Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0379

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg staġonali

    /* KUMM/2010/0379 finali - COD 2010/0210 */

    52010PC0379

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg staġonali


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 13.7.2010

    KUMM(2010) 379 finali

    2010/0210 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg staġonali

    {SEG(2010) 887}{SEG(2010) 888}

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    - Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Din il-proposta tifforma parti mill-isforzi tal-UE biex tiżviluppa politika komprensiva dwar l-immigrazzjoni. Il-Programm tal-Aja ta' Novembru 2004 irrikonoxxa li "l-migrazzjoni legali se jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa, fit-titjib tal-iżvilupp ekonomiku, u għalhekk fil-kontribut tagħha għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona", u talab lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' politika dwar il-migrazzjoni legali "li jinkludi l-proċeduri ta' ammissjoni, li kapaċi jwieġbu malajr għat-talbiet li dejjem ivarjaw għall-impjieg tal-migranti fis-suq tax-xogħol".

    Il-Komunikazzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni li ħarġet f'Diċembru 2005 "Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali" (COM(2005) 669) stipulat l-adozzjoni ta' ħames proposti leġiżlattivi dwar l-immigrazzjoni għax-xogħol, li jinkludu proposta għal direttiva dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ħaddiema staġonali, bejn l-2007 u l-2009.

    Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008, jesprimi l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jmexxu politika ġusta, effettiva u konsistenti biex jiġu ttrattati l-isfidi u l-opportunitajiet ta' migrazzjoni.

    Il-Programm ta' Stokkolma adottat mill-Kunsill bejn l-10 u l-11 ta' Diċembru 2009 tenna l-impenn tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jimplimentaw il-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali.

    Il-proposti dwar il-ħaddiema bi kwalifiki għolja (‘il-Karta Blu tal-UE’) u għal Direttiva qafas ġenerali ġew ippreżentati f'Ottubru 2007[1]. Il-Kunsill adotta l-ewwel proposta fil-25 ta' Mejju 2009; it-tieni waħda qiegħda tiġi nnegozjata bħalissa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Iż-żewġ testi jeskludu l-ħaddiema staġonali mill-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom.

    Din il-proposta twieġeb għall-mandati ta' politika msemmijin hawn fuq u għandha l-iskop li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-ġestjoni effettiva tal-flussi ta' migrazzjoni għall-kategorija speċifika tal-migrazzjoni temporanja staġonali. Hija tistabbilixxi regoli ġusti u trasparenti għad-dħul u r-residenza waqt li, fl-istess ħin, tipprovdi għal inċentivi u salvagwardji sabiex tipprevjeni li permanenza temporanja ssir waħda permanenti.

    - Il-kuntest ġenerali

    L-ekonomiji tal-UE qed jaffaċċjaw il-ħtieġa strutturali ta' xogħol staġonali li għalih il-ħaddiema minn ġewwa l-UE huma mistennija li jkunu dejjem anqas disponibbli. Fir-rigward ta' nuqqas ta' kapaċitajiet fl-UE fil-futur, is-setturi tradizzjonali se jkomplu jkollhom rwol importanti u l-ħtieġa strutturali ta' ħaddiema bi ftit kompetenzi u ta' ħaddiema bi ftit kwalifiki x'aktarx li se tkompli tikber. Għandu jiġi rrimarkat li hemm ħtieġa aktar permanenti ta' ħaddiema mhux kwalifikati fi ħdan l-UE. Huwa mistenni li se jkun dejjem aktar diffiċli li jimtlew dawn il-lakuni permezz ta' ħaddiema ċittadini tal-UE, primarjament minħabba l-fatt li dawn il-ħaddiema ma jikkunsidrawx ix-xogħol staġonali bħala wieħed attraenti.

    Minbarra dan, hemm evidenza sinifikanti li ċerti ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi jaffaċċjaw sfruttament u kundizzjonijiet tax-xogħol ta' standard inferjuri li jistgħu jkunu ta' theddida għal saħħithom u għas-sikurezza tagħhom.

    Fl-aħħar nett, is-setturi tal-ekonomija li huma kkaratterizzati bil-preżenza qawwija ta' ħaddiema staġonali — speċjalment l-agrikoltura, l-ortikultura u t-turiżmu — huma identifikati ripetutament bħala s-setturi li l-aktar għandhom tendenza li jkollhom xogħol li jsir minn ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq permanenza illegali.

    - Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    L-uniku strument eżistenti fil-livell tal-UE li jindirizza wkoll il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta' ħaddiema staġonali huwa ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1994 "dwar il-limitazzjonijiet tal-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għal impjieg"[2], adottat skont l-Artikolu K.1 tat-Trattat. Din ir-riżoluzzjoni tinkludi elementi għad-definizzjoni ta' ħaddiema staġonali (il-ħaddiema li "jwettqu xogħlijiet definiti sewwa, li normalment jissodisfaw ħtieġa tradizzjonali fl-Istati Membri inkwistjoni"). Hi tistabbilixxi wkoll it-tul ta' żmien massimu ta' permanenza għal sitt xhur fi kwalunkwe perjodu ta' tnax-il xahar u teskludi estensjonijiet tal-permamenza għal tip differenti ta' impjieg.

    Il-format ta’ permess ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002, li jippermetti lill-Istati Membri jirreferu, f'format uniformi, għall-informazzjoni l-oħra kollha "partikolarment dwar jekk persuna tingħatax il-permess li taħdem jew le". Din il-proposta tibni fuq dan ir-Regolament sa fejn titlob lill-Istati Membri jindikaw il-permess tax-xogħol fil-format uniformi, irrispettivament mill-bażi legali għall-ammissjoni.

    - Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-UE

    Id-dispożizzjonijiet f'din il-proposta huma konsistenti u ta' appoġġ għall-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta' xogħol diċenti għal kulħadd (COM(2006) 249) u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. It-twaqqif ta' proċeduri mgħaġġla u flessibbli ta' ammissjoni u l-iżgurar ta' status legali għall-ħaddiema staġonali jistgħu jaġixxu bħala salvagwardja kontra l-isfruttament u jipproteġu wkoll ċittadini tal-UE li huma ħaddiema staġonali minn kompetizzjoni mhux ġusta.

    Bl-attenzjoni ċentrali tagħha fuq l-eradikazzjoni tal-faqar u l-kisba tal-għanijiet għall-iżvilupp tal-millenju, il-proposta tikkonforma wkoll mal-politika ta' żvilupp tal-UE. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-migrazzjoni ċirkolari ta' ħaddiema staġonali bejn l-UE u l-pajjiżi tagħha – il-ħaddiema staġonali jkunu jistgħu jiġu fi Stat Membru, imorru lura fil-pajjiżi tagħhom u mbagħad jerġgħu jiġu fl-Istat Membru – ikunu jiffaċilitaw id-dħul affidabbli ta' rimessi u t-trasferiment ta' kapaċitajiet u ta' investiment. Minħabba li din it-tip ta' migrazzjoni hija temporanja, din id-Direttiva mhijiex mistennija li se twassal għal eżodu ta' mħuħ f'pajjiżi emerġenti jew f'dawk li qed jiżviluppaw.

