Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0303

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fil-Kunsill Dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra

    /* KUMM/2010/0303 finali - NLE 2010/0164 */

    52010PC0303

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fil-Kunsill Dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra /* KUMM/2010/0303 finali - NLE 2010/0164 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 24.6.2010

    KUMM(2010)303 finali

    2010/0164 (NLE)

    Proposta għal

    Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fil-Kunsill

    Dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1. Kuntest tal-proposta |

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Il-Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra, kien innegozjat b’mandat mogħti mill-Kunsill f’Novembru tal-2007. Is-servizzi tal-ajru bejn l-UE u l-Ġordan fil-preżent joperaw fuq il-bażi ta’ ftehimiet bilterali bejn l-Istati Membri individwali u l-Ġordan. Hija parti mill-politika tal-UE tal-viċinat li tissostitwixxi dan in-netwerk ta' ftehimiet bilaterali permezz tal-istabbiliment ta' Spazju Komuni Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-UE u s-Sħab Mediterranji tagħha. Il-Ftehim jimmira lejn: - il-ftuħ gradwali tas-suq f’termini ta’ aċċess għal rotot u l-kapaċità fuq bażi reċiproka; - in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-għoti ta’ opportunitajiet indaqs għall-operaturi ekonomiċi abbażi tal-prinċipji tat-Trattati tal-UE; - l-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni tal-Ġordan mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet bħas-sikurezza, is-sigurtà u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Il-Ftehim isemmi l-possibbiltà li l-Ftehim jiġi estiż sabiex joħloq Spazju Komuni Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni mas-Sħab Mediterranji l-oħrajn kollha. |

    Kuntest ġenerali Il-mandat għan-negozjati ffissa l-għan li jiġi stabbilit Spazju Komuni Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan. Dan ikun jestendi r-regoli u d-dispożizzjonijiet tas-suq uniku għat-trasport bl-ajru fl-UE fil-parti l-kbira għall-Ġordan li fih il-linji tal-ajru Ewropej u tal-Ġordan jkunu jistgħu jipprovdu servizzi tal-ajru mingħajr ebda restrizzjoni. Abbażi tad-direttivi tal-innegozjar tal-mandat, ingħata bidu għal abbozz ta' Ftehim mal-Ġordan miż-żewġ naħat fis-17 ta’ Marzu 2010. |

    Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jieħdu post il-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u l-Ġordan. |

    Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni Il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni mal-Ġordan kien ta’ prijorità għall-UE u huwa element importanti fl-iżvilupp tal-politika esterna tal-UE tal-viċinat, kif identifikat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2005) 79 finali "L-iżvilupp ta’ aġenda għall-politika esterna tal-avjazzjoni tal-Unjoni" u l-Komunikazzjoni COM (2008) 596 finali "Żona tal-Avjazzjoni Komuni mal-Pajjiżi Ġirien sal-2010 - Rapport ta' progress". |

    2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt |

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

    Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali ta' dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni Matul il-proċess tan-negozjati, il-Kummissjoni ikkonsultat mal-partijiet interessati partikolarment permezz ta' laqgħat regolari tal-Kumitat Speċjali u tal-Forum Konsultattiv li kienu jiġbru fihom rappreżentanti tat-trasportaturi tal-ajru, l-ajruporti u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema. |

    Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu Il-kummenti kollha tal-partijiet interessati ġew meqjusa fit-tħejjija tal-pożizzjoni tan-negozjati tal-Unjoni. |

    Ġbir u użu tal-kompetenzi |

    Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna. |

    Valutazzjoni tal-impatt Il-Ftehim jiżgura l-istabbiliment gradwali ta' Spazju Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni mal-Ġordan. Rapport imħejji fl-2007 minn konsulenti għall-Kummissjoni, stima li Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni mal-Ġordan għandu jiġġenera 54,000 passiġġier aktar u sa EUR 30 miljun f’benefiċċji għall-konsumaturi fl-ewwel sena effettiva tal-ftuħ tas-suq. Ir-rapport sar disponibbli għall-Istati Membri u l-partijiet interessati permezz tal-bażi tad-dejta CIRCA. Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt li se jkun responsabbli għall-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-effetti tiegħu. |

    3. Elementi legali tal-proposta |

    Sommarju tal-azzjoni proposta Il-Ftehim jikkonsisti fit-test ewlieni li jinkludi l-prinċipji ewlenin, u tliet annessi: L-Anness 1 dwar id-drittijiet tat-traffiku, l-Anness 2 dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali u l-Anness 3 li jinkludi l-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni tal-UE li trid tiġi adottata mill-Ġordan. |

    Bażi legali L-Artikolu 207(5), flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafi (2), (5) u (7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |

    Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. |

    L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin. |

    Bl-istabbiliment ta’ Spazju Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni, il-Ftehim se jestendi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-avjazzjoni għal Ġordan. B’mod partikolari, il-Ġordan se jadotta l-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma importanti bħas-sikurezza, is-sigurtà u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Il-Ftehim se jissostitwixxi l-arranġamenti eżistenti magħmula minn Stati Membri individwali. Fl-istess ħin il-Ftehim joħloq, għat-trasportaturi tal-ajru kollha tal-Unjoni, kondizzjonijiet uniformi għall-aċċess għas-suq, u jistabbilixxi arranġamenti ġodda għall-kooperazzjoni regolatorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġordan fl-oqsma li huma essenzjali għal operazzjoni sikura, sigura, u effiċjenti tas-servizzi tal-ajru. Dawn l-arranġamenti jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni għaliex jinvolvu għadd ta' oqsma li huma tal-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. |

    Azzjoni mill-Unjoni tikseb aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin: |

