Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0321

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra

    /* KUMM/2010/0321 finali - NLE 2010/0172 */

    52010PC0321

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra /* KUMM/2010/0321 finali - NLE 2010/0172 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 22.6.2010

    KUMM(2010)321 finali

    2010/0172 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-iffirmar ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Il-Ftehimiet Ewro-Mediterranji fihom dispożizzjonijiet li jilliberalizzaw il-kummerċ fil-prodotti, iżda r-regoli dwar is-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għat-tilwimiet li jolqtu lil dawn id-dispożizzjonijiet iserrħu prinċipalment fuq strateġija diplomatika u l-parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tista' faċilment timblukkahom.

    2. Fil-kuntest tat-twessigħ u l-aġġornament tar-relazzjonijiet kummerċjali Ewro-Mediterranji, inħass opportun li jinħoloq mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għat-tilwimiet kummerċjali msejjes fuq proċeduri effettivi u standardizzati li jitħaddmu fi ħdan limiti ta' żmien ċari, u li jkun imsawwar fuq il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-aktar ftehimiet riċenti konklużi mill-Unjoni Ewropea u fuq il-Ftehim tad-WTO dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim (WTO DSU). Mekkaniżmu ta' dan it-tip ikabbar is-sigurtà u l-prevedibbiltà tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali tagħna. Għal dan il-għan fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika ta’ Ġirien Ewropej ta’ bejn l-UE u l-Ġordan il-partijiet ftiehmu li jelaboraw regoli ta’ proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim.

    3. Fl-24 ta' Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-imsieħba tagħha mir-reġjun tal-Mediterran biex tistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali (id-dokument 6489/06 MED 4 WTO 37).

    4. Il-Kummissjoni nnegozjat ma' għadd ta' msieħba Mediterranji, fuq bażi reġjonali u bilaterali. Dawn in-negozjati seħħew b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 207 tat-Trattat u fi ħdan il-qafas tad-direttivi dwar in-negozjati maħruġa mill-Kunsill.

    5. In-negozjati mal-Ġordan imxew 'il quddiem sew, u rriżultaw f'abbozz ta' Ftehim imniedi matul il-Konferenza Ministerjali Kummerċjali Ewro-Mediterranji li ttellgħet fi Brussell nhar id-9 ta' Diċembru 2009. Dan il-Ftehim isegwi l-mudell tal-kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan in-negozjati attwali tal-FTA, u huwa msejjes fuq il-Ftehim tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, adattat għal kuntest bilaterali. L-ambitu tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jinkludi t-Titolu II tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan, bl-eċċezzjoni tas-soltu tal-artikolu dwar l-antidumping. Il-Ftehim dwar il-liberalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, li ngħata bidu fl-14 ta' Diċembru 2009, huwa kopert ukoll. It-test jipprevedi wkoll proċeduri effettivi u standardizzati (inkluż fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bord u l-proċeduri ta' konformità) b'limiti ta' żmien ċari. Fih ukoll opportunitajiet sabiex jiġu solvuti t-tilwimiet qabel ma jiġi stabbilit bord, permezz ta' konsultazzjonijiet u medjazzjoni. Fl-aħħar nett, it-test jinkorpora fih regoli dwar it-trasparenza u n-nuqqas ta' ħabi (seduti ta' smigħ pubbliċi, komunikazzjonijiet amicus curiae , pubblikazzjonijiet tar-rapport tal-bord), kif ukoll artikolu dwar ir-relazzjoni mal-Ftehim tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO.

    6. Għalhekk il-Kummissjoni mistiedna tadotta l-proposta mehmuża għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

    7. B'mod parallel, qed tiġi ppreżentata wkoll proposta separata dwar il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim.

    2010/0172 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza l-iffirmar ta' Ftehim fl-għamla ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjoni tal-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1) Fl-24 ta' Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-imsieħba tagħha mir-reġjun tal-Mediterran biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta' tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali.

    (2) In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 207 tat-Trattat u fi ħdan il-qafas tad-direttivi dwar in-negozjati maħruġa mill-Kunsill.

    (3) Dawn in-negozjati ġew konklużi u fid-9 ta' Diċembru 2009 ngħata bidu Ftehim fl-għamla ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra (minn issa 'l quddiem il-Ftehim).

    (4) Dan il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim fl-għamla ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan li jistabbilixxi mekkaniżmu tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal tilwim li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra, huwa permezz ta' dan ta' hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż f'Anness ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa permezz ta' dan ta' hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuna/persuni li għandha/għandhom is-setgħa tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    PROTOKOLL BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-RENJU ĦAXEMITA TAL-ĠORDAN LI JISTABBILIXXI MEKKANIżMU TAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM APPLIKABBLI GħAL TILWIM LI JAQA' TAħT ID-DISPOżIZZJONIJIET KUMMERċJALI TAL-FTEHIM EURO-MEDITERRANJU LI JISTABBILIXXI ASSOċJAZZJONI BEJN IL-KOMUNITAJIET EWROPEJ U L-ISTATI MEMBRI TAGħHOM, MINN NAħA WAħDA, U R-RENJU ĦAXEMITA TAL-ĠORDAN MIN-NAħA L-OħRA

    L-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u

    Ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra

    FTIEHMU KIF GEJ:

    KAPITOLU I

    GĦAN U AMBITU

    Artikolu 1

    Għan

    L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li tkun evitata u tiġi solvuta kwalunkwe tilwima kummerċjali bejn il-Partijiet sabiex, fejn ikun possibbli, tintlaħaq soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni tal-Protokoll

    1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll japplikaw fir-rigward ta' kwalunkwe differenza li għandha x'taqsam mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 23) tal-Ftehim Euro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan min-naħa l-oħra (minn issa 'l quddiem "il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni), ħlief fejn previst speċifikament mod ieħor.[1] L-Artikolu 97 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni japplika għat-tilwim relatat mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

    2. Il-proċeduri ta' dan il-Protokoll għandhom japplikaw jekk, 60 jum wara li tilwima tkun tressqet quddiem il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 97 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma jkunx irnexxielu jsolvi t-tilwima.

    3. Għall-għanijiet tal-Paragrafu 2, tilwima għandha titqies solvuta meta l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun ħa deċiżjoni kif provdut fl-Artikolu 97.2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, jew meta jkun stqarr li ma jkunx għad hemm tilwima.

    KAPITOLU II

    KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

    Artikolu 3

    Konsultazzjonijiet

    1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex isolvu kwalunkwe differenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiiet imsemmija fl-Artikolu 2 billi jidħlu f’konsultazzjonijiet in bona fede bil-għan li jilħqu soluzzjoni f'waqtha, ekwitabbli, u li dwarha jkunu jaqblu ż-żewġ naħat.

