Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0145

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar

    /* KUMM/2010/0145 finali - COD 2010/0080 */

    52010PC0145

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar /* KUMM/2010/0145 finali - COD 2010/0080 */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 29.4.2010

    KUMM(2010)145 finali

    2010/0080 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. L-emendi proposti għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar[1] huma maħsuba biex jiżguraw il-koerenza bejn ir-Regolament u elementi oħra tal-qafas leġiżlattiv rilevanti. F'ċerti każijiet, l-esperjenza wriet il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ikunu adattati xi ftit biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet. Huwa propost ukoll li għandu jiġi ċċarat, fejn ikun meħtieġ, l-ambitu tal-miżuri ffinanzjati u sabiex jittejjeb il-mod li bih huma mfassla xi artikoli.

    Din ir-reviżjoni ma tinvolvi l-ebda tibdil fundamentali għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006: l-għanijiet, it-tip ta' miżuri ffinanzjati, l-arkitettura u l-pakkett finanzjarju mhumiex milquta.

    2. Modifiki minħabba l-evoluzzjoni tal-qafas leġiżlattiv:

    L-Artikoli 2(b), 3(b), 5, 9, 10, 16, 17, 22 u l-intestatura tat-taqsima 2. L-ambitu tal-qafas il-ġdid għall-ġbir tad-dejta[2] huwa akbar mill-qafas ta' qabel[3]. Ma jkoprix biss il-ġbir tad-dejta mill-Istati Membri imma wkoll il-ġestjoni u l-użu tagħha. Filwaqt li l-kliem tat-test attwali tar-Regolament hija wiesgħa biżżejjed biex tkopri l-ġestjoni u l-użu tad-dejta, id-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq ġew emendati sabiex jinkudu referenza ċara għal dan fl-interess taċ-ċertezza legali.

    L-Artikolu 12(c) ġie mfassal mill-ġdid biex jirrifletti l-fatt li fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/409/KE tal-11 ta' Ġunju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2004/585/KE li tistabbilixxi Kunsilli Konsultattivi Reġjonali taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd][4], il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali ngħataw l-istatus ta' korpi li jsegwu għan ta' interess ġenerali Ewropew. Jistgħu jingħataw appoġġ finanzjarju biex jiġu koperti l-ispejjeż operattivi tagħhom u r-restrizzjoni li llimitat l-appoġġ għall-fażi tagħhom tal-bidu tħassret.

    L-Artikolu 5 ġie emendat biex jirrifletti d-dispożizzjonijiet dwar il-qafas il-ġdid għall-ġbir tad-dejta, li fil-kuntest tiegħu, id-dejta li għandha tinġabar tkun tinkorpora wkoll varjabbli soċjoekonomiċi fis-settur tas-sajd, l-akkwakultura u l-ipproċessar, bħad-dħul, l-ispejjeż kapitali, l-impjiegi, eċċ. Dawn l-elementi huma previsti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 949/2008 tas-6 ta' Novembru 2008 li tadotta programm Komunitarju multiannwali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd[5], b'mod partikolari l-Appendiċijiet VI, X u XII.

    L-Artikolu 9 ġie riformulat u simplifikat sabiex id-deskrizzjoni tiġi allinjata ma' oqsma oħra ta' nfiq koperti mir-Regolament billi jiġu identifikati biss il-kategoriji ewlenin ta' miżuri. Il-miżuri eliġibbli huma definiti fid-dettall mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd[6].

    L-Artikoli 16 u 24 ġew emendati sabiex jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-qafas il-ġdid għall-ġbir tad-dejta li jiddefinixxu fid-dettall il-proċeduri ta' pprogrammar fl-Artikoli 4, 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 u l-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 tal-14 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008[7].

    L-Artikolu 23 tħassar għaliex skada żmienu peress li l-proċeduri ta' pprogrammar issa huma ddefiniti fil-qafas il-ġdid għall-ġbir tad-dejta.

    3. Emenda limitata tal-ambitu ta' ċerti miżuri sabiex il-ħtiġijiet jiġu indirizzati b'mod aħjar:

    L-Artikolu 11 huwa emendat sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiffirma kuntratti ta' prokura mal-korpi internazzjonali inkarigati mill-valutazzjonijiet tal-istokkijiet.