    Il-Ftehim jippermetti l-estensjoni simultanja tat-termini tiegħu għas-27 Stat Membru, bl-applikazzjoni tal-istess regoli mingħajr diskriminazzjoni u ta’ benefiċċju għat-trasportaturi tal-ajru kollha tal-Unjoni irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Dawn it-trasportaturi issa jistgħu joperaw liberament minn kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea lejn kwalunkwe post ieħor fil-Ġordan, li bħalissa mhux il-każ. |

    It-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha għall-aċċess għas-suq bejn l-UE u l-Ġordan mhux biss ser tattira entitajiet ġodda biex jidħlu fis-suq u toħloq opportunitajiet biex joperaw lejn ajruporti inqas moqdija, imma se tħaffef ukoll il-konsolidazzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-UE. |

    Il-Ftehim jassigura aċċess għat-trasportaturi kollha tal-ajru tal-UE għal opportunitajiet kummerċjali, bħall-possibbiltà li jistabbilixxu l-prezzijiet liberament. Għan ieħor tal-mandat huwa li jinħolqu opportunitajiet indaqs bejn it-trasportaturi tal-ajru kollha tal-UE u dawk tal-Ġordan, u dan jirrikjedi kooperazzjoni regolatorja b'saħħitħa li tista’ tingħata biss fil-livell tal-Unjoni. |

    Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

    Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin. |

    Se jkun stabbilit Kumitat Konġunt biex jiddiskuti affarijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt se jkattar l-iskambji fil-livell ta’ esperti dwar inizjattivi jew żviluppi leġiżlattivi jew regolatorji ġodda u jqis l-oqsma potenzjali għal żvilupp akbar tal-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt se jkun kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. |

    Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkomplu jwettqu l-ħidmiet amministrattivi tradizzjonali li huma jwettqu fil-kuntest tat-trasport internazzjonali bl-ajru, imma skont regoli komuni applikati b’mod uniformi. |

    Għażla tal-istrumenti |

    L-istrumenti proposti: ftehim internazzjonali |

    Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni(jiet) li ġejja/ġejjin. Ir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni esterna jista’ jkollhom effett biss permezz ta’ ftehimiet internazzjonali. |

    4. Implikazzjoni baġitarja |

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. |

    2010/0164 (NLE)

    Proposta għal

    Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fil-Kunsill

    Dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI LI LTAQGĦU FI ĦDAN IL-KUNSILL

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(5), flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafi (2), (5) u (7) tiegħu,

    Billi

    1. il-Kummissjoni nnegozjat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri, Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim”) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati;

    2. il-Ftehim ġie inizjalat fis-17 ta’ Marzu 2010;

    3. il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jkun iffirmat u applikat provviżorjament mill-Unjoni u l-Istati Membri, suġġett għall-konklużjoni potenzjali f’data aktar tard;

    4. huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti arranġamenti proċedurali għat-teħid tad-deċiżjonijiet, jekk ikun adattat, dwar kif tintemm l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim. Huwa meħtieġ ukoll li jkunu stabbiliti arranġamenti proċedurali adattati għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-Kumitat Konġunt imwaqqaf skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim u fil-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim previsti fl-Artikolu 22 tal-Ftehim, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw is-sigurtà u s-sikurezza.

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1 (Firma)

    1. L-iffirmar tal-Ftehim Ewro-Mediterranju għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim”), huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, suġġett għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim. It-test tal-ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    2. Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 2 (Applikazzjoni provviżorja)

    Sad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Ftehim għandu jkun applikat fuq bażi provviżorja mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, mill-ewwel jum tax-xahar ta' wara li jiġi l-iktar kmieni (i) mid-data tal-aħħar nota li biha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa biex il-Ftehim jiġi applikat provviżorjament, jew (ii) mid-data li tiġi 12-il xahar mid-data tal-firma tal-Ftehim.

    Artikolu 3 (Kumitat Konġunt)

    1. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikunu rappreżentati fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri.

    2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kompetenza esklussiva tal-UE li ma jeħtiġux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha effett legali se tkun stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u se tkun notifikata bil-quddiem lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

    3. Għal deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha se tkun adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea, sakemm il-proċeduri applikabbli ta' votazzjoni stabbiliti fit-Trattati tal-UE ma jipprovdux mod ieħor.

    4. Għal deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri se tkun adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Istati Membri, sakemm Stat Membru jkun informa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni ta' dik il-pożizzjoni li jista’ jagħti l-kunsens biss għad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kumitat Konġunt bil-qbil tal-korpijiet leġiżlattivi tiegħu.

    Artikolu 4 (Soluzzjoni ta’ Tilwim)

    1. Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni u lill-Istati Membri fil-proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 22 tal-Ftehim.

    2. Id-deċiżjoni li tkun sospiża l-applikazzjoni ta’ benefiċċji skont l-Artikolu 22(7) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

    3. Kwalunkwe azzjoni xierqa oħra li tkun trid tittieħed taħt l-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni, bl-assistenza ta' Kumitat Speċjali ta' rappreżentanti tal-Istati Membri maħtura mill-Kunsill.

    Artikolu 5 (Tagħrif lill-Kummissjoni)

    1. L-Istati Membri għandhom jinformaw bil-quddiem lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha huma jirrifjutaw, jirrevokaw, jissospendu jew jillimitaw l-awtorizzazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li huma jkunu beħsiebhom jadottaw skont l-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim.

    2. L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe talba jew notifika magħmula minnhom jew li tasal għandhom skont l-Artikolu 13 (Sigurtà [Sikurezza] tal-avjazzjoni) tal-Ftehim.

    3. L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe talba jew notifika magħmula minnhom jew li tasal għandhom skont l-Artikolu 14 (Sigurtà [Sikurezza] tal-avjazzjoni) tal-Ftehim.

    Magħmul fi Brussell, […]

    Għall-Kunsill

    Il-President […]

    Top