti tqis li l-president tal-bord tal-arbitraġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jissostitwixxu l-president u jagħżlu sostitut billi jsegwu l-proċedura stipulata fl-Artikolu 6(3) tal-Protokoll.

Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kwalunkwe Parti tista’ titlob li tali kwistjoni tkun irriferuta lil wieħed mill-membri li jkun fadal fil-grupp ta’ individwi magħżula sabiex jaġixxu bħala presidenti taħt l-Artikolu 19(1) tal-Protokoll. L-isem tiegħu jew tagħha għandu jintgħażel bix-xorti mill-presidenti tas-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, jew minn delegat tal-presidenti. Id-deċiżjoni ta’ din il-persuna dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president tkun finali.

Jekk din il-persuna tiddeċiedi li l-president oriġinali ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, hija għandha tagħżel president ġdid bix-xorti minn fost il-grupp ta’ individwi li jkun fadal, imsemmi taħt l-Artikolu 19(1) tal-Protokoll, li jistgħu aġixxu bħala presidenti. Din l-għażla tal-president il-ġdid għandha ssir fi żmien 10 ijiem mid-data tal-wasla tat-talba msemmija f’dan il-paragrafu.

21. Il-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu sospiżi matul il-perjodu ta’ żmien użat biex jitwettqu l-proċeduri previsti fil-paragrafi 18, 19 u 20.

SEDUTI

22. Il-president għandu jiffissa d-data u l-ħin tas-seduti f’konsultazzjoni mal-Partijiet u l-membri l-oħra tal-bord tal-arbitraġġ, u jikkonferma dan bil-miktub lill-Partijiet. Din l-informazzjoni għandha ssir ukoll disponibbli pubblikament mill-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti jekk is-seduta tkun miftuħa għall-pubbliku. Sakemm kull Parti taqbel, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jiddeċiedi li ma jsejjaħx seduta.

23. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u fil-Kajr jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun l-Unjoni.

2 4 . Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jsejjaħ seduta addizzjonali f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss. Ma jistgħux jissejħu seduti addizzjonali għall-proċeduri stabbiliti taħt l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta’ dan il-Protokoll.

25. L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti matul is-seduta sħiħa.

26. Il-persuni li ġejjin jistgħu jattendu s-seduta, irrespettivament minn jekk il-proċeduri humiex miftuħa għall-pubbliku jew le:

(a) ir-rappreżentanti tal-Partijiet;

(b) il-konsulenti tal-Partijiet;

(c) il-persunal amministrattiv, l-interpreti, it-tradutturi u r-relaturi tal-qorti; u

(d) l-assistenti tal-arbitri.

Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-Partijiet biss jistgħu jindirizzaw lill-bord tal-arbitraġġ.

27. Mhux aktar tard minn 10 ijiem qabel id-data ta’ seduta, kull Parti għandha tagħti lill-bord tal-arbitraġġ lista tal-ismijiet tal-persuni li jkunu se jitkellmu fis-seduta f’isem dik il-Parti u ta’ rappreżentanti jew konsulenti oħra li jkunu se jattendu s-seduta.

28. Is-seduti tal-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor. Jekk il-Partijiet jiddeċiedu li s-seduta hija magħluqa għall-pubbliku, parti mis-seduta tista’, madankollu, tkun miftuħa għall-pubbliku jekk il-bord tal-arbitraġġ, fuq talba mill-Partijiet, jiddeċiedi hekk. Madankollu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jiltaqa’ f’seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta’ xi Parti jkun fihom informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

29. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta bil-mod li ġej:

L-Argument

(a) l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment

(b) l-argument tal-Parti li sar l-ilment dwarha

Il-Kontroargument

(a) l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment

(b) il-kontrorisposta tal-Parti li sar l-ilment dwarha

30. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jindirizza mistoqsijiet lil xi Parti fi kwalunkwe ħin waqt is-seduta.

31. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti għat-tlestija u l-kunsinna, mill-aktar fis possibbli, lill-Partijiet tat-traskrizzjoni ta’ kull seduta.