    L-Artikoli 12(a) u 18(2) ġew adattati sabiex il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati l-ispejjeż marbuta mat-tħejjija tal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura (ACFA) tiġi estiża għal organizzazzjonijet rappreżentattivi oħra fl-ACFA. Il-possibbiltà diġà teżisti għal Organizzazzjonijiet Kummerċjali Ewropej. Barra minn hekk, l-artikolu issa jagħti lok għall-appoġġ finanzjarju għat-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u l-ispejjeż tal-kiri tal-kmamar marbuta ma' dawn il-laqgħat.

    L-Artikolu 20(1) ġie emendat biex id-data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ Komunitarju tiġi avvanzata. Dan huwa maħsub biex jiġu mgħaġġla l-proċeduri u l-implimentazzjoni tal-programm.

    L-Artikolu 20(2) ġie emendat sabiex jagħti deskrizzjoni aktar dettaljata tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta sabiex tiġi standardizzata d-dejta li tasal fir-rigward tal-proġetti u sabiex tissaħħaħ il-ġestjoni finanzjarja tajba. Jispeċifika wkoll l-informazzjoni meħtieġa għal proġetti konġunti mwettqa minn aktar minn Stat Membru wieħed.

    L-Artikolu 20(3)(b) emendat jesiġi li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-mekkaniżmi li jippermettu l-verifikar tal-użu ta' riżorsi kofinanzjati ta' kontroll.

    Artikolu 20(4) ġdid huwa maħsub biex itejjeb it-trażmissjoni tad-dejta dwar il-proġetti.

    4. Kjarifika tal-ambitu tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu:

    L-Artikolu 32(a). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/439/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità b’riżq l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri għall-ġbir tad-dejta, u biex jiġu ffinanzjati studji u proġetti pilota biex tiġi esegwita l-politika komuni tas-sajd[8], ġiet revokata mir-Regolament tal-Kunsill 861/2006 b'effett mill-1 ta' Jannar 2007, peress li ħafna mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dik id-deċiżjoni ġew inkorporati fir-regolament. Madankollu, ċerti elementi ma kinux koperti, b'mod partikolari r-rata aktar baxxa ta' kofinanzjament, ta' 35%, għal programmi estiżi (l-Artikolu 3, it-tieni (2) inċiż), regoli aktar dettaljati dwar it-tressiq ta' programmi u previżjonijiet finanzjarji, rapporti tekniċi u finanzjarji, modalitajiet tal-ħlas mill-Kummissjoni (l-Artikoli 4 u 6) u d-definizzjoni tal-ispejjeż eliġibbli taħt il-programmi nazzjonali (l-Anness għad-Deċiżjoni). Peress li ma ġewx adottati regoli tal-implimentazzjoni li jkopru dawn l-elementi, kien hemm nuqqas ta' regoli stabbiliti biex ikopru l-programmi nazzjonali fl-2007 u l-2008 minkejja li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni komplew jaħdmu abbażi tar-regoli preċedenti. Din is-sitwazzjoni kompliet sal-adozzjoni tal-qafas il-ġdid għall-ġbir tad-deja u fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jkun iċċarat li ċerti dispożizzjonijiet baqgħu japplikaw għall-programmi nazzjonali tal-2007 u l-2008.

    L-Artikolu 7(c) ġie ċċarat biex jindika li s-sħubijiet fl-arena internazzjonali jistgħu jkunu fuq livell bilaterali, reġjonali jew multilaterali.

    L-Artikolu 8(a)(i) u (iii) tfassal mill-ġdid sabiex jipprovdi ċ-ċarezza u ċ-ċertezza fuq in-nefqa eliġibbli. Barra minn hekk, l-azzjonijiet previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[9] jissemmew b'mod espliċitu, jiġifieri sistemi ta' individwazzjoni tal-bastimenti, sistemi awtomatiċi ta' identifikazzjoni, skambju u analiżi tad-dejta bejn l-Istati Membri, l-istabbiliment ta' websajts marbuta mal-kontroll tas-sajd.

    Fl-Artikolu 8(a)(ii) il-kliem "ħaddiema taċ-ċivil" inbidel b'"persunal" minħabba l-possibbiltà li l-parteċipanti fit-taħriġ, minkejja li jirrappreżentaw l-awtorità ta' Stat Membru, mhux bilfors huma ħaddiema taċ-ċivil".