    2. Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b’kopja mibgħuta lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", li tidentifika kwalunkwe miżura inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li hi tikkunsidra applikabbli.

    3. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien 40 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba u għandhom iseħħu, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fit-territorju tal-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 60 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba, sakemm iż-żewg Partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, b'mod partikolari l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet meħuda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla ħsara għad-drittijiet ta' kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċediment ulterjuri.

    4. Konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ urġenza, inklużi dawk dwar prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, għandhom isiru fi żmien 15-il jum minn dakinhar li tasal it-talba, u għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun waslet it-talba.

    5. Jekk il-Parti li lilha tkun saret it-talba ma tweġibx għat-talba sabiex isiru l-konsultazzjonijiet fi żmien 10 jum tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jitwettqux fi ħdan l-oqfsa ta' żmien stabbiliti fil-Paragrafu 3 jew fil-Paragrafu 4 rispettivament, jew jekk il-konsultazzjonijiet ikunu ġew konklużi u l-ebda ftehim ma jkun intlaħaq dwar soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista' titlob li jitwaqqaf bord ta' arbitraġġ skont l-Artikolu 5.

    Artikolu 4

    Medjazzjoni

    1. Jekk il-konsultazzjonijiet jonqsu milli jwasslu għal soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jirrikorru għal medjatur. Kull talba għall-medjazzjoni għandha ssir bil-miktub lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" u din għandha tistqarr kwalunkwe miżura li kienet is-suġġett tal-konsultazzjonijiet kif ukoll it-termini ta’ referenza għall-medjazzjoni li dwarhom ikun hemm qbil reċiproku. Kull Parti timpenja ruħha li tagħti konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għal medjazzjoni.

    2. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux rigward medjatur fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba għall-medjazzjoni, il-presidenti tas-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu bix-xorti medjatur mill-grupp ta' individwi li jkunu qegħdin fil-lista msemmija fl-Artikolu 19 u li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet. L-għażla għandha ssir fi żmien għaxart ijiem (10) tax-xogħol minn dakinhar li tkun waslet it-talba ghall-medjazzjoni. Il-medjatur għandu jorganizza laqgħa mal-Partijiet mhux aktar tard minn 30 jum wara li jintgħażel. Il-medjatur għandu jirċievi s-sottomissjonijiet ta' kull Parti sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa u jista' jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-Partijiet jew mingħand l-esperti jew il-konsulenti tekniċi skont il-ħtiega li jħoss/tħoss. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b'dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom. Il-medjatur għandu jinnotifika opinjoni sa mhux aktar tard minn 45 jum wara li jintgħażel.

    3. L-opinjoni tal-medjatur tista’ tinkludi rakkomandazzjoni dwar kif tiġi solvuta t-tilwima b'konsistenza mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. L-opinjoni tal-medjatur mhijiex vinkolanti.

    4. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jemendaw il-limiti ta’ żmien li jissemmew fil-Paragrafu 2. Il-medjatur jista' jiddeċiedi wkoll li jemenda dawn il-limiti ta' żmien fuq it-talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, meta jitqiesu d-diffikultajiet partikolari li tgħaddi minnhom il-Parti kkonċernata jew il-komplessitajiet tal-każ.

    5. Il-proċedimenti li jinvolvu medjazzjoni, b'mod partikolari l-opinjoni tal-medjatur u l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet mittieħda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla preġudizzju għad-drittijiet ta' kwalunkwe Parti fi kwalunwe proċediment ulterjuri.

    6. Jekk il-Partijiet jaqblu, il-proċeduri għall-medjazzjoni jistgħu jitkomplew filwaqt li tipproċedi l-proċedura tal-arbitraġġ.

    7. Medjatur jista' jiġi sostitwit biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-Regoli 18 sa 21 tar-Regoli ta' Proċedura.

    KAPITOLU III

    PROĊEDURI GĦAS-SOLUZZJONI TAT-TILWIM

    TAQSIMA I – IL-PROĊEDURA TA' ARBITRAĠĠ

    Artikolu 5

    Il-bidu tal-proċedura ta' arbitraġġ

    1. Meta l-Partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima billi jirrikorru għall-konsultazzjonijiet, kif jistipula l-Artikolu 3, jew billi jirrikorru għall-medjazzjoni, kif jistipula l-Artikolu 4, il-Parti li tkun għamlet l-ilment tista’ titlob li jiġi stabbilit bord ta' arbitraġġ.

    2. It-talba li jiġi stabbilit bord ta' arbitraġġ għandha ssir bil-miktub lill-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment". Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni, u għandha tispjega kif miżura bħal din tikkostitwixxi ksur mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. It-twaqqif ta' bord ta' arbitraġġ għandu jintalab mhux aktar tard minn 18-il xahar mid-data ta' meta tasal it-talba għall-konsultazzjonijiet, bla ħsara għad-drittijiet tal-Parti li tressaq l-ilment biex tirrikjedi konsultazzjonijiet ġodda dwar l-istess kwistjoni fil-futur.

    Artikolu 6

    It-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

    2. Fi żmien għaxart ijiem (10) tax-xogħol minn dakinhar li l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet it-talba għat-twaqqif ta' bord tal-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jaslu għal ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    3. Fil-każ li l-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kompożizzjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-Paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob lill-presidenti tas-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", jew id-delegat tal-presidenti, sabiex jagħżlu t-tliet membri kollha bix-xorti mil-lista stabbilita fl-Artikolu 19, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li tkun ressqet l-ilment, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li jkun sar l-ilment fil-konfront tagħha u persuna waħda minn fost l-individwi magħżula mill-Partijiet biex tagħmilha ta’ President. Fejn il-Partijiet jaqblu dwar membru wieħed jew aktar tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe membri li jkun fadal għandhom jintgħażlu bl-istess proċedura.

    4. Il-presidenti tas-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", jew id-delegat tal-presidenti, għandhom jagħżlu l-arbitri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mit-talba msemmija fil-Paragrafu 3 minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet.

    5. Id-data meta jitwaqqaf il-bord tal-arbitraġġ għandha tkun id-data meta jintgħażlu t-tliet arbitri.

    6. L-arbitri jistgħu jiġu sostitwiti biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-Regoli 18 sa 21 tar-Regoli ta' Proċedura.