32. Kull Parti tista’ tagħti sottomissjoni supplimentari bil-miktub rigward kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta fi żmien 15-il jum mid-data tas-seduta.

MISTOQSIJIET BIL-MIKTUB

33. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ fi kwalunkwe ħin waqt il-proċedimenti jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew liż-żewġ Partijiet. Kull waħda mill-Partijiet għandha tirċievi kopja tal-mistoqsijiet kollha magħmula mill-bord tal-arbitraġġ.

34. Kull Parti għandha wkoll tipprovdi lill-Parti l-oħra kopja tat-tweġiba tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-bord tal-arbitraġġ. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar ir-risposta tal-Parti l-oħra fi żmien 10 ijiem mid-data tal-wasla.

KUNFIDENZJALITÀ

35. Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduta tal-bord tal-arbitraġġ meta s-seduti jsiru fil-magħluq, skont il-paragrafu 28. Kull Parti għandha tqis bħala kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni sottomessa mill-Parti l-oħra quddiem il-bord tal-arbitraġġ li dik il-Parti tkun indikat bħala kunfidenzjali. Meta Parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ, din għandha wkoll, fuq talba tal-Parti l-oħra, tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li jkun hemm fis-sottomissjonijiet tagħha li jista’ jintwera lill-pubbliku, mhux aktar tard minn 15-il jum wara d-data tat-talba jew tas-sottomissjoni, skont liema minnhom isseħħ l-aħħar. Xejn f’dawn ir-regoli ma jżomm lil xi Parti milli tiżvela lill-pubbliku d-dikjarazzjonijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha stess.

KUNTATTI EX PARTE

36. Il-bord tal-arbitraġġ m’għandux jiltaqa’ ma’, jew jikkuntattja lil, xi Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

37. L-ebda membru tal-bord tal-arbitraġġ m’għandu jiddiskuti xi aspett tas-suġġett tal-proċedimenti ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

SOTTOMISSJONIJIET MHUX MITLUBA

38. Sakemm il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, l-istess bord tal-arbitraġġ jista’ jirċievi sottomissjonijiet mhux mitluba bil-miktub, sakemm dawn isiru fi żmien 10 ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, huma konċiżi u f’kull każ mhumiex itwal minn 15-il paġna ttajpjata, inklużi kwalunkwe annessi, u li huma direttament rilevanti għall-kwistjoni fattwali taħt kunsiderazzjoni mill-bord tal-arbitraġġ.

39. Is-sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna, fiżika jew ġuridika, li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, inkluża n-natura tal-attivitajiet tagħha u s-sorsi tal-finanzjament tagħha, u tispeċifika n-natura tal-interess li dik il-persuna għandha fil-proċediment tal-arbitraġġ. Din għandha tkun abbozzata bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont ir-Regoli 42 u 43 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

40. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva li jkunu konformi mar-regoli msemmija hawn fuq. Il-bord tal-arbitraġġ m’għandu l-ebda obbligu li jindirizza fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti mressqa f’tali sottomissjonijiet. Kull sottomissjoni miksuba mill-bord tal-arbitraġġ taħt din ir-regola għandha tkun sottomessa lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom.

KAŻIJIET URĠENTI

4 1. Fil-każijiet ta’ urġenza msemmija f’dan il-Ftehim, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, għandu jaġġusta t-termini ta’ skadenza imsemmija f’dawn ir-regoli skont kif ikun jixraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar tali aġġustamenti.

TRADUZZJONI U INTERPRETAZZJONI

4 2. Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.2 tal-Protokoll, u mhux aktar tard mil-laqgħa msemmija fir-Regola 9(b) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar lingwa tal-ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord tal-arbitraġġ.

43. Jekk il-Partijiet ma jirnexxielhomx jaqblu dwar lingwa tal-ħidma komuni, kull Parti għandha tagħmel arranġamenti u tħallas l-ispejjeż għat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra.