    Fl-Artikolu 8(a)(v) il-kliem "sajd irresponsabbli u illegali" jinbidel bil-formulazzjoni "sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat", li hija dik użata b'mod partikolari fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008.

    L-Artikolu 8(b) ġie emendat biex jirrifletti aħjar il-kompiti mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li mhux biss janalizza l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll, iżda għandu wkoll rwol konsultattiv u huwa involut fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda.

    L-Artikolu (8)(d) ġie emendat biex titħassar kategorija superfluwa ta' nfiq għall-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd

    L-Artikolu 12(b). Ġiet emendata l-lista ta' korpi konsultattivi għal-laqgħat li għalihom is-sessjonijiet tal-ACFA jaħtru rappreżentant.

    L-Artikolu 13(e) ġie emendat biex jirrifletti l-firxa ta' kooperazzjoni li jista' jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

    5. Barra minn hekk, saru emendi biex jittejjeb u jiġi ċċarat il-kliem tat-test tar-Regolament fil-premessa (12) u l-Artikoli 2(b), 3(b), 5, 10, 13(e), 18(3), 20(1), 24.

    6. L-emendi mdaħħla b'din il-proposta għal emenda ma jġibu magħhom l-ebda konsegwenza finanzjarja għall-baġit tal-UE. Se jippermettu biss eżekuzzjoni aħjar tal-ammonti tal-baġit kif ikkwantifikati fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja mehmuża mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006.

    2010/0080 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Wara t-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar[10], jipprovdi għall-finanzjament fl-oqsma li ġejjin: relazzjonijiet internazzjonali, governanza, ġbir tad-dejta u pariri xjentifiċi u kontroll u infurzar tal-Politika Komuni tas-Sajd.

    (2) F'kull qasam tal-azzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 huwa kkompletat minn regolamenti jew deċiżjonijiet oħra. Mill-adozzjoni tar-Regolament 861/2006 'l hawn, evolvew diversi elementi tal-leġiżlazzjoni relatata, li għandhom jiġu emendati sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-elementi kollha tal-qafas leġiżlattiv.

    (3) L-esperjenza wriet il-ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament ħalli jiġu adattati xi ftit ċerti dispożizzjonijiet biex jissodisfaw aktar il-ħtiġijiet.

    (4) Huwa propost ukoll li għandu jiġi ċċarat, fejn ikun meħtieġ, l-ambitu tal-miżuri ffinanzjati u sabiex jittejjeb il-mod li bih huma mfassla xi artikoli.

    (5) Is-sħubijiet fl-arena internazzjonali jistgħu jkunu fuq livell bilaterali, reġjonali jew multilaterali.

    (6) Il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali ngħataw l-istatus ta' korpi li jsegwu għan ta' interess ġenerali Ewropew fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 409/2007/KE tal-11 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2004/585/KE li tistabbilixxi l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd[11] u dan għandu jirriflettih ir-Regolament.

    (7) Għal-laqgħat ta' tħejjija tal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwakultura (ACFA), għandu jkun hemm il-possibbiltà ta' appoġġ finanzjarju lir-rappreżentanti minbarra dawk tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Kummerċ u wkoll għall-ispejjeż għall-finanzjament tat-traduzzjoni, interpretazzjoni u kiri ta' kmamar. Għandha tiġi emendata l-lista ta' korpi konsultattivi għal-laqgħat li għalihom is-sessjonijiet tal-ACFA jaħtru rappreżentant.

    (8) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd[12], wessa' l-ambitu tal-ġbir tad-dejta sabiex jiġu koperti l-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta u dan għandu jkun rikonoxxut b'mod espliċitu fir-Regolament.

    (9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 949/2008/KE tas-6 ta' Novembru 2008 li tadotta programm Komunitarju multiannwali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd[13] tipprovdi li d-dejta li għandha tinġabar tinkorpora varjabbli soċjoekonomiċi.

    (10) Miżuri eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju mill-Komunità fil-qasam tal-ġbir tad-dejta u l-parir xjentifiku huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 199/2008, u r-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandu jkun allinjat ma' dawk id-definizzjonijiet.