    Artikolu 7

    Rapport interim tal-bord

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jippubblika rapport interim lill-Partijiet li jistabbilixxi s-sejbiet ta' fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relevanti u r-razzjonal bażiku li fuqu jserrħu kwalunkwe sejba u rakkommandazzjoni magħmula minnu, sa mhux aktar tard minn 120 jum minn dakinhar li jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ. Kwalunkwe Parti tista' tressaq talba bil-miktub għall-analiżi min-naħa tal-bord tal-arbitraġġ ta' aspetti preċiżi tar-rapport interim fi żmien 15-il jum meta dan ikun ġie nnotifikat. Is-sejbiet tad-deċiżjoni finali tal-bord għandhom jinkludu diskussjoni dwar l-argumenti li jkunu saru fl-istadju interim tal-analiżi.

    Artikolu 8

    Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" fi żmien 150 jum minn dakinhar li jkun twaqqaf il-bord tal arbitraġġ. Fejn iqis li din l-iskadenza ta' żmien ma tistax tinlaħaq, il-president tal-bord tal-arbitraġġ jeħtieġlu jinnotifika bil-miktub lill-Partijiet u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", fejn jistqarr ir-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord ikun beħsiebu jikkonkludi ħidmietu. Fl-ebda ċirkostanza, id-deċiżjoni m'għandha tiġi nnotifikata aktar tard min 180 jum minn meta jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ.

    2. F’każi ta’ urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz sabiex jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 75 jum mid-data tat-twaqqif tiegħu. Fl-ebda ċirkostanza m'għandu jieħu aktar minn 90 jum minn meta jkun twaqqaf. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk ikunx jidhirlu li l-każ ikun urġenti fi żmien għaxart ijiem (10) mit-twaqqif tiegħu.

    3. Il-bord tal-arbitraġġ għandu, fuq talba taż-żewġ Partijiet, jissospendi ħidmietu f'kwalunkwe punt ta' żmien għal perjodu li jkunu qablu dwaru l-Partijiet li ma jistax jiskorri t-12-il xahar u għandu jkompli b'ħidmietu fi tmiem dan il-perjodu miftiehem fuq talba tal-Parti li tkun ressqet l-ilment. Jekk il-Parti li tkun ressqet l-ilment ma titlobx li titkompla l-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta' sospensjoni li jkun sar qbil dwaru, il-proċedura għandha tintemm. Is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ isiru bla preġudizzju għad-drittijiet ta' kull waħda mill-Partijiet f'xi proċediment ieħor dwar l-istess kwistjoni.

    TAQSIMA II – KONFORMITÀ

    Artikolu 9

    Konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    Kull Parti għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, u l-Partijiet jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqblu dwar il-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jikkonformaw mad-deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Perjodu ta' żmien raġonevoli għall-konformità

    1. Mhux aktar tard minn 30 jum wara li l-Partijiet ikunu rċevew in-notifika tad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti li tkun ressqet l-ilment u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" dwar iż-żmien li se tkun teħtieġ biex tikkonforma ruħha (perjodu raġonevoli ta’ żmien), jekk ma jkunx possibbli li tikkonforma ruħha minnufih.

    2. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet rigward il-perjodu raġonevoli ta’ żmien biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li tkun ressqet l-ilment, fi żmien 20 jum minn meta l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet in-notifika li tkun saret skont il-Paragrafu 1, għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddetermina t-tul tal-perjodu ragonevoli ta’ żmien. Din it-talba għandha fl-istess ħin tiġi notifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment". Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba.

    3. Il-perjodu raġonevoli ta’ żmien jista’ jiġi estiż permezz ta' qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 11

    Analiżi ta' kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet għall-konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu raġonevoli ta' żmien.

    2. F'każ li ma jkunx hemm qbil bejn il-Partijiet rigward l-eżistenza jew il-konsistenza ta' kwalunkwe miżura notifikata skont il-Paragrafu 1 mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun qed tressaq l-ilment tista' titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Talba ta' dan it-tip għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u għandha tispjega kif miżura bħal din mhix konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 90 jum minn meta tkun tressqet it-talba. F'każi ta' urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 45 jum minn meta tkun tressqet it-talba.

    Artikolu 12

    Rimedji temporanji f'każ ta' nuqqas ta' konformità

    1. Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment tonqos milli tinnotifika kwalunkwe miżura mittieħda sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perjodu ta' żmien raġonevoli, jew jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura notifikata skont l-Artikolu 11 Paragrafu 1 ma tkunx konsistenti mal-obbligi ta' dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha, jekk tkun mitluba tagħmel dan mill-Parti li tkun qed tressaq l-ilment, tagħmel offerta għal kumpens temporanju. Il-Parti li tressaq l-ilment tista' titlob għal offerta bħal din ukoll qabel l-iskadenza tal-perjodu raġonevoli ta' żmien.

    2. Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil dwar il-kumpens fi żmien 30 jum wara li jintemm il-perjodu raġonevoli ta' żmien jew mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 11 li miżura mittieħda għall-konformità tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tkun intitolata, wara li jiġu notifikati l-Parti l-oħra u s-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", li tissospendi l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fuq livell ekwivalenti għal dak imxejjen jew imħassar mill-vjolazzjoni. Meta tadotta miżuri bħal dawn il-Parti li tressaq l-ilment għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija tal-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment. Il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista' timplimenta s-sospensjoni għaxart ijiem (10) wara d-data meta tkun irċeviet in-notifika mill-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment, sakemm il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment ma tkunx talbet l-arbitraġġ skont il-Paragrafu 3.

    3. Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment tqis li l-livell ta' sospensjoni ma jkunx ekwivalenti għat-tixjin jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni, din tista' titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Talba ta' dan it-tip għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" qabel jiskadi l-perjodu ta' għaxart ijiem (10) tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu 2. Il-bord tal-arbitraġġ, wara li jitlob, jekk tkun xierqa, l-opinjoni tal-esperti, għandu, fi żmien 30 jum minn meta tkun tressqet it-talba, jinnotifika lill-Partijiet u lill-entità istituzzjonali responsabbli mill-kwistjonijiet kummerċjali, dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward il-livell tas-sospensjoni tal-obbligi. L-obbligi m'għandhomx jiġu sospiżi sakemm il-bord tal-arbitraġġ jagħti n-notifika dwar id-deċiżjoni tiegħu, u kull sospensjoni għandha tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-istess bord.

    4. Is-sospensjoni tal-obbligi għandha tkun temporanja u għandha tiġi applikata biss sakemm kwalunkwe miżura li tinstab li tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex tinġieb f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif inhu stabbilit skont l-Artikolu 13, jew sakemm il-Partijiet ikunu qablu li jsolvu t-tilwima.