    Fir-rigward tad-drittijiet marbutin mal-impjieg ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, il-proposta tikkonforma mar-rekwiżit li l-politiki kollha tal-UE għandhom jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Hija tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'ħarsa speċjali lejn l-Artikolu 12 dwar il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, l-Artikolu 21(2) dwar in-non-diskriminazzjoni, l-Artikolu 31 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, l-Artikolu 34 dwar is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, l-Artikolu 35 dwar il-kura tas-saħħa u l-Artikolu 47 dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

    2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    - Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-Green Paper dwar l-istrateġija tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika kienet is-suġġett ta' konsultazzjoni pubblika, li kienet tinkludi smigħ pubbliku li sar fl-14 ta' Ġunju 2005.

    Saru aktar konsultazzjonijiet permezz ta' seminars u ta' laqgħat ta' ħidma. L-Istati Membri ġew ikkonsultati fi ħdan il-qafas tal-Kumitat tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. Permezz tal-istudju estern ikkummissjonat biex jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt, saru konsultazzjonijiet addizzjonali mal-partijiet interessati ewlenin permezz ta’ kwestjonarji u ta' intervisti.

    L-analiżi tal-kontributi rċevuti uriet appoġġ ġenerali għal politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni ekonomika, għalkemm b'differenzi sostanzjali fir-rigward tal-istrateġija li għandha tiġi segwita u fir-riżultat finali mistenni. Ħarġu xi elementi, bħall-ħtieġa ta' regoli komuni tal-UE li jirregolaw kull immigrazzjoni għal impjieg jew għall-anqas il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għal uħud mill-kategoriji ewlenin ta' immigranti ekonomiċi, b'mod partikolari l-ħaddiema bi kwalifiki għolja u l-ħaddiema staġonali. Dawn iż-żewġ kategoriji kienu kkunsidrati essenzjali għall-kompetittività tal-UE. Talba ċara oħra kienet li jiġu proposti soluzzjonijiet sempliċi, mhux burokratiċi u flessibbli. Billi ħafna mill-Istati Membri ma kinux favur l-istrateġija orizzontali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istrateġija settorjali kienet aktar xierqa minħabba li tkun twieġeb aħjar għat-talbiet ta' flessibbiltà.

    - Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

    Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenzi esterni.

    - Il-valutazzjoni tal-impatt

    Kienu kkunsidrati l-alternattivi li ġejjin:

    Alternattiva 1 — Status quo . L-iżviluppi attwali fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE jkomplu fi ħdan il-qafas legali eżistenti. Min iħaddem se jkun taħt ċerti obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva dwar is-sanzjonijiet kontra min iħaddem adottata fit-18 ta' Ġunju 2009, jiġifieri fir-rigward ta' notifiki lill-awtoritajiet u ta' penali f'każ ta' impjieg illegali. L-effett ta' din l-alternattiva għandu jkun limitat.

    Alternattiva 2 — Direttiva dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ħaddiema staġonali u d-drittijiet . Għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni, li jinkludu d-definizzjoni tax-xogħol staġonali, il-kriterji ta' ammissjoni, it-tul ta' żmien massimu tal-permamenza bħala ħaddiem staġonali u d-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali għal tal-ħaddiema staġonali mill-UE fir-rigward ta' ċerti drittijiet soċjoekonomiċi, bħal-libertà tal-assoċjazzjoni, id-dritt għas-sigurtà soċjali, eċċ. Din l-alternattiva tista' tgħin sabiex jiġi stabbilit qafas legali komuni applikabbli għal kull min iħaddem fl-UE u biex jiġi evitat l-isfruttament. Madanakollu, il-ħaddiema staġonali jistgħu xorta waħda jaffaċċjaw proċeduri diverġenti u kumplessi ta' dħul.

    Alternattiva 3 — Direttiva li tistabbilixxi proċeduri komuni ta' ammissjoni . Minbarra l-alternattiva 2, jista' jiġi introdott permess uniku għax-xogħol u r-residenza għall-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, li għandu jinħareġ fi proċedura unika. Jistgħu jsiru dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid ta' ħaddiem staġonali fl-istaġuni sussegwenti. Il-proċeduri ta' reklutaġġ ikunu aktar effiċjenti, u jkun hemm disponibbli għal min jimpjega fl-UE, forza tax-xogħol aktar previdibbli.

    Alternattiva 4 — Direttiva dwar miżuri li jiżguraw ritorn effettiv . Il-miżuri jinkludu l-limitazzjoni tat-tul tal-permanenza, u l-obbligu espliċitu għar-ritorn fl-aħħar tal-perjodu. Il-permanenza żejda tal-ħaddiema staġonali tkun tista' tiġi evitata sa ċertu punt. L-effetti fuq il-funzjonament tas-suq tax-xogħol tal-UE għandhom ikunu marġinali. Il-ħaddiema staġonali jistgħu xorta waħda jaffaċċjaw proċeduri diverġenti u kumplessi ta' dħul.

    Alternattiva 5 — Komunikazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Mhija introdotta l-ebda leġiżlazzjoni ġdida, iżda jingħataw attivitajiet komplementari u ta' appoġġ bl-iskop li jiġu approssimati l-prattiki tal-Istati Membri. Billi l-miżuri mhumiex se jkunu vinkolanti, l-effetti jkunu limitati; il-ħaddiema staġonali potenzjali u min iħaddimhom fil-futur ikunu jistgħu jkomplu jaffaċċjaw firxa ta' regoli differenti għall-ammisjoni u l-ħaddiema staġonali jkunu jingħataw drittijiet differenti matul ir-residenza tagħhom.

    Wara t-tqabbil tal-alternattivi u l-impatt tagħhom, l-alternattiva ppreferuta tikkombina l-alternattivi 2, 3 u 4. L-istandards ta' ammissjoni komuni bi proċeduri ssemplifikati ta' dħul u l-prospett ta' ritorn fi staġun sussegwenti (l-alternattivi 2 u 3) se jipprovdu għal ammissjoni flessibbli sabiex is-suq tax-xogħol tal-UE jingħatawlu r-riżorsi neċessarji. L-elementi mill-alternattiva 4 għandhom jgħinu biex jiżguraw ir-ritorn ta' ħaddiem staġonali u b'hekk tiġi evitata permanenza żejda.

    Il-Kummissjoni mexxiet valutazzjoni tal-impatt elenkata fil-Programm ta’ Ħidma, aċċessibbli fuq [… għandu jiġi miżjud …].

    3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    - Sommarju tal-azzjoni proposta

    Il-proposta tistabbilixxi proċedura rapida għall-ammissjoni ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, ibbażata fuq id-definizzjoni u l-kriterji komuni, partikolarment fuq l-eżistenza ta' kuntratt tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta' impjieg li tispeċifika salarju daqs jew 'il fuq mil-livell minimu. Il-ħaddiema staġonali se jinħarġilhom permess ta' residenza li jippermettilhom jaħdmu għal perjodu massimu speċifikat għal kull sena kalendarja. Għandha ssir ukoll dispożizzjoni li tiffaċilita d-dħul mill-ġdid ta' ħaddiem staġonali fl-istaġun sussegwenti.

    Sabiex jiġi evitat l-isfruttament u jkunu protetti s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, se jiġu definiti b'mod ċar id-dispożizzjonijiet legali li japplikaw għall-kundizzjonijiet tax-xogħol. Barra minn dan, min iħaddem huwa mistenni li jipprovdi evidenza li l-ħaddiem staġonali jkollu akkomodazzjoni xierqa matul il-permanenza tiegħu u li ssir dispożizzjoni għall-iffaċilitar ta' lmenti.