44. Il-Parti li sar l-ilment dwarha għandha tagħmel arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-fomm fil-lingwi magħżula mill-Partijiet.

45. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu nnotifikati bil-lingwa jew lingwi magħżula mill-Partijiet.

46. Kwalunkwe Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar kwalunkwe verżjoni tradotta ta’ dokument li tkun saret skont dawn ir-regoli.

KALKOLU TAT-TERMINI TA’ SKADENZA

47. Meta, minħabba l-applikazzjoni tal-paragrafu 7 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, xi Parti tirċievi dokument f’data differenti mid-data li l-Parti l-oħra tkun irċeviet l-istess dokument, kwalunkwe perjodu ta’ żmien li huwa kkalkulat abbażi tad-data tal-wasla ta’ dak id-dokument għandu jkun ikkalkulat mill-aħħar data tal-wasla ta’ dak id-dokument.

PROĊEDURI OĦRA

48. Dawn ir-Regoli tal-Proċedura huma applikabbli wkoll għall-proċeduri stabbiliti taħt l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta’ dan il-Protokoll. Madankollu, it-termini ta’ skadenza stabbiliti f’dawn ir-Regoli tal-Proċedura għandhom ikunu aġġustati skont it-termini ta’ skadenza speċjali previsti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-bord tal-arbitraġġ f’dawk il-proċeduri l-oħra.

49. Fil-każ li l-bord oriġinali, jew uħud mill-membri tiegħu, ma jkunx jista’ jiltaqa’ mill-ġdid għall-proċeduri stabbiliti taħt l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) tal-Protokoll, għandhom japplikaw il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6 tal-Protokoll. Il-limitu taż-żmien għan-notifika tad-deċiżjoni għandu jkun estiż għal 15-il jum.

ANNESS II

KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI

Definizzjonijiet

1. F’dan il-Kodiċi tal-Kondotta:

(a) “membru” jew “arbitru” tfisser membru ta’ bord tal-arbitraġġ imwaqqaf b’mod effettiv taħt l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll;

(b) “medjatur” tfisser persuna li tmexxi medjazzjoni skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll;

(c) “kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll u li jkun qed jiġi kkunsidrat biex jintgħażel bħala membru ta’ bord tal-arbitraġġ taħt l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll;

(d) “assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta’ membru, tmexxi, tirriċerka jew tagħti l-għajnuna lill-membru;

(e) “proċediment”, fejn mhux speċifikat mod ieħor, tfisser proċediment ta’ bord tal-arbitraġġ taħt dan il-Protokoll;

(f) “persunal”, fir-rigward ta’ membru, tfisser persuni taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-membru, minbarra l-assistenti.

Responsabbiltajiet lejn il-proċess

2. Kull kandidat u kull membru għandu jevita kondotta mhux xierqa u d-dehra ta’ kondotta mhux xierqa, għandu jkun independenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta’ interess diretti jew indiretti u għandu josserva standards għolja ta’ kondotta sabiex jinżammu l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-membri preċedenti għandhom ikunu konformi mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 15, 16, 17 u 18 ta’ dan il-Kodiċi tal-Kondotta.

Obbligi dwar x’għandu jkun żvelat

3. Qabel ma tiġi kkonfermata l-għażla ta’ membru tal-bord tal-arbitraġġ taħt dan il-Protokoll, il-kandidat għandu jiżvela kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni li probabbilment jaffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu jew li jista’ raġonevolment joħloq id-dehra ta’ kondotta mhux xierqa jew ta’ preġudizzju fil-proċediment. Għal dan il-għan, il-kandidat għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha sabiex isir konxju dwar kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni ta’ dan it-tip.

4. Kandidat jew membru għandu jikkomunika biss affarijiet li jikkonċernaw ksur attwali jew potenzjali ta’ dan il-Kodiċi tal-Kondotta lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment” għall-kunsiderazzjoni tal-Partijiet.