    Artikolu 13

    Analiżi ta' kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet għall-konformità wara s-sospensjoni tal-obbligi

    1. Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" b'kull miżura li tkun ħadet sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ u bit-talba tagħha sabiex tintemm is-sospensjoni tal-obbligi applikati mill-Parti li tkun ressqet l-ilment.

    2. Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 fi żmien 30 jum minn dakinhar li tkun waslet in-notifika, il-Parti li tkun ressqet l-ilment għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Din it-talba għandha fl-istess ħin tiġi notifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment". Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal"l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" fi żmien 45 jum minn meta tkun tressqet it-talba. Jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li kwalunkwe miżura li tkun ittieħdet għal għanijiet ta' konformità tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, is-sospensjoni tal-obbligi għandha tintemm.

    TAQSIMA III – DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

    Artikolu 14

    Soluzzjoni Miftiehma bejn iż-Żewġ Naħat

    F'kull waqt, il-Partijiet jistgħu jilħqu soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat għal tilwima li taqa' taħt dan il-Protokoll. Huma għandhom jinnotifikaw lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" u lill-bord tal-arbitraġġ dwar kwalunkwe soluzzjoni ta' dan it-tip. Malli jiġi nnotifikat dwar is-soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat, il-bord għandu jtemm ħidmietu u l-proċedura għandha tintemm.

    Artikolu 15

    Ir-Regoli ta' Proċedura

    1. Il-proċeduri intiżi għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Kapitolu III ta' dan il-Protokoll għandhom jiġu regolarizzati permezz tar-Regoli ta' Proċedura annessi ma' dan il-Protokoll.

    2. Kull laqgħa tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun miftuħa għall-pubbliku skont ir-Regoli ta' Proċedura, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

    Artikolu 16

    Informazzjoni u pariri tekniċi

    1. B'inizjattiva tiegħu stess, inkella fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ jista' jikseb informazzjoni li jqis xierqa għall-proċediment tal-istess bord. B'mod partikolari, il-bord tal-arbitraġġ għandu d-dritt li jfittex l-opinjoni rilevanti tal-esperti. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jikkonsulta l-Partijiet qabel jagħżel esperti bħal dawn. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b'dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom.

    2. Persuni interessati stabbiliti fil-Partijiet huma awtorizzati jippreżentaw struzzjonijiet amicus curiae lill-bordijiet tal-arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Proċedura.

    Artikolu 17

    Ir-Regoli ta' Interpretazzjoni

    Kull bord tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont ir-regoli konswetudinali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi pprovduti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 18

    Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ

    1. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex kull deċiżjoni li jieħu tkun b’kunsens. Fejn, madankollu, deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b'kunsens, il-kwistjoni kkonċernata għandha tinqata' b'vot maġġoritarju. Madankollu, fl-ebda każ m'għandhom jiġu ppubblikati l-opinjonijiet tal-arbitri li ma jaqblux.

    2. Kull deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun torbot lill-Partijiet u m'għandha toħloq l-ebda dritt jew obbligu għal persuni naturali jew ġuridiċi. Id-deċiżjoni għandha tistipula s-sejbiet tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u r-razzjonal bażiku wara s-sejbiet u l-konklużjonijiet li tagħmel. Is-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" għandu jagħmel id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ disponibbli pubblikament fl-intier tagħha sakemm dan ma jiddeċidix li ma jagħmilx hekk ħalli jiżgura l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 19

    Listi ta' arbitri

    1. Is-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" għandu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dhul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll, jistabbilixxi lista ta' mill-anqas 15-il individwu li jkunu lesti u kapaċi jservu ta' arbitri. Kull waħda mill-Partijiet għandha tipproponi mill-anqas ħames individwi biex iservu ta’ arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħżlu wkoll tal-anqas ħames individwi li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet u li għandhom jagħmluha ta’ president tal-bord tal-arbitraġġ. Is-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" għandu jiżgura li l-lista tinżamm dejjem fuq dan il-livell.

    2. L-arbitri għandu jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza fid-dritt u fil-kummerċ internazzjonali. Dawn għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jieħdux struzzjonijiet minn kwalunkwe organizzazzjoni jew gvern, u lanqas ma jkunu affiljati mal-gvern ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi tal-Kondotta annessa ma' dan il-Protokoll.

    3. Is-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" jista’ jistabbilixxi listi addizzjonali ta’ mill-anqas 15-il individwu li jkollhom kompetenza esperta settorjali fi kwistjonijiet speċifiċi koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Meta jsir rikors għall-proċedura tal-għażla tal-Artikolu 6 Paragrafu 2, il-presidenti tas-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" jistgħu jużaw lista settorjali bil-qbil taż-żewġ Partijiet.

    Artikolu 20

    Ir-relazzjoni mal-obbligi tad-WTO

    1. Ir-rikors għad-dispożizzjonijiet tas-soluzzjoni tat-tilwim ta' dan il-Protokoll għandu jkun bla ħsara għal kwalunkwe azzjoni fil-qafas tad-WTO, inkluża azzjoni ta' soluzzjoni tat-tilwim.

    2. Minkejja dan, meta Parti, fir-rigward ta' miżura partikolari, tkun introduċiet proċediment ta' soluzzjoni tat-tilwim, sew jekk skont dan il-Protokoll sew jekk skont il-Ftehim tad-WTO, hija ma tistax tintroduċi proċediment ta' soluzzjoni tat-tilwim fir-rigward ral-istess miżura fil-forum l-ieħor qabel ma jintemm l-ewwel proċediment. Flimkien ma' dan, Parti ma għandhiex tfittex rimedju għal ksur ta' obbligu li huwa identiku skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u skont il-Ftehim tad-WTOI fiż-żewġ fora. F'każ bħal dan, ladarba jkun tnieda proċediment ta' soluzzjoni tat-tilwim, il-Parti ma għandhiex tressaq klejm li tfittex rimedju għall-ksur ta' obbligu identiku taħt il-kappa tal-ftehim l-ieħor lill-forum l-ieħor, ħlief jekk il-forum magħżul ma jirnexxilux minħabba raġunijiet proċedurali jew ġuridiċi li jagħmel sejbiet dwar il-klejm li qed tfittex rimedju ta' dak l-obbligu.