    Sabiex tiġi evitata l-permanenza żejda tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, għandu jiġi stabbilit tul ta' żmien massimu tal-permanenza għal kull sena kalendarja flimkien mal-obbligu espliċitu għar-ritorn wara dak il-perjodu; mhemmx il-possibbiltà li ssir bidla fl-istatut.

    - Bażi legali

    Din il-proposta tikkonċerna l-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza, u l-istandards tal-ħruġ ta' permessi ta' residenza mill-Istati Membri u d-definizzjoni tad-drittijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li qegħdin fi Stat Membru legalment. Għalhekk, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 79(2)(a) u (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    - Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

    Għandu japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-prinċipju jirrikjedi li l-Unjoni ma tiħux azzjoni f'oqsma ta' kompetenza kondiviża sakemm "l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali jew lokali, iżda pjuttost, minħabba fl-iskala jew fl-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni" (Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

    Il-leġittimità tal-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam tiġi minn dan li ġej:

    - Il-ħtieġa ta' ħaddiema staġonali hija komuni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Barra minn dan, minkejja li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi jidħlu fi Stat Membru speċifiku fi ħdan l-UE, id-deċiżjoni ta' Stat Membru dwar id-drittijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi tista' taffetwa Stati Membri oħrajn, u possibilment tista' tikkawża distorsjoni fil-flussi migratorji.

    - Iż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni teħtieġ dixxiplina komuni (regoli minimi komuni) biex jitnaqqas ir-riskju ta' permanenza żejda u d-dħul illegali li jistgħu jiġu kkawżati/jirriżultaw minn regoli laxki u diverġenti tal-ammissjoni ta' ħaddiema staġonali.

    - Għandhom jiġu evitati l-isfruttament u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' standard inferjuri ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, billi jingħataw ċerti drittijiet soċjoekonomiċi permezz ta' strument vinkolanti, u għalhekk li jista' jkun infurzat, fil-livell tal-UE. Dan f'konformità mas-sejħa tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-1999 sabiex ċittadini ta' pajjiżi terzi jingħataw trattament ġust u status legali sikur.

    - Fir-rigward tal-aspetti esterni tal-politika dwar il-migrazzjoni, strument tal-UE dwar il-ħaddiema staġonali huwa kruċjali għall-kooperazzjoni effettiva ma' pajjiżi terzi u għall-approfondiment akbar tal-istrateġija globali. Dan jiġri minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, tali strument ikun jippermetti lill-UE tneħħi l-ostakli għall-migrazzjoni legali ta' ħaddiema bi ftit kompetenzi professjonali jew li mhumiex kwalifikati u, it-tieni nett, dan jista' jkun strumentali fit-tisħiħ tal-impenn ta' pajjiżi terzi fl-affrontar tal-immigrazzjoni irregolari.

    B'hekk din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    Barra minn hekk, f'konformità mal-Artikolu 79(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-proposta tirrispetta d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw in-numru ta' migranti ekonomiċi li jiġu minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom. Għalhekk, jibqa' f'idejn l-Istat Membru rispettiv li jeżamina jekk għandux ħtieġa ekonomika għall-ammissjoni ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Għandu japplika l-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan il-prinċipju jistipula li "il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li hu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati" (Artikolu 5(4) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea).

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

    - L-istrument magħżul huwa Direttiva, li jagħti lill-Istati Membri livell għoli ta' flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħha. Il-forma tal-azzjoni ma teċċediex dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu rregolati l-flussi ta' migrazzjoni staġonali b'mod effettiv. Il-miżuri li mhumiex vinkolanti jkollhom effett wisq limitat minħabba li l-ħaddiema staġonali potenzjali minn pajjiżi terzi u min iħaddimhom fil-futur ikunu jistgħu jkomplu jaffaċċjaw firxa ta' regoli differenti għad-dħul u r-residenza u jingħataw livelli differenti ta' drittijiet matul ir-residenza tagħhom.

    - Il-kontenut tal-azzjoni huwa limitat għal x'inhu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi hawn fuq. Ir-regoli proposti jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, il-proċedura u l-permess, kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema staġonali, jiġifieri, l-oqsma li jikkostitwixxu l-elementi ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni skont l-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta tikkostitwixxi bidla relattivament żgħira mill- istatus quo f'dak li jirrigwarda kemm l-azzjoni leġislattiva meħtieġa kif ukoll il-piż fuq min iħaddem fil-futur. Uħud mill-Istati Membri jistgħu jkollhom aktar piżijiet li jirriżultaw mill-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli (aktar) speċifiċi, iżda dawn huma ġġustifikati minħabba l-għanijiet ta' din il-proposta u d-domanda strutturali għal din il-kategorija ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi. Kif stabbilit hawn fuq, jibqa' f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi li jiġu ammessi.

    - Għażla tal-istrument

    3L-istrument propost: direttiva.

    Direttiva hija l-istrument xieraq għal din l-azzjoni billi tistabbilixxi standards minimi vinkolanti iżda, fl-istess ħin, tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà neċessarja fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-qafas legali eżistenti.

    4. L-IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI

    Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

    5. TAGħRIF ADDIZZJONALI

    - Klawsola ta’ reviżjoni

    Il-proposta tinkludi klawsola ta’ reviżjoni.

    - Tabella ta’ korrelazzjoni

    L-Istati Membri huma meħtieġa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva kif ukoll bit-tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva.

    - Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

    Kapitolu I: Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    L-iskop tal-proposta huwa li tiġi introdotta proċedura speċjali ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex joqogħdu fl-UE għal impjieg staġonali, u li jiġu definiti d-drittijiet tal-ħaddiema staġonali.

    Artikolu 2

    Id-dispożizzjonijiet tal-proposta japplikaw biss għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu barra mit-territorju tal-Istati Membri. M'hemm l-ebda dispożizzjoni għall-applikazzjonijiet għal impjieg bħala ħaddiema staġonali minn ġewwa xi Stat Membru. Għalhekk mhuwiex neċessarju li jiġu preskritti eċċezzjonijiet barra l-ambitu tal-proposta għal ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq permanenza legali fi Stat Membru.

    Madanakollu, dan mhux se jaffettwa d-dritt ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu diġà fuq permanenza legali fi Stat Membru, li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jaħdmu, inkluż l-impjieg staġonali. Dan id-dritt mhux se jkun eżerċitat skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din il-proposta.

    Il-proposta ma tapplikax għal ċittadini ta' pajjiżi terzi mibgħuta minn impriżi stabbiliti ġewwa Stat Membru fil-qafas tal-provvista ta' servizzi f'konformità mad-Direttiva 96/71/KE.

    Artikolu 3

    L-idea ta' xogħol staġonali hija distinta minn dik ta' xogħol regolari u permanenti partikolarment bi ħtiġijiet ta' forza tax-xogħol akbar marbutin ma' avveniment jew ma' sensiela ta' avvenimenti, bħall-perjodu tat-tħawwil jew tal-ħsad fl-agrikoltura, jew il-perjodu ta' vaganza fit-turiżmu inklużi avvenimenti, festivals, bijennali jew eżibizzjonijiet ta' kultura għal tul ta' żmien.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw setturi speċifiċi tal-ekonomija li jissodisfaw il-kriterji msemmijin hawn fuq għal xogħol staġonali.

    Artikolu 4

    Il-proposta tippermetti li l-Istati Membri joffru kundizzjonijiet aktar favorevoli marbutin biss ma' ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw is-salvagwardji proċedurali, il-livell tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema staġonali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar l-akkomodazzjoni u l-iffaċilitar ta' lmenti.