5. Meta jintgħażel, membru għandu jibqa’ jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha biex isir konxju dwar kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan il-Kodiċi tal-Kondotta u għandu jiżvelahom. L-obbligu li dawn ikunu żvelati huwa dmir kontinwu li jirrikjedi li membru jiżvela tali interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li jistgħu jfeġġu waqt kwalunkwe stadju tal-proċediment. Il-membru għandu jiżvela tali interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet billi jinforma bil-miktub lis-sottokumitat “industrija, kummerċ, servizzi u investiment”, għall-kunsiderazzjoni tal-Partijiet.

Dmirijiet tal-membri

6. Meta jintgħażel, membru għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod sħiħ u bla dewmien matul il-proċediment, u b’mod ġust u kawt.

7. Membru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet imqajma waqt il-proċediment u li jitqiesu meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni u m’għandux jiddelega dan id-dmir lil xi persuna oħra.

8. Membru għandu jwettaq il-passi kollha xierqa biex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji tal-paragrafi 2, 3, 4, 5, 16, 17 u 18 ta’ dan il-Kodiċi tal-Kondotta u li jkunu konformi magħhom.

9. Membru m’għandux ikun involut f’kuntatti ex parte rigward il-proċediment.

Indipendenza u imparzjalità tal-membri

10. Membru għandu jkun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq dehra ta’ kondotta mhux xierqa jew preġudizzju u m’għandux ikun influwenzat minn interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, u lealtà lejn xi Parti jew biża’ mill-kritika.

11. Membru m’għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal xi obbligu jew jaċċetta xi benefiċċju li jista’ b’xi mod itellef, jew jidher li jtellef, it-twettiq xieraq tad-dmirijiet tiegħu.

12. Membru m’għandux jinqeda bil-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord tal-arbitraġġ biex jaġevola xi interess personali jew privat u għandu jevita azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li oħrajn jinsabu f’pożizzjoni speċjali biex jinfluwenzawh.

13. Membru m’għandux jippermetti r-relazzjonijiet jew ir-responsabbiltajiet finanzjarji, kummerċjali, professjonali, familjari jew soċjali jinfluwenzaw l-imġiba jew il-ġudizzju tiegħu.

14. Membru għandu jevita li jidħol f’xi relazzjoni jew jakkwista xi interess finanzjarju li aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista’ raġonevolment joħloq id-dehra ta’ kondotta mhux xierqa jew ta’ preġudizzju.

Obbligi tal-membri preċedenti

15. Il-membri preċedenti kollha għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu d-dehra li kienu ppreġudikati fit-twettiq ta’ dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ.

Kunfidenzjalità

16. Ebda membru jew membru preċedenti m’għandu fi kwalunkwe ħin jiżvela jew juża kwalunkwe informazzjoni mhux pubblika rrelatata ma’ proċediment jew miksuba matul proċediment ħlief għall-iskopijiet tal-proċediment innifsu u, f’ebda każ, m’għandu jiżvela jew juża tali informazzjoni biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal ħaddieħor jew biex jaffettwa b’mod ħażin l-interessi ta’ ħaddieħor.

17. Membru m’għandux jiżvela deċiżjoni ta’ bord tal-arbitraġġ jew partijiet minnha qabel il-pubblikazzjoni tagħha skont dan il-Protokoll.

18. Membru jew membru preċedenti m’għandu qatt jiżvela d-deliberazzjonijiet ta’ bord tal-arbitraġġ, jew l-opinjoni ta’ kwalunkwe membru.

Spejjeż

19. Kull membru għandu jżomm rekord u jagħti rendikont finali tal-ħin iddedikat għall-proċedura u tal-ispejjeż tiegħu.

Medjaturi

20. Id-dixxiplini deskritti f’dan il-Kodiċi tal-Kondotta kif japplikaw għall-membri jew il-membri preċedenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis , għall-medjaturi.

[1] ĠU C […], […], p. […].

[2] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll huma mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34 tal-Protokoll li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti li joriġinaw” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

Top