    3. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 2,

    - proċedimenti ta' soluzzjoni tat-tilwim li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ftehim tad-WTO huma meqjusa li ngħataw bidu fuq talba tal-Parti għat-twaqqif ta' bord skont l-Artikolu 6 tal-Fehma tar-Regoli u l-Proċeduri li Jamministraw is-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (DSU) u huma meqjusa li ntemmu meta l-Korp ta' Soluzzjoni tat-Tilwim jadotta r-rapport tal-Bord, u r-rapport tal-Entità tal-Appell skont il-każ, skont l-Artikoli 16 u 17(14) tad-DSU;

    - il-proċedimenti ta' soluzzjoni tat-tilwim li jaqgħu taħt dan il-Protokoll jitqiesu li ngħataw bidu permezz ta' talba tal-Parti għat-twaqqif ta' bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 5 l-paragrafu 1 u jitqiesu li ntemmu meta l-bord tal-arbitraġġ jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" skont l-Artikolu 8.

    4. F'dan il-Protokoll xejn ma jżomm Parti milli timplimenta s-sospenzjoni ta' obbligi awtorizzati mill-Entità tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. Il-Ftehim tad-WTO m'għandux jiġi invokat sabiex iżomm lil xi Parti milli tissospendi l-obbligi skont dan il-Protokoll.

    Artikolu 21

    Il-limiti taż-żmien

    1. Il-limiti kollha ta’ żmien stabbiliti f’dan il-Protokoll, inklużi l-limiti biex il-bordijiet tal- arbitraġġ jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li jkunu qed jirreferu għalih, sakemm ma jkunx ġie speċifikat mod ieħor.

    2. Kwalunkwe limitu taż-żmien imsemmi f'dan il-Protokoll jista' jiġi modifikat bi ftehim reċiproku tal-Partijiet. Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jagħtu konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għall-estenzjonijiet ta' kull limitu ta' żmien li jsiru minħabba diffikultajiet li kwalunkwe Parti taf tħabbat wiċċha magħhom biex tikkonforma mal-proċeduri ta' dan il-Protokoll. Fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ jista' jimmodifika l-limiti ta' żmien applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jqis il-livell differenti ta' żvilupp tal-Partijiet.

    Artikolu 22

    Reviżjoni u Modifika tal-Protokoll

    1. Wara li jidħlu fis-seħħ dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista', f'kull żmien, jirrevedi l-implimentazzjoni tagħhom, bil-ħsieb li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni, il-modifika jew it-tmiem tagħhom.

    2. F'din ir-reviżjoni, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jqis il-possibbiltà li joħloq Entità tal-Appell komuni għal għadd ta' Ftehimiet Ewro-Mediterranji.

    3. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jimmodifika dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu.

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ

    Dan il-protokoll għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom. Dan il-protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f'dan l-Artikolu jkunu tlestew.

    Magħmul fi …………., fuq żewġ kopji, fil- ..........................2010, fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Għarbija, kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku daqs l-ieħor.

    Għall-Unjoni Ewropea Għar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

    […] […]

    ANNESSI

    ANNESS I: REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    ANNESS II: KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI

    ANNESS I

    REGOLI TA’ PROĊEDURA

    GĦALL-ARBITRAĠĠ

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    1. F’dan il-Protokoll u skont dawn ir-regoli:

    “konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti fil-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ;

    “il-Parti li tressaq l-ilment” tfisser kwalunkwe Parti li titlob it-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll;

    “il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment” tfisser il-Parti li qiegħed ikun allegat li qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dan il-Protokoll;

    “il-bord tal-arbitraġġ" tfisser bord imwaqqaf skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll;

    “rappreżentant ta’ Parti” tfisser persuna impjegata jew kwalunkwe persuna maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta' xi waħda mill-Partijiet;

    “jum” ifisser jum kalendarju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    2. Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwima, b’mod partikulari l-organizzazzjoni tas-seduti ta' smigħ tal-każ, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor. Madankollu, l-Unjoni Ewropea għandha tifdi l-ispejjeż konnessi mal-kwistjonijiet kollha organizzattivi fir-rigward tal-konsulenzi, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ, bl-eċċezzjoni tar-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-medjaturi u l-arbitri, li għandhom jinqasmu.

    NOTIFIKI

    3. Il-Partijiet u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jgħaddu kull talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew kull dokument ieħor permezz tal-posta elettronika, b'kopja mibgħuta fl-istess jum bil-faks, bil-posta reġistrata, b'kurrier, bi twassil li għalih tintalab riċevuta, jew bi kwalunkwe mezz ieħor tat-telekomunikazzjoni li jipprovdi prova li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor, messaġġ mibgħut bil-posta elettronika għandu jitqies li jasal fl-istess jum meta jkun intbagħat.

    4. Parti għandha tipprovdi kopja elettronika ta’ kull sottomissjoni bil-miktub lill-Parti l-oħra u lil kull wieħed mill-arbitri. Kopja stampata tad-dokument għandha tiġi provduta wkoll.

    5. In-notifiki kollha għandhom ikunu indirizzati lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġordan u lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea, rispettivament.

    6. Żbalji żgħar ta’ natura klerikali li jsiru fi kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċeduri tal-bord tal-arbitraġġ jistgħu jitranġaw billi jintbagħat dokument ġdid li jindika b’mod ċar fejn ikunu saru l-bidliet.

    7. Jekk l-aħħar jum li fih irid isir it-twassil ta' xi dokument jaħbat jum ta’ vakanza uffiċjali jew jum ta' mistrieħ fil-Ġordan jew fil-Komunità, id-dokument jista’ jitwassal fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss. Il-Partijiet jistgħu jiskambjaw bejniethom lista tad-dati tal-vakanzi uffiċjali u l-jiem ta' mistrieħ tagħhom fl-ewwel Tnejn ta' kull Diċembru b'referenza għas-sena li tkun tmiss. L-ebda dokument, notifika jew talba ta' kull xorta m'għandhom jitqiesu li jkunu waslu nhar vakanza uffiċjali jew f'jum ta' mistrieħ.

    8. Skont l-oġġett tad-dispożizzjonijiet tat-tilwima, it-talbiet u n-notifiki kollha indirizzati lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" b'konformità ma' dan il-Protokoll għandha tintbagħat kopja tagħhom ukoll lis-sottokumitati l-oħra rilevanti mwaqqfa skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

    IL-BIDU TAL-ARBITRAĠĠ

    9. (a) Jekk skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll jew tar-Regoli 19, 20 jew 49 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-membri tal-bord tal-arbitraġġ jintgħażlu bil-lottijiet, ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet għandhom ikunu preżenti meta jittellgħu l-lottijiet.(b) Sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien sebat ijiem xogħol mit-twaqqif tiegħu biex jistabbilixxu dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ iqisu xierqa, inklużi r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri, li jkunu skont l-istandards tad-WTO. Il-membri tal-bord tal-arbitraġġ u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f'din il-laqgħa permezz tat-telefown jew ta' konferenza awdjoviżiva.