    (11) Il-miżuri ta' pprogrammar fil-qasam tal-ġbir tad-dejta u l-parir xjentifiku huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 199/2008 u r-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 tal-14 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008[14].

    (12) Għadd ta' dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/439/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità b'riżq l-ispiża minfuqa mill-Istati Membri għall-ġbir tad-dejta, u biex jiġu ffinanzjati studji u proġetti pilota biex tiġi esegwita l-politka komuni tas-sajd[15], ma ddaħħlux fir-Regolament (KE) 861/2006 u lanqas ma nqalbu f'regoli ta' implimentazzjoni. Dan ħoloq lakuna għas-snin 2007 u 2008 li fihom il-Kummissjoni kellha tapplika r-regoli li kienu fis-seħħ qabel, kif stipulati fid-Deċiżjoni 2000/439/KE. Fl-interess taċ-ċertezza legali għandu jiġi pprovdut retroattivament li dawk ir-regoli baqgħu applikabbli f'dak il-perjodu.

    (13) Huwa meħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tiffirma kuntratti ta' prokura mal-korpi internazzjonali inkarigati mill-valutazzjonijiet tal-istokkijiet.

    (14) L-indikazzjonijiet dwar in-nefqa eliġibbli fil-qasam tal-kontroll għandhom jiġu ppreżentati b'mod aktar ċar u dettaljat u għandha ssir rabta mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[16], u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat[17].

    (15) Il-parteċipanti tat-taħriġ fil-qasam tal-kontroll u tal-infurzar, minkejja li jirrappreżentaw awtorità ta' Stat Membru, mhux bilfors dejjem ikunu impjegati taċ-ċivil. Għaldaqstant, l-infiq imġarrab għat-taħriġ ta' persunal ieħor ukoll għandu jkun eliġibbli għall-miżuri finanzjarji.

    (16) Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka mhux biss janalizza l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll, iżda jaqdi wkoll rwol ta' konsulenza u huwa involut fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda.

    (17) Ir-regoli tal-ipprogrammar għall-infiq ta' kontroll jeħtieġ li jiġu adattati sabiex tittejjeb il-ġestjoni finanzjarja tajba, partikolarment billi tinġieb 'il quddiem id-data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-appoġġ Komunitarju, u billi tiġi speċifikata wkoll l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata fir-rigward tal-proġetti u l-format li bih għandha tiġi pprovduta.

    (18) Ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 861/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1) Fl-Artikolu 2, il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    "(b) miżuri ta' konservazzjoni, ġbir u ġestjoni tad-dejta u l-użu tad-dejta sabiex jiġi ġġenerat il-parir xjentifiku għall-PKS;"

    (2) Fl-Artikolu 3, il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

    "(b) titjib tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta meħtieġa għall-PKS;"

    (3) L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej:

    "Artikolu 5

    Għanijiet speċifiċi fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu tad-dejta u l-parir xjentifiku

    Il-miżuri ta' finanzjament Komunitarju msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11 għandhom jikkontribwixxu għall-għan li jittejbu l-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta u l-parir xjentifiku dwar il-qagħda tar-riżorsi, l-impatt tas-sajd fuq ir-riżorsi u l-ekosistema tal-baħar u fuq il-prestazzjoni tal-industrija tas-sajd, fi ħdan u lil hinn mill-ilmijiet tal-Komunità, billi jkun ipprovdut appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri ħalli jistabbilixxu settijiet ta' dejta aggregati multiannwali li jkunu bbażati fuq ix-xjenza u li jkunu jinkorporaw tagħrif bijoloġiku, tekniku, ambjentali u soċjoekonomiku."