    Kapitolu II: Kundizzjonijiet għall-ammissjoni

    Artikolu 5

    Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jinkisbu mill-ħaddiem staġonali minn pajjiż terz u minn min jimpjegah. Billi l-ammissjoni tiddependi fuq id-domanda, għandu jiġi ppreżentat kuntratt tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta' impjieg. Ġie kkunsidrat neċessarju li jintalab li l-kuntratt tax-xogħol jew l-offerta vinkolanti ta' impjieg ikunu jispeċifikaw livell ta' remunerazzjoni sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti janalizzaw jekk ir-remunerazzjoni proposta hijiex kumparabbli ma' dik imħallsa għall-attività rispettiva fl-Istat Membru kkonċernat. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi evitat li min iħaddem ikun avvantaġġjat inġustament u biex jiġu evitati kundizzjonijiet tax-xogħol li jisfruttaw lill-ħaddiem staġonali.

    Il-kuntratt tax-xogħol għandu wkoll jispeċifika s-sigħat ta' xogħol fil-ġimgħa jew fix-xahar. Dan ir-rekwiżit għandu:

    - jiżgura li min iħaddem jitlob biss ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi f'każ ta' ħtieġa ekonomika reali (kapaċitajiet ta' impjieg suffiċjenti);

    - jservi ta' garanzija għal ċertu livell fiss ta' remunerazzjoni għall-ħaddiema staġonali, u, fejn applikabbli, għal kundizzjonijiet tax-xogħol relevanti oħrajn bħall-assigurazzjonijiet;

    - jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jeżerċitaw kontroll effiċjenti qabel l-ammissjoni.

    - L-applikazzjoni għandha tinkludi wkoll l-evidenza li l-ħaddiem staġonali rispettiv se jibbenefika minn akkomodazzjoni xierqa.

    Artikoli 6 u 7

    Il-proposta ma toħloqx dritt għall-ammissjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu r-raġunijiet mandatorji u possibbli għar-rifjut kif ukoll għall-irtirar u n-nuqqas ta' tiġdid, li jinkludu n-nuqqas ta' kisba tal-kriterji għall-ammissjoni, l-eżistenza ta' kwoti u l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħmlu test dwar is-suq tax-xogħol.

    Il-prinċipju ta' preferenza tal-UE, kif espress fid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Atti ta' Adeżjoni tal-2003 u l-2005, jikkostitwixxi liġi primarja tal-UE, u għalhekk id-Direttiva għandha tiġi applikata f'konformità mal-Atti ta' Adeżjoni minn dawk l-Istati Membri li għadhom jagħmlu użu mill-ftehimiet tranżitorji.

    Kapitolu III: Proċedura u permess

    Artikolu 8

    L-Istati Membri huma mitluba li jiżguraw li l-informazzjoni relevanti dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza, inklużi d-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, u dwar l-evidenza dokumentarja kollha neċessarja għal preżentazzjoni tal-applikazzjoni, hija disponibbli għall-ħaddiema staġonali prospettivi minn pajjiżi terzi u għal min iħaddimhom fil-futur.

    Artikolu 9

    L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għandhomx jiġu ppreżentati miċ-ċittadin ta' pajjiż terz jew minn min jimpjegah fil-futur.

    L-Istati Membri huma mitluba li jinnominaw awtorità kompetenti li tirċievi l-applikazzjoni u li toħroġ il-permess. Din in-nomina għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra fir-rigward tal-analiżi tal-applikazzjoni u tad-deċiżjoni dwarha. Barra minn hekk, in-nomina li jingħata u li jinħareġ il-permess m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jaħtru awtoritajiet oħrajn li permezz tagħhom iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew min iħaddmu fil-futur jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni (eż. uffiċċji konsulari) u li jkollhom l-awtorità li joħorġu l-permess.

    L-applikazzjoni għar-residenza u x-xogħol bħala ħaddiem staġonali għandha tiġi sottomessa fi proċedura unika ta' applikazzjoni.

    Artikolu 10

    Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li tkun ittieħdet deċiżjoni pożittiva dwarhom mill-Istat Membru kkonċernat għandhom jirċievu permess tax-xogħol staġonali.

    Il-permess ta' residenza bl-indikazzjoni "ħaddiem staġonali" għandu jippermetti kemm ir-residenza kif ukoll l-eżerċizzju tax-xogħol staġonali speċifiku awtorizzat, mingħajr permess addizzjonali, partikolarment il-permess tax-xogħol, li huwa neċessarju. Għaldaqstant, għall-perjodi ta' permanenza ta' inqas minn tliet xhur, l-Istati Membri għandhom joħorġu viża li tkun tintitola wkoll lill-ħaddiem staġonali biex jeżerċita l-attività speċifika tal-impjieg li għalih ikun ġie ammess.

    Artikolu 11

    Il-perjodu massimu ta' permanenza huwa stabbilit għal sitt xhur fi kwalunkwe sena kalendarja. Tali limitazzjoni stretta tat-tul ta' żmien tal-permanenza għandha tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi ammessi skont din id-Direttiva huma fil-fatt impjegati għal xogħol li ġenwinament huwa staġonali u mhux għal xogħol regolari.

    Għandha ssir dispożizzjoni espliċita li għal xogħol staġonali, fit-tul ta' żmien massimu tal-permanenza, ikun possibbli li l-kuntratt jiġi estiż jew li jinbidel min jimpjega. Dan huwa importanti minħabba r-raġuni li l-ħaddiema staġonali li huma marbutin ma' persuna waħda li timpjega jistgħu jaffaċċjaw ir-riskju tal-abbużi. Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi estiża l-permanenza fi ħdan perjodu ta' żmien speċifikat jista' jnaqqas ir-riskju ta' permanenza żejda. Fl-aħħar, l-estensjoni tippermetti li jkun hemm dħul u rimessi ogħla mibgħuta minn ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi li, min-naħa tagħhom, jistgħu jikkontribwixxu fl-iżvilupp tal-pajjiżi tagħhom ta' oriġini.

    Artikolu 12

    L-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa li tippromwovi l-migrazzjoni ċirkolari ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, jiġifieri, il-moviment tagħhom bejn pajjiż terz u l-UE għal permanenza u xogħol temporanju f'din tal-aħħar. Din it-tip ta' migrazzjoni se tkun potenzjalment ta' benefiċċju għall-pajjiż ta' oriġini, il-pajjiż tal-UE li jilqa' u l-ħaddiem staġonali nnifsu. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jew joħorġu permessi għal aktar minn staġun wieħed jew li japplikaw proċedura ffaċilitata. Il-permessi għal aktar minn staġun wieħed ikopru sa tliet staġuni u għalhekk huma xierqa għal setturi fejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jibqgħu stabbli fuq perjodu ta' żmien.

    Ċittadin ta' pajjiż terz li ma kkonformax mal-obbligi marbuta ma' permanenza preċedenti bħala ħaddiem staġonali għandu jkun eskluż mill-ammissjoni bħala ħaddiem staġonali għal sena waħda jew għal aktar snin sussegwenti.

    Persuna li tħaddem li ma tissodisfax l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol għandha tkun soġġett għal sanzjonijiet u tiġi eskluża mill-possibbiltà li tapplika għal ħaddiema staġonali għal mill-anqas sena waħda.