    10. (a) Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem minn meta jintgħażlu l-arbitri, it-termini ta' referenza tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu:

    "li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, biex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Protokoll u li jiddeċiedi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim.

    (b) Il-Partijiet jeħtieġilhom jinnotifikaw it-termini ta' referenza maqbula lill-bord tal-arbitraġġ fi żmien tlitt ijiem tax-xogħol minn meta jkunu laħqu qbil bejniethom.

    SOTTOMISSJONIJIET INIZJALI

    11. Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tagħti s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara t-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tagħti l-kontrosottomissjoni tagħha bil-mitkub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tat-twassil tas-sottomissjoni bil-miktub inizjali.

    IL-ĦIDMA TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ

    12. Il-president tal-bord tal-arbitraġġ għandu jippresjiedi fil-laqgħat kollha tal-bord. Bord tal-arbitraġġ jista' jiddelega lill-president l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet amministrattivi jew proċedurali.

    13. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'dan il-protokoll, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkuż b’komunikazzjoni bit-telefown, fax jew kollegamenti bil-kompjuter.

    14. L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista’ jippermetti lill-assistenti tiegħu sabiex ikunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

    15. L-abbozzar ta’ kull deċiżjoni għandha tibqa’ r-responsabbiltà esklużiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma tistax tiġi delegata.

    16. Meta tqum xi kwistjoni proċedurali li mhix koperta mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta l-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

    17. Meta l-bord tal-arbitraġġ iqis li hemm il-ħtieġa li jiġi modifikat xi limitu ta' żmien applikabbli fil-proċedimenti jew li jagħmel xi aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, dan għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet bir-raġunijiet għall-bidliet jew l-aġġustament u bil-perjodu jew aġġustament li jkun meħtieġ. Il-bord tal-arbitraġġ jista' jadotta din il-bidla jew modifika bħal din wara li jkun ikkonsulta lill-Partijiet. Il-limiti ta' żmien fi ħdan l-Artikolu 8 Paragrafu 2 ta' dan il-Protokoll ma jistgħux jiġu emendati.

    SOSTITUZZJONI

    18. Jekk arbitru ma jkunx jista' jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira ruħu, jew jeħtieġ li jiġi sostitwit, għandu jintgħażel wieħed ieħor biex jeħodlu postu skont l-Artikolu 6 Paragrafu 3.

    19. Meta Parti tqis li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għaldaqstant għandu jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun intebħet biċ-ċirkustanzi tal-vjolazzjoni materjali tal-Kodiċi tal-Kondotta min-naħa tal-arbitru.

    Meta Parti tqis li xi arbitru għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-arbitru u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 Paragrafu 3 ta' dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel l-arbitru, kull waħda mill-Partijiet tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord tal-arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun waħda finali.

    Jekk il-president isib li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha jagħżel/tagħżel arbitru ġdid bix-xorti minn fost il-ġabra ta' individwi msemmija fl-Artikolu 19 Paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll li tagħha kien Membru l-arbitru oriġinali. Jekk l-arbitru oriġinali kien intgħażel mill-Partijiet skont l-Artikolu 6 Paragrafu 2 ta' dan il-protokoll, is-sostitut għandu jintgħażel bix-xorti minn fost il-ġabriet ta' individwi li jkunu ġew proposti mill-Parti li tressaq l-ilment u minn Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment skont l-Artikolu 19 Paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll. L-għażla tal-arbitru l-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta titressaq it-talba lill-president tal-bord tal-arbitraġġ.

    20. Meta xi Parti tqis li l-president tal-bord tal-arbitraġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-president u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 Paragrafu 3 ta' dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed mill-membri li jkun għad fadal fost il-ġabra ta' individwi magħżula sabiex jagħmluha ta' presidenti skont l-Artikolu 19 Paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll. Ismu jew isimha għandu jittella' bix-xorti mill-presidenti tas-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", jew minn delegat tal-presidenti. Id-deċiżjoni ta' din il-persuna dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president għandha tkun waħda finali.

    Jekk din il-persuna tiddeċiedi li l-president oriġinali ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha jagħżel/tagħżel president ġdid bix-xorti minn fost dawk li jkun għad fadal fost il-ġabra ta' individwi msemmija fl-Artikolu 19 Paragrafu 1 ta' dan il-Protokoll li jistgħu jagħmluha ta' presidenti. Din l-għażla tal-president il-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta titressaq it-talba msemmija f'dan il-paragrafu.

    21. Il-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jiġu sospiżi matul il-perjodu ta' żmien li jittieħed sabiex jitwettqu l-proċeduri provduti fir-Regoli 18, 19 u 20.

    Meta Parti tqis li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għaldaqstant għandu jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum minn meta tkun intebħet biċ-ċirkustanzi tal-vjolazzjoni materjali tal-Kodiċi tal-Kondotta min-naħa tal-arbitru.

    IS-SEDUTI TA' SMIGĦ

    22. Il-president għandu jiffissa d-data u l-ħin tas-seduti ta' smigħ f’konsultazzjoni mal-Partijiet u l-membri l-oħra tal-bord tal-arbitraġġ, u jikkonferma dan bil-miktub lill-Partijiet. Din l-informazzjoni għandha ssir ukoll disponibbli pubblikament mill-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti jekk is-smigħ ikun miftuħ għall-pubbliku. Dment li kull Parti taqbel, il-bord tal-arbitraġġ jista' jiddeċiedi li ma jtellax xi seduta ta' smigħ.

    23. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta' smigħ għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun il-Ġordan u f'Ammam jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun l-Unjoni.

    24. Il-bord tal-arbitraġġ jista' jtella' seduta addizzjonali ta' smigħ f'ċirkustanzi eċċezzjonali biss. Ma jistgħux isiru seduti addizzjonali ta' smigħ għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta' dan il-Protokoll.

    25. L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti mill-bidu sat-tmiem ta' kull seduta ta' smigħ.

    26. Dawn il-persuni jistgħu jkunu preżenti għas-seduta ta' smigħ, irrespettivament minn jekk il-proċeduri jkunux miftuħa għall-pubbliku jew le:

    (a) rappreżentanti tal-Partijiet;

    (b) konsulenti tal-Partijiet;

    (c) persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u relaturi tal-qorti; u

    (d) l-assistenti tal-arbitri.

    Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-Partijiet biss jistgħu jindirizzaw lill-bord tal-arbitraġġ.

    27. Mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data ta' seduta tas-smigħ, kull Parti għandha tipprovdi lill-bord tal-arbitraġġ lista tal-ismijiet ta’ dawk il-persuni li jkunu sejrin jitkellmu matul is-seduta ta' smigħ f’isem dik il-Parti u ta’ rappreżentanti jew konsulenti oħra li jkunu sejrin jattendu s-seduta ta' smigħ.

    28. Is-seduti ta’ smigħ tal-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċiedux mod ieħor. Jekk il-Partijiet jiddeċiedu li s-seduta ta' smigħ tkun magħluqa għall-pubbliku, parti mis-seduta ta’ smigħ tista’ xorta tkun miftuħa għall-pubbliku jekk il-bord tal-arbitraġġ, fuq talba mill-Partijiet, jiddeċiedi li jsir hekk. Madankollu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jiltaqa’ f’seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta’ xi Parti jkun fihom informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    29. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta ta' smigħ kif ġej:

    L-Argument

    (a) l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment

    (b) l-argument tal-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment

    Il-Kontro-Argument

    (a) l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment

    (b) il-kontrorisposta tal-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment

    30. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jindirizza mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet fi kwalunkwe waqt tas-seduta tas-smigħ.

    31. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti, għat-tlestija u t-twassil lill-Partijiet, mill-aktar fis possibbli, tat-traskrizzjoni ta’ kull seduta ta’ smigħ.

    32. Kull Parti tista' tipprovdi sottomissjoni supplimentari bil-miktub fir-rigward ta' kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta ta' smigħ fi żmien għaxart ijiem (10) tax-xogħol mis-seduta ta' smigħ.

    MISTOQSIJIET BIL-MIKTUB

    33. Il-bord tal-arbitraġġ jista’ fi kwalunkwe waqt tal-proċedimenti jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil xi waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Iż-żewġ Partijiet għandhom jirċievu kopja tal-mistoqsijiet kollha magħmula mill-bord tal-arbitraġġ.

    34. Kull Parti għandha wkoll tipprovdi lill-Parti l-oħra kopja tar-risposta tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet li l-bord tal-arbitraġġ ikun għamel. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġiba mogħtija mill-Parti l-oħra sa ħamest ijiem tax-xogħol minn meta din tkun waslet.

    IL-KUNFIDENZJALITÀ

    35. Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti tas-smigħ tal-bord tal-arbitraġġ meta s-seduti ta' smigħ jittellgħu fil-magħluq, skont ir-Regola 28. Kull Parti għandha tqis bħala kunfidenzjali kull informazzjoni mressqa mill-Parti l-oħra quddiem il-bord tal-arbitraġġ li dik il-Parti tkun iddefiniet bħala kunfidenzjali. Meta Parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ, din jeħtieġilha wkoll, fuq talba tal-Parti l-oħra, tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fis-sottomissjonijiet li jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mhux aktar tard minn 15-il jum wara li tkun saret it-talba jew is-sottomissjoni, skont liema minnhom isseħħ l-aħħar. Xejn f'dawn ir-regoli ma jżomm lil xi Parti milli tiżvela lill-pubbliku stqarrijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha nfisha.

    KUNTATTI EX PARTE

    36. Il-bord tal-arbitraġġ m'għandux jiltaqa’ ma’ xi Parti jew jikkuntattjaha fl-assenza tal-Parti l-oħra.

    37. L-ebda membru tal-bord tal-arbitraġġ m'għandu jiddiskuti kwalunkwe aspett tas-suġġett tal-proċedimenti ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

    SOTTOMISSJONIJIET AMICUS CURIAE

    38. Sakemm il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor sa ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, l-istess bord jista’ jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba, dejjem jekk dawn isiru fi żmien għaxart ijiem (10) mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, u li jkunu konċiżi u f'kull każ mhux itwal minn 15-il faċċata ttajpjata, inklużi kwalunkwe annessi, u li jkunu direttament rilevanti għall-kwistjoni fattwali li jkun qiegħed jikkunsidra l-bord tal-arbitraġġ.

    39. Is-sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, sew naturali jew ġuridika, inkluża n-natura tal-attivitajiet tagħha u s-sorsi ta’ finanzjament, u tispeċifika n-natura tal-interess li dik l-istess persuna jkollha fil-proċediment tal-arbitraġġ. Din għandha tinkiteb bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont ir-Regoli 42 u 43 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

    40. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva li jkunu konformi mar-regoli msemmija qabel. Il-bord tal-arbitraġġ m'għandu l-ebda obbligu li jindirizza, fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti mressqa f’sottomissjonijiet bħal dawn. Kull sottomissjoni li jikseb il-bord tal-arbitraġġ skont din ir-regola għandha tiġi sottomessa lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom.

    KAŻIJIET URĠENTI

    41. F'każijiet ta' urġenza msemmija f'dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, għandu jaġġusta l-limiti ta' żmien imsemmija f'dawn ir-regoli skont kif ikun jixraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar aġġustamenti bħal dawn.

    IT-TRADUZZJONI U L-INTERPRETAZZJONI

    42. Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.2 ta' dan il-Protokoll, u mhux aktar tard mil-laqgħa msemmija fir-Regola 9(b) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu qbil fuq lingwa ta' ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord tal-arbitraġġ.

    43. Jekk il-Partijiet ma jirnexxielhomx jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni, kull Parti għandha tagħmel l-arranġamenti u tħallas għall-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha għal-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra.

    44. Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tagħmel l-arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-fomm għal-lingwi magħżula mill-Partijiet.

    45. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jiġu nnotifikati bil-lingwa jew lingwi magħżula mill-Partijiet.

    46. Kwalunkwe Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar kull verżjoni tradotta ta’ xi dokument li jkun tħejja skont dawn ir-regoli.

    KALKOLU TAL-LIMITI TA' ŻMIEN

    47. Meta, minħabba l-applikazzjoni tar-Regola 7 ta' dawn ir-Regoli ta' proċedura, xi Parti tirċievi dokument f’data differenti minn dik meta l-Parti l-oħra tkun irċeviet l-istess dokument, kull perjodu ta’ żmien li jinħadem abbażi tad-data tal-wasla ta’ dak id-dokument għandu jiġi kkalkulat mill-aħħar data li fiha jkun wasal dak id-dokument.