    (4) L-Artikolu 7(1)(c) jinbidel b’dan li ġej:

    "(c) l-iżvilupp, permezz tas-sħubija fuq livell bilaterali, reġjonali jew multilaterali, il-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u tal-kapaċitajiet ta’ kontroll ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġi żgurat sajd sostenibbli u jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tas-settur tas-sajd f’dawk il-pajjiżi billi tittejjeb l-evalwazzjoni xjentifika u teknika tas-sajd ikkonċernat, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd, il-kundizzjonijiet tas-saħħa u l-ambjent kummerċjali fis-settur;"

    (5) l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-punt (a)(i) jinbidel b'dan li ġej:

    "(i) investimenti, marbuta ma' attivitajiet ta' kontroll imwettqa minn korpi amministrattivi jew mis-settur privat, fi:

    - ix-xiri u l-installazzjoni ta' teknoloġija, inkluż il-ħardwer u s-softwer, sistemi ta' individwazzjoni tal-bastimenti (VDS) u netwerks tal-IT li jippermettu l-ġbir, l-amministrazzjoni, il-validazzjoni, l-iżvilupp ta' metodi ta' kampjunar u l-iskambju ta' dejta marbuta mas-sajd;

    - ix-xiri u l-installazzjoni tal-komponenti meħtieġa sabiex jiġi żgurat li t-trażmissjoni tad-dejta mill-atturi involuti fis-sajd u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u tal-Komunità, fosthom il-komponenti meħtieġa għas-sistemi elettroniċi ta' reġistrar u ta' rappurtar (ERS), sistemi ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) u sistemi ta' identifikazzjoni awtomatika (AIS);

    - implimentazzjoni ta' programmi mmirati lejn l-iskambju u l-analiżi tad-dejta bejn l-Istati Membri;

    - ix-xiri u l-immodernizzar tal-mezzi ta' kontroll;

    (b) il-punt (a)(ii) jinbidel b'dan li ġej:

    "(ii) programmi ta' taħriġ u ta' skambju, anke bejn l-Istati Membri, ta' persunal responsabbli għall-monitoraġġ, kontroll u sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd;"

    (c) il-punt (a)(iii) jinbidel b'dan li ġej:

    "(iii) implimentazzjoni ta' proġetti pilota marbuta mal-kontroll tas-sajd, inkluż l-iżvilupp ta' websajts marbuta mal-kontroll;"

    (d) il-punt (a)(v) jinbidel b'dan li ġej:

    "(v) inizjattivi, li jinkludu seminars u għodod tal-midja, immirati lejn it-trawwim ta' kuxjenza, kemm fost is-sajjieda u atturi oħrajn bħal spetturi, prosekuturi pubbliċi u mħallfin, kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS;"

    (e) il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

    "(b) in-nefqa marbuta mal-arranġamenti amministrattivi maċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, jew kwalunkwe korp konsultattiv Komunitarju ieħor, biex jiġu vvalutati u żviluppati teknoloġiji ġodda;"

    (f) il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

    "(d) il-kontribut għall-baġit tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (CFCA) biex tkun koperta n-nefqa għall-persunal, għall-amministrazzjoni u n-nefqa operattiva marbuta mal-pjan ta’ ħidma annwali tas-CFCA."

    (6) L-Artikolu 9 jinbidel b’dan li ġej:

    "Artikolu 9

    Miżuri fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta bażika

    Fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu tad-dejta, in-nefqa li ġejja għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju Komunitarju fil-qafas ta' programmi nazzjonali multiannwali:

    (a) in-nefqa mġarrba għall-ġbir ta' dejta bijoloġika, teknika, ambjentali u soċjoekonomika fir-rigward tas-sajd kummerċjali u rikreattiv, inkluż it-teħid ta' kampjuni, monitoraġġ fil-baħar u stħarriġiet ta' riċerka, u l-ġbir ta' dejta soċjoekonomika fl-industrija tal-akkwakultura u l-ipproċessar, kif stipulati fil-programm Komunitarju multiannwali;

    (b) in-nefqa mġarrba għal miżuri marbuta mal-ġestjoni, l-iżvilupp, it-titjib u l-isfruttar tad-dejta msemmija fil-punt (a);

    (c) in-nefqa mġarrba għal miżuri marbuta mal-użu tad-dejta msemmija fil-punt (a), bħalma huma stimi tal-parametri bijoloġiċi, il-produzzjoni ta' ġabriet ta' dejta għall-analiżi u l-parir xjentifiku;

    (d) in-nefqa mġarrba għall-parteċipazzjoni fil-Laqgħat Reġjonali ta' Koordinazzjoni, laqgħat xjentifiċi rilevanti ta' organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li l-Komunità hija parti kontraenti tagħhom jew inkella osservatriċi u għal korpi internazzjonali inkarigati mill-forniment ta' pariri xjentifiċi."