    Artikolu 13

    Għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet tiġi pprovduta proċedura rapida (30 jum). Il-garanziji proċedurali jinkludu l-possibbiltà ta' sfida legali kontra deċiżjoni ta' rifjut ta' applikazzjoni kif ukoll ir-rekwiżit għall-awtoritajiet li jagħtu r-raġunijiet għal tali deċiżjoni.

    Artikolu 14

    L-Istati Membri għandhom jitolbu lil min jimpjega ħaddiema staġonali jipprovdi evidenza li l-ħaddiem staġonali se jkollu akkomodazzjoni li tiżgura livell ta' għajxien xieraq. Dan ikopri l-każijiet fejn min jimpjega għandu jipprovdi akkomodazzjoni u fejn l-akkomodazzjoni għandha tiġi pprovduta minn parti terza.

    Kapitolu IV: Drittijiet

    Artikolu 15

    Il-permess tax-xogħol staġonali jintitola lid-detentur tiegħu li jidħol u li joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħariġlu l-permess u li jeżerċita l-attività tal-impjieg awtorizzata mill-permess.

    Artikolu 16

    Dan l-Artikolu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga, is-sensja u r-rekwiżiti ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema staġonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali.

    Dan l-Artikolu jagħti wkoll id-drittijiet lill-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi billi jistabbilixxi l-oqsma fejn it-trattament ugwali għal taċ-ċittadini tal-pajjiż għandu jkun żgurat bħala rekwiżit minimu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli. Għaldaqstant, it-trattament ugwali japplika fir-rigward tal-libertà tal-assoċjazzjoni u l-affiljazzjoni u s-sħubija ma' xi organizzazzjoni li tirrapreżenta l-ħaddiema.

    It-trattament ugwali japplika wkoll għas-sigurtà soċjali u jkopri l-benefiċċji definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/04 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma maħsuba biex jistabbilixxu regoli komuni fi ħdan l-UE; biex jirrikonoxxu li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi li jaħdmu legalment fi Stat Membru jikkontribwixxu għall-ekonomija Ewropea permezz tax-xogħol tagħhom u l-pagamenti tat-taxxa; u biex iservu ta' salvagwardja għat-tnaqqis tal-kompetizzjoni inġusta bejn iċ-ċittadini tal-pajjiż u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li tista' tirriżulta minn sfruttament possibbli ta' dawn tal-aħħar.

    Artikolu 17

    Sabiex l-infurzar ikun aktar effettiv, għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi għall-ilmenti. Dawn għandhom ikunu miftuħa mhux biss għall-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, iżda anke għall-partijiet terzi indikati. Dan minħabba r-raġuni li l-evidenza tissuġġerixxi li l-ħaddiema staġonali ħafna drabi jew mhumiex konxji bl-eżistenza ta' dawn il-mekkaniżmi jew inkella joqogħdu lura milli jużawhom f'isimhom, għaliex jibżgħu mill-konsegwenzi f'termini ta' possibilitajiet futuri ta' impjieg. Dispożizzjoni komparabbli hija stipulata fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol.

    Kapitolu V: Dispożizzjonijiet finali

    Dan il-Kapitolu jirregola l-obbligi tal-Istati Membri dwar l-iskambju tad-dejta statistika relevanti u l-informazzjoni li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tad-Direttiva. Hu jispeċifika wkoll l-obbligi tar-rappurtar tal-Kummissjoni Ewropea u d-data meta d-Direttiva tidħol fis-seħħ.

    2010/0210 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg staġonali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(2)(a) u (b) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[3],

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġislattiva lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) Għall-istabbiliment gradwali ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat jipprovdi għal miżuri li għandhom jiġu adottati fl-oqsma tal-asil, l-immigrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    (2) Il-Programm tal-Aja, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u fil-5 ta' Novembru 2004, irrikonoxxa li l-migrazzjoni legali se jkollha rwol importanti fit-titjib tal-iżvilupp tal-ekonomija, u talab lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' politika dwar il-migrazzjoni legali, inklużi l-proċeduri ta' ammissjoni, li kapaċi jwieġbu malajr għat-talbiet li dejjem ivarjaw għall-impjieg tal-migranti fis-suq tax-xogħol.

    (3) Il-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 qabel dwar serje ta' azzjonijiet għall-2007, li jinkludu l-iżvilupp ta' politiki ta' immigrazzjoni legali mmexxijin sew li jirrispettaw bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali, bħala għajnuna għall-Istati Membri biex jilħqu l-ħtiġijiet tax-xogħol eżistenti u futuri. Huwa talab ukoll li jkun hemm mezzi li għandhom jiġu mistħarrġa sabiex jiffaċilitaw il-migrazzjoni temporanja.

    (4) Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008, jesprimi l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha li jmexxu politika ġusta, effettiva u konsistenti biex jiġu ttrattati l-isfidi u l-opportunitajiet ta' migrazzjoni. Il-Patt jifforma l-bażi tal-politika komuni dwar il-migrazzjoni mmexxija bi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri u b'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mwaqfa fuq il-ġestjoni xierqa ta' flussi ta' migrazzjoni, mhux biss fl-interess tal-pajjiżi li jilqgħu iżda anke tal-pajjiżi ta' oriġini u tal-migranti nfushom.

    (5) Il-Programm ta' Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħat tiegħu tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, jirrikonoxxi li l-immigrazzjoni tal-ħaddiema tista' tikkontribwixxi għall-żieda fil-kompetittività u fil-vitalità ekonomika u li, fil-kuntest tal-isfidi demografiċi importanti li ħa taffaċċja l-UE fil-futur b'żieda fit-talba għall-ħaddiema, politiki flessibbli dwar l-immigrazzjoni se jkunu ta' kontribut importanti għall-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-ekonomija tal-Unjoni fuq żmien twil. Hu jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew biex jibqgħu jimplimentaw il-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali[6].

    (6) Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva ta' flussi ta' migrazzjoni għall-kategorija speċifika tal-migrazzjoni temporanja staġonali billi tistabbilixxi regoli ġusti u trasparenti għall-ammissjoni u r-residenza, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi għal inċentivi u salvagwardji biex tipprevjeni li permanenza temporanja ssir waħda permanenti. Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew li tipprovdi għal standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b’residenza illegali[7] se jikkontribwixxu billi jevitaw li tali permanenza temporanja ssir waħda illegali.

    (7) Din id-Direttiva għandha tiġi applikata mingħajr ħsara għall-prinċipju ta' preferenza tal-UE fir-rigward ta' aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri kif espress fid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Atti ta' Adeżjoni.

    (8) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri biex tiddetermina l-volum ta' ammissjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ġejjin minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom għall-iskop ta' impjieg staġonali kif speċifikat fl-Artikolu 79(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    (9) Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-kundizzjonijiet tal-provvista ta' servizzi fil-qafas tal-Artikolu 56 tat-TFUE. B'mod partikolari, din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg li, skont id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-allokazzjoni ta’ ħaddiema fil-qafas tal-provvista ta’ servizzi[8], tapplika għal ħaddiema mibgħuta minn impriżi stabbiliti ġewwa Stat Membru biex jipprovdu servizz fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    (10) L-attivitajiet li jiddependu fuq il-mogħdija tal-istaġuni jinstabu tipikament f'setturi bħall-agrikoltura, matul il-perjodu tat-tħawwil jew tal-ħsad, jew bħat-turiżmu, matul il-perjodu tal-vaganzi.