    PROĊEDURI OĦRA

    48. Dawn ir-Regoli ta' proċedura huma applikabbli wkoll għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta' dan il-Protokoll. Madankollu, il-limiti ta' żmien stabbiliti f'dawn ir-Regoli ta' proċedura għandhom jiġu aġġustati skont il-limiti ta' żmien speċjali stipulati għall-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-bord tal-arbitraġġ f'dawk il-proċeduri l-oħra.

    49. F'każ li l-bord oriġinali, jew xi wħud mill-membri tiegħu, ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mill-ġdid għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) tal-Protokoll, għandhom japplikaw il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll. Il-limitu ta' żmien għan-notifika tad-deċiżjoni għandu jiġi estiż għal 15-il jum.

    ANNESS II

    KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U L-MEDJATURI

    Definizzjonijiet

    1. F’din il-Kodiċi tal-Kondotta:

    (a) "membru" jew "arbitru" tfisser membru ta' bord tal-arbitraġġ imwaqqaf effettivament skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll;

    (b) "medjatur" tfisser persuna li tmexxi medjazzjoni skont l-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll;

    (c) “kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala membru ta' bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll;

    (d) “assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' xi membru, tmexxi, tirriċerka jew tipprovdi l-assistenza lill-membru;

    (e) “proċediment”, fejn mhux speċifikat mod ieħor, tfisser proċediment ta’ bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll;

    (f) "persunal", fir-rigward ta' xi membru, tfisser persuni taħt it-tmexxija jew il-kontroll tal-membru, minbarra l-assistenti.

    Responsabbiltajiet lejn il-proċess

    2. Kull kandidat u kull membru għandu jevita kondotta mhux xierqa u l-impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa, għandu jkun independenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta’ interess diretti jew indiretti u għandu josserva l-ogħla standards ta’ kondotta sabiex jinżammu l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu li jwassal għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-membri preċedenti għandhom josservaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 15, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta.

    Obbligi dwar x'għandu jiġi żvelat

    3. Qabel ma tiġi kkonfermata l-għażla ta' xi membru tal-bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll, kandidat għandu jiżvela kwalunkwe interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li għandhom imnejn jolqtu l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu jew tagħha jew li jafu b'mod raġonevoli joħolqu impressjoni ta' kondotta mhux xierqa jew ta' xaqlib lejn xi naħa fil-proċediment. Għal dan il-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi raġonevoli kollha sabiex isir konxju ta' kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni ta' dan it-tip.

    4. Kandidat jew membru għandhom jikkomunikaw biss affarijiet marbuta mal-ksur attwali jew potenzjali ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment" sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    5. Wara li jintgħażel, membru għandu jibqa' jagħmel kull sforz raġonevoli biex isir konxju ta' kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta' din il-Kodiċi tal-Kondotta u għandu jiddikjarahom. L-obbligu li dawn ikunu ddikjarati huwa dover kontinwu li jirrikjedi li l-membri kollha jiddikjaraw interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li jistghu jfeġġu waqt kull stadju tal-proċediment. Membru għandu jiżvela interessi, relazzjonijiet u kwistjonijiet ta' dan it-tip billi jinforma bil-miktub lis-sottokumitat "l-industrija, il-kummerċ, is-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment", sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    Id-dmirijiet tal-membri

    6. Meta persuna tinħatar membru din għandha twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod sħiħ u bla dewmien matul il-proċediment, u b’mod ġust u serju.

    7. Membru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jitqajmu waqt il-proċediment u li jitqiesu neċessarji biex tittieħed deċiżjoni u m'għandu jiddelega dan id-dover lil ebda persuna oħra.

    8. Membru għandu jieħu l-passi kollha xierqa sabiex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji mill-Artikoli 2, 3, 4, 5, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta u josservawhom.

    9. Membru m'għandux jagħmel kuntatti ex parte dwar il-proċediment.

    L-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri

    10. Membru għandu jkun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa jew imxaqilba lejn xi naħa jew oħra u m'għandux jiġi influwenzat minn interess personali, pressjoni esterna, konsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, u lealtà lejn xi Parti jew biża’ mill-kritika.

    11. Membru m'għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal xi obbligu jew jaċċetta xi benefiċċju li jista’ b’xi mod itellef, jew jidher li jtellef, it-twettiq xieraq tad-doveri tiegħu.

    12. Membru m'għandux jinqeda bil-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord tal-arbitraġġ għall-aġevolment ta’ xi interessi personali jew privati u għandu jevita azzjonijiet li jagħtu l-impressjoni li ħaddieħor jinsab f’pożizzjoni speċjali li jinfluwenzah.

    13. Membru m'għandux iħalli r-relazzjonijiet jew ir-responsabbiltajiet finanzjarji, kummerċjali, professjonali, familjari jew soċjali jinfluwenzaw l-imġiba jew il-ġudizzju tiegħu.

    14. Membru għandu jevita li jidħol f’xi relazzjoni jew jakkwista xi interess finanzjarju li aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista’ raġonevolment jagħti l-impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa jew ta' xaqlib lejn xi naħa jew oħra.

    L-obbligazzjonijiet tal-membri preċedenti

    15. Il-membri kollha preċedenti għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li kienu jxaqilbu lejn xi naħa jew oħra fit-twettiq ta' dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    Kunfidenzjalità

    16. Ebda membru jew membru preċedenti ma għandu fi kwalunkwe ħin jiżvela jew juża informazzjoni mhux pubblika relatata ma’ xi proċediment jew miksuba matul proċediment ħlief għall-iskopijiet tal-proċediment innifsu u m'għandu, f'ebda każ, jiżvela jew juża informazzjoni ta' dan it-tip biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwaw ħażin l-interessi ta’ ħaddieħor.

    17. Membru qatt m'għandu jiżvela deċiżjoni ta' bord tal-arbitraġġ jew partijiet minnha qabel ma din tiġi ppubblikata skont dan il-Protokoll.

    18. Membru jew membru preċedenti qatt m'għandu jiżvela d-deliberazzjonijiet ta' bord tal-arbitraġġ, jew l-opinjoni ta' xi membru.

    Spejjeż

    19. Kull membru għandu jżomm dokumentat u jagħti rendikont finali tal-ħin iddedikat għall-proċedura u tal-ispejjeż tiegħu jew tagħha.

    Medjaturi

    20. Id-dixxiplini mfissra f'din il-Kodiċi tal-Kondotta kif japplikaw għall-membri jew il-membri preċedenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis , għall-medjaturi.

    * *

    *

    [1] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll huma bla ħsara għall-Artikolu 34 tal-Protokoll dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ «prodotti ta’ oriġini» u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

    Top