    (7) l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

    (a) l-intestatura għandha tinbidel b'dan li ġej:

    "Miżuri fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta addizzjonali"

    (b) it-tieni sentenza fl-introduzzjoni tal-paragrafu 1 tinbidel b'dan li ġej:

    "L-attivitajiet li jistgħu jkunu eliġibbli għal miżuri ta' appoġġ finanzjarju Komunitarju għandhom jinkludu:

    (c) il-paragrafu 1 (a) jinbidel b'dan li ġej:

    "(a) studji u proġetti metodoloġiċi mmirati lejn l-aqwa titjib possibbli u l-istandardizzazzjoni tal-metodi tal-ġbir tad-dejta meħtieġa għall-parir xjentifiku;"

    (8) Fl-Artikolu 11, il-punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "(a) in-nefqa għall-kuntratti ta' sħubija ma' istituzzjonijiet nazzjonali tar-riċerka jew korpi internazzjonali inkarigati mill-valutazzjonijiet tal-istokkijiet għall-forniment ta' pariri u dejta xjentifiċi;"

    (9) l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

    "(a) spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni ta' membri ta' organizzazzjonijiet rappreżentattivi fl-ACFA marbuta ma' laqgħat ta' tħejjija qabel il-laqgħat tal-ACFA, kif ukoll spejjeż marbuta mat-traduzzjoni, interpretazzjoni u għall-kiri tal-kmamar imġarrba għal dawk il-laqgħat ta' tħejjija;"

    (b) il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

    "(b) l-ispejjeż għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti maħtura mill-ACFA biex jirrappreżentawha f'laqgħat tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RAC), il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomik għas-Sajd (STECF);"

    (c) il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

    "(c) l-ispejjeż operattivi tal-RACs kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE;"

    (10) Fl-Artikolu 13(1), il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

    "(e) kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji biex isir xogħol fuq programmi mwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali li huma ta' interess speċjali għall-Komunità;"

    (11) l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

    (a) l-intestatura għandha tinbidel b'dan li ġej:

    "Rati ta' kofinanzjament fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta bażika"

    (b) il-kliem "Artikolu 23 (1)" jinbidlu bil-kliem "Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008".

    (12) L-intestatura tal-Artikolu 17 għandha tinbidel b’dan li ġej:

    "Rati ta' kofinanzjament fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta addizzjonali"

    (13) l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

    (a) il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    "2. Id-drittijiet ta' preljev jiġu allokati, skont ftehim ta' finanzjament mal-Kummissjoni, għal kull organizzazzjoni rappreżentattiva li hija membru plenarju tal-ACFA, proporzjonalment għall-intitolamenti fi ħdan il-kumitat plenarju tal-ACFA, u jiddependu mir-riżorsi finanzjarji disponibbli.

    (b) Il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    "3. Dawk id-drittijiet ta' preljev u l-ispiża medja ta' vjaġġ minn membru ta' organizzazzjoni rappreżentattiva għandhom jiddeterminaw l-għadd ta' vjaġġi li kull organizzazzjoni tkun finanzjarjament responsabbli għalihom għall-finijiet ta' tħejjija għal-laqgħat. Mil-limitu kumplessiv tad-dritt ta' preljev, 20% tal-ispiża attwali eliġibbli għandha tinżamm bħala somma globali minn kull organizzazzjoni rappreżentattiva biex tkopri l-ispejjeż organizzattivi u amministrattivi marbuta strettament mal-organizzazzjoni tal-laqgħat ta' tħejjija."

    (14) l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

    "L-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal miżuri ta' finanzjament Komunitarju għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru ta' kull sena ta' implimentazzjoni kkonċernata."

    (b) Il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    "2. Għal kull proġett, il-programm ta' kontroll tas-sajd għandu jispeċifika għal liema miżura msemmija fl-Artikolu 8(a) huwa relatat, l-għan u deskrizzjoni dettaljata bil-punti li ġejjin: is-sid, il-post, l-ispiża stmata, skeda għall-ikkompletar tal-proġett u l-proċedura ta' akkwist pubbliku li għandha tiġi segwita. Meta proġett jitwettaq b'mod konġunt minn aktar minn Stat Membru wieħed, il-programm ta' kontroll tas-sajd għandu jinkludi wkoll lista tal-Istati Membri li jwettqu l-proġett, l-ispejjeż totali stmati għall-proġett kif ukoll l-ispejjeż stmati għal kull Stat Membru."