    (11) Għandu jkun biss possibbli li wieħed japplika għall-ammissjoni bħala ħaddiem staġonali waqt li l-applikant jkun qed joqgħod barra mit-territorju tal-Istati Membri.

    (12) Id-Direttiva m'għandhiex taffettwa, fejn jingħataw, id-drittijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu diġà fuq permanenza legali fi Stat Membru għal raġunijiet ta' xogħol.

    (13) Id-Direttiva għandha tistipula sistema ta' dħul flessibbli bbażata fuq id-domanda u fuq il-kriterji oġġettivi, bħal pereżempju kuntratt validu tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta' impjieg li tispeċifika l-livell ta' remunerazzjoni applikabbli għall-ħaddiema staġonali fis-settur ikkonċernat.

    (14) L-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li jagħmlu test li juri li kariga ma tistax tiġi okkupata minn ġewwa s-suq domestiku tax-xogħol.

    (15) Id-dispożizzjoni għal proċedura unika li twassal għal dokument wieħed ikkombinat li jkopri kemm ir-residenza kif ukoll il-permess tax-xogħol, għandha tikkontribwixxi għal simplifikazzjoni tar-regoli li huma attwalment applikabbli għall-Istati Membri. Dan m'għandux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-awtoritajiet nazzjonali u l-mod kif għandhom ikunu involuti fil-proċedura unika, skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-organizzazzjoni amministrattiva u tal-prattika.

    (16) It-tul ta' żmien tal-permanenza għandu jkun limitat għal perjodu massimu f'kull sena kalendarja li, flimkien mad-definizzjoni tax-xogħol staġonali, għandu jiżgura li x-xogħol huwa ġenwinament ta' natura staġonali. Għandha ssir dispożizzjoni li f'dak it-tul ta' żmien massimu tal-permanenza, ikun possibbli li l-kuntratt jiġi estiż jew li jinbidel min jimpjega. Dan għandu jservi biex jitnaqqsu r-riskji ta' abbużi li l-ħaddiema staġonali jistgħu jaffaċċjaw jekk ikunu marbutin ma' persuna waħda li timpjega u fl-istess ħin biex jipprovdi għal reazzjoni flessibbli għal ħtiġijiet reali ta' forza tax-xogħol ta' min iħaddem.

    (17) Il-migrazzjoni ċirkolari ta' ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi għandha tkun promossa. Sabiex il-ħaddiema staġonali jkollhom prospetti ta' impjieg fl-UE għal perjodi lil hinn minn staġun uniku u biex min jimpjega fl-UE jkun jista' jserraħ fuq forza tax-xogħol aktar stabbli u diġà mħarrġa, għandha tiġi pprovduta l-possibbiltà ta' aċċess għal impjieg staġonali għal diversi snin konsekuttivi, jew permezz ta' permess tax-xogħol għal aktar minn staġun wieħed jew permezz ta' proċedura ffaċilitata. Din il-proċedura għandha tinkludi preferenza fl-ammissjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex ikunu ammessi bħala ħaddiema staġonali għall-ewwel darba jew tul ta' żmien mnaqqas għall-ipproċessar, jew inqas evidenza dokumentarja meħtieġa.

    (18) Għandha tiġi stabbilita ġabra ta’ regoli li japplikaw għall-proċedura tal-eżaminazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-ammissjoni bħala ħaddiem staġonali. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, waqt li jkun ikkunsidrat il-piż normali tax-xogħol tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, kif ukoll trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċertezza legali xierqa lil dawk ikkonċernati.

    (19) Sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema staġonali jkollhom akkomodazzjoni xierqa matul il-permanenza tagħhom, bi prezz raġonevoli, għandha ssir dispożizzjoni li tirrikjedi li min iħaddem għandu jagħti l-evidenza tal-akkomodazzjoni pprovduta minnu jew minn partijiet terzi.

    (20) Meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi u n-natura temporanja tal-kompitu tagħhom, ikun hemm il-ħtieġa li jiġu definiti b'mod ċar il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għal tali ħaddiema sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali billi jiġu indikati dawn il-kundizzjonijiet għall-istrumenti li ġeneralment ikunu vinkolanti li jipprovdu protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi, bħal liġi jew ftehimiet kollettivi applikabbli b'mod universali.

    (21) Fin-nuqqas ta' sistema li tiddikjara l-ftehimiet kollettivi ta' applikazzjoni universali, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw lilhom nfushom fuq ftehimiet kollettivi li huma applikabbli b'mod ġenerali għall-impriżi kollha simili fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernati, u/jew fuq ftehimiet kollettivi li ġew konklużi mill-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati mat-territorju nazzjonali kollu.

    (22) Il-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi għandhom jingħataw trattament ugwali fir-rigward ta' dawk il-fergħat ta' sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/04 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali. Din id-Direttiva m’għandhiex tagħti aktar drittijiet minn dawk diġà pprovduti fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà soċjali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom interessi transkonfinali bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, din id-Direttiva m'għandhiex tiggarantixxi drittijiet relatati ma' sitwazzjonijiet li huma barra mill-ambitu ta' dik il-leġiżlazzjoni tal-UE, bħal pereżempju, lil membri tal-familja li joqogħdu f'pajjiż terz. Dan mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mhux diskriminatorja mill-Istati Membri ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula regoli de minimis dwar il-kontribuzzjonijiet għas-sistemi tal-pensjonijiet.

    (23) Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar, il-partijiet terzi relevanti indikati bħat-trade unions jew assoċjazzjonijiet oħrajn għandhom ikunu kapaċi jressqu lmenti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva. Dan huwa kkunsidrat neċessarju biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema staġonali mhumiex konxji bl-eżistenza tal-mekkaniżmi tal-infurzar jew joqogħdu lura milli jużawhom f'isimhom, għaliex jibżgħu mill-konsegwenzi possibbli.

    (24) Minħabba li l-għanijiet, jiġifieri l-introduzzjoni ta' proċedura speċjali ta' dħul u l-adozzjoni ta' kundizzjonijiet għall-ammissjoni u r-residenza għall-iskop ta' impjieg staġonali minn ċittadini ta' pajjiżi terzi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (25) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (26) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fir-rigward taż-Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    (27) F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I DISPOżIZZJONIJIET ġENERALI

    Artikolu 1 Suġġett

    Din id-Direttiva tiddetermina l-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali u tiddefinixxi d-drittijiet tal-ħaddiema staġonali.

    Artikolu 2 Ambitu

    1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu barra mit-territorju tal-Istati Membri u li japplikaw biex ikunu ammessi fit-territorju ta' Stat Membru għall-iskop ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali.

    2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed iwettqu attivitajiet f'isem impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor fil-qafas ta' provvista ta' servizzi skont it-tifsira tal-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk allokati minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru fil-qafas ta' dispożizzjoni ta' servizzi skont id-Direttiva 96/71/KE.