    (c) fil-paragrafu 3, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

    "(b) kemm-il siegħa jew kemm-il jum fis-sena x'aktarx jintużaw għal finijiet ta' kontroll tas-sajd u liema sistema ġiet stabbilita fl-Istat Membru sabiex ikun possibbli għall-Kumissjoni jew għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jivverifikaw l-użu effettiv għall-finijiet ta' kontroll;"

    (d) għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    "4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-paragrafi 1, 2 u 3 billi jressqu l-formola elettronika kkomunikata lilhom mill-Kummissjoni, kemm elettronikament kif ukoll fil-forma stampata."

    (15) L-intestatura tat-Taqsima 2 għandha tinbidel b’dan li ġej:

    "Proċeduri fil-qasam tal-ġbir, ġestjoni u użu ta’ dejta"

    (16) L-Artikolu 22 jinbidel b’dan li ġej:

    "Artikolu 22

    Dispożizzjoni introduttorja

    Il-kontribut finanzjarju Komunitarju għan-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-dejta bażika dwar is-sajd imsemmija fl-Artikolu 9 għandu jiġi provdut skont il-proċeduri stabbiliti f’din it-Taqsima."

    (17) L-Artikolu 23 għandu jitħassar.

    (18) l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

    (a) l-intestatura għandha tinbidel b'dan li ġej:

    "Deċiżjoni ta' finanzjament tal-Kummissjoni"

    (b) Il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    "1. Abbażi tal-programmi multiannwali mressqa mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 u approvati mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 6(3) ta' dak ir-Regolament, kull sena għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għall-programmi nazzjonali, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2)."

    (c) il-paragrafu 2 jitħassar.

    (19) L-Artikolu 32a li ġej għandu jiddaħħal:

    "Artikolu 32a

    Miżuri tranżizzjonali

    Minkejja l-Artikolu 32 ta' dan ir-Regolament, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3 u tal-Artikoli 4 u 6 tad-Deċiżjoni 2000/439/KE, kif ukoll l-Anness għal dik id-Deċiżjoni, għandhom jibqgħu japplikaw għall-programmi nazzjonali tal-2007 u l-2008 fil-qasam tal-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    [L-Artikolu 1(19) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.]

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [pic][pic][pic]

    [1] ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1

    [2] Il-qafas il-ġdid għall-ġbir tad-dejta magħmul minn diversi atti leġiżlattivi adottati matul l-2008:

    - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1078/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta bażika dwar is-sajd. ĠU L 295, 4.11.2008, p. 24

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd. ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1

    - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 665/2008 tal-14 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd. ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3

    - Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/949/KE tas-6 ta' Novembru 2008 li tadotta programm Komunitarju multiannwali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 dwar l-istabbiliment ta' qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni tas-Sajd. ĠU L 346, 23.12.2008, p. 37

    [3] Il-qafas preċedenti għall-ġbir tad-dejta kien magħmul minn:

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1543/2000 tad-29 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi struttura Komunitarja għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta meħtieġa għat-twettiq tal-politika komuni tas-sajd. ĠU L 176, 15.7.2000, p. 1

    - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1639/2001 tal-25 ta' Lulju 2001 li jistabbilixxi l-programmi minimi u estiżi tal-Komunità għall-ġbir tad-dejta fis-settur tas-sajd u li jniżżel regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1543/2000. ĠU L 222, 17.8.2001, p. 53

    [4] ĠU L 155, 15.6.2007, p. 68

    [5] ĠU L 346, 23.12.2008, p. 37

    [6] ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1

    [7] ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3

    [8] ĠU L 176, 15.7.2000, p. 42

    [9] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1

    [10] ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1

    [11] ĠU L 155, 15.6.2007, p. 68

    [12] ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1

    [13] ĠU L 346, 23.12.2008, p. 37

    [14] ĠU L 186, 15.7.2008, p. 3

    [15] ĠU L 176, 15.7.2000, p. 42

    [16] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1

    [17] ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1

    Top