    Artikolu 3 Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a) "ċittadin ta' pajjiż terz" tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    (b) "ħaddiem staġonali" tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li jżomm domiċilju legali f'pajjiż terz iżda li jkun joqgħod temporanjament fit-territorju ta' Stat Membru għall-iskop ta' impjieg f'settur ta' attività li tiddependi mill-mogħdija tal-istaġuni, skont kuntratt tax-xogħol wieħed jew aktar b'terminu fiss konkluż(i) direttament bejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz u min iħaddem stabbilit fi Stat Membru;

    (c) "attività li tiddependi mill-mogħdija tal-istaġuni" tfisser attività li hija marbuta ma' ċertu żmien tas-sena permezz ta' avveniment jew ta' serje ta' avvenimenti li matulhom il-livelli ta' ħaddiema meħtieġa huma ħafna ogħla minn dawk neċessarji għall-operazzjonijiet kontinwi tas-soltu;

    (d) "permess tax-xogħol staġonali" tfisser l-awtorizzazzjoni li tinkludi l-kliem "ħaddiem staġonali" li tintitola lid-detentur tiegħu li joqgħod u li jaħdem fit-territorju ta' Stat Membru skont it-termini ta' din id-Direttiva;

    (e) "proċedura unika ta’ applikazzjoni" tfisser proċedura li twassal, abbażi ta' applikazzjoni waħda għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza u tax-xogħol ta’ ċittadin ta' pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru, għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni;

    (f) "ftehim kollettiv applikabbli b'mod universali" tfisser ftehim kollettiv li għandu jkun osservat mill-impriżi kollha fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew l-industrija kkonċernati. Fin-nuqqas ta' sistema li tiddikjara li l-ftehimiet kollettivi huma ta' applikazzjoni universali, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw lilhom nfushom fuq ftehimiet kollettivi li huma applikabbli b'mod ġenerali għall-impriżi kollha simili fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernati, u/jew fuq ftehimiet kollettivi li ġew konklużi mill-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati mat-territorju nazzjonali kollu.

    Artikolu 4 Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

    1. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta':

    (a) Id-dritt tal-Unjoni, inklużi ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi bejn l-Unjoni jew bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda u pajjiż terz wieħed jew aktar min-naħa l-oħra;

    (b) ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

    2. Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-persuni li tapplika għalihom fir-rigward tal-Artikoli 13 sa 17 ta' din id-Direttiva.

    KAPITOLU II KUNDIZZJONIJIET GħALL-AMMISSJONI

    Artikolu 5 Kriterji għall-ammissjoni

    1. L-applikazzjonijiet għall-ammissjoni lil Stat Membru skont it-termini tad-Direttiva għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti li ġejjin:

    (a) kuntratt tax-xogħol validu jew, kif previst fil-liġi nazzjonali, offerta vinkolanti ta' impjieg bħala ħaddiem staġonali fl-Istat Membru kkonċernat ma' persuna li timpjega stabbilita fl-Istat Membru li tispeċifika r-rata ta' paga u s-sigħat ta' xogħol fil-ġimgħa jew fix-xahar u, fejn applikabbli, kundizzjonijiet tax-xogħol relevanti oħrajn;

    (b) dokument validu tal-ivvjaġġar, kif determinat mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perjodu tal-validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ikun ikopri mill-anqas it-tul ta'żmien tal-permess ta' residenza;

    (c) evidenza tal-kisba jew, jekk prevista fil-liġi nazzjonali, tal-applikazzjoni għall-assigurazzjoni għall-mard minħabba r-riskji kollha li normalment jkopru liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat fil-perjodi fejn kopertura mit-tali assigurazzjoni u d-dritt għall-benefiċċji korrespondenti mhumiex ipprovduti b'konnessjoni mal-kuntratt tax-xogħol, jew ma jirriżultawx minnu;

    (d) evidenza ta' akkomodazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 14.

    2. L-Istati Membri għandhom jitolbu li l-ħaddiem staġonali jkollu riżorsi suffiċjenti matul il-permanenza tiegħu sabiex imantni lilu nnifsu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

    3. Iċ-ċittadini ta' pajjiż terz li huma kkunsidrati bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika m'għandhomx jiġu ammessi għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 6 Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda

    1. L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għall-ammisjoni fi Stat Membru għall-finijiet ta' din id-Direttiva kull meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jintlaħqux jew kull meta d-dokumenti ppreżentati jinkisbu b'mod frodulenti, jew ikunu ffalsifikati jew imbagħbsa.

    2. L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-post vakanti kkonċernat jistax jimtela minn ċittadin tal-pajjiż jew tal-UE, jew minn ċittadini ta' pajjiż terz li joqogħdu fl-Istat Membru legalment u li jiffurmaw diġà parti mis-suq tax-xogħol tiegħu skont id-dritt tal-UE jew tal-liġi nazzjonali, u jirrifjutaw l-applikazzjoni.

    3. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-persuna li timpjega ġiet issanzjonata f'konformità mal-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali.

    4. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni minħabba raġunijiet ta' volum ta' ammissjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

    Artikolu 7 Irtirar jew nuqqas ta' tiġdid tal-permess

    1. L-Istati Membri għandhom jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess maħruġ fuq il-bażi ta' din id-Direttiva fil-każijiet li ġejjin:

    (a) meta dan ikun inkiseb b'mod frodulenti, jew ikun iffalsifikat, jew imbagħbas;jew

    (b) meta d-detentur ikun qed joqgħod fil-pajjiż għal skopijiet li mhumiex dawk li hu kien awtorizzat li joqgħod għalihom.

    2. L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess maħruġ fuq il-bażi ta' din id-Direttiva fil-każijiet li ġejjin:

    (a) kull fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma ntlaħqux jew mhumiex jintlaħqu aktar;jew

    (b) għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

    KAPITOLU III PROċEDURA U PERMESS

    Artikolu 8 Aċċess għall-informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza, inklużi d-drittijiet u l-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għall-applikazzjoni għar-residenza u x-xogħol fit-territorju ta' Stat Membru bħala ħaddiem staġonali, tkun disponibbli.

    Artikolu 9 Applikazzjonijiet għall-ammissjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk applikazzjoni għandhiex issir minn ċittadin ta' pajjiż terz jew minn min iħaddem.

    2. L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-awtorità kompetenti biex tirċievi l-applikazzjoni u biex toħroġ il-permess tax-xogħol staġonali.

    3. L-applikazzjoni għar-residenza u x-xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiem staġonali għandha tiġi ppreżentata fi proċedura unika ta’ applikazzjoni.

    4. L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti kull faċilità liċ-ċittadin ta' pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għall-ammissjoni ġiet aċċettata biex jikseb il-viża meħtieġa.

    Artikolu 10 Permess tax-xogħol staġonali

    1. Għal permanenzi li jeċċedu t-tliet xhur, il-ħaddiema staġonali li jissodisfaw il-kriterji ta' ammissjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 5 u li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu deċiżjoni pożittiva dwarhom, għandu jinħarġilhom permess tax-xogħol staġonali.

    2. Il-permess tax-xogħol staġonali għandu jinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bl-użu tal-format stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002[9]. F'konformità mal-punt (a) 6.4 tal-Anness għal dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom idaħħlu "ħaddiem staġonali" taħt l-intestatura "tip ta' permess".

    3. L-Istati Membri m’għandhom joħorġu l-ebda dokument addizzjonali lid-detentur tal-permess tax-xogħol staġonali bħala prova tal-aċċess mogħti lilhom fis-suq tax-xogħol.

    Artikolu 11 Tul ta’ żmien tal-permanenza

    1. Il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew joqogħdu għal massimu ta' sitt xhur fi kwalunkwe sena kalendarja, li fi tmiemhom huma għandhom jirritornaw lejn xi pajjiż terz.

    2. Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u sakemm jintlaħqu l-kriterji tal-Artikolu 5, il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew jestendu l-kuntratt tagħhom jew jiġu impjegati bħala ħaddiema staġonali ma' persuna differenti li timpjega.

    Artikolu 12 L-iffaċilitar ta' dħul mill-ġdid

    1. L-Istati Membri għandhom jew:

    (a) mal-applikazzjoni, joħorġu sa tliet permessi għall-ħaddiema staġonali li jkopru sa tliet staġuni sussegwenti fi ħdan att amministrattiv wieħed ("permess tax-xogħol għal aktar minn staġun wieħed"),jew

    (b) jipprovdu proċedura ffaċilitata għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew ammessi f'dak l-Istat Membru bħala ħaddiema staġonali u li applikaw biex jiġu ammessi bħala tali f'sena sussegwenti.

    2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li:

    (a) ċittadin ta' pajjiż terz li ma kienx konformi mal-obbligi li jinħolqu mid-deċiżjoni ta' ammissjoni matul permanenza preċedenti bħala ħaddiem staġonali, u b'mod partikolari mal-obbligu li jirritorna f'pajjiż terz mal-iskadenza tal-permess, għandu jkun eskluż mill-ammissjoni bħala ħaddiem staġonali għal sena waħda jew għal aktar snin sussegwenti;

    (b) persuna li timpjega li ma tkunx issodisfat l-obbligi li jinħolqu mill-kuntratt tax-xogħol għandha tkun soġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u konvinċenti. Tali persuni li jimpjegaw għandhom ikunu esklużi mill-applikazzjonijiet għal ħaddiema staġonali għal sena waħda jew għal aktar snin sussegwenti.

    Artikolu 13 Salvagwardji proċedurali

    1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub, skont il-proċeduri ta' notifika stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, fi żmien 30 jum minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni kompluta.

    2. Fejn l-informazzjoni pprovduta b'appoġġ għall-applikazzjoni ma tkunx xierqa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant f'perjodu raġonevoli dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevali sabiex din tiġi pprovduta.

    3. Kwalunkwe deċiżjoni ta' rifjut ta' applikazzjoni, jew kwalunkwe deċiżjoni biex ma jiġġeddidx jew biex jiġi rtirat il-permess, għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-applikant u għandha tkun miftuħa għal sfida legali fl-Istat Membru kkonċernat skont il-liġi nazzjonali. In-notifika għandha tispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni, il-proċeduri possibbli ta' rimedju disponibbli u l-limitu ta' żmien biex tittieħed dik l-azzjoni.

    Artikolu 14 Akkomodazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li min jimpjega l-ħaddiema staġonali jipprovdi evidenza li l-ħaddiem staġonali se jibbenefika minn akkomodazzjoni li tiżgura livell ta' għajxien xieraq. Jekk il-ħaddiema staġonali huma mistennija li jħallsu r-renta għal din l-akkomodazzjoni, il-valur tagħha m'għandux ikun eċċessiv f'paragun mar-remunerazzjoni tagħhom.

    KAPITOLU IV DRITTIJIET

    Artikolu 15 Drittijiet fuq il-bażi tal-permess tax-xogħol staġonali/viża

    Matul il-perjodu ta' validità ta' permess tax-xogħol staġonali, id-detentur għandu mill-inqas igawdi mid-drittijiet li ġejjin:

    (a) id-dritt li jidħol u li joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess;

    (b) aċċess liberu għat-territorju kollu tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess fil-limiti li hemm ipprovdut dwarhom fil-liġi nazzjonali;

    (c) id-dritt li jeżerċita l-attività konkreta tal-impjieg li ġiet awtorizzata skont il-permess f'konformità mal-liġi nazzjonali.

    Artikolu 16 Drittijiet

    Tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg, il-ħaddiema staġonali għandhom ikunu intitolati għal:

    1. kundizzjonijiet tax-xogħol, li jinkludu l-paga u s-sensja kif ukoll ir-rekwiżiti ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, applikabbli għax-xogħol staġonali kif stabbilit mid- dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji jew amministrattivi u/jew minn ftehimiet kollettivi applikabbli b'mod universali fl-Istat Membru fejn kienu ġew ammessi skont din id-Direttiva.

    Fin-nuqqas ta' sistema li tiddikjara li l-ftehimiet kollettivi huma ta' applikazzjoni universali, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw lilhom nfushom fuq ftehimiet kollettivi li huma applikabbli b'mod ġenerali għall-impriżi kollha simili fiż-żona ġeografika u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernati, u/jew fuq ftehimiet kollettivi li ġew konklużi mill-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati mat-territorju nazzjonali kollu;

    2. trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li qed jilqa' mill-anqas fir-rigward ta':

    (a) il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-affiljazzjoni u s-sħubija ma' organizzazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema jew ma' kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha jkunu jwettqu xi xogħol speċifiku, inklużi l-benefiċċji konferiti minn dawn l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika;

    (b) id-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali rigward il-fergħat ta' sigurtà soċjali kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/04 ;

    (c) il-ħlas ta' pensjonijiet statutarji bbażati fuq l-impjieg preċedenti tal-ħaddiem skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati meta jiċċaqalqu għal pajjiż terz;

    (d) l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u l-provvista tal-prodotti u s-servizzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, minbarra l-akkomodazzjoni pubblika u s-servizzi ta' konsultazzjoni li jistgħu jingħataw mis-servizzi tal-impjiegi.

    Id-dritt għal trattament ugwali kif stipulat fil-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew li jirrifjuta li jġedded il-permess f'konformità mal-Artikolu 7.

    Artikolu 17 L-iffaċilitar ta’ lmenti

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet terzi li għandhom, skont il-kriterji stabbiliti mil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ din id-Direttiva, jistgħu, jew f’isem il-ħaddiem staġonali, jew b’appoġġ għalih, jintervjenu fi kwalunkwe proċeduri amministrattivi jew ċivili preskritti permezz tal-għan tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

    KAPITOLU V DISPOżIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 18 Statistika

    1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-istatistika dwar in-numru ta' permessi ta' residenza u ta' viżi li nħarġu għall-ewwel darba jew li ġġeddew u, sa fejn hu possibbli, dwar in-numru ta' permessi ta' residenza u ta' viżi li ġew irtirati għall-iskop ta' impjieg staġonali lil persuni li huma ċittadini ta' pajjiż terz, mqassma skont iċ-ċittadinanza, l-età u s-sess, it-tul ta' validità tal-permess u s-settur ekonomiku.

    2. L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[10].

    3. L-istatistika indikata fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perjodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja u għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta' referenza għandha tkun [ is-sena ta' wara l-punt taż-żmien indikat fl-Artikolu 20(1) ].

    Artikolu 19 Rapportar

    Kull tliet snin, u għall-ewwel darba mhux aktar tard minn [tliet snin wara d-data ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva] , il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi kwalunkwe emendi li huma neċessarji.

    Artikolu 20 Traspożizzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn (24 xahar mid-data tal-publikazzjoni f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) . Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma se jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 21 Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 22 Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, […]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] COM(2007) 637 u 638, 23.10.2007.

    [2] ĠU C 274 19.9.1996, pġ. 3.

    [3] ĠU C , , p. .

    [4] ĠU C , , p. .

    [5] ĠU C , , p. .

    [6] COM(2005) 669.

    [7] ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

    [8] ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

    [9] ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

    [10] ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

